02018R0764 — MT — 23.11.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/764

tat-2 ta' Mejju 2018

dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 129 25.5.2018, p. 68)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1903 tad-29 ta’ Ottubru 2021

  L 387

126

3.11.2021




▼B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/764

tat-2 ta' Mejju 2018

dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

▼M1

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi t-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 14, 20, 21, u 22 tar-Regolament (UE) 2016/796, inkluż għall-użu minn applikant tal-one-stop shop (“OSS”) previst fl-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Aġenzija, u għall-forniment ta’ servizzi oħrajn f’konformità mal-objettivi li għalihom ġiet stabbilita l-Aġenzija. Jispeċifika wkoll il-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu ta’ dawk it-tariffi u l-imposti u l-kundizzjonijiet tal-ħlas.

▼B

2.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll proċeduri biex jiżguraw it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-prinċipji bażiċi oħra tal-liġi Ewropea f'rabta mal-ispejjeż tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (“NSAs”) għall-ipproċessar nazzjonali ta' parti mill-applikazzjonijiet li għalihom hija responsabbli l-Aġenzija skont l-Artikoli 14, 20, u 21 tar-Regolament (UE) 2016/796.
3.  

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għat-tariffi u l-imposti ċċarġjati għall-attivitajiet tal-NSAs li ġejjin:

(a) 

l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal ċertifikati tas-sikurezza uniċi skont l-Artikolu 10(8) tad-Direttiva (UE) 2016/798 ( 1 ) u l-proċess ta' impenn preliminari stipulat fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763 ( 2 ),

(b) 

l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tal-vetturi għall-kummerċjalizzazzjoni jew l-awtorizzazzjonijiet tat-tip tal-vetturi skont l-Artikoli 21(8) u 24(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 ( 3 ) u l-proċess ta' impenn preliminari stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 ( 4 );

(c) 

l-għoti ta' opinjoni dwar it-talba għal approvazzjoni tat-tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(d) 

l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet temporanji għal testijiet fuq il-post skont l-Artikolu 21(3) u (5) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

▼M1

Artikolu 2

Tipi ta’ tariffi u imposti li jiġu imposti mill-Aġenzija

1.  

L-Aġenzija għandha timponi tariffi:

(a) 

għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet permezz tal-OSS lill-Aġenzija, jekk dawk ma jkunux inklużi fit-tariffi fissi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

(b) 

għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenzija, inkluż għall-ħruġ tal-istimi msemmija fl-Artikolu 4 jew fejn applikazzjoni sussegwentement tiġi rtirata mill-applikant;

(c) 

meta l-Aġenzija ġġedded, tillimita, temenda jew tirrieżamina deċiżjoni maħruġa f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/798 jew mad-Direttiva (UE) 2016/797.

L-Aġenzija tista’ timponi tariffi fejn tirrevoka awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq minħabba nonkonformità stabbilita b’mod sussegwenti mar-rekwiżiti essenzjali ta’ vettura li qed tintuża jew tip ta’ vettura f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2016/797, jew minħabba li detentur ta’ ċertifikat ta’ sikurezza uniku ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva 2016/798.

2.  

L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, għandhom ikopru:

(a) 

awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vetturi u ta’ tipi ta’ vetturi f’konformità mal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) 2016/796 minbarra dawk speċifikati fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu;

(b) 

awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vettura jew serje ta’ vetturi li jkunu konformi ma’ tip ta’ vettura awtorizzat skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(c) 

ċertifikati ta’ sikurezza uniċi f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(d) 

deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tal-konformità tal-interoperabbiltà ta’ soluzzjoni ta’ tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS mat-TSI rilevanti f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(e) 

applikazzjonijiet ta’ impenn preliminari f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 u l-Artikoli 2(3) u 4(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/763;

(f) 

appelli msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/796, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

3.  
L-Aġenzija għandha timponi imposti għall-forniment ta’ servizzi li ma jissemmewx fil-paragrafu 1, mitluba minn applikant jew kwalunkwe persuna jew entità oħra.
4.  
L-Aġenzija għandha tippubblika lista tas-servizzi fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 3

Kalkolu tat-tariffi, l-imposti u t-tariffi fissi imposti mill-Aġenzija

1.  
L-ammont ta’ tariffi għall-użu tal-OSS għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Aġenzija msemmija fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 2(2) għandu jkun ammont fiss speċifikat fit-tabella A tal-punt 2 tal-Anness. Dik it-tariffa fissa għandha tkun dovuta għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.
2.  

L-ammont ta’ tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 2(2), inkluż għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), għandu jkun it-total ta’ dawn li ġejjin:

(a) 

l-għadd ta’ sigħat meħuda mill-persunal tal-Aġenzija u l-esperti esterni, fuq l-ipproċessar tal-applikazzjoni immultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija speċifikata fil-punt 1 tal-Anness;

(b) 

l-ammont ta’ tariffi imposti mill-Aġenzija għandu jiġi ssupplimentat bl-ammont rilevanti sottomess mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (“NSAs”) li jirriżulta mill-kost għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni.

3.  
L-ammont ta’ tariffi għas-sottomissjoni u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet rispettivi u għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) għandu jkun ammont fiss speċifikat fit-tabella B tal-punt 3 tal-Anness u jinkludi t-tariffa għall-użu tat-tariffa tal-OSS imsemmija fil-paragrafu 1. Dik it-tariffa fissa għandha tkun dovuta għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.
4.  
L-ammont ta’ imposti għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(3) għandu jkun in-numru ta’ sigħat meħuda mill-persunal tal-Aġenzija u mill-esperti esterni mmultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija speċifikata fil-punt 1 tal-Anness.
5.  
Fuq talba tal-applikant, għandu japplika tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont impost mill-Aġenzija għal applikazzjoni f’każ ta’ intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju. Tali talba għandha ssir mal-applikazzjoni meta japplikaw tariffi fissi, u mhux aktar tard minn qabel ma l-Aġenzija toħroġ fattura fil-każijiet l-oħra kollha.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju tfisser intrapriża ferrovjarja, maniġer jew manifattur tal-infrastruttura awtonomi, stabbiliti jew li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 5 ).

L-applikant għandu jipprovdi evidenza permezz tal-OSS li turi li huwa jikkwalifika bħala intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-evidenza pprovduta u tiddeċiedi li tirrifjuta t-talba għall-istatus bħala intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju f’każ ta’ dubju jew nuqqas ta’ ġustifikazzjoni.

▼B

Artikolu 4

Estimi tat-tariffi u tal-imposti

1.  
L-Aġenzija, fuq talba tal-applikant, għandha toħroġ stima mhux vinkolanti tal-ammont tat-tariffi u tal-imposti marbuta mal-applikazzjoni jew mat-talba għas-servizzi u tagħti informazzjoni dwar meta se jinħarġu l-fatturi.

L-NSAs li huma involuti fl-ipproċessar ta' applikazzjoni għandhom jipprovdu stima mhux vinkolanti tal-ispejjeż tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) lill-Aġenzija biex tkun inkluża fl-estimi maħruġa mill-Aġenzija.

2.  
Matul l-ipproċessar ta' applikazzjoni, l-Aġenzija u l-NSAs għandhom jimmonitorjaw l-ispejjeż tagħhom. Fuq talba tal-applikant, meta jkun hemm riskju li l-ispejjeż jisbqu l-istima b'aktar minn 15 %, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-applikant dwar dan.
3.  
Meta l-ipproċessar ta' applikazzjoni jew servizz idum aktar minn sena, l-applikant jista' jitlob stima ġdida.
4.  
Meta jintalab il-ħruġ tal-estimi u xi rieżami tagħhom, l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 19(4) u l-Artikolu 21(6) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798 jistgħu jiġu sospiżi għal massimu ta' għaxart ijiem ta' xogħol.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet tal-ħlas

▼M1

1.  

L-Aġenzija għandha toħroġ fattura għat-tariffi u l-imposti dovuti fi żmien 30 jum kalendarju mid-data:

(a) 

tad-deċiżjoni tagħha, ħlief fil-każ ta’ deċiżjonijiet koperti mir-reġim tat-tariffi fissi jew soġġetti għall-Artikolu 6(3);

(b) 

tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

(c) 

ta’ meta s-servizz mogħti ntemm;

(d) 

tal-irtirar ta’ applikazzjoni;

(e) 

ta’ kwalunkwe avveniment ieħor li jwassal għall-waqfien tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni;

Fir-rigward tat-tariffi fissi li jsiru dovuti għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (3), qabel ma l-Aġenzija tipproċessa l-applikazzjoni, l-Aġenzija tista’ taqbel dwar data ta’ skadenza differenti mal-applikanti individwali, kif ukoll tagħmel arranġament speċjali għall-fatturar.

2.  

Il-fattura għandha tipprovdi l-elementi li ġejjin, fejn applikabbli:

(a) 

id-differenzjazzjoni bejn it-tariffi jew l-imposti;

(b) 

ammonti soġġetti għal tariffi fissi;

(c) 

fejn ma tapplika l-ebda tariffa fissa, in-numru ta’ sigħat imqattgħin taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija u r-rata fis-siegħa applikata;

(d) 

fejn rilevanti, il-kostijiet mitluba mill-NSA responsabbli. Dawn għandhom ikunu speċifikati b’rabta mal-kompiti u maż-żmien meħud jew fil-forma ta’ rati fissi applikati mill-NSA għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni.

▼B

3.  
L-NSAs għandhom jipprovdu lill-Aġenzija b'dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-kontribut tagħhom biex jiġu inklużi fil-fattura maħruġa mill-Aġenzija, mhux aktar tard minn meta l-Aġenzija titlobha. Id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għandha tagħti d-dettalji ta' kif dawn l-ispejjeż ġew ikkalkulati.
4.  
Il-ħlas tat-tariffi u l-imposti għandhom ikunu denominati u pagabbli fil-munita euro.

▼M1

4a.  
Fejn japplika l-Artikolu 6(3) għall-applikanti, l-Aġenzija għandu jkollha d-dritt li toħroġ avviżi ta’ ħlas li jeħtieġu ħlas parzjali għall-partijiet tal-applikazzjoni li jkunu diġà ġew ipproċessati. F’każ li l-ħlas mitlub ma jiġix ipprovdut f’perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Aġenzija iżda mhux inqas minn 10 ijiem kalendarji, l-Aġenzija tista’ tissospendi l-ipproċessar tal-applikazzjoni u tinforma lill-applikant dwar dan. L-Aġenzija għandha tissokta bl-ipproċessar tal-applikazzjoni f’każ li l-ħlas mitlub isir fi żmien 20 jum kalendarju wara n-notifika tas-sospensjoni. Fin-nuqqas ta’ ħlas fi żmien 20 jum kalendarju wara n-notifika tas-sospensjoni, l-Aġenzija għandha d-dritt li tirrifjuta l-applikazzjoni.

▼B

5.  
L-Aġenzija għandha tinnotifika lill-applikanti bid-deċiżjoni u toħroġ fattura permezz tal-One Stop Shop imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/796.
6.  
L-Aġenzija tista' tiffattura għall-ammonti intermedjarji kull sitt xhur.
7.  
Il-ħlas tat-tariffi u tal-imposti għandu jsir permezz ta' trasferiment lill-kont tal-bank tal-Aġenzija indikat għal dak l-iskop.
8.  
L-applikanti għandhom jiżguraw li l-Aġenzija tirċievi l-ammonti dovuti, inkluż kull imposta bankarja relatata ma' dak il-ħlas, fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tan-notifika ta' dik il-fattura.

▼M1

9.  
Meta l-applikant ikun intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju, l-Aġenzija għandha tqis talbiet għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta’ żmien għall-ħlas u l-ħlas bi ħlasijiet parzjali.

▼B

10.  
L-NSAs għandhom jirċievu rimborż tal-ispejjeż imġarrba għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjonijiet fi żmien l-iskadenzi msemmija fil-paragrafi 8 u 9.

Artikolu 6

Nuqqas ta' pagament

▼M1

1.  
Fin-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti dovuti, l-Aġenzija tista’ titlob imgħax għal kull jum kalendarju addizzjonali li għalih il-ħlas jiddewwem u għandha tapplika r-regoli dwar l-irkupru previsti fl-ewwel Parti, it-Titolu IV, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif applikat għall-aġenziji Ewropej, b’mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu, u fir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija adottati f’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2016/796.

▼B

2.  
Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data ta' skadenza, miżjuda bi tmien punti perċentwali.

▼M1

3.  
Meta l-Aġenzija jkollha evidenza li l-kapaċità finanzjarja tal-applikant tkun f’riskju jew meta l-applikant ma jkunx stabbilit jew ma jkollux is-sede tiegħu f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija tista’ titlob lill-applikant jipprovdi garanzija bankarja jew depożitu garantit fi żmien 15-il jum wara li tirċievi l-applikazzjoni. Meta l-applikant jonqos milli jagħmel dan, l-Aġenzija tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Aġenzija tista’ tirrifjuta applikazzjoni ġdida jew tissospendi l-ipproċessar ta’ applikazzjoni li tkun għadha għaddejja, fejn l-applikant jew is-suċċessur legali tiegħu ma jkunx issodisfa l-obbligi ta’ ħlas tiegħu li jirriżultaw minn kompiti jew servizzi ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni jew approvazzjoni preċedenti mwettqa mill-Aġenzija, sakemm l-applikant ma jħallasx l-ammonti kollha dovuti. F’każ li applikazzjoni li tkun għaddejja tkun se tiġi sospiża, għandha tapplika l-proċedura msemmija fil-paragrafu 4a tal-Artikolu 5 kif xieraq.

▼B

5.  
L-Aġenzija għandha tieħu l-passi legali kollha xierqa biex tiżgura l-ħlas sħiħ tal-fatturi maħruġa. Għal dan il-għan, l-NSAs li ppreżentaw dikjarazzjoni ta' spejjeż għar-rimborż għandhom jappoġġaw l-Aġenzija f'dan il-proċess.

Artikolu 7

Appell u tariffi għall-appell

1.  
L-Aġenzija għandha timponi tariffa għal kull appell li jiġi miċħud jew irtirat.
2.  
It-tariffi għall-appelli għandhom ikunu ta' EUR 10 000 jew daqs l-ammont mitlub għad-deċiżjoni appellata, liema minnhom ikun l-aktar baxx.
3.  
Ir-Reġistratur tal-Bord tal-Appell għandu jinforma lill-appellant bil-kundizzjonijiet tal-ħlas. L-appellant għandu jkollu 30 jum kalendarju għall-ħlas mid-data tan-notifika tal-fattura.
4.  
L-applikant jista' jappella t-tariffi u l-imposti ffatturati mal-Bord tal-Appell.

Artikolu 8

Pubblikazzjoni u reviżjoni tar-rati

▼M1

1.  
L-Aġenzija għandha tippubblika r-rata fis-siegħa u r-rati fissi msemmija fl-Artikolu 3, fuq is-sit web tagħha.
2.  
L-NSA għandha tippubblika r-rati rilevanti għall-istabbiliment tal-kostijiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 3(2), punt (b), fuq is-sit web tagħha. Meta l-NSA tapplika rata fissa, għandha tispeċifika għal liema każijiet ta’ awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni se tapplika r-rata fissa. L-NSA għandha tipprovdi lill-Aġenzija b’link għas-sit web tagħha li jkun fih informazzjoni dwar it-tariffi u l-imposti tagħha.

▼B

3.  
Is-sit web tal-Aġenzija għandu jkollha link għal dik l-informazzjoni.
4.  
L-Aġenzija għandha tinkludi fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/796 l-informazzjoni dwar l-elementi li jservu ta' bażi għar-rata fis-siegħa, ir-riżultati finanzjarji u l-previżjonijiet.

Artikolu 9

Proċeduri tal-Aġenzija

1.  

Sabiex issir distinzjoni bejn dħul u nfiq minn attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Aġenzija għandha:

(a) 

tirċievi u żżomm id-dħul iġġenerat mit-tariffi u l-imposti f'kont bankarju separat;

(b) 

tirrapporta kull sena dwar id-dħul u n-nefqa totali attribwibbli għall-attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti kif ukoll l-istruttura tal-ispejjeż u l-prestazzjoni.

2.  
Jekk fi tmiem sena finanzjarja, id-dħul ġenerali mit-tariffi u l-imposti jeċċedi l-ispiża totali tal-attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti, l-eċċess għandu jinżamm f'riżerva baġitarja u għandu jintuża biex jittratta s-surpluses u d-defiċits skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.
3.  
Is-sostenibbiltà tad-dħul minn attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti għandhom jiġu żgurati.

Artikolu 10

Evalwazzjoni u Reviżjoni

1.  
Is-sistema ta' tariffi u imposti għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni darba kull sena finanzjarja. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati finanzjarji preċedenti tal-Aġenzija u fuq l-istima tagħha tal-infiq u d-dħul. Għandha wkoll tkun relatata mad-Dokument ta' Pprogrammar Uniku tal-Aġenzija.

▼M1

1a.  

L-ammonti msemmija fl-Anness għandhom jiġu indiċjati mill-Aġenzija, għall-ewwel darba fl-2023 u darba kull sena finanzjarja minn hemm ’il quddiem, b’effett mill-1 ta’ Jannar, abbażi

(a) 

tal-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għalihom kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità ma’ metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi maqbul mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija u abbażi tad-data finanzjarja annwali rilevanti użata fir-rapporti tal-Attività Annwali Kkonsolidata tagħha; u/jew

(b) 

ir-rata tal-inflazzjoni fl-Unjoni, f’konformità mal-metodu stabbilit fil-punt 4 tal-Anness.

▼B

2.  
Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tariffi u l-imposti abbażi tal-valutazzjoni tar-riżultati finanzjarji u tal-previżjonijiet tal-Aġenzija.

▼M1

3.  
Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija fir-rapporti annwali tagħha, dan ir-Regolament għandu jiġi rrieżaminat sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Ġunju 2024 bil-ħsieb tal-introduzzjoni progressiva ta’ tariffi fissi ulterjuri.

▼B

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament 2018/545 u fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/763, ix-xogħol li jkun sar qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-Aġenzija ma għandux ikun kopert mit-tariffi u l-imposti f'dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-Sibt, 16 ta' Frar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS

1. 

L-Aġenzija għandha tapplika rata fis-siegħa ta’ EUR 239.

2. 

It-tariffi fissi li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija għall-użu tal-one-stop shop (OSS) għandhom ikunu kif ġej:



Tabella A

 

Grupp tal-kost tal-OSS

Ammont (EUR)

Sottomissjoni ta’ applikazzjoni lill-Aġenzija għal:

1.

Ċertifikat ta’ sikurezza uniku

400

2.

Awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura

400

3.

Awtorizzazzjoni ta’ vettura għajr awtorizzazzjoni f’konformità mat-tip

400

4.

Approvazzjoni tal-ERTMS maġenb il-binarji

400

5.

Proċess ta’ impenn preliminari

400

3. 

It-tariffi fissi għas-sottomissjoni u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vettura, jew serje ta’ vetturi, li jkunu f’konformità ma’ tip ta’ vettura awtorizzat għandhom ikunu kif ġej:



Tabella B

 

Grupp tal-kost

Ammont (EUR)

Sottomissjoni lill-Aġenzija u pproċessar minnha ta’ applikazzjoni għal deċiżjoni li tawtorizza vetturi f’konformità mat-tip:

1.

vaguni tal-merkanzija u l-vetturi kollha msemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 (1)

775

2.

(a)  unitajiet tat-trazzjoni termali jew elettrika;

(b)  vaguni tal-passiġġieri;

(c)  tagħmir tal-manutenzjoni u tal-kostruzzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja mobbli

970

3.

ferroviji bi propulsjoni proprja termali jew elettrika;

1 115

(1)   

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE (ĠU L 104, 12.4.2013, p. 1).

4. 

Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 10(1a) hija stabbilita kif ġej:



Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali li għandha tintuża:

“Eurostat HICP (L-entrati kollha) — il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea” (2015 = 100) Bidla perċentwali/medja ta’ 12-il xahar

Il-valur tar-rata li għandha titqies:

Il-valur tar-rata tliet xhur qabel l-implimentazzjoni tal-indiċjar



( 1 ) Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

( 2 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763 tad-9 ta' April 2018 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi għall-impriżi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 (ara l-paġna 49 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

( 4 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 tal-4 ta' April 2018 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-awtorizzazzjoni ta' vetturi ferrovjarji u għall-proċess tal-awtorizzazzjoni tat-tip ta' vetturi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 66).

( 5 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).