02018D1544 — MT — 21.01.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1544

tal-15 ta' Ottubru 2018

li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi

(ĠU L 259 16.10.2018, p. 25)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/86 tal-21 ta' Jannar 2019

  L 18I

10

21.1.2019




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1544

tal-15 ta' Ottubru 2018

li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi



Artikolu 1

“Armi kimiċi” tfisser armi kimiċi kif definit fl-Artikolu II tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC).

Artikolu 2

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, min-naħa ta':

(a) persuni fiżiċi li huma responsabbli għal, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali lil jew li huma involuti b'mod ieħor:

(i) fil-manifattura, l-akkwist, il-pussess, l-iżvilupp, it-trasport, il-ħażna jew it-trasferiment ta' armi kimiċi;

(ii) fl-użu ta' armi kimiċi;

(iii) fi kwalunkwe tħejjija għall-użu ta' armi kimiċi;

(b) persuni fiżiċi li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipperswadu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp biex jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe attività msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u b'dan il-mod jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal periklu li tali attivitajiet jistgħu jittieħdu; u

(c) persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni fiżiċi elenkati fil-punti (a) u (b);

kif elenkat fl-Anness.

2.  Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta' ċittadini tiegħu.

3.  Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a) bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b) bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċi tagħha;

(c) skont xi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d) skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.  Il-paragrafu 3 għandu jitqies li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.  Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

6.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għar-raġuni ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inkluż l-implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet legali kontra l-armi kimiċi u l-kisba tad-diżarm tal-armi kimiċi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-transitu jkun neċessarju għall-fini ta' proċess ġudizzjarju.

7.  Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika tal-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.  Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7 Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni kkonċernati direttament minnha.

Artikolu 3

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, ta' proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal, jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali lil jew huma involuti b'mod ieħor:

(i) fil-manifattura, l-akkwist, il-pussess, l-iżvilupp, it-trasport, il-ħażna jew it-trasferiment ta' armi kimiċi

(ii) fl-użu ta' armi kimiċi

(iii) fi kwalunkwe tħejjija għall-użu ta' armi kimiċi;

(b) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipperswadu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp biex jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe attività msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u b'dan il-mod jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal periklu li tali attivitajiet jistgħu jittieħdu;

(c) u minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi entitajiet assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi koperti mill-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu;

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.  B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati:

(a) huma neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inkluż ħlas għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b) huma maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c) huma maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) huma neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) għandhom jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali ħlas ikun maħsub għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

4.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d) ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.  Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut skont kuntratt iffirmat qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1.

6.  Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) ħlas dovut skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c) ħlas dovut skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u ħlas ieħor jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.  Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

Artikolu 5

1.  L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

2.  L-Anness għandu jinkludi wkoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, din l-informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, kif ukoll il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 6

Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun intlaqtet, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew xi pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness

(b) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

Artikolu 7

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-16 ta' Ottubru 2019. Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




ANNESS

LISTA TA' PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 3

▼M1

A.   PERSUNI FIŻIĊI



Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

Data tal-elenkar

1.  Tariq YASMINA

magħruf ukoll bħala: Tarq Yasmina image

Sess: raġel

Titlu: Kurunell;

Nazzjonalità: Sirjana

Tariq Yasmina jaġixxi bħala l-uffiċjal ta' kuntatt bejn is-Scientific Studies and Research Centre (SSRC) u l-Palazz Presidenzjali, u, bħala tali, huwa mdaħħal fl-użu u t-tħejjijiet għall-użu ta' armi kimiċi mir-reġim Sirjan.

21.1.2019

2.  Khaled NASRI

magħruf ukoll bħala: Mohammed Khaled Nasri; Haled Natsri; image

image

Sess: raġel

Titlu: Kap tal-Istitut 1000 tal-SSRC;

Nazzjonalità: Sirjana

Khaled Nasri huwa d-Direttur tal-Istitut 1000, it-taqsima tas-Scientific Studies and Research Centre (SSRC) responsabbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' sistemi tal-informatika u elettroniċi għall-programm ta' armamenti kimiċi tas-Sirja.

21.1.2019

3.  Walid ZUGHAIB

magħruf ukoll bħala: Zughib, Zgha'ib, Zughayb; image

Titlu: Dottor, Kap tal-Istitut 2000 tal-SSRC;

Sess: raġel

Nazzjonalità: Sirjana

Walid Zughaib huwa d-Direttur tal-Istitut 2000, it-taqsima tas-Scientific Studies and Research Centre (SSRC) responsabbli għall-iżvilupp mekkaniku u l-produzzjoni għall-programm ta' armamenti kimiċi tas-Sirja.

21.1.2019

4.  Firas AHMED

magħruf ukoll bħala: Ahmad; image

Titlu: Kurunell, Kap tal-Uffiċċju tas-Sigurtà fl-Istitut 1000 tal-SSRC;

Sess: raġel

Data tat-twelid: 21 ta' Jannar 1967;

Nazzjonalità: Sirjana

Firas Ahmed huwa d-Direttur tal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Istitut 1000, it-taqsima tas-Scientific Studies and Research Centre (SSRC) responsabbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' sistemi tal-informatika u elettroniċi għall-programm ta' armamenti kimiċi tas-Sirja. Kien imdaħħal fit-trasferiment u l-ħabi ta' materjali marbuta ma' armamenti kimiċi wara l-adeżjoni tas-Sirja mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

21.1.2019

5.  Said SAID

magħruf ukoll bħala: Saeed, Sa'id Sa'id, image

Titlu: Dottor, membru tal-Istitut 3000 (magħruf ukoll bħala l-Istitut 6000 magħruf ukoll bħala l-Istitut 5000) tal-SSRC;

Sess: raġel

Data tat-twelid: 11 ta' Diċembru 1955

Said Said huwa figura sinifikanti fl-Istitut 3000 magħruf ukoll bħala l-Istitut 6000 magħruf ukoll bħala l-Istitut 5000, it-taqsima tas-Scientific Studies and Research Centre (SSRC) responsabbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' armamenti kimiċi tas-Sirja.

21.1.2019

6.  Anatoliy Vladimirovich CHEPIGA

Анатолий Владимирович ЧЕПИГА, magħruf ukoll bħala Ruslan BOSHIROV

Sess: raġel

Dati tat-twelid: 5 ta' April 1979; 12 ta' April 1978

Postijiet tat-twelid: Nikolaevka, Amur Oblast, Russja; Dushanbe, Taġikistan

Anatoliy Chepiga (magħruf ukoll bħala Ruslan Boshirov), uffiċjal tal-GRU, kellu fil-pussess tiegħu, ittrasporta, u mbagħad, fi tmiem il-ġimgħa tal-4 ta' Marzu 2018, f'Salisbury, uża aġent nervin tossiku (“Novichok”). Fil-5 ta' Settembru 2018, is-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna tar-Renju Unit akkuża lil Ruslan Boshirov b'komplott biex jinqatel Sergei Skripal; bl-attentat ta' qtil ta' Sergei Skripal, Yulia Skripal u Nick Bailey; bl-użu u l-pussess ta' Novichok; u b'offiża gravi intenzjonata fuq il-persuna ta' Yulia Skripal u fuq il-persuna ta' Nick Bailey.

21.1.2019

7.  Alexander Yevgeniyevich MISHKIN

Александр Евгеньевич МИШКИН, magħruf ukoll bħala Alexander PETROV

Sess: raġel

Data tat-twelid: 13 ta' Lulju 1979

Postijiet tat-twelid: Loyga, Russja; Kotlas, Russja

Alexander Mishkin (magħruf ukoll bħala Alexander Petrov), uffiċjal tal-GRU, kellu fil-pussess tiegħu, ittrasporta, u mbagħad, fi tmiem il-ġimgħa tal-4 ta' Marzu 2018, f'Salisbury, uża aġent nervin tossiku (“Novichok”). Fil-5 ta' Settembru 2018, is-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna tar-Renju Unit akkużah b'komplott biex jinqatel Sergei Skripal; l-attentat ta' qtil ta' Sergei Skripal, Yulia Skripal u Nick Bailey; użu u pussess ta' Novichok; u offiża gravi intenzjonata fuq il-persuna ta' Yulia Skripal u fuq il-persuna ta' Nick Bailey.

21.1.2019

8.  Vladimir Stepanovich ALEXSEYEV

Владимир Степанович АЛЕКСЕЕВ

Sess: raġel

Titlu: L-Ewwel Viċi Kap tal-GRU

Vladimir Stepanovich Alexseyev huwa L-Ewwel Viċi Kap tal-GRU (magħruf ukoll bħala l-GU). Minħabba r-rwol ta' tmexxija f'livell għoli tiegħu fil-GRU, Alexseyev huwa responsabbli għall-pussess, trasport u użu f'Salisbury, fi tmiem il-ġimgħa tal-4 ta' Marzu 2018, tal-aġent nervin tossiku “Novichok” minn uffiċjali tal-GRU.

21.1.2019

9.  Igor Olegovich KOSTYUKOV

Игорь Олегович КОСТЮКОВ

Sess: raġel

Titlu: Kap tal-GRU

Igor Olegovich Kostyukov, minħabba r-rwol ta' tmexxija f'livell għoli tiegħu bħala l-Ewwel Viċi Kap tal-GRU (magħruf ukoll bħala l-GU) f'dak iż-żmien, huwa responsabbli għall-pussess, trasport u użu f'Salisbury, fi tmiem il-ġimgħa tal-4 ta' Marzu 2018, tal-aġent nervin tossiku “Novichok” minn uffiċjali tal-GRU.

21.1.2019

B.   PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI



Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

Data tal-elenkar

1.  Scientific Studies and Research Centre (SSRC)

magħruf ukoll bħala Centre d'Études et de Recherches Scientifiques (CERS), Centre de Recherche de Kaboun

Indirizz:

Triq Barzeh,

PO Box 4470,

Damasku

Is-Scientific Studies and Research Centre (SSRC) huwa l-entità prinċipali tar-reġim Sirjan għall-iżvilupp ta' armamenti kimiċi.

L-SSRC huwa responsabbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' armi kimiċi, kif ukoll il-missili li jġorruhom, li jintużaw f'għadd ta' siti fis-Sirja.

21.1.2019