02017R2382 — MT — 20.12.2017 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2382

tal-14 ta' Diċembru 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni tal-informazzjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 340 20.12.2017, p. 6)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 033, 7.2.2018, p.  5 (2017/2382)




▼B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2382

tal-14 ta' Diċembru 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni tal-informazzjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal ditti tal-investiment u operaturi tas-suq li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) jew faċilità organizzata tan-negozjar (“OTF”).

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE li jipprovdu servizz ta' investiment wieħed jew aktar jew iwettqu attivitajiet ta' investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE, u jixtiequ jużaw aġenti li jorbtu skont kwalunkwe wieħed mid-drittijiet li ġejjin:

(a) id-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b) id-dritt tal-istabbiliment skont l-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.  Kwalunkwe notifika jew komunikazzjoni sottomessa taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tkun aċċettata kemm mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kif ukoll mill-Istat Membru tad-domiċilju.

Għandha tiġi sottomessa f'forma stampata jew, meta tkun aċċettata mill-awtorità kompetenti rilevanti, permezz ta' mezz elettroniku.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jqiegħdu l-informazzjoni gaħd-dispożizzjoni tal-pubbliku bil-lingwa/(i) u l-mezz ta' sottomissjoni aċċettati, inklużi d-dettalji tal-kuntatt għal notifiki tal-passaport.

Artikolu 3

Sottomissjoni tan-notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

1.  Id-ditta tal-investiment għandha tissottometti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 34(2) jew (5) tad-Direttiva 2014/65/UE il-formola stipulata fl-Anness I.

2.  Id-ditta tal-investiment għandha tissottometti, għal kull Stat Membru li fih biħsiebha topera, notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment separata lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membru tad-domiċilju skont il-paragrafu 1.

3.  Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) li tixtieq tipprovdi servizzi jew attivitajiet ta' investiment permezz ta' aġent marbut stabbilit fl-Istat Membru tad-domiċilju għandha tissottometti notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, billi timla biss dawk il-partijiet rilevanti mal-aġent marbut fil-formola stipulata fl-Anness I.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni tan-notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

1.  Mal-wasla tan-notifika ta' passaport tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tivvaluta l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta.

2.  Meta jinstab li l-informazzjoni pprovduta tkun inkompluta jew żbaljata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, minħajr dewmien żejjed, tinforma lid-ditta tal-investiment jew lill-istitutuzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tagħha. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tindika f'liema rigward partikolari l-informazzjoni nstabet li kienet inkompluta jew żbaljata.

3.  Il-perjodu ta' xahar imsemmi fl-Artikolu 34(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jibda mill-wasla ta' notifika ta' passaport tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment li jkunu fiha informazzjoni li tinstab li hija kompluta u korretta.

Artikolu 5

Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

1.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika skont l-Artikolu 3, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dik in-notifika, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness II, flimkien ma' kopja tan-notifika.

2.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew lill-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

Artikolu 6

Sottomissjoni tan-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment

1.  Fil-każ ta' bidla fi kwalunkwe partikularità f'notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandha tissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-użu tal-formola deskritta fl-Anness I.

2.  Għall-finijiet tan-notifika skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandha timla biss dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness I li huma rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment.

3.  Għall-finijiet tan-notifika ta' bidliet relatati mas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, is-servizzi anċillari jew l-istrumenti finanzjarji pprovduti, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandha telenka s-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, is-servizzi anċillari jew l-istrumenti finanzjarji kollha li tipprovdi fiż-żmien tan-notifika, jew li biħsiebha tipprovdi fil-futur.

Artikolu 7

Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment

1.  Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 6, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness III, flimkien ma' kopja tan-notifika skont l-Artikolu 6.

2.  Fil-każ li l-awtorizzazzjoni tad-ditta tal-investiment jew l-istitutuzzjoni ta' kreditu tiġi rtirata jew ikkanċellata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinnotifka lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness III.

Artikolu 8

Sottomissjoni tan-notifika għall-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF

Ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF li biħsiebu jipprovdi arranġamenti xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawk is-sistemi u negozjar fuqhom fit-territorju ta' Stat Membru ospitanti ieħor, minn utenti remoti, membri jew parteċipanti stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju l-partikularitajiet tal-Istat Membru ospitanti li fih biħsiebu jipprovdi arranġamenti bħal dawn, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 9

Komunikazzjoni rigward notifika għall-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF.

1.  L-awtorità komptenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti b'dik in-notifika fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika skont l-Artikolu 8, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness V, flimkien ma' kopja tan-notifika.

2.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew lill-operatur tas-suq li joperaw MTF jew OTF dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

Artikolu 10

Sottomissjoni ta' notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF

1.  Fil-każ ta' bidla f'waħda mill-partikularitajiet ta' notifika għall-provvediment tal-arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness IV.

2.  Għall-finijiet tan-notifika skont il-paragrafu 1, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF għandu jimla biss dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness IV rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika għall-provvediment ta' arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF.

Artikolu 11

Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-provvediment tal-arranġamenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal MTF jew OTF

Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 10(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness II, flimkien ma' kopja tan-notifika.

Artikolu 12

Sottomissjoni tan-notifika ta' passaport ta' fergħa

Id-ditta tal-investiment li tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandha tippeżenta lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-domiċilju l-informazzjoni kif meħtieġa mill-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/65/UE bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness VI.

Artikolu 13

Sottomissjoni tan-notifika ta' passaport ta' aġent marbut

1.  Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) li tixtieq tuża aġent marbut stabbilit fi Stat Membru ieħor għandha tissottometti l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju kif meħtieġ mill-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/65/UE, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness VII.

2.  Meta ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tkun tixtieq tuża aktar minn aġent marbut wieħed fi Stat Membru ieħor, hija għandha timla notifika separata fir-rigward ta' kull aġent marbut li bi ħsiebha tuża.

3.  Ditta tal-investiment li tixtieq tistabbilixxi fergħa li biħsiebha tuża l-aġenti marbuta għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju notifika ta' passaport ta' aġent marbut fir-rigward ta' kull aġent marbut billi timla l-formola stipulata fl-Anness VII.

Artikolu 14

Valutazzjoni tal-kompletezza u tal-preċizjoni tan-notifika ta' passaport ta' fergħa jew tan-notifika ta' passaport ta' aġent marbut

1.  Mal-wasla tan-notifika skont l-Artikolu 12 jew 13, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tivvaluta l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta.

2.  Meta l-informazzjoni pprovduta tinstab li hi inkompluta jew żbaljata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew l-istittuzzjonijiet ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tagħha. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tindika f'liema rigward partikolari l-informazzjoni nstabet inkompluta u żbaljata.

3.  Il-perjodu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 35(3) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jibda mal-wasla tan-notifika tal-passaport tal-fergħa jew tan-notifika tal-passaport tal-aġent marbut li jkun fihom informazzjoni li tinstab kompluta u korretta.

Artikolu 15

Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' passaport ta' fergħa

1.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fi żmien tlett xhur minn meta tirċievi n-notifika ta' passaport ta' fergħa skont l-Artikolu 12, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dik in-notifika, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness VIII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

2.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

3.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif ukoll lid-ditta tal-investiment li tkun irċeviet in-notifika.

Artikolu 16

Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' passaport ta' aġent marbut

1.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika ta' passaport ta' aġent marbut skont l-Artikolu 13, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dik in-notifika, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness IX, flimkien ma' kopja tan-notifika.

2.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lid-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu dwar il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 1, inkluż dwar id-data ta' dik il-komunikazzjoni.

3.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u lid-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2) (b) li tkun irċeviet in-notifika.

4.  L-aġent marbut ma għandux jibda s-servizzi jew l-attivitajiet ta' investiment proposti tiegħu qabel ma jkun irreġistrat fir-reġistru pubbliku fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan l-aġent marbut, f'konformità mal-Artikolu 29(3) tad-Direttiva 2014/65/UE.

5.  L-aġent marbut ma għandux jibda s-servizzi jew l-attivitajiet ta' investiment proposti tiegħu qabel ikun irċieva l-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

6.  Meta ma ssirx komunikazzjoni bħal din, l-aġent marbut jista' jibda s-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment proposti tiegħu xahrejn wara d-data tas-sottomissjoni tal-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 17

Sottomissjoni tan-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-fergħa

1.  Fil-każ ta' bidla fil-partikularitajiet tan-notifika ta' passaport ta' fergħa, id-ditta tal-investiment għandha tissottometti notifika bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness VI lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu għandha timla biss dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness VI li jkunu rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tal-fergħa.

2.  Meta d-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu tkun biħsiebha tagħmel bidliet fis-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, is-servizzi anċillari jew l-istrumenti finanzjarji pprovduti permezz ta' aġenti marbuta, hija għandha tinnotifika, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness VI, lista tas-servizzi u attivitajiet ta' investiment, servizzi anċillari jew strumenti finanzjarji li tipprovdi permezz ta' aġenti marbuta fiż-żmien ta' dik in-notifika jew li biħsiebha tipprovdi fil-futur permezz ta' aġenti marbuta.

3.  Bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika ta' passaport ta' fergħa li jirrigwardaw it-terminazzjoni tal-operazzjoni tal-fergħa għandhom jiġu notifikati bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness X.

Artikolu 18

Preżentazzjoni tan-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-aġent marbut

1.  Fil-każ ta' bidla f'xi waħda mill-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tal-aġent marbut, id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness VII.

Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu għandha timla dawk il-partijiet tal-formola stipulati fl-Anness VII rilevanti għall-bidliet fil-partikularitajiet tan-notifika tal-passaport tal-aġent marbut.

2.  Meta d-ditta tal-investiment tkun biħsiebha tagħmel bidliet fis-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, jew fl-istrumenti finanzjarji soġġetti għal notifika tal-passaport tal-aġent marbut, hija għandha tinnotifika, fil-formola stipulata fl-Anness VI, lista tas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment, l-istrument finanzjarji kollha li tipprovdi permezz ta' aġent marbut fiż-żmien tan-notifika jew li bi ħsiebha tipprovdi fil-futur.

3.  Bidliet fil-partikularitajiet ta' notifika tal-passaport tal-aġent marbut li jikkonċernaw il-waqfien tal-użu ta' aġent marbut stabbilit fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu notifikati bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness X.

Artikolu 19

Komunikazzjoni rigward in-notifika ta' bidla fil-partikularitajiet tal-fergħa

1.  Wara l-wasla tan-notifika skont l-Artikolu 17(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness XI, flimkien ma' kopja tan-notifika.

2.  Wara li tirċievi n-notifika skont l-Artikolu 17(3), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-Istat Membru ospitanti,bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness XIII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

Artikolu 20

Komunikazzjoni rigward notifika ta' bidla fil-partikularitajiet ta' aġent marbut

1.  Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 18(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness XII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

2.  Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 18(3), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, il-bidliet notifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, bl-użu tal-formola stipulata fl-Anness XIII, flimkien ma' kopja tan-notifika.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

image

image




ANNESS II

image




ANNESS III

image




ANNESS IV

image




ANNESS V

image




ANNESS VI

image

image

image

►(1) C1  




ANNESS VII

image

image

image




ANNESS VIII

image




ANNESS IX

image




ANNESS X

image

image




ANNESS XI

image




ANNESS XII

image




ANNESS XIII

image