02017R0653 — MT — 28.11.2019 — 002.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/653

tat-8 ta' Marzu 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 100 12.4.2017, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/977 tal-4 ta' April 2018

  L 176

1

12.7.2018

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1866 tat-3 ta’ Lulju 2019

  L 289

4

8.11.2019


Ikkoreġut bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 120, 11.5.2017, p.  31 (2017/653)

 C2

Rettifika, ĠU L 210, 15.8.2017, p.  16 (2017/653)

►C3

Rettifika, ĠU L 264, 13.10.2017, p.  25 (2017/653)

►C4

Rettifika, ĠU L 338, 15.10.2020, p.  12 (2017/653)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/653

tat-8 ta' Marzu 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

KONTENUT U PREŻENTAZZJONI TAD-DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA

Artikolu 1

Taqsima bl-informazzjoni ġenerali

It-taqsima fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija li hija dwar l-identità tal-awtur tal-PRIIP u l-awtorità kompetenti tiegħu għandha tinkludi din l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a) 

l-isem tal-PRIIP assenjat mill-awtur tal-PRIIP u, fejn jeżisti, in-Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli jew l-Identifikatur Uniku tal-Prodott tal-PRIIP;

(b) 

l-isem ġuridiku tal-awtur tal-PRIIP;

(c) 

l-indirizz speċifiku tas-sit web tal-awtur tal-PRIIP li jipprovdi lill-investituri fil-livell tal-konsumatur b'informazzjoni dwar kif jagħmlu kuntatt mal-awtur tal-PRIIP, u numru tat-telefown;

(d) 

l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-awtur tal-PRIIP fir-rigward tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija;

(e) 

id-data tal-produzzjoni jew ta' meta d-dokument bl-informazzjoni ewlenija jkun ġie sussegwentement rivedut, id-data tal-aħħar reviżjoni tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija.

L-informazzjoni fit-taqsima msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi wkoll it-twissija dwar il-fehim li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 meta l-PRIIP jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

huwa prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30(3)(a) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) 

huwa PRIIP li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (i)-(vi) tal-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

Artikolu 2

Taqsima dwar “X'inhu dan il-prodott?”

1.  
L-informazzjoni marbuta mat-tip ta' PRIIP fit-taqsima bit-titolu “X'inhu dan il-prodott?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandha tiddeskrivi l-forma legali tiegħu.
2.  
L-informazzjoni dwar l-objettivi tal-PRIIP u l-mezzi biex jinkisbu dawn l-objettivi fit-taqsima bit-titolu “X'inhu dan il-prodott?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandha tiġi mqassra b'mod konċiż, ċar u li faċli jinftiehem. Din l-informazzjoni għandha tidentifika l-fatturi prinċipali li fuqhom jiddependi r-redditu, l-assi tal-investiment sottostanti jew il-valuri ta' referenza, u kif jiġi ddeterminat ir-redditu, kif ukoll ir-relazzjoni bejn ir-redditu tal-PRIIP u dak tal-assi tal-investiment sottostanti jew tal-valuri ta' referenza. Din l-informazzjoni għandha tirrifletti r-relazzjoni bejn il-perjodu ta' parteċipazzjoni rakkomandat u l-profil tar-riskji u tal-gwadanji tal-PRIIP.

Meta l-għadd ta' assi jew ta' valuri ta' referenza msemmija fl-ewwel subparagrafu huwa tali li referenzi speċifiċi għalihom kollha ma jkunux jistgħu jingħataw f'dokument bl-informazzjoni ewlenija, għandhom jiġu identifikati biss is-segmenti tas-suq jew it-tipi ta' strumenti fir-rigward tal-assi tal-investiment sottostanti jew tal-valuri ta' referenza.

3.  
Id-deskrizzjoni tat-tip ta' investitur fil-livell tal-konsumatur li għalih huwa intiż li jiġi kummerċjalizzat il-PRIIP fit-taqsima bit-titolu “X'inhu dan il-prodott?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandha tinkludi informazzjoni dwar l-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-mira, identifikati mill-awtur tal-PRIIP, b'mod partikolari skont il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tat-tip ta' klijent li miegħu jkunu kompatibbli l-PRIIPs. Din l-identifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kemm l-investituri fil-livell tal-konsumatur kapaċi jifilħu għat-telf tal-investiment u l-preferenzi tagħhom rigward it-tul ta' żmien tal-investiment, l-għarfien teoretiku tagħhom tal-PRIIPs u esperjenza tal-passat fihom, is-swieq finanzjarji kif ukoll il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-klijenti finali potenzjali.
4.  
Id-dettalji tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni fit-taqsima bit-titolu “X'inhu dan il-prodott?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandha tinkludi f'sommarju ġenerali, pereżempju, il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, definizzjoni ta' kull benefiċċju mdaħħal, b'nota spjegattiva li turi li l-valur ta' dawn il-benefiċċji qed jintwera fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja” u b'informazzjoni li turi l-karatteristiċi tipiċi bijometriċi tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-mira, li turi l-primjum globali, il-primjum tar-riskju bijometriku li jifforma parti minn dan il-primjum globali, kif ukoll l-impatt tal-primjum tar-riskju bijometriku fuq ir-redditu tal-investiment fi tmiem il-perjodu ta' parteċipazzjoni rakkomandat jew inkella l-impatt tal-parti tal-ispiża tal-primjum tar-riskju bijometriku li jittieħed inkonsiderazzjoni fl-ispejjeż rikorrenti tal-“Ispejjeż minn żmien għall-ieħor”, kkalkulati skont l-Anness VII. Meta l-primjum jitħallas fil-forma ta' somma waħda f'daqqa, id-dettalji għandhom jinkludu l-ammont investit. Meta l-primjum jitħallas perjodikament għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni l-għadd ta' ħlasijiet perjodiċi, stima tal-primjum tar-riskju bijometriku medju bħala perċentwal tal-primjum annwali, u stima tal-ammont medju investit.

Id-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu wkoll spjegazzjoni tal-impatt tal-pagamenti tal-primjum tal-assigurazzjoni, ekwivalenti għall-valur stmat tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni, fuq ir-redditi tal-investiment għall-investitur fil-livell ta' konsumatur.

5.  

L-informazzjoni marbuta mat-tul ta' żmien tal-PRIIP fit-taqsima bit-titolu “X'inhu dan il-prodott?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkludi dan kollu li ġej:

(a) 

id-data tal-maturità tal-PRIIP jew indikazzjoni li ma hemmx data ta' maturità;

(b) 

indikazzjoni ta' jekk l-awtur tal-PRIIP huwiex intitolat li jittermina l-PRIIP b'mod unilaterali;

(c) 

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li taħthom il-PRIIP jista' jiġi tterminat b'mod awtomatiku, u d-dati tat-terminazzjoni, jekk ikunu magħrufin.

Artikolu 3

Taqsima dwar “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?”

1.  
Fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, l-awturi tal-PRIIP għandhom japplikaw il-metodoloġija tal-preżentazzjoni tar-riskju kif stabbilita fl-Anness II, inkluż l-aspetti tekniċi għall-preżentazzjoni tal-indikatur sommarju tar-riskji kif stabbilit fl-Anness III u konformi mal-gwida teknika, il-formati u l-metodoloġija għall-preżentazzjoni tax-xenarji tal-prestazzjoni kif stabbilit fl-Annessi IV u V.
2.  

Fit-taqsima dwar “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, l-awturi tal-PRIIP għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) 

il-livell ta' riskju tal-PRIIP fil-forma ta' klassi ta' riskju bl-użu ta' indikatur sommarju tar-riskju li jkollu skala numerika minn 1 sa 7;

(b) 

referenza espliċita għal kull PRIIP illikwidu jew PRIIP b'riskju tal-likwidità materjalment rilevanti, kif definit fil-Parti 4 tal-Anness II, fil-forma ta' twissija b'dan il-għan fil-preżentazzjoni tal-indikatur sommarju tar-riskju;

(c) 

spjegazzjoni testwali taħt l-indikatur sommarju tar-riskju li tispjega li jekk PRIIP huwa ddenominat f'munita li mhix il-munita uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-PRIIP qed jiġi kkummerċjalizzat, ir-redditu, meta muri fil-munita uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-PRIIP qed jiġi kkummerċjalizzat, jista' jinbidel skont iċ-ċaqliq fil-munita;

(d) 

deskrizzjoni qasira tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-PRIIP u twissija li r-riskju tal-PRIIP jista' jkun ogħla b'mod sinifikanti minn dak irrappreżentat fl-indikatur sommarju tar-riskju meta l-PRIIP ma jinżammx sal-maturità jew għall-perjodu ta' parteċipazzjoni rakkomandat, meta dan ikun il-każ;

(e) 

fil-każ ta' PRIIPs b'penali għal ħruġ bikri maqbula b'mod kuntrattwali jew b'perjodi twal ta' avviż ta' diżinvestiment, referenza għall-kundizzjonijiet sottostanti rilevanti fit-taqsima “Għal kemm għandi nżommu u nista' nieħu l-flus qabel?”;

(f) 

indikazzjoni tat-telf massimu possibbli, u informazzjoni li l-investiment jista' jintilef jekk ma jkunx protett jew meta l-awtur tal-PRIIP ma jkunx jista' jħallas, jew li ħlasijiet ta' investiment addizzjonali neċessarji mal-investiment inizjali jistgħu jkunu meħtieġa u li t-telf totali jista' jaqbeż b'mod sinifikanti l-investiment inizjali totali.

3.  
L-awturi tal-PRIIP għandhom jinkludu erba' xenarji tal-prestazzjoni adegwati, kif stabbilit fl-Anness V fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Dawn l-erba' xenarji tal-prestazzjoni għandhom jirrappreżentaw xenarju ta' stress, xenarju mhux favorevoli, xenarju moderat u xenarju favorevoli.
4.  
Fil-każ ta' prodotti ta' investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, xenarju tal-prestazzjoni addizzjonali għandu jiġi inkluż fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija li jirrifletti l-benefiċċju tal-assigurazzjoni li l-benefiċjarju jirċievi meta sseħħ attività assigurata.
5.  
Fil-każ ta' PRIIPs li huma futuri, opzjonijiet ta' xiri u opzjonijiet put innegozjati f'suq regolat jew f'suq ta' pajjiż terz meqjus ekwivalenti għal suq regolat skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), ix-xenarji tal-prestazzjoni għandhom jiġu inklużi fil-forma ta' graffs bl-istruttura tal-gwadanji kif stabbilit fl-Anness V fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija.

Artikolu 4

Taqsima dwar “X'jiġri jekk [l-isem tal-awtur tal-PRIIP] ma jkunx jista' jħallas?”

L-awturi tal-PRIIP għandhom jinkludu dan li ġej fit-taqsima bit-titolu “X'jiġri jekk [l-isem tal-awtur tal-PRIIP] ma jkunx jista' jħallas?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija:

(a) 

indikazzjoni dwar jekk l-investitur fil-livell tal-konsumatur jistax iħabbat wiċċu ma' telf finanzjarju minħabba l-inadempjenza tal-awtur tal-PRIIP jew l-inadempjenza ta' entità oħra apparti l-awtur tal-PRIIP, u l-identità ta' din l-entità;

(b) 

kjarifika dwar jekk it-telf imsemmi fil-punt (a) huwiex kopert minn skema ta' kumpens jew garanzija għall-investitur, u jekk hemmx xi limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet għal din il-kopertura.

Artikolu 5

Taqsima dwar “X'inhuma l-ispejjeż?”

1.  

L-awturi tal-PRIIP għandhom japplikaw dan li ġej fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma l-ispejjeż?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija:

(a) 

il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż stabbilita fl-Anness VI;

(b) 

it-tabelli “Spejjeż maż-żmien” u “Kompożizzjoni tal-ispejjeż” għall-informazzjoni dwar l-ispejjeż, kif jinsabu fl-Anness VII skont il-gwida teknika rilevanti ta' ġo fih.

2.  
It-tabella “Spejjeż maż-żmien” fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma l-ispejjeż?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, l-awturi tal-PRIIP għandhom jispeċifikaw l-indikatur sommarju tal-ispejjeż tal-ispejjeż aggregati totali tal-PRIIP bħala numru wieħed f'termini monetarji u perċentwali għall-perjodi ta' żmien differenti stabbiliti fl-Anness VI.
3.  

It-tabella “Kompożizzjoni tal-ispejjeż” fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma l-ispejjeż?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, l-awturi tal-PRIIP għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

kwalunkwe spiża ta' darba, bħal spejjeż tad-dħul u l-ħruġ, ippreżentata f'termini perċentwali;

(b) 

kwalunkwe spiża rikorrenti, bħal spejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll fis-sena u spejjeż rikorrenti oħra fis-sena, ippreżentati f'termini perċentwali;

(c) 

kwalunkwe spiża inċidentali, bħal tariffi fuq il-prestazzjoni jew kumpens għal prestazzjoni, ippreżentati f'termini perċentwali.

4.  
L-awturi tal-PRIIP għandhom idaħħlu deskrizzjoni ta' kull spiża differenti fit-tabella l-“Kompożizzjoni tal-ispejjeż” fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma l-ispejjeż?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, li tispeċifika fejn u kif dawn l-ispejjeż jistgħu jvarjaw mill-ispejjeż reali li jista' jġarrab l-investitur fil-livell tal-konsumatur jew kif jistgħu jiddependu fuq l-investitur fil-livell tal-konsumatur li jagħżel li jeżerċita jew ma jeżerċitax ċerti għażliet.

Artikolu 6

Taqsima dwar “Għal kemm għandi nżommu, u nista' nieħu l-flus qabel?”

L-awturi tal-PRIIP għandhom jinkludu dan li ġej fit-taqsima bit-titolu “Għal kemm għandi nżommu u nista' nieħu l-flus qabel?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija:

(a) 

deskrizzjoni qasira tar-raġunijiet għall-għażla tal-perjodu ta' parteċipazzjoni rakkomandat jew minimu meħtieġ;

(b) 

deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-proċedura ta' diżinvestiment u meta d-diżinvestiment jkun possibbli, inkluż indikazzjoni tal-impatt jekk jittieħdu l-flus qabel fuq il-profil tar-riskju jew tal-prestazzjoni tal-PRIIP, jew fuq l-applikabbiltà tal-garanziji tal-kapital;

(c) 

informazzjoni dwar kwalunkwe tariffa u penali li għandhom jitħallsu għal diżinvestimenti qabel il-maturità jew xi data speċifikata oħra għajr il-perjodu ta' parteċipazzjoni rakkomandat, inkluż kontroreferenza għall-informazzjoni dwar l-ispejjeż li għandha tiġi inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija skont l-Artikolu 5 u kjarifika tal-impatt ta' dawn it-tariffi u l-penali għal perjodi ta' parteċipazzjoni differenti.

Artikolu 7

Taqsima dwar “Kif nista' nressaq ilment?”

L-awturi tal-PRIIP għandhom jipprovdu din l-informazzjoni li ġejja fit-taqsima bit-titolu “Kif nista' nressaq ilment?” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, f'forma mqassra:

(a) 

il-passi li għandhom jiġu segwiti biex jitressaq ilment dwar il-prodott jew dwar l-imġiba tal-awtur tal-PRIIP jew tal-persuna li tagħti pariri dwar il-prodott jew li tkun tbigħu;

(b) 

link għas-sit web rilevanti għal dawn l-ilmenti;

(c) 

indirizz postali aġġornat u indirizz elettroniku fejn jistgħu jintbagħtu dawn l-ilmenti.

Artikolu 8

Taqsima dwar “Informazzjoni rilevanti oħra”

1.  
L-awturi tal-PRIIP għandhom jindikaw fit-taqsima bit-titolu “Informazzjoni rilevanti oħra” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija kwalunkwe dokument ta' informazzjoni addizzjonali li jista' jiġi pprovdut, u jekk dawn id-dokumenti ta' informazzjoni addizzjonali humiex disponibbli abbażi ta' rekwiżit legali jew biss fuq talba mill-investitur fil-livell tal-konsumatur.
2.  
L-informazzjoni inkluża fit-taqsima bit-titolu “Informazzjoni rilevanti oħra” tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija tista' tiġi pprovduta f'forma mqassra, inkluż link għas-sit web fejn aktar dettalji apparti d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu disponibbli.

Artikolu 9

Mudell

L-awturi tal-PRIIP għandhom jippreżentaw id-dokument bl-informazzjoni ewlenija permezz tal-mudell stabbilit fl-Anness I. Il-mudell għandu jimtela skont ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament Delegat u fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014.



KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR ID-DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA

Artikolu 10

Il-PRIIPs li joffru varjetà ta' għażliet għall-investimenti

Meta l-PRIIP joffri varjetà ta' għażliet ta' investiment sottostanti, u l-informazzjoni rigward dawn l-għażliet ta' investiment sottostanti ma tistax tiġi pprovduta f'dokument wieħed bl-informazzjoni ewlenija, konċiż u awtonomu, l-awturi tal-PRIIP għandhom jagħtu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

dokument bl-informazzjoni ewlenija għal kull għażla ta' investiment sottostanti fil-PRIIP, inkluż informazzjoni dwar il-PRIIP skont il-Kapitolu I;

(b) 

dokument bl-informazzjoni ewlenija ġeneriku li jiddeskrivi l-PRIIP skont il-Kapitolu I, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Artikoli minn 11 sa 14.

Artikolu 11

Taqsima dwar “X'inhu dan il-prodott?” fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija ġeneriku

Fit-taqsima bit-titolu “X'inhu dan il-prodott?”, b'deroga mill-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 2, l-awturi tal-PRIIP għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

deskrizzjoni tat-tipi ta' għażliet ta' investiment sottostanti, inkluż is-segmenti tas-suq jew it-tipi ta' strumenti, kif ukoll il-fatturi prinċipali li fuqhom jiddependi r-redditu;

(b) 

dikjarazzjoni li tindika li t-tip ta' investituri li għalihom huwa intiż li jiġi kummerċjalizzat il-PRIIP ivarja abbażi tal-għażla tal-investiment sottostanti;

(c) 

indikazzjoni fejn tista' tinstab l-informazzjoni speċifika dwar kull għażla ta' investiment sottostanti.

Artikolu 12

Taqsima dwar “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?” fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija ġeneriku

1.  

Fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja?”, b'deroga mill-paragrafi 2(a) u 3 tal-Artikolu 3, l-awturi tal-PRIIP għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

il-firxa ta' klassijiet ta' riskju tal-għażliet kollha ta' investiment sottostanti offruti fil-PRIIP bl-użu ta' indikatur sommarju tar-riskji li jkollu skala numerika minn 1 sa 7, kif stabbilit fl-Anness III,

(b) 

dikjarazzjoni li tindika li r-riskji u l-gwadanji tal-investiment ivarjaw fuq il-bażi tal-għażla tal-investiment sottostanti;

(c) 

deskrizzjoni qasira ta' kif il-prestazzjoni tal-PRIIP b'mod globali tiddependi fuq l-għażliet ta' investiment sottostanti;

(d) 

indikazzjoni fejn tista' tinstab l-informazzjoni speċifika dwar kull għażla ta' investiment sottostanti.

2.  
Meta l-awturi tal-PRIIP jużaw id-dokumenti ta' tagħrif ewlieni għall-investitur skont l-Artikolu 14(2), sabiex jiġu speċifikati l-klassijiet tar-riskju msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, huma għandhom jużaw l-indikatur sintetiku tar-riskju u tal-gwadanji skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 583/2010 fir-rigward ta' fondi tal-UCITS jew dawk li mhumiex tal-UCITS bħala għażliet ta' investiment sottostanti.

Artikolu 13

Taqsima dwar “X'inhuma l-ispejjeż?” fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija ġeneriku

1.  

Fit-taqsima bit-titolu “X'inhuma l-ispejjeż?”, b'deroga mill-Artikolu 5(1)(b), l-awturi tal-PRIIP għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a) 

il-firxa ta' spejjeż għall-PRIIP fit-tabelli “Spejjeż maż-żmien” u “Kompożizzjoni tal-ispejjeż” stabbiliti fl-Anness VII,

(b) 

dikjarazzjoni li tindika li l-ispejjeż għall-investitur fil-livell tal-konsumatur ivarjaw fuq il-bażi tal-għażla ta' investiment sottostanti;

(c) 

indikazzjoni fejn tista' tinstab l-informazzjoni speċifika dwar kull għażla ta' investiment sottostanti.

2.  
Minkejja r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), u b'deroga mill-punti minn 12 sa 20 tal-Anness VI, meta l-awturi tal-PRIIP jużaw id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur skont l-Artikolu 14(2), jistgħu japplikaw il-metodoloġija stabbilita fil-punt 21 tal-Anness VI ta' għall-fondi tal-UCITS jew dawk li mhumiex tal-UCITS
3.  
Meta l-awturi tal-PRIIP jużaw id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur skont l-Artikolu 14(2) għall-fondi tal-UCITS jew dawk li mhumiex tal-UCITS bħala l-uniku għażliet ta' investiment sottostanti, b'deroga mill-Artikolu 5, jistgħu jispeċifikaw il-firxa ta' imposti għall-PRIIP skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 583/2010.

Artikolu 14

Informazzjoni speċifika dwar kull għażla ta' investiment sottostanti

1.  

Fir-rigward tal-informazzjoni speċifika msemmija fl-Artikoli 11,12 u 13, l-awturi tal-PRIIP għandhom jinkludu għal kull għażla ta' investiment sottostanti — dan kollu li ġej:

(a) 

twissija dwar il-fehim, meta rilevanti;

(b) 

l-objettivi tal-investiment, il-mezzi biex jinkisbu, u s-suq fil-mira intenzjonat skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 2;

(c) 

indikatur sommarju tar-riskji u spjegazzjoni testwali, u x-xenarji tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 3;

(d) 

preżentazzjoni tal-ispejjeż skont l-Artikolu 5.

2.  
Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-awturi tal-PRIIP jistgħu jużaw id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur imfassal skont l-Artikoli minn 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE biex jagħtu informazzjoni speċifika għall-finijiet tal-Artikoli minn 11 sa 13 ta' dan ir-Regolament Delegat, fejn mill-inqas waħda mill-għażliet tal-investiment sottostanti msemmija fil-paragrafu 1 tkun fond tal-UCITS jew fond li mhuwiex tal-UCITS imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014.



KAPITOLU III

RIEŻAMI U REVIŻJONI TAD-DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA

Artikolu 15

Rieżami

1.  
L-awturi tal-PRIIP għandhom jagħmlu rieżami l-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija kull darba li jkun hemm tibdil li jaffettwa b'mod sinifikanti jew aktarx li jaffettwa b'mod sinifikanti l-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija, u tal-anqas, kull tnax-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni inizjali tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija.
2.  

Ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 għandu jivverifika jekk l-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija tkunx għadha preċiża, imparzjali, ċara, u mhux qarrieqa. Għandu jivverifika b' mod partikolari:

(a) 

jekk l-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija hijiex konformi mal-forma ġenerali u r-rekwiżiti tal-kontenut skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, jew mal-forma speċifika u mar-rekwiżiti tal-kontenut stabbiliti f'dan ir-Regolament Delegat;

(b) 

jekk inbidlux il-miżuri tar-riskju tas-suq jew tar-riskju ta' kreditu tal-PRIIP, meta dan it-tibdil ikollu l-effett kombinat li jirrikjedi ċ-ċaqliq tal-PRIIP għal klassi differenti tal-indikatur sommarju tar-riskji minn dik indikata fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija suġġett għar-rieżami;

(c) 

jekk il-medja tar-redditu għax-xenarju moderat tal-prestazzjoni tal-PRIIP, murija bħala redditu perċentwali ta' kull sena, inbidlitx b'aktar minn ħames punti perċentwali.

3.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awturi tal-PRIIP għandhom jistabbilixxu u jżommu proċessi adegwati tul il-ħajja tal-PRIIP fejn jibqa' disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jidentifikaw mingħajr dewmien żejjed kull ċirkostanza li tista' tirriżulta f'tibdil li jaffettwa jew aktarx li jaffettwa l-preċiżjoni, l-imparzjalità jew iċ-ċarezza tal-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija.

Artikolu 16

Reviżjoni

1.  
L-awturi tal-PRIIP għandhom mingħajr dewmien żejjed jirrevedu d-dokument bl-informazzjoni ewlenija meta rieżami skont l-Artikolu 15 jikkonkludi li jeħtieġ li jsir tibdil fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija.
2.  
L-awturi tal-PRIIP għandhom jiżguraw li t-taqsimiet kollha tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija affettwati minn dan it-tibdil jiġu aġġornati.
3.  
L-awtur tal-PRIIP għandu jippubblika d-dokument bl-informazzjoni ewlenija rivedut fuq is-sit web tiegħu.



KAPITOLU IV

GĦOTI TAD-DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA

Artikolu 17

Kundizzjonijiet dwar iż-żmien adegwat

1.  
Il-persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew li tbigħu għandha tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija biżżejjed kmieni biex tagħti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biżżejjed żmien biex iqisu d-dokument qabel jintrabtu b'xi kuntratt jew offerta relatata ma' dak il-PRIIP, irrispettivament minn jekk l-investitur fil-livell tal-konsumatur huwiex qed jingħata jew le żmien biex jerġa' jaħsibha.
2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew li tbigħu għandha tivvaluta ż-żmien meħtieġ minn kull investitur fil-livell tal-konsumatur biex iqis id-dokument bl-informazzjoni ewlenija, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni dan li ġej:

(a) 

l-għarfien u l-esperjenza tal-investitur fil-livell tal-konsumatur dwar il-PRIIP jew il-PRIIPs ta' natura simili, jew dwar riskji simili għal dawk li jirriżultaw mill-PRIIP;

(b) 

il-kumplessità tal-PRIIP;

(c) 

meta l-pariri jew il-bejgħ ikunu fuq inizjattiva tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, l-urġenza espressa b'mod espliċitu mill-investitur fil-livell tal-konsumatur biex jikkonkludi l-kuntratt jew l-offerta proposti.

Artikolu 18

Dispożizzjoni Finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

▼M2

L-Artikolu 14(2) għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2021.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

FORMOLI TAD-DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA

Il-manifatturi ta' PRIIPs għandhom ikunu konformi mal-ordni tat-taqsima u t-titli kif ippreżentati fil-formola, li madankollu ma tiffissax parametri għat-tul tat-taqsimiet individwali u t-tqegħid tal-farrada tal-paġni, u hija soġġetta għal massimu kumplessiv ta' tliet faċċati ta' karta ta' daqs A4 meta jiġi stampata.

image