02016R1624 — MT — 04.12.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) 2016/1624 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Settembru 2016 (ĠU L 251 16.9.2016, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2019/1896 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Novembru 2019 |
L 295 |
1 |
14.11.2019 |
REGOLAMENT (UE) 2016/1624 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Settembru 2016
dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE
▼M1 —————
Artikolu 20
Kompożizzjoni u stazzjonament tat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta
1. L-Aġenzija għandha tibgħat gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor bħal membri tat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta f'operazzjonijiet konġunti, interventi rapidi fil-fruntiera u fil-qafas tat-timijiet ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-Aġenzija tista' wkoll tibgħat esperti mill-persunal tagħha stess.
2. Fuq proposta mid-direttur eżekuttiv, il-bord amministrattiv għandu jiddeċiedi b'maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu bi dritt għall-vot dwar il-profili u n-numru globali tal-gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor li għandhom ikunu disponibbli għat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta. L-istess proċedura għandha tapplika fir-rigward ta' kwalunkwe bidla sussegwenti fil-profili u n-numri globali. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta permezz ta' riżerva nazzjonali bbażata fuq il-profili differenti definiti billi jinħatru gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor li jikkorrispondu għall-profili meħtieġa.
3. Il-kontribuzzjoni mill-Istati Membri fir-rigward tal-gwardji tal-fruntiera tagħhom għal operazzjonijiet konġunti speċifiċi għas-sena ta' wara għandha tiġi ppjanata fuq il-bażi ta' negozjati bilaterali annwali u ftehimiet bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri. Skont dawk il-ftehimiet, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-gwardji tal-fruntiera biex jintbagħtu fuq talba tal-Aġenzija, sakemm l-Istat Membru ma jkunx qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali. Talba bħal din għandha ssir ta' mill-anqas 21 jum ta' xogħol qabel l-użu previst. Jekk Stat Membru jinvoka tali sitwazzjoni eċċezzjonali, hu għandu jagħti raġunijiet u informazzjoni komprensivi dwar is-sitwazzjoni lill-Aġenzija bil-miktub, li l-kontenut tagħhom għandu jiġi inkluż fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 12.
4. Fir-rigward ta' interventi rapidi fil-fruntiera, wara proposta mid-direttur eżekuttiv, il-bord amministrattiv għandu jiddeċiedi bi tliet kwarti maġġoranza fuq il-profili u n-numru minimu ta' gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor li jikkorrispondu ma' dawn il-profili li għandhom ikunu disponibbli għar-riżerva ta' reazzjoni rapida tat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta. L-istess proċedura għandha tapplika fir-rigward ta' kull bidla sussegwenti fil-profili u n-numri globali ta' gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor tar-riżerva ta' reazzjoni rapida. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għar-riżerva ta' reazzjoni rapida permezz ta' riżerva ta' esperti nazzjonali abbażi tal-profili differenti definiti billi jinnominaw gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor li jikkorrispondu għall-profili meħtieġa.
5. Ir-riżerva ta' reazzjoni rapida għandha tkun korp permanenti għad-dispożizzjoni immedjata tal-Aġenzija u li jista' jintbagħat minn kull Stat Membru fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-pjan operazzjonali jiġi miftiehem bejn id-direttur eżekuttiv u l-Istat Membru ospitanti. Għal dak il-għan, kull Stat Membru għandu, fuq bażi annwali, jagħmel disponibbli għall-Aġenzija numru ta' gwardji tal-fruntieri jew persunal ieħor rilevanti. Il-profili tagħhom għandhom ikunu kif definiti fid-deċiżjoni tal-bord amministrattiv. In-numru total tal-persunal li jitqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri għandu jkun ta' mill-anqas 1 500 gwardja tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor. L-Aġenzija tista' tivverifika jekk il-gwardji tal-fruntiera proposti mill-Istati Membri jikkorrispondu għal profili definiti. L-Aġenzija tista' titlob li Stat Membru jneħħi gwardja tal-fruntiera mir-riżerva f'każ ta' mġiba ħażina jew ksur tar-regoli applikabbli.
6. Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-kontribuzzjoni tiegħu tgħan-numru ta' gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor kif imsemmi fil-paragrafu 5, f'konformità mal-Anness I.
7. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-gwardji tal-fruntieri u/jew persunal rilevanti ieħor mir-riżerva ta' reazzjoni rapida disponibbli fuq talba tal-Aġenzija. Jekk analiżi tar-riskju u kwalunkwe valutazzjoni tal-vulnerabbiltà disponibbli juru li Stat Membru qed jiffaċċja sitwazzjoni li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq ta' kompiti nazzjonali, il-kontribuzzjoni tiegħu għall-istazzjonament ta' intervent rapidu fil-fruntieri għandu jkun nofs il-kontribuzzjoni tiegħu ffissatta fl-Anness I. Stat Membru ospitanti fejn ikun qed isir intervent rapidu fil-fruntieri m'għandux jistazzjonapersunal li jifforma parti mill-kontribuzzjoni fissa tiegħu lejn ir-riżerva ta' reazzjoni rapida. Jekk ikun hemm nuqqas ta' persunal għall-istazzjonament fl-intervent rapidu fil-fruntieri, il-bord amministrattiv, għandu jiddeċiedi kif ser jimtela dak in-nuqqas, abbażi ta' proposta mid-direttur eżekuttiv.
8. Fejn meħtieġ, l-istazzjonament ta' timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta mir-riżerva ta' reazzjoni rapida għandu jiġi immedjatament supplementat b'timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Aġenzija, jikkomunikaw immedjatament in-numru, l-ismijiet u l-profili tal-gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor mir-riżerva nazzjonali tagħhom li huma jistgħu jagħmlu disponibbli fi żmien sebat ijiem tax-xogħol mill-bidu tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor disponibbli għall-istazzjonament fuq talba tal-Aġenzija, sakemm l-Istat Membru ma jkunx qed jiffaċċja sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b'mod sostanzjali it-twettiq ta' kompiti nazzjonali. Jekk Stat Membru jinvoka tali sitwazzjoni eċċezzjonali, hu għandu jagħti raġunijiet u informazzjoni komprensivi dwar is-sitwazzjoni lill-Aġenzija bil-miktub, li l-kontenut tagħhom għandu jiġi inkluż fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 12.
9. Jekk tinqala' sitwazzjoni fejn aktar gwardji tal-fruntiera huma rikjesti milli previst skont il-paragrafi 5 u 8, id-direttur eżekuttiv għandu immedjatament jinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Huwa jew hija għandu/għandha wkoll jistieden/tistieden lill-Kunsill ifittex impenji mill-Istati Membri biex jimtela dan in-nuqqas.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor li huma jikkontribwixxu jkunu jaqblu mal-profili u n-numri deċiżi mill-bord amministrattiv. Id-dewmien tal-istazzjonament għandu jiġi determinat mill-Istat Membru tal-oriġini iżda fi kwalunkwe każ m'għandux ikun anqas minn 30 jum għajr jekk l-operazzjoni, li tagħha l-istazzjonament huwa parti, tkun iqsar minn 30 jum.
11. L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta bi gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor kompetenti sekondati mal-Aġenzija mill-Istati Membri bħala esperti nazzjonali. Il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tas-sekondar tal-gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tagħhom għas-sena ta' wara għandu jkun ippjanat fuq il-bażi ta' negozjati u ftehimiet bilaterali ta' kull sena bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri. Skont ma jkun jingħad f'dawk il-ftehimiet, l-Istati Membri għandhom jagħmlu lill-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor disponibbli għas-sekondar, sakemm dan ma jkunx jaffettwa serjament it-twettiq tal-kompiti nazzjonali. F'tali sitwazzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jsejħu lura lill-gwardji tagħhom tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor li jkunu ġew issekondati.
Tali sekondar jista' jkun għal 12-il xahar jew aktar iżda fi kwalunkwe każ dan ma għandux ikun anqas minn tliet xhur. Il-gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor sekondati għandhom jiġu kunsidrati bħala membri tat-timijiet u għandu jkollhom il-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet. L-Istat Membru li jkun issekonda dawk il-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor għandu jitqies li jkun l-Istat Membru ta' oriġini.
Persunal ieħor impjegat mill-Aġenzija fuq bażi temporanja li mhuwiex ikkwalifikat biex iwettaq funzjonijiet ta' kontrolli fuq il-fruntiera għandu jintbagħat biss matul operazzjonijiet konġunti għal kompiti ta' koordinazzjoni u kompiti oħra li ma jitolbux taħriġ sħiħ tal-gwardji tal-fruntieri. Huma ma għandhomx jagħmlu parti mit-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri u tal-Kosta.
12. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali dwar in-numru ta' gwardji tal-fruntiera li kull Stat Membru jkun impenja u n-numru ta' gwardji tal-fruntiera li attwalment huma stazzjonati mat-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta skont dan l-Artikolu. Dan ir-rapport għandu jelenka l-Istati Membri li invokaw is-sitwazzjoni eċċezzjonali msemmija fil-paragrafi 3 u 8 fis-sena preċedenti. Huwa għandu jinkludi wkoll ir-raġunijiet u l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat.
▼M1 —————
Artikolu 30
Riżerva ta' Skorti tar-Ritorn Imġiegħel
1. L-Aġenzija għandha toħloq riżerva ta' skorti tar-ritorn imġiegħel minn korpi nazzjonali kompetenti li jwettqu operazzjonijiet ta' ritorn f'konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8(4) u (5) tad-Direttiva 2008/115/KE u li tħarrġu f'konformità mal-Artikolu 36 ta' dan ir-Regolament.
2. Il-bord amministrattiv, fuq proposta tad-direttur eżekuttiv, għandu jiddetermina l-profil u n-numru ta' skorti tar-ritorn imġiegħel li għandhom jkunu disponibbli għar-riżerva. L-istess proċedura għandha tapplika fir-rigward ta' kull bidla sussegwenti fil-profil u n-numri globali. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għar-riżerva billi jinnominaw l-iskorti tar-ritorn imġiegħel li jikkorrispondu għall-profil definit. L-iskorti tar-ritorn imġiegħel b'kompetenza esperta speċifika fil-protezzjoni tat-tfal għandhom jiġu inklużi fir-riżerva.
3. Il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri tal-iskorti tar-ritorn imġiegħel tagħhom għal operazzjonijiet u interventi ta' ritorn speċifiċi għas-sena ta' wara għandu jiġi ppjanat abbażi ta' negozjati u ftehimiet bilaterali annwali bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri. F'konformità ma' dawk il-ftehimiet, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-iskorti tar-ritorn imġiegħel biex jiġu stazzjonati fuq it-talba tal-Aġenzija, sakemm ma jkunux iffaċċjati b'sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa sostanzjalment it-twettiq ta' kompiti nazzjonali. Tali talba għandha ssir mill-anqas 21 jum ta' xogħol qabel l-istazzjonament maħsub, jew ħamest ijiem ta' xogħol f'każ ta' intervent ta' ritorn rapidu.
4. L-Aġenzija għandha tagħmel l-iskorti tar-ritorn imġiegħel disponibbli fuq talba, lill-Istati Membri parteċipanti biex jeskortaw lil dawk li jirritornaw f'isimhom u biex jieħdu sehem f'operazzjonijiet ta' ritorn u interventi ta' ritorn. Hija għandha tagħmel disponibbli spetturi tar-ritorn imġiegħel b'kompetenza esperta speċifika fil-protezzjoni tat-tfal għal kull operazzjoni ta' ritorn li tinvolvi t-tfal.
5. L-ispetturi tar-ritorn imġiegħel għandhom jibqgħu soġġetti għall-miżuri dixxiplinarji tal-Istat Membru ta' oriġini tagħhom matul operazzjoni ta' ritorn jew intervent ta' ritorn.
Artikolu 31
Riżerva ta' speċjalisti tar-ritorn
1. L-Aġenzija għandha toħloq riżerva ta' speċjalisti tar-ritorn mill-korpi nazzjonali kompetenti u mill-persunal tal-Aġenzija, li jkollhom il-ħiliet u l-kompetenza meħtieġa biex iwettqu attivitajiet relatati mar-ritorn u li jkunu tħarrġu f'konformità mal-Artikolu 36. Dawk l-ispeċjalisti għandhom ikunu disponibbli biex iwettqu kompiti speċifiċi, bħall-identifikazzjoni ta' gruppi partikolari ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-ksib ta' dokumenti tal-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni konsulari.
2. Il-bord amministrattiv, fuq proposta tad-direttur eżekuttiv, għandu jiddetermina l-profil u n-numru tal-ispeċjalisti tar-ritorn li għandu jkun disponibbli għal dik ir-riżerva. L-istess proċedura għandha tapplika fir-rigward ta' kwalunkwe bidla sussegwenti fil-profili u n-numri globali. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għar-riżerva billi jinnominaw speċjalisti li jikkorrispondu għall-profil definit. L-ispeċjalisti tar-ritorn b'kompetenza esperta speċifika fil-protezzjoni tat-tfal għandhom jiġu inklużi fir-riżerva.
3. Il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri tal-ispeċjalisti tar-ritorn tagħhom għal operazzjonijiet u interventi ta' ritorn speċifiċi għas-sena ta' wara għandu jiġi ppjanat abbażi ta' negozjati u ftehimiet bilaterali annwali bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri. F'konformità ma' dawn il-ftehimiet, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-ispeċjalisti tar-ritorn biex jintbagħtu fuq it-talba tal-Aġenzija, sakemm ma jkunux iffaċċjati b'sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa sostanzjalment it-twettiq ta' kompiti nazzjonali. Tali talba għandha ssir mill-anqas 21 jum ta' xogħol qabel l-istazzjonament maħsub, jew ħamest ijiem ta' xogħol f'każ ta' intervent ta' ritorn rapidu.
4. L-Aġenzija għandha tagħmel l-ispeċjalisti tar-ritorn disponibbli, fuq talba lill-Istati Membri li jipparteċipaw f'operazzjonijiet ta' ritorn, u biex jieħdu sehem f'interventi ta' ritorn. Hija għandha tagħmel disponibbli speċjalisti tar-ritorn b'kompetenzi speċifiċi fil-protezzjoni tat-tfal għal kwalunkwe operazzjoni ta' ritorn li tinvolvi t-tfal.
5. L-ispeċjalisti tar-ritorn għandhom jibqgħu soġġetti għall-miżuri dixxiplinarji jew tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru ta' oriġini tagħhom matul operazzjoni ta' ritorn jew intervent ta' ritorn.
▼M1 —————