02016R0589 — MT — 31.07.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2016/589 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2016

dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 107 22.4.2016, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/1149 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 186

21

11.7.2019




▼B

REGOLAMENT (UE) 2016/589 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2016

dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 45 TFUE, billi jistabbilixxi prinċipji u regoli dwar:

▼M1

(a) l-organizzazzjoni tan-netwerk EURES bejn il-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u l-Istati Membri;

(b) il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u l-Istati Membri dwar il-kondiviżjoni ta’ data disponibbli rilevanti dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs;

▼B

(c) l-azzjonijiet tal-Istati Membri u bejniethom biex jinkiseb bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol, bil-għan li jinkiseb livell għoli ta' impjiegi ta' kwalità;

(d) il-funzjonament ta' network tal-EURES, inkluża kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-involviment ta' atturi oħra;

(e) servizzi ta' appoġġ fil-mobilità relatati mal-funzjonament tan-netwerk tal-EURES li għandhom ikunu pprovduti lill-ħaddiema u lill-impjegaturi, kif ukoll tiġi promossa il-mobilità fuq bażi ġusta;

▼M1

(f) il-promozzjoni tan-netwerk EURES fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni effettivi meħuda mill-Kummissjoni, mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u mill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “servizzi pubbliċi tal-impjiegi” jew “PES” tfisser l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, bħala parti mill-ministeri, il-korpi pubbliċi jew il-korporazzjonijiet rilevanti li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' politiki attivi fis-suq tax-xogħol u li jipprovdu servizzi tal-impjiegi ta' kwalità fl-interess pubbliku;

(2) “servizzi tal-impjieg” tfisser entità ġuridika, li topera b'mod legali fi Stat Membru, li tipprovdi servizzi għall-ħaddiema li qed ifittxu impjieg impjieg u għall-impjegaturi li jixtiequ jirreklutaw il-ħaddiema;

(3) “post tax-xogħol battal” tfisser offerta ta' impjieg, li tagħti lok lill-applikant jidħol f'relazzjoni ta' impjieg li permezz tagħha dak l-applikant jikkwalifika bħala ħaddiem għall-finijiet tal-Artikolu 45 TFUE;

(4) “approvazzjoni” tfisser l-iskambju ta' informazzjoni u l-ipproċessar ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs;

(5) “pjattaforma komuni tal-IT” tfisser infrastruttura tal-IT u pjattaformi relatati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni għall-fini tat-trasparenza u l-approvazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(6) “ħaddiem tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe ħaddiem li jwettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor li normalment il-ħaddiem jirritorna fih kuljum jew tal-inqas darba fil-ġimgħa;

(7) “sħubija transkonfinali tal-EURES” tfisser raggruppament ta' Membri jew Imsieħba tal-EURES u, fejn rilevanti, partijiet ikkonċernati oħra barra min-netwerk tal-EURES, bil-ħsieb ta' kooperazzjoni fit-tul fi strutturi reġjonali stabbiliti fir-reġjuni transkonfinali bejn is-servizzi tal-impjiegi fil-livell reġjonali, lokali u, fejn xieraq, nazzjonali; l-Imsieħba soċjali; u, fejn rilevanti partijiet ikkonċernati oħra ta' mill-inqas żewġ Stati Membri jew Stat Membru u pajjiż ieħor parteċipanti fl-istrumenti tal-Unjoni maħsuba biex jappoġġaw in-netwerk tal-EURES;

▼M1

(8) “awtorità Ewropea tax-Xogħol” tfisser il-korp stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

▼B

Artikolu 4

Aċċessibbiltà

1.  Is-servizzi mogħtija skont dan ir-Regolament għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema u lill-impjegaturi kollha madwar l-Unjoni u għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' trattament indaqs.

▼M1

2.  Għandha tiġi żgurata l-aċċessibbiltà min-naħa ta’ persuni b’diżabiltajiet għall-informazzjoni pprovduta fuq il-portal EURES u għas-servizzi ta’ appoġġ disponibbli fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni u l-Membri u s-Sħab tal-EURES għandhom jiddeterminaw il-mezzi biex jiżguraw dan fir-rigward tal-obbligi rispettivi tagħhom.

▼B



KAPITOLU II

STABBILIMENT MILL-ĠDID TAN-NETWERK TAL-EURES

Artikolu 5

Stabbiliment mill-ġdid tan-netwerk tal-EURES

1.  In-netwerk tal-EURES huwa b'dan stabbilit mill-ġdid.

2.  Dan ir-Regolament jissostitwixxi l-qafas regolatorju dwar il-EURES kif stabbilit fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/733/UE adottata abbażi tal-Artikolu 38 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Objettivi tan-netwerk tal-EURES

In-netwerk tal-EURES għandu, fi ħdan l-oqsma tal-attivitajiet tiegħu, jikkontribwixxi għall-objettivi li ġejjin:

(a) il-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 TFUE u mir-Regolament (UE) Nru 492/2011;

(b) l-implimentazzjoni tal-istrateġija koordinata għall-impjiegi u, b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin, imħarrġa u li tadatta kif imsemmija fl-Artikolu 145 TFUE;

(c) it-titjib tal- funzjonament, il-koeżjoni u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni, inkluż fil-livell transkonfinali;

(d) il-promozzjoni ta' mobilità ġeografika u professjonali volontarja fl-Unjoni, inkluż fir-reġjuni transkonfinali, fuq bażi ġusta u f'konformità mal-liġi u l-prassi tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

(e) l-appoġġ għal transizzjonijiet lejn is-suq tax-xogħol, biex b'hekk jiġu promossi l-objettivi soċjali u tal-impjiegi msemmija fl-Artikolu 3 TUE.

Artikolu 7

Kompożizzjoni tan-netwerk tal-Eures

1.  In-netwerk tal-EURES għandu jinkludi l-kategoriji ta' organizzazzjonijiet li ġejjin:

▼M1

(a) “Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni”, li għandu jiġi stabbilit fi ħdan l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u li għandu jkun responsabbli biex jassisti lin-netwerk EURES fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu;

▼B

(b) “Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni” (NCOs) responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istat Membru rispettiv, li għandhom jiġu deżinjati mill-Istati Membri u li jistgħu jkunu l-PES tagħhom;

(c) il-Membri tal-EURES jiġifieri:

(i) il-PES maħtura mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 10; u

(ii) l-organizzazzjonijiet ammessi f'konformità mal-Artikolu 11, jew għal perijodu ta' transizzjoni, skont l-Artikolu 40, biex jipprovdu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluż fuq bażi transkonfinali, appoġġ fl-approvazzjoni u servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema u lill-impjegaturi;

(d) L-Imsieħba tal-EURES, li huma organizzazzjonijiet ammessi f'konformità mal-Artikolu 11, u b'mod partikolari mal-paragrafi 2 u 4 tiegħu, jew għal perijodu ta' transizzjoni, f'konformità mal-Artikolu 40, biex jipprovdu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluż fuq bażi transkonfinali, appoġġ fl-approvazzjoni jew servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema u lill-impjegaturi;

▼M1

(e) il-Kummissjoni.

▼B

2.  Organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali jistgħu jsiru parti min-netwerk tal-EURES bħala Membri jew Imsieħba tal-EURES f'konformità mal-Artikolu 11.

Artikolu 8

Responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

1.   ►M1  L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni għandu jassisti lin-netwerk EURES fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, b’mod partikolari billi jiżviluppa u jwettaq, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-NCOs u mal-Kummissjoni, l-attivitajiet li ġejjin: ◄

(a) it-tiswir ta' qafas koerenti u l-forniment ta' attivitajiet ta' appoġġ orizzontali għall-benefiċċju tan-netwerk tal-EURES, inklużi:

▼M1

(i) bħala s-sid tas-sistema għall-portal EURES, u s-servizzi relatati tal-IT, id-definizzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti u r-rekwiżiti tan-negozji li trid tiġi trażmessa lill-Kummissjoni għall-operat u l-iżvilupp tal-portal, inkluż is-sistemi u l-proċeduri tiegħu għall-iskambju tal-postijiet vakanti tal-impjiegi, l-applikazzjonijiet tal-impjiegi, CVs u dokumenti ta’ appoġġ u informazzjoni oħra, f’kooperazzjoni ma’ informazzjoni tal-Unjoni rilevanti oħrajn servizzi konsultattivi jew netwerks, u inizjattivi;

▼B

(ii) attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar in-netwerk tal-EURES;

(iii) programm ta' taħriġ komuni u żvilupp professjonali kontinwu għall-persunal tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES u tal-NCOs, li jiżguraw il-kompetenza esperta meħtieġa;

(iv) funzjoni ta' helpdesk li tappoġġa l-persunal tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES u NCOs, b'mod partikolari l-persunal f'kuntatt dirett mal-ħaddiema u l-impjegaturi;

(v) il-faċilitazzjoni ta' netwerking, l-iskambju tal-aħjar prassi u t-tagħlim reċiproku fi ħdan in-netwerk tal-EURES;

(b) l-analiżi tal-mobilità ġeografika u professjonali, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri;

(c) l-iżvilupp ta' struttura xierqa għall-kooperazzjoni u l-approvazzjoni fi ħdan l-Unjoni għal apprendistati u traineeships, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

▼M1

2.  L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni għandu jkun immaniġġjat mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni għandu jistabbilixxi djalogu regolari mar-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni.

3.  L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni għandu,wara li jikkonsultalill-Grupp ta’ Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 u lill-Kummissjoni, ifassal il-programmi ta’ ħidma pluriennali tiegħu.

▼B

Artikolu 9

Responsabbiltajiet tal-NCOs

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru l-NCOs f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 7(1). L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'dawk il-ħatriet.

2.  Kull NCO għandu jkun responsabbli għal:

(a) l-organizzazzjoni tal-ħidma relatata man-netwerk tal-EURES fl-Istat Membru, inkluż l-iżgurar ta' trasferiment ikkoordinat ta' informazzjoni fil-portal tal-EURES dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs f'konformità mal-Artikolu 17 b'mezz uniku kkoordinat;

▼M1

(b) il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u mal-Istati Membri dwar l-approvazzjoni fi ħdan il-qafas stabbilit fil-Kapitolu III;

▼B

(c) l-għoti lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar id-diskrepanzi bejn in-numru ta' postijiet tax-xogħol battala notifikati u n-numru totali ta' postijiet tax-xogħol battala fil-livell nazzjonali;

(d) il-koordinazzjoni ta' azzjonijiet fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat u flimkien ma' Stati Membri oħrajn f'konformità mal-Kapitolu V.

3.  Kull NCO għandu jorganizza l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-attivitajiet ta' appoġġ orizzontali pprovduti mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8, fejn adatt f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni u NCOs oħrajn. Dawk l-attivitajiet ta' appoġġ orizzontali għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a) għall-fini ta' pubblikazzjoni, b'mod partikolari fuq il-portal tal-EURES, il-ġbir u l-validazzjoni ta' informazzjoni aġġornata dwar il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES li joperaw mit-territorju nazzjonali tal-NCO, l-attivitajiet tagħhom u l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi ta' appoġġ li jipprovdu lill-ħaddiema u l-impjegaturi;

(b) il-forniment ta' attivitajiet ta' qabel it-taħriġ relatati mal-attività tal-EURES u, l-għażla ta' persunal biex jieħu sehem fil-programm ta' taħriġ komuni u f'attivitajiet ta' tagħlim reċiproku;

(c) il-ġbir u l-analiżi ta' data relatata mal-Artikoli 31 u 32.

4.  Għall-fini ta' pubblikazzjoni, b'mod partikolari fuq il-portal tal-EURES, fl-interess tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, kull NCO għandu jagħmel disponibbli, jaġġorna b'mod regolari u jqassam fil-ħin informazzjoni u gwida disponibbli fil-livell nazzjonali marbuta mas-sitwazzjoni fl-Istat Membru dwar:

(a) il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, inkluża informazzjoni ġenerali dwar is-sigurtà soċjali u l-ħlasijiet tat-taxxa;

(b) il-proċeduri amministrattivi rilevanti rigward l-impjiegi, u r-regoli applikabbli għall-ħaddiema meta jibdew l-impjieg tagħhom;

(c) il-qafas regolatorju nazzjonali tiegħu għall-apprendistati u t-traineeships u r-regoli u l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni;

(d) mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 17(2), aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(e) is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-fruntiera b'mod partikolari f'reġjuni transkonfinali;

(f) assistenza wara r-reklutaġġ b'mod ġenerali u informazzjoni dwar fejn tista' tinkiseb tali assistenza fin-netwerk u, jekk tali informazzjoni hija disponibbli, barra minn netwerk tal-EURES.

Fejn adatt, l-NCOs jistgħu jagħmlu disponibbli u jqassmu l-informazzjoni f'kooperazzjoni ma' servizzi u netwerks oħrajn ta' informazzjoni u konsulenza u korpi xierqa fil-livell nazzjonali, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/54/UE.

5.  L-NCOs għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-mekkaniżmi u l-istandards imsemmijin fl-Artikolu 17(5) kif ukoll dwar standards rigward is-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data li huma rilevanti għall-pjattaforma komuni tal-IT. Huma għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, b'mod partikolari rigward ilmenti u postijiet tax-xogħol battala li ma jitqisux li jikkonformaw ma' dawk l-istandards skont il-liġi nazzjonali.

6.  Kull NCO għandu jipprovdi appoġġ ġenerali lill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES rigward kollaborazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom tal-EURES fi Stati Membri oħrajn, inkluż pariri lill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES dwar kif jiġu trattati l-ilmenti relatati mal-postijiet tax-xogħol battala u r-reklutaġġ tal-EURES, kif ukoll dwar kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Jekk l-informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-NCO, l-eżitu tal-proċeduri ta' lmenti għandu jintbagħat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

7.  L-NCO għandu jippromwovi l-kollaborazzjoni ma' partijiet ikkonċernati bħall-imsieħba soċjali, servizzi ta' gwida fil-karriera, istituzzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u ta' edukazzjoni għolja, kmamar tal-kummerċ, servizzi soċjali u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u organizzazzjonijiet involuti f'apprendistati u skemi ta' traineeships.

Artikolu 10

Ħatra tal-PES bħala Membri tal-EURES

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru l-PES rilevanti għall-attivitajiet fin-netwerk tal-EURES bħala Membri tal-EURES. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'dawk il-ħatriet. Bis-saħħa tal-ħatra tagħhom, dawk il-PES għandhom jibbenefikaw minn status speċjali fi ħdan in-netwerk tal-EURES.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rwol tagħhom bħala Membri tal-EURES, il-PES jissodisfaw l-obbligi kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament u tal-inqas jissodisfaw il-kriterji minimi komuni elenkati fl-Anness I.

3.  PES jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala Membri tal-EURES permezz ta' organizzazzjonijiet li jaġixxu fir-responsabbiltà tal-PES, fuq il-bażi ta' delega, esternalizzazzjoni jew ftehimiet speċifiċi.

Artikolu 11

Ammissjoni bħala Membri tal-EURES (li mhumiex PES) u Msieħba tal-EURES

1.  Kull Stat Membru għandu, mingħajr dewmien żejjed iżda tal-anqas sa 13 ta' Mejju 2018, ikollu stabbilita sistema li ddaħħal organizzazzjonijiet biex isiru Membri u Msieħba tal-EURES, biex jissorvelja l-attivitajiet tagħhom u l-konformità tagħhom mal-liġi applikabbli meta jiġi applikat dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, biex iħassar l-ammissjoni tagħhom. Dik is-sistema għandha tkun trasparenti u proporzjonata, għandha tirrispetta l-prinċipji ta' trattament indaqs għall-organizzazzjonijiet li japplikaw u l-proċess dovut tal-liġi u għandha tipprovdi rimedji suffiċjenti biex tiżgura protezzjoni legali effettiva.

2.  Għall-finijiet tas-sistema msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti u l-kriterji biex jiġu ammessi l-Membri u l-Imsieħba tal-EURES. Dawk ir-rekwiżiti u l-kriterji tal-inqas għandhom jinkludu l-kriterji minimi komuni stipulati fl-Anness I. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti jew kriterji addizzjonali li jkunu neċessarji għall-fini tal-applikazzjoni korretta tar-regoli applikabbli għall-attivitajiet tas-servizzi tal-impjiegi u l-immaniġġjar effettiv ta' politiki dwar is-suq tax-xogħol fit-territorju tagħhom.

3.  Organizzazzjonijiet li joperaw b'mod legali fi Stat Membru jistgħu japplikaw biex isiru Membri tal-EURES, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u għas-sistema stabbilita msemmija fil-paragrafu 1. Organizzazzjoni li tapplika biex issir Membru tal-EURES għandha, fl-applikazzjoni tagħha, timpenja ruħha li tissodisfa l-obbligi kollha indirizzati lill-Membri skont dan ir-Regolament, inkluż li twettaq il-kompiti kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 12(2).

4.  Organizzazzjoni li topera b'mod legali fi Stat Membru tista' tapplika biex issir Imsieħba tal-EURES, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u għas-sistema msemmija fil-paragrafu 1, dment li tiġġustifika kif dovut li hija tista' twettaq mhux iktar minn żewġ kompiti elenkati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 12(2), fuq raġunijiet ta' skala, riżorsi finanzjarji, in-natura tas-servizzi normalment ipprovduti mill-organizzazzjoni jew l-istruttura organizzattiva, inkluż li tkun organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ. Organizzazzjoni li tapplika biex issir Imsieħba tal-EURES għandha, fl-applikazzjoni tagħha, timpenja ruħha li tissodisfa r-rekwiżiti li l-Imsieħba tal-EURES huma soġġetti taħt dan ir-Regolament u tal-anqas wieħed mill-kompiti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 12(2).

5.  L-Istati Membri għandhom jammessaw organizzazzjonijiet li japplikaw biex isiru Membri jew Imsieħba tal-EURES, jekk huma jissodisfaw il-kriterji u r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.

6.  L-NCOs għandhom jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni bis-sistemi msemmija fil-paragrafu 1, inklużi kriterji u rekwiżiti addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES ammessi skont dik is-sistema u bi kwalunkwe rifjut minħabba nuqqas ta' konformità mal-punt 1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħaddi dik l-informazzjoni lill-NCOs l-oħrajn.

7.  L-Istati Membri għandhom jirrevokaw l-ammissjoni tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, jekk huma ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji jew ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4. L-NCOs għandhom jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'tali revoka u r-raġunijiet għaliha. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-NCOs l-oħrajn.

8.  Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tista' tadotta mudell għad-deskrizzjoni tas-sistema nazzjonali u l-proċeduri għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-sistemi msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES

1.  Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jikkontribwixxu għan-Netwerk tal-EURES rigward il-kompiti li għalihom ikunu nħatru f'konformità mal-Artikolu 10 jew li għalihom ikunu ġew ammessi f'konformità mal-Artikolu 11(3) u (4), jew, għal perijodu ta' transizzjoni, f'konformità mal-Artikolu 40, u għandhom jissodisfaw l-obbligi l-oħrajn tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.  Il-Membri tal-EURES għandhom jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES, inkluż billi jissodisfaw il-kompiti kollha, u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipparteċipaw fin-netwerk tal-EURES, inkluż billi jissodisfaw tal-inqas wieħed mill-kompiti li ġejjin:

(a) li jikkontribwixxu għall-postijiet tax-xogħol battala f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 17(1);

(b) li jikkontribwixxu għall-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 17(1);

(c) li jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegaturi f'konformità mal-Artikoli 23 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikolu 26 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 27.

3.  Il-Membri tal-EURES u, fejn applikabbli, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu, għall-finijiet tal-portal tal-EURES, il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament magħhom kif ukoll l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs kollha fejn il-ħaddiem ikun ta l-kunsens tiegħu biex l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll għall-portal tal-EURES f'konformità mal-Artikolu 17(3). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 17(2) għandhom japplikaw għal postijiet tax-xogħol battala disponibbli pubblikament permezz tal-Membri tal-EURES u, fejn applikabbli, mal-imsieħba tal-EURES.

4.  Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jaħtru punt ta' kuntatt wieħed jew iktar, bħal uffiċċji ta' kollokament u reklutaġġ, ċentri ta' assistenza bit-telefown u għodod self-service f'konformità mal-kriterji nazzjonali, fejn ħaddiema u impjegaturi jistgħu jingħataw appoġġ fl-approvazzjoni, l-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ, jew it-tnejn, f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-punti ta' kuntatt jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq programmi ta' skambju tal-persunal, id-distakk tal-uffiċjali ta' kollegament jew jinvolvu aġenziji ta' kollokament komuni.

5.  Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES, għandhom jiżguraw li l-punti ta' kuntatt li huma għażlu jindikaw biċ-ċar l-ambitu tas-servizzi ta' appoġġ ipprovduti lill-ħaddiema u l-impjegaturi.

6.  F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-Istati Membri jistgħu, permezz tal-NCO tagħhom, jirrikjedu lill-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES biex jikkontribwixxu għal:

(a) il-ġbir ta' informazzjoni u gwida li għandha tiġi ppubblikata fuq il-portal tal-EURES imsemmija fl-Artikolu 9(4);

(b) l-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 30;

(c) iċ-ċiklu ta' programmazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 31;

(d) il-ġbir ta' data kif imsemmi fl-Artikolu 32.

Artikolu 13

Responsabbiltajiet konġunti

F'konformità mar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES għandhom, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' xulxin, ifittxu li jippromwovu b'mod attiv l-opportunitajiet li l-mobilità tal-forza tax-xogħol toffri fi ħdan l-Unjoni u jfittxu li jsaħħu l-modi u l-mezzi sabiex il-ħaddiema u l-impjegaturi jgawdu minn mobilità fuq bażi ġusta u jaħtfu dawk l-opportunitajiet fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż fuq bażi transkonfinali.

Artikolu 14

Grupp ta' Koordinazzjoni

▼M1

1.  Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti fil-livell adattat tal-Kummissjoni, tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni u tal-NCOs.

▼B

2.  Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament billi jiskambja informazzjoni u jiżviluppa gwida. B'mod partikolari, huwa għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-mudelli msemmija fl-Artikolu 11(8) u l-Artikolu 31(5), l-abbozz ta' standards u formati tekniċi msemmija fl-Artikolu 17(8) u l-Artikolu 19(6), u l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data msemmija fl-Artikolu 32(3).

3.  Il-Grupp ta' Koordinazzjoni jista', fost l-oħrajn, jorganizza skambji tal-aħjar prassi li jikkonċernaw is-sistemi nazzjonali ta' ammissjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) u s-servizzi ta' appoġġ imsemmija fl-Artikoli 23 sa 27.

4.  L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jorganizza x-xogħol tal-Grupp ta' Koordinazzjoni u jippresjedi l-laqgħat tiegħu. Huwa għandu jżomm lil korpi jew netwerks rilevanti oħrajn infurmati bil-ħidma tal-Grupp ta' Koordinazzjoni.

Ir-rappreżentanti tal-imsiebħa soċjali fil-livell tal-Unjoni għandu jkollhom id-dritt li jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta' Koordinazzjoni.

5.  Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jikkoopera mal-Bord tan-Netwerk tal-PES, b'mod partikolari, jinfurmah dwar l-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES u l-iskambju tal-aħjar prassi.

Artikolu 15

Identità komuni u trade mark

1.  L-isem “EURES” għandu jintuża b'mod esklussiv għal attivitajiet fi ħdan in-netwerk tal-EURES skont dan ir-Regolament. Għandu jintwera permezz ta' logo standard, l-użu tiegħu li hu determinat permezz ta' skema ta' disinn grafiku, adottata mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

2.  Il-marka tas-servizz tal-EURES u l-logo, għandhom jintużaw mill-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES imsemmijin fl-Artikolu 7 fl-attivitajiet kollha tagħhom relatati man-netwerk tal-EURES biex tkun żgurata identità viżwali komuni.

3.  L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-materjal promozzjonali li jipprovdu jkunu koerenti mal-attivitajiet ta' komunikazzjoni ġenerali, l-istandards ta' kwalità komuni tan-netwerk tal-EURES u l-informazzjoni li ġejja mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

4.  L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-Netwerk tal-EURES għandhom jinfurmaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe abbuż mill-marka tas-servizz jew logo tal-EURES, li jsir minn parti terza jew pajjiż terz li huma jsiru jafu bih.

Artikolu 16

Kooperazzjoni u miżuri oħra

1.  L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-netwerk tal-EURES u servizzi u netwerks oħrajn tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni u konsultazzjoni.

2.  L-NCO għandhom jikkooperaw mas-servizzi u n-netwerks imsemmija fil-paragrafu 1 fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinkisbu s-sinerġiji u jiġi evitat l-irduppjar, u, fejn xieraq, għandhom jinvolvu l-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES.

3.  L-NCOs għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tan-netwerk tal-EURES mal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, billi jiġi żgurat li jkun hemm djalogu regolari mal-imsiebħa soċjali, f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

4.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni mill-qrib, fil-livell transkonfinali, bejn atturi reġjonali, lokali, u, fejn rilevanti, nazzjonali, bħal fil-prattiki u s-servizzi mogħtija fil-qafas tas-sħubijiet transkonfinali EURES.

5.  L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet one stop shop għall-komunikazzjoni, inkluż komunikazzjoni online, ma' ħaddiema u impjegaturi dwar l-oqsma komuni tal-attività tal-EURES u s-servizzi u n-netwerks msemmija fil-paragrafu 1.

▼M1

6.  L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjnoni, jeżaminaw kull possibbiltà biex tingħata prijorità liċ-ċittadini tal-Unjoni meta jimtlew postijiet tax-xogħol battala sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-provvista ta’ ħaddiema u d-domanda għall-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri meħtieġa għal dak il-għan.

▼B



KAPITOLU III

PJATTAFORMA KOMUNI TAL-IT

Artikolu 17

Organizzazzjoni tal-pjattaforma komuni tal-IT

1.  Biex il-postijiet tax-xogħol battala jitlaqqgħu mal-applikazzjonijiet għax-xogħol, kull Stat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES:

(a) il-postijiet tax-xogħol battala kollha li huma disponibbli pubblikament permezz tal-PES kif ukoll dawk ipprovduti minn Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-imsiebħa tal-EURES f'konformità mal-Artikolu 12(3);

(b) l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs kollha disponibbli permezz tal-PES kif ukoll dawk ipprovduti mill-Membri tal-EURES l-oħra u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES, f'konformità mal-Artikolu 12(3), dment li l-ħaddiema kkonċernati jkunu taw il-kunsens biex l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-portal tal-EURES skont it-termini definiti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu mekkaniżmu li jippermetti lill-impjegaturi li jagħżlu li ma jippubblikawx post battal fuq il-portal tal-EURES jekk it-talba tkun debitament ġustifikata abbażi tar-rekwiżiti tal-ħiliet u l-kompetenzi relatati mal-impjieg.

2.  Meta jqiegħdu għad-dispożizzjoni data dwar postijiet tax-xogħol battala fil-portal tal-EURES, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

(a) il-postijiet tax-xogħol battala li minħabba n-natura tagħhom jew ir-regoli nazzjonali, huma miftuħa biss għaċ-ċittadini ta' pajjiż speċifiku;

(b) postijiet tax-xogħol battala relatati ma' kategoriji ta' apprendistati u traineeships li, peress li jkun fihom aspett ta' tagħlim, huma parti mis-sistemi edukattivi nazzjonali jew li huma ffinanzjati b'mod pubbliku, bħala parti mill-politiki attivi tal-Istat Membru favur is-suq tax-xogħol;

(c) postijiet tax-xogħol battala oħra, bħala parti mill-politiki attivi ta' Stat Membru favur is-suq tax-xogħol.

3.  Il-kunsens tal-ħaddiema msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jkun espliċitu, mhux ambigwu, mogħti liberalment, speċifiku u informat. Il-ħaddiema, jistgħu fi kwalunwe waqt, jirtiraw il-kunsens tagħhom u jitolbu t-tħassir jew l-emenda ta' kwalunkwe data, jew kollha kemm hi, li tqiegħdet għad-dispożizzjoni. Il-ħaddiema jistgħu jagħżlu minn numru ta' għażliet biex jillimitaw l-aċċess għad-data tagħhom jew għal ċerti attributi.

4.  Rigward il-ħaddiema li jkun minorenni, il-kunsens għandu jiġi provdut flimkien ma' dak tal-ġenituri jew tal-kustodji tagħhom.

5.  L-Istati Membri għandhom ikunu implimentaw il-mekkaniżmi u l-istandards adatti meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità intrinsika u teknika tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorsi tad-data jkunu jistgħu jiġu ttraċċati għall-fini tal-monitoraġġ tal-kwalità ta' dik id-data.

7.  Biex ikun jista' jsir tlaqqigħ bejn il-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi pprovduta skont sistema uniformi u b'mod trasparenti.

8.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istandards u l-formati tekniċi neċessarji li għandhom il-għan li jwasslu għas-sistema uniformi msemmija fil-paragrafu 7. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3).

Artikolu 18

Aċċess fil-livell nazzjonali għall-pjattaforma komuni tal-IT

1.  Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw li l-portal tal-EURES ikun viżibbli b'mod ċar u li fih ikun faċli li titwettaq tfittxija permezz tal-portali kollha amministrati minnhom li jintużaw għat-tfittxija ta' xogħol, kemm jekk fuq livell ċentrali, reġjonali jew inkella lokali, u li dawk il-portali jkunu konnessi mal-portal tal-EURES.

2.  Il-PES għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikollhom link viżibbli b'mod ċar mal-portal tal-EURES fuq kwalunkwe portal tal-web amministrat minnhom.

3.  Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw li l-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs kollha disponibbli fuq il-portal tal-EURES ikunu aċċessibbli faċilment għall-persunal tagħhom involut fin-netwerl tal-EURES.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferiment ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs msemmi fl-Artikolu 9(2)(a) isir b'mezz ikkoordinat uniku.

Artikolu 19

Tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni rigward l-interoperabbiltà bejn sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea żviluppata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Istati Membri infurmati dwar l-iżvilupp tal-klassifikazzjoni Ewropea.

▼B

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-lista ta' ħiliet, kompetenzi u professjonijiet tal-klassifikazzjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3). Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Għall-fini tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, mingħajr dewmien mhux dovut iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni tal-lista msemmija fil-paragrafu 2, inventarju inizjali biex ifassal mappa tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u settorjali tiegħu ma' u minn dik il-lista, u, wara l-introduzzjoni tal-użu tal-inventarju fuq il-bażi ta' applikazzjoni li ssir mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, jaġġorna b'mod regolari l-inventarju biex iżommu aġġornat mal-evoluzzjoni tas-servizzi ta' reklutaġġ.

4.  L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissostitwixxu l-klassifikazzjonijiet nazzjonali tagħhom bil-klassifikazzjoni Ewropea, kif titlesta, jew iżommu s-sistemi ta' klassifikazzjoni nazzjonali interoperabbli tagħhom.

5.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ tekniku u, fejn possibbli, finanzjarju lill-Istati Membri meta jistabbilixxu l-inventarju skont il-paragrafu 3 u lill-Istati Membri li jagħżlu li jissostitwixxu l-klassifikazzjonijiet nazzjonali bil-klassifikazzjoni Ewropea.

6.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istandards u l-formati tekniċi neċessarji għall-operazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT bl-użu tal-klassifikazzjoni Ewropea u l-interoperabilità bejn sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3).

Artikolu 20

Mekkaniżmu ta' aċċess faċilitat għal ħaddiema u impjegaturi

1.  Il-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES għandhom, fuq talba, jassistu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi li jużaw is-servizzi tagħhom, b'rabta mar-reġistrazzjoni tagħhom fuq il-portal tal-EURES. Dik l-assistenza għandha tkun mingħajr ħlas.

2.  Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi li jużaw is-servizzi tagħhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni ġenerali dwar kif, meta u fejn jistgħu jaġġornaw, jirrevedu u jirtiraw id-data kkonċernata.



KAPITOLU IV

SERVIZZI TA' APPOĠĠ

Artikolu 21

Prinċipji

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi jista' jkollhom aċċess, mingħajr dewmien mhux dovut, kemm online jew offline, għal servizzi ta' appoġġ fil-livell nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta' approċċ koordinat fil-livell nazzjonali lejn is-servizzi ta' appoġġ.

Il-ħtiġijiet lokali u reġjonali speċifiċi għandhom jitqiesu.

3.  Is-servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegaturi kif imsemmija fl-Artikolu 22, l-Artikolu 25(1), l-Artikolu 26 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 27 għandhom ikunu mingħajr ħlas.

Is-servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema kif imsemmija fl-Artikolu 23 għandhom ikunu mingħajr ħlas.

Is-servizzi ta' appoġġ għall-impjegaturi kif imsemmija fl-Artikolu 24 jistgħu jkunu soġġetti għal tariffa.

4.  Kwalunkwe tariffa mitluba għas-servizzi li l-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES, joffru skont dan il-Kapitolu m'għandhiex tkun ogħla minn dik applikabbli għal servizzi komparabbli oħra pprovduti mill-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES. Fejn applikabbli, il-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES għandhom jinfurmaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi b'kull spiża involuta b'mod ċar u preċiż.

5.  Il-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES ikkonċernati għandhom jindikaw b'mod ċar lill-ħaddiema u lill-impjegaturi l-medda ta' servizzi ta' appoġġ li jipprovdu, fejn u kif dawk is-servizzi huma aċċessibbli u l-kundizzjonijiet li fihom huwa pprovdut aċċess, billi jintużaw il-mezzi ta' informazzjoni tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata fuq il-Portal tal-EURES.

6.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), il-Membri tal-EURES imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 7 (1) u l-Imsiebħa tal-EURES jistgħu joffru s-servizzi tagħhom online biss.

Artikolu 22

Aċċess għal informazzjoni bażika

1.  Il-Membri u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES għandhom jipprovdu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi informazzjoni bażika dwar il-portal tal-EURES inkluża l-bażi tad-data tal-applikazzjonijiet għax-xogħol u tas-CVs, u n-Netwerk tal-EURES, inkluż id-dettalji ta' kuntatt ta' Membri u Msiebħa tal-EURES rilevanti fil-livell nazzjonali, informazzjoni dwar il-mezzi ta' reklutaġġ li huma jużaw (servizzi elettroniċi, servizzi personalizzati, il-post tal-punti ta' kuntatt) u l-links rilevanti fuq l-internet, b'mod li jkunu aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent.

Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES għandhom, fejn xieraq, jirreferu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi lil Membri jew Imsiebħa oħra tal-EURES.

2.  L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jappoġġa l-iżvilupp ta' informazzjoni bażika skont dan l-Artikolu u għandu jassisti lill-Istati Membri fl-iżgurar ta' kopertura lingwistika adegwata, b'kont meħud tat-talbiet tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.

Artikolu 23

Servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema

1.  Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti l-Imsiebħa tal-EURES għandhom joffru, mingħajr dewmien mhux dovut, lill-ħaddiema li qed ifittxu impjieg l-opportunità li jaċċessaw is-servizzi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3.

2.  Fuq talba tal-ħaddiem, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati, għandhom jipprovdu informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet individwali ta' impjieg u b'mod partikolari joffru lill-ħaddiem is-servizzi li ġejjin:

(a) jipprovdu jew jirreferu għal informazzjoni ġenerali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u għajxien fil-pajjiż destinatarju;

(b) jagħtu assistenza u gwida biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(4);

(c) fejn adatt, jipprovdu assistenza fit-tfassil tal-applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs biex jiżguraw konformità mal-istandards u l-formati tekniċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 17(8) u fl-Artikolu 19(6) u billi jtellgħu tali applikazzjoni għax-xogħol u CVs fuq il-portal tal-EURES;

(d) fejn adatt, iqisu kollokament possibbli fl-Unjoni bħala parti minn pjan ta' azzjoni individwali jew biex jiġi appoġġat l-abbozzar ta' pjan ta' mobbiltà individwali bħala mezz biex jinstab kollokament fl-Unjoni;

(e) meta xieraq, jirreferu lill-ħaddiem għand Membru jew Imsieħeb ieħor tal-EURES.

3.  Fuq talba raġonevoli tal-ħaddiem, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu aktar għajnuna fit-tfittix ta' impjieg u servizzi addizzjonali oħrajn, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-ħaddiem.

Artikolu 24

Servizzi ta' appoġġ għall-impjegaturi

1.  Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti l-Imsieħba tal-EURES għandhom joffru, mingħajr dewmien mhux dovut, lill-impjegaturi, li jkunu interessati fir-reklutaġġ ta' ħaddiema minn Stati Membri oħra, l-opportunità li jaċċessaw is-servizzi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3.

2.  Fuq talba ta' impjegatur, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES ikkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet ta' reklutaġġ u b'mod partikolari joffrulhom is-servizzi li ġejjin:

(a) li jipprovdu informazzjoni dwar regoli speċifiċi marbutin mar-reklutaġġ minn Stat Membru ieħor u dwar fatturi li jistgħu jiffaċilitaw tali reklutaġġ;

(b) fejn adatt, li jipprovdu informazzjoni dwar u assistenza fil-formulazzjoni ta' rekwiżiti ta' impjieg individwali b'rabta ma' post tax-xogħol battal u biex tiġi żgurata l-konformità tagħha mal-istandards u l-formati tekniċi Ewropej imsemmija fl-Artikoli 17(8) u fl-Artikolu 19(6).

3.  Fejn impjegatur jitlob iktar assistenza u hemm probabilità raġonevoli ta' reklutaġġ fl-Unjoni, il-Membri tal-EURES jew, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu aktar assistenza u servizzi addizzjonali, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-impjegatur.

Fejn mitlub, il-Membri tal-EURES jew, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu gwida individwali dwar il-formulazzjoni ta' rekwiżiti għal postijiet tax-xogħol battala.

Artikolu 25

Assistenza wara r-reklutaġġ

1.  Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES, fuq talba tal-ħaddiem jew tal-impjegatur għandhom jipprovdu:

(a) informazzjoni ġenerali dwar l-assistenza wara r-reklutaġġ bħal taħriġ dwar komunikazzjoni interkulturali, korsijiet tal-lingwa u appoġġ fl-integrazzjoni, inkluż informazzjoni ġenerali dwar opportunitajiet ta' impjieg għall-membri tal-familji tal-ħaddiema.

(b) fejn possibbli, id-dettalji ta' kuntatt tal-organizzazzjonijiet li joffru l-assistenza wara r-reklutaġġ.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(4), il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES li jipprovdu direttament assistenza wara r-reklutaġġ lill-ħaddiema jew lill-impjegaturi jistgħu jagħmlu dan billi jħallsu tariffa.

Artikolu 26

Aċċess iffaċilitat għall-informazzjoni dwar it-taxxa, kwistjonijiet relatati mal-kuntratti tax-xogħol, l-intitolament għall-pensjoni, l-assigurazzjoni medika, is-sigurtà soċjali u l-miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol

1.  Fuq talba tal-ħaddiem jew tal-impjegatur, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jirreferu t-talbiet għal informazzjoni speċifika dwar id-drittijiet relatati mas-sigurtà soċjali, miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol, taxxa, kwistjonijiet relatati mal-kuntratti tax-xogħol, intitolamenti tal-pensjoni u assigurazzjoni medika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u, jekk applikabbli, lil korpi xierqa oħrajn fil-livell nazzjonali li jappoġġaw lill-ħaddiema fl-eżerċizzju ta' drittijiethom fil-kuntest tal-libertà tal-moviment, inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/54/UE.

2.  Għall-fini tal-paragrafu 1, l-NCOs għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 27

Servizzi ta' appoġġ f'reġjuni transkonfinali

1.  Fejn, f'reġjuni transkonfinali, il-Membri jew l-Imsieħba tal-EURES jipparteċipaw fi strutturi speċifiċi ta' kooperazzjoni u ta' servizz, bħas-sħubijiet transkonfinali, huma għandhom jipprovdu lill-ħaddiema u l-impjegaturi tal-fruntiera b'informazzjoni marbuta mas-sitwazzjoni speċifika tal-ħaddiema tal-fruntiera u li tkun rilevanti għall-impjegaturi f'tali reġjuni.

2.  Il-kompiti tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES jistgħu jinkludu servizzi ta' kollokament u reklutaġġ, il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti u t-twettiq ta' attivitajiet rilevanti għall-mobilità transkonfinali, inkluż informazzjoni u gwida lil ħaddiema tal-fruntiera, b'enfasi speċifika fuq servizzi multilingwi.

3.  Organizzazzjonijiet minbarra Membri u l-Imsieħba tal-EURES li jipparteċipaw fl-istrutturi msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parti min-netwerk tal-EURES għar-raġuni li huma jipparteċipaw f'dawk l-istrutturi.

4.  Fir-reġjuni transkonfinali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jaraw li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' one stop shop biex jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema u lill-impjegaturi tal-fruntiera.

Artikolu 28

Aċċess għal miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol

Stat Membru ma għandux jillimita l-aċċess għal miżuri attivi nazzjonali favur is-suq tax-xogħol li jipprovdu lill-ħaddiema b'assistenza fit-tiftix ta' impjieg għas-sempliċi raġuni li ħaddiem ikun qed ifittex dik l-assistenza sabiex isib xogħol fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.



KAPITOLU V

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U ĊIKLU TA' PROGRAMMAZZJONI

▼M1

Artikolu 29

Skambju tal-informazzjoni dwar il-flussi u x-xejriet

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu monitoraġġ u jippublikaw il-flussi u x-xejriet marbutin mal-mobbiltà tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni abbażi ta’ rapporti mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li tuża l-istatistika ta’ Eurostat u d-data nazzjonali disponibbli.

▼B

Artikolu 30

Skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu, b'mod partikolari, jiġbor u janalizza informazzjoni disaggregata skont is-sess dwar:

(a) in-nuqqasijiet u l-eċċess ta' ħaddiema fi swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali, b'attenzjoni speċjali fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-suq tax-xogħol u r-reġjuni l-aktar affettwati mill-qgħad;

(b) l-attivitajiet tal-EURES fil-livell nazzjonali u, fejn xieraq, fil-livell transkonfinali.

2.  L-NCOs għandhom ikunu responsabbli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni disponibbli fi ħdan in-netwerk tal-EURES u l-kontribuzzjoni għall-analiżi konġunta.

3.  L-Istati Membri għandhom iwettqu l-programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 31, b'kont meħud tal-iskambju ta' informazzjoni u l-analiżi konġunta msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

4.  L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel arranġamenti prattiċi biex jitħaffu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-NCOs u l-iżvilupp ta' analiżi konġunta.

Artikolu 31

Programmazzjoni

1.  L-NCOs għandhom ifasslu programmi nazzjonali ta' ħidma fuq bażi annwali għall-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES fl-Istati Membri tagħhom.

2.  Il-programmi nazzjonali annwali ta' ħidma għandu jispeċifika:

(a) l-attivitajiet ewlenin li għandhom jitwettqu fi ħdan in-Netwerk tal-EURES, fil-livell nazzjonali b'mod globali, u fejn xieraq, fil-livell transkonfinali;

(b) ir-riżorsi umani u finanzjarji globali allokati għall-implimentazzjoni tagħhom;

(c) l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ippjanati, u, fejn meħtieġ, għall-aġġornament tagħhom.

3.  L-NCOs u l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jirrieżaminaw flimkien l-abbozzi ta' programmi nazzjonali ta' ħidma kollha. Mal-finalizzazzjoni ta' dak ir-rieżami, il-programmi nazzjonali ta' ħidma għandhom jiġu adottati mill-NCOs rispettivi.

4.  Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni li jieħdu sehem fil-Grupp ta' Koordinazzjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma nazzjonali.

5.  Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mudelli u l-proċeduri neċessarji għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 32

Ġbir ta' data u analiżi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm proċeduri fis-seħħ għall-ġbir ta' data dwar l-oqsma li ġejjin fl-attività tal-EURES imwettqin fil-livell nazzjonali:

(a) l-informazzjoni u l-gwida mogħtija min-Netwerk tal-EURES abbażi tal-għadd ta' kuntatti li dawk li jittrattaw il-każijiet, fi ħdan il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, għandhom ma' ħaddiema u ma' impjegaturi;

(b) il-prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi, inkluż il-kollokament u reklutaġġ li jirriżultaw minn attività tal-EURES, abbażi tal-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol, CVs ittrattati u pproċessati minn dawk li jittrattaw il-każijiet fi ħdan il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES u n-numru ta' ħaddiema reklutati fi Stat Membru ieħor skont dan, kif inhu magħruf minn dawk li jittrattaw il-każijiet jew, fejn disponibbli, abbażi ta' stħarriġ;

(c) is-sodisfazzjon tal-klijenti bin-netwerk tal-EURES, miksuba fost l-oħrajn permezz tal-użu ta' stħarriġ.

2.  L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli mill-ġbir ta' data fuq il-portal tal-EURES u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni dwar l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.  Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u fi ħdan l-oqsma tal-attività tal-EURES speċifikati f'dak il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3).

4.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 36 biex timmodifika l-oqsma speċifikati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew iżżid ma' dak il-paragrafu oqsma oħra tal-attività tal-EURES li saru fuq livell nazzjonali fi ħdan il-qafas ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Rapporti dwar l-attività tal-EURES

Filwaqt li tikkunsidra l-informazzjoni miġbura kif imsemmi f'dan il-Kapitolu, il- Kummissjoni għandha, kull sentejn, tippreżenta rapport dwar l-attività tal-EURES lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Sa meta jiġi ppreżentat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 35, ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu għandu jinkludi deskrizzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.



KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Protezzjoni ta' data personali

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u l-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni relatati magħha, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 35

Evalwazzjoni ex-post

Sa 13 ta' Mejju 2021, il- Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta' evalwazzjoni ex-post dwar it-tħaddim u l-effetti ta' dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi li jemendaw dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prassi abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 32(4) għal perijodu ta' ħames snin minn 12 ta' Mejju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tkun estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' tul ta' żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 32(4) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 32(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 37

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat “EURES” stabbilit permezz ta' dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament UE Nru 182/2011.

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament UE Nru 182/2011.

Artikolu 38

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1296/2013

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 huwa emendat kif ġej:

(a) L-Artikolu 23 hu mħassar.

(b) Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 hu sostitwit b'dan li ġej:

(1)“2.  L-assi EURES għandu jkun miftuħ għall-korpi, l-atturi u l-istituzzjonijiet kollha maħtura minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-EURES, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ). Dawn il-korpi, l-atturi u l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a) l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b) is-servizzi ta' impjieg;

(c) l-organizzazzjonijiet l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra.

(2)  Referenzi għad-dispożizzjoniji mħassra, kif imsemmija fil-punt (1)(a), għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament.

(3)  Il-punt (1)(b) ta' dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjonijiet ippreżentati għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 qabel 12 ta' Mejju 2016.

Artikolu 39

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 492/2011

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 huwa emendat kif ġej:

(a) L-Artikoli 11 u 12, l-Artikolu 13(2), l-Artikoli 14 sa 20 u l-Artikolu 38 huma mħassra.

(b) L-Artikolu 13(1) huwa mħassar b'effett minn 13 ta' Mejju 2018.

(2)  Referenzi għad-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni stipulata fl-Anness II.

Artikolu 40

Dispożizzjonijiet ta' transizzjoni

L-organizzazzjonijiet li huma maħtura bħala “Msiebħa tal-EURES” f'konformità mal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/733/UE jew li jipprovdu servizzi limitati bħala “Msieħba Assoċjati tal-EURES” f'konformità mal-Artikolu 3(d) ta' dik id-Deċiżjoni fi 12 ta' Mejju 2016 jistgħu, b'deroga mill-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, jieħdu sehem bħala Membri tal-EURES kif stipulat fl-Artikolu 7(1)(c)(ii) ta' dan ir-Regolament jew bħala Msieħba tal-EURES kif stipulat fl-Artikolu 7(1)(d) ta' dan ir-Regolament, sa 13 ta' Mejju 2019, dment li jintrabtu li jissodisfaw l-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament. Meta waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet tkun tixtieq tieħu sehem bħala Msieħeb tal-EURES, hija għandha tinnotifika lill-NCOs bil-kompiti li tkun ser twettaq f'konformità mal-Artikolu 11(4) ta' dan ir-Regolament. L-NCO rilevanti għandu jinforma lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'dan. Wara l-iskadenza tal-perijodu ta' transizzjoni, dawk l-organizzazzjonijiet konċernati jistgħu, sabiex jibqgħu fin-netwerk tal-EURES, jippreżentaw applikazzjoni għal dak l-għan f'konformità mal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  L-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 17(1) sa (7) għandhom japplikaw minn 13 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Kriterji minimi komuni

(kif imsemmija fl-Artikoli 10(2) u 11(2))

Taqsima 1   GĦOTI TA' SERVIZZ

1. L-impenn sabiex ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi u proċeduri adegwati biex jiġi vverifikat u żgurat li l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali applikabbli jiġu rrispettati b'mod sħiħ, b'kont meħud ta' kwalunkwe sistema ta' liċenzjar u skema ta' awtorizzazzjoni għas-servizzi ta' impjieg eżistenti li mhijiex il-PES meta jkunu qed jingħataw is-servizzi, inkluż il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u, fejn applikabbli, ir-rekwiżiti u l-istandards dwar il-kwalità tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala.

2. Il-ħila u l-kapaċità evidenzjata li jingħataw servizzi marbutin mal-approvazzjoni, servizzi ta' appoġġ, jew it-tnejn, kif imsemmi f'dan ir-Regolament.

3. Il-ħila li jingħataw servizzi b'mezz jew mezzi li huma aktar faċilment aċċessibbli, tal-inqas b'sit tal-internet/website aċċessibbli tal-organizzazzjoni.

4. Il-ħila u l-kapaċità li jirreferu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi lil Membri u Msieħba tal-EURES u/jew korpi oħrajn b'kompetenza esperta b'rabta mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

5. Il-konferma ta' adeżjoni mal-prinċipju ta' servizzi ta' appoġġ bla ħlas għall-ħaddiema f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3).

Taqsima 2   PARTEĊIPAZZJONI FIN-NETWERK TAL-EURES

1. Il-ħila u l-impenn li tiġi żgurata kunsinna fil-ħin u affidabbli tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 12(6).

2. L-impenn ta' konformità mal-istandards u l-formati tekniċi għall-approvazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni skont dan ir-Regolament.

3. Il-ħila u l-impenn li jingħata kontribut għall-programmazzjoni u r-rapportar lill-NCO kif ukoll li tingħata informazzjoni lill-NCO dwar l-għoti u l-prestazzjoni tas-servizz skont dan ir-Regolament.

4. L-eżistenza ta' jew l-impenn li tiġi żgurata l-allokazzjoni ta' riżorsi umani adatti għall-kompiti rispettivi li jridu jitwettqu.

5. L-impenn li jiġu żgurati standards ta' kwalità mill-persunal u r-reġistrazzjoni tal-persunal għall-moduli rilevanti tal-programm ta' taħriġ komuni kif imsemmi fil-punt (a)(iii) tal--Artikolu 8(1).

6. L-impenn biex t-trade mark tal-EURES jintuża biss għal servizzi u attivitajiet relatati man-netwerk tal-EURES.




ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni



Regolament (UE) Nru 492/2011

Dan ir-Regolament

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 30(1), punt (a)

Artikolu 11(1), it-tieni subpragrafu

Artikolu 9(2), punti (b) u (d), u 9(3) u Artikolu 13

Artikolu 11(2)

Artikoli 9 u 10

Artikolu 12(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 12(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(4)

Artikolu 12(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 12(3) u Artikolu 17(1) sa 17(6)

Artikolu 13(2)

Artikolu 17 (7) sa 17(8)

Artikolu 14(1)

Artikolu 14(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 15(1)

Artikolu 10(1) u 10(2), Artikolu 12(1) sa 12(3) u Artikolu 13

Artikolu 15(2)

Artikolu 9(3), punt (a), u Artikolu10(1)

Artikolu 16

Artikolu 17(1)

Artikolu 30

Artikolu 17(2)

Artikolu 16(6)

Artikolu 17(3)

Artikolu 33

Artikolu 18

Artikolu 7(1), punt (a)

Artikolu 19(1)

Artikolu 8

Artikolu 19(2)

Artikolu 20

Artikolu 8(1), punt (a) (iii) u (v), u Artikolu 9(3), punt (b)

Artikolu 38



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, 21).

( *1 ) Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).”