02016L1919 — MT — 04.11.2016 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2016/1919 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2016

dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew

(ĠU L 297 4.11.2016, p. 1)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 091, 5.4.2017, p.  40 (2016/1919)




▼B

DIRETTIVA (UE) 2016/1919 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2016

dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew



Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal:

(a) persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali; u

(b) persuni li jkunu soġġetti għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (persuni rikjesti).

2.  Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttivi 2013/48/UE u (UE) 2016/800. Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tad-drittijiet previsti f'dawk id-Direttivi.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE u li:

(a) jiġu mċaħħda mil-libertà;

(b) jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew

(c) jkunu meħtieġa jew permessi li jattendu għal att investigattiv jew att ta' ġbir ta' provi, inkluż bħala minimu dawn li ġejjin:

(i) l-identifikazzjoni ta' persuni speċifiċi minn fost oħrajn;

(ii) konfrontazzjonijiet;

(iii) rikostruzzjonijiet tax-xena ta' reat.

2.  Din id-Direttiva tapplika wkoll, fil-mument tal-arrest fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, għall-persuni rikjesti, li jkollhom dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fis-sens tad-Direttiva 2013/48/UE.

3.  Din id-Direttiva tapplika wkoll, bl-istess kundizzjonijiet kif previst fil-paragrafu 1, għall-persuni li ma kinux inizjalment persuni ssuspettati jew akkużati iżda li jsiru persuni ssuspettati jew akkużati matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi.

4.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal proċess ġust, fir-rigward ta' reati minuri:

(a) fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u quddiem jew lil tali qorti jkun jista' jsir appell kontra l-impożizzjoni ta' tali sanzjoni jew ir-rinviju tagħha; jew

(b) fejn iċ-ċaħda tal-libertà ma tkunx tista' tiġi imposta bħala sanzjoni,

din id-Direttiva tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali.

Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva tapplika meta tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni, u matul id-detenzjoni, fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti sal-konklużjoni tal-proċedimenti.

Artikolu 3

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “għajnuna legali” tfisser il-finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza minn avukat, biex ikun possibbli l-eżerċitar tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat.

Artikolu 4

Għajnuna legali fi proċedimenti kriminali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta' avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.

2.  L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1.

3.  Fejn Stat Membru japplika test tal-mezzi, huwa għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f'dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f'konformita' mal-kriterji applikabbli f'dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat.

4.  Fejn Stat Membru japplika test tal-mertu, huwa għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista' tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta' għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) fejn titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva; u

(b) matul id-detenzjoni.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel li l-atti investigattivi jew l-atti ta' ġbir ta' provi previsti fl-Artikolu 2(1)(c) jitwettqu.

6.  L-għajnuna legali għandha tingħata għall-finijiet biss tal-proċedimenti kriminali fejn il-persuna kkonċernata tkun issuspettata jew akkużata b'reat kriminali.

Artikolu 5

L-għajnuna legali fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew

1.  L-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-persuni rikjesti jkollhom dritt għal għajnuna legali malli jiġu arrestati b'mandat ta' arrest Ewropew sal-mument tal-konsenja tagħhom, jew sa meta ssir finali d-deċiżjoni li l-konsenja ma ssirx.

2.  L-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jiżgura li l-persuni rikjesti li jkunu soġġetti għall-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew sabiex titmexxa prosekuzzjoni kriminali u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jqabbdu avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 10(4) u (5) tad-Direttiva 2013/48/UE jkollhom id-dritt għal għajnuna legali fl-Istat Membru li joħorġ il-mandat għall-finijiet ta' tali proċedimenti fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, sa fejn l-għajnuna legali tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja.

3.  Id-dritt għal għajnuna legali msemmi fil-paragrafi 1 u 2 jista' jiġi soġġett għal test tal-mezzi skont l-Artikolu 4(3), li għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 6

Deċiżjonijiet rigward l-għoti ta' għajnuna legali

1.  Deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tingħata għajnuna legali jew le u dwar l-assenjar ta' avukati għandhom jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed, minn awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'mod diliġenti, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jiġu infurmati bil-miktub jekk it-talba tagħhom għall-għajnuna legali tiġi miċħuda totalment jew parzjalment.

Artikolu 7

Il-kwalità tas-servizzi ta' għajnuna legali u t-taħriġ

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri meħtieġa, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, biex jiżguraw li:

(a) ikun hemm sistema effikaċi ta' għajnuna legali li tkun ta' kwalità adegwata; u

(b) is-servizzi ta' għajnuna legali jkunu ta' kwalità adegwata biex jiggarantixxu l-ekwità tal-proċedimenti, filwaqt li tiġi rispettata kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata taħriġ adegwat lill-persunal involut fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali fi proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.

3.  Filwaqt li jirrispettaw kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali u r-rwol ta' dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-għoti ta' taħriġ adegwat għall-avukati li jipprovdu servizzi ta' għajnuna legali.

4.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom id-dritt, fuq talba tagħhom, li l-avukat assenjat lilhom biex jipprovdi servizzi ta' għajnuna legali jiġi sostitwit, fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan.

Artikolu 8

Rimedji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv taħt il-liġi nazzjonali f'każ ta' ksur ta' drittijiethom taħt din id-Direttiva.

Artikolu 9

Persuni vulnerabbli

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta' persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 10

L-għoti ta' dejta u rapport

1.   ►C1  Sal-5 ta' Mejju 2021 ◄ u kull tliet snin wara din id-data, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dejta disponibbli lill-Kummissjoni li turi kif ġew implimentati d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   ►C1  Sal-5 ta' Mejju 2022 ◄ u kull tliet snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tad-dritt għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.

Artikolu 11

Nonregressjoni

L-ebda dispożizzjoni f'din id-Direttiva ma għandha tiġi interpretata bħala limitazzjoni jew deroga minn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew tal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva ►C1  sal-5 ta' Mejju 2019 ◄ . Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.