02016L0097 — MT — 12.06.2020 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2016/97 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Jannar 2016

dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 026 2.2.2016, p. 19)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2018/411 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-14 ta' Marzu 2018

  L 76

28

19.3.2018

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1935 tat-13 ta’ Mejju 2019

  L 301

3

22.11.2019




▼B

DIRETTIVA (UE) 2016/97 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Jannar 2016

dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli dwar il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fl-Unjoni.

2.  Din id-Direttiva tapplika għal kull persuna fiżika jew ġuridika li hija stabbilita fi Stat Membru jew li tixtieq tistabbilixxi ruħha hemm sabiex tibda jew twettaq id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

3.  Din id-Direttiva ma tapplikax għal intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari li jeżerċitaw attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-assigurazzjoni hija komplimentarja għall-prodott jew is-servizz ipprovdut minn fornitur, fejn dik l-assigurazzjoni tkopri:

(i) 

ir-riskju ta’ ħsara, telf jew dannu lill-prodott jew in-nuqqas ta’ użu tas-servizz ipprovdut minn dak il-fornitur; jew

(ii) 

dannu, jew telf, ta’ bagalji u riskji oħra marbuta mal-ivvjaġġar ibbukkjat ma’ dak il-fornitur;

(b) 

l-ammont tal-primjum imħallas għall-prodott tal-assigurazzjoni ma jaqbiżx EUR 600 ikkalkulat pro-rata fuq bażi annwali;

(c) 

b’deroga mill-punt (b), meta l-assigurazzjoni hija komplementari għal servizz imsemmi fil-punt (a) u t-tul ta’ dak is-servizz huwa ta’ tliet xhur, jew inqas, l-ammont tal-primjum imħallas għal kull persuna ma jaqbiżx EUR 200.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-eżerċizzju tal-attività ta’ distribuzzjoni permezz ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari li huwa eżenti mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skont il-paragrafu 3, l-impriża tal-assigurazzjoni jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jiżgura li:

(a) 

il-klijent jingħata informazzjoni, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, dwar l-identità u l-indirizz tiegħu u dwar il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14, biex b’hekk il-klijenti u partijiet interessati oħra jkunu jistgħu jagħmlu lment;

(b) 

ikun hemm arranġamenti adegwati u proporzjonati biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 17 u 24 u biex jitqiesu d-domandi u l-ħtiġijiet tal-klijent qabel ma ssir il-proposta għall-kuntratt;

(c) 

id-dokument ta’ informazzjoni dwar il-prodott ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(5) ikun ipprovdut lill-klijent qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw is-suq, inkluż is-suq għall-prodotti ta’ assigurazzjoni anċillari li huma kummerċjalizzati, imqassma jew mibjugħa, fl-Istat Membru tagħhom, jew minnu. L-EIOPA tista’ tiffaċilita jew tikkoordina tali monitoraġġ.

6.  Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni pprovduti b’rabta ma’ riskji u impenji li jinsabu barra l-Unjoni.

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni segwita minn impriżi jew intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni stabbiliti f’pajjiż terz u li joperaw fit-territorju tiegħu skont il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dejjem jekk jiġi garantit trattament indaqs għall-persuni kollha li jeżerċitaw jew li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw attivitajiet ta’ distribuzzjoni fl-assigurazzjoni u fir-riassigurazzjoni f’dak is-suq.

Din id-Direttiva ma għandhiex tirregola attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew fir-riassigurazzjoni imwettqa f’pajjiżi terzi.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe diffikultà ġenerali li jiltaqgħu magħha d-distributuri tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tagħhom meta jistabbilixxu ruħhom jew iwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fi kwalunkwe pajjiż terz.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1) 

“distribuzzjoni tal-assigurazzjoni” tfisser l-attivitajiet ta’ konsulenza, proposti jew it-twettiq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ konklużjoni ta’ tali kuntratti, jew ta’ għajnuna fl-amministrazzjoni jew prestazzjoni ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ pretensjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċerna kuntratt tal-assigurazzjoni wieħed jew aktar skont il-kriterji magħżula mill-klijenti permezz ta’ websajt jew tip ieħor ta’ midja u l-kompilazzjoni ta’ lista tal-klassifika ta’ prodotti tal-assigurazzjoni, inkluż tqabbil bejn il-prezzijiet u bejn il-prodotti, jew tnaqqis fil-prezz ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, meta l-klijent ikun jista’ jikkonkludi direttament jew indirettament kuntratt tal-assigurazzjoni bl-użu ta’ websajt jew tip ieħor ta’ midja;

(2) 

“distribuzzjoni tar-riassigurazzjoni” tfisser l-attivitajiet ta’ konsulenza, proposti jew twettiq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni, ta’ konklużjoni ta’ tali kuntratti, jew ta’ għajnuna fil-ġestjoni u l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ pretensjoni, inkluż meta mwettqa minn impriża tar-riassugurazzjoni mingħajr l-intervent ta’ intermedjarju tar-riassigurazzjoni;

(3) 

“intermedjarju tal-assigurazzjoni” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika għajr impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew l-impjegati tagħhom u li ma tkunx intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari, li għal fini ta’ rimunerazzjoni tibda jew twettaq attività ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(4) 

“intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, għajr istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment kif definiti fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), li għal fini ta’ rimunerazzjoni tibda jew twettaq attività ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni fuq bażi anċillari, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin;

(a) 

l-attività professjonali ewlenija ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika ma tkunx id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(b) 

il-persuna fiżika jew ġuridika tqassam biss ċerti prodotti tal-assigurazzjoni li jikkumplementaw prodott jew servizz;

(c) 

il-prodotti tal-assigurazzjoni kkonċernati ma jkoprux assigurazzjoni fuq il-ħajja jew riskji ta’ responsabbiltà, sakemm dik il-kopertura ma tikkumplementax il-prodott jew is-servizz li l-intermedjarju joffri bħala l-attività professjonali ewlenija tiegħu;

(5) 

“intermedjarju tar-riassigurazzjoni” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, għajr impriża tar-riassigurazzjoni jew l-impjegati tagħha, li, bi ħlas, tibda jew issegwi l-attività ta’ distribuzzjoni tar-riassigurazzjoni;

(6) 

“impriża tal-assigurazzjoni” tfisser impriża kif definita fl-Artikolu 13, il-punt 1 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(7) 

“impriża tar-riassigurazzjoni” tfisser impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, il-punt 4 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(8) 

“distributur tal-assigurazzjoni” tfisser kull intermedjarju tar-riassigurazzjoni, intermedjarju tar-riassigurazzjoni anċillari jew impriża tal-assigurazzjoni;

(9) 

“rimunerazzjoni” tfisser kull kummissjoni, tariffa, imposta jew ħlas ieħor, inkluż kwalunkwe tip ta’ benefiċċju ekonomiku jew vantaġġ jew inċentiv finanzjarju u mhux finanzjarju ieħor, li jiġi offrut jew jingħata fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(10) 

“Stat Membru tad-domiċilju” tfisser:

(a) 

fejn l-intermedjarju huwa persuna fiżika, l-Istat Membru li fih tinsab ir-residenza tiegħu jew tagħha;

(b) 

fejn l-intermedjarju jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

(11) 

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li fih intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jkollu preżenza jew stabbiliment permanenti jew jipprovdi servizzi, u li mhuwiex l-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu;

(12) 

“fergħa” tfisser aġenzija jew fergħa ta’ intermedjarju li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tad-domiċilju;

(13) 

“rabtiet mill-qrib” tfisser rabtiet mill-qrib kif definita fl-Artikolu 13, il-punt 17 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(14) 

“post ewlieni tan-negozju” tfisser il-post mnejn jiġi ġġestit in-negozju ewlieni;

(15) 

“konsulenza” tfisser l-għoti ta’ rakkomandazzjoni personali lil klijent, jew fuq talba tiegħu jew b’inizjattiva tad-distributur tal-assigurazzjoni, fir-rigward ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni wieħed jew aktar;

(16) 

“riskji kbar” tfisser riskji kbar kif definit fl-Artikolu 13, il-punt 27 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(17) 

“prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni” tfisser prodott tal-assigurazzjoni li joffri valur ta’ maturità jew ta’ ċessjoni u fejn il-valur ta’ maturità jew ta’ ċessjoni ikun espost kompletament jew parzjalment, b’mod dirett jew indirett għal varjazzjonijiet fis-suq, u li ma jinkludix:

(a) 

prodotti tal-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2009/138/KE (Klassijiet ta’ Assigurazzjoni mhux fuq il-Ħajja);

(b) 

kuntratti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja fejn il-benefiċċji skont il-kuntratt jitħallsu biss mal-mewt jew fir-rigward ta’ inkapaċità minħabba korriment, mard jew diżabilità;

(c) 

prodotti tal-pensjoni li, skont il-liġi nazzjonali, ikunu rikonoxxuti li għandhom l-għan ewlieni li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, u li jintitolaw lill-investitur għal ċerti benefiċċji;

(d) 

skemi għall-pensjoni okkupazzjonali rikonoxxuti uffiċjalment li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE jew id-Direttiva 2009/138/KE;

(e) 

prodotti tal-pensjoni individwali li skont il-liġi nazzjonali jkunu jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja minn min iħaddem, u li għalihom min iħaddem jew l-impjegat ma jkollux għażla fir-rigward tal-prodott tal-pensjoni jew il-fornitur;

(18) 

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li:

(a) 

jippermetti lil klijent jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak il-klijent b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura u għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni; u

(b) 

jippermetti r-riproduzzjoni bla tibdil tal-informazzjoni maħżuna.

2.  Għall-finijiet tal-punti (1) u (2) tal-paragrafu 1, dan li ġej ma għandux jitqies li jikkostitwixxi distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew distribuzzjoni tar-riassigurazzjoni:

(a) 

l-għoti ta’ informazzjoni fuq bażi inċidentali fil-kuntest ta’ attività oħra professjonali fejn:

(i) 

il-fornitur ma jieħu l-ebda pass addizzjonali sabiex jassisti fil-konklużjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni;

(ii) 

l-iskop ta’ dik l-attività ma jkunx li jassisti lill-klijent fil-konklużjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ riassigurazzjoni;

(b) 

il-ġestjoni tal-pretensjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew ta’ impriża tar-riassigurazzjoni fuq bażi professjonali, u l-aġġustament tat-telf u l-valutazzjoni esperta tal-pretensjonijiet;

(c) 

is-sempliċi provvista ta’ data u informazzjoni dwar detenturi potenzjali ta’ poloz lil intermedjarji tal-assigurazzjoni, intermedjarji tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni jew impriżi tar-riassigurazzjoni, fejn il-fornitur ma jieħu l-ebda pass addizzjonali sabiex jassisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(d) 

is-sempliċi għoti ta’ informazzjoni dwar prodotti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, intermedjarju tal-assigurazzjoni, intermedjarju tar-riassigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni jew impriża tar-riassigurazzjoni lil detenturi potenzjali ta’ poloz, fejn il-fornitur ma jieħu l-ebda pass addizzjonali sabiex jassisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jew kuntratt tar-riassigurazzjoni.



KAPITOLU II

REKWIŻITI TA’ REĠISTRAZZJONI

Artikolu 3

Reġistrazzjoni

1.  L-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari għandhom ikunu rreġistrati ma’ awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-impjegati tagħhom, ma għandhomx jiġu mitluba jirreġistraw taħt din id-Direttiva.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-intermedjarji u korpi oħra jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fir-reġistrazzjoni ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u intermedjarji fl-assigurazzjoni anċillari u fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10.

B’mod partikolari, intermedjarji tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni u intermedjarji tal-assigurazzjoni oħra jistgħu jkunu reġistrati minn impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, minn intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, jew intermedjarji tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni taħt is-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti.

Intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari jista’ jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, jew intermedjarju ieħor. F’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew intermedjarju ieħor għandu r-responsabbiltà jiżgura li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari jissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragafu 6.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw ukoll li l-impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew intermedjarju ieħor li huwa responsabbli għall-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari jirreġistra lil dak l-intermedjarju jew intermedjarju anċillari.

L-Istati Membri mhumiex meħtieġa li japplikaw ir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-persuni kollha fiżiċi li jaħdmu f’intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari, u li jwettqu l-attività ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri jispeċifikaw l-ismijiet tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-amministrazzjoni tad-distributur tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni li huma responsabbli għad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni.

Ir-reġistri għandhom jindikaw ukoll l-Istati Membri li fihom l-intermedjarju jwettaq in-negozju tiegħu skont ir-regoli tal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

2.  L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu aktar minn reġistru wieħed għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari sakemm jippreskrivu l-kriterji li skonthom l-intermedjarji għandhom ikunu reġistrati.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni onlajn. Dik is-sistema għandha tkun faċilment aċċessibbli u għandha tippermetti li l-formola ta’ reġistrazzjoni tkun tista’ timtela direttament onlajn.

3.  Fil-każ li jkun hemm aktar minn reġistru wieħed fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi punt ta’ informazzjoni uniku li jippermetti aċċess faċli u ta’ malajr għall-informazzjoni minn dawk ir-reġistri, li għandhom ikunu kompilati elettronikament u miżmuma aġġornati. Il-punt ta’ informazzjoni għandu jipprovdi wkoll id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

4.  L-EIOPA għandha tistabbilixxi, tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha, u żżomm aġġornat reġistru elettroniku uniku li jiġbor rekords tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw negozju transkonfinali skont il-Kapitolu III. Biex dan ikun possibbli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-EIOPA fil-pront. Ir-reġistru għandu jkollu links għall-websajts tal-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru, u għandu jkun aċċessibbli minn dawk il-websajts.

L-EIOPA għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess għad-data maħżuna fir-reġistru imsemmi fl-ewwel subparagrafu. L-EIOPA u l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom id-dritt jimmodifikaw tali data. Is-suġġetti tad-data li d-dettalji personali tagħhomhuma maħżuna fir-reġistru u skambjati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal tali data maħżuna u d-dritt li jkunu infurmati b’mod xieraq.

L-EIOPA għandha tistabbilixxi websajt b’hyperlinks għal kull punt uniku ta’ informazzjoni jew, fejn applikabbli, reġistru stabbilit mill-Istati Membri skont il-paragrafu 3.

L-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari tkun soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti stipulatii fl-Artikolu 10.

Il-validità tar-reġistrazzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni regolari mill-awtorità kompetenti.

L-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari li jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10 jitneħħew mir-reġistru. Fejn applikabbli, l-Istat Membru tad-domiċilju għandu jinforma lill-Istat Membru ospitanti b’dik it-tneħħija.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet mingħand intermedjarji għall-inklużjoni fir-reġistru jiġu ttrattati fi żmien tliet xhur mit-tressiq ta’ applikazzjoni kompluta, u li l-applikant jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni mingħajr dewmien.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha li ġejja tintalab bħala kundizzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari:

(a) 

l-identità tal-azzjonisti jew tal-membri, ikunux persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjoni fl-intermedjarju li jaqbeż l-10 %, u l-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet;

(b) 

l-identità ta’ persuni li jkollhom rabtiet mill-qrib mal-intermedjarju;

(c) 

informazzjoni li dawk il-parteċipazzjonijiet jew rabtiet mill-qrib ma jfixklux it-twettiq effikaċi tad-dmirijiet ta’ superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni prevista taħt dan il-paragrafu.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jċaħħdu r-reġistrazzjoni jekk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar li magħhom l-intermedjarju jkollu rabtiet mill-qrib, jew diffikultajiet li jinqalgħu fl-infurzar ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, ifixklu t-twettiq effikaċi tad-dmirijiet ta’ superviżjoni tal-istess awtoritajiet kompetenti.



KAPITOLU III

IL-LIBERTÀ LI JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI U L-LIBERTÀ TA’ STABBILIMENT

Artikolu 4

Eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

1.  Kull intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita negozju fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu:.

(a) 

l-isem, l-indirizz u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-intermedjarju;

(b) 

l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom l-intermedjarju beħsiebu jopera;

(c) 

il-kategorija tal-intermedjarju, u fejn applikabbli, l-isem ta’ kwalunkwe impriża rappreżentata tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni;

(d) 

il-klassijiet rilevanti tal-assigurazzjoni, jekk applikabbli;

2.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha għandha tirrikonoxxi mingħajr dewmien li tkun irċevietha. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari bil-miktub, li l-informazzjoni tkun ġiet riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, u li dak l-intermedjarju jista’ jibda n-negozju tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika lill-intermedjarju, fl-istess waqt, il-fatt li l-informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 11(1) applikabbli fl-Istat Membru ospitanti hija disponibbli permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 11(3) u (4) u wkoll li l-intermedjarju għandu jikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibda n-negozju tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

3.  Fl-eventwalità ta’ bidla fi kwalunkwe dettall partikulari kkomunikat skont il-paragrafu 1, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari għandu jinnotifika dik il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha wkoll tiġi informata b’dik il-bidla mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju malli prattikament tkun tista’, u mhux iktar tard minn xahar wara d-data tal-wasla tal-informazzjoni għand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

Artikolu 5

Ksur ta’ obbligi fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ forniment ta’ servizzi

1.  Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha bażi għalfejn tqis li intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jaġixxi fit-territorju tagħha skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi qiegħed jikser xi obbligu stabbilit f’din id-Direttiva, din għandha tikkomunika dawn il-kunsiderazzjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

Wara li tivvaluta l-informazzjoni li tkun irċiviet skont l-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fejn applikabbli, u, f’ dak il-każ, mal-ewwel opportunità, tieħu l-miżuri adegwati biex tirrimedja s-sitwazzjoni. Għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar kull tali miżura meħuda.

Fejn, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru tad-domiċilju jew minħabba li dawk il-miżuri jirriżultaw li mhumiex adegwati jew mhumiex biżżejjed, jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari jibqa’ jaġixxi b’mod li huwa biċ-ċar ta’ detriment għall-interessi tal-konsumaturi tal-Istat Membru ospitanti fuq skala kbira, jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, tieħu miżuri adegwati biex tevita aktar irregolaritajiet, inkluż jekk ikun strettament neċessarju, iżżomm lil dak l-intermedjarju milli jkompli jeżerċita negozju ġdid fit-territorju tagħha.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew dak l-Istat Membru ospitanti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F’dak il-każ, l-EIOPA tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.

2.  Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa s-setgħa tal-Istat Membru ospitanti li jieħu miżuri adegwati biex jipprevjeni jew jippenalizza irregolaritajiet imwettqa fit-territorju tiegħu, f’sitwazzjoni fejn hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi. Din is-setgħa għandha tinkludi l-possibbiltà li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari jinżammu milli jeżerċitaw negozju ġdid fit-territorju tiegħu.

3.  Kull miżura adottata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari kkonċernat f’dokument motivat tajjeb u nnotifikata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, lill-EIOPA u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 6

Eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment tiegħu billi jistabbilixxi fergħa jew preżenza permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, u jipprovdi lil dik l-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-isem, l-indirizz u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-intermedjarju;

(b) 

l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu fejn l-intermedjarju qed jippjana li jistabbilixxi fergħa jew preżenza permanenti;

(c) 

il-kategorija tal-intermedjarju, u fejn applikabbli, l-isem ta’ kwalunkwe impriża rappreżentata tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni;

(d) 

il-klassijiet rilevanti tal-assigurazzjoni, jekk applikabbli;

(e) 

l-indirizz fl-Istat Membru ospitanti mnejn jistgħu jinkisbu d-dokumenti;

(f) 

l-isem ta’ kwalunkwe persuna responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa jew tal-preżenza permanenti.

Kull preżenza permanenti ta’ intermedjarju fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li hija ekwivalenti għal fergħa, għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal fergħa, sakemm l-intermedjarju ma jistabbilixxix b’mod leġittimu tali preżenza permanenti f’forma ġuridika oħra.

2.  Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma jkollhiex raġunijiet li tiddubita l-adegwatezza tal-istruttura organizzattiva jew il-qagħda finanzjarja tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari, b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni fil-mira, għandha tikkomunika dik l-informazzjoni fi żmien xahar mindu tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha għandha tinnotifika li tkun irċevietha mingħajr dewmien. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari bil-miktub, li l-informazzjoni tkun ġiet riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

Fi żmien xahar minn meta tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tikkomunika d-dispożizzjonijiet ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 11(1) permezz tal-modi msemmija fl-Artikolu 11(3) u (4) li huma applikabbli fit-territorju tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-intermedjarju u jinforma l-intermedjarju li jkun jista’ jibda bin-negozju tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jekk ikun jikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet ġuridiċi.

Fejn ma tasal l-ebda komunikazzjoni fi żmien il-perjodu previst fit-tieni subparagrafu, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari jista’ jistabbilixxi l-fergħa u jibda n-negozju tiegħu.

3.  Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tirrifjuta li tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, għandha tagħti raġunijiet għaċ-ċaħda tagħha lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari fi żmien xahar mindu tkun irċeviet l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1.

Rifjut kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew kwalunkwe nuqqas mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju li jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal dritt ta’ appell fil-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju.

4.  Fl-eventwalità ta’ bidla fi kwalunkwe dettall partikulari kkomunikat skont il-paragrafu 1, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari għandu jinnotifika dik il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha wkoll tiġi informata b’dik il-bidla mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju malli prattikament tkun tista’, u mhux iktar tard minn xahar wara d-data tal-wasla tal-informazzjoni għand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

Artikolu 7

Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru tad-domiċilju u l-Istat Membru ospitanti

1.  Jekk il-post ewlieni tan-negozju ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari jkun jinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tad-domiċilju, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor tista’ taqbel mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju li taġixxi bħallikieku kienet l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-domiċilju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fil-Kapitoli IV, V, VI u VII. Fl-eventwalità ta’ tali ftehim, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinnotifika lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari u lill-EIOPA mingħajr dewmien.

2.  L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandu jkollha r-responsabbiltà li tiżgura li s-servizzi pprovduti mill-istabbiliment fit-territorju tagħha jkunu konformi mal-obbligi stipulati fil-Kapitoli V u VI, kif ukoll bil-miżuri li jiġu adottati b’konsegwenza tagħhom.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandu jkollha d-dritt li teżamina l-arranġamenti tal-istabbiliment, kif ukoll li tirrikjedi l-bidliet li jkunu meħtieġa sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tinforza l-obbligi tal-Kapitoli V u VI u l-miżuri li jiġu adottati b’konsegwenza tagħhom, fir-rigward tas-servizzi jew attivitajiet ipprovduti mill-istabbiliment fit-territorju tagħha.

Artikolu 8

Ksur ta’ obbligi fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment

1.  Fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti tkun żgura li intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari qiegħed jikser id-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji adottati f’dak l-Istat Membru skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli V u VI, dik l-awtorità tista’ tieħu miżuri adegwati.

2.  Fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti jkollha raġunijiet tikkunsidra li intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jaġixxi fit-territorju tiegħu permezz ta’ stabbiliment, ma jkunx konformi ma’ xi obbligu stipulat f’din id-Direttiva, u fejn dik l-awtorità kompetenti ma jkollhiex ir-responsabbiltà skont l-Artikolu 7(2), għandha tirreferi l-konklużjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju. Wara li tivvaluta l-informazzjoni riċevuta, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fejn applikabbli u, f’dak il-każ, mal-ewwel opportunità tieħu l-miżuri xierqa biex tirranġa s-sitwazzjoni. Għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar kull tali miżura meħuda.

3.  Fejn, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru tad-domiċilju jew minħabba li dawk il-miżuri jirriżultaw li mhumiex adegwati jew mhumiex biżżejjed, jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari jibqa’ jaġixxi b’mod li huwa biċ-ċar ta’ detriment għall-interessi tal-konsumaturi tal-Istat Membru ospitanti fuq skala kbira jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, tieħu miżuri adegwati biex tevita aktar irregolaritajiet, inkluż, jekk ikun strettament neċessarju, żżomm lil dak l-intermedjarju milli jkompli jeżerċita negozju ġdid fiit-territorju tagħha.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew tal-Istat Membru ospitanti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F’dak il-każ, l-EIOPA tista’ taġixxi skont is-setgħat li jingħatawlha fl-istess Artikolu.

4.  Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx jaffettwaw is-setgħa tal-Istat Membru ospitanti li jieħu miżuri adegwati u mhux diskriminatorji biex jipprevjeni jew jippenalizza irregolaritajiet imwettqa fit-territorju tiegħu, f’sitwazzjonijiet fejn huwa strettament neċessarju li tittieħed azzjoni immedjata sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi tal-Istat Membru ospitanti, u fejn li l-miżuri ekwivalenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mhumiex adegwati jew mhumiex biżżejjed. F’tali sitwazzjonijiet, l-Istat Membru ospitanti għandu jkollu l-possibbiltà li jimpedixxi lill-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni jew l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari ikkonċernati milli jeżerċitaw negozju ġdid fit-territorju tiegħu.

5.  Kull miżura adottata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari kkonċernat f’dokument motivat tajjeb u nnotifikata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, lill-EIOPA u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 9

Setgħat fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-interess tal-ġid komuni

1.  Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa s-setgħa tal-Istati Membri ospitanti li jieħdu miżuri adegwati u mhux diskriminatorji biex jippenalizzaw irregolaritajiet imwettqa fit-territorji tagħhom li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ġuridiċi tagħhom imsemmija fl-Artikolu 11(1) sa fejn ikun strettament neċessarju. F’tali sitwazzjonijiet, l-Istat Membru ospitanti għandu jkollu l-possibbiltà li jimpedixxi lill-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni jew l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari kkonċernati milli jeżerċitaw negozju ġdid fiit-territorju tagħhom.

2.  Barra minn hekk, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa s-setgħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli tieħu miżuri adegwati biex iżżomm lid-distributur tal-assigurazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor milli jeżerċita attività fit-territorju tagħha skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew fejn applikabbli, l-libertà ta’ stabbiliment, fejn l-attività rilevanti hija kompletament jew prinċipalment diretta lejn it-territorju tal-Istat Membru għall-fini biss li tevita d-dispożizzjonijiet ġuridiċi li jkunu applikabbli li kieku dak id-distributur tal-assigurazzjoni kellu r-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu f’dak l-Istat Membru ospitanti u, barra dan, jekk l-attività tiegħu tipperikola serjament il-funzjonament regolari ta’ suq tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi. F’każ bħal dan l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, tista’ tieħu, fir-rigward ta’ dak id-distributur tal-assigurazzjoni, il-miżuri adegwati kollha meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-Istat Membru ospitanti. L-awtoritajiet kompetenti involuti jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-għajnuna tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u f’każ bħal dan l-EIOPA tista’ taġixxi skont is-setgħat konferiti lilha b’dak l-Artikolu fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u dawk tal-Istati Membri tad-domiċilju.



KAPITOLU IV

REKWIŻITI ORGANIZZATTIVI

Artikolu 10

Rekwiżiti professjonali u organizzattivi

1.  L-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jiżguraw li d-distributuri tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-impjegati tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jkollhom l-għarfien u l-kapaċità xierqa biex iwettqu l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom b’mod adegwat.

2.  L-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, kif ukoll l-impjegati tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-impjegati tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti għal taħriġ u żvilupp professjonali kontinwu, sabiex ikunu jistgħu jżommu livell adegwat ta’ prestazzjoni li jikkorrispondi mar-rwol li jaqdu u s-suq rilevanti.

Għal dak il-għan, l-Istati Membri tad-domiċilju għandu jkollhom stabbiliti u jippubblikaw mekkaniżmi biex jikkontrollaw b’mod effikaċi u jivvalutaw l-għarfien u l-kompetenza tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-impjegati tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-impjegati tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, abbażi mill-anqas ta’ 15-il siegħa taħriġ jew żvilupp professjonali fis-sena, filwaqt li titqies in-natura tal-prodotti mibjugħa, it-tip ta’ distributur, ir-rwol li għandhom, u l-attività li jeżerċitaw fi ħdan id-distributur tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni.

L-Istati Membri tad-domiċilju jistgħu jitolbu li tingħata prova tat-tmiem b’suċċess tar-rekwiżiti ta’ taħriġ u żvilupp permezz tal-għoti ta’ ċertifikat.

L-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-kundizzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-għarfien u l-kapaċità b’konformità mal-attività partikulari tad-distributuri tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni u l-prodotti mqassma, partikolarment fil-każ ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li fil-każi msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u fir-rigward tal-impjegati ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni involuti fid-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni, l-impriża jew l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandu jivverifika li l-għarfien u l-kapaċità tal-intermedjarji huma f’konformità mal-obbligazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 u, fejn meħtieġ, għandu jipprovdi lil dawk l-intermedjarji b’taħriġ jew mezzi għall-iżvilupp professjonali li jikkorrispondi mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prodotti mibjugħa mill-intermedjarji.

L-Istati Membri mhux meħtieġa li japplikaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-persuni fiżiċi kollha li jaħdmu f’impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, li jwettqu l-attività ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, madanakollu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni rilevanti fi ħdan l-istruttura ta’ amministrazzjoni ta’ dawn l-impriżi li huma responsabbli għad-distribuzzjoni fir-rigward ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni u l-persuni l-oħra kollha direttament involuti f’distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni juru l-għarfien u l-kapaċità meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni għandhom juru li huma konformi mar-rekwiżiti dwar l-għarfien professjonali u l-kompetenza rilevanti stabbilit fl-Anness I.

3.  Persuni fiżiċi li jaħdmu f’impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, li jwettaq distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni għandu jkollhom reputazzjoni tajba. Bħala minimu, għandu jkollhom kondotta kriminali nadifa jew xi ekwivalent nazzjonali ieħor b’relazzjoni ma’ offiżi kriminali serji marbuta ma’ reati kontra l-proprjetà jew reati oħra marbuta ma’ attivitajiet finanzjarji, u ma jridux ikunu ġew dikjarati falluti fil-passat, sakemm ma jkunux ġew riabilitati skont il-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1), jippermettu li distributur tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jivverifika r-reputazzjoni tajba tal-impjegati tiegħu, u fejn xieraq, tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tiegħu.

L-Istati Membri mhux meħtieġa li japplikaw ir-rekwiżiti msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-persuni fiżiċi kollha li jaħdmu f’impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, sakemm dawk il-persuni fiżiċi ma jkunux involuti direttament fid-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fi ħdan l-istruttura tal-amministrazzjoni responsabbli għad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif ukoll il-persunal kollu involut direttament fiha jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

Fir-rigward tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni responsabbli għad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni anċillari jissodisfaw ir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

▼M2

4.  L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandu jkollhom assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali li tkopri t-territorju kollu tal-Unjoni jew xi garanzija oħra komparabbli kontra responsabbiltà li tirriżulta minn negliġenza professjonali, tal-anqas għal EUR 1 300 380 applikabbli għal kull pretensjoni u aggregat ta’ EUR 1 924 560 fis-sena għall-pretensjonijiet kollha, sakemm dik l-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli tkun diġà provduta minn impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni jew impriża oħra li għan-nom tagħha l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollu s-setgħa li jaġixxi jew dik l-impriża tkun assumiet ir-responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet tal-intermedjarju.

▼B

5.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari jkollhom assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali jew garanziji kumparabbli f’livell stabbilit mill-Istati Membri filwaqt li titqies in-natura tal-prodotti mibjugħa u l-attività mwettqa.

6.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu l-klijenti kontra l-inabbiltà tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jittrasferixxi l-primjum ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew li jittrasferixxi l-ammont ta’ pretensjoni jew jirritorna l-primjum lill-persuna assigurata.

Dawk il-miżuri għandu jkollhom xi waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:

(a) 

dispożizzjonijiet preskritti bil-liġi jew kuntratt li skonthom flus imħallsa mill-klijent lill-intermedjarju jitqiesu bħala mħallsa lill-impriża, filwaqt li flus imħallsa mill-impriża lill-intermedjarju ma jitqisux li tħallsu lill-klijent sa ma l-klijent ikun effettivament irċevihom;

▼M2

(b) 

rekwiżit li l-intermedjarju jkollu kapaċità finanzjarja li tammonta, fuq bażi permanenti, għal 4 % tas-somma tal-primjums annwali li jirċievi, soġġett għal minimu ta’ EUR 19 510 ;

▼B

(c) 

rekwiżit li l-flus tal-klijenti jiġu trasferiti permezz ta’ kontijiet tal-klijenti strettament segregati u li dawk il-kontijiet ma jintużawx għar-rimborż ta’ kredituri oħra fil-każ ta’ falliment;

(d) 

rekwiżit li jiġi stabbilit fond ta’ garanzija.

7.  L-EIOPA għandha tirrevedi regolarment l-ammonti msemmija fil-paragrafi 4 u 6 sabiex jittieħed kont tal-bidliet tal-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumatur kif ippubblikat mill-Eurostat. L-ewwel reviżjoni għandha ssir sal-31 ta’ Diċembru 2017 u r-reviżjonijiet suċċessivi għandhom isiru kull ħames snin wara dan.

L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jadattaw l-ammont bażi f’euro msemmi fil-paragrafi 4 u 6 bil-perċentwal tal-bidla fl-indiċi msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2017 jew bejn id-data tal-aħħar reviżjoni u d-data tar-reviżjoni l-ġdida, aġġustat sal-eqreb multiplu ta’ EUR 10.

L-EIOPA għandha tressaq dawk l-abbozzi ta’ standards regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2018 u l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji suċċessivi kull ħames snin wara dan.

Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

8.  Biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom japprovaw, jimplimentaw u jirrevedu regolarment il-politiki interni tagħhom u l-proċeduri interni xierqa.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jidentifikaw funzjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-politiki u l-proċeduri approvati.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jistabbilixxu, iżommu u jaġġornaw ir-rekords tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha rigward l-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom, fuq talba, jagħmlu disponibbli l-isem tal-persuna responsabbli għal dik il-funzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

Artikolu 11

Pubblikazzjoni ta’ regoli “ta’ interess ġenerali”

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni xierqa mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali rilevanti li jħarsu l-interessi ġenerali, inkluża l-informazzjoni dwar jekk u kif l-Istat Membru għażel li japplika dispożizzjonijiet aktar rigorużi previsti fl-Artikolu 29(3), li huma applikabbli għall-eżerċizzju tad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fit-territorji tagħhom.

2.  Stat Membru li jipproponi li japplika, u japplika dispożizzjonijiet li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni minbarra dawk id-dispożizzjonijiet diġà stipulati f’din id-Direttiva, għandu jiżgura li l-piż amministrattiv li jitnissel minn dawk id-dispożizzjonijiet ikun proporzjonali fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-Istat Membru għandu jkompli jimmonitorja dawk id-dispożizzjonijiet biex jiżgura li jibqgħu proporzjonali f’konformità ma dan il-paragrafu.

3.  L-EIOPAgħandha tinkludi, fuq is-sit elettroniku tagħha, ħoloq għas-siti elettroniċi tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata informazzjoni dwar ir-regoli ta’ “interess ġenerali”. Tali informazzjoni għandha tinżamm aġġornata mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali b’mod regolari, u l-EIOPA għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tagħha bir-regoli kollha “ta’ interess ġenerali” kklassifikati f’oqsma rilevanti differenti tal-liġi.

4.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt uniku ta’ kuntatt responsabbli għall-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-regoli “ta’ interess ġenerali” fl-istess Stat Membru. Tali punt ta’ kuntatt għandu jkun awtorità kompetenti xierqa.

5.  L-EIOPA għandha teżamina f’rapport, u tinforma lill-Kummissjoni dwarhom, ir-regoli “ta’ interess ġenerali” ppubblikati mill-Istati Membri, kif imsemmi f’dan l-Artikolu fil-kuntest tal-funzjonament tajjeb ta’ din id-Direttiva u tas-suq intern qabel it-23 ta’ Frar 2019.

Artikolu 12

Awtoritajiet kompetenti

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan, u jindikaw kwalunkwe diviżjoni ta’ dawk id-dmirijiet.

2.  L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu jew awtoritajiet pubbliċi jew korpi rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali jew minn awtoritajiet pubbliċi espressament mogħtija s-setgħa għal dak il-għan bil-liġi nazzjonali. Ma għandhomx ikunu impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew assoċjazzjonijiet li l-membri tagħhom jinkludu direttament jew indirettament impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew intermedjarji tar-riassigurazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u korpi oħra fejn dik hija espressament prevista fl-Artikolu 3(1).

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom taħt din id-Direttiva. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fuq it-territorju tiegħu, Stat Membru għandu jiżgura li dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jwettqu id-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effikaċi.

Artikolu 13

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

1.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti għandhom jikkooperaw bejniethom u jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar id-distributuri tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ din id-Direttiva.

2.  B’mod partikolari, fil-proċess tar-reġistrazzjoni u fuq bażi kontinwa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaqsmu l-informazzjoni rilevanti rigward ir-reputazzjoni tajba, l-għarfien professjonali u l-kompetenzi tad-distributuri tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jiskambjaw informazzjoni dwar distributuri tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni li kienu ġew soġġetti għal sanzjoni jew miżura oħra msemmija fil-Kapitolu VII u dik l-informazzjoni x’aktarx twassal għat-tneħħija mir-reġistru ta’ kwalunkwe distributuri bħal dawn.

4.  Il-persuni kollha mitluba li jirċievu jew jikxfu informazzjoni b’konnessjoni ma’ din id-Direttiva għandhom ikunu marbuta b’segretezza professjonali, bl-istess mod kif preskritt fl-Artikolu 64 tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 14

Ilmenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri li jippermettu lill-klijenti u partijiet interessati oħra, speċjalment assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li jirreġistraw ilmenti dwar distributuri tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Fil-każijiet kollha, min jagħmel ilment għandu jirċievi risposta.

Artikolu 15

Rimedji barra l-qrati

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ta’ lmenti u ta’ rimedju barra l-qrati adegwati u effikaċi, imparzjali u indipendenti għar-riżoluzzjoni ta’ lmenti bejn il-konsumaturi u d-distributuri tal-assigurazzjoni rigward id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw f’din id-Direttiva huma stabbiliti skont l-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, bl-użu ta’ korpi eżistenti meta xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċeduri jkunu applikabbli, u l-kompetenza tal-korpi rilevanti effettivament testendi, għal distributuri tal-assigurazzjoni li għalihom ikunu nbdew il-proċeduri.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 jikkooperaw fis-soluzzjoni ta’ tilwim transkonfinali dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

Restrizzjoni fuq l-użu tal-intermedjarji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jintużaw is-servizzi tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari, l-impriżi u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jużaw is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biss ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni rreġistrati jew intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 1(3).



KAPITOLU V

REKWIŻITI TA’ INFORMAZZJONI U REGOLI DWAR IL-KONDOTTA TAL-OPERAZZJONIJIET

Artikolu 17

Prinċipju ġenerali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni, id-distributuri tal-assigurazzjoni dejjem jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali, f’konformità mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha relatata mas-suġġett ta’ din id-Direttiva, inklużi komunikazzjonijiet ta’ promozzjoni, li d-distributur tal-assigurazzjoni jindirizza lill-klijenti jew lil klijenti potenzjali, għandha dejjem tkun ġusta, ċara, u ma tqarraqx. Il-komunikazzjonijiet ta’ promozzjoni għandhom dejjem ikunu identifikabbli biċ-ċar bħala tali.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-distributuri tal-assigurazzjoni ma jkunux remunerati jew ma jagħtux rimunerazzjoni jew jivvalutaw il-prestazzjoni tal-impjegati tagħhom b’mod li joħloq kunflitt ma’ dmirijiethom biex jaġixxu f’konformità mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom. B’mod partikolari, distributur tal-assigurazzjoni ma għandux jagħmel xi arranġament permezz ta’ rimunerazzjoni, miri ta’ bejgħ jew xi mod ieħor li jista’ jagħti l-inċentiv lilu nnifsu jew lill-persunal tiegħu biex jirrakkomanda prodott tal-assigurazzjoni partikolari lil klijent meta d-distributur tal-assigurazzjoni jkun jista’ joffri prodott tal-assigurazzjoni differenti li jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tal-klijent.

Artikolu 18

Informazzjoni ġenerali pprovduta minn intermedjarju jew impriża tal-assigurazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) 

fi żmien xieraq qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, intermedjarju tal-assigurazzjoni għandu jiżvela li ġej lill-klijenti:

(i) 

l-identità u l-indirizz tiegħu, u l-fatt li huwa intermedjarju tal-assigurazzjoni;

(ii) 

jekk jipprovdix konsulenza fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni għall-bejgħ;

(iii) 

il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14 li jippermettu lill-klijenti u partijiet interessati oħra jirreġistraw ilmenti dwar intermedjarji ta’ assigurazzjoni, kif ukoll dwar il-proċeduri ta’ lment u rimedju barra l-qrati msemmija fl-Artikolu 15.

(iv) 

ir-reġistru li jkun ġie inkluż fih u l-mezzi għall-verifika li jkun ġie rreġistrat; u

(v) 

jekk l-intermedjarju jkunx qed jirrappreżenta l-klijent jew inkella jkunx qed jaġixxi għal u f’isem l-impriża tal-assigurazzjoni;

(b) 

fi żmien xieraq qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni għandha tiżvela li ġej lill-klijenti:

(i) 

l-identità u l-indirizz tagħha, u l-fatt li hija impriża tal-assigurazzjoni;

(ii) 

jekk tipprovdix konsulenza fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni għall-bejgħ;

(iii) 

il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14 li jippermettu lill-klijenti u partijiet interessati oħra jirreġistraw ilmenti dwar impriżi ta’ assigurazzjoni, kif ukoll dwar il-proċeduri ta’ lment u rimedju barra l-qrati msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 19

Kunflitti ta’ interess u trasparenza

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi żmien xieraq qabel ma jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jipprovdi lill-klijent b’tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

jekk ikollux parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, li tirrappreżenta 10 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital f’impriża partikolari tal-assigurazzjoni;

(b) 

jekk impriża partikolari tal-assigurazzjoni jew impriża principali ta’ impriża partikolari tal-assigurazzjoni jkollha parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, li tirrappreżenta 10 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni;

(c) 

rigward il-kuntratti proposti, jew li ngħatat konsulenza dwarhom jekk:

(i) 

jagħtix parir abbażi ta’ analiżi ġusta u personali;

(ii) 

hux qiegħed taħt obbligu kuntrattwali li jwettaq negozju ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni esklussivament ma’ impriża waħda jew aktar tal-assigurazzjoni, f’ liema każ huwa għandu jipprovdi l-ismijiet ta’ dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni; jew

(iii) 

ma jkunx taħt obbligu kuntrattwali li jwettaq negozju ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni esklussivament ma’ impriża waħda jew aktar tal-assigurazzjoni u ma jagħtix parir abbażi ta’ analiżi ġusta u personali, f’ liema każ huwa għandu jipprovdi l-ismijiet ta’ dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni li magħhom jista’, u fil-fatt iwettaq, in-negozju tiegħu;

(d) 

in-natura tar-rimunerazzjoni rċevuta b’rabta mal-kuntratt tal-assigurazzjoni;

(e) 

jekk, b’rabta mal-kuntratt tal-assigurazzjoni, jaħdimx:

(i) 

abbażi ta’ tariffa, jiġifieri r-rimunerazzjoni mħallsa direttament mill-klijent;

(ii) 

abbażi ta’ kwalunkwe tip ta’ kummissjoni, jiġifieri r-rimunerazzjoni inkluża fil-primjum tal-assigurazzjoni;

(iii) 

abbażi ta’ kwalunkwe tip ieħor ta’ rimunerazzjoni, inkluż benefiċċju ekonomiku ta’ kwalunkwe tip offrut jew mogħti f’konnessjoni mal-kuntratt tal-assigurazzjoni; jew

(iv) 

abbażi ta’ kombinazzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ rimunerazzjoni stipulat fil-punti (i), (ii) u (iii).

2.  Fejn it-tariffa titħallas direttament mill-klijent, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni għandu jinforma lill-klijent bl-ammont tat-tariffa jew, fejn dak mhuwiex possibbli, il-metodu biex tiġi kkalkulata t-tariffa.

3.  Jekk isiru ħlasijiet mill-klijent fil-qafas tal-kuntratt tal-assigurazzjoni wara li dan ikun ġie konkluż, minbarra l-primjums attwali u l-ħlasijiet skedati, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni għandu wkoll iwettaq l-iżvelar, skont dan l-Artikolu, għal kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi żmien xieraq qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni tikkomunika lill-klijent tagħha n-natura tar-rimunerazzjoni rċevuta mill-impjegati tiegħu fir-rigward tal-kuntratt tal-assigurazzjoni.

5.  Jekk isiru ħlasijiet mill-klijent fil-qafas tal-kuntratt tal-assigurazzjoni wara li dan ikun ġie konkluż, minbarra l-primjums attwali u l-ħlasijiet skedati, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni għandu wkoll iwettaq l-iżvelar, skont dan l-Artikolu, għal kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet.

Artikolu 20

Konsulenza, u standards għall-bejgħ fejn ma tingħatax konsulenza

1.  Qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jispeċifika, fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-klijent, id-domandi u l-bżonnijiet ta’ dak il-klijent u għandu jipprovdi lill-klijent b’informazzjoni oġġettiva dwar il-prodott tal-assigurazzjoni f’forma komprensibbli biex dak il-klijent ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata.

Kwalunkwe kuntratt propost għandu jkun konsistenti mad-domandi u l-bżonnijiet tal-assigurazzjoni tal-klijent.

Fejn huwa pprovdut parir qabel il-konklużjoni ta’ xi kuntratt speċifiku, id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jipprovdi lill-klijent b’rakkomandazzjoni personalizzata li tispjega għaliex prodott partikolari jkun jissodisfa bl-aħjar mod id-domandi u l-bżonnijiet tal-klijent.

2.  Id-dettalji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu modulati skont il-kumplessità tal-prodott ta’ assigurazzjoni li jkun ġie propost u t-tip ta’ klijent.

3.  Fejn l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jinforma lill-klijent li jagħti l-parir tiegħu fuq il-bażi ta’ analiżi ġusta u personali, huwa għandu jagħti l-parir fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ numru kbir biżżejjed ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni disponibbli fis-suq, biex ikun permess lilu li jagħmel rakkomandazzjoni personali, skont il-kriterji professjonali, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li tkun adegwata biex tilħaq il-ħtiġiet tal-klijent.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 183 u 184 tad-Direttiva 2009/138/KE, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, jingħatax jew le parir u irrispettivament minn jekk il-prodott tal-assigurazzjoni huwiex parti minn pakkett skont l-Artikolu 24 ta’ din id-Direttiva, id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jipprovdi lill-klijent bl-informazzjoni rilevanti dwar il-prodott ta’ assigurazzjoni, f’forma li tinftiehem, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata, filwaqt li jitqiesu l-kumplessità tal-prodott tal-assigurazzjoni u t-tip ta’ klijent.

5.  Fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja kif imniżżel fl-Anness I għad-Direttiva 2009/138/KE, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni standardizzata fuq karta jew mezz durabbli ieħor.

6.  Id-dokument ta’ informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jitfassal mill-produttur tal-prodott ta’ assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja.

7.  Id-dokument ta’ informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni għandu:

(a) 

ikun qasir u dokument waħdieni;

(b) 

għandu jiġi ppreżentat u strutturat b’mod li jkun ċar u faċli jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

(c) 

ikun jinqara bl-istess mod fil-każ li minħabba li jkun oriġinarjament ġie prodott bil-kulur, jiġi stampat jew fotokopjat bl-abjad u l-iswed;

(d) 

jinkiteb fil-lingwi uffiċjali, jew f’wieħed mil-lingwi uffiċjali, użat fil-parti tal-Istat Membru fejn il-prodott tal-assigurazzjoni huwa offrut jew, jekk ikun hemm qbil mill-konsumatur u d-distributur, f’lingwa oħra;

(e) 

ikun preċiż u mhux qarrieqi;

(f) 

ikun fih it-titlu “dokument ta’ informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni” fil-parti ta’ fuq tal-ewwel paġna;

(g) 

jinkludi dikjarazzjoni li l-informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali kompluta dwar il-prodott tkun ipprovduta f’dokumenti oħrajn.

L-Istati Membri jista’ jistipula li d-dokument ta’ informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni għandu jingħata flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont atti leġiżlattivi oħrajn tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti kollha stipulati fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati.

8.  Id-dokument bl-informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

informazzjoni dwar it-tip ta’ assigurazzjoni;

(b) 

sommarju tal-kopertura tal-assigurazzjoni, inklużi r-riskji ewlenin assigurati, is-somma assigurata u, fejn ikun applikabbli, l-ambitu ġeografiku u sommarju tar-riskji esklużi;

(c) 

il-mezzi ta’ pagament ta’ primjums u t-tul ta’ żmien tal-pagamenti;

(d) 

l-esklużjonijiet ewlenin fejn il-pretensjonijiet ma jistgħux isiru;

(e) 

l-obbligi fil-bidu tal-kuntratt;

(f) 

l-obbligi tul l-perjodu tal-kuntratt;

(g) 

l-obbligi fil-każ li ssir pretensjoni;

(h) 

il-perjodu tal-kuntratt inklużi d-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-kuntratt;

(i) 

il-mezzi biex jispiċċa l-kuntratt.

9.  L-EIOPA, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u wara l-ittestjar tal-konsumatur, għandha tiżviluppa abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward format ta’ preżentazzjoni standardizzata tad-dokument bl-informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni li jispeċifika d-dettalji tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-23 ta' Frar 2017.

Is-setgħa hija kkonferita lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 21

Informazzjoni provduta minn intermedjarji ta’ assigurazzjoni anċillari

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni anċillari jikkonformaw mal-punti (i), (iii) u (iv) tal-Artikolu 18(a) u l-punt (d) tal-Artikolu 19(1).

Artikolu 22

Eżenzjonijiet għall-informazzjoni u klawżola ta’ flessibbiltà

1.  L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 18, 19 u 20 mhix meħtieġa li tingħata meta d-distributur tal-assigurazzjoni jwettaq l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ riskji kbar.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 29 u 30 ta’ din id-Direttiva ma għandhiex għalfejn tkun provduta lil klijent professjonali kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.  L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar rigorużi fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ informazzjoni msemmija f’dan il-Kapitolu, bil-kundizzjoni li tali dispożizzjonijiet ikunu jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-EIOPA u lill-Kummissjoni tali dispożizzjonijiet nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw il-pubblikazzjoni xierqa mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom tal-informazzjoni dwar jekk u kif l-Istati Membri jkunu għażlu li japplikaw dispożizzjonijiet aktar rigorużi taħt dan il-paragrafu.

B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti tal-parir imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(1) obbligatorju għall-bejgħ ta’ kwalunkwe prodott tal-assigurazzjoni, jew għal ċertu tipi ta’ prodotti tal-assigurazzjoni. F’tali każ, id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jikkonformaw ma’ tali dispożizzjonijiet nazzjonali aktar rigorużi, inklużi dawk li joperaw taħt il-libertà li jipprovdu s-servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment, meta jikkonkludu kuntratti tal-assigurazzjoni ma’ klijenti li jkollhom ir-residenza abitwali jew l-istabbiliment tagħhom f’dak l-Istat Membru.

3.  L-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu l-aċċettazzjoni jew ir-riċeviment ta’ tariffi, kummissjonijiet jew benefiċċji fi flus jew mhux fi flus imħallsa jew ipprovduti minn kwalunkwe parti terza, jew minn persuna li taġixxi f’isem parti terza b’rabta mad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni.

4.  Sabiex jiġi stabbilit livell għoli ta’ trasparenza bil-mezzi kollha xierqa, l-EIOPA għandha tiżgura li l-informazzjoni li tirċievi b’rabta ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali tkun ukoll ikkomunikata lill-klijenti, u lid-distributuri tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn distributur tal-assigurazzjoni jkun responsabbli għall-għoti ta’ arranġamenti tal-pensjoni okkupazzjonali obbligatorji, u impjegat isir membru ta’ tali arranġament mingħajr ma jkun ħa deċiżjoni individwali biex jissieħeb miegħu, l-informazzjoni msemmija f’dan il-Kapitolu għandha tiġi pprovduta lill-impjegat immedjatament wara li jkun issieħeb fl-arranġament ikkonċernat.

Artikolu 23

Kundizzjonijiet ta’ informazzjoni

1.  L-informazzjoni kollha li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikoli 18, 19, 20 u 29 għandha tiġi kkomunikata lill-klijent:

(a) 

fuq il-karta;

(b) 

b’mod ċar u preċiz, li jiftiehem mill-klijent;

(c) 

f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih jinsab ir-riskju, jew tal-Istat Membru tal-impenn, jew f’xi lsien ieħor miftiehem bejn il-partijiet; u

(d) 

bla ħlas.

2.  B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 18, 19, 20 u 29 tista’ tiġi pprovduta lill-konsumatur fuq mezz minn dawn li ġejjin:

(a) 

mezz durabbli, għajr il-karta, fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati; jew

(b) 

websajt, fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati.

3.  Madankollu, fejn l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 18, 19, 20 u 29 tiġi pprovduta bl-użu ta’ mezz durabbli għajr il-karta jew permezz ta’ websajt, għandha tingħata kopja fuq il-karta lill-klijent fuq talba tiegħu u mingħajr ħlas.

4.  L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 18, 19, 20 u 29 tista’ tiġi pprovduta bl-użu ta’ mezz durabbli għajr il-karta, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-użu tal-mezz durabbli huwa xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn id-distributur tal-assigurazzjoni u l-klijent; u

(b) 

il-klijent ikun ingħata l-għażla bejn l-informazzjoni fuq il-karta u fuq mezz durabbli, u jkun għażel dak il-mezz tal-aħħar.

5.  L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 18, 19, 20 u 29 tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ websajt jekk tkun indirizzata personalment lill-klijent, jew jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-għoti ta’ dik l-informazzjoni permezz ta’ websajt huwa xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn id-distributur tal-assigurazzjoni u l-klijent;

(b) 

il-klijent ikun qabel li dik l-informazzjoni tingħata permezz ta’ websajt;

(c) 

il-klijent ikun ġie notifikat b’mod elettroniku bl-indirizz tal-websajt, u bil-paġna tal-istess websajt minn fejn jista’ jsir l-aċċess għal dik l-informazzjoni;

(d) 

jiġi żgurat li dik l-informazzjoni tibqa’ aċċessibbli fuq il-websajt tul perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih il-konsumatur jista’ jkollu bżonn jikkonsultha.

6.  Għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-għoti ta’ informazzjoni bl-użu ta’ mezz durabbli għajr il-karta jew permezz ta’ websajt għandu jitqies xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn id-distributur tal-assigurazzjoni u l-klijent, jekk ikun hemm evidenza li l-klijent ikollu aċċess regolari għall-Internet. L-għoti mill-klijent ta’ indirizz tal-posta elettronika għall-finijiet tal-istess negozju għandu jitqies bħala tali evidenza.

7.  Fil-każ ta’ bejgħ bit-telefon, l-informazzjoni mogħtija lill-klijent mid-distributur tal-assigurazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkluż id-dokument ta’ informazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni għandha tingħata skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-kummerċjalizzazzjoni minn distanza ta’ servizzi finanzjarji lill-konsumatur. Barra minn hekk, anki jekk il-klijent ikun għażel li jakkwista l-informazzjoni minn qabel fuq mezz durabbliieħor apparti fuq karta skont il-paragrafu 4, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta mid-distributur tal-assigurazzjoni lill-klijent skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 minnufih wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 24

Bejgħ inkroċjat

1.  Fejn prodott tal-assigurazzjoni jiġi offrut flimkien ma’ prodott anċillari jew servizz li mhuwiex assigurazzjoni, bħala parti minn pakkett jew mill-istess ftehim, id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jinforma lill-klijent jekk huwiex possibbli li dan jixtri l-komponenti differenti b’mod separat, u jekk iva, għandu jipprovdi deskrizzjoni adegwata tal-komponenti differenti tal-ftehim jew pakkett kif ukoll evidenza separata tal-kostijiet u t-tariffi ta’ kull komponent.

2.  Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, u fejn ir-riskju jew il-kopertura tal-assigurazzjoni li jirriżultaw minn tali ftehim jew pakkett offrut lil klijent huma differenti minn dak assoċjat mal-komponenti meħuda separatament, id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jipprovdi deskrizzjoni adegwata tal-komponenti differenti tal-ftehim jew pakkett u tal-mod li bih l-interazzjoni tagħhom timmodifika r-riskju jew il-kopertura tal-assigurazzjoni.

3.  Fejn prodott tal-assigurazzjoni jkun anċillari għal prodott jew servizz li mhumiex assigurazzjoni, bħala parti minn pakkett jew l-istess ftehim, id-distributur tal-assigurazzjoni għandu joffri lill-klijent il-possibilità li jixtri l-prodott jew is-servizz separatament. Dan il-paragrafu ma għandux japplika fejn prodott tal-assigurazzjoni jkun anċillari għal servizz jew attività ta’ investiment kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, ftehim ta’ kreditu kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ( 4 ), jew kont ta’ ħlas kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).

4.  L-EIOPA tista’ tiżviluppa linji gwida għall-valutazzjoni u s-superviżjoni tal-prattiċi ta’ bejgħ inkroċjat, b’indikazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom il-prattiċi ta’ bejgħ inkroċjat ma jkunux konformi mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 17.

5.  Dan l-Artikolu ma għandux jevita d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jipprovdu kopertura għal tipi varji ta’ riskji (poloz tal-assigurazzjoni li jkopru diversi riskji).

6.  Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li distributur tal-assigurazzjoni jispeċifika d-domandi u l-ħtiġijiet tal-klijent fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jiffurmaw parti mill-pakkett globali jew l-istess ftehim.

7.  L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri addizzjonali aktar rigorużi jew jintervjenu fuq bażi ta’ każ b’każ biex jipprojbixxu l-bejgħ ta’ assigurazzjoni flimkien ma’ servizz jew prodott anċillari li mhumiex assigurazzjoni bħala parti minn pakkett jew l-istess ftehim meta jkunu jistgħu juru li tali prattiki huma ta’ detriment għall-konsumaturi.

Artikolu 25

Sorveljanza tal-prodotti u rekwiżiti ta’ governanza

1.  Impriżi tal-assigurazzjoni, kif ukoll intermedjarji li jipproduċu xi prodott tal-assigurazzjoni għall-bejgħ lill-klijenti, għandhom iżommu, iħaddmu u jeżaminaw mill-ġdid proċess għall-approvazzjoni ta’ kull prodott tal-assigurazzjoni jew adattamenti sinifikanti ta’ prodott tal-assigurazzjoni eżistenti, qabel ma dan jiġi kkummerċjalizzat jew imqassam lill-klijenti.

Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodott għandu jkun proporzjonat u xieraq għan-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni.

Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodott għandu jispeċifika suq fil-mira identifikat għal kull prodott, jiżgura li r-riskji rilevanti kollha għal tali suq fil-mira identifikat jiġu vvalutati u li l-istrateġija tad-distribuzzjoni intenzjonata tkun konsistenti mas-suq fil-mira identifikat, u li jittieħdu passi raġonevoli biex jiġi żgurat li l-prodott tal-assigurazzjoni jitqassam għas-suq fil-mira identifikat.

L-impriża tal-assigurazzjoni għandha tifhem u tirrevedi fuq bażi regolari l-prodotti tal-assigurazzjoni li toffri jew tikkummerċjalizza, filwaqt li tqis kwalunkwe avveniment li jista’ materjalment jaffettwa r-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat, biex tal-anqas tivvaluta jekk il-prodott jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet tas-suq fil-mira identifikat u jekk l-istrateġija ta’ distribuzzjoni maħsuba għadhiex adegwata.

Impriża tal-assigurazzjoni, kif ukoll intermedjarji li jipproduċu prodotti tal-assigurazzjoni, għandhom jagħmlu disponibbli lid-distributuri l-informazzjoni adegwata kollha dwar il-prodott tal-assigurazzjoni u l-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott, inkluż is-suq fil-mira identifikat tal-prodott tal-assigurazzjoni.

Meta distributur ta’ assigurazzjoni jagħti parir dwar, jew jirrakkomanda, prodotti tal-assigurazzjoni li ma jipproduċix hu stess, dan għandu jkollu arranġamenti adegwati biex jikseb l-informazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu u biex jifhem il-karatteristiċi u s-suq fil-mira identifikat ta’ kull prodott tal-assigurazzjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 38 biex jiġu speċifikati aktar il-prinċipji stipulati f’dan l-Artikolu, filwaqt li tqis b’mod proporzjonat l-attivitajiet imwettqa, in-natura tal-prodotti tal-assigurazzjoni mibjugħa u n-natura tad-distributur.

3.  Il-politiki, proċessi u arranġamenti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti l-oħra kollha skont din id-Direttiva inklużi dawk b’rabta mal-iżvelar, il-konvenjenza u l-adegwatezza, l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-inċentivi.

4.  Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-prodotti tal-assigurazzjoni li jikkonsistu mill-assigurazzjoni ta’ riskji kbar.



KAPITOLU VI

REKWIŻITI ADDIZZJONALI B’RABTA MAL-PRODOTTI TA’ INVESTIMENT IBBAŻATI FUQ ASSIGURAZZJONI

Artikolu 26

Kamp ta’ applikazzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali

Dan il-Kapitolu jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għal dawk applikabbli għad-distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni skont l-Artikoli 17, 18, 19 u 20, fejn id-distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni titwettaq b’rabta mal-bejgħ ta’ prodotti bbażati fuq investiment fl-assigurazzjoni minn xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

intermedjarju tal-assigurazzjoni;

(b) 

impriża tal-assigurazzjoni.

Artikolu 27

Prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew impriża ta’ assigurazzjoni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effikaċi bil-ħsieb li jieħdu l-passi raġonevoli kollha maħsuba sabiex jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess, kif determinati taħt l-Artikolu 28, milli jaffettwaw b’mod negattiv l-interessi tal-klijenti tagħhom. Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu proporzjonati għall-attivitajiet imwettqa, il-prodotti tal-assigurazzjoni mibjugħa u t-tip tad-distributur.

Artikolu 28

Kunflitti ta’ interess

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u l-impriżi ta’ assigurazzjoni jieħdu l-passi xierqa kollha sabiex jidentifikaw kunflitti ta’ interess bejniethom, inklużi d-diriġenti u l-impjegati, jew kwalunkwe persuna marbuta direttament jew indirettament magħhom bil-kontroll, u l-klijenti tagħhom, jew bejn klijent u ieħor, li jistgħu jinqalgħu fl-eżerċizzju ta’ kwalunkwe attività ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni.

2.  Meta l-arranġamenti organizzattivi jew amministrattivi li jsiru mill-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 27 għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw, b’kunfidenza raġonevoli, li jiġu evitati r-riskji ta’ ħsara lill-interessi tal-klijenti, l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni għandhom jiżvelaw b’mod ċar lill-klijent in-natura ġenerali jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess, fi żmien diċenti qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni.

3.  B’deroga mill-Artikolu 23(1), l-iżvelar imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu:

(a) 

isir fuq mezz durabbli; u

(b) 

jinkludi dettall suffiċjenti, billi tiġi kkunsidrata n-natura tal-klijent, sabiex ikun possibbli li l-klijent jieħu deċiżjoni infurmata rigward l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni li fil-kuntest tiegħu jinħoloq il-kunflitt ta’ interess.

4.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 sabiex:

(a) 

tiddefinixxi l-passi li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni jew l-impriżi ta’ assigurazzjoni jistgħu raġonevolment jiġu mistennija jieħdu għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u l-iżvelar ta’ kunflitti ta’ interess fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni;

(b) 

tistabbilixxi l-kriterji xierqa biex jiġu determinati t-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li l-eżistenza tagħhom tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali tal-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 29

Informazzjoni għall-klijenti

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(1) u (2), għandha tiġi pprovduta informazzjoni xierqa f’waqtha, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, lill-klijenti jew lil klijenti potenzjali fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, u fir-rigward tal-ispejjeż kollha u l-imposti relatati. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a) 

fejn tingħata konsulenza, jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni humiex se jipprovdu lill-klijent b’valutazzjoni perjodika tal-adegwatezza tal-prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni rakkomandati għal dak il-klijent, kif imsemmi fl-Artikolu 30;

(b) 

fir-rigward tal-informazzjoni dwar prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni u strateġiji proposti ta’ investiment, dan għandu jinkludi gwida xierqa, u twissijiet dwar, ir-riskji assoċjati ma’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jew f’dak li jirrigwarda strateġiji partikulari ta’ investiment proposti;

(c) 

fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-ispejjeż kollha u l-imposti relatati li għandhom jiġu żvelati, l-informazzjoni rigward id-distribuzzjoni tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, inkluż l-ispiża tal-konsulenza, fejn ikun rilevanti, l-ispiża tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni rakkomandat jew ikkummerċjalizzat lill-klijent u dwar kif il-klijent jista’ jħallsu, filwaqt li tiġbor fiha wkoll kwalunkwe pagament ta’ parti terza.

L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-imposti kollha, inklużi l-ispejjeż u l-imposti b’rabta mad-distribuzzjoni tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, li mhumiex maħluqa mill-okkorrenza ta’ riskju sottostanti tas-suq, għandha tkun f’forma aggregata biex tippermetti lill-klijent jifhem l-ispiża globali kif ukoll l-effett kumulattiv fuq il-qligħ mill-investiment, u meta l-klijent jitlob dan, għandu jiġi pprovdut sommarju dettaljat tal-ispejjeż u l-imposti. Fejn applikabbli, tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-klijent fuq bażi regolari, tal-anqas kull sena, tul il-perjodu ta’ validità tal-investiment.

L-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha tiġi pprovduta b’mod li jista’ jinftiehem, b’tali mod li l-klijenti jew klijenti potenzjali jkunu raġonevolment kapaċi jifhmu n-natura u r-riskji rigward il-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni offrut, u b’konsegwenza ta’ dan, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li dik l-informazzjoni tiġi pprovduta f’format standardizzat.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-punti (d) u (e) tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 19(3), u l-Artikolu 22(3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni jitqiesu li qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 17(1), l-Artikolu 27 jew l-Artikolu 28 meta dawn iħallsu jew jitħallsu kwalunkwe tariffa jew kummissjoni, jew jipprovdu jew jiġu pprovduti bi kwalunkwe benefiċċju mhux fi flus b’rabta mad-distribuzzjoni ta’ prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jew servizz anċillari lil jew minn kwalunkwe parti għajr il-klijent jew persuna li taġixxi f’isem il-klijent, ħlief fejn il-pagament jew il-benefiċċju:

(a) 

ma jkollhomx impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent; u

(b) 

ma jfixklux il-konformità mad-dmir tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni li jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom.

3.  L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti aktar rigorużi fuq id-distributuri fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu aktar l-offerta jew l-aċċettazzjoni ta’ tariffi, kummissjonijiet jew benefiċċji mhux fi flus minn partijiet terzi b’rabta mal-għoti ta’ konsulenza dwar assigurazzjoni.

Rekwiżiti aktar rigorużi jistgħu jinkludu l-obbligu li kull tali tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux fi flus jintradd lura lill-klijenti jew jiġi bbilanċjat b’tariffi mħallsa mill-klijent.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti tal-parir imsemmi fl-Artikolu 30 mandatorju għall-bejgħ ta’ kwalunkwe prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew għal ċerti tipi tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li, fejn intermedjarju tal-assigurazzjoni jgħarraf lill-klijent li l-konsulenza tkun qiegħda tingħata b’mod indipendenti, l-intermedjarju għandu jivvaluta għadd kbir biżżejjed ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni disponibbli fis-suq li jkunu ddiversifikati biżżejjed fir-rigward tat-tip tagħhom u l-fornituri tal-prodott sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-klijent ikunu jistgħu jintlaħqu b’mod adatt u ma jiġux limitati għall-prodotti tal-assigurazzjoni maħruġa jew ipprovduti minn entitajiet li jkollhom rabtiet mill-qrib mal-intermedjarju.

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni kollha għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet nazzjonali aktar rigorużi ta’ Stat Membru, inkluż dawk li joperaw taħt il-libertà li jipprovdu s-servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment, meta jikkonkludu kuntratti tal-assigurazzjoni ma’ klijenti li jkollhom ir-residenza abitwali jew l-istabbiliment tagħhom f’dak l-Istat Membru.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 38, sabiex tispeċifika:

(a) 

il-kriterji biex jiġi evalwat jekk l/inċentivi mħallsa jew irċevuti minn intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni għandhomx impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent;

(b) 

il-kriterji biex tiġi evalwata l-konformità ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni li jħallsu jew jirċievu inċentivi mal-obbligu li jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali b’konformità mal-aħjar interessi tal-klijent.

5.  L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 4 għandhom iqisu:

(a) 

in-natura tas-servizzi offruti jew ipprovduti lill-klijent jew lill-klijenti potenzjali, filwaqt li jitqiesu t-tip, l-oġġett, id-daqs u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet;

(b) 

in-natura tal-prodotti offruti jew ikkunsidrati, inklużi tipi differenti ta’ prodotti ta’ investment ibbażati fuq assigurazzjoni.

Artikolu 30

Valutazzjoni tal-idoneità u tal-adegwatezza u r-rappurtar lill-klijenti

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), meta jipprovdu konsulenza dwar prodott tal-investiment ibbażat fuq assigurazzjoni, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jiksbu wkoll l-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-għarfien u l-esperjenza tal-klijent jew tal-klijent potenzjali fil-qasam ta’ investiment rilevanti għat-tip speċifiku ta’ prodott jew servizz, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dik il-persuna, inkluż il-kapaċità ta’ dik il-persuna li ġġarrab telf, u l-għanijiet ta’ investiment ta’ dik il-persuna, inkluża t-tolleranza ta’ dik il-persuna għar-riskju, sabiex l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni jkunu jistgħu jirrakkomandaw lill-klijent jew lill-klijent potenzjali l-prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li huma xierqa għal dik il-persuna u, b’mod partikolari, ikunu konformi mat-tolleranza tiegħu għar-riskju ta’ dik il-persuna u l-abilità li jġarrab it-telf.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew impriża ta’ assigurazzjoni jipprovdu konsulenza dwar l-investiment li jirrakkomanda pakkett ta’ servizzi jew prodotti marbuta flimkien skont l-Artikolu 24, il-pakkett globali ta’ prodotti flimkien ikun xieraq.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni, fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni oħra barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’rabta mal-bejgħ fejn ma tingħatax konsulenza, għandhom jitolbu lill-klijent jew klijent potenzjali li jipprovdu informazzjoni dwar l-għarfien u l-esperjenza ta’ dik il-persuna fil-qasam tal-invesiment rilevanti għat-tip speċifiku ta’ prodott jew servizz offrut jew mitlub, sabiex l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu jivvalutaw jekk is-servizz jew prodott ta’ assigurazzjoni fil-mira humiex xierqa għall-klijent. Meta pakkett ta’ servizzi jew prodotti jiġi previst skont l-Artikolu 24, il-valutazzjoni għandha tqis jekk il-pakkett globali ta’ prodotti flimkien huwiex xieraq.

Fejn l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni jqisu, abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont l-ewwel subparagrafu, li l-prodott ma jkunx xieraq għall-klijent jew klijent potenzjali, l-intermedjarju jew impriża tal-assigurazzjoni għandhom jagħtu twissija għal dak l-effett lill-klijent jew klijent potenzjali. Dik it-twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat.

Fejn il-klijenti jew klijenti potenzjali ma jipprovdux l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jew fejn ma jipprovdux biżżejjed informazzjoni rigward l-għarfien u l-esperjenza tagħhom, l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jagħtuhom twissija li mhumiex f’qagħda li jiddeterminaw jekk prodott fil-mira huwiex xieraq għalihom. Dik it-twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), fejn ma tingħata l-ebda konsulenza fir-rigward tal-prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li tippermetti l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni jwettqu attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni fit-territorji tagħhom mingħajr il-bżonn li jakkwistaw informazzjoni jew li jagħmlu d-determinazzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-attivitajiet jirreferu għal waħda minn dawn il-prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li ġejjin:

(i) 

kuntratti li jipprovdu biss l-esponiment tal-investiment għall-istrumenti finanzjarji meqjusa mhux kumplessi skont id-Direttiva 2014/65/UE u ma jinkorporawx struttura li tagħmilha diffiċli għall-konsumatur li jifhem ir-riskji involuti; jew

(ii) 

investimenti oħra bbażati fuq l-assigurazzjoni mhux kumplessi għall-fini ta’ dan il-paragrafu;

(b) 

l-attività ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni titwettaq fuq inizjattiva tal-klijent jew klijent potenzjali;

(c) 

il-klijent jew klijent potenzjali jkunu ġew informati b’mod ċar, li fl-għoti tal-attività ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni, l-intermedjarji jew l-impriżi tal-assigurazzjoni mhumiex meħtieġa jivvalutaw kemm huma xierqa l-prodott tal-investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jew l-attività ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni provduti jew offruti u li l-klijent jew il-klijent potenzjali ma jibbenefikawx mill-protezzjoni korrispondenti tar-regoli rilevanti dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet. Tali twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat;

(d) 

l-intermedjarju jew l-impriża ta’ assigurazzjoni jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 27 u 28.

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni kollha, inklużi dawk li joperaw taħt il-libertà li jipprovdu servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment, meta jikkonkludu kuntratti tal-assigurazzjoni ma’ klijenti li għandhom ir-residenza abitwali jew l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru li ma jagħmilx użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet applikabbli f’dak l-Istat Membru.

4.  L-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jistabbilixxu rekord li jinkludi d-dokument jew aktar, bħal kuntratt li jkun ġie miftiehem bejn l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u l-klijent, u li jkun stipula d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, kif ukoll kundizzjonijiet oħra li skonthom l-intermedjarju jew impriża tal-assigurazzjoni għandhom jipprovdu servizzi lill-klijent. Id-drittijiet u d-dmirijiet tal-partijiet fil-kuntratt jistgħu jiġu inkorporati b’riferiment għal dokumenti jew testi legali oħrajn.

5.  L-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jipprovdu lill-klijent b’rapporti adegwati dwar is-servizz ipprovdut fuq mezz durabbli. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu komunikazzjonijiet perjodiċi lill-klijenti, li jqisu t-tip u l-kumplessità tal-prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni involuti u n-natura tas-servizz mogħti lill-klijent, u għandhom jinkludu, fejn applikabbli, il-kostijiet assoċjati mat-tranżazzjonijiet u s-servizzi mwettqa f’isem il-klijent.

Meta tiġi pprovduta konsulenza dwar prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jipprovdu lill-klijent b’dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza f’format durabbli billi tispeċifika l-parir mogħti u kif dak il-parir jissodisfa l-preferenzi, l-objettivi u karatteristiċi oħrajn tal-klijent. Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23(1) sa (4) għandhom japplikaw.

Fejn il-kuntratt huwa konkluż bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza li jipprevjeni t-twassil minn qabel tad-dikjarazzjoni tal-adegwatezza, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni jistgħu jipprovdu dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza f’format durabbli immedjatament wara li l-konsumatur ikun intrabat b’xi ftehim, sakemm jiġu sodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-klijent ta l-kunsens tiegħu biex jirċievi d-dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tal-kuntratt; u

(b) 

l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni jkunu taw lill-klijent l-għażla li jdewwem il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex jirċievi d-dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza qabel tali konkluzjoni.

Fejn intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew impriża ta’ assigurazzjoni jkunu infurmaw lill-klijent li se jwettqu valutazzjoni perjodika dwar l-adegwatezza, ir-rapport perjodiku għandu jkollu dikjarazzjoni aġġornata dwar kif il-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jissodisfa l-preferenzi, l-objettivi u karatteristiċi oħrajn tal-klijent.

6.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38 biex tispeċifika ulterjoment kif l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stipulati f’dan l-Artikolu fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni mal-klijenti tagħhom, inkluża fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi akkwistata meta jiġu vvalutati l-adegwatezza u kemm huma xierqa l-prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni għall-klijenti tagħhom, il-kriterji biex jiġu vvalutati l-prodotti tal-investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni mhux kumplessi għall-iskop tal-punt (ii) tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u l-kontenut u l-format tar-rekords u l-ftehimiet għall-għoti ta’ servizzi għall-klijenti u ta’ rapporti perjodiċi għall-klijenti dwar is-servizzi pprovduti. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu:

(a) 

in-natura tas-servizzi offruti jew ipprovduti lill-konsumatur jew lill-konsumatur potenzjali, filwaqt li jitqiesu t-tip, l-oġġett, id-daqs u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet;

(b) 

in-natura tal-prodotti offruti jew ikkunsidrati, inklużi tipi differenti ta’ prodotti ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

(c) 

in-natura konsumistika jew professjonali tal-klijent jew il-klijent potenzjali.

7.  Sat-23 ta' Awwissu 2017, l-EIOPA għandha tiżviluppa linji gwida, u imbagħad taġġornahom perjodikament, għall-valutazzjoni ta’ prodotti ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijenti li jifhmu r-riskju involut kif imsemmi fil-punt (i) tal-punt (a) tal-paragrafu 3.

8.  L-EIOPA tista’ tiżviluppa linji gwida, u imbagħad taġġornahom perjodikament, għall-valutazzjoni ta’ prodotti ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li jkunu qed jiġu kklassifikati bħala mhux kumplessi għall-għan tal-punt (ii) tal-punt (a) tal-paragrafu 3, filwaqt li jitqiesu l-atti delegati adottati skont il-paragrafu 6.



KAPITOLU VII

SANZJONIJIET U MIŻURI OĦRA

Artikolu 31

Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra

1.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur kollu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri oħra tagħhom ikunu effiċjenti, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi taħt din id-Direttiva għal ksur li huwa soġġett għal sanzjonijiet kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom. F’tali każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom, inklużi s-setgħat investigattivi u s-setgħat li jimponu sanzjonijiet previsti f’dan il-Kapitolu, skont il-qafas ġuridiku nazzjonali tagħhom b’xi wieħed mill-modi li ġejjin:

(a) 

direttament;

(b) 

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c) 

b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn japplikaw obbligi għad-distributuri tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, fil-każ ta’ ksur ta’ tali obbligu, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet kontra, u miżuri oħra fir-rigward ta’,membri tal-korp maniġerjali jew superviżorju tagħhom, u fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika li, skont il-liġi nazzjonali, tkun responsabbli għal tali ksur.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri l-oħra meħuda f’konformità ma’ dan l-Artikolu jkunu soġġetti għad-dritt ta’ appell.

6.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat investigattivi kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u miżuri jipproduċu r-riżultati mixtieqa, u għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali, filwaqt li jiżguraw li l-kundizzjonijiet huma ssodisfati għall-ipproċessar tad-data leġittima skont id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33, huma għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat neċessarji kollha biex:

(a) 

jikkollaboraw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fit-territorju tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata ma’ investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali mibdija minħabba ksur possibbli taħt din id-Direttiva; u

(b) 

jipprovdu tali informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħra u l-EIOPA biex jissodisfaw l-obbligu tagħhomli jikkooperaw ma’ xulxin u mal-EIOPA għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 32

Pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri oħra

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra li tkun ġiet imposta għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw ta’ din id-Direttiva, u kontra liema ma sar l-ebda appell fil-ħin, inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur, kif ukoll l-identità tal-persuni responsabbli għalih. Madankollu, fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi, jew l-identità jew id-data personali tal-persuni fiżiċi, titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti wara li ssir valutazzjoni ta’ kull każ individwali dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ tali data, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tipposponi l-pubblikazzjoni, li ma tippubblikax, jew li tippubblika s-sanzjonijiet b’mod anonimu.

2.  Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura oħra, li tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom, mingħajr dewmien mhux dovut, tali informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta sanzjoni jew miżura oħra li tkun ġiet ippubblikata għandha wkoll tiġi ppubblikata.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-EIOPA dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri oħra kollha imposti, iżda mhux ippubblikati f’konformità mal-paragrafu 1, inkluż dwar kwalunkwe appell relatat magħhom u l-eżitu tagħhom.

Artikolu 33

Ksur, u sanzjonijiet u miżuri oħra

1.  Dan l-Artikolu għandu japplika għal tal-inqas dan li ġej:

(a) 

persuni li ma jirreġistrawx l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3;

(b) 

impriża jew intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jużaw is-servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni ta’ persuni msemmija fil-punt (a);

(c) 

intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari li jkun kiseb reġistrazzjoni permezz ta’ stqarrijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 3;

(d) 

distributur tal-assigurazzjoni li jonqos milli jissodisfa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10;

(e) 

impriża tal-assigurazzjoni jew intermedjarju tal-assigurazzjoni li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kondotta tal-operazzjonijiet stipulati fil-Kapitoli V u VI, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

(f) 

distributur ta’ assigurazzjoni li ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kondotta tal-operazzjonijiet stipulati fil-Kapitolu V, fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott tal-assigurazzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt (e).

2.  Fil-każ ta’ kwalunkwe ksur imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jimponu, f’konformita’ mal-liġi nazzjonali, tal-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra li ġejjin:

(a) 

stqarrija pubblika, li tindika l-persuna responsabbli naturali jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(b) 

ordni li titlob lill-persuna responsabbli naturali jew ġuridika twaqqaf il-kondotta u ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c) 

fil-każ ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, l-irtirar tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3;

(d) 

projbizzjoni temporanja ta’ kwalunkwe membru tal-korp maniġerali tal-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni imposti li jinżammu responsabbli;

(e) 

fil-każ ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet amministrattivi pekunarji massimi li ġejjin:

(i) 

tal-inqas EUR 5 000 000 jew sa 5 % tal-fatturat annwali totali skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja tal-impriża prinċipali li jkollha tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ( 6 ), il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali finali; jew

(ii) 

sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(f) 

fil-każ ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet amministrattivi pekunarji massimi li ġejjin:

(i) 

mill-inqas EUR 700 000 , jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva; jew

(ii) 

sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati.

3.  Fil-każ ta’ xi ksur imsemmi fil-punti (a) sa (d) u (f) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu, f’konformita’ mal-liġi nazzjonali, tal-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra li ġejjin:

(a) 

ordni li titlob lill-persuna responsabbli naturali jew ġuridika twaqqaf il-kondotta u ma tirrepetix dik il-kondotta;

(b) 

fil-każ ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni u tal-assigurazzjoni anċillari, l-irtirar tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.

4.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprevedu sanzjonijiet jew miżuri oħra addizzjonali u livelli ta’ sanzjonijiet amministrattivi pekunarji li jkunu ogħla minn dawk previsti f’dan l-Artikolu.

Artikolu 34

Applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet u miżuri oħra

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiddeterminaw it-tip ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri oħra u l-livell ta’ sanzjonijiet amminstrattivi pekunarji, l-awtoritajiet kompetenti iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż fejn adatt:

(a) 

il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b) 

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(c) 

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, kif indikat jew mid-dħul annwali tal-persuna naturali responsabbli jew mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli;

(d) 

l-importanza tal-profitti miksuba jew tad-danni evitati mill-persuna naturali jew ġuridika, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e) 

it-telf għall-klijenti u l-partijiet terzi kkawżat mill-ksur, dment li dan ikun jista’ jiġi determinat;

(f) 

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g) 

miżuri meħuda mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli biex tipprevjeni li jiġi ripetut il-ksur; u

(h) 

kwalunkwe ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

Artikolu 35

Rappurtar ta’ ksur

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jippermettu u jinkoraġġixxu r-rappurtar lilhom ta’ ksur possibbli jew attwali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva.

2.  Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a) 

proċeduri speċifiċi għall-wasla ta’ rapporti u s-segwitu tagħhom;

(b) 

protezzjoni xierqa, tal-inqas kontra r-ritaljazzjoni, id-diskriminazzjoni jew tipi oħrajn ta’ trattament mhux ġust, tal-impjegati tad-distributuri tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u, fejn ikun possibbli, għal persuni oħra, li jirrappurtaw ksur imwettaq f’dawk l-entitajiet; u

(c) 

protezzjoni tal-identità kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għall-ksur, fl-istadji kollha tal-proċeduri dment li tali żvelar ma jkunx mitlub mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji sussegwenti.

Artikolu 36

Preżentazzjoni ta’ informazzjoni lill-EIOPA li tirrigwarda sanzjonijiet u miżuri oħra

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-EIOPA dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri oħra kollha imposti imma mhux ippubblikati skont l-Artikolu 32(1).

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu kull sena lill-EIOPA b’informazzjoni aggregata rigward is-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri l-oħra kollha imposti skont l-Artikolu 31.

L-EIOPA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali.

3.  Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra lill-pubbliku, hija għandha, fl-istess ħin, tirrapporta dak il-fatt lill-EIOPA.



KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37

Protezzjoni tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-data personali li jsir fl-Istati Membri skont din id-Direttiva.

2.  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-ipproċessar tad-data personali li jsir mill-EIOPA skont din id-Direttiva.

Artikolu 38

Atti ddelegati

Il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 39, li jikkonċernaw l-Artikoli 25, 28, 29 u 30.

Artikolu 39

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta atti delegati, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 25, 28, 29 u 30 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien mhux determinat mit-22 ta' Frar 2016.

3.  Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 25, 28, 29 u 30 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Tali revoka għandha tidħol fis-seħħ mill-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ir-revoka ma għandha tolqot il-validità tal-ebda att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 25, 28, 29 u 30 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 40

Perjodu tranżitorju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji diġà rreġistrati skont id-Direttiva 2002/92/KE jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva sat-23 ta' Frar 2019.

Artikolu 41

Reviżjoni u evalwazzjoni

1.  Sat-23 ta' Frar 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 1. Tali rapport għandu jinkludi valutazzjoni, abbażi tal-informazzjoni rċevuta mill-Istati Membri u l-EIOPA skont l-Artikolu 1(5), dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluża l-eċċezzjoni fl-Artikolu 1(3), jibqgħux xierqa fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-proporzjonalità tat-trattament bejn distributuri differenti tal-assigurazzjoni u l-piż amministrattiv impost fuq l-awtoritajiet kompetenti u l-mezzi ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni.

2.  Sat 23-ta' Frar 2021, il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva. Ir-reviżjoni għandha tinkludi sondaġġ ġenerali tal-applikazzjoni prattika tar-regoli stipulati taħt din id-Direttiva, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq bl-imnut tal-prodotti tal-investiment, kif ukoll l-esperjenzi miksuba fl-applikazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva, tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE. Ir-reviżjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dwar jekk ir-regoli speċifiċi dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet għad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni stipulati fil-Kapitolu VI ta’ din id-Direttiva jwasslux għal riżultati xierqa u proporzjonati, filwaqt li jqisu l-bżonn li jiżguraw livell suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi konsistenti mal-istandards tal-protezzjoni tal-investitur applikabbli skont id-Direttiva 2014/65/UE u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni u n-natura speċifika tal-mezzi ta’ distribuzzjoni tagħhom. Ir-reviżjoni għandha wkoll tirrifletti dwar l-applikazzjoni possibbli tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE. Tali reviżjoni msemmija għandha tinkludi wkoll analiżi speċifika tal-impatt tal-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva, filwaqt li titqies il-qagħda tal-kompetizzjoni fis-suq tad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-kuntratti għajr dawk tal-klassijiet speċifikati fl-Anness II għad-Direttiva 2009/138/KE, u l-impatt tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva dwar l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jkunu intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju.

3.  Wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Kummissjoni għandha tressaq l-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.  Sat-23 ta' Frar 2020, u tal-inqas kull sentejn wara dan, l-EIOPA għandha tħejji rapport ulterjuri dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-EIOPA għandha tikkonsulta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq qabel ma tippubblika r-rapport tagħha.

5.  Fit-tielet rapport, li għandu jitħejja sat-23 ta' Frar 2018, l-EIOPA għandha twettaq evalwazzjoni tal-istruttura tas-swieq tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni.

6.  Ir-rapport li għandu jitħejja mill-EIOPA sat-23 ta' Frar 2020 imsemmi fil-paragrafu 4, għandu jeżamina jekk l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 12(1) għandhomx setgħat suffiċjenti u riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

7.  Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jeżamina, mill-inqas, il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) 

kwalunkwe bidliet fl-istruttura tas-suq tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni;

(b) 

kwalunkwe bidliet fix-xejriet tal-attività transkonfinali;

(c) 

it-titjib tal-kwalità tal-konsulenza u tal-metodi ta’ bejgħ, kif ukoll dwar l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jkunu intrapriżi żgħar u medji.

8.  Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni mill-EIOPA tal-impatt ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 42

Transpożizzjoni

▼M1

1.  Sal-1 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2018.

▼B

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll stqarrija li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttiva mħassra b’din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir, u kif dik l-istqarrija għandha tiġi fformulata.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 43

Emenda għad-Direttiva 2002/92/KE

Il-Kapitolu IIIA tad-Direttiva 2002/92/KE jitħassar b’effett mit-23 ta' Frar 2016.

Artikolu 44

Tħassir

▼M1

Id-Direttiva 2002/92/KE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness II għal din id-Direttiva, titħassar b'effett mill-1 ta' Ottubru 2018, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness II għal din id-Direttiva.

▼B

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 46

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

REKWIŻITI MINIMI TA’ GĦARFIEN U KOMPETENZI PROFESSJONALI

(kif imsemmi fl-Artikolu 10(2))

Riskji mhux tal-ħajja klassifikati skont il-klassijiet 1 sa 18 fil-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2009/138/KE:

(a) 

għarfien minimu neċessarju għat-termini u l-kundizzjonijiet tal-poloz offruti, inklużi riskji anċillari jekk ikunu koperti minn tali poloz;

(b) 

għarfien minimu neċessarju tal-liġijiet applikabbli li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni, bħal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-liġi tat-taxxa rilevanti u l-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti;

(c) 

għarfien minimu neċessarju tat-trattament tal-pretensjonijiet;

(d) 

għarfien minimu neċessarju tat-trattament tal-ilmenti;

(e) 

għarfien minimu neċessarju tal-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-klijenti;

(f) 

għarfien minimu neċessarju tas-suq tal-assigurazzjoni;

(g) 

għarfien minimu neċessarju tal-istandards tal-etika kummerċjali; u

(h) 

kompetenza finanzjarja minima neċessarja.

II 

Il-prodotti ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni:

(a) 

għarfien minimu neċessarju tal-prodotti ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet u l-primjums nett u, fejn ikun applikabbli, benefiċċji garantiti u mhux garantiti;

(b) 

għarfien minimu neċessarju tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ għażliet tal-investiment differenti għad-detenturi tal-polza;

(c) 

għarfien minimu neċessarju tar-riskji finanzjarji mġarrba mid-detenturi tal-polza;

(d) 

għarfien minimu neċessarju tal-poloz li jkopru r-riskji tal-ħajja u prodotti ta’ tfaddil oħra;

(e) 

għarfien minimu neċessarju tal-organizzazzjoni u l-benefiċċji garantiti mis-sistema tal-pensjoni;

(f) 

għarfien minimu neċessarju tal-liġijiet applikabbli li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni, bħal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-liġi tat-taxxa rilevanti;

(g) 

għarfien minimu neċessarju tas-suq tal-assigurazzjoni u tas-suq tal-prodotti ta’ tfaddil;

(h) 

għarfien minimu neċessarju tat-trattament tal-ilmenti;

(i) 

għarfien minimu neċessarju tal-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-klijenti;

(j) 

ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess;

(k) 

għarfien minimu neċessarju tal-istandards tal-etika kummerċjali; u

(l) 

kompetenza finanzjarja minima neċessarja.

III 

Riskji tal-ħajja klassifikati fl-Anness II għad-Direttiva 2009/138/KE:

(a) 

għarfien minimu neċessarju tal-poloz inklużi t-termini, il-kundizzjonijiet, il-benefiċċji ggarantiti u, fejn applikabbli, ir-riskji anċillari;

(b) 

għarfien minimu neċessarju tal-organizzazzjoni u l-benefiċċji garantiti mis-sistema tal-pensjoni tal-Istat Membru rilevanti;

(c) 

għarfien tal-liġi applikabbli tal-kuntratti tal-assigurazzjoni, il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-liġi tal-protezzjoni tad-data, il-liġi kontra l-ħasil tal-flus u, fejn ikun applikabbli, il-liġi tat-taxxa rilevanti u l-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti;

(d) 

għarfien minimu neċessarju tal-assigurazzjoni u swieq ta’ servizzi finanzjarji rilevanti oħra;

(e) 

għarfien minimu neċessarju tat-trattament tal-ilmenti;

(f) 

għarfien minimu neċessarju tal-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-konsumatur;

(g) 

ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess;

(h) 

għarfien minimu neċessarju tal-istandards tal-etika kummerċjali; u

(i) 

kompetenza finanzjarja minima neċessarja.




ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3)

Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)

Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19)

PARTI B

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali imsemmija fl-Artikolu 44



Direttiva

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttivi emendatorji

2014/65/UE

(UE) 2016/97

3.7.2016

22.2.2016 (fir-rigward tal-emenda tad-Direttiva 2002/92/KE skont l-Artikolu 43 ta’ din id-Direttiva)

23.2.2018 (fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 42)




ANNESS III

Tabella ta’ korrelazzjoni



Direttiva 2002/92/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3) u (4)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(6)

Artikolu 2 punt (1)

Artikolu 2(1) punt (6)

Artikolu 2 punt (2)

Artikolu 2(1) punt (7)

Artikolu 2 punt (3)

Artikolu 2(1) punt (1) u Artikolu 2(2)

Artikolu 2 punt (4)

Artikolu 2(1) punt (2) u Artikolu 2(2)

Artikolu 2 punt (5)

Artikolu 2(1) punt (3)

Artikolu 2 punt (6)

Artikolu 2(1) punt (5)

Artikolu 2 punt (7)

Artikolu 2 punt (8)

Artikolu 2(1) punt (16)

Artikolu 2 punt (9)

Artikolu 2(1) punt (10)

Artikolu 2 punt (10)

Artikolu 2(1) punt (11)

Artikolu 2 punt (11)

Artikolu 2 punt (12)

Artikolu 2(1) punt (18)

Artikolu 2 punt (13)

Artikolu 2(1) punt (17)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(6)

Artikolu 16

Artikolu 4(1)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 10(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 10(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 10(6)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(6)

Artikolu 4(7)

Artikolu 10(7)

Artikolu 5

Artikolu 40

Artikolu 6(1)

Artikoli 4 u 6

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 11(1)

Artikolu 7

Artikolu 12

Artikolu 8

Artikoli 5, 7, 31 sa 36

Artikolu 9

Artikolu 13

Artikolu 10

Artikolu 14

Artikolu 11

Artikolu 15

Artikolu 12(1) punt (a)

Artikolu 18 punti (a)(i), (b)(i)

Artikolu 12(1) punt (b)

Artikolu 18 punti (a)(iv)

Artikolu 12(1) punt (c)

Artikolu 19(1) punt (a)

Artikolu 12(1) punt (d)

Artikolu 19(1) punt (b)

Artikolu 12(1) punt (e)

Artikoli 18 punti (a)(iii), (b)(iii) u 19(1) punt (c)

Artikolu 12(2)

Artikolu 20(3)

Artikolu 12(3)

Artikolu 20(1)

Artikolu 12(4)

Artikolu 22(1)

Artikolu 12(5)

Artikolu 22(2) u (4)

Artikolu 13

Artikolu 23

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17



( ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( ) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

( ) Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

( ) Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

( ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).