02015XC0702(01) — MT — 22.11.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

(ĠU C 217 2.7.2015, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Linji Gwida għall-eżami tal-Għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura  2018/C 422/01

  C 422

1

22.11.2018




▼B

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

2015/C 217/01

1.    INTRODUZZJONI

(1) L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jistipula li, “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(2) L-Artikolu 107(2) tat-Trattat jelenka t-tipi ta’ għajnuna li huma kompatibbli mas-suq intern, inkluża l-għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji, kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) ta' dak l-Artikolu. L-Artikolu 107(3) tat-Trattat jelenka t-tipi ta’ għajnuna li jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, inkluża l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, kif imsemmi fil-paragrafu 3(c) ta' dak l-Artikolu.

(3) Skont l-Artikolu 108(1) u (2) tat-Trattat, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha teżamina kostantement is-sistemi kollha ta' għajnuna li jeżiżtu fl-Istati Membri. Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull pjan biex tingħata jew biex tiġi mmodifikata għajnuna. Ir-regoli proċedurali dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 ( 1 ) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 ( 2 ).

(4) L-Artikolu 42 tat-Trattat jistipula li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, li jinkludu dawk dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli, li jinkludu prodotti tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, sal-limitu ddeterminat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-limitu sa fejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għal għajnuna mogħtija għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ġie stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

(5) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi li l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. L-Artikolu 8(2) ta' dak ir-Regolament jistipula eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali u jipprevedi li l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura li saru mill-Istati Membri skont u f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Madankollu, skont l-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament, japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu finanzjament pubbliku fir-rigward tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. F’dak il-każ, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-finanzjament pubbliku kollu kemm hu.

(6) Ċerti pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma jikkostitwixxux pagamenti għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u jaqgħu barra mis-settur, pereżempju, il-pagamenti skont il-Kapitolu VIII tat-Titolu V ta’ dak ir-Regolament, li jirrigwarda l-miżuri tal-Politika Marittima Integrata (PMI) iffinanzjati taħt ġestjoni kondiviża. Barra minn hekk, il-pagamenti skont il-Kapitolu III tat-Titolu V ta’ dak ir-Regolament, li jirrigwarda l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura, b’mod ġenerali jaqgħu wkoll barra mis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Madankollu, jekk dawk il-pagamenti jikkonċernaw miżuri stipulati fil-Kapitoli I, II u IV tat-Titolu V ta’ dak ir-Regolament, kif stabbilit fl-Artikolu 63(2) ta’ dak ir-Regolament, dawn jaqgħu fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

(7) Il-pagamenti skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 li jaqgħu barra mis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura huma soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fit-Trattat. Meta dawn il-pagamenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn għandhom jiġu vvalutati skont l-istrumenti rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat. F'dak il-każ, dawn il-Linji Gwida, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 ( 4 ), u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 ( 5 ), ma japplikawx.

(8) Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-prinċipji li se tapplika l-Kummissjoni meta tivvaluta jekk l-għajnuna għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tistax titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) jew l-Artikolu 107(3) tat-Trattat.

(9)  ►M1  L-Għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura hija integrata fi ħdan il-qafas usa’ tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). B’hekk, l-użu tal-għajnuna mill-Istat jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun konformi mal-objettivi tal-PKS. Għalhekk, il-Kummissjoni tapplika u tinterpreta dawn il-Linji gwida skont ir-regoli tal-PKS. Fi ħdan il-PKS l-Unjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. L-impatt soċjali u ekonomiku tal-appoġġ pubbliku huwa l-istess, irrispettivament minn jekk dan huwiex (anki parzjalment) iffinanzjat mill-Unjoni jew minn Stat Membru waħdu. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li għandu jkun hemm konsistenza u koerenza bejn il-politika tagħha ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-appoġġ li jingħata skont il-PKS. Filwaqt li l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex, fil-prinċipju, tingħata għal operazzjonijiet li mhumiex eliġibbli għall-appoġġ mill-FEMS, madankollu ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, minħabba li huma kontribuzzjoni pożittiva għall-objettivi tal-PKS, f’ċirkostanzi speċifiċi jistgħu jkunu kompatibbli mas-suq intern. ◄

(10) Il-PKS, li l-objettivi tagħha huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), timmira, fost l-oħrajn, li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.

(11) Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-objettivi tal-FEMS huma li jippromwovu sajd u akkwakultura kompetittivi, ambjentalment sostenibbli, ekonomikament vijabbli u soċjalment responsabbli, li jrawwem l-implimentazzjoni tal-PKS, li jippromwovi żvilupp territorjali bbilanċjat u inklużiv taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll li jrawwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-PMI tal-Unjoni b’mod li jikkomplementa l-politika ta’ koeżjoni u għall-PKS. B’mod ġenerali, is-segwitu ta’ dawk l-objettivi huwa li ma jwasslux għal żieda fil-kapaċità tas-sajd.

(12) Il-FEMS jipprovdi appoġġ finanzjarju favur diversi temi u oqsma speċifiċi identifikati fir-Regolament (UE) Nru 508/2014. Il-miżuri appoġġjati mill-FEMS huma implimentati fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ ġestjoni diretta jew kondiviża.

(13) Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) tat-8 ta’ Mejju 2012 (Komunikazzjoni dwar SAM) ( 7 ) il-Kummissjoni ħabbret tliet objettivi prinċipali tal-modernizzazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat: (a) li jitrawwem it-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f'suq intern kompetittiv; (b) biex l-iskrutinju ex ante tal-Kummissjoni jiġi ffukat fuq il-każijiet bl-akbar impatt fuq is-suq intern, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat; u (c) biex jiġu ssimplifikati r-regoli u jkunu previsti deċiżjonijiet aktar rapidi.

(14) B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni appellat għal approċċ komuni għar-reviżjoni tal-linji gwida u tal-oqfsa differenti bil-ħsieb li jissaħħaħ is-suq intern, tiġi promossa effikaċja akbar fl-infiq pubbliku permezz ta’ kontribuzzjoni aħjar tal-għajnuna mill-Istat għall-objettivi ta’ interess komuni, isir skrutinju ikbar tal-effett ta’ inċentiv, tiġi limitata l-għajnuna għall-minimu meħtieġ u jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida huma bbażati fuq l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar SAM.

2.    KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, OBBLIGU TA’ NOTIFIKA U DEFINIZZJONIJIET

2.1.    Kamp ta' applikazzjoni

(15) Dawn il-Linji Gwida japplikaw għal kull għajnuna mogħtija għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Dawn japplikaw għall-iskemi tal-għajnuna u għall-għajnuna individwali.

(16) Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-komponenti ta’ għajnuna reġjonali li għandhom x’jaqsmu mas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ( 8 ). Dawn japplikaw ukoll għal kull għajnuna oħra li tingħata lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fi ħdan il-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) għajr il-FEMS.

(17) Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għall-għajnuna mogħtija bħala finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. Din l-għajnuna hija approvata bħala parti minn dawk il-pjanijiet, f’konformità mal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament.

2.2.    Obbligu ta’ notifika

(18) Il-Kummissjoni tfakkar lil kull Stat Membru dwar l-obbligu tiegħu li jinnotifika kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida, kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(19) Madankollu, Stat Membru mhuwiex obbligat li jinnotifika lill-Kummissjoni:

(a) għajnuna konformi ma’ wieħed mir-Regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija adottati abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 ( 9 ), jekk dawn japplikaw għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, b’mod partikolari:

i. għajnuna konformi mar-Regolament (UE) Nru 1388/2014; kif ukoll

ii. għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, għajnuna fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs, u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b’diżabilità, li jikkonformaw mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 ( 10 );

(b) għajnuna de minimis li tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 717/2014.

(20) Il-Kummissjoni tfakkar lil kull Stat Membru li meta s-sistema ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, pereżempju permezz ta’ imposti parafiskali, tifforma parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna, dan għandu jiġi nnotifikat ukoll ( 11 ).

(21) Il-Kummissjoni tfakkar lill-Istati Membri li l-għajnuna mogħtija bħala finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjanijiet ta’ kumpens. Skont l-Artikolu 73 ta' dak ir-Regolament, l-għajnuna mill-Istat li tkun ġiet innotifikata b’dan il-mod se titqies bħala nnotifikata skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

2.3.    Definizzjonijiet

(22) Għall-finijiet ta' dawn il-Linji Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “għajnuna” tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

(b) “skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li, abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra ta’ implimentazzjoni, tista’ tingħata għajnuna individwali lil impriżi definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li abbażi tiegħu tista’ tingħata għajnuna li mhijiex marbuta ma’ proġett speċifiku lil impriża waħda jew aktar għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

(c) “għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija fuq il-bażi ta’ skema;

(d) “għajnuna individwali” tfisser għajnuna ad hoc u għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta’ skema tal-għajnuna;

(e) “data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data meta l-benefiċjarju jingħata, skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli, id-dritt ġuridiku li jirċievi l-għajnuna;

(f) “intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont tal-għajnuna gross espress bħala perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra;

(g) “settur tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser is-settur tal-ekonomija li jinkludi l-attivitajiet kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(h) “prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 );

(i) “SMEs” jew “intrapriżi żgħar u medji” tfisser impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014;

(j) “impriża kbira” tfisser kull impriża li ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014;

(k) “reġjuni ultraperiferiċi” tfisser ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE ( 13 ), mill-1 ta’ Jannar 2012, Saint Barthélemy ma baqax aktar reġjun ultraperiferiku. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE ( 14 ), il-Majott sar reġjun ultraperiferiku mill-1 ta’ Jannar 2014;

(l) “għajnuna operatorja” tfisser għajnuna mmirata biex jew ikollha l-effett li żżid il-likwidità tan-negozju ta’ impriża, tnaqqas l-ispejjeż ta’ produzzjoni jew ittejjeb id-dħul tagħha, b’mod partikolari l-għajnuna kkalkolata esklużivament fuq il-bażi tal-kwantità prodotta jew ikkumerċjalizzata, tal-prezzijiet tal-prodotti, tal-unitajiet prodotti jew tal-mezzi ta’ produzzjoni.

3.    PRINĊIPJI

3.1.    Prinċipji komuni tal-valutazzjoni

(23) Sabiex tivvaluta jekk miżura ta’ għajnuna nnotifikata lill-Kummissjoni tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tanalizza jekk l-istruttura tal-miżura tal-għajnuna tiżgurax li l-impatt pożittiv tal-għajnuna lejn objettiv ta’ interess komuni jaqbiżx l-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

(24) Il-Komunikazzjoni dwar SAM talbet għall-identifikazzjoni u għad-definizzjoni tal-prinċipji komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mwettqa mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tqis li miżura ta’ għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern biss jekk tikkonforma ma' kull wieħed mill-prinċipji li ġejjin:

(a) kontribuzzjoni għal objettiv definit sew ta ' interess komuni: miżura ta’ għajnuna mill-Istat trid timmira lejn objettiv ta’ interess komuni skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat (it-Taqsima 3.3);

(b) ħtieġa ta' intervent mill-Istat: miżura ta’ għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tista’ ġġib titjib materjali li ma jistax jinkiseb mis-suq innifsu, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni (it-Taqsima 3.4);

(c) l-adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna: il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument politiku xieraq li jindirizza l-objettiv ta’ interess komuni (it-Taqsima 3.5);

(d) l-effett tal-inċentiv: l-għajnuna trid tbiddel l-imġiba tal-impriża jew tal-impriżi kkonċernati b’tali mod li dawn jinvolvu ruħhom f’attività addizzjonali illi kieku ma jkunux jistgħu jwettqu mingħajr l-għajnuna jew li jkunu jistgħu jwettquha biss b’mod ristrett jew differenti jew f’post ieħor (it-Taqsima 3.6);

(e) il-proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-bżonn minimu): l-ammont tal-għajnuna jrid ikun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jiġu stimolati l-investimenti jew l-attivitajiet addizzjonali fiż-żona kkonċernata (it-Taqsima 3.7);

(f) l-evitar tal-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri: l-effetti negattivi jridu jkunu limitati b’mod suffiċjenti, sabiex b’hekk il-bilanċ globali tal-miżura jkun wieħed pożittiv (it-Taqsima 3.8);

(g) it-trasparenza tal-għajnuna: L-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku jrid ikollhom aċċess faċli għall-atti rilevanti kollha u għall-informazzjoni pertinenti dwar l-għajnuna mogħtija (it-Taqsima 3.9).

(25) Ċerti kategoriji ta' skemi ta’ għajnuna jistgħu jiġu soġġetti wkoll għal evalwazzjoni ex post kif stabbilit fil-punti (118) sa (121). Il-Kummissjoni tista’ tillimita t-tul ta’ żmien ta’ dawk l-iskemi, normalment għal erba’ snin jew inqas, bil-possibbiltà li tinnotifika mill-ġdid l-estensjoni tagħhom wara.

(26) Jekk miżura ta’ għajnuna jew kull kundizzjoni marbuta magħha, inkluż il-metodu tal-finanzjament tagħha meta dak il-metodu jikkostitwixxi parti integrali mill-miżura, timplika ksur tal-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna ma tkunx kompatibbli mas-suq intern ( 15 ).

(27) L-għajnuna għall-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, jew ma’ spejjeż oħra marbuta mal-attività tal-esportazzjoni, u għajnuna li tiffavorixxi l-użu ta’ prodotti domestiċi minn dawk importati, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

(28) Meta tivvaluta l-għajnuna li tingħata lil impriża li tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti b’segwitu għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni se tqis l-ammont tal-għajnuna li jkun għadu jrid jiġi rkuprat ( 16 ). Dan ma japplikax għall-għajnuna li tikkumpensa għad-danni kkawżati minn diżastri naturali skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat.

(29) Il-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ġeneralment iridu jiġu applikati filwaqt li jitqies il-kuntest speċifiku tal-PKS. Għalhekk, dawn japplikaw għall-għajnuna kollha skont dawn il-Linji Gwida, ħlief jekk it-Taqsimiet 4 u 5 jistipulaw derogi minħabba kunsiderazzjonijiet partikolari fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

3.2.    Prinċipji speċifiċi għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

(30) Minbarra l-prinċipji ta' valutazzjoni komuni stabbiliti fit-Taqsima 3.1, il-Kummissjoni tapplika wkoll il-prinċipji speċifiċi għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura stabbiliti f’din it-Taqsima.

(31) Kull benefiċjarju ta' miżura ta' għajnuna mill-Istat irid jikkonforma mar-regoli tal-PKS.

(32) Applikazzjoni għall-għajnuna jew, jekk mhi prevista l-ebda applikazzjoni, att ekwivalenti għandu jitqies inammissibbli, jekk l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tkun stabbiliet li l-operatur ikkonċernat wettaq wieħed jew aktar mill-ksur jew mill-kontravvenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) ta' dak ir-Regolament jew frodi kif stabbilit fl-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-Regolament. Il-perjodi ta’ inammissibbiltà stabbiliti fl-atti delegati adottati abbażi tal-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament, japplikaw. Dan il-prinċipju ma japplikax fil-każ ta’ għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.3 u 5.4 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(33) Kull impriża, wara li tippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna jew, jekk ma tkun prevista l-ebda applikazzjoni, att ekwivalenti għandu jkompli jikkonforma mar-regoli tal-PKS tul il-perjodu kollu ta' implimentazzjoni tal-proġett u għal perjodu ta' ħames snin wara l-pagament finali lill-benefiċjarju. Il-miżuri tal-għajnuna jridu jipprevedu espliċitament li, matul dawk il-perjodi l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji jridu jikkonformaw mar-regoli tal-PKS. Jekk jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti li benefiċjarju wettaq wieħed jew aktar mill-ksur stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 matul dawk il-perjodi u konsegwentement sar inammissibbli biex japplika għall-għajnuna, l-għajnuna trid tiġi rrimborżata mill-benefiċjarju.

(34) Miżura ta’ għajnuna tal-istess tip bħal operazzjoni li tkun eliġibbli għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern biss jekk din tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dak ir-Regolament għal dak it-tip ta’ operazzjoni, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet dwar l-intensità tal-għajnuna pubblika. Jekk għajnuna tmur lil hinn mill-kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament, l-Istat Membru jrid juri l-ġustifikazzjoni għall-għajnuna kif ukoll l-indispensabbiltà tagħha.

(35)  ►M1  L-ebda għajnuna ma għandha tingħata għal attivitajiet li jikkorrispondu għal operazzjonijiet ineliġibbli skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor f’dawn il-Linji gwida. ◄

3.3.    Kontribuzzjoni għal objettiv komuni

(36) Miżura ta’ għajnuna trid tikkontribwixxi biex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ interess komuni stabbiliti fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat.

(37) Barra minn hekk, kull miżura ta’ għajnuna trid tidentifika l-objettivi tal-PKS, li għall-kisba tagħhom hi tikkontribwixxi u trid turi b’mod ċar kif se tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi, mingħajr ma jintlaqtu ħażin objettivi oħra tal-PKS. L-objettivi tal-PKS huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jimmiraw, fost l-oħrajn, li jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.

(38)  ►M1  Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ għajnuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.1, 5.3, 5.4 u 5.6a ta’ dawn il-Linji gwida jikkontribwixxu biex jinkiseb objettiv ta’ interess komuni. ◄

3.4.    Ħtieġa ta' intervent mill-Istat

(39) Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess komuni, l-ewwel għandha tiġi identifikata l-problema li trid tiġi indirizzata. L-għajnuna mill-Istat għandu jkollha fil-mira sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna tista’ ġġib magħha titjib materjali li s-suq ma jkunx kapaċi jġib waħdu. Dan jgħodd speċjalment f’kuntest fejn ir-riżorsi pubbliċi jkunu skarsi.

(40) Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, b’ċerti kundizzjonijiet, jikkoreġu fallimenti tas-suq u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq u jsaħħu l-kompetittività. Barra minn hekk, meta s-swieq jipprovdu riżultati effiċjenti iżda dawn jitqiesu li mhumiex sodisfaċenti minn perspettiva ta’ ekwità jew ta’ koeżjoni, l-għajnuna mill-Istat tista’ tintuża biex jinkiseb riżultat tas-suq li jkun aktar mixtieq u ekwu.

(41) L-għajnuna mill-Istat ġeneralment ma tridx tkun protettiva fl-għan u fl-effett tagħha u trid tippromwovi r-razzjonalizzazzjoni u l-effiċjenza tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Kull għajnuna mill-Istat trid timmira lejn titjib permanenti sabiex is-settur ikun jista’ jiffunzjona fuq il-bażi tal-fatturi tas-suq.

(42)  ►M1  Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji gwida, il-Kummissjoni tqis li s-suq mhux qed jikseb l-objettivi mistennija mingħajr l-intervent tal-Istat u għalhekk huwa meħtieġ l-intervent tal-Istat fil-każ tal-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.1, 5.3, 5.4 u 5.6a ta’ dawn il-Linji gwida. ◄

3.5.    Adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna

(43) Il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika xieraq biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi kkonċernati. Miżura ta’ għajnuna ma titqiesx kompatibbli mas-suq intern jekk strumenti ta’ politika anqas distorsivi jew forom oħra ta’ għajnuna anqas distorsivi jippermettu li tinkiseb l-istess kontribuzzjoni pożittiva għall-objettivi tal-PKS.

(44)  ►M1  Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.1, 5.3, 5.4, u 5.6a ta’ dawn il-Linji gwida hija strument ta’ politika adegwat. Fil-każijiet l-oħra kollha, Stat Membru jrid juri li ma jeżisti l-ebda strument ta’ politika ieħor inqas distorsiv. ◄

(45) Il-Kummissjoni se tqis, b’mod partikolari, kull valutazzjoni tal-impatt tal-iskema tal-għajnuna proposta li tista’ tiġi pprovduta mill-Istat Membru. Bl-istess mod, jistgħu jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post, kif deskritt fit-Taqsima 6, biex jiġi vvalutat jekk jeżistix xi strument ta' politika ieħor inqas distorsiv.

(46) L-għajnuna tista’ tingħata f’diversi forom. Kull Stat Membru jrid jiżgura li l-għajnuna tingħata fil-forma li x’aktarx tiġġenera l-anqas distorsjonijiet fil-kummerċ u fil-kompetizzjoni.

(47) Meta l-għajnuna tingħata f’forom li jipprovdu vantaġġ pekunarju dirett (pereżempju għotjiet diretti, eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxi, fis-sigurtà soċjali jew f’imposti obbligatorji oħrajn), l-Istat Membru jrid juri għaliex forom ta’ għajnuna oħrajn li jkunu potenzjalment anqas distorsivi, bħal self bil-quddiem li jrid jitħallas lura jew bħal forom ta’ għajnuna li huma bbażati fuq strumenti ta’ dejn jew ta’ ekwità (pereżempju, self b’imgħax baxx jew tnaqqis tal-imgħax, garanziji tal-gvern, xiri ta’ parteċipazzjoni azzjonarja jew forniment alternattiv ta’ kapital b’termini favorevoli), huma inqas adegwati.

(48) Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post, kif deskritt fit-Taqsima 6, jistgħu jitqiesu biex jiġi vvalutat jekk teżistix xi forma ta' għajnuna oħra anqas distorsiva.

3.6.    Effett ta' inċentiv

(49) L-għajnuna tista’ tinstab kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv. L-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv jekk tbiddel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li din tinvolvi ruħha f’attività addizzjonali li ma kinitx twettaq mingħajr l-għajnuna, jew kienet twettaqha b’mod ristrett jew differenti. L-għajnuna ma tridx tissussidja l-ispejjeż ta’ attività li ġġarrab impriża jkun xi jkun il-każ u ma tridx tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika ( 17 ).

(50) L-għajnuna operatorja u l-għajnuna biex tiġi ffaċilitata l-kisba ta’ standards obbligatorji, fil-prinċipju mhumiex kompatibbli mas-suq intern, sakemm ma jiġux espressament stipulati eċċezzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew f’dawn il-Linji Gwida u f’każijiet oħrajn debitament iġġustifikati.

(51) Għajnuna li tingħata fir-rigward ta’ operazzjoni li l-benefiċjarju jkun diġà beda jimplimenta qabel ma tressqet l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali, ma tistax titqies li għandha effett ta’ inċentiv.

(52)  ►M1  Għajnuna li hija ta’ natura kompensatorja, bħal għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.3, u 5.4, u għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 5.6, u għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima 5.6a, mhumiex meħtieġa jkollhom effett ta’ inċentiv. ◄

(53) L-għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa se titqies li jkollha effett ta’ inċentiv, jekk il-miżura tistabbilixxi dritt għall-għajnuna skont kriterji oġġettivi u mingħajr aktar eżerċitar ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru u jekk il-miżura tkun ġiet adottata u daħlet fis-seħħ qabel ma nbdiet il-ħidma fuq il-proġett jew l-attività megħjuna. Ir-rekwiżit tal-aħħar ma għandux japplika fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, jekk il-miżura kienet diġà koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa.

3.7.    Proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ)

(54) L-għajnuna trid tkun limitata għall-minimu meħtieġ biex tħeġġeġ lill-benefiċjarju jwettaq attività.

(55) Bħala regola ġenerali, l-għajnuna se titqies li hija limitata għall-minimu, jekk l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi għall-ispejjeż żejda netti marbuta mal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbla ma’ dak li seta’ jiġri mingħajr l-għajnuna f’xenarju kontrofattwali (approċċ ibbażat fuq spejjeż żejda netti).

(56) Għalhekk, l-għajnuna ma tridx taqbeż l-ammont minimu meħtieġ biex il-proġett jagħmel il-qligħ. L-għajnuna, pereżempju, ma tridx iżżid ir-rata ta’ redditu interna (IRR) ( 18 ) ta’ proġett lil hinn mir-rati normali ta’ redditu applikati mill-impriża kkonċernata fi proġetti ta’ investiment oħra simili. Jekk dawn ir-rati ma jkunux disponibbli, l-għajnuna ma għandhiex iżżid l-IRR tal-proġett lil hinn mill-ispejjeż tal-kapital tal-kumpanija kollha kemm hi jew lil hinn mir-rati ta’ redditu komuni osservati fl-industrija kkonċernata.

(57) Meta miżura ta’ għajnuna tkun tal-istess tip bħal operazzjoni li tkun eliġibbli għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-prinċipju tal-proporzjonalità tal-għajnuna jitqies li jkun rispettat jekk l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx l-intensità massima applikabbli ta’ għajnuna pubblika stabbilita fl-Artikolu 95 u fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. Jekk l-intensità tal-għajnuna massima għall-għajnuna pubblika ta’ miżura tmur lil hinn minn dak stabbilit f'dawk id-dispożizzjonijiet, il-prinċipju tal-proporzjonalità tal-għajnuna jitiqies li jkun ġie rrispettat jekk l-Istat Membru juri l-ġustifikazzjoni għall-għajnuna kif ukoll l-indispensabbiltà tagħha.

(58)  ►M1  Għajnuna li hija ta’ natura kompensatorja, bħal għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.3, u 5.4, u għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 5.6, u għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima 5.6a, jitqiesu li huma proporzjonali. ◄

(59) L-għajnuna tista’ tingħata flimkien ma’ diversi skemi jew akkumulata ma’ għajnuna ad hoc, sakemm l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku għal attività ma jaqbiżx l-intensitajiet massimi tal-għajnuna rilevanti, imsemmija f’dawn il-Linji Gwida.

3.8.    L-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(60) Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern, l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna f'termini tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iridu jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f'termini tal-kontribut lejn l-objettiv ta' interess komuni.

3.8.1.    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(61) Fil-prinċipju, l-għajnuna għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tista’ tikkawża distorsjonijiet fis-suq tal-prodotti u jkollha effetti marbuta mal-post. Għalhekk, din tista’ twassal għal ineffiċjenzi allokattivi, li jimminaw il-prestazzjoni ekonomika tas-suq intern, u għal tħassib distribuzzjonali, li jfixkel id-distribuzzjoni tal-attività ekonomika fost iż-żoni ġeografiċi differenti.

(62)  ►M1  Minħabba l-effetti pożittivi tagħha għall-iżvilupp tas-settur, il-Kummissjoni tqis li, meta l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 4, 5.1, 5.3, 5.4 u 5.6a, l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ ikunu limitati għall-minimu. ◄

(63) Il-Kummissjoni b’mod ġenerali se tqis li l-effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ ikunu aktar limitati jekk l-għajnuna tkun proporzjonata (għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ) u li l-ammont tal-għajnuna huwa iżgħar meta mqabbel mal-ispejjeż eliġibbli globali.

3.8.2.    Skemi ta’ għajnuna

(64) L-iskemi ta’ għajnuna ma għandhomx iwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. B’mod partikolari, anki meta d-distorsjonijiet jistgħu jitqiesu bħala limitati f’livell individwali, skema ma għandhiex twassal għal livelli għoljin ta’ distorsjonijiet fuq bażi kumulattiva.

(65) Għalhekk, l-Istat Membru jrid juri li l-effetti negattivi tal-għajnuna se jkunu limitati għall-minimu, filwaqt li jqis, pereżempju, id-daqs tal-proġetti kkonċernati, l-ammonti tal-għajnuna individwali u kumulattiva, il-benefiċjarji mistennija, kif ukoll il-karatteristiċi tas-settur fil-mira. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-effetti tal-għajnuna, l-Istat Membru jista’ jippreżenta kull valutazzjoni tal-impatt li tkun għad-dispożizzjoni tiegħu, kif ukoll evalwazzjonijiet ex post li jkunu twettqu għal skemi simili preċedenti.

3.8.3.    Għajnuna individwali nnotifikata

(66) Meta tivvaluta l-effetti ta’ għajnuna individwali nnotifikata, il-Kummissjoni tisħaq b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi marbuta mal-prevenzjoni tal-ħruġ mis-suq u l-kunċett ta’ saħħa sinifikanti fis-suq. Dawn l-effetti negattivi jridu jiġu kontrobilanċjati mal-effetti pożittivi tal-għajnuna.

(67) Sabiex ikun jista’ jidentifika u jivvaluta d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ, kull Stat Membru jrid jipprovdi lill-Kummissjoni evidenza li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti, jiġifieri, prodotti affettwati mill-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna, is-suq ġeografiku, il-kompetituri kif ukoll il-klijenti u l-konsumaturi kkonċernati.

(68) Il-Kummissjoni se tuża diversi kriterji biex tivvaluta d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ, bħalma huma l-istruttura tas-suq tal-prodott ikkonċernat, il-prestazzjoni tas-suq (suq li sejjer lura jew li qed jikber), il-proċess ta’ għażla tal-benefiċjarju tal-għajnuna, u l-istrateġija tas-suq tal-benefiċjarju.

3.9.    Trasparenza

(69) Kull Stat Membru jrid jippubblika mill-inqas l-informazzjoni li ġejja fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali:

(a) it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew il-bażi ġuridika għall-għajnuna individwali, jew ħolqa għalih;

(b) l-awtorità jew l-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna;

(c) l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għoti tal-għajnuna, it-tip ta’ impriża (SME/intrapriża kbira), ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju (fil-livell II tal-NUTS) u s-settur ekonomiku ewlieni fejn il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp tal-NACE). Rekwiżit tal-pubblikazzjoni bħal dan jista’ jiġi rrinunzjat fir-rigward ta’ għotjiet ta’ għajnuna individwali li ma jaqbżux it-EUR 30 000  ( 19 ).

(70) Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna individwali tista’ tiġi pprovduta fil-meded li ġejjin (f’miljuni ta’ EUR): 0,03 – 0,5 ; ogħla minn 0,5 – 1; aktar minn 1 – 2; aktar minn 2.

(71) Din l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-għoti, u għandha tinżamm għal mill-anqas 10 snin u tkun disponibbli għall-pubbliku bla restrizzjonijiet ( 20 ). L-Istati Membri mhumiex obbligati jippubblikaw l-informazzjoni qabel l-1 ta’ April 2017 ( 21 ).

4.    GĦAJNUNA LI TKUN KOMPATIBBLI MAS-SUQ INTERN

4.1.    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali u avvenimenti straordinarji

(72) L-għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali u avvenimenti straordinarji tkun kompatibbli mas-suq intern jekk din tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 u tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

(73) Il-kunċetti ta’ diżastri naturali u avvenimenti straordinarji jridu jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 22 ).

(74) Sal-lum, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, il-Kummissjoni aċċettat li maltemp u għargħar eċċezzjonalment qawwija jistgħu jikkostitwixxu diżastri naturali. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1388/2014 jippermetti l-eżenzjoni ta' kategorija wkoll ta’ dawn it-tipi ta’ diżastri naturali: terremoti, valangi, uqigħ tal-art, trombi tal-arja, uragani, żbroffi ta' vulkani u nirien fil-foresti ta’ oriġini naturali.

(75) L-avvenimenti li ġejjin huma eżempji ta’ avvenimenti straordinarji li ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’każijiet barra mis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura: gwerer, disturbi interni, strajks, b’ċerti riżervi u skont il-kobor tagħhom, aċċidenti nukleari u industrijali kbar u nirien li jirriżultaw f’telf fuq skala kbira. It-tifqigħa ta’ marda tal-annimali jew pesta tal-pjanti ġeneralment ma tikkostitwixxix avveniment straordinarju. Madankollu l-Kummissjoni, f’każijiet speċifiċi li jikkonċernaw is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, irrikonoxxiet it-tifqigħa mifruxa ferm ta’ marda ġdida tal-annimali bħala avveniment straordinarju.

(76) Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-proposti għall-għoti ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tqis il-prattika preċedenti tagħha fil-qasam.

(77) L-għajnuna mogħtija f'din it-Taqsima trid tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rrikonoxxiet b’mod formali l-karattru tal-avveniment bħala diżastru naturali jew avveniment straordinarju;

(b) hemm rabta ta ' kawżalità diretta bejn id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju u d-dannu mġarrab mill-impriża.

(78) L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata.

(79) L-iskemi ta’ għajnuna relatati ma’ diżastru naturali speċifiku jew avveniment straordinarju jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data meta jseħħ l-avveniment. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

(80) Sabiex tiffaċilita r-reazzjoni rapida, il-Kummissjoni se tawtorizza ex ante l-iskemi ta’ għajnuna qafas bħala kumpens għad-dannu kkawżat minn terremoti, valangi, uqigħ tal-art, għargħar, trombi tal-arja, uragani, żbroffi tal-vulkani u nirien fil-foresti ta’ oriġini naturali, sakemm il-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tingħata l-għajnuna f’każijiet ta’ diżastri naturali bħal dawn jiġu stipulati b’mod ċar. L-Istati Membri, f’każijiet bħal dawn, iridu jikkonformaw mal-obbligu tar-rapportar stabbilit fil-punt (130).

(81) L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tad-dannu mġarrab bħala konsegwenza diretta tad-diżastru naturali jew tal-avveniment straordinarju, kif ivvalutat minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità li tagħti l-għajnuna jew minn impriża tal-assigurazzjoni. Id-dannu jista’ jinkludi:

(a) id-dannu materjali lil assi (bħall-bini, it-tagħmir, il-makkinarju, l-istokkijiet u l-mezzi tal-produzzjoni); kif ukoll

(b) telf ta’ dħul dovut għall-qerda sħiħa jew parzjali tal-produzzjoni tas-sajd jew tal-akkwakultura jew tal-mezzi ta’ tali produzzjoni.

(82) Il-kalkolu tad-dannu materjali jrid ikun ibbażat fuq l-ispejjeż tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-assi affettwat qabel id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju. Dan ma jistax jaqbeż l-ispiża tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżati mid-diżastru naturali jew mill-avveniment straordinarju, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi eżatt qabel u eżatt wara d-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju.

(83) It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

(a) ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura manifatturati fis-sena tad-diżastru naturali jew tal-avveniment straordinarju, jew f’kull sena ta’ wara affettwata mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena,

(b) mir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju, ħlief l-ogħla u l-inqas entrata bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

(84) Id-dannu jrid jiġi kkalkolat fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

(85) L-għajnuna u kull pagament ieħor riċevut bħala kumpens għad-dannu, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

5.    GĦAJNUNA LI TISTA’ TITQIES KOMPATIBBLI MAS-SUQ INTERN

5.1.    Għajnuna għall-kategoriji ta’ miżuri koperti minn regolament ta’ eżenzjoni ta' kategorija

(86) Meta l-għajnuna li jibbenefikaw minnha l-SMEs jew l-impriżi kbar tkun tal-istess tip bħall-kategorija ta’ għajnuna li tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern skont wieħed mir-Regolamenti ta' eżenzjonijiet ta' kategorija msemmija fil-punt (19)(a), il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji Gwida, din it-Taqsima, u l-kriterji stabbiliti għal kull kategorija ta’ għajnuna stabbilita f’dawk ir-Regolamenti.

(87) Jekk l-għajnuna ma tissodisfax il-kriterji kollha msemmija fil-punt (86), l-Istat Membru jrid juri l-ġustifikazzjoni għall-għajnuna kif ukoll l-indispensabbiltà tagħha. Il-Kummissjoni se tivvaluta din l-għajnuna fuq bażi ta’ każ b’każ.

(88) B’eċċezzjoni għall-punt (86), l-għajnuna tal-istess tip bħall-kategorija ta’ għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali msemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014, tkun kompatibbli mat-Trattat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima 4 ta' dawn il-Linji Gwida.

5.2.    Għajnuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida orizzontali

(89) Meta l-għajnuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida orizzontali jew strumenti oħra adottati mill-Kummissjoni ( 23 ), il-Kummissjoni se tivvaluta din l-għajnuna fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji Gwida u fit-Taqsimiet rilevanti ta’ dawk l-istrumenti.

5.3.    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi negattivi

(90) Meta l-għajnuna timmira li tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi negattivi, il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji Gwida u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

(91) B’eċċezzjoni għall-punt (90), il-Kummissjoni se tivvaluta għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa' taħt il-kategorija ta’ għajnuna għal fondi mutwi għal avvenimenti klimatiċi negattivi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014 fit-Taqsima 5.1 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(92) Sal-lum, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-maltemp, il-buffuri tar-riħ li jikkawżaw mewġ eċċezzjonalment għoli, ix-xita qawwija u persistenti, l-għargħar, u t-temperaturi tal-ilma eċċezzjonalment elevati fuq perjodu itwal jistgħu jikkostitwixxu avvenimenti klimatiċi negattivi. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-proposti għall-għoti ta’ għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi negattivi fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tqis il-prattika preċedenti tagħha fil-qasam.

(93) L-għajnuna mogħtija f'din it-Taqsima trid tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) Id-dannu kkważat mill-avveniment klimatiku negattiv irid jammonta għal aktar minn 30 % tal-fatturat annwali medju, ikkalkolat fuq il-bażi tat-tliet snin kalendarji preċedenti jew fuq medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel l-avveniment klimatiku negattiv, ħlief l-ogħla u l-anqas entrata;

(b) irid ikun hemm rabta ta’ kawżalità diretta bejn l-avveniment klimatiku negattiv u d-dannu mġarrab mill-impriża;

(c) fil-każ ta’ telf ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi negattivi msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-Istat Membru jrid jiġġustifika għaliex beħsiebu jagħti l-għajnuna minflok ma jitħallas kumpens finanzjarju permezz ta’ fondi mutwi għal avvenimenti klimatiċi negattivi skont l-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament.

(94) Il-Kummissjoni se tawtorizza ex ante l-iskemi tal-għajnuna qafas biex jikkumpensaw għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi negattivi, sakemm il-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tingħata l-għajnuna jkunu stipulati b’mod ċar. L-Istati Membri, f’każijiet bħal dawn, iridu jikkonformaw mal-obbligu tar-rapportar stabbilit fil-punt (130).

(95) L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata.

(96) L-iskemi ta’ għajnuna relatati ma’ avvenimenti klimatiċi negattivi jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

(97) L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tad-dannu mġarrab bħala konsegwenza diretta tal-avveniment klimatiku negattiv, kif ivvalutat jew minn awtorità pubblika, jew minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità li tagħti l-għajnuna jew minn impriża tal-assigurazzjoni. Id-dannu jista’ jinkludi:

(a) id-dannu materjali għall-assi (bħal bini, bastimenti, tagħmir, makkinarju, stokkijiet u mezzi ta’ produzzjoni); kif ukoll

(b) telf ta’ dħul dovut għall-qerda sħiħa jew parzjali tal-produzzjoni tas-sajd jew tal-akkwakultura jew tal-mezzi ta’ tali produzzjoni.

(98) Fil-każ ta’ dannu materjali għall-assi, id-dannu jrid ikun irriżulta f’telf ta’ produzzjoni li jammonta għal aktar minn 30 % tal-fatturat annwali medju, ikkalkolat fuq il-bażi tat-tliet snin kalendarji preċedenti jew fuq medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel l-avveniment klimatiku negattiv, ħlief l-ogħla u l-anqas entrata.

(99) Il-kalkolu tad-dannu materjali għandu jkun ibbażat fuq l-ispiża tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-ass affettwat qabel l-avveniment klimatiku negattiv. Dan ma jistax jaqbeż l-ispiża tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mill-avveniment klimatiku negattiv, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi eżatt qabel u eżatt wara l-avveniment klimatiku negattiv.

(100) It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

(a) ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura manifatturati fis-sena tal-avveniment klimatiku negattiv, jew f’kull sena ta’ wara affettwata mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena,

(b) mir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel l-avveniment klimatiku negattiv jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin qabel l-avveniment klimatiku negattiv, ħlief l-ogħla u l-inqas entrata bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

(101) Id-dannu jrid jiġi kkalkolat fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

(102) L-għajnuna u kull pagament ieħor riċevut bħala kumpens għad-dannu, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

5.4.    Għajnuna għall-ispejjeż ta’ prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ mard tal-annimali fl-akkwakultura

(103) Meta l-għajnuna timmira li ssostni l-ispejjeż marbuta mal-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' mard tal-annimali fl-akkwakultura, il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji Gwida u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

(104) B’eċċezzjoni għall-punt (103), il-Kummissjoni se tivvaluta għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa' taħt il-kategorija ta’ għajnuna għall-miżuri marbutin mas-saħħa u l-benesseri tal-annimali msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014 fit-Taqsima 5.1 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(105) L-għajnuna f'din it-Taqsima tista’ tingħata biss:

(a) fir-rigward ta’ mard inkluż fil-lista ta' mard tal-annimali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 24 ), jew il-Parti II tal-Anness IV tad- Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ( 25 ); kif ukoll

(b) bħala parti minn:

i. programm fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali għall-prevenzjoni, il-kontroll jew l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali; jew

ii. miżuri ta’ emerġenza imposti mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

(106) L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata.

(107) Ma trid tingħata l-ebda għajnuna jekk jiġi stabbilit li l-benefiċjarju kkawża l-marda deliberatament jew b’negliġenza.

(108) L-iskemi ta’ għajnuna jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-ispejjeż ikkawżati mill-mard tal-annimali. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

(109) Il-Kummissjoni se tawtorizza ex ante l-iskemi qafas, sakemm il-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tingħata l-għajnuna jkunu stipulati b’mod ċar. L-Istati Membri, f’każijiet bħal dawn, iridu jikkonformaw mal-obbligu tar-rapportar stabbilit fil-punt (130).

(110) L-ispejjeż eliġibbli huma spejjeż relatati ma’:

(a) kontrolli tas-saħħa, analiżijiet, testijiet u miżuri oħra ta’ skrinjar;

(b) ix-xiri, il-ħażna, is-somministrazzjoni jew it-tqassim ta’ vaċċini, mediċini, u sustanzi għat-trattament tal-annimali;

(c) it-tbiċċir, il-qtil u l-qerda tal-annimali;

(d) il-qerda ta’ prodotti tal-annimali u ta’ prodotti marbuta mal-annimali;

(e) it-tindif u d-diżinfettar tal-azjenda u tat-tagħmir;

(f) id-dannu mġarrab minħabba tbiċċir, qtil jew qerda ta’ annimali, prodotti tal-annimali u prodotti marbuta mal-annimali, limitat għall-valur fis-suq ta’ tali annimali u prodotti li kieku ma ntlaqtux mill-marda;

(g) telf ta’ dħul minħabba d-diffikultajiet fl-istokkjar mill-ġdid;

(h) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż imġarrba minħabba mard tal-annimali fl-akkwakultura.

(111) L-għajnuna u kull pagament ieħor riċevut bħala kumpens għad-dannu, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

5.5.    Għajnuna ffinanzjata permezz ta’ tariffi parafiskali

(112) Meta l-iskemi ta’ għajnuna jkunu ffinanzjati permezz ta’ tariffi speċjali imposti fuq ċerti prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura irrespettivament mill-oriġini tagħhom, b’mod partikolari t-tariffi parafiskali, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskema fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima. L-għajnuna li tibbenefika ndaqs lill-prodotti domestiċi u dawk importati biss tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern.

5.6.    Għajnuna operatorja fir-reġjuni ultraperiferiċi

(113) Meta l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna operatorja mogħtija fir-reġjuni ultraperiferiċi bil-għan li jitnaqqsu l-limitazzjonijiet speċifiċi f’dawk ir-reġjuni b’riżultat tal-iżolament, l-insularità u l-periferiċità estrema tagħhom, il-Kummissjoni se tivvaluta din l-għajnuna fuq bażi ta’ każ b’każ, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3, il-kundizzjonijiet ta' din it-Taqsima, u d-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li japplikaw għal dawk ir-reġjuni. Se tqis ukoll, jekk applikabbli, il-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-miżuri previsti skont il-FEMS għar-reġjun ikkonċernat u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni kemm fir-reġjuni kkonċernati kif ukoll f’partijiet oħra tal-Unjoni.

(114) L-għajnuna ma tridx tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jittaffew il-limitazzjonijiet speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi bħala riżultat tal-iżolament, l-insularità u l-periferiċità estrema tagħhom. Sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv, l-Istat Membru jrid iqis tipi oħra ta’ intervent pubbliku, inkluż, jekk applikabbli, il-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura skont l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u l-għajnuna għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kumpens skont l-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament.

▼M1

5.6a.    Għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi

(114a) Meta wieħed iqis l-istatus partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi skont l-Artikolu 349 tat-Trattat u l-isfidi prevalenti għall-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom minħabba l-fatturi speċifiċi stabbiliti f’dak l-Artikolu, bħala segwitu għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE tal-24 ta’ Ottubru 2017 ( 26 ) li tirrikonoxxi r-rwol ta’ sajd sostenibbli għall-iżvilupp tal-ekonomija blu ta’ dawk ir-reġjuni, u fid-dawl tal-kontribut pożittiv ta’ għajnuna tal-PKS fir-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd ambjentalment sostenibbli, il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u d-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel, meta l-għajnuna timmira li ssostni l-ispejjeż marbuta mal-akkwist ta’ bastiment tas-sajd ġdid li se jiġi rreġistrat f’reġjun ultraperiferiku, il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji gwida u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

(114b) Għajnuna għall-akkwist ta’ bastiment tas-sajd ġdid f’din it-Taqsima tista’ tingħata biss jekk:

(a) il-bastiment tas-sajd il-ġdid jikkonforma mar-regoli nazzjonali u tal-Unjoni dwar l-iġjene, is-saħħa, is-sikurezza u l-kondizzjonijiet tax-xogħol għal xogħol abbord ta’ bastimenti tas-sajd u fuq karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd; kif ukoll

(b) fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna il-benefiċjarju kellu l-post ewlieni tiegħu tar-reġistrazzjoni fir-reġjun ultraperiferiku fejn il-bastiment il-ġdid se jiġi rreġistrat.

(114c) Fid-data tal-għoti tal-għajnuna, l-aħħar rapport imħejji skont l-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 qabel dik id-data għandu juri li hemm bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont is-segment tal-flotta tar-reġjun ultraperiferiku li għalih il-bastiment il-ġdid se jappartjeni. L-ebda appoġġ ma jingħata, jekk il-valutazzjoni dwar il-bilanċ f’dak ir-rapport għas-segment tal-flotta li għalih se jappartjeni l-bastiment ikkonċernat, ma tkunx ġiet imħejjija abbażi tal-indikaturi bijoloġiċi, ekonomiċi u tal-użu tal-bastiment stabbiliti fil-linji gwida komuni imsemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-Regolament ( 27 ).

(114d) Il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd ta’ kull Stat Membru u ta’ kull segment tal-flotta tar-reġjuni ultraperiferiċi stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis possibbli ta’ dawk il-limiti massimi skont l-Artikolu 22(6) ta’ dak ir-Regolament, qatt ma għandhom jinqabżu. Id-dħul fil-flotta ta’ kapaċità ġdida miksuba b’għajnuna għandha titwettaq b’rispett sħiħ ta’ dawn il-limiti massimi tal-kapaċità u m’għandux iwassal għal sitwazzjoni li fiha dawn il-limitu jinqabżu.

(114e) L-għajnuna ma għandhiex tkun kundizzjonali fuq l-akkwist tal-bastiment il-ġdid minn tarzna speċifika.

(114f) L-intensità massima ta’ għajnuna pubblika m’għandhiex tkun aktar minn 60 % tal-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta’ bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, m’għandhiex tkun aktar minn 50 % tal-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ tal-bastimenti b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar u anqas minn 24 metru, u m’għandhiex tkun aktar minn 25 % tal-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta’ bastimenti b’tul totali ta’ 24 metru u aktar.

(114g) Il-bastiment miksub bl-għajnuna għandu jibqa’ rreġistrat fir-reġjun ultraperiferiku għal mill-inqas 15-il sena mid-data tal-għoti tal-għajnuna, u matul dak iż-żmien għandu jħott l-art il-qabdiet kollha tiegħu f’reġjun ultraperiferiku. Jekk dik il-kundizzjoni ma tiġix rispettata, l-għajnuna għandha tiġi rimbursata f’ammont li huwa proporzjonat għall-perijodu jew il-grad ta’ nuqqas ta’ konformità.

▼B

5.7.    Għajnuna għal miżuri oħra

(115)  ►M1  Meta l-għajnuna ma tikkorrispondix għal wieħed mit-tipi ta’ għajnuna msemmija fit-Taqsimiet 4 u 5.1 sa 5.6a, fil-prinċipju din mhijiex kompatibbli mas-suq intern. ◄

(116) Madankollu, jekk Stat Membru jkun beħsiebu jipprovdi tali għajnuna jew jipprovdi tali għajnuna, huwa għandu juri b’mod ċar li l-għajnuna tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 3. Il-Kummissjoni tista’ tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ta’ każ b’każ.

6.    KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

6.1.    Tul ta’ żmien massimu tal-iskemi tal-għajnuna u evalwazzjoni

(117) Il-Kummissjoni se tawtorizza biss l-iskemi ta’ għajnuna b’tul ta’ żmien limitat. L-iskemi ta’ għajnuna fil-prinċipju ma jridux japplikaw għal perjodu li jaqbeż seba’ snin.

(118) Sabiex tkompli tiżgura li jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ, il-Kummissjoni tista’ tesiġi li ċerti skemi jkunu soġġetti għal limitazzjoni ta’ żmien, normalment ta’ erba’ snin jew anqas, u għall-evalwazzjoni ex post imsemmija fil-punt (25). L-evalwazzjonijiet ex post se jitwettqu għal skemi li fil-każ tagħhom id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni jkunu partikolarment għoljin, jiġifieri, dawk li jistgħu jirriskjaw li jkollhom effett sinifikanti ta’ restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix eżaminata mill-ġdid fi żmien xieraq.

(119) Minħabba l-objettivi tal-evalwazzjoni ex post u sabiex ma jiġix impost piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ ammonti ta’ għajnuna iżgħar, l-evalwazzjoni ex post tapplika biss għall-iskemi ta’ għajnuna b’baġits għall-għajnuna kbar, li jkun fihom karatteristiċi ġodda jew li jkunu jipprevedu bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regolamenti. L-evalwazzjoni ex post trid titwettaq minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità li tagħti l-għajnuna fuq il-bażi ta’ metodoloġija komuni u trid issir pubblika. Kull Stat Membru jrid jinnotifika, flimkien mal-iskema tal-għajnuna rilevanti, abbozz tal-pjan ta’ evalwazzjoni, li jkun parti integrali mill-valutazzjoni tal-iskema mill-Kummissjoni.

(120) Fil-każ tal-iskemi tal-għajnuna li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija esklużivament minħabba l-baġit kbir tagħhom, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom biss fuq il-bażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni.

(121) L-evalwazzjoni ex post trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fi żmien debitu, biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-estensjoni possibbli tal-iskema tal-għajnuna u fi kwalunkwe każ, malli tiskadi. Kull miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili trid tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex post.

6.2.    Applikazzjoni tal-Linji Gwida

(122) Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-Linji Gwida fil-valutazzjoni tal-għajnuna kollha li trid tingħata fl-1 ta’ Lulju 2015 u wara, irrispettivament mid-data tan-notifika.

(123) L-għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi ta’ skema tal-għajnuna approvata u notifikata lill-Kummissjoni skont obbligu ta’ notifika individwali ta’ tali għajnuna, se tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Linji Gwida li japplikaw għall-iskema ta’ għajnuna approvata.

(124) L-għajnuna mogħtija illegalment se tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt tal-għoti tal-għajnuna.

(125) Il-Linji Gwida għall-eżaminar tal-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura adottati fl-2008 mhux se jibqgħu japplikaw wara l-30 ta’ Ġunju 2015, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (123) u (124).

6.3.    Proposti għal miżuri xierqa

(126) B'konformità mal-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni tipproponi li kull Stat Membru jemenda l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tiegħu biex jikkonformaw ma' dawn il-Linji Gwida sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(127) Il-Kummissjoni tistieden lil kull Stat Membru jesprimi l-qbil espliċitu u mhux kondizzjonat tiegħu mal-miżuri xierqa proposti f'dawn il-Linji Gwida fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(128) Jekk Stat Membru ma jagħtix il-qbil espliċitu u mhux kondizzjonat fi żmien il-perjodu previst, il-Kummissjoni se tassumi li l-Istat Membru ma jaqbilx mal-miżuri proposti. Jekk Stat Membru ma jaqbilx mal-miżuri proposti, il-Kummissjoni tipproċedi skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

6.4.    Rappurtar u monitoraġġ

(129) Il-Kummissjoni tfakkar lil kull Stat Membru dwar l-obbligu tiegħu li jippreżenta rapporti annwali lill-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tar- Regolament (KE) Nru 659/1999 u fl-Artikoli 5, 6, u 7 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(130) Ir-rapport annwali jrid jinkludi wkoll informazzjoni meteoroloġika dwar it-tip, it-twaqqit, id-daqs relattiv, u l-post tad-diżastru naturali jew tal-avveniment klimatiku negattiv skont it-Taqsimiet 4. u 5.3 kif ukoll informazzjoni dwar il-programmi ta' prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni skont it-Taqsima 5.4. Dan l-obbligu ta' rapportar jikkonċerna biss l-iskemi qafas ex ante.

(131) Kull Stat Membru jrid iżomm rekords ddettaljati dwar il-miżuri ta’ għajnuna kollha tiegħu. Dawn ir-rekords iridu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit li jkunu tħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida li jirrigwardaw, fejn applikabbli, l-eliġibbiltà u l-intensità tal-għajnuna. Dawn ir-rekords iridu jinżammu għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni meta din tagħmel talba għalihom.

6.5.    Reviżjoni

(132) Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teżamina jew timmodifika dawn il-Linji Gwida fi kwalunkwe żmien, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni, ma’ politiki oħra tal-Unjoni, ma’ impenji internazzjonali, ma’ żviluppi fis-swieq, jew għal kwalunkwe raġuni oħra ġustifikata.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b'applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 369, 24.12.2014, p. 37).

( 5 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).

( 6 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

( 7 ) Il-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Mejju 2012 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM), COM(2012) 209 final.

( 8 ) Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1). Dawn il-linji gwida ma japplikawx għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

( 9 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

( 11 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 2013, Télévision française 1 (TF1) vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-275/11, ECLI:EU:T:2013:535, il-paragrafi 41-44.

( 12 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

( 13 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.

( 14 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131).

( 15 ) Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 78 u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, ECLI:EU:C:2008:764, il-paragrafi 94-116.

( 16 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-244/93 u T-486/93, ECLI:EU:T:1995:160, il-paragrafi 53-63.

( 17 ) Sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA u oħrajn vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda C-630/11 P sa C-633/11 P, ECLI:EU:C:2013:387, il-paragrafi 103-123.

( 18 ) Ir-rata ta’ redditu interna (IRR) mhijiex ibbażata fuq il-kontabilizzar tal-qligħ f’sena partikolari, iżda tqis in-nixxiegħa ta' flussi ta' flus futuri li l-investitur jistenna li jirċievi tul il-perjodu kollu ta’ ħajja tal-investiment. Din hija definita bħala r-rata ta’ skont li għaliha l-valur preżenti nett (VPN) ta’ nixxiegħa ta' flussi ta’ flus huwa ugwali għal żero. Il-VPN ta’ proġett huwa d-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u dawk negattivi tul il-ħajja tal-investiment, imnaqqsa għall-valur attwali tagħhom (normalment billi tintuża l-ispiża tal-kapital).

( 19 ) Il-livell limitu ta’ EUR 30 000 jikkorrispondi għal-livell limitu għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014. Jixraq li jiġi ffissat l-istess livell limitu kemm f’dak ir-Regolament kif ukoll f'dawn il-Linji Gwida sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi strumenti ta’ għajnuna mill-Istat applikabbli għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali, li tista' tkun f'riskju, ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar għajnuna individwali li taqbeż il-limitu ta’ EUR 30 000 huwa proporzjonat mal-għan leġittimu segwit, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza fejn għandu x'jaqsam l-użu tal-fondi pubbliċi.

( 20 ) Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fi żmien sitt xhur mid-data tal-għoti (jew, għall-għajnuna fil-forma ta' benefiċċji fiskali, fi żmien sena mid-data meta trid tintbagħat id-dikjarazzjoni tat-taxxa). F’każ ta’ għajnuna mhux skont il-liġi, l-Istati Membri jridu jippubblikaw l-informazzjoni ex post, tal-inqas fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli f'format li jippermetti li d-dejta tkun tista' titfittex, tiġi estratta u faċilment ippubblikata fuq l-internet, pereżempju f'format CSV jew XML.

( 21 ) Il-pubblikazzjoni tal-għotjiet tal-għajnuna mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2017 u, għall-għajnuna fiskali, il-pubblikazzjoni għall-għajnuna mitluba jew mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2017, mhumiex se jintalbu.

( 22 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 2006, Giuseppe Atzeni u Oħrajn, Kawżi Magħquda C-346/03 u C-529/03, ECLI:EU:C:2006:130, paragrafu 79.

( 23 ) Il-linji gwida orizzontali u strumenti oħra jinkludu, fost l-oħrajn, il-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetti għal notifika individwali (ĠU C 188, 11.8.2009, p. 1); il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex jippromwovu investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4); il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1); il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1); il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

( 24 ) Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).

( 25 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).

( 26 ) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment - Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (COM(2017) 623 final).

( 27 ) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Linji gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2014) 545 final).