02015R2120 — MT — 20.12.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

►M1  REGOLAMENT (UE) 2015/2120 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2015

li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 ◄

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 310 26.11.2015, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/1971 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Diċembru 2018

  L 321

1

17.12.2018




▼B

▼M1

REGOLAMENT (UE) 2015/2120 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2015

li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012

▼B

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin.

2.  Dan ir-Regolament joħloq mekkaniżmu ġdid ta’ prezzijiet bl-imnut għal servizzi regolati ta’ roaming mal-Unjoni kollha sabiex jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut mingħajr distorsjoni tas-swieq domestiċi u dawk miżjura.

▼M1

3.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli komuni li għandhom l-għan li jiżguraw li l-konsumaturi ma jintalbux prezzijiet eċċessivi biex jagħmlu komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġinaw fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u jitterminaw f’kwalunkwe numru fiss jew mobbli fi Stat Membru ieħor.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE.

Japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

(1) “fornitur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku” tfisser impriża li tipprovdi netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku;

(2) “servizz ta’ aċċess għall-Internet” tfisser servizz tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li jipprovdi aċċess għall-Internet, u b’hekk konnettività ma’ virtwalment kull punt aħħari tal-Internet, irrispettivament mit-teknoloġija tan-netwerk u t-tagħmir terminali użati;

▼M1

(3) “komunikazzjonijiet intra-UE regolati” tfisser kwalunkwe servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġinaw fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u jitterminaw f’kwalunkwe numru fiss jew mobbli tal-pjan ta’ numerazzjoni tat-telefon nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, u li l-ħlas li jintalab ikun ibbażat b’mod intier jew parzjali fuq il-konsum attwali;

(4) “servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri” tfisser servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri kif definiti fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

▼B

Artikolu 3

Salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ

1.  L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, marbuta mal-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi.

2.  Ftehimiet bejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u utenti aħħarin dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet bħall-prezz, il-volumi jew il-veloċità tad-data, u kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fil-paragrafu 1.

3.  Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod, meta jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Sabiex jitqiesu raġonevoli, dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku. Miżuri bħal dawn m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx iwettqu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu, u b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn, ħlief kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex:

(a) ikun hemm konformità mal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, li għaliha l-fornitur tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet huwa soġġett, jew ma’ miżuri li huma konformi mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu effettivi tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, inklużi ordnijiet minn qrati jew awtoritajiet pubbliċi li jkunu ngħataw is-setgħat rilevanti;

(b) jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin;

(c) tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod.

4.  Kwalunkwe miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku tista’ tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali biss jekk tali proċessar ikun meħtieġ u proporzjonat biex jinkisbu l-miri stipulati fil-paragrafu 3. Ipproċessar bħal dan għandu jsir skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ). Il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku għandhom ukoll jikkonformaw mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

5.  Il-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u l-fornituri ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi għandhom ikunu liberi li joffru servizzi għajr servizzi ta’ aċċess għall-Internet li jitħaddmu bl-aħjar mod għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew taħlita tagħhom, meta t-tħaddim bl-aħjar mod ikun meħtieġ sabiex jitħarsu r-rekwiżiti tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi għal livell speċifiku ta’ kwalità.

Il-fornituri ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, jistgħu joffru jew jiffaċilitaw servizzi bħal dawn biss jekk il-kapaċità tan-netwerk tkun biżżejjed biex jiġu pprovduti flimkien ma’ kwalunkwe servizz ta’ aċċess għall-Internet ipprovdut. Servizzi bħal dawn ma għandhomx ikunu jistgħu jintużaw jew jiġu offruti bħala sostitut għal servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u ma għandhomx ikunu jagħmlu ħsara lid-disponibbiltà jew il-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin.

Artikolu 4

Miżuri ta’ trasparenza biex jiġi żgurat aċċess għal Internet miftuħ

1.  Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jiżguraw li kwalunkwe kuntratt li jinkludi servizzi ta’ aċċess għall-Internet jispeċifika mill-inqas:

(a) informazzjoni dwar kif il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku applikati minn dak il-fornitur jistgħu jaffettwaw il-kwalità tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-privatezza tal-utenti aħħarin u l-ħarsien tad-data personali tagħhom;

(b) spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem dwar kif kwalunkwe limitazzjoni fil-volum tad-data, il-veloċità u parametri oħra tal-kwalità tas-servizzi, jistgħu, fil-prattika, ikollhom impatt fuq is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u b’mod partikolari fuq l-użu tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi;

(c) spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem dwar kif kwalunkwe servizz imsemmi fl-Artikolu 3(5) li għalih ikun abbonat l-utent aħħari jista’ fil-prattika jkollu impatt fuq is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet ipprovduti lil dak utent aħħari;

(d) spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem dwar il-veloċità minima, normalment disponibbli, massima u rreklamata tat-tniżżil u tat-tlugħ ta’ data tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet fil-każ ta’ netwerks fissi, jew tal-veloċità massima u rreklamata stmata tat-tniżżil u t-tlugħ ta’ data tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet fil-każ ta’ netwerks mobbli, u dwar kif devjazzjonijiet sinifikanti mill-veloċitajiet irreklamati rispettivi tat-tniżżil u t-tlugħ ta’ data jistgħu jolqtu l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fl-Artikolu 3(1);

(e) spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem tar-rimedji disponibbli għall- konsumatur skont il-liġi nazzjonali fil-każ ta’ kwalunkwe diskrepanza kontinwa jew li sseħħ regolarment, bejn il-prestazzjoni proprja tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet fir-rigward tal-veloċità jew parametri oħrajn tal-kwalità tas-servizz u l-prestazzjoni indikata skont il-punti (a) sa (d).

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jippubblikaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.  Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom iqiegħdu fil-prattika proċeduri trasparenti, sempliċi u effiċjenti biex jindirizzaw l-ilmenti tal-utenti aħħarin marbutin mad-drittijiet u l-obbligi stipulati fl-Artikolu 3 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  Ir-rekwiżiti mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 jiżdiedu ma’ dawk previsti fid-Direttiva 2002/22/KE u ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu rekwiżiti addizzjonali ta’ monitoraġġ, informazzjoni u trasparenza, inklużi dawk li jikkonċernaw il-kontenut, il-forma u l-mezz tal-informazzjoni li tkun ser tiġi ppubblikata. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2002/21/KE u 2002/22/KE.

4.  Kwalunkwe diskrepanza sinifikanti, li tkun kontinwa jew li sseħħ regolarment, bejn il-prestazzjoni proprja tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet fejn tidħol il-veloċità jew parametri oħrajn tal-kwalità tas-servizz u l-prestazzjoni indikata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet skont il-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 għandha, fejn il-fatti rilevanti jiġu stabbiliti minn mekkaniżmu ta’ monitoraġġ iċċertifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali, itqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-prestazzjoni sabiex jiġu attivati r-rimedji disponibbli għall-konsumatur skont il-liġi nazzjonali.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal kuntratti konklużi jew imġedda mid-29 ta’ Novembru 2015.

Artikolu 5

Sorveljanza u infurzar

1.  L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw konformità mal-Artikoli 3 u 4, u għandhom jippromwovu d-disponibbiltà kontinwa ta’ aċċess nondiskriminatorju għall-Internet f’livelli ta’ kwalità li jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija. Għal dawk il-finijiet l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti dwar karatteristiċi tekniċi, rekwiżiti minimi għall-kwalità tas-servizz u miżuri oħrajn xierqa u meħtieġa fuq fornitur wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippubblikaw rapporti kull sena dwar il-monitoraġġ u s-sejbiet tagħhom, u jipprovdu dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni u lill-BEREC.

2.  Fuq it-talba tal-awtorità regolatorja nazzjonali, il-fornituri ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, għandhom jagħmlu disponibblilil dik l-awtorità regolatorja nazzjonali informazzjoni rilevanti għall-obbligi mniżżla fl-Artikoli 3 u 4, partikolarment informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kapaċità tan-netwerk u t-traffiku tagħhom, kif ukoll ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku applikata. Dawk il-fornituri għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba skont il-limiti ta’ żmien u l-livell ta’ dettall mitlub mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3.  Sat-30 ta’ Awwissu 2016, sabiex jagħti kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, joħroġ linji gwida għall-implimentazzjoni tal-obbligi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont dan l-Artikolu.

4.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti mogħtija mill-Istati Membri lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew lil awtoritajiet kompetenti oħrajn skont il-liġi tal-Unjoni.

▼M1

Artikolu 5a

Tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati

1.  Mill-15 ta’ Mejju 2019, kwalunkwe prezz bl-imnut (eskluż il-VAT) impost fuq il-konsumaturi għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati ma għandux jaqbeż EUR 0,19 kull minuta għal telefonati u EUR 0,06 għal kull messaġġ SMS.

2.  Minkejja l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-fornituri ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati jistgħu apparti minn hekk joffru, u l-konsumaturi jistgħu espressament jagħżlu, tariffa għal komunikazzjonijiet internazzjonali inklużi komunikazzjonijiet intra-UE regolati li tkun differenti minn dik stabbilita skont il-paragrafu 1, li permezz tagħha l-konsumaturi jibbenefikaw minn tariffa differenti għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati minn dik li kienu jingħataw fin-nuqqas tat-tali għażla. Qabel li l-konsumaturi jagħżlu tali tariffa differenti, il-fornitur ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati għandu jinformahom dwar in-natura tal- vantaġġi li jintilfu minħabba hekk.

3.  Fejn tariffa għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati kif imsemmija fil-paragrafu 2 taqbeż il-limiti massimi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-konsumaturi li ma jkunux ikkonfermaw jew esprimew, fi żmien xahrejn mill-15 ta’ Mejju 2019, għażla għal kwalunkwe tariffa kif imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jiġu awtomatikament provduti bit-tariffi stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.  Il-konsumaturi jistgħu jaqilbu għat-tariffi u lura stabbiliti fil-paragrafu 1 fi żmien jum ta’ xogħol wieħed minn meta l-fornitur jirċievi t-talba, mingħajr ħlas u l-fornituri għandhom jiżguraw li tali bidla ma tinvolvix kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet fir-rigward ta’ elementi tal-abbonamenti għajr komunikazzjonijiet intra-UE regolati.

5.  Fejn it-tariffi massimi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu denominati f’munita li ma tkunx l-euro, il-limiti inizjali għandhom jiġu determinati f’dik il-munita billi tiġi applikata l-medja tar-rati referenzjarji tal-kambju ppubblikati fil-15 ta’ Jannar, il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu 2019 mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-limiti f’muniti li mhumiex l-euro għandhom jiġu riveduti annwalment mill-2020. Il-limiti riveduti annwalment f’dawk il-muniti għandhom japplikaw mill-15 ta’ Mejju bl-użu tal-medja tar-rati referenzjarji medji tal-kambju ppubblikati fil-15 ta’ Jannar, il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu tal-istess sena.

6.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissorveljaw is-suq u l-iżviluppi tal-prezzijiet għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni.

Fejn fornitur ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati jistabbilixxi li, minħabba ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali li jiddistingwuh minn bosta fornituri oħra tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ikollha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-fornitur li jżomm il-prezzijiet eżistenti tiegħu għal komunikazzjonijiet domestiċi, awtorità regolatorja nazzjonali tista’, fuq it-talba ta’ dak il-fornitur, tagħti deroga mill-paragrafu 1 biss sa fejn meħtieġ u għal perijodu ta’ sena li jiġġedded. Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell domestiku tat-tariffi għandha tissejjes fuq fatturi oġġettivi rilevanti li jkunu speċifiċi għall-fornitur ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati, kif ukoll il-livell ta’ prezzijiet u dħul domestiku.

Fejn il-fornitur applikant ikun ipprovda l-evidenza meħtieġa, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiddetermina l-livell tal-prezz massimu f’eċċess ta’ kwalunkwe wieħed jew taż-żewġ limiti massimi stabbiliti fil-paragrafu 1 li jkunu indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell domestiku tat-tariffi tal-fornitur. Il-BEREC għandu jippubblika linji gwida dwar il-parametri li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-valutazzjonijiet tagħhom.

▼B

Artikolu 6

Penali

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 3, 4 u 5 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u l-miżuri sat-30 ta’ April 2016 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 5a u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli u l-miżuri stabbiliti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5a sal-15 ta’ Mejju 2019 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

▼B

Artikolu 7

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 531/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) jitħassru l-punti (i), (l) u (n);

(b) jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(r) “prezz domestiku bl-imnut” ifisser il-ħlas domestiku bl-imnut għal kull unità tal-fornitur tar-roaming applikabbli għat-telefonati magħmula u għall-messaġġi SMS mibgħuta (li t-tnejn joriġinaw u jaslu fuq netwerks differenti tal-komunikazzjoni pubblika fl-istess Stat Membru), u għad-data kkunsmata minn klijent; fil-każ li ma jkun hemm ebda ħlas domestiku bl-imnut speċifiku għal kull unità, il-prezz domestiku bl-imnut għandu jitqies li huwa l-istess mekkaniżmu ta’ ħlas bħal dak applikat lill-konsumatur għat-telefonati magħmula u għall-messaġġi SMS mibgħuta (li t-tnejn joriġinaw u jaslu fuq netwerks differenti tal-komunikazzjoni pubblika fl-istess Stat Membru), u għad-data kkunsmata fl-Istat Membru ta’ dak il-klijent;

(s) “bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut” ifisser il-forniment ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data fornuti lill-konsumaturi tar-roaming direttament fuq netwerk miżjura minn fornitur alternattiv tar-roaming.”.

(2) Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.  L-offerta ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun dettaljata biżżejjed u għandha tinkludi l-komponenti kollha meħtieġa għal aċċess għal roaming bl-ingrossa kif imsemmi fil-paragrafu 3, filwaqt li tipprovdi deskrizzjoni tal-offerti rilevanti għal aċċess dirett għal roaming bl-ingrossa u aċċess għal bejgħ mill-ġdid ta’ roaming bl-ingrossa, u t-termini u l-kundizzjonijiet assoċjati. Dik l-offerta ta’ referenza tista’ tinkludi kundizzjonijiet biex jiġi pprevenut roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa għal skopijiet għajr il-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming filwaqt li dawn tal-aħħar jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni. Jekk meħtieġ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu bidliet fl-offerti ta’ referenza biex jingħata effett lill-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu.”.

(3) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titlu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut”;

(b) fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jitħassar;

(c) il-paragrafi 4 u 5 jitħassru.

(4) L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titlu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Implimentazzjoni ta’ bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut”;

(b) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.  Il-fornituri domestiċi għandhom jimplimentaw l-obbligu marbut mal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut previst fl-Artikolu 4 sabiex il-klijenti tar-roaming ikunu jistgħu jużaw servizzi regolati separati ta’ roaming tad-data. Il-fornituri domestiċi għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha għal aċċess għal faċilitajiet u servizzi ta’ appoġġ marbutin rilevanti għall-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut. L-aċċess għal dawk il-faċilitajiet u servizzi ta’ appoġġ li huma meħtieġa biex jippermettu l-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut, inklużi servizzi ta’ awtentikazzjoni tal-utent, għandu jkun mingħajr ħlas u ma għandu jinvolvi ebda ħlas dirett impost fuq il-klijenti tar-roaming.”;

(c) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u simultanja madwar l-Unjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tkun ikkonsultat lill-BEREC, tadotta regoli dettaljati dwar soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 6(2).”;

(d) fil-paragrafu 3, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.  Is-soluzzjoni teknika biex jiġi implimentat il-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:”.

(5) Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

Tneħħija ta’ ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut

B’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017, sakemm l-att leġislattiv li għandu jiġi adottat wara l-proposta msemmija fl-Artikolu 19(2) ikun applikabbli f’dik id-data, il-fornituri tar-roaming ma għandhom jimponu ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku fuq il-klijenti tar-roaming fi kwalunkwe Stat Membru għal kwalunkwe telefonata bir-roaming regolata li ssir jew tiġi riċevuta, għal kwalunkwe messaġġ SMS bir-roaming regolat li jintbagħat u għal kwalunkwe servizz regolat ta’ roaming tad-data li jintuża, inklużi messaġġi MMS, u lanqas xi ħlas ġenerali biex it-tagħmir jew servizz terminali jkun jista’ jintuża barra mill-pajjiż, soġġett għall-Artikoli 6b u 6c.

Artikolu 6b

Użu ġust

1.  Il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw skont dan l-Artikolu u l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 6d “politika ta’ użu ġust” għall-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut ipprovduti fil-livell ta’ prezz bl-imnut domestiku applikabbli, sabiex jipprevjenu użu abbużiv jew anomalu ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut mill-klijenti tar-roaming, bħall-użu ta’ dawn is-servizzi minn klijenti tar-roaming fi Stat Membru għajr dak tal-fornitur domestiku tagħhom għal skopijiet għajr dawk ta’ vvjaġġar perjodiku.

Kwalunkwe politika ta’ użu ġust għandha tagħti l-possibbiltà lill-klijenti tal-fornitur tar-roaming li jikkunsmaw volumi ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut bil-prezz bl-imnut domestiku applikabbli li huma konsistenti mal-pjanijiet tariffarji rispettivi tagħhom.

2.  L-Artikolu 6e għandu japplika għal servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut li jaqbżu kwalunkwe limitu taħt kwalunkwe politika ta’ użu ġust.

Artikolu 6c

Is-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut

1.  F’ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell ta’ ħlasijiet domestiku tiegħu, fejn fornitur tar-roaming ma jkunx jista’ jirkupra l-ispejjeż globali reali u mbassra tiegħu għall-provvista ta’ servizzi ta’ roaming regolati skont l-Artikoli 6a u 6b, mid-dħul globali reali u mbassar mill-provvista ta’ servizzi bħal dawn, dak il-fornitur tar-roaming jista’ japplika għal awtorizzazzjoni biex japplika ħlas supplimentari. Dak il-ħlas supplimentari għandu jiġi applikat biss sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut, filwaqt li jitqiesu l-ħlasijiet bl-ingrossa massimi applikabbli.

2.  Fejn fornitur tar-roaming jiddeċiedi li juża l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jissottometti applikazzjoni mingħajr dewmien lill-awtorità regolatorja nazzjonali u jagħtiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 6d. Kull tnax-il xahar wara dan, il-fornitur tar-roaming għandu jaġġorna dik l-informazzjoni u jippreżentaha lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3.  Malli taslilha applikazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta jekk il-fornitur tar-roaming ikunx stabbilixxa li ma jistax ikopri l-ispejjeż skont il-paragrafu 1, bil-konsegwenza li s-sostenibbiltà tal-mudell ta’ ħlasijiet domestiku tagħha jiddgħajjef. Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell ta’ ħlasijiet domestiku għandha tissejjes fuq il-fatturi oġġettivi rilevanti speċifiċi għall-fornitur tar-roaming, inklużi l-varjazzjonijiet oġġettivi bejn il-fornituri tar-roaming fl-Istat Membru kkonċernat u l-livell ta’ prezzijiet u dħul domestiku. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-ħlas supplimentari meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u f’dan il-paragrafu.

4.  Fi żmien xahar minn meta tirċievi applikazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-ħlas supplimentari sakemm ma jkunx evidenti li l-applikazzjoni hija mingħajr bażi jew ma tipprovdix biżżejjed informazzjoni. Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li huwa evidenti li l-applikazzjoni hija bla bażi, jew tqis li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni, għandha tieħu deċiżjoni finali sa perijodu ta’ xahrejn wara, wara li tkun tat lill-fornitur tar-roaming l-opportunità li jinstema’, li tawtorizza, temenda jew tiċħad il-ħlas supplimentari.

Artikolu 6d

Implimentazzjoni tal-politika ta’ użu ġust u tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut

1.  Sal-15 ta’ Diċembru 2016, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-Artikoli 6b u 6c, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-BEREC, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandha tiġi ppreżentata minn fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

2.  Fir-rigward tal-Artikolu 6b, meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust, il-Kummissjoni għandha tqis dan li ġej:

(a) l-evoluzzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet u l-konsum fl-Istati Membri;

(b) il-livell ta’ konverġenza tal-livelli tal-prezzijiet domestiċi madwar l-Unjoni;

(c) it-tendenzi tal-ivvjaġġar fl-Unjoni;

(d) kwalunkwe riskji ċari ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u inċentivi ta’ investiment fis-swieq domestiċi u dawk miżjura.

3.  Fir-rigward tal-Artikolu 6c, meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut għal fornitur tar-roaming, il-Kummissjoni għandha ssejjishom fuq dan li ġej:

(a) id-determinazzjoni tal-ispejjeż globali reali u mbassra tal-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut b’referenza għall-ħlasijiet ta’ roaming bl-ingrossa effettivi għal traffiku żbilanċjat u sehem raġonevoli tal-ispejjeż konġunti u komuni meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut;

(b) id-determinazzjoni tad-dħul reali u mbassar mill-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut;

(c) il-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut u l-konsum domestiku mill-klijenti tal-fornitur tar-roaming;

(d) il-livell tal-kompetizzjoni, tal-prezzijiet u tad-dħul fis-suq domestiku, u kwalunkwe riskju ċar li r-roaming bi prezzijiet domestiċi bl-imnut jaffettwa b’mod apprezzabbli l-evoluzzjoni ta’ dawn il-prezzijiet.

4.  Il-Kummissjoni għandha minn żmien għal żmien terġa’ teżamina l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq.

5.  L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq monitoraġġ u tissorvelja strettament l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust u l-miżuri dwar is-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, filwaqt li tqis b’reqqa kbira l-fatturi oġġettivi rilevanti speċifiċi għall-Istat Membru kkonċernat u l-varjazzjonijiet oġġettivi rilevanti bejn il-fornituri tar-roaming. Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 6c(3), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tinforza fil-ħin ir-rekwiżiti tal-Artikoli 6b u 6c u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ fi kwalunkwe ħin titlob lill-fornitur tar-roaming jemenda l-ħlas supplimentari jew iwaqqfu jekk dan ma jikkonformax mal-Artikoli 6b jew 6c. Kull sena l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 6b u 6c, u ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6e

Provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut

1.  Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, meta fornitur tar-roaming japplika ħlas supplimentari għall-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut ‘l fuq minn kwalunkwe limiti skont kwalunkwe politika ta’ użu ġust, għandu jissodisfa dawn ir-rekwiżiti (minbarra l-VAT):

(a) kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati li jsiru bir-roaming, messaġġi SMS regolati li jintbagħtu bir-roaming u servizzi regolati ta’ roaming tad-data ma għandux jaqbeż il-ħlasijiet massimi bl-ingrossa previsti fl-Artikoli 7(2), 9(1) u 12(1), rispettivament;

(b) is-somma tal-prezz domestiku bl-imnut u kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati li jsiru bir-roaming, messaġġi SMS regolati li jintbagħtu bir-roaming u servizzi regolati ta’ roaming tad-data ma għandhiex taqbeż EUR 0,19 għal kull minuta, EUR 0,06 għal kull messaġġ SMS u EUR 0,20 għal kull megabyte użata, rispettivament;

(c) kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati riċevuti bir-roaming ma għandux jaqbeż il-medja ppeżata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni stabbiliti skont il-paragrafu 2.

Il-fornituri tar-roaming ma għandhom japplikaw ebda ħlas supplimentari għal messaġġ SMS regolat li jiġi riċevut bir-roaming jew għal messaġġ fuq voicemail riċevut bir-roaming. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħlasijiet applikabbli l-oħra bħal dawk biex wieħed jisma’ messaġġi ta’ dan it-tip.

Il-fornituri tar-roaming għandhom jimponu ħlas fuq telefonati magħmula u riċevuti bir-roaming fuq bażi ta’ kull sekonda. Il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw perijodu minimu ta’ ħlas tal-bidu li ma jaqbiżx 30 sekonda għal telefonati magħmula. Il-fornituri tar-roaming għandhom jimponu ħlas fuq il-klijenti tagħhom għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data fuq bażi ta’ kull kilobyte, ħlief għal messaġġi MMS li l-ħlas għalihom jista’ jkun ibbażat fuq kull unità. F’każ bħal dan, il-ħlas bl-imnut li fornitur tar-roaming jista’ jimponi fuq il-klijent tar-roaming tiegħu għat-trażmissjoni jew ir-riċeviment ta’ messaġġ MMS bir-roaming m’għandux jaqbeż il-ħlas massimu bl-imnut għal servizzi regolati ta’ roaming tad-data stipulat fl-ewwel subparagrafu.

Matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 6f(1), dan il-paragrafu m’għandux jipprekludi offerti li jipprovdu lill-klijenti tar-roaming, għal ħlas kuljum jew kwalunkwe ħlas perjodiku ieħor iffissat, ċertu volum ta’ konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bil-kundizzjoni li l-konsum tal-ammont sħiħ ta’ dak il-volum iwassal għal prezz tal-unità għat-telefonati magħmula, it-telefonati riċevuti u l-messaġġi SMS regolati mibgħuta bir-roaming u s-servizzi ta’ roaming tad-data li ma jaqbiżx il-prezz domestiku bl-imnut rispettiv u l-ħlas supplimentari massimu kif stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.  Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-BEREC u soġġett għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-medja ppeżata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile imsemmijin fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dawk l-atti ta’ implimentazzjoni kull sena. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

Il-medja ppeżata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile għandha tissejjes fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) il-livell massimu tar-rati ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile imposti fis-suq għal terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi bl-ingrossa fuq netwerks tal-mobile individwali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Aċċess, u

(b) l-għadd totali ta’ abbonati f’kull Stat Membru.

3.  Il-fornituri tar-roaming jistgħu joffru u l-klijenti tar-roaming jistgħu jagħżlu deliberatament tariffa tar-roaming għajr dik stipulata f’konformità mal-Artikoli 6a, 6b, 6c u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li bis-saħħa tagħha l-klijenti tar-roaming igawdu minn tariffa differenti għal servizzi regolati ta’ roaming minn dik li kieku kienu jingħataw fin-nuqqas ta’ għażla bħal din. Il-fornitur tar-roaming għandu jfakkar lil dawk il-klijenti tar-roaming fin-natura tal-vantaġġi tar-roaming li b’hekk jintilfu.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-fornituri tar-roaming għandhom japplikaw tariffa stabbilita f’konformità mal-Artikoli 6a u 6b, u mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-klijenti eżistenti u ġodda kollha tar-roaming awtomatikament.

Kwalunkwe klijent tar-roaming jista’, fi kwalunkwe ħin, jitlob li jaqleb għal jew minn tariffa stipulata f’konformità mal-Artikoli 6a, 6b, 6c u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-klijenti tar-roaming deliberatament jagħżlu li jibdlu t-tariffa stipulata f’konformità mal-Artikoli 6a, 6b, 6c, u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew jaqilbu lura għaliha, kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien jum ta’ xogħol minn meta tasal it-talba, għandha tkun mingħajr ħlas u ma għandhiex tinvolvi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jappartjenu għal elementi tal-abbonamenti għajr ir-roaming. Il-fornituri tar-roaming jistgħu jdumu ma jagħmlu bidla sa meta t-tariffa tar-roaming preċedenti tkun ilha effettiva għal perijodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx ix-xahrejn.

4.  Il-fornituri tar-roaming għandhom jiżguraw li kuntratt li jinkludi kwalunkwe tip ta’ servizz regolat ta’ roaming bl-imnut jispeċifika l-karatteristiċi ewlenin ta’ dak is-servizz regolat ta’ roaming bl-imnut ipprovdut, inkluż partikolarment:

(a) il-pjan tariffarju jew pjanijiet tariffarji speċifiċi u, għal kull pjan tariffarju, it-tipi ta’ servizzi offruti, inklużi l-volumi tal-komunikazzjoni;

(b) kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq il-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut ipprovduti bil-livell applikabbli ta’ prezzijiet domestiċi bl-imnut, partikolarment informazzjoni kwantifikata dwar kif kwalunkwe użu tal-politika ta’ użu ġust jiġi applikat b’referenza għall-parametri ewlenin tal-prezzijiet, tal-volum jew parametri oħrajn tas-servizz regolat ta’ roaming bl-imnut ipprovdut ikkonċernat.

Il-fornituri tar-roaming għandhom jippubblikaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 6f

Ħlasijiet supplimentari tranżizzjonali ta’ roaming bl-imnut

1.  Mit-30 ta’ April 2016 sal-14 ta’ Ġunju 2017, il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw ħlas supplimentari flimkien mal-prezz domestiku bl-imnut għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut.

2.  Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 6e għandu japplika mutatis mutandis.”.

(6) L-Artikoli 8, 10 u 13 huma mħassra.

(7) L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwiti b’dan li ġej:

“Dik l-informazzjoni tariffarja personalizzata bażika għandha tkun espressa fil-munita tal-kont tal-pajjiż ta’ oriġini pprovdut mill-fornitur domestiku tal-klijent u għandha tinkludi informazzjoni dwar:

(a) kwalunkwe politika ta’ użu ġust li l-klijent tar-roaming huwa soġġett għaliha fl-Unjoni u l-ħlasijiet supplimentari li huma applikabbli għall-użu ‘l fuq minn kwalunkwe limitu taħt dik il-politika ta’ użu ġust; u

(b) kwalunkwe ħlas supplimentari applikat skont l-Artikolu 6c.”;

(b) fil-paragrafu 1, is-sitt subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi, bl-eċċezzjoni tar-referenza għall-politika ta’ użu ġust u l-ħlas supplimentari applikat skont l-Artikolu 6c, għandhom japplikaw ukoll għal servizzi ta’ roaming ta’ telefonati bil-vuċi u ta’ SMS użati mill-klijenti tar-roaming li jivvjaġġaw barra mill-Unjoni u pprovduti minn fornitur tar-roaming.”;

(c) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.  Il-fornitur tar-roaming għandu jibgħat notifika lill-klijent tar-roaming meta jiġi kkunsmat il-volum kollu applikabbli ta’ użu ġust tal-konsum ta’ servizzi ta’ roaming bil-vuċi jew ta’ SMS regolati jew kwalunkwe limitu massimu għall-użu applikat skont l-Artikolu 6c. Dik in-notifika għandha tindika l-ħlas supplimentari li ser jiġi applikat għal kull konsum addizzjonali ta’ servizzi ta’ roaming, bil-vuċi jew ta’ SMS, regolati mill-klijent tar-roaming. Kull klijent għandu jkollu d-dritt li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex ma jibqax jibgħat avviżi ta’ dan it-tip u għandu jkollu d-dritt, fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas, li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jforni s-servizz.”;

(d) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.  Meta jsiru l-abbonamenti, il-fornituri tar-roaming għandhom jagħtu l-informazzjoni sħiħa lill-klijenti kollha dwar il-ħlasijiet tar-roaming applikabbli. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-klijenti tar-roaming tagħhom aġġornamenti dwar il-ħlasijiet tar-roaming applikabbli mingħajr dewmien bla bżonn kull darba li jkun hemm bidla f’dawn il-ħlasijiet.

Il-fornituri tar-roaming għandhom wara dan ifakkru permezz ta’ messaġġ, f’intervalli raġonevoli, lill-konsumaturi kollha li jkunu għażlu tariffa oħra.”.

(8) L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 huwa sostitwiti b’dan li ġej:

“2.  Messaġġ awtomatiku mill-fornitur tar-roaming għandu jgħarraf lill-klijent tar-roaming li dan tal-aħħar ikun qed juża servizzi ta’ roaming tad-data regolati, u għandu jipprovdi informazzjoni tariffarja personalizzata bażika (fil-munita tal-kont tal-pajjiżi ta’ oriġini pprovdut mill-fornitur domestiku tal-klijent) applikabbli għall-provvista ta’ servizzi ta’ roaming tad-data regolati lil dak il-klijent tar-roaming fl-Istat Membru kkonċernat, minbarra meta l-klijent ikun innotifika lill-fornitur tar-roaming li hu ma jeħtieġx dik l-informazzjoni.

Dik l-informazzjoni tariffarja personalizzata bażika għandha tinkludi informazzjoni dwar:

(a) kwalunkwe politika ta’ użu ġust li l-klijent tar-roaming huwa soġġett għaliha fl-Unjoni u l-ħlasijiet supplimentari li huma applikabbli għall-użu ‘l fuq minn kwalunkwe limitu taħt dik il-politika ta’ użu ġust; u

(b) kwalunkwe ħlas supplimentari applikat skont l-Artikolu 6c.

L-informazzjoni għandha tintbagħat lill-apparat tal-mobile tal-klijent tar-roaming, pereżempju permezz ta’ messaġġ SMS, posta elettronika jew pop-up window fuq l-apparat tal-mobile, kull darba li l-klijent tar-roaming jidħol fi Stat Membru li mhuwiex dak tal-fornitur domestiku tiegħu u jibda għall-ewwel darba servizz ta’ roaming tad-data f’dak l-Istat Membru partikolari. Din għandha tintbagħat mingħajr ħlas fil-mument li l-klijent tar-roaming jibda servizz regolat tar-roaming tad-data, b’mezz xieraq li jkun adattat biex jiffaċilita li din tiġi riċevuta u tinftiehem faċilment.

Klijent li jkun avża lill-fornitur tar-roaming tiegħu li huwa ma għandux bżonn l-informazzjoni tariffarja awtomatika għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jipprovdi dan is-servizz.”;

(b) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.  Il-fornitur tar-roaming għandu jibgħat notifika meta jiġi kkunsmat il-volum kollu ta’ użu ġust applikabbli tas-servizz ta’ roaming tad-data regolat jew meta jintlaħaq kwalunkwe limitu massimu għall-użu applikat skont l-Artikolu 6c. Dik in-notifika għandha tindika l-ħlas supplimentari li ser jiġi applikat għal kwalunkwe konsum addizzjonali ta’ servizzi ta’ roaming tad-data regolati mill-klijent tar-roaming. Kull klijent għandu jkollu d-dritt li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex ma jibqax jibgħat avviżi ta’ dan it-tip u għandu jkollu d-dritt, fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas, li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jibda jipprovdi s-servizz.”;

(c) fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.  Kull fornitur tar-roaming għandu jagħti lill-klijenti tar-roaming kollha tiegħu l-opportunità li, deliberatament u mingħajr ħlas, jagħżlu faċilità li tipprovdi informazzjoni fil-ħin dwar il-konsum akkumulat, espressa bħala volum jew fil-munita li biha l-klijent tar-roaming iħallas għas-servizzi regolati ta’ roaming tad-data u li tiggarantixxi li, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-klijent, in-nefqa akkumulata għal servizzi regolati ta’ roaming tad-data fuq perijodu speċifikat ta’ użu, minbarra l-MMS li jitħallsu fuq bażi ta’ kull unità, ma taqbiżx limitu finanzjarju speċifikat.”;

(d) fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.  Dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 u tal-paragrafu 2a, u soġġett għat-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika wkoll għal servizzi ta’ roaming tad-data użati mill-klijenti tar-roaming li jivvjaġġaw barra mill-Unjoni u pprovduti minn fornitur tar-roaming.”.

(9) L-Artikolu 16 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ u jissorveljaw lill-fornituri tar-roaming li huma stess jagħmlu użu mill-Artikolu 6b, 6c u 6e(3).”

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b, 6c, 6e, 7, 9, u 12, b’mod li jippermetti li l-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għaliha.”.

(10) L-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Rieżami

1.  Sad-29 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni għandha tniedi rieżami tas-suq tar-roaming bl-ingrossa bil-ħsieb li tivvaluta l-miżuri meħtieġa biex tkun possibbli t-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut sal-15 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni għandha teżamina, fost affarijiet oħra, il-livell ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali bl-ingrossa, u partikolarment għandha tivvaluta l-livell tal-ispejjeż bl-ingrossa mġarrba u l-ħlasijiet bl-ingrossa applikati, u s-sitwazzjoni kompetittiva tal-operaturi b’ambitu ġeografiku limitat, inklużi l-effetti ta’ ftehimiet kummerċjali fuq il-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-ħila tal-operaturi li jieħdu vantaġġ mill-ekonomiji ta’ skala. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll l-iżviluppi fil-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming bl-imnut u kwalunkwe riskji ċari ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u inċentivi ta’ investiment fis-swieq domestiċi u dawk miżjura. Fil-valutazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu t-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-operaturi tan-netwerk miżjura jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż kollha tal-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-ingrossa, inklużi l-ispejjeż konġunti u komuni. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-ħtieġa li jiġi pprevenut roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa għal skopijiet għajr il-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming filwaqt li dawn l-utenti jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni.

2.  Sal-15 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 1.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva xierqa ppreċeduta minn konsultazzjoni pubblika, biex jiġu emendati l-ħlasijiet bl-ingrossa għas-servizzi regolati ta’ roaming stipulati f’dan ir-Regolament jew biex tiġi pprovduta soluzzjoni oħra biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fil-livell bl-ingrossa bil-ħsieb li jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming regolat sal-15 ta’ Ġunju 2017.

3.  Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn wara l-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2. Kull rapport għandu jinkludi, fost affarijiet oħra, valutazzjoni ta’:

(a) id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi, inklużi dawk li huma alternattiva għas-servizzi regolati ta’ roaming tat-telefonati bil-vuċi, tal-SMS u tad-data, b’mod partikolari meta wieħed iqis l-iżviluppi teknoloġiċi;

(b) il-livell ta’ kompetizzjoni kemm fis-swieq bl-imnut kif ukoll f’dawk bl-ingrossa, b’mod partikolari s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi żgħar, indipendenti jew li għadhom kemm bdew, inklużi l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali u l-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-operaturi;

(c) sa fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri strutturali previsti fl-Artikoli 3 u 4 pproduċiet riżultati fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq intern għal servizzi regolati ta’ roaming.

4.  Sabiex jiġu vvalutati l-iżviluppi kompetittivi fis-swieq tar-roaming tal-Unjoni kollha, il-BEREC għandu regolarment jiġbor data mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-iżvilupp ta’ ħlasijiet bl-imnut u bl-ingrossa għal servizzi regolati ta’ roaming ta’ telefonati bil-vuċi, ta’ SMS u ta’ data. Din id-data għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni tal-anqas darbtejn fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblikaha.

Fuq il-bażi tad-data miġbura, il-BEREC għandu jirrapporta regolarment ukoll dwar l-evoluzzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet u tal-konsum fl-Istati Membri kemm għal servizzi domestiċi kif ukoll ta’ roaming u l-evoluzzjoni tar-rati reali tar-roaming bl-ingrossa għat-traffiku żbilanċjat bejn il-fornituri tar-roaming.

Il-BEREC għandu wkoll ta’ kull sena jiġbor informazzjoni mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà ta’ tariffi differenti offruti mill-operaturi lill-klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-data u dawk is-sejbiet.”.

Artikolu 8

Emendi fid-Direttiva 2002/22/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/22/KE, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.  Il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess tal-utenti aħħarin għal servizzi u applikazzjonijiet jew l-użu tagħhom permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, anke b’rabta mal-privatezza u l-proċess ġust, kif definiti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.”.

Artikolu 9

Klawżola ta’ rieżami

Sat-30 ta’ April 2019 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuqhom,. ‘akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, bi proposti xierqa bil-ħsieb li jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Huwa għandu japplika mit-30 ta’ April 2016, minbarra dan li ġej:

(a) Fil-każ li l-att leġislattiv li għandu jiġi adottat wara l-proposta msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 ikun applikabbli fil-15 ta’ Ġunju 2017, il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikoli 6a sa 6d tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-punt 7(a) sa (c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u l-punt 8(a), (b) u (d) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw minn dik id-data.

Fil-każ li l-att leġislattiv ma jkunx applikabbli fil-15 ta’ Ġunju 2017, il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikolu 6f tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għandu jkompli japplika sakemm dak l-att leġislattiv isir applikabbli.

Fil-każ li dak l-att leġislattiv isir applikabbli wara l-15 ta’ Ġunju 2017, il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikoli 6a sa 6d tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-punt 7(a) sa (c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u l-punt 8(a), (b) u (d) tal-Artikolu 7 għandhom japplikaw wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dak l-att leġislattiv;

(b) l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fil-punt 4(c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, u fil-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikoli 6d u 6e(2) tar-Regolament (EU) Nru 531/2012 għandu japplika mid-29 ta’ Novembru 2015;

(c) l-Artikolu 5(3) għandu japplika mid-29 ta’ Novembru 2015;

(d) il-punt 10 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mid-29 ta’ Novembru 2015.

3.  Sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-Istati Membri jistgħu jżommu miżuri nazzjonali, inklużi skemi awtoregolatorji, li kienu fis-seħħ qabel id-29 ta’ Novembru 2015 u li ma jikkonformawx mal-Artikolu 3(2) jew (3). L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri sat-30 ta’ April 2016.

4.  Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1203/2012 ( 4 ) marbutin mal-modalità teknika għall-implimentazzjoni tal-aċċess għal servizzi ta’ roaming tad-data lokali fuq netwerk miżjura għandhom ikomplu japplikaw għall-finijiet tal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut sal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punt 4(c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

▼M1

5.  L-Artikolu 5a għandu jiskadi fl-14 ta’ Mejju 2024.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 15, p. 355).

( 3 ) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 29, p. 514).

( 4 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1203/2012 tal-14 ta’ Diċembru 2012 dwar il-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 347, 15.12.2012, p. 1).