02015R1017 — MT — 30.12.2017 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) 2015/1017 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta' Ġunju 2015 (ĠU L 169 1.7.2015, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2017/2396 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Diċembru 2017 |
L 345 |
34 |
27.12.2017 |
REGOLAMENT (UE) 2015/1017 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta' Ġunju 2015
dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS), garanzija tal-UE u fond ta’ garanzija tal-UE. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti ('EIAH') u Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (PEPI).
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dan ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tikkonkludi ftehim mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar il-FEIS u ftehim mal-BEI dwar l-implimentazzjoni tal-EIAH.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) 'Ftehim dwar il-FEIS' tfisser l-istrument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-BEI jispeċifikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-ġestjoni tal-FEIS;
(2) 'Ftehim dwar l-EIAH' tfisser l-istrument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-BEI jispeċifikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-implimentazzjoni tal-EIAH;
(3) 'banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali', tfisser l-entitajiet legali impenjati f’attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali, li għalihom Stat Membru, jew entità ta' Stat Membru f’livell ċentrali, reġjonali jew lokali, jagħtu mandat biex jitwettqu attivitajiet ta’ żvilupp jew ta’ promozzjoni;
(4) 'pjattaformi ta’ investiment' tfisser veikoli b’għanijiet speċjali, kontijiet ġestiti, arranġamenti ta’ kofinanzjament jew ta’ kondiviżjoni tar-riskji bbażati fuq kuntratti jew arranġamenti stabbiliti bi kwalunkwe mezz ieħor li permezz tagħhom entitajiet jibagħtu kontribuzzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw għadd ta’ proġetti ta’ investiment, u li jistgħu jinkludu:
(a) pjattaformi nazzjonali jew subnazzjonali li jiġbru flimkien diversi proġetti ta' investiment fit-territorju ta' Stat Membru partikolari;
(b) pjattaformi transfruntieri, multinazzjonali, reġjonali jew makroreġjonali li jiġbru flimkien sħab minn diversi Stati Membri, reġjuni jew pajjiżi terzi interessati fi proġetti f’żona ġeografika partikolari;
(c) pjattaformi tematiċi li jiġbru flimkien proġetti ta' investiment f'settur partikolari;
(5) 'intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju' jew 'SMEs' tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 1 );
(6) 'kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja' tfisser entitajiet li għandhom sa 499 impjegat u li mhumiex SMEs;
(7) 'kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja' tfisser entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat u li mhumiex SMEs jew kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja;
(8) 'addizzjonalità' tfisser addizzjonalità kif definita fl-Artikolu 5(1).
KAPITOLU II
FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI
Artikolu 3
Għan
L-għan tal-FEIS għandu jkun li jsostni, fl-Unjoni, billi jagħti lill-BEI il-kapaċità li jassumi riskji, dawn li ġejjin:
(a) investimenti;
(b) aċċess akbar għall-finanzjament għal entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat, b'enfasi partikolari fuq SMEs u fuq kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja.
Artikolu 4
Termini tal-Ftehim dwar il-FEIS
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-BEI dwar il-ġestjoni tal-FEIS u għall-għoti ta' garanzija tal-UE, b'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
2. Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jinkludi, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar:
(a) it-twaqqif tal-FEIS, inkluż:
(i) it-twaqqif tal-FEIS bħala faċilità distinta, identifikabbli b’mod ċar u trasparenti u bħala kont separat ġestit mill-BEI, li l-operazzjonijiet tiegħu jistgħu jintgħarfu b’mod ċar minn operazzjonijiet oħra tal-BEI;
(ii) l-ammont, li ma jkunx inferjuri għal EUR 7 500 000 000 f’garanziji jew flus, u t-termini tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi pprovduta mill-BEI permezz tal-FEIS;
(iii) it-termini tal-finanzjament jew tal-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-BEI permezz tal-FEIS lill-FEI;
(iv) l-ipprezzar tal-operazzjonijiet taħt il-garanzija tal-UE li għandu jkun konformi mal-politika tal-ipprezzar tal-BEI;
(v) il-proċeduri biex jikkontribwixxu, mingħajr preġudizzju għall-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-TUE u t-TFUE u l-prerogattivi tal-BEI stabbiliti fih, għal tnaqqis tal-ispiża tal-finanzjament tal-operazzjoni mġarrab mill-benefiċjarju tal-finanzjament tal-BEI taħt il-FEIS, b’mod partikolari bil-modulazzjoni tar-remunerazzjoni tal-garanzija tal-UE, meta jkun meħtieġ, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn kondizzjonijiet diffiċli tas-suq finanzjarju jipprekludu t-twettiq ta’ proġett vijabbli jew meta jkun meħtieġ biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment jew il-finanzjament ta’ proġetti f’setturi jew oqsma li qed jesperjenzaw falliment sinifikanti tas-suq jew sitwazzjoni ta’ investiment subottimali, sal-punt li dan ma jkollux impatt sinifikanti fuq il-finanzjament neċessarju tal-proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija;
(b) l-arranġamenti ta' governanza rigward il-FEIS, b'konformità mal-Artikolu 7, bla preġudizzju għall-Protokoll (Nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-TUE u mat-TFUE (l-'Istatut tal-BEI'), jinkludu;
(i) il-kompożizzjoni u n-numru ta’ membri tal-Bord ta’ Tmexxija;
(ii) dispożizzjoni li rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija;
(iii) dispożizzjoni li l-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(3);
(iv) il-proċedura għall-ħatra tad-Direttur Amministrattiv u tal-Viċi Direttur Amministrattiv, ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, ir-regoli u l-proċeduri dwar is-sostituzzjoni tagħhom fil-funzjonijiet tagħhom u dwar l-obbligu li jingħata rendikont, mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament;
(v) il-proċedura għall-ħatra u t-tneħħija tal-membri tal-Kumitat tal-Investiment, ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-arranġamenti tal-votazzjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Investiment, bi speċifikazzjoni tal-kworum u l-allokazzjoni ta’ vot lil kull membru;
(vi) ir-rekwiżit li l-Bord ta’ Tmexxija u l-Kumitat tal-Investiment jadottaw ir-regoli ta’ proċedura rispettivi tagħhom;
(vii) ir-rekwiżit li l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandhom finalment jiġu approvati mill-korpi governattivi tal-BEI f'konformità mal-Istatut tal-BEI;
(viii) dispożizzjonijiet dwar l-evitar u l-indirizzar ta' konflitti ta' interess possibbli;
(c) il-garanzija tal-UE, li għandha tkun garanzija mingħajr kondizzjonijiet, irrevokabbli, u bl-ewwel talba favur il-BEI, inkluż:
(i) f’konformità mal-Artikolu 11, ir-regoli dettaljati dwar il-provvediment tal-garanzija tal-UE, inkluż l-arranġamenti tagħha dwar il-kopertura, il-kopertura definita tagħha ta’ portafolli ta’ tipi speċifiċi ta’ strumenti u l-avvenimenti rispettivi li jiskattaw il-possibbiltà ta’ talbiet għall-garanzija tal-UE;
(ii) rekwiżiti li r-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskji tiġi allokata fost il-kontributuri għall-FEIS fi proporzjon mas-sehem tagħhom fit-teħid tar-riskji u li r-remunerazzjoni lill-Unjoni u l-pagamenti fuq il-garanzija tal-UE għandhom jsiru f’waqthom u biss wara li r-remunerazzjoni u t-telf mill-operazzjonijiet ikunu nġiebu għall-valur nett tagħhom;
(iii) f’konformità mal-Artikolu 9, rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, inkluż il-kondizzjonijiet għall-pagament, bħal perjodi ta’ żmien speċifiċi, l-imgħaxijiet li għandhom jitħallsu fuq l-ammonti dovuti u l-arranġamenti meħtieġa b'rabta mal-likwidità;
(iv) f’konformità mal-Artikolu 11(5), dispożizzjonijiet u proċeduri li jirrigwardaw l-irkupru tal-pretensjonijiet, li għandu jiġi fdat f’idejn il-BEI;
(d) f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, b’mod partikolari l-Artikoli 7(12) u 9(5) tiegħu, l-Anness II għalih u kwalunkwe att delegat adottat skont dan ir-Regolament, l-arranġamenti għall-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Investiment dwar l-użu tal-garanzija tal-UE għal proġetti individwali jew għas-sostenn ta’ pjattaformi ta’ investiment jew fondi, jew permezz ta' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;
(e) il-proċeduri għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ proposti ta’ investiment għall-użu tal-garanzija tal-UE, inklużi:
(i) il-proċedura għat-trasmissjoni ta’ proposti ta' investiment lill-Kumitat tal-Investiment;
(ii) dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni li trid tiġi provduta fl-ippreżentar ta' proposti ta' investiment lill-Kumitat tal-Investiment;
(iii) ir-rekwiżit li l-proċedura għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ proposti ta' investiment għall-użu tal-garanzija tal-UE tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-BEI dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulati fl-Istatut tal-BEI, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu;
(iv) regoli li jagħtu aktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonformaw mal-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament, u b’mod partikolari l-mod li bih l-operazzjonijiet approvati mill-BEI matul il-perjodu msemmi f'dak l-Artikolu għandhom jiġu inklużi taħt il-kopertura tal-garanzija tal-UE;
(f) ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-obbligu li jingħata rendikont fir-rigward tal-FEIS, inkluż:
(i) f’konformità mal-Artikolu 16, l-obbligi ta' rappurtar fil-livell operattiv li jrid isir mill-BEI, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-FEI;
(ii) l-obbligi ta' rappurtar finanzjarju fir-rigward tal-FEIS;
(iii) f’konformità mal-Artikoli 20 u 21, regoli dwar l-awditjar u l-prevenzjoni tal-frodi;
(iv) l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE, it-twettiq tal-objettivi u tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 6 u 9 u fl-Anness II, il-mobilizzazzjoni ta’ kapital privat, u l-impatt makroekonomiku tal-FEIS, inkluż l-effett tiegħu fuq is-sostenn għall-investiment;
(g) l-evalwazzjonijiet tal-funzjonament tal-FEIS f'konformità mal-Artikolu 18;
(h) l-istrateġija ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni tal-FEIS;
(i) il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-emendar tal-Ftehim dwar il-FEIS, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew tal-BEI, inkluż l-obbligu li jsir rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali emendar;
(j) kwalunkwe kondizzjoni oħra amministrattiva jew organizzattiva meħtieġa għall-ġestjoni tal-FEIS sa fejn din tippermetti l-użu korrett tal-garanzija tal-UE.
(k) l-arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri lill-FEIS f'forma ta' garanziji jew flus, u minn partijiet terzi esklużivament fil-forma ta' flus, li ma għandhomx jagħtu lil dawk l-Istati Membri jew partijiet terzi d-dritt li jipparteċipaw fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-votazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija.
3. Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi wkoll li:
(a) l-attivitajiet tal-FEIS immexxija mill-FEI għandhom ikunu regolati mill-korpi governattivi tal-FEI;
(b) l-attivitajiet tal-FEIS imwettqa mill-FEI għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' rappurtar f'konformità mal-Artikolu 16;
(c) ir-remunerazzjoni li tista' tingħata lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta wara li jitnaqqsu l-pagamenti dovuti għall-attivar tal-garanzija tal-UE u, sussegwentement, tal-ispejjeż f'konformità mal-Artikolu 9(6) u mal-Ftehim dwar l-EIAH.
Artikolu 5
Addizzjonalità
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, 'addizzjonalità' tfisser appoġġ mill-FEIS għall-operazzjonijiet li jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment, u li ma setgħux twettqu matul il-perijodu li fih tista’ tintuża l-garanzija tal-UE, jew mhux fl-istess miżura, mill-BEI, il-FEI jew taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni, mingħajr l-appoġġ tal-FEIS. Proġetti appoġġati mill-FEIS għandhom jappoġġaw l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 9(2), għandhom jippruvaw joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli u tipikament għandu jkollhom profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġati minn operazzjonijiet normali tal-BEI u b’mod ġenerali, il-portafoll tal-FEIS għandu jkollu profil ta’ riskju ogħla mill-portafoll tal-investimenti appoġġati mill-BEI permezz tal-politiki ta’ investiment normali tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Biex jiġu indirizzati aħjar il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, u biex jiġi ffaċilitat, b’mod partikolari, l-użu ta’ pjattaformi ta’ investiment għal proġetti fuq skala żgħira, biex b’hekk tiġi żgurata l-komplementarjetà u jiġi evitat l-effett ta’ esklużjoni tal-parteċipanti fl-istess suq, l-attivitajiet speċjali tal-BEI appoġġati mill-FEIS, bħala mezz preferut u jekk ikun iġġustifikat b’mod xieraq, għandhom:
(a) ikollhom karatteristiċi ta’ subordinazzjoni, inkluż it-teħid ta’ pożizzjonijiet subalterni vis-à-vis investituri oħra;
(b) jipparteċipaw fi strumenti ta’ kondiviżjoni tar-riskju;
(c) juru karatteristiċi transfruntieri;
(d) jiġu esposti għal riskji speċifiċi; jew
(e) ikollhom aspetti oħra kif deskritt ulterjorment fil-punt (d) tat-Taqsima 3 tal-Anness II.
Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi ssodisfata d-definizzjoni ta’ addizzjonalità kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu, l-elementi li ġejjin huma indikazzjonijiet qawwija ta’ addizzjonalità:
— proġetti b’riskju korrispondenti għall-attivitajiet speċjali tal-BEI, kif definit fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI, speċjalment jekk dawn il-proġetti jippreżentaw riskji speċifiċi għall-pajjiż, għas-settur jew għar-reġjun, b’mod partikolari dawk esperjenzati f’reġjuni inqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni u/jew jekk proġetti bħal dawn jippreżentaw riskji assoċjati mal-innovazzjoni, b’mod partikolari f’teknoloġiji mhux ippruvati li jtejbu t-tkabbir, is-sostenibbiltà u l-produttività;
— proġetti li jikkonsistu f’infrastruttura fiżika, inkluż l-e-infrastruttura, li torbot żewġ Stati Membri jew aktar jew f’estensjoni ta’ tali infrastruttura jew servizzi marbuta ma’ tali infrastruttura minn Stat Membru għal Stat Membru wieħed jew aktar.
2. F’konformità mal-linji gwida għall-investiment imniżżla fl-Anness II, il-Bord ta' Tmexxija għandu jaġġusta l-varjetà tal-proġetti fir-rigward tas-setturi u l-pajjiżi, abbażi tal-monitoraġġ li jkun għaddej dwar l-iżviluppi tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-Istati Membri u tal-ambjent tal-investiment biex ikunu jistgħu jiġu megħluba l-fallimenti tas-suq kif ukoll sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali inklużi problemi li jirriżultaw mill-frammentazzjoni finanzjarja. Meta jkun qed iwettaq dak l-aġġustament, il-Bord ta' Tmexxija għandu jevita approċċ li jkun fih aktar riskju milli meħtieġ.
Meta l-livell tar-riskju hekk jitlob, attivitajiet speċjali tal-BEI għandhom jintużaw b'mod aktar wiesa' taħt dan ir-Regolament milli kienu jintużaw qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan għandu japplika, b'mod partikolari, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri fejn ma jkunux intużaw attivitajiet speċjali tal-BEI jew fejn ikunu ntużaw biss b'mod eċċezzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet u proġetti addizzjonali, kif ukoll finanzjament addizzjonali mill-BEI u minn banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew pjattaformi ta’ investiment.
Artikolu 6
Kriterji ta' eliġibbiltà għall-użu tal-garanzija tal-UE
1. ►M1 Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi li l-FEIS jagħti appoġġ lil proġetti li jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u li: ◄
(a) ikunu ekonomikament viabbli skont analiżi kosti-benefiċċji li ssegwi l-istandards tal-Unjoni, filwaqt li jitqies is-sostenn possibbli minn, u l-kofinanzjament mis-sħab privati u pubbliċi għal proġett;
(b) ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, inkluż l-objettiv ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
(c) jipprovdu addizzjonalità;
(d) jimmassimizzaw, fejn possibbli, il-mobilizzazzjoni ta’ kapital mis-settur privat; kif ukoll
(e) ikunu teknikament vijabbli.
2. Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjoni fuq id-daqs ta’ proġetti eliġibbli għall-appoġġ tal-FEIS għall-operazzjonijiet imwettqa mill-BEI jew il-FEI permezz ta’ intermedjarji finanzjarji. Sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ tal-FEIS ikopri wkoll proġetti fuq skala żgħira, il-BEI u l-FEI għandhom, meta jkun meħtieġ u sa fejn ikun possibbli, jestendu l-kooperazzjoni mal-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u jappoġġaw il-possibbiltajiet ipprovduti, anke permezz tal-faċilitazzjoni tal-ħolqien ta’ pjattaformi ta’ investiment.
Artikolu 7
Governanza tal-FEIS
1. Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord ta' Tmexxija, il-Kumitat tal-Investiment u d-Direttur Amministrattiv għandhom isegwu biss l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament.
1a. L-istituzzjonijiet u l-korpi kollha involuti fl-istrutturi ta’ governanza tal-FEIS għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw bilanċ bejn is-sessi fil-korpi governattivi rilevanti tal-FEIS.
2. Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprovdi li l-FEIS ikun regolat minn bord ta' tmexxija, li għall-fini tal-użu tal-garanzija tal-UE, ikun jiddetermina, f'konformità mal-objettivi ġenerali stipulati f'dan l-Artikolu 9(2):
(a) l-orjentazzjoni strateġika tal-FEIS, inkluż l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE fi ħdan l-opportunitajiet ta' infrastruttura u innovazzjoni u kwalunkwe deċiżjoni li għandha tittieħed skont l-Artikolu 11(3) u t-Taqsima 7(b) tal-Anness II;
(b) il-politiki u l-proċeduri operattivi meħtieġa għall-funzjonament l-FEIS;
(c) ir-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet fil-pjattaformi ta' investiment u fil-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;
(d) il-profil tar-riskju tal-FEIS
3. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn ħames membri: tlieta maħtura mill-Kummissjoni, wieħed mill-BEI u espert maħtur bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot mill-Parlament Ewropew. Dak l-espert m’għandux ifittex jew jieħu istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor, u għandu jaġixxi b’indipendenza sħiħa. L-espert għandu jaqdi dmirijietu b’mod imparzjali u fl-interess tal-FEIS.
Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu li għandhom id-dritt tal-vot għal perijodu fiss ta’ tliet snin, li jiġġedded darba. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiddiskuti u jqis kemm jista’ jkun il-pożizzjonijiet tal-membri kollha. Jekk il-membri ma jistgħux jaqblu dwar il-pożizzjoni tagħhom, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ vot unanimu fost il-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot. Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jipprovdu rendikont sostantiv tal-pożizzjonijiet tal-membri kollha.
Il-minuti dettaljati tal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu ppubblikati malli jiġu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi mgħarraf minnufih dwar il-pubblikazzjoni tagħhom.
Il-Bord ta' Tmexxija għandu jorganizza regolarment konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti - b'mod partikolari koinvestituri, awtoritajiet pubbliċi, esperti, istituzzjonijiet edukattivi, ta' taħriġ u ta' riċerka, is-sħab soċjali rilevanti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili - dwar l-orjentament u l-implimentazzjoni tal-politika ta' investiment imwettqa mill-BEI permezz ta' dan ir-Regolament.
L-istrumenti użati mill-FEI biex iwettaq l-operazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu approvati b'mod konġunt mill-Bord ta' Tmexxija u mid-Direttur Amministrattiv, wara li jikkonsultaw il-Kumitat tal-Investiment.
4. L-Istati Membri u partijiet terzi oħra jistgħu - soġġett fil-każ ta’ partijiet terzi oħra għall-qbil tal-Bord ta' Tmexxija - jikkontribwixxu għall-FEIS f'forma ta' garanziji jew ta’ flus kontanti fir-rigward tal-Istati Membri, u esklużivament fil-forma ta' flus kontanti fir-rigward ta' partijiet terzi oħra. La l-Istati Membri u lanqas il-partijiet terzi oħra ma jistgħu isiru membri tal-Bord ta' Tmexxija, u lanqas ma għandhom jingħataw rwol fil-ħatra ta' persunal tal-FEIS inklużi membri tal-Kumitat tal-Investiment, u lanqas ma għandu jkollhom xi dritt dwar aspetti oħra ta' governanza tal-FEIS kif stabbilit f'dan ir-Regolament.
5. Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi li l-FEIS ikollu direttur amministrattiv, li għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-FEIS u għat-tħejjija u t-tmexxija tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Investiment imsemmi fil-paragrafu 6.
Id-Direttur Maniġerjali għandu jkun assistit minn viċi Direttur Maniġerjali. Id-Direttur Maniġerjali u l-Viċi Direttur Maniġerjali għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservaturi. Id-Direttur Maniġerjali għandu jirrapporta, kull tliet xhur, dwar l-attivitajiet tal-FEIS lill-Bord ta’ Tmexxija.
6. Wara proċess ta' selezzjoni miftuħ u trasparenti f’ konformità mal-proċeduri tal-BEI, il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħżel kandidat għal pożizzjoni ta’ Direttur Amministrattiv u kandidat għal Viċi Direttur Amministrattiv.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinżammu infurmati debitament f'kull stadju tal-proċedura ta' selezzjoni, soġġett għar-rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità. Dak japplika indipendentement mill-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI imsemmi fl-Artikolu 17(5).
Il-Parlament Ewropew għandu jorganizza malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn erba' ġimgħat mill-komunikazzjoni tal-isem tal-kandidat magħżul, seduta ta' smigħ mal-kandidat għal kull pożizzjoni.
Wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, id-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv għandhom jinħatru mill-President tal-BEI għal terminu fiss ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba.
7. Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi li l-FEIS ikollu Kumitat tal-Investiment, li jkun responsabbli biex jeżamina proġetti potenzjali f'konformità mal-politiki ta' investiment tal-FEIS u japprova s-sostenn tal-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet tal-BEI għal proġetti li huma f'konformità mal-Artikoli 6 u 9, irrispettivament mill-post ġeografiku, skont l-Artikolu 8, ta’ tali proġetti. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun il-korp kompetenti biex japprova operazzjonijiet ma' pjattaformi ta' investiment u banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali.
8. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun magħmul minn tmien esperti indipendenti u d-Direttur Amministrattiv. L-esperti għall-Kumitat tal-Investiment għandhom, wara proċedura ta' selezzjoni miftuħa u trasparenti, jinħatru mill-Bord ta' Tmexxija għal perjodu fiss ta’ massimu ta’ tliet snin,. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded iżda b’kollox ma għandux jaqbeż is-sitt snin. L-esperti indipendenti għandu jkollhom livell għoli ta’ esperjenza rilevanti tas-suq fl-istrutturar tal-proġetti u fil-finanzjament tal-proġetti, kif ukoll għarfien espert mikro- u makroekonomiċi.
Meta jaħtar l-esperti tal-Kumitat tal-Investiment, il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura li l-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Investiment tkun diversifikata, sabiex ikun żgurat li dan ikollu għarfien wiesa’ tas-setturi msemmija fl-Artikolu 9 u tas-swieq ġeografiċi fl-Unjoni.
Il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun kompost b'tali mod li jkollu l-bilanċ bejn is-sessi. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jfittex li jagħżel esperti li jkollhom esperjenza fl-investiment f'wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:
(a) ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;
(b) l-infrastrutturi tat-trasport u t-teknoloġiji innovattivi għat-trasport;
(c) l-infrastrutturi tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;
(d) l-infrastrutturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;
(e) l-azzjoni klimatika, il-ħarsien u l-ġestjoni tal-ambjent;
(f) l-edukazzjoni u t-taħriġ;
(g) is-saħħa u l-mediċini;
(h) l-SMEs;
(i) l-industriji kulturali u kreattivi;
(j) il-mobbiltà urbana;
(k) l-infrastrutturi soċjali u l-ekonomija soċjali u solidali;
(l) l-agrikultura, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura sostenibbli u elementi oħra tal-bijoekonomija inġenerali.
9. Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Kumitat tal-Investiment il-membri tiegħu għandhom iwettqu d-doveri tagħhom imparzjalment u fl-interessi tal-FEIS. Meta jimplimentaw il-linji gwida għall-investiment imniżżla fl-Anness II u jieħdu deċiżjonijiet dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand il-BEI, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri, jew kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat. Mingħajr preġudizzju għall-forniment ta’ sostenn analitiku, loġistiku u amministrattiv mill-persunal tal-BEI lill-Kumitat tal-Investiment, għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma arranġamenti organizzattivi adegwati biex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva tal-Kumitat tal-Investiment. Kwalunkwe valutazzjoni ta' proġett imwettqa mill-persunal tal-BEI ma għandhiex torbot lill-Kumitat tal-Investiment għall-finijiet tal-għoti tal-garanzija tal-UE.
10. Is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu ppubblikati u aġġornati kostantement. ►M1 Kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandu jikkomunika bla dewmien lill-Bord ta’ Tmexxija, lid-Direttur Maniġerjali u lill-Viċi Direttur Maniġerjali l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat, fuq bażi kontinwa, li ma hemm ebda konflitt ta’ interess. ◄
11. Wara talba mill-Bord ta' Tmexxija, il-kuntratt ta' kwalunkwe membru tal-Kumitat tal-Investiment li jikser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 9 u 10 għandu jkun terminat, f'konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi dwar l-impjieg u x-xogħol. ►M1 Id-Direttur Maniġerjali għandu jkun responsabbli li jinforma lill-Bord ta’ Tmexxija dwar kwalunkwe ksur bħal dan li jsir jaf bih u għandu jkun responsabbli li jipproponi azzjoni adegwata u s-segwitu għaliha. Id-Direttur Maniġerjali għandu jeżerċita d-dmir ta’ diliġenza dovuta tiegħu dwar kunflitti ta’ interess potenzjali ta’ kwalunkwe membru tal-Kumitat tal-Investiment. ◄
12. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-garanzija tal-UE f'konformità ma' dan ir-Regolament, inklużi l-linji gwida għall-investiment stipulati fl-Anness II.
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi. ►M1 Id-deċiżjonijiet li japprovaw l-użu tal-garanzija tal-UE għandhom ikunu pubbliċi u aċċessibbli, u għandhom jinkludu r-raġuni għad-deċiżjoni, b’attenzjoni partikolari fuq il-konformità mal-kriterju tal-addizzjonalità. Għandhom jirreferu wkoll għall-valutazzjoni globali li tirriżulta mit-tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 14. Il-pubblikazzjoni ma għandhiex tinkludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Biex jilħaq id-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat tal-Investiment għandu jiġi appoġġat mid-dokumentazzjoni pprovduta mill-BEI.
It-tabella ta’ valutazzjoni, li hija għodda għall-Kumitat tal-Investiment biex jipprijoritizza l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet li juru punteġġi u valur miżjud ogħla, għandha tkun disponibbli pubblikament wara l-iffirmar ta’ proġett. Il-pubblikazzjoni ma għandhiex tinkludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Partijiet kummerċjalment sensittivi tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jintbagħtu mill-BEI lill-Parlament Ewropew soġġetti għal rekwiżiti stretti ta’ kunfidenzjalità. ◄
Darbtejn fis-sena, il-BEI għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lista tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat tal-Investimenti kif ukoll it-tabelli ta’ valutazzjoni relatati ma’ dawk id-deċiżjonijiet kollha. Dik is-sottomissjoni għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti stretti ta’ kunfidenzjalità.
13. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-elementi mhux essenzjali tat-Taqsimiet 6 sa 8 tal-linji gwida għall-investiment stipulati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, mingħajr ma tiġi mħassra kompletament ebda waħda minn dawk it-Taqsimiet. Dawk l-atti delegati għandhom jitħejjew permezz ta' djalogu mill-qrib mal-BEI.
14. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23(1) sa (3) u (5) biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi li għandhom jintużaw mill-Kumitat tal-Investiment biex tkun żgurata valutazzjoni indipendenti u trasparenti tal-potenzjal kif ukoll l-użu reali tal-garanzija tal-UE. Tali atti delegati għandhom jitħejjew permezz ta’ djalogu mill-qrib mal-BEI.
Il-Bord ta’ Tmexxija, bħala parti mill-orjentament strateġiku tal-FEIS, għandu jistabbilixxi punteġġ minimu għal kull pilastru fit-tabella ta’ valutazzjoni bil-ħsieb li tissaħħaħ il-valutazzjoni tal-proġetti.
Il-Bord ta’ Tmexxija jista’, fuq talba tal-BEI, jippermetti li l-Kumitat tal-Investiment jeżamina proġett li l-punteġġ tiegħu fi kwalunkwe wieħed mill-pilastri jkun taħt il-punteġġ minimu meta l-valutazzjoni globali fit-tabella ta’ valutazzjoni tikkonkludi li l-operazzjoni relatata ma’ dak il-proġett jew ser tindirizza falliment sinifikanti tas-suq jew ser tippreżenta livell għoli ta’ addizzjonalità.
KAPITOLU III
IL-GARANZIJA TAL-UE U L-FOND TA' GARANZIJA TAL-UE
Artikolu 8
Garanzija tal-UE
L-Unjoni għandha tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjonijiet lill-BEI għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament u mill-Ftehim dwar il-FEIS ("Garanzija tal-UE") fejn dawk l-operazzjonijiet:
(a) jitwettqu fl-Unjoni; jew
(b) jinvolvu entitajiet li jinsabu jew li huma stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew aktar u li jestendu għal wieħed jew aktar mill-pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, inklużi s-Sħubija Strateġika, il-politika tat-tkabbir, iż-Żona Ekonomika Ewropea jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew kif stipulat fl-Anness II għat-TFUE, irrispettivament minn jekk ikunx hemm sieħeb f'dawk il-pajjiżi terzi jew pajjiżi jew territorji extra-Ewropej.
Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija fuq talba fir-rigward ta' strumenti msemmija fl-Artikolu 10.
Artikolu 9
Rekwiżiti għall-użu tal-garanzija tal-UE
1. L-għoti tal-garanzija tal-UE għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-FEIS.
2. Il-garanzija tal-UE għandha tingħata għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI approvati mill-Kumitat tal-Investiment jew għal finanzjament jew garanziji lill-FEI sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI f’konformità mal-Artikolu 11(3).
Il-BEI, meta jkun xieraq, għandu jiddelega l-evalwazzjoni, l-għażla u l-monitoraġġ ta’ sottoproġetti fuq skala żgħira lil intermedjarji finanzjarji jew veikoli eliġibbli approvati, b’mod partikolari pjattaformi ta’ investiment u banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali bħala mezz biex iżid u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għal proġetti ta’ daqs żgħir. Minkejja t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-Kumitat tal-Investiment ma għandux iżomm id-dritt li japprova l-użu tal-garanzija tal-UE għal sottoproġetti delegati lil intermedjarji finanzjarji jew veikoli eliġibbli approvati meta l-kontribuzzjoni tal-FEIS għal tali sottoproġetti tkun inqas minn EUR 3 000 000 . Meta jkun meħtieġ, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jipprovdi gwida dwar il-proċedura li biha l-Kumitat tal-Investiment għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-garanzija tal-UE għal sottoproġetti li għalihom il-kontribuzzjoni tal-FEIS tkun ugwali għal, jew aktar minn, EUR 3 000 000 .
L-operazzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni u għandhom jappoġġaw kwalunkwe wieħed mill-objettivi ġenerali li ġejjin:
(a) ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta':
(i) proġetti li huma f’konformità ma' Orizzont 2020;
(ii) infrastrutturi tar-riċerka;
(iii) proġetti u programmi ta' dimostrazzjoni kif ukoll it-tixrid ta' infrastrutturi, teknoloġiji u proċessi relatati;
(iv) sostenn lill-qasam akkademiku inkluża l-kollaborazzjoni mal-industrija;
(v) trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija;
(b) l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f’ konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-oqfsa dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2020, 2030 u 2050, partikolarment permezz ta':
(i) l-espansjoni tal-użu jew tal-provvista tal-enerġija rinnovabbli;
(ii) l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija (b’enfasi fuq it-tnaqqis tad-domanda permezz ta’ ġestjoni tad-domanda u r-rinnovazzjoni tal-bini);
(iii) żvilupp u modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija (partikolarment interkonnessjonijiet, sistemi intelliġenti fil-livell tad-distribuzzjoni, il-ħażna tal-enerġija u s-sinkronizzazzjoni tan-netwerks);
(c) l-iżvilupp ta' infrastrutturi tat-trasport, u tagħmir u teknoloġiji innovattivi għat-trasport, partikolarment permezz ta':
(i) proġetti u prijoritajiet orizzontali eliġibbli permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013 u (UE) Nru 1316/2013;
(ii) proġetti ta' mobbiltà urbana intelliġenti u sostenibbli (li jimmiraw għall-aċċessibbiltà, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra, il-konsum tal-enerġija u l-inċidenti);
(iii) proġetti li jikkollegaw in-nodi mal-infrastrutturi tat-TEN-T;
(iv) infrastruttura ferrovjarja, proġetti ferrovjarji oħra u portijiet marittimi;
(d) is-sostenn finanzjarju permezz tal-FEI u l-BEI lil entitajiet li għandhom mhux aktar minn 3 000 impjegat, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs u kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja, partikolarment permezz ta';
(i) provvediment ta' kapital operatorju u investiment;
(ii) provvediment ta' finanzjament tar-riskju mill-istadji inizjali għal dawk ta' espansjoni għall-SMEs, negozji ġodda, kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, biex tkun żgurata tmexxija teknoloġika f'setturi innovattivi u sostenibbli;
(e) l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, partikolarment permezz ta':
(i) kontenut diġitali;
(ia) teknoloġija blockchain;
(ib) Internet tal-oġġetti;
(ic) ċibersigurtà u infrastrutturi tal-protezzjoni tan-netwerk;
(ii) servizzi diġitali;
(iii) infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni b'veloċità għolja;
(iv) netwerks tal-broadband;
(f) l-ambjent u l-effiċjenza tar-riżorsi, partikolarment permezz ta':
(i) proġetti u infrastrutturi fil-qasam tal-protezzjoni u l-ġestjoni ambjentali;
(ii) tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema;
(iii) żvilupp urban u rurali sostenibbli;
(iv) azzjoni dwar it-tibdil fil-klima;
(g) il-kapital uman, il-kultura u s-saħħa, partikolarment permezz ta':
(i) edukazzjoni u taħriġ;
(ii) l-industriji kulturali u kreattivi, li għalihom iridu jiġu awtorizzati mekkaniżmi finanzjarji speċifiċi għas-settur b’interazzjoni mal-Programm Ewropa Kreattiva stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) u l-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi tal-Kultura u l-Kreattività stabbilita skont dak ir-Regolament, sabiex jipprovdu self adattat għal dawk l-industriji;
(iii) soluzzjonijiet innovattivi tas-saħħa;
(iv) mediċini effettivi ġodda;
(v) infrastrutturi soċjali, servizzi soċjali, ekonomija soċjali u solidali;
(vi) turiżmu;
(h) l-agrikultura, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura sostenibbli u elementi oħra tal-bijoekonomija inġenerali;
(i) f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għal reġjuni inqas żviluppati u reġjuni fi tranżizzjoni kif elenkati rispettivament fl-Annessi I u II għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/99/UE ( 3 ), industrija u servizzi oħra eliġibbli għal appoġġ mill-BEI.
Filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura xprunata mid-domanda tal-FEIS, il-BEI għandu jimmira biex mill-anqas 40 % tal-finanzjament tal-FEIS taħt it-tieqa għall-infrastruttura u l-innovazzjoni jagħti appoġġ lil komponenti ta’ proġetti li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika, skont l-impenji li ttieħdu fil-Konferenza Nru 21 tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21). Il-finanzjament tal-FEIS għall-SMEs u għall-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja ma għandux jiġi inkluż f’dak il-kalkolu. Il-BEI għandu juża l-metodoloġija miftiehma internazzjonalment tiegħu biex jidentifika dawk il-komponenti għall-azzjoni klimatika fil-proġetti jew il-kondiviżjoni tal-kostijiet f’dan ir-rigward. Il-Bord ta’ Tmexxija, meta jkun meħtieġ, għandu jipprovdi gwida dettaljata għal dak il-għan.
3. Il-perijodu ta’ investiment li matulu tista’ tingħata l-garanzija tal-UE biex ikunu appoġġati operazzjonijiet finanzjarji u ta’ investiment koperti minn dan ir-Regolament għandu jibqa’ validu sa:
(a) il-31 ta’ Diċembru 2020, għall-operazzjonijiet tal-BEI li għalihom ikun ġie ffirmat kuntratt bejn il-BEI u l-benefiċjarju jew intermedjarju finanzjarju sal-31 ta’ Diċembru 2022;
(b) il-31 ta’ Diċembru 2020, għall-operazzjonijiet tal-FEI li għalihom ikun ġie ffirmat kuntratt bejn il-FEI u l-intermedjarju finanzjarju sal-31 ta’ Diċembru 2022.
4. Il-BEI, meta jkun meħtieġ u sa fejn ikun possibbli, għandu jikkoopera mal-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u l-pjattaformi ta’ investiment.
5. Il-BEI għandu juża l-garanzija tal-UE għas-sostenn ta' pjattaformi ta' investiment dedikati jew fondi u banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali oħra, li jinvestu f'operazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament (‘veikoli eliġibbli’) wara approvazzjoni mill-Kumitat tal-Investiment.
Il-Bord ta' Tmexxija għandu jispeċifika l-politiki, f'konformità mal-Artikolu 7(2), rigward veikoli eliġibbli msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jevalwa l-konformità ta’ tali veikoli u tal-istrumenti speċifiċi tagħhom li jfittxu sostenn mill-FEIS mal-politiki speċifikati mill-Bord ta' Tmexxija.
Il-Kumitat tal-Investiment jista’ jiddeċiedi li jżomm id-dritt li japprova proġetti ġodda mressqa minn intermedjarji finanzjarji jew fi ħdan veikoli eliġibbli approvati.
6. B'konformità mal-Artikolu 17 tal-Istatut tal-BEI, il-BEI għandu jirrikjedi li l-ispejjeż kollha li jirrigwardaw il-FEIS jitħallsu mill-benefiċjarji tal-operazzjonijiet finanzjarji u ta' investiment. Mingħajr preġudizzju għat-tieni u t-tielet subparagrafi ta' dan il-paragrafu, ebda nefqa amministrattiva jew kwalunkwe tariffa oħra tal-BEI għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu koperti minn dan ir-Regolament ma għandhom jiġu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Il-BEI jista' juża l-garanzija tal-UE f'limitu massimu kumulat li jikkorrispondi għal 1 % tat-total pendenti tal-obbligi tal-garanzija tal-UE biex ikopri l-ispejjeż li kellhom jitħallsu mill-benefiċjarji tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment, iżda li ma ġewx irkuprati sal-mument ta' inadempjenza.
Barra minn hekk, il-BEI jista' juża l-garanzija tal-UE biex iħallas is-sehem rilevanti ta' kwalunkwe spiża ta' rkupru, sakemm din ma titnaqqasx minn rikavati ta' rkupru, kif ukoll kwalunkwe spiża marbuta mal-ġestjoni tal-likwidità.
Fl-eventwalità li l-BEI jipprovdi finanzjament jew garanziji lill-FEI f'isem il-FEIS li jkunu sostnuti mill-garanzija tal-UE f'konformità mal-Artikolu 11(3), it-tariffi tal-FEI jistgħu jiġu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, sal-punt li dawn ma jkunux tnaqqsu mir-remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(c)(ii) jew minn dħul, irkupru jew pagamenti oħra li jirċievi l-FEI.
7. L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe tip ta' finanzjament mill-Unjoni, inklużi l-istrumenti stabbiliti permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u n-netwerks trans-Ewropej u l-linji ta' politika dwar l-industrija, sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ proġetti eliġibbli li fihom il-BEI innifsu, jew permezz tal-FEI, qed jinvesti bis-sostenn tal-garanzija tal-UE, sakemm dawk il-proġetti jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-objettivi u l-prinċipji applikabbli taħt il-qafas ġuridiku tal-istrumenti rilevanti u tal-FEIS.
Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tipprovdi gwida dwar l-użu kumbinat tal-istrumenti tal-Unjoni mal-finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE, sabiex tiżgura koordinazzjoni, komplementarjetà u sinerġiji.
Artikolu 10
Strumenti eliġibbli
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 9(2) u f'konformità mal-Artikolu 11, il-BEI għandu juża l-garanzija tal-UE għall-kopertura tar-riskju għall-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2. L-istrumenti li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-kopertura mill-garanzija tal-UE:
(a) self, garanziji, kontrogaranziji, strumenti tas-suq tal-kapital, jew kwalunkwe forma oħra ta’ finanzjament jew strument għat-titjib tal-kreditu, inkluż dejn subordinat, investiment ta’ ekwità jew kważi ekwità tal-BEI, inkluż favur banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta’ investiment;
(b) il-finanzjament jew garanziji tal-BEI lill-FEI li jippermettilu jidħol għal self, garanziji, kontrogaranziji, jew kwalunkwe forma oħra ta' strument ta' titjib tal-kreditu, strumenti tas-suq tal-kapital jew investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, inkluż favur banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment;
(c) il-garanziji tal-BEI għal banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment taħt kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE.
L-Istrumenti msemmija fil-punt (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw, jinkisbu jew jinħarġu għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, fejn il-finanzjament tal-BEI jew tal-FEI jkun ingħata f'konformità ma' ftehim jew tranżazzjoni ta' finanzjament iffirmati jew sottoskritti mill-BEI jew mill-FEI li ma jkunux skadew jew ġew ikkanċellati;
3. Il-garanziji tal-BEI, mogħtija lil bank promozzjonali jew istituzzjoni nazzjonali li tibbenefika mill-kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE, għandhom, fejn xieraq, ifittxu li jħaffu ir-rekwiżit għall-kapital.
4. Fl-operazzjonijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, il-FEI jista’ jagħti garanzija lil bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali jew pjattaforma ta’ investiment jew jinvesti fi pjattaforma ta’ investiment.
Artikolu 11
Kopertura u kondizzjonijiet tal-garanzija tal-UE
1. Il-garanzija tal-UE ma għandhiex, fi kwalunkwe żmien, teċċedi l-ammont ta’ EUR 26 000 000 000 , li minnhom parti tista’ tiġi allokata għall-finanzjament jew garanziji tal-BEI lill-FEI b’konformità mal-paragrafu 3. Pagamenti netti aggregati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt il-garanzija tal-UE ma għandhomx jeċċedu EUR 26 000 000 000 u ma jeċċedux EUR 16 000 000 000 qabel is-6 ta’ Lulju 2018.
2. Ir-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskju ta’ portafoll għandha tiġi allokata fost il-kontributuri proporzjonalment għas-sehem rispettiv tagħhom fit-teħid ta' riskju. Il-garanzija tal-UE għandha tkun eliġibbli biex tipprovdi jew garanziji kontra l-ewwel telf abbażi ta' portafoll jew garanzija sħiħa. Il-garanzija tal-UE tista' tingħata abbażi ta' pari passu ma' kontributuri oħra.
3. Fejn il-BEI jipprovdi finanzjament jew garanziji lill-FEI sabiex dan iwettaq operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI, il-garanzija tal-UE għandha tipprevedi garanzija sħiħa fuq tali finanzjament jew garanziji sa limitu inizjali ta’ EUR 6 500 000 000 , sakemm il-BEI jipprovdi gradwalment ammont ta’ mill-inqas EUR 4 000 000 000 ta’ finanzjament jew garanziji mingħajr kopertura mill-garanzija tal-UE. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-limitu ta’ EUR 6 500 000 000 jista’, fejn xieraq, jiġi aġġustat mill-Bord ta’ Tmexxija sa massimu ta’ EUR 9 000 000 000 , mingħajr obbligu fuq il-BEI li jipprovdi l-ammonti ta’ aktar minn EUR 4 000 000 000 .
4. Fejn il-BEI tattiva il-garanzija tal-UE f'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS, l-Unjoni għandha tħallas minnufih fuq talba, f'konformità mat-termini ta' dak il-Ftehim.
5. Fejn l-Unjoni tagħmel pagament lill-BEI fuq talba permezz tal-garanzija tal-UE, l-Unjoni għandha tiġi surrogata fid-drittijiet rilevanti tal-BEI relatati ma' kwalunkwe operazzjoni tiegħu ta' finanzjament jew investiment koperti minn dan ir-Regolament u l-BEI, f'isem l-Unjoni, għandu jsegwi l-irkupru tat-talbiet għall-ammonti mħallsa u jirrimborża lill-Unjoni mis-somom li jirkupra f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4(2)(c)(iv).
6. Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija fuq talba fir-rigward tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10 u għandha tkopri:
(a) fil-każ tal-istrumenti ta’ dejn imsemmija fl-Artikolu 10(2)(a):
(i) il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lill-BEI iżda li dan ma jkunx irċieva f’konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament sa każ ta’ inadempjenza; għal dejn subordinat differiment, ribass jew ċessjoni mitluba għandhom jiġu kkunsidrati bħala każ ta’ inadempjenza;
(ii) it-telf li jirriżulta minn fluttwazzjonijiet ta’ muniti barra mill-euro fi swieq fejn il-possibilitajiet għall-iħħeġġjar fit-tul huma limitati;
(b) għal investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a), l-ammonti investiti u l-kost ta’ finanzjament assoċjat tagħhom u t-telf li jirriżulta minn fluttwazzjonijiet ta’ muniti barra mill-euro;
(c) fil-każ tal-operazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 10(2)(b), l-ammonti użati u l-ispejjeż ta' finanzjament assoċjati magħhom.
Il-garanzija tal-UE għandha tkopri wkoll l-ammonti msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 9(6).
Artikolu 12
Fond ta' garanzija tal-UE
1. Għandu jiġi stabbilit fond ta' garanzija tal-UE ("fond ta' garanzija") li jikkostitwixxi marġini ta' likwidità li minnu l-BEI għandu jitħallas fil-każ ta' talba mill-garanzija tal-UE.
2. Il-fond ta' garanzija għandu jiġi alimentat minn:
(a) kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;
(b) redditi fuq ir-riżorsi tal-fond ta' garanzija investiti;
(c) ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti f'konformità mal-proċedura ta' rkupru stabbilita fil-Ftehim dwar il-FEIS kif previst fl-Artikolu 4(2)(c)(iv),
(d) dħul u kwalunkwe pagament ieħor li l-Unjoni tirċievi f'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS.
3. Kontribuzzjonijiet lill-fond ta' garanzija previsti fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat intern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).
4. Ir-riżorsi tal-fond ta' garanzija previsti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ġestiti direttament mill-Kummissjoni u investiti f'konformità mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja soda, u għandhom isegwu regoli prudenzjali xierqa.
5. Kontribuzzjonijiet għall-fond ta’ garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex jintlaħaq livell adatt (l-ammont immirat) li jirrifletti t-total tal-obbligi ta’ garanzija tal-UE. L-ammont immirat għandu jiġi stabbilit għal 35 % tal-obbligi ta’ garanzija totali tal-UE.
6. B'segwitu għal valutazzjoni tal-adegwatezza tal-livell tal-fond ta' garanzija f'konformità mar-rapport previst fl-Artikolu 16(6), għandhom isiru l-pagamenti li ġejjin:
(a) kwalunkwe bilanċ pożittiv għandu jitħallas fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul assenjat intern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għal kwalunkwe linja baġitarja li tista' tkun intużat bħala sors ta' riallokazzjoni għall-fond ta' garanzija;
(b) kwalunkwe alimentazzjoni tal-fond ta' garanzija għandha titħallas f’somom annwali fuq perjodu massimu ta' tliet snin li jibda fis-sena n+1.
7. Mill-1 ta’ Lulju 2018, jekk minħabba talbiet għall-garanzija tal-UE, il-livell tal-fond ta’ garanzija jaqa’ taħt il-50 % tal-ammont immirat, jew jekk jista’ jaqa’ aktar ’l isfel minn dak il-livell fi żmien sena skont il-valutazzjoni tar-riskju tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar kwalunkwe miżura addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa.
8. Wara li l-garanzija tal-UE tiġi attivata, id-dotazzjonijiet għall-fond ta’ garanzija previsti fil-punti (b) u (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkunu ogħla mill-ammont fil-mira, għandhom jintużaw fil-limiti tal-perijodu ta’ investiment previst fl-Artikolu 9 biex il-garanzija tal-UE terġa’ lura għall-ammont sħiħ tagħha.
9. Dotazzjonijiet għall-fond ta’ garanzija msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex jirrestawraw il-garanzija tal-UE għall-ammont sħiħ tagħha.
10. Fil-każ li l-garanzija tal-UE tiġi restawrata kompletament għal ammont ta’ EUR 26 000 000 000 , kwalunkwe ammont fil-fond ta’ garanzija li jeċċedi l-ammont immirat għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul assenjat intern f’konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għal kwalunkwe linja baġitarja li tista’ tkun intużat bħala sors ta’ riallokazzjoni għall-fond ta’ garanzija.
Artikolu 13
Finanzjament tal-fond ta' garanzija mill-baġit ġenerali tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huma emendati kif stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Jekk meħtieġ, approprjazzjonijiet ta' pagament jistgħu jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lil hinn mill-2020 u jkopru sas-sena finanzjarja 2023 biex ikunu ssodisfati l-obbligi li joħorġu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(5).
L-approprjazzjonijiet annwali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-provvediment tal-fond ta' garanzija għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali f'konformità sħiħa mar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ( 5 ).
KAPITOLU IV
ĊENTRU EWROPEW TA' KONSULENZA GĦALL-INVESTIMENT
Artikolu 14
Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti
1. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) għandu jkollu bħala l-objettiv tiegħu li jibni fuq is-servizzi ta' konsulenza eżistenti tal-BEI u tal-Kummissjoni sabiex jipprovdi appoġġ ta' konsulenza għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp ta' proġetti ta' investiment u biex jaġixxi bħala ċentru uniku ta' konsulenza teknika għall-finanzjament ta' proġetti fl-Unjoni. ►M1 Tali appoġġ għandu jinkludi l-għoti ta’ appoġġ immirat dwar l-użu tal-assistenza teknika għall-istrutturar tal-proġetti, dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, dwar l-użu ta’ sħubiji pubbliċi-privati u dwar l-għoti ta’ informazzjoni, kif xieraq, dwar kwistjonijiet rilevanti relatati mal-liġi tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet ta’ Stati Membri bi swieq finanzjarji anqas żviluppati, kif ukoll is-sitwazzjoni f’setturi differenti. ◄
L-EIAH għandu jkun jista' jipprovdi assistenza teknika fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 9(2), b'mod partikolari l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-TEN-T u l-mobbiltà urbana. ►M1 Għandu jagħti wkoll appoġġ għat-tħejjija ta’ proġetti ta’ azzjoni klimatika u tal-ekonomija ċirkolari jew komponenti tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ COP21, it-tħejjija ta’ proġetti fis-settur diġitali, kif ukoll it-tħejjija ta’ proġetti msemmija fit-tieni inċiż tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1). ◄
2. L-EIAH għandu jipprovdi servizzi oħra flimkien ma' dawk diġà disponibbli fl-ambitu ta' programmi oħra tal-Unjoni, inkluż:
(a) il-forniment ta' punt uniku ta' servizz għal assistenza teknika għall-awtoritajiet u għal dawk li jippromovu l-proġetti;
(b) l-assistenza lill-promoturi tal-proġetti, fejn xieraq, fl-iżvilupp tal-proġetti tagħhom b'mod li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 6;
(c) l-istimulazzjoni tal-għarfien lokali biex jiġi ffaċilitat l-appoġġ tal-FEIS fl-Unjoni kollha u biex jikkontribwixxi b’mod attiv meta jkun possibbli għall-objettiv ta’ diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-FEIS imsemmija fit-Taqsima 8 tal-Anness II billi jagħti appoġġ lill-BEI u lil banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali biex joriġina u jiżviluppa operazzjonijiet, b’mod partikolari f’reġjuni anqas żviluppati, u, fejn ikun meħtieġ, f’reġjuni fi tranżizzjoni u billi jgħin biex jistruttura d-domanda għall-appoġġ tal-FEIS;
(d) il-provvediment ta' pjattaforma għal skambju bejn il-pari u kondiviżjoni ta' għarfien espert rigward l-iżvilupp tal-proġetti;
(e) l-għoti ta’ appoġġ proattiv u konsultattiv, fejn ikun meħtieġ permezz ta’ preżenza lokali, dwar l-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment, b’mod partikolari pjattaformi ta’ investiment transfruntieri u makroreġjonali li jinvolvu diversi Stati Membri u/jew reġjuni;
(f) l-użu tal-potenzjal li jiġu attirati u ffinanzjati proġetti fuq skala żgħira, anke permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment;
(g) il-provvediment ta’ parir dwar il-kombinazzjoni ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni, bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 mal-FEIS bl-għan li jissolvew problemi prattiċi marbuta mal-użu ta’ dawn ir-riżorsi kkombinati ta’ finanzjament;
(h) l-għoti ta’ appoġġ proattiv biex jippromwovi u jinkoraġġixxi l-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8.
3. Is-servizzi tal-EIAH għandhom ikunu disponibbli għall-promoturi pubbliċi u privati ta' proġetti, inklużi banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u pjattaformi jew fondi ta' investiment u entitajiet pubbliċi lokali.
4. It-tariffi imposti mill-BEI għas-servizzi tal-EIAH skont il-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-EIAH u biex jingħataw dawk is-servizzi. It-tariffi imposti fuq l-SMEs għandhom ikunu limitati għal massimu ta' terz tal-ispiża tal-assistenza teknika mogħtija lilhom. Is-servizzi tal-EIAH mogħtija lill-promoturi tal-proġetti pubbliċi flimkien ma' dawk diġà disponibbli fl-ambitu tal-programmi tal-Unjoni għandhom ikunu bla ħlas.
5. Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1 u biex jiġi ffaċilitat il-provvediment ta’ appoġġ konsultattiv fil-livell lokali, l-EIAH għandu jfittex li juża l-għarfien espert tal-BEI, tal-Kummissjoni, tal-banek jew tal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
5a. Il-BEI għandu jipproponi lill-promoturi tal-proġetti li japplikaw għal finanzjament tal-BEI, inkluż b’mod partikolari l-proġetti fuq skala żgħira, biex jirreferu l-proġetti tagħhom lill-EIAH sabiex itejbu, meta jkun xieraq, it-tħejjija tal-proġetti tagħhom u/jew biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-possibbiltà tar-raggruppament tal-proġetti permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment. Għandu jinforma wkoll lill-promoturi tal-proġetti li għalihom ġie rrifjutat il-finanzjament tal-BEI, jew li qed jesperjenzaw nuqqas ta’ finanzjament minkejja finanzjament possibbli tal-BEI, dwar il-possibbiltà li jdaħħlu l-proġetti tagħhom fil-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment.
6. Sabiex tiġi żgurata kopertura wiesgħa tas-servizzi mogħtija mill-EIAH madwar l-Unjoni kollha, l-EIAH għandu jikkoopera kemm jista' jkun ma' fornituri ta' servizzi simili fil-livell tal-Unjoni, reġjonali, nazzjonali jew subnazzjonali. ►M1 Il-kooperazzjoni bejn, minn naħa waħda, l-EIAH u, min-naħa l-oħra, bank jew istituzzjoni nazzjonali promozzjonali, istituzzjoni finanzjarja internazzjonali jew istituzzjoni jew awtorità maniġerjali, inkluż dawk li jaġixxu bħala konsulent nazzjonali, li jkollhom għarfien espert rilevanti għall-finijiet tal-EIAH, tista’ tieħu l-forma ta’ sħubija kuntrattwali. L-EIAH għandu jistinka biex jikkonkludi tal-anqas ftehim ta’ kooperazzjoni wieħed ma’ bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali għal kull Stat Membru. Fl-Istati Membri li fihom il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali ma jeżistux, l-EIAH għandu jipprovdi, meta jkun xieraq, u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, appoġġ konsultattiv proattiv dwar it-twaqqif ta’ tali bank jew istituzzjoni. ◄
6a. Sabiex tiġi żviluppata firxa ġeografika wiesgħa tas-servizzi ta’ konsulenza madwar l-Unjoni u biex jiġi sfruttat b’suċċess l-għarfien lokali dwar il-FEIS, għandha tiġi żgurata preżenza lokali tal-EIAH, fejn tkun meħtieġa, filwaqt li jitqiesu l-iskemi ta’ appoġġ eżistenti, bl-għan li tiġi pprovduta assistenza tanġibbli, proattiva u mfassla apposta fil-post. Din għandha tiġi stabbilita b’mod partikolari fi Stati Membri jew reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fl-iżvilupp ta’ proġetti taħt il-FEIS. L-EIAH għandu jgħin fit-trasferiment ta’ għarfien fil-livell reġjonali u lokali bl-għan li jissaħħu l-kapaċità u l-għarfien espert reġjonali u lokali.
7. Ammont annwali ta’ referenza ta’ EUR 20 000 000 għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-kopertura tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-EIAH sal-31 ta’ Diċembru 2020 għas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, sakemm dawk l-kostijiet ma jkunux koperti mill-ammont li jifdal mit-tariffi msemmija fil-paragrafu 4.
8. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-BEI għall-implimentazzjoni ta' EIAH fi ħdan il-BEI (Ftehim dwar l-EIAH).
Il-Ftehim dwar l-EIAH għandu jkun fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament meħtieġ tal-EIAH f'konformità mal-paragrafu 7.
9. Sal-1 ta' Settembru 2016, u kull sena wara dan, il-BEI għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-servizzi pprovduti mill-EIAH skont il-paragrafu 2 u l-eżekuzzjoni tal-baġit tiegħu. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar it-tariffi miġbura u l-użu tagħhom.
KAPITOLU V
PORTAL EWROPEW TA' PROĠETTI TA' INVESTIMENT
Artikolu 15
Portal Ewropew ta' proġetti ta' investiment
1. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-BEI, għandha toħloq Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (PEPI) trasparenti li jiġbor flimkien il-proġetti ta' investiment attwali u potenzjali futuri fl-Unjoni. Dan għandu jikkostitwixxi bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u faċli biex tintuża, li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar kull proġett.
2. Il-PEPI għandu jkun primarjament għall-iskop ta' viżibbiltà għall-investituri u għal finijiet ta' informazzjoni. L-inklużjoni ta' proġetti fil-PEPI għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali magħżula għas-sostenn taħt dan ir-Regolament, taħt kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni, jew għall-finanzjament pubbliku.
3. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-PEPI.
4. Tista' tiġi imposta tariffa mhux rimborżabbli fuq il-promoturi tal-proġetti għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-proġetti sabiex dawn jiddaħħlu fil-PEPI. Id-dħul miġbur mit-tariffi għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern għall-PEPI f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
KAPITOLU VI
RAPPURTAR, OBBLIGU TA' RENDIKONT U EVALWAZZJONI
Artikolu 16
Rapportar u kontabbiltà
1. Il-BEI, f’kooperazzjoni mal-FEI, meta jkun xieraq, għandu jippreżenta rapport kull sitt xhur lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(f)(iv). Ir-rapport għandu jinkludi wkoll data statistika, finanzjarja u ta’ kontabbiltà dwar kull operazzjoni ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI u fuq bażi aggregata. Darba fis-sena, i-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-ostakli għall-investiment li jiffaċċa l-BEI meta jwettaq operazzjonijiet ta’ investiment koperti minn dan ir-Regolament.
2. Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI fejn xieraq, għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jsir pubbliku u għandu jinkludi:
(a) valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fil-livell operattiv, settorjali u reġjonali u l-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari mal-kriterju tal-għoti ta’ addizzjonalità, flimkien ma' valutazzjoni tal-allokazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI bejn l-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 9(2);
(b) valutazzjoni tal-valur miżjud, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tas-settur privat, il-prestazzjonijiet stmati u reali u r-riżultati u l-impatt tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fuq bażi aggregata, inkluż l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi;
(c) valutazzjoni ta' kemm l-operazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 9(2) inkluża valutazzjoni tal-livell ta' investimenti tal-FEIS fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u t-trasport (inklużi t-TEN-T u l-mobbiltà urbana), it-telekomunikazzjoni, l-infrastruttura tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;
(d) valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(f)(iv);
(e) valutazzjoni tal-effetti ta' lieva miksuba minn proġetti sostnuti mill-FEIS;
(f) deskrizzjoni tal-proġetti fejn is-sostenn tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huwa kkombinat mas-sostenn tal-FEIS, u l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet minn kull sors;
(g) l-ammont finanzjarju ttrasferit lill-benefiċjarji u valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fuq bażi aggregata;
(h) valutazzjoni tal-valur miżjud tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment, u tar-riskju aggregat assoċjat ma' dawk l-operazzjonijiet;
(i) informazzjoni dettaljata dwar l-attivar tal-garanzija tal-UE, telf, qligħ, ammonti rkuprati u kwalunkwe ħlasijiet oħra li jkunu ddaħħlu;
(j) ir-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament awditjati minn awditur estern indipendenti.
3. Għall-finijiet tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, tar-rappurtar tagħha dwar ir-riskji koperti mill-garanzija tal-UE u l-ġestjoni tagħha tal-fond ta' garanzija, il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI fejn xieraq, kull sena għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri:
(a) bil-valutazzjoni tar-riskju tal-BEI u tal-FEI u informazzjoni dwar il-gradazzjoni rigward l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament;
(b) bl-obbligu finanzjarju pendenti għall-Unjoni li jirriżulta mill-garanzija tal-UE pprovduta għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament, disaggregati skont operazzjonijiet individwali;
(c) bil-profitt jew it-telf totali li jirriżulta mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fl-ambitu tal-portafolji msemmi fl-Artikolu 4(2)(c)(i).
4. Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI fejn xieraq, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex il-Kummissjoni twettaq l-obbligi tagħha rigward dan ir-Regolament.
5. Il-BEI, u fejn xieraq, il-FEI għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 bi spejjeż tagħhom.
6. Sat-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni, l-informazzjoni mitluba dwar is-sitwazzjoni tal-fond ta' garanzija. Barra minn hekk, sal-31 ta' Mejju ta' kull sena, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri rapport annwali dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija matul is-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont immirat u l-livell tal-fond ta' garanzija u tal-ħtieġa li jiġi rikapitalizzat. Ir-rapport annwali għandu jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-fond ta' garanzija fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-fond ta' garanzija fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.
Artikolu 17
Obbligu li jingħata rendikont
1. Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-President tal-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Maniġerjali għandhom jirrapportaw dwar il-prestazzjoni tal-FEIS lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba, anke meta l-Parlament Ewropew jagħmel tali talba, billi jipparteċipaw f’seduta ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, id-Direttur Maniġerjali għandu jirrapporta dwar il-ħidma tal-Kumitat tal-Investiment lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba.
2. Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Maniġerjali għandhom iwieġbu bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet indirizzati lill-FEIS mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, fi kwalunkwe każ fi żmien ħames ġimgħat minn meta taslilhom il-mistoqsija. Barra minn hekk, id-Direttur Maniġerjali għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill fir-rigward tal-ħidma tal-Kumitat tal-Investiment.
3. Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
4. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-BEI għandu jipparteċipa f'seduta ta' smigħ tal-Parlament Ewropew li tkun tikkonċerna l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament. Il-President tal-BEI għandu, fi żmien ħames ġimgħat mid-data li fiha ġiet riċevuta t-talba, iwieġeb bil-fomm jew bil-miktub il-mistoqsijiet indirizzati lill-BEI mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament.
5. Għandu jiġi konkluż ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI dwar l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI skont dan ir-Regolament, inkluż dwar il-proċedura ta' selezzjoni tad-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv.
Artikolu 18
Evalwazzjoni u Rieżami
1. Sal-5 ta’ Jannar 2017, il-BEI għandu jevalwa l-funzjonament tal-FEIS. Il-BEI għandu jippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;
2. Sal-5 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fond ta' garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-fond ta' garanzija. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill; Dik l-evalwazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.
3. Sat-30 ta' Ġunju 2018 u kull tliet snin wara:
(a) il-BEI għandu jippubblika rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-FEIS. li għandu jinkludi evalwazzjoni tal-impatt tal-FEIS fuq l-investimenti fl-Unjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;
(b) il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport komprensiv dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-fond ta' garanzija.
4. Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI kif xieraq, għandu jikkontribwixxi u jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni u r-rapport tal-Kummissjoni skont il-paragrafi 2 u 3 rispettivament.
5. Il-BEI u l-FEI għandhom, fuq bażi regolari, jipprovdu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni r-rapporti indipendenti ta' evalwazzjoni kollha tagħhom li jivvalutaw l-impatt u r-riżultati prattiċi miksuba mill-attivitajiet tal-BEI u tal-FEI skont dan ir-Regolament.
6. Kemm qabel it-tressiq ta’ xi proposta ġdida fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jibda fl-2021 kif ukoll fi tmiem il-perijodu ta’ investiment, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jkun fih evalwazzjoni indipendenti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandu jinkludi:
(a) valutazzjoni tal-funzjonament tal-FEIS, l-użu tal-garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-EIAH;
(b) valutazzjoni ta’ jekk il-FEIS jagħmilx użu tajjeb mir-riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, jimmobilizzax livell suffiċjenti ta’ kapital privat, u jattirax investiment privat;
(c) valutazzjoni ta’ jekk iż-żamma ta’ skema għall-appoġġ tal-investiment hijiex utli minn perspettiva makroekonomika;
(d) fi tmiem il-perijodu ta’ investiment, valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4 (2)(a)(v).
7. Filwaqt li jittieħed kont dovut tal-ewwel rapport li fih evalwazzjoni indipendenti msemmija fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, għandha tressaq proposta leġislattiva flimkien ma’ finanzjament xieraq skont il-qafas finanzjarju pluriennali lli jibda fl-2021.
8. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu evalwazzjoni dwar l-użu tat-tabella ta’ valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(14) u fl-Anness II, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-adegwatezza ta’ kull pilastru u tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-valutazzjoni. Ir-rapport, jekk ikun xieraq u debitament ġustifikat mis-sejbiet tiegħu, għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal reviżjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 7(14).
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 19
Trasparenza u divulgazzjoni ta' informazzjoni lill-pubbliku
F'konformità mal-politiki tiegħu dwar it-trasparenza u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni dwar l-aċċess ta' dokumenti u informazzjoni, il-BEI għandu jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment kollha tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament, inkluż dwar ir-rwol tal-intermedjarji finanzjarji, u relatata mal-mod li bih dawk l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 9(2).
Il-BEI u l-FEI għandhom jinformaw jew għandhom jobbligaw intermedjarji finanzjarji li jinformaw lill-benefiċjarji finali, inkluż l-SMEs, dwar l-eżistenza tal-appoġġ tal-FEIS billi jagħmlu dik l-informazzjoni viżibbli, b’mod partikolari fil-każ tal-SMEs, fil-ftehim rilevanti li jipprovdi l-appoġġ tal-FEIS, u b’hekk tiżdied il-kuxjenza pubblika u titjieb il-viżibbiltà.
Artikolu 20
Awditjar mill-Qorti tal-Awdituri
1. L-awditjar estern tal-attivitajiet imwettqa skont dan ir-Regolament għandu jsir mill-Qorti tal-Awdituri f'konformità mal-Artikolu 287 tat-TFUE.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri, fuq talba tagħha u f’konformità mal-Artikolu 287(3) TFUE, għandha tingħata aċċess sħiħ għal kwalunkwe dokument jew informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-kompitu tagħha.
Artikolu 21
Miżuri kontra l-frodi
1. Il-BEI għandu jinnotifika lill-OLAF minnufih u jagħtih l-informazzjoni meħtieġa meta, fi kwalunkwe stadju tat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-għeluq tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, ikollu raġunijiet li jġiegħluh jissuspetta li jkun hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta' flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista' taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
2. L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 7 ) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 8 ) sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta' flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' kwalunkwe operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament. L-OLAF jista' jittrasmetti kwalunkwe informazzjoni miksuba matul l-investigazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.
Fejn tali attivitajiet illegali jiġu ppruvati, il-BEI għandu jagħmel sforzi ta' rkupru fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, li huma konċernati minn tali attivitajiet.
3. Il-ftehimiet ta' finanzjament iffirmati rigward l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandhom jinkludu klawsoli li jippermettu l-esklużjoni mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI u, jekk hemm bżonn, miżuri ta' rkupru xierqa f'każijiet ta' frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra f'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS, il-politiki tal-BEI u rekwiżiti regolatorji applikabbli. Id-deċiżjoni dwar jekk tiġix applikata esklużjoni mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament għandha tittieħed f'konformità mal-ftehim ta' finanzjament jew ta' investiment rilevanti.
Artikolu 22
Attivitajiet esklużi u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx
1. Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tagħhom koperti minn dan ir-Regolament, il-BEI u l-FEI għandhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni applikabbli tal-Unjoni u ma’ standards internazzjonali u tal-Unjoni miftiehma u, għalhekk, ma għandhomx jappoġġaw proġetti f’dan ir-Regolament li jikkontribwixxu għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi fiskali jew l-evażjoni tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-BEI u l-FEI ma għandhomx jidħlu f’operazzjonijiet ġodda jew imġedda ma’ entitajiet inkorporati jew stabbiliti f’ġurisdizzjonijiet elenkati fil-politika rilevanti tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, jew li huma identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju kbir skont l-Artikolu 9.(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), jew li mhumiex effettivament konformi mal-istandards tal-Unjoni jew miftiehma internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni.
Meta jikkonkludu ftehimiet ma’ intermedjarji finanzjarji, il-BEI u l-FEI għandhom jittrasponu r-rekwiżiti msemmija f’dan l-Artikolu fil-ftehimiet rilevanti u għandhom jitolbu lill-intermedjarji finanzjarji jirrapportaw dwar l-osservanza tagħhom.
Il-BEI u l-FEI għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-politika tagħhom dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx sa mhux aktar tard minn wara l-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa.
Kull sena wara dan, il-BEI u l-FEI għandhom jippreżentaw rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-politika tagħhom dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx rigward l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-FEIS inkluż informazzjoni pajjiż pajjiż u lista ta’ intermedjarji li jikkooperaw magħhom.
2. Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu koperti minn dan ir-Regolament, il-BEI għandu japplika l-prinċipji u l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u b'mod partikolari fir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) u d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ). B'mod partikolari, il-BEI għandu jorbot kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji skont dan ir-Regolament mad-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849.
Artikolu 23
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. ►M1 Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(13) u (14) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. ◄ Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7(13) u (14) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
3. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
4. Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(13) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
5. L-att delegat li jistabbilixxi għall-ewwel darba t-tabella ta' valutazzjoni u li jiġi adottat skont l-Artikolu 7(14) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet ġimgħat min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet ġimgħat fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Fir-rigward ta’ kwlaunkwe att delegat ieħor adottat skont l-Artikolu 7(14), il-paragrafu 4 ta’dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis.
KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 24
Dispożizzjoni tranżitorja
1. Il-BEI u l-FEI jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment approvati minnhom matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sa meta jiġi konkluż il-Ftehim dwar il-FEIS u jsiru l-ewwel ħatriet tal-membri kollha tal-Kumitat tal-Investiment u tad-Direttur Amministrattiv wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u, fejn dawn ikunu konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 6 u mal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 9(2) u fl-Anness II, tiddeċiedi li l-kopertura tal-garanzija tal-UE testendi għalihom.
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
EMENDI GĦAR-REGOLAMENT (UE) NRU 1291/2013 U R-REGOLAMENT (UE) NRU 1316/2013
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 huwa emendat kif ġej:
(a) Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:
'1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 hu stabbilit għal EUR 74 828,3 miljun fi prezzijiet attwali, li minnhom massimu ta' EUR 72 445,3 miljun għandhom jiġu allokati għal attivitajiet taħt it-Titolu XIX tat-TFUE.
L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.
2. L-ammont għall-attivitajiet taħt it-Titolu XIX tat-TFUE għandu jitqassam fost il-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament kif ġej:
(a) Xjenza eċċellenti, EUR 24 232,1 miljun fi prezzijiet attwali;
(b) Tmexxija industrijali, EUR 16 466,5 miljun fi prezzijiet attwali;
(c) Sfidi tas-soċjetà, EUR 28 629,6 miljun fi prezzijiet attwali.
L-ammont globali massimu għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni mill-Orizzont 2020 għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u għall-azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC għandu jkun kif ġej:
(i) It-tixrid tal-eċċellenza u ż-żieda fil-parteċipazzjoni, EUR 816,5 miljun fi prezzijiet attwali;
(ii) Xjenza ma' u għas-soċjetà, EUR 444,9 miljun fi prezzijiet attwali;
(iii) Azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC, EUR 1 855,7 miljun fi prezzijiet attwali.
It-tqassim indikattiv għall-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) hu stabbilit fl-Anness II.
3. L-EIT għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjoni massima mill-Orizzont 2020 ta' EUR 2 383 miljun fil-prezzijiet attwali kif stabbilit fl-Anness II.".
(b) L-Anness II huwa sostitwit bit-test li ġej:
'ANNESS II
Tqassim tal-baġit
It-tqassim indikattiv għal Orizzont 2020 huwa kif ġej, soġġett għall-proċedura baġitarja annwali:
|
EUR miljun fi prezzijiet attwali |
I Xjenza eċċellenti, li minnha: |
24 232,1 |
1. Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) |
13 094,8 |
2. Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET) |
2 585,4 |
3. Azzjonijiet Marie Curie |
6 162,3 |
4. Infrastrutturi tar-riċerka |
2 389,6 |
II Tmexxija industrijali, li minnha: |
16 466,5 |
1. Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali (1), (4) |
13 035 |
2. Aċċess għall-finanzjament ta' riskju (2) |
2 842,3 |
3. Innovazzjoni fl-SMEs (3) |
589,2 |
III Sfidi tas-soċjetà, li minnhom (4) |
28 629,6 |
1. Saħħa, tibdil demografiku u benesseri |
7 256,7 |
2. Sigurtà alimentari, agrikoltura u forestrija sostenibbli, riċerka tal-baħar, marittima u tal-ilmijiet interni, u bijoekonomija |
3 707,7 |
3. Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti |
5 688,1 |
4. Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat |
6 149,4 |
5. Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza fir-riżorsi u materja prima |
2 956,5 |
6. L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi |
1 258,5 |
7. Soċjetajiet siguri – Il-protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha |
1 612,7 |
IV It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni |
816,5 |
V Xjenza ma' u għas-soċjetà; |
444,9 |
VI Azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JCR) |
1 855,7 |
VII L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) |
2 383 |
TOTAL |
74 828,3 |
(*1) Inklużi EUR 7 423 miljun għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), li minnhom EUR 1 549 miljun għall-fotonika u l-mikro u n-nanotelettronika, EUR 3 741 miljun għal nanoteknoloġiji, materjali avvanzati u manifattura u pproċessar avvanzati, EUR 501 miljun għall-bijoteknoloġija u EUR 1 403 miljun għall-ispazju. Għaldaqstant, EUR 5 792 miljun ser jkunu disponibbli għas-sostenn ta' Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali. (*2) Madwar EUR 994 miljun minn dan l-ammont jistgħu jmorru għall-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET). Madwar terz minnhom jistgħu jmorru għall-SMEs. (*3) Fil-mira li jiġi allokat minimu ta' 20 % mill-baġits totali kombinati għall-objettiv speċifiku 'Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali' u l-prijorità 'Sfidi tas-Soċjetà' għall-SMEs, minimu ta' 5 % ta' dawk il-baġits kombinati inizjalment ser jiġi allokat lill-istrument iddedikat tal-SMEs. Minimu ta' 7 % tal-baġits totali tal-objettiv speċifiku 'Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali' u l-prijorità 'Sfidi tas-Soċjetà' ser jiġi allokat lill-istrument iddedikat tal-SMEs fuq medja tat-tul ta' żmien ta' Orizzont 2020. (*4) L-azzjonijiet pilota tal-Azzjoni Rapida għall-Innovazzjoni (FTI) ser jiġu ffinanzjati mill-objettiv speċifiku 'Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali' u mill-objettivi speċifiċi rilevanti tal-prijorità 'Sfidi tas-soċjetà'. Se jiġu varati għadd suffiċjenti ta' proġetti sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni totali tal-azzjonijiet pilota tal-FTI.'. |
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huwa emendat kif ġej:
(a) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
'1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tas-CEF għall-perjodu 2014 sa 2020 hu stabbilit għal EUR 30 442 259 000 fi prezzijiet attwali. Dak l-ammont għandu jitqassam kif ġej:
(a) is-settur tat-trasport: EUR 24 050 582 000 , li minnhom EUR 11 305 500 000 għandhom jiġu trasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni sabiex jintefqu f'konformità ma' dan ir-Regolament esklużivament fl-Istati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni;
(b) is-settur tat-telekomunikazzjoni: EUR 1 041 602 000 ;
(c) is-settur tal-enerġija: EUR 5 350 075 000 .
Dawn l-ammonti huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' flessibbiltà previst fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ( *1 ).
(b) Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:
'2. Il-kontribuzzjoni globali mill-baġit tal-Unjoni għall-istrumenti finanzjarji ma għandhiex taqbeż it-8,4 % tal-pakkett finanzjarju globali tas-CEF kif imsemmi fl-Artikolu 5(1).'
(c) Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:
'4. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 26 biex tgħolli l-limitu massimu stipulat fl-Artikolu 14(2) sa 10 %, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i) l-evalwazzjoni tal-fażi pilota tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti mwettqa fl-2015 tkun pożittiva; u
(ii) l-assorbiment ta' strumenti finanzjarji jaqbeż is-6,5 % f'termini ta' impenji kuntrattwali tal-proġetti.'.
ANNESS II
LINJI GWIDA GĦALL-INVESTIMENT TAL-FEIS
1. Kamp ta' applikazzjoni
L-iskop tal-linji gwida għall-investiment għandu jkun li, flimkien ma’ dan ir-Regolament, iservu bħala bażi għall-Kumitat tal-Investiment sabiex jiddeċiedi b'mod trasparenti u indipendenti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet tal-BEI li huma eliġibbli fl-ambitu tal-FEIS f'konformità mal-objettivi u kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti stabbilit f'dan ir-Regolament.
Il-linji gwida għall-investiment huma bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti minn dan ir-Regolament fir-rigward tal-objettivi ġenerali, il-kriterji ta' eliġibbiltà, l-istrumenti eliġibbli u d-definizzjoni ta' addizzjonalità. Huma jikkomplementaw dan ir-Regolament billi (i) jagħtu gwida ulterjuri dwar l-eliġibbiltà, (ii) jipprovdu qafas tar-riskji għall-operazzjonijiet, (iii) jiddefinixxu l-limiti tad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika, u (iv) jiddefinixxu l-kriterji għall-valutazzjoni tal-kontribut għall-objettivi tal-FEIS biex tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni.
Il-linji gwida għall-investiment japplikaw biss għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti tad-dejn u tal-ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a) ta' dan ir-Regolament u għaldaqstant mhumiex applikabbli għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti imsemmija fl-Artikolu 10(2)(b).
2. Kontropartijiet eliġibbli, Tipi ta' Proġetti u Strumenti
(a) Il-kontropartijiet eliġibbli biex jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE għandhom jinkludu:
— entitajiet ta' kull daqs, inklużi impriżi tal-utilitajiet, SPVs u l-kumpaniji li jwettqu l-proġett, SMEs jew kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja,
— banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew istituzzjonijiet finanzjarji għall-intermedjazzjoni,
— fondi ta' ekwità / dejn jew kwalunkwe għamla oħra ta' veikolu ta' investiment kollettiv,
— pjattaformi ta' investiment,
— entitajiet tas-settur pubbliku (dawk territorjali u dwak li mhumiex, iżda bl-esklużjoni ta’ operazzjonijiet ma' tali entitajiet li joħolqu b' riskju dirett għall-Istat Membru) u entitajiet tat-tip tas-settur pubbliku.
(b) Il-garanzija tal-UE għandha tingħata biex jiġi sostnut, direttament jew indirettament, il-finanzjament ta' operazzjonijiet ġodda. Fil-qasam tal-infrastruttura, għandhom jiġu inkoraġġati l-investimenti f'żoni ġodda (ħolqien ta' assi). Jista' jingħata sostenn ukoll lil investimenti f'żoni abbandunati (estensjoni u modernizzazzjoni ta' assi eżistenti). Bħala regola, il-garanzija tal-UE ma għandhiex tingħata għas-sostenn ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament (bħalma huma s-sostituzzjoni ta' ftehimiet ta' self eżistenti jew forom oħra ta' sostenn finanzjarju għal proġetti li diġà mmaterjalizzaw parzjalment jew totalment), ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali u ġġustifikati b'mod sodisfaċenti u fejn jingħata prova li tali tranżazzjoni tippermetti investiment ġdid ta' ammont li, tal-inqas, ikun ekwivalenti għall-ammont tat-tranżazzjoni u li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-objettivi ġenerali tal-FEIS stipulati fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) rispettivament.
L-appoġġ tal-FEIS għall-awtostradi għandu jkun limitat għall-investiment privat u/jew pubbliku fir-rigward:
— tat-trasport fil-pajjiżi ta’ koeżjoni, fir-reġjuni inqas żviluppati jew fi proġetti ta’ trasport transfruntier;
— tal-modernizzazzjoni, il-manutenzjoni jew it-titjib tas-sikurezza stradali, l-iżvilupp ta’ apparat għal sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS) jew tal-iżgurar tal-integrità u l-istandards tal-awtostradi eżistenti fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, b’mod partikolari żoni sikuri ta’ parkeġġ, pompi ta’ karburanti nodfa alternattivi u sistemi elettriċi ta’ ċċarġjar;
— tal-kontribut għat-tlestija tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport sal-2030.
L-appoġġ tal-FEIS għandu jkun ukoll espliċitament possibbli għaż-żamma u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti.
(c) Il-garanzija tal-UE għandha ssostni firxa wiesgħa ta' prodotti biex il-FEIS ikun jista' jadatta għall-ħtiġijiet tas-suq filwaqt li jinkoraġġixxi l-investiment privat fi proġetti, mingħajr ma jgerrex il-finanzjament fis-suq privat. ►M1 F’dan il-kuntest, huwa mistenni li l-BEI jipprovdi finanzjament fl-ambitu tal-FEIS bil-ħsieb li jilħaq mira totali ta’ mhux inqas minn EUR 500 000 000 000 f’investiment pubbliku jew privat, inkluż finanzjament mobilizzat permezz tal-FEI fl-ambitu tal-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10(2)(b), tal-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u permezz ta’ aċċess akbar għall-finanzjament għal entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat. ◄ Il-prodotti eliġibbli għandhom jinkludu, inter alia ( 12 ), self, garanziji / kontrogaranziji, finanzjament intermedju jew subordinat, strumenti tas-suq tal-kapital inkluż titjib tal-kreditu, u investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, inkluż permezz ta' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment. F'dan il-kuntest, sabiex ikun jista' jkun hemm firxa wiesgħa ta' investituri li jinvestu fil-proġetti tal-FEIS, il-BEI għandu jkun jista' jistruttura portafolji adatti.
(d) Banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u pjattaformi ta' investiment jew fondi għandhom ikunu eliġibbli għall-kopertura mill-garanzija tal-BEI fil-ambitu tal-kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE f'konformità mal-Artikolu 10(2)(c). Id-deċiżjoni li tingħata dik il-garanzija tal-BEI għandha tfittex li timmobilizza l-investimenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali u tisfrutta, għall-benefiċċju tal-inizjattiva tal-FEIS, l-għarfien espert komplementari, il-vantaġġi komparattivi speċifiċi, u l-ambitu ta' dawk l-entitajiet.
3. Addizzjonalità
Il-garanzija tal-UE għandha tingħata b'sostenn għall-operazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterju ta' mal-kriterju tal-għoti ta’ addizzjonalità kif definit fl-Artikolu 5(1) ta' dan ir-Regolament.
Għandhom japplikaw ukoll il-prinċipji ġenerali li ġejjin:
(a) sabiex tevita d-duplikazzjoni ma' strumenti finanzjarji eżistenti, il-garanzija tal-UE tista' tikkomplementa, tkun ikkombinata ma', issaħħaħ jew ittejjeb programmi eżistenti tal-Unjoni jew sorsi oħra ta' fondi tal-Unjoni jew strumenti konġunti.
(b) matul il-perjodu ta' investiment tal-FEIS, l-investiment sostnut mill-FEIS ma għandux, fil-prinċipju, igerrex l-użu ta' strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.
(c) għandha tingħata attenzjoni għall-komplementarjetà ta' prodotti ġodda fl-ambitu tal-opportunità ta' infrastruttura u innovazzjoni li jiffukaw fuq l-SMEs u l-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja mal-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE u mal-istrumenti finanzjarji tal-FEIS fil-qafas tal-opportunità tal-SME sabiex jintlaħaq l-ogħla livell ta' użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji. Madankollu, għandu jkun jista' jsir użu kumulattiv mill-istrumenti b'mod partikolari f'każijiet fejn is-sostenn li jingħata normalment ma jkunx biżżejjed biex l-investimenti jingħatalhom l-impetu inizjali.
(d) il-preżenza ta’ wieħed jew aktar minn dawn l-elementi tipikament twassal għall-klassifikazzjoni ta’ operazzjonijiet bħala attivitajiet speċjali tal-BEI:
— subordinazzjoni fir-rigward ta’ mutwanti oħra, inkluż il-banek jew istitutzzjonaijiet promozzjonali nazzjonali u mutwanti privati;
— arteċipazzjoni fi strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju meta l-pożizzjoni meħuda tesponi lill-BEI għal livelli ta’ riskju għoli;
— espożizzjoni għal riskji speċifiċi, bħal riskji speċifiċi għall-pajjiż, għas-settur jew għar-reġjun, b’mod partikolari dawk esperjenzati f’reġjuni inqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni, u/jew riskji assoċjati mal-innovazzjoni, b’mod partikolari f’teknoloġiji mhux ippruvati li jtejbu it-tkabbir, is-sostenibbiltà u l-produttività;
— karatteristiċi tat-tip tal-ekwità, bħalma huma pagamenti marbuta mal-prestazzjoni; jew
— aspetti oħra identifikabbli li jwasslu għal espożizzjoni għar-riskju ogħla skont il-linji gwida tal-BEI tar-riskju tal-kreditu bħar-riskju tal-kontroparti, sigurtà limitata u rikors biss għall-assi tal-proġett għall-pagament lura.
4. Valur miżjud: kontribut għall-objettivi tal-FEIS
Il-proġetti li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE għandhom jirrispettaw il-kriterji ta' eliġibbiltà u l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 6 u l-Artikolu 9(2)rispettivament.
5. Tabella ta' valutazzjoni
It-tabella ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 għandha tintuża mill-Kumitat tal-Investiment bil-ħsieb li jiżgura valutazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-użu possibbli tal-garanzija tal-UE. ►M1 It-tabella ta’ valutazzjoni għandha tkun ippubblikata hekk kif operazzjoni skont il-garanzija tal-UE tkun iffirmata, bl-esklużjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. ◄
6. Opportunitajiet ta' Investiment
(a) L-istrumenti tad-dejn u tal-ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a) għandhom jingħataw fil-qafas ta' Opportunità ta' Infrastruttura u Innovazzjoni, li se tikkonsisti f'Subsezzjoni dwar titoli ta' dejn u Subsezzjoni dwar titoli tat-tip ta' ekwità. L-allokazzjoni tal-operazzjonijiet ( 13 ) għal waħda miż-żewġ subsezzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq is-sistema tal-gradazzjoni tas-self tal-BEI u fuq il-valutazzjoni tar-riskju standard tal-BEI u soġġetta għall-gwida mogħtija mill-Bord ta' Tmexxija.
(b) Opportunità ta' Infrastruttura u Innovazzjoni – Subsezzjoni dwar titoli ta' dejn
— ►M1 Għall-operazzjonijiet tat-tip ta’ dejn, il-BEI jew il-FEI għandu jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju standard tiegħu, bl-involviment tal-kalkolu tar-rata ta’ probabbiltà ta’ inadempjenza u ta’ rkupru. Abbażi ta’ dawn il-parametri, il-BEI jew il-FEI għandu jikkwantifika r-riskju għal kull operazzjoni. ◄ Tali kalkolu għandu jsir mingħajr ma titqies il-garanzija tal-UE, biex jirrifletti r-riskju globali tat-tranżazzjoni.
— ►M1 Kull operazzjoni tat-tip ta’ dejn għandha tirċievi klassifikazzjoni tar-riskju (il-“Gradazzjoni tas-Self tat-Tranżazzjoni”) skont is-sistema ta’ gradazzjoni tas-self tal-BEI jew tal-FEI. ◄ Informazzjoni dwar il-gradazzjoni tas-self għandha tiġi inkluża fid-dokumentazzjoni tal-proġett għall-Kumitat tal-Investiment. Tranżazzjonijiet li għandhom profil ta' riskju ogħla minn dak tal-proġetti sostnuti mill-operazzjonijiet normali tal-BEI huma msemmija attivitajiet speċjali kif definiti fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-linji gwida tal-BEI dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu. L-operazzjonijiet sostnuti mill-garanzija tal-UE tipikament għandu jkollhom profil ta' riskju ogħla minn dak tal-operazzjonijiet normali tal-BEI u għaldaqstant jaqgħu taħt l-attivitajiet speċjali. It-tranżazzjonijiet bi gradazzjoni tas-self aħjar jistgħu jiddaħħlu fil-portafoll tal-FEIS sakemm tingħata prova ċara tal-valur miżjud għoli tagħhom u sakemm l-inklużjoni tagħhom tkun konsistenti mal-kriterju tal-għoti tal-addizzjonalità.
— ►M1 Il-proġetti għandhom ikunu vijabbli ekonomikament u teknikament u l-finanzjament tal-BEI għandu jkun strutturat skont prinċipji bankarji sodi u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ livell għoli stabbiliti mill-BEI jew mill-FEI fil-linji gwida interni tiegħu. ◄ L-informazzjoni rilevanti kollha għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Kumitat tal-Investiment.
— ►M1 Il-prodotti tat-tip ta’ dejn għandhom jiġu pprezzati f’konformità mal-Artikolu 4(2)(a)(iv). ◄
(c) Opportunità ta' Infrastruttura u Innovazzjoni – Subsezzjoni ta' titoli tat-tip ta' ekwità
— Għal operazzjonijiet ta' titoli tat-tip ta' ekwità, il-garanzija tal-UE tista' tintuża biex issostni investimenti diretti f'kumpaniji jew proġetti individwali (Investimenti Diretti tat-Tip ta' Ekwità) jew finanzjament għal fondi jew riskji ta' portafolji analogi (Portafoll tat-Tip ta' Ekwità), sakemm il-BEI jinvesti fuq bażi pari passu għar-riskju tiegħu stess ukoll. ►M1 Id-determinazzjoni dwar jekk operazzjoni ġġorrx magħha riskji tat-tip ta’ ekwità jew le, irrispettivament mill-forma u n-nomenklatura ġuridika tagħha, għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni standard tal-BEI jew tal-FEI. ◄
— ►M1 L-operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità tal-BEI għandhom jitwettqu f’konformità mar-regoli u l-proċeduri interni tal-BEI jew tal-FEI. ◄ L-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tal-operazzjoni għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Kumitat tal-Investiment.
— ►M1 L-investimenti tat-tip ta’ ekwità għandhom jiġu pprezzati f’konformità mal-Artikolu 4(2)(a)(iv). ◄
7. Limiti ta' esponiment għal kull kategorija
(a) Il-limiti ta' esponiment għall-kategoriji tal-attivitajiet speċjali jonqsu iktar ma jiżdied il-livell tar-riskju, kif espress fil-Gradazzjoni tas-Self tat-Tranżazzjoni. Għaldaqstant, il-limitu għar-riskju tad-dejn ġeneralment ikun ogħla milli għar-riskju tal-ekwità.
(b) Fid-dawl tad-disponibbiltà tat-titjib tal-kreditu pprovdut mill-garanzija tal-UE, il-limiti ta' esponiment għall-FEIS għandhom jiġu stabbilit mill-BEI f’livell ogħla mil-limitu ekwivalenti fl-ambitu tar-riskju kummerċjali proprju tal-BEI. Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija u l-Kumitat tal-Investiment għandhom jirċievu rendikont ġenerali dettaljat tal-limiti tar-riskju tal-FEIS. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jissorvelja regolarment l-iżvilupp tal-profil tar-riskju tal-portafoll tal-FEIS u jadotta miżuri adatti jekk tinħass il-ħtieġa.
(c) Tranżazzjonijiet għal ammonti ogħla mil-limiti speċifiċi tal-FEIS jistgħu jiddaħħlu fil-portafoll tal-FEIS fuq bażi eċċezzjonali, bi qbil tal-Bord ta' Tmexxija, sakemm tingħata prova ċara tal-addizzjonalità u l-valur miżjud u sakemm l-inklużjoni tagħhom ma tkunx mistennija tipperikola l-mira globali tal-livell tar-riskju tal-portafoll fi tmiem il-perjodu ta' investiment ►M1 ————— ◄ .
8. Diversifikazzjoni settorjali u ġeografika
Il-FEIS jaħdem skont id-domanda iżda l-għan tiegħu hu li jsostni proġetti eliġibbli madwar l-Unjoni kif ukoll proġetti transkonfinali, koperti mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ebda preallokazzjoni settorjali jew ġeografika. Madankollu għandu jsir l-aqwa sforz biex jiġi żgurat li fi tmiem il-perjodu ta' investiment ►M1 ————— ◄ tkun koperta firxa wiesgħa ta' setturi u reġjuni, u tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva.
(a) Konċentrazzjoni Settorjali
Sabiex jiġu ġestiti d-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni settorjali tal-portafoll tal-FEIS, il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi limiti ta' konċentrazzjoni indikattivi fir-rigward tal-volum ta' operazzjonijiet sostnuti mill-garanzija tal-UE fi tmiem il-perjodu ta' investiment ►M1 ————— ◄ . Il-limiti ta' konċentrazzjoni indikattivi għandhom ikunu ppubblikati.
Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jimmodifika dawn il-limiti indikattivi, wara li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Investiment. F'dak il-każ, il-Bord ta' Tmexxija għandu jispjega d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(b) Konċentrazzjoni Ġeografika
L-operazzjonijiet sostnuti mill-FEIS ma għandhomx ikunu kkonċentrati f'xi territorju speċifiku fi tmiem il-perjodu ta' investiment ►M1 ————— ◄ . Għal dan il-għan il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta linji gwida indikattivi dwar id-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni ġeografika. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jimmodifika dawn il-limiti indikattivi, wara li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Investiment. Il-Bord ta' Tmexxija għandu, bil-miktub, jispjega lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill id-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-limiti indikattivi. Il-FEIS għandu jimmira li jkopri l-Istati Membri kollha.
1. Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tqassim għal Orizzont 2020
"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li l-linji baġitarji li ġejjin mhumiex ser jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-FEIS: "It-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri fil-Kunsill Ewropew għar-Riċerka", "L-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie" u "It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni". L-ammont li jifdal li jirriżulta mill-użu addizzjonali tal-marġni kif imqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni ser jerġa' jitqiegħed fil-linji baġitarji l-oħra ta' Orizzont 2020 fi proporzjon mat-tnaqqis propost mill-Kummissjoni. It-tqassim indikattiv huwa stabbilit fl-Anness I għar-Regolament dwar il-FEIS."
2. Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' baġit għall-2016
"Il-Kummissjoni ser tanalizza l-impatt potenzjali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEIS mil-linji baġitarji differenti ta' Orizzont 2020 fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi rispettivi u, jekk xieraq, ser tipproponi ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2016 biex taġġusta t-tqassim tal-linji baġitarji ta' Orizzont 2020."
3. Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha ta' kontribuzzjonijiet ta' darba fil-kuntest tal-inizjattiva tal-FEIS sabiex ikun implimentat il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir
"Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, jew minn Stat Membru jew minn banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fil-FEIS jew fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment, bħala prinċipju għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97."
( 1 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221).
( 3 ) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/99/UE tat-18 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi l-lista ta’ reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew u ta’ Stati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 50, 20.2.2014, p. 22).
( 4 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
( 5 ) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
( 6 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
( 7 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
( 8 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
( 9 ) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
( 10 ) Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).
( 11 ) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
( *1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-20 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).'.
( 12 ) Din hi indikazzjoni mhux esklużiva ta' prodotti li jistgħu jiġu offruti permezz tal-FEIS.
( 13 ) It-terminu "operazzjoni" japplika kemm għall-investiment dirett fi proġett (dejn jew ekwità) u kemm għal "operazzjoni" (proġetti, programmi jew faċilitajiet) ma' intermedjarju finanzjarju jew ta' xort'oħra iżda, sabiex jiġi evitat kull dubju, mhux għall-proġetti sottostanti sostnuti minn tali operazzjoni intermedjata.