02015R0758 — MT — 31.03.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2015/758 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

(ĠU L 123 19.5.2015, p. 77)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/79 tat-12 ta' Settembru 2016

  L 12

44

17.1.2017




▼B

REGOLAMENT (UE) 2015/758 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni KE skont it-tip ta' vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, u tas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tas-sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal vetturi tal-kategoriji M1 u N1 kif imfisser fil-punti 1.1.1 u 1.2.1 tal-Parti A tal-Anness II għad-Direttiva 2007/46/KE u għal sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tal-eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112 mfassla u mibnija għal tali vetturi.

Huwa m'għandux japplika għall-vetturi li ġejjin:

(a) vetturi prodotti f'serje żgħira approvati skont l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(b) vetturi approvati f'konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(c) vetturi li minħabba raġunijiet tekniċi ma jistgħux jiġu mgħammra b'mekkaniżmu ta' skattar tal-eCall, kif determinat f'konformità mal-paragrafu 2.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 8 sabiex tidentifika klassijiet ta' vetturi tal-kategoriji M1 u N1 li għal raġunijiet tekniċi ma jistgħux jiġu mgħammra b'mekkaniżmu ta' skattar tal-eCall adatt, fuq il-bażi ta' studju li jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċju mwettaq jew ikkummissjonat mill-Kummissjoni u li jieħu kont tal-aspetti tas-sikurezza u tekniċi rilevanti kollha.

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112” tfisser sistema ta' emerġenza, li tinkludi tagħmir immuntat fil-vettura u l-mezzi li jiskattaw, jimmaniġġjaw u jwettqu t-trasmissjoni tal-eCall, li hija attivata b'mod awtomatiku permezz ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, u li ġġorr, permezz ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil, sett minimu ta' data u tistabbilixxi kanal tal-awdjo bbażat fuq in-numru 112 bejn l-okkupanti tal-vettura u l-PSAP tal-eCall;

(2) “eCall” tfisser sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura għan-numru 112, magħmula jew b'mod awtomatiku permezz tal-attivazzjoni ta' sensuri fil-vettura jew b'mod manwali, li għandha sett minimu ta' data u li tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-PSAP tal-eCall permezz ta' netwerks tal-komunikazzjoni pubbliċi u mobbli mingħajr fil;

(3) “ċentru li jwieġeb għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika” (jew “PSAP”) tfisser post fiżiku fejn is-sejħiet ta' emerġenza jaslu l-ewwel taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità pubblika jew organizzazzjoni privata rikonoxxuta mill-Istat Membru;

(4) “PSAP l-aktar adatt” tfisser PSAP determinat minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri sejħiet ta' emerġenza minn żona partikolari jew għal sejħiet ta' emerġenza ta' tip partikolari;

(5) “PSAP tal-eCall” tfisser PSAP l-aktar adatt determinat minn qabel mill-awtoritajiet biex jirċievi u jittratta l-ewwel l-eCalls;

(6) “sett minimu ta' data” (jew “MSD”) tfisser l-informazzjoni ddefinita mis-“Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — Sett minimu ta' data (MSD) għall-eCall” standard (EN 15722:2011), li tintbagħat lill-PSAP tal-eCall;

(7) “tagħmir immuntat fil-vettura” tfisser tagħmir installat fil-vettura b'mod permanenti li jipprovdi jew li għandu aċċess għad-data meħtieġa biex issir it-transazzjoni tal-eCall permezz ta' netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili;

(8) “transazzjoni tal-eCall” tfisser l-istabbiliment ta' sessjoni tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil fin-netwerk pubbliku kollu tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil u t-trasmissjoni ta' MSD minn vettura lejn PSAP tal-eCall u l-istabbiliment ta' kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-istess PSAP tal-eCall;

(9) “netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil” tfisser netwerk tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil disponibbli għall-pubbliku f'konformità mad-Direttivi 2002/21/KE ( 1 ) u 2002/22/KE ( 2 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(10) “eCall sostnuta minn servizzi terzi” (jew “eCall TPS”) tfisser sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura lil fornitur ta' servizz ta' parti terza, magħmula b'mod awtomatiku permezz tal-attivazzjoni ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, li twassal, permezz ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili, l-MSD u tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-fornitur ta' servizzi terzi;

(11) “Fornitur ta' servizzi terzi (TPSP)” tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta mill-awtoritajiet nazzjonali li jkollha l-permess li tirċievi eCall TPS u tgħaddi l-MSD lill-PSAP tal-eCall;

(12) “Sistema eCall għal servizzi terzi mmuntata fil-vettura” tfisser sistema attivata jew b'mod awtomatiku permezz ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, li twassal, permezz ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili, l-MSD u tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-fornitur ta' servizzi terzi.

Artikolu 4

Obbligi ġenerali tal-manifatturi

Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi msemmija fl-Artikolu 2 huma mgħammra b'sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 li hija installata b'mod permanenti, f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Obbligi speċifiċi tal-manifatturi

1.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi u s-sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tagħhom imfassla u mibnija għal tali vetturi huma mmanifatturati u approvati f'konformità ma' dan ir-Regolament u fl-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

2.  Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi huma mibnija b'tali mod li jiżguraw li, fl-eventwalità ta' inċident gravi, individwat bl-attivazzjoni ta' sensur jew proċessur wieħed jew aktar fil-vettura, li jsir fit-territorju tal-Unjoni, ikunu kapaċi jiskattaw b'mod awtomatiku eCall lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112.

Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda ta' vetturi huma mibnija b'tali mod li jiżguraw li eCall lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112 tista' tiskatta wkoll b'mod manwali.

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-kontroll ta' skattar b'mod manwali għas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 huwa imfassal b'tali mod li jkun evitat li jiġi attivat bi żball.

3.  Il-paragrafu 2 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' sid il-vettura li juża sistema eCall TPS immuntata fil-vettura li tipprovdi servizz simili, minbarra s-sistema eCall fil-vetturi bbażata fuq in-numru 112, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) is-sistema eCall TPS immuntata fil-vettura għandha tkun konformi mal-istandard EN 16102:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eCall — Rekwiżiti tal-operat għas-sostenn minn parti terza”;

(b) il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkun hemm sistema waħda biss attiva f'ħin wieħed u li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 tiġi skattata awtomatikament fil-każ li s-sistema eCall TPS immuntata fil-vettura ma tkunx qed taħdem;

(c) is-sid tal-vettura għandu jkollu d-dritt li jagħżel li juża s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 pjuttost milli sistema TPS immuntata fil-vettura fi kwalunkwe ħin;

(d) il-manifatturi għandhom jinkludu informazzjoni dwar id-dritt imsemmi fil-punt (c) tal-manwal tas-sid.

4.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li r-riċevituri fis-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112 huma kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti bis-sistemi Galileo u EGNOS. Il-manifatturi jistgħu jagħżlu wkoll il-kompatibbiltà ma' sistemi oħrajn ta' navigazzjoni bis-satellita.

5.  Huma biss dawk is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, installati b'mod permanenti jew approvati separatament skont it-tip, u li jistgħu jiġu ttestjati, li għandhom jiġu aċċettati għall-finijiet tal-approvazzjoni KE skont it-tip.

6.  Il-manifatturi għandhom juru li, fil-każ ta' falliment kritiku tas-sistema li jirriżulta f'inabbiltà li ssir eCall ibbażata fuq in-numru 112, ser tingħata twissija lill-okkupanti tal-vettura.

7.  Is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandha tkun aċċessibbli għal tariffa raġonevoli li ma teċċedix ammont nominali u għall-operaturi indipendenti kollha mingħajr diskriminazzjoni għall-finijiet ta' tiswija u ta' manutenzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

8.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 8 li jistabbilixxi r-rekwiżiti u t-testijiet tekniċi dettaljati tal-approvazzjoni KE skont it-tip tal-vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall tagħhom immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112 u l-approvazzjoni KE skont it-tip tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tagħhom.

▼M1

Ir-rekwiżiti u t-testijiet tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 u fuq l-istandards disponibbli relatati mal-eCall, fejn applikabbli, u li jinkludu:

(a) EN 16072:2015 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — rekwiżiti tal-operat ta' eCall Pan-Ewropew”;

(b) EN 16062:2015 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — Rekwiżiti ta' applikazzjoni ta' livell għoli ta' eCall (HLAR)”;

(c) EN 16454:2015 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — ESafety — Ittestjar għall-konformità minn tarf sa ieħor tal-Ecall”;

(d) EN 15722:2015 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — sett minimu ta' dejta għall-eCall (MSD)”;

(e) EN 16102:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eCall — Rekwiżiti tal-operat għas-sostenn minn parti terza”;

(f) kwalunkwe standard Ewropew addizzjonali relatat mas-sistema tal-eCall adottat f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), jew Regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (Regolamenti UNECE) relatati mas-sistemi tal-eCall li magħhom aderixxiet l-Unjoni.

▼B

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

9.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 8 sabiex taġġorna l-verżjonijiet tal-istandards imsemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu meta tiġi adottata verżjoni ġdida.

Artikolu 6

Regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

1.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandu jikkonforma mar-regoli tal-protezzjoni tad-data personali previsti f'dawk id-Direttivi.

2.  Id-data personali pproċessata skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2).

3.  Id-data personali pproċessata skont dan ir-Regolament m'għandhiex tinżamm aktar milli jkun meħtieġ sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2). Dik id-data għandha titħassar b'mod sħiħ hekk kif ma tibqax meħtieġa għal dak il-għan.

4.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 ma tkunx tista' tiġi traċċata u ma tkun soġġetta għal ebda segwiment kostanti.

5.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li, fil-memorja interna tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, id-data titneħħa awtomatikament u kontinwament. Iż-żamma tal-aħħar tliet pożizzjonijiet biss tal-vettura għandha tkun permessa sa fejn ikun tassew meħtieġ biex tiġi speċifikata l-pożizzjoni attwali u d-direzzjoni li fiha kienet qed tivvjaġġa fil-ħin tal-każ.

6.  Dik id-data ma għandhiex tkun disponibbli barra mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għal ebda entità qabel ma tiġi skattata eCall.

7.  It-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza għandhom jiġu inkorporati fis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 sabiex jipprovdu lill-utenti tal-eCall bil-livell adatt ta' protezzjoni tal-privatezza, kif ukoll bis-salvagwardji neċessarji biex jipprevjenu s-sorveljanza u l-użu ħażin ta' din is-sistema.

8.  L-MSD mibgħut mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandu jinkludi biss l-informazzjoni minima kif imsemmija fl-istandard EN 15722:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — sett minimu ta' data għall-eCall (MSD)”. Ma għandha tintbagħat ebda data addizzjonali mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. Dak l-MSD għandu jinħażen b'tali mod li jkun jista' jitħassar b'mod sħiħ u permanenti.

9.  Fil-manwal tas-sid il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-ipproċessar tad-data li jsir permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. Dik l-informazzjoni għandha tikkonsisti minn:

(a) ir-referenza għall-bażi legali tal-ipproċessar;

(b) il-fatt li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 tiġi attivata b'mod awtomatiku;

(c) l-arranġamenti tal-ipproċessar tad-data li jsir mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112;

(d) l-għan speċifiku tal-ipproċessar tal-eCall, li għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2);

(e) it-tipi ta' data miġbura u pproċessati u d-destinatarji ta' dik id-data;

(f) il-limitu ta' żmien għaż-żamma tad-data fis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112;

(g) il-fatt li ma hemm l-ebda segwiment kostanti tal-vettura;

(h) l-arranġamenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif ukoll is-servizz ta' kuntatt responsabbli biex jittratta t-talbiet;

(i) kwalunkwe informazzjoni addizzjonali rigward it-traċċabbiltà, is-segwiment u l-ipproċessar ta' data personali b'rabta mal-forniment ta' eCall TPS u/jew servizzi oħra ta' valur miżjud, li għandhom ikunu soġġetti għall-kunsens espliċitu tas-sid u f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE. Għandu jitqies b'mod partikolari l-fatt li jistgħu jeżistu differenzi bejn l-ipproċessar tad-data mwettaq permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u s-sistemi ta' eCall TPS mmuntati fil-vetturi jew servizzi oħra ta' valur miżjud.

10.  Sabiex tiġi evitata konfuzjoni fir-rigward tal-finijiet u l-valur miżjud tal-ipproċessar, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 għandha tingħata fil-manwal tas-sid b'mod separat għas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u għas-sistemi ta' eCall TPS qabel tintuża s-sistema.

11.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u kwalunkwe sistema oħra li tipprovdi servizz eCall TPS jew li tipprovdi servizzi b'valur miżjud ikunu mfassla b'tali mod li ma jkun jista' jsir l-ebda skambju ta' data personali bejniethom. In-nuqqas ta' użu ta' sistema li tipprovdi eCall TPS jew ta' sistema b'valur miżjud jew ir-rifjut mis-suġġett tad-data li jagħti l-kunsens biex isir l-ipproċessar tad-data personali tiegħu jew tagħha għal servizz ta' eCall mingħand parti terza jew servizz ta' valur miżjud m'għandu joħloq l-ebda effett negattiv fuq l-użu tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112.

12.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 sabiex tistabbilixxi:

(a) ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati u l-proċeduri għat-testijiet għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-ipproċessar ta' data personali msemmijin fil-paragrafi 2 u 3;

(b) ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati u l-proċeduri għat-testijiet biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm skambju ta' data personali bejn is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u s-sistemi ta' partijiet terzi kif imsemmijin fil-paragrafu 11.

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

13.  Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistipula:

(a) l-arranġamenti prattiċi għall-valutazzjoni tan-nuqqas ta' traċċabbiltà u segwiment msemmijin fil-paragrafi 4, 5 u 6;

(b) l-iskeda għall-informazzjoni għall-utent imsemmi fil-paragrafu 9.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 7

Obbligi tal-Istati Membri

B'effett mill-31 ta' Marzu 2018, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħtu biss l-approvazzjoni KE skont it-tip fir-rigward tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. għal tipi ġodda ta' vetturi u għal tipi ġodda ta' sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, u l-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi, li huma konformi ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9) u fl-Artikolu 6(12) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-8 ta' Ġunju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9) u l-Artikolu 6(12) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9) u l-Artikolu 6(12) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9

Atti ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni skont it-tip KE ta' vetturi fir-rigward tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u ta' sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, u l-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi kif mitlub mill-Artikolu 5(1) rigward:

(a) l-iskedi għad-dokumenti ta' informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-manifatturi għall-finijiet tal-approvazzjoni skont it-tip;

(b) l-iskedi għaċ-ċertifikati tal-approvazzjoni KE skont it-tip;

(c) il-mudell(i) għall-marka tal-approvazzjoni KE skont it-tip.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 10

Proċedura ta' Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-“Kumitat Tekniku — Vetturi bil-Mutur” (TCMV) stabbilit bl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2007/46/KE. Dak il-kumitat huwa kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Pieni

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għan-nuqqas ta' konformità mill-manifatturi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu implimentati l-penali kollha. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha wkoll, mingħajr dewmien, b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.  It-tip ta' nuqqas ta' konformità li għandu jkun soġġett għal penali għandu jinkludi minn tal-inqas dan li ġej:

(a) dikjarazzjoni falza matul il-proċedura ta' approvazzjoni jew il-proċedura li twassal għal revoka;

(b) iffalsifikar tar-riżultati tat-test għall-approvazzjoni skont it-tip;

(c) iż-żamma ta' data jew ta' speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu għal revoka, rifjut jew irtirar tal-approvazzjoni skont it-tip;

(d) il-ksur ta' dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6;

(e) imġiba li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(7).

Artikolu 12

Rappurtar u rieżami

1.  Sal-31 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport ta' evalwazzjoni biex jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisbiet tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, inkluża r-rata ta' penetrazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga jekk il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandux jiġi estiż għal kategoriji oħrajn ta' vetturi, bħal vetturi tqal tal-merkanzija, ix-xarabanks u l-kowċis, dawk motorizzati b'żewġ roti u t-tratturi agrikoli. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġislattiva għal dan il-għan.

2.  Wara konsultazzjoni mifruxa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u studju li jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa ta' rekwiżiti għal pjattaforma interoperabbli, standardizzata, sikura u b'aċċess miftuħ. Jekk ikun xieraq, u mhux aktar tard mid-9 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha tadotta inizjattiva leġislattiva bbażata fuq dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 13

Emendi għad-Direttiva 2007/46/KE

L-Annessi I, III, IV u XI għad-Direttiva 2007/46/KE huma b'dan emendati f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9), l-Artikolu 6(12) u (13) u l-Artikoli 8, 9, 10 u 12 għandhom japplikaw mit-8 ta' Ġunju 2015.

L-Artikoli għajr dawk imsemmijin fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mill-31 ta' Marzu 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Emendi għad-Direttiva 2007/46/KE

Id-Direttiva 2007/46/KE hija emendata kif ġej:

(1) fl-Anness I, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“12.8. sistema eCall

12.8.1. Preżenza: iva/le (1)

12.8.2. deskrizzjoni jew disinni tekniċi tal-apparat: …”

;

(2) fl-Anness III, Parti I, Taqsima A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“12.8. sistema eCall

12.8.1. Preżenza: iva/le (1)”

;

(3) fl-Anness IV, Parti I hija emendata kif ġej:

(a) tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:



Entrata

Suġġett

Att regolatorju

Applikabbiltà

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

X

 

 

X”;

 

 

 

 

 

 

(b) L-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

(i) tiżdied l-entrata li ġejja fit-Tabella 1:



Entrata

Suġġett

Att regolatorju

Kwistjonijiet speċifiċi

Applikabbiltà u rekwiżiti speċifiċi

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

 

Mhux applikabbli”;

(ii) tiżdied l-entrata li ġejja fit-Tabella 2:



Entrata

Suġġett

Att regolatorju

Kwistjonijiet speċifiċi

Applikabbiltà u rekwiżiti speċifiċi

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

 

Mhux applikabbli”;

(c) fl-Appendiċi 2, taqsima 4 “Rekwiżiti Tekniċi” hija emendata kif ġej:

(i) fil-Parti I, tiżdied l-entrata li ġejja: Vetturi tal-kategorija M1:



Entrata

Referenza għall-att regolatorju

Rekwiżiti alternattivi

“72

Regolament (UE) 2015/758 (sistemi eCall)

Ir-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw.”;

(ii) fil-Parti II, tiżdied l-entrata li ġejja: Vetturi tal-kategorija N1:



Entrata

Referenza għall-att regolatorju

Rekwiżiti alternattivi

“72

Regolament (UE) 2015/758 (sistemi eCall)

Ir-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw.”;

(4) L-Anness XI huwa emendat kif ġej:

(a) fl-Appendiċi 1 tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:



Entrata

Suġġett

Referenza għall-att regolatorju

M1 ≤ 2 500 (*) kg

M1 > 2 500 (*) kg

M2

M3

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

G

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli”;

(b) fl-Appendiċi 2, tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:



Punt

Suġġett

Referenza tal-att regolatorju

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli”;

(c) fl-Appendiċi 3, tiżdied l-entrata li ġejjafit-tabella:



Entrata

Suġġett

Referenza għall-att regolatorju

M1

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

G”;

(d) fl-Appendiċi 4, tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:



Entrata

Suġġett

Referenza tal-att regolatorju

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli”;



( 1 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

( 2 ) Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elett roniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

( 3 ) Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).