02015D1814 — MT — 08.04.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI (UE) 2015/1814 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ottubru 2015

dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 264 9.10.2015, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2018/410 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-14 ta' Marzu 2018

  L 76

3

19.3.2018




▼B

DEĊIŻJONI (UE) 2015/1814 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ottubru 2015

dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Riżerva tal-istabbiltà tas-suq

1.  Għandha tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq fl-2018 u t-tqegħid ta' kwoti fir-riżerva għandu jibda jopera mill-1 ta' Jannar 2019.

2.  Il-kwantità ta' 900 miljun kwota mnaqqsa mill-volumi tal-irkant matul il-perjodu 2014-2016, kif determinat fir-Regolament (UE) Nru 176/2014 bis-saħħa tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, ma għandhomx jiġu miżjuda mal-volumi li għandhom jiġu rkantati fl-2019 u fl-2020, iżda minflok għandhom jitqiegħdu fir-riżerva.

3.  Kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE u kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(19) u (20) ta' dik id-Direttiva għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fl-2020. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta' dawk il-kwoti mhux allokati u, jekk ikun xieraq, għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena, sal-15 ta' Mejju tas-sena sussegwenti. In-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għal sena partikolari għandu jkun in-numru kumulattiv ta' kwoti maħruġa fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008, inkluż in-numru maħruġ skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE f'dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet taħt l-EU ETS fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena partikolari, li minnu jitnaqqsu t-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet skont l-EU ETS bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari, kwalunkwe kwota kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u n-numru ta' kwoti fir-riżerva. Ma għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta' tliet snin li jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa fir-rigward ta' dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-15 ta' Mejju 2017.

5.  Kull sena, numru ta' kwoti ugwali għal 12 % tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, għandu jitnaqqas mill-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva matul perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena, sakemm in-numru ta' kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva ma jkunx anqas minn 100 miljun. Fl-ewwel sena ta' operazzjoni tar-riżerva, it-tqegħid għandu jsir ukoll bejn l-1 ta' Jannar u l-1 ta' Settembru ta' dik is-sena ta' 8 %, (li jirrappreżenta 1 % għal kull xahar kalendarju), tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti. ►M1  B'deroga mill-ewwel u t-tieni sentenzi, sal-31 ta' Diċembru 2023, il-perċentwali u l-100 miljun kwota msemmija f'dawk is-sentenzi għandhom jiġu rduppjati. ◄

Mingħajr preġudizzju għall-ammont totali ta' kwoti li għandu jitnaqqas skont dan il-paragrafu, sal-31 ta' Diċembru 2025, il-kwoti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandhomx jitqiesu meta jiġi ddeterminat is-sehem tal-Istati Membri bħala parti minn dak l-ammont totali.

▼M1

5a.  Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fl-ewwel reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 3, mill-2023 il-kwoti miżmuma fir-riżerva li jkunu iżjed min-numru totali tal-kwoti rkantati matul is-sena ta' qabel ma għandhomx jibqgħu validi.

▼B

6.  Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk in-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva u jiżdiedu mal-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

7.  Fi kwalunkwe sena, jekk il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu ma jkunx applikabbli u l-miżuri jiġu adottati skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva u jiżdiedu mal-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

8.  Meta, wara l-pubblikazzjoni tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, tittieħed azzjoni skont il-paragrafi 5, 6 jew 7, il-kalendarji tal-irkant għandhom iqisu l-kwoti li tqiegħdu fir-riżerva jew li għandhom jinħarġu mir-riżerva. Il-kwoti għandhom jitqiegħdu fir-riżerva jew jinħarġu minnha tul perjodu ta' 12-il xahar. Meta jinħarġu kwoti skont il-paragrafu 6 jew 7, irrispettivament mill-perjodu li matulu jkun sar il-ħruġ, dan għandu jsegwi l-ishma tal-Istati Membri applikabbli fil-ħin li l-kwoti jkunu tqiegħdu fir-riżerva u għandu wkoll isegwi l-ordni li fiha l-kwoti tqiegħdu fir-riżerva.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.  Mill-2019 'il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas skont l-Artikoli 10a u 10c u li ma jitqiegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ).

(b) il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

“1a.  Meta l-volum tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-aħħar sena ta' kull perjodu msemmi fl-Artikolu 13(1) ta' din id-Direttiva jaqbeż b'aktar minn 30 % tal-volum tal-irkant medju mistenni għall-ewwel sentejn tal-perjodu ta' wara qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, żewġ terzi tad-differenza bejn il-volumi għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkantar fl-aħħar sena tal-perjodu u miżjuda f'pagamenti ugwali għall-volumi li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-ewwel sentejn tal-perjodu ta' wara.”.

(2) Fl-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu kwoti lill-persuni għall-perjodu attwali sabiex jissostitwixxu kwalunkwe kwota miżmuma minnhom li tkun ikkanċellata skont l-ewwel subparagrafu. Bl-istess mod, il-kwoti miżmuma fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq u li ma għadhomx validi għandhom jiġu ssostitwiti minn kwoti li huma validi għall-perjodu attwali.”.

Artikolu 3

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament ta' din ir-riżerva fil-kuntest tar-rapport previst fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-effetti rilevanti fuq il-kompetittività, b'mod partikolari fis-settur industrijali, inkluż fir-rigward tal-PDG, tal-impjiegi u tal-indikaturi tal-investiment. Fi żmien tliet snin minn meta r-riżerva tibda topera, u f'intervalli ta' ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju, tirrevedi r-riżerva u tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta dan ikun xieraq. Kull reviżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari liċ-ċifra perċentwali għad-determinazzjoni tan-numru ta' kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva skont l-Artikolu 1(5) ta' din id-Deċiżjoni, kif ukoll il-valur numeriku tal-valuri limiti għan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni u in-numru ta' kwoti li għandhom jinħarġu mir-riżerva skont l-Artikolu 1(6) jew (7) ta' din id-Deċiżjoni. Fir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-impatt tar-riżerva fuq it-tkabbir, l-impjiegi, il-kompetittività industrijali tal-Unjoni u fuq ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Artikolu 4

Dispożizzjoni tranżitorja

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendat bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) għandu jibqa' japplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( *1 ) Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).”;

( 1 ) Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).