2015D1601 — MT — 02.10.2016 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1601

tat-22 ta' Settembru 2015

li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

(ĠU L 248 24.9.2015, p. 80)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016

  L 268

82

1.10.2016




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1601

tat-22 ta' Settembru 2015

li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja



Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi f'dawk l-Istati Membri.

2.  Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt eżami kostanti s-sitwazzjoni rigward id-dħul massiv ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif adatt, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex jittieħed kont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u l-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-ewwel art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) “applikant” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali;

(c) “protezzjoni internazzjonali” tfisser status ta' refuġjat u status ta' protezzjoni sussidjarja kif definiti fil-punti (e) u (g), rispettivament, tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(d) “membri tal-familja” tfisser membri tal-familja kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013;

(e) “rilokazzjoni” tfisser it-trasferiment ta' applikant mit-territorju tal-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni;

(f) “Stat Membru ta' rilokazzjoni” tfisser l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ta' applikant wara r-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta' dan l-Istat Membru.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha ssir biss fir-rigward ta' applikant li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu altrimenti jkunu responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

2.  Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta' applikant li huwa ta' nazzjonalità li għaliha il-proporzjon ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) ikun, skont id-data trimestrali l-aktar reċenti tal-Eurostat, aġġornata u disponibbli fl-Unjoni kollha, 75 % jew aktar. Fil-każ ta' persuni apolidi, għandu jittieħed kont tal-pajjiż li qabel kien ir-residenza abitwali tagħhom. Aġġornamenti trimestrali għandhom jitqiesu biss fir-rigward ta' applikanti li ma jkunux diġà ġew identifikati bħala applikanti li jistgħu jiġu rilokati skont l-Artikolu 5(3) ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Rilokazzjoni ta' 120 000 applikant lejn l-Istati Membri

1.  120 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra kif ġej:

(a) 15 600 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness I.

(b) 50 400 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness II.

(c) 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn it-territorju tal- Istati Membri proporzjonalment għall-figuri stabbilit fl-Annessi I u II, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew permezz ta' emenda għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)u fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2.  Mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant, imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, fil-proporzjon li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra u proporzjonalment mal-figuri li jinsabu fl-Annessi I u II. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar iċ-ċifri li għandhom jiġu allokati skont dan għal kull Stat Membru.

3.  Jekk sas-26 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni tikkunsidra li adattament tal-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni jkun iġġustifikat minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post jew li Stat Membru qed jaffronta sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi minħabba moviment qawwi fil-flussi migratorji u filwaqt li tieħu kont tal-fehmiet tal-Istat Membru li probabbilment ikun benefiċjarju, hija tista' tippreżenta, kif adatt, proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

B'mod simili, Stat Membru jista', filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li qed jaffronta sitwazzjoni ta' emerġenza simili. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-raġunijiet mogħtija u, kif adatt, tippreżenta proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

▼M1

3a.  Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ta' ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija skont l-iskemi ta' ammissjoni legali nazzjonali jew multilaterali għal persuni li għandhom bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, minbarra l-iskema ta' risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015. In-numru ta' persuni ammessi b'dan il-mod minn Stat Membru għandu jwassal għal tnaqqis korrispondenti tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

L-Artikolu 10 għandu japplika mutatis mutandis għal kull ammissjoni legali bħal din li twassal għal tnaqqis tal-obbligu ta' rilokazzjoni.

L-Istati Membri li jagħżlu li jużaw l-għażla prevista f'dan il-paragrafu, għandhom jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' persuni legalment ammessi għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, fejn jiġi indikat it-tip ta' skema li taħtha saret l-ammissjoni u l-forma ta' ammissjoni legali użata.

▼B

4.  F'każ fejn, wara notifika magħmula skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 minn Stat Membru kopert minn dak il-Protokoll, il-Kummissjoni tikkonferma f'konformità mal-Artikolu 331(1) tat-TFUE l-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru f'din id-Deċiżjoni, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi n-numru ta' applikanti li għandhom jiġu rilokati fl-Istat Membru kkonċernat. Fl-istess deċiżjoni ta' implimentazzjoni, il-Kunsill għandu wkoll skont dan jadatta l-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra billi jnaqqashom proporzjonalment.

5.  F'ċirkostanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista', sas-26 ta' Diċembru 2015, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li temporanjament ma jkunx jista' jieħu sehem fil-proċess ta' rilokazzjoni ta' numru ta' applikanti li jkun sa 30 % tan-numru tal-applikanti allokati lilu skont il-paragrafu 1, filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati kompatibbli mal-valuri fundamentali tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet mogħtija u tippreżenta proposti lill-Kunsill rigward sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta' numru ta' applikanti li jkun sa 30 % tan-numru tal-applikanti allokati lill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 1. Fejn ikun iġġustifikat, il-Kummissjoni tista' tipproponi estensjoni tal-limitu ta' żmien għar-rilokazzjoni fl-allokazzjoni rimanenti għal massimu ta' 12-il xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 13(2)..

6.  Fi żmien xahar, il-Kunsill għandu jiddeċiedi rigward il-proposti msemmijin fil-paragrafu 5.

7.  Għall-fini tal-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 4 u 6 ta' dan l-Artikolu, u tal-Artikolu 11(2), il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni.

Artikolu 5

Proċedura ta' rilokazzjoni

1.  Minħabba l-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali, u jikkomunika l-indirizz tiegħu lill-Istati Membri l-oħra u lill-EASO. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-EASO u aġenziji rilevanti oħrajn, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u tinqasam l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, fost l-oħrajn dwar ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 7.

2.  L-Istati Membri għandhom, f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta' applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

3.  Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta' kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u, kemm jista' jkun malajr, jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta' kuntatt ta' dawk l-Istati Membri. Għal dak il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE.

4.  Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista' jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta' rilokazzjoni speċifiku, f'konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta' rilokazzjoni jista' jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta' applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

5.  L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittiħdulhom il-marki tas-swaba' skont l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 jistgħu jiġu proposti għar-rilokazzjoni biss jekk il-marki tas-swaba' jkunu ttiħdulhom u ntbagħtu lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont dak ir-Regolament.

6.  It-trasferiment tal-applikant lejn it-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jsir kemm jista' jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta' trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4) ta' din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta' rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra.

7.  L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jew meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati dispożizzjonijiet ta' esklużjoni stipulati fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE.

8.  Għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni deskritta f'dan l-Artikolu, l-Istati Membri, wara li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha, jistgħu jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta' kuntatt għall-Italja u għall-Greċja.

9.  F'konformità mal-acquis tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid ta' marki tas-swaba' għall-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu garantiti mill-Italja u mill-Greċja. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess jibqa' effiċjenti u maniġġabbli, il-faċilitajiet u l-miżuri tal-akkoljenza għandhom jiġu debitament organizzati sabiex il-persuni jkunu jistgħu jiġu akkomodati temporanjament, f'konformità mal-acquis tal-Unjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni malajr dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni.

10.  Il-proċedura ta' rilokazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru tar-rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ssir inqas minn ġimagħtejn qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn. F'każ bħal dan, il-limitu ta' żmien biex titlesta l-proċedura ta' rilokazzjoni jista' jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta' żmien jista' wkoll jiġi estiż, b'perijodu ulterjuri ta' erba' ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir.

Fejn il-proċedura ta' rilokazzjoni ma titlestiex f'dawn il-limiti ta' żmien u sakemm l-Italja u l-Greċja ma jaqblux mal-Istat Membru ta' rilokazzjoni għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta' żmien, l-Italja u l-Greċja għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013.

11.  Wara r-rilokazzjoni tal-applikant, l-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jieħu u jibgħat il-marki tas-swaba' tal-applikant lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 u jaġġorna s-settijiet tad-data skont l-Artikolu 10 u, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali koperti minn din id-Deċiżjoni

1.  L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li jqisu l-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri tal-familja li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jiġu rilokati fit-territorju tal-istess Stat Membru.

3.  Qabel id-deċiżjoni li jiġi rrilokat applikant, l-Italja u l-Greċja għandhom jinfurmaw lill-applikant f'lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem, dwar il-proċedura ta' rilokazzjoni kif stipulata f'din id-Deċiżjoni.

4.  Meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi rilokat applikant u qabel ir-rilokazzjoni nnifisha, l-Italja u l-Greċja għandhom javżaw bil-miktub lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li jirrilokawha. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-Istat Membru ta' rilokazzjoni.

5.  Applikant jew benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali li jidħol fit-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' rilokazzjoni mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għas-soġġorn f'dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi rikjest jirritorna minnufih. L-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jieħu lura l-persuna mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Appoġġ operazzjonali għall-Italja u l-Greċja

1.  Sabiex jappoġġaw lill-Italja u l-Greċja biex ilaħħqu aħjar mal-pressjoni eċċezzjonali fuq is-sistemi ta' asil u migrazzjoni tagħhom ikkawżata mill-pressjoni migratorja akbar attwali fuq il-fruntieri esterni tagħhom, l-Istati Membri għandhom iżidu l-appoġġ operazzjonali tagħhom f'kooperazzjoni mal-Italja u l-Greċja fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO, il-Frontex u Aġenziji rilevanti oħra, b'mod partikolari billi jipprovdu, kif xieraq, esperti nazzjonali għall-attivitajiet ta' appoġġ li ġejjin:

(a) il-kontroll taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaslu fl-Italja u l-Greċja, inklużi l-identifikazzjoni ċara, it-teħid tal-marki tas-swaba' u r-reġistrazzjoni tagħhom, u, fejn applikabbli, ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali u, fuq talba mill-Italja jew il-Greċja, l-ipproċessar inizjali tagħhom;

(b) l-għoti lill-applikanti jew lill-applikanti potenzjali li jistgħu jkunu soġġetti għal rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni ta' informazzjoni u assistenza speċifika li jista' jkollhom bżonn;

(c) it-tħejjija u l-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' ritorn għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jew ma applikawx għall-protezzjoni internazzjonali jew inkella li d-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju ma baqax validu.

2.  Minbarra l-appoġġ mogħti skont il-paragrafu 1, u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-passi kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni, għandu jingħata appoġġ speċifiku kif xieraq lill-Italja u l-Greċja permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO, il-Frontex u minn Aġenziji rilevanti oħra.

Artikolu 8

Miżuri komplementari li għandhom jittieħdu mill-Italja u l-Greċja

1.  B'konsiderazzjoni tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523, u sas-26 ta' Ottubru 2015, l-Italja u l-Greċja għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar pjan direzzjonali aġġornat li jikkunsidra l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni.

2.  Jekk din id-Deċiżjoni tiġi emendata għall-benefiċċju ta' xi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4(3), dak l-Istat Membru, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni emendatorja tal-Kunsill rilevanti, għandu jippreżenta pjan direzzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandu jinkludi miżuri adegwati fil-qasam tal-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn, li jsaħħu l-kapaċità, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tiegħu f'dawk l-oqsma, kif ukoll miżuri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni. Dak l-Istat Membru għandu jimplimenta għalkollox dak il-pjan direzzjonali.

3.  Jekk l-Italja u l-Greċja ma josservawx l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru ikkonċernat li jippreżenta l-fehmiet tiegħu, li tissospendi l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' dak l-Istat Membru għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi darba li testendi din is-sospensjoni għal perijodu ieħor ta' mhux aktar minn tliet xhur. Tali sospensjoni ma għandhiex taffettwa t-trasferimenti ta' applikanti li jkunu pendenti wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(4).

Artikolu 9

Sitwazzjonijiet ta' emerġenza ulterjuri

Fl-eventwalità ta' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stat Membru, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) TFUE. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn adatt, sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru fir-rilokazzjoni kif previst f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll miżuri possibbli ta' kumpens għall-Italja u għall-Greċja.

Artikolu 10

Sostenn finanzjarju

1.  Għal kull persuna rilokata skont din id-Deċiżjoni:

(a) l-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jirċievi somma f'daqqa ta' EUR 6 000 ;

(b) l-Italja jew il-Greċja għandhom jirċievu somma f'daqqa ta'mill-inqas EUR 500.

2.  Dan is-sostenn finanzjarju għandu jiġi implimentat billi jiġu applikati l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014. Bħala eċċezzjoni għall-arranġamenti ta' prefinanzjament stipulati f'dak ir-Regolament, l-Istati Membri, fl-2016, għandhom jitħallsu ammont ta' prefinanzjament ta' 50 % tal-allokazzjoni totali tagħhom skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Kooperazzjoni ma' Stati assoċjati

1.  Bl-assistenza tal-Kummissjoni, jistgħu jsiru arranġamenti bilaterali bejn l-Italja u, rispettivament, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, u bejn il-Greċja u, rispettivament, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, dwar ir-rilokazzjoni ta' applikanti mit-territorju tal-Italja u tal-Greċja għat-territorju ta' dawk l-Istati. L-elementi ewlenin ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk rigward il-proċedura ta' rilokazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti, għandhom jitqiesu kif xieraq f'dawk l-arranġamenti.

2.  F'każ li jsiru ftehimiet bilaterali bħal dawn, l-Italja jew il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni n-numru ta' applikanti li jridu jiġu rilokati lejn l-Istati assoċjati. Il-Kunsill għandu għalhekk jadatta, fuq proposta mill-Kummissjoni, l-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra billi jnaqqashom proporzjonalment.

Artikolu 12

Rappurtar

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mill-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kunsill kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja u mill-Greċja, il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll lill-Kunsill kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali msemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Hija għandha tapplika sas-26 ta' Settembru 2017.

3.  Hija għandha tapplika għal persuni li jaslu fit-territorju tal-Italja u l-Greċja mill-25 ta' Settembru 2015 sas-26 ta' Settembru 2017, kif ukoll għall-applikanti li jkunu waslu fit-territorju ta' dawk l-Istati Membri mill-24 ta' Marzu 2015 'il quddiem.




ANNESS I

Allokazzjonijiet mill-Italja



 

Allokazzjoni skont l-Istat Membru (15 600 applikant rilokat)

Austria

462

Belġju

579

Bulgarija

201

Kroazja

134

Ċipru

35

Repubblika Ċeka

376

Estonja

47

Finlandja

304

Franza

3 064

Ġermanja

4 027

Ungerija

306

Latvja

66

Litwanja

98

Lussemburgu

56

Malta

17

Netherlands

922

Polonja

1 201

Portugall

388

Rumanija

585

Slovakkja

190

Slovenja

80

Spanja

1 896

Żvezja

567




ANNESS II

Allokazzjonijiet mill-Greċja



 

Allokazzjoni skont l-Istat Membru (50 400 applikant rilokat)

Austria

1 491

Belġju

1 869

Bulgarija

651

Kroazja

434

Ċipru

112

Repubblika Ċeka

1 215

Estonja

152

Finlandja

982

Franza

9 898

Ġermanja

13 009

Ungerija

988

Latvja

215

Litwanja

318

Lussemburgu

181

Malta

54

Netherlands

2 978

Polonja

3 881

Portugall

1 254

Rumanija

1 890

Slovakkja

612

Slovenja

257

Spanja

6 127

Żvezja

1 830



( 1 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

( 2 ) Direttiva2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).