2014R0906 — MT — 04.09.2014 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 906/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku

(ĠU L 255, 28.8.2014, p.1)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 291, 7.10.2014, p. 19  (906/2014)




▼B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 906/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 ( 1 ) u (KE) Nru 485/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, miżuri ta’ intervent li jirregolaw swieq agrikoli, għandhom jiġu ffinanzjati mill-Unjoni skont it-termini tal-leġiżlazzjoni agrikola settorjali. Fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent pubbliku, l-ammont li jrid jiġi ffinanzjat mill-Unjoni jiġi stabbilit mill-kontijiet annwali ppreparati mill-aġenziji tal-pagamenti.

(2)

L-infiq b’intervent pubbliku jista’ jvarja b’mod sostanzjali. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi speċifikat għal kull kategorija ta’ operat, liema nfiq huwa eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt liema termini jista’ jiġi kopert dak l-infiq. Għal dan l-għan, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-metodi għall-kalkolu tal-infiq eliġibbli. Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat meta nfiq bħal dan għandu jiddaħħal abbażi tal-elementi rreġistrati attwalment mill-aġenziji tal-pagamenti jew abbażi tal-ammonti standard stabbiliti mill-Kummissjoni.

(3)

Sabiex l-Istati Membri li jinsabu barra miż-żona tal-euro jkunu jistgħu jikkonsolidaw in-nefqa u l-ispejjeż tagħhom fil-munita nazzjonali tagħhom u fl-euro b’mod armonizzat, għandhom jiġu speċifikati t-termini li skonthom jiġu rreġistrati l-operazzjonijiet tal-ħżin pubbliku fil-kontijiet tagħhom flimkien mar-rata tal-kambju applikabbli.

(4)

Il-valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku tiddependi wkoll fuq it-tip ta’ operazzjonijiet u fuq il-leġiżlazzjoni agrikola settorjali applikabbli. Għaldaqstant għandha tiġi stabbilita regola ġenerali li tistipula li l-valur tal-kwantitajiet mixtrija u mibjugħa għandu jkun ugwali għas-somma tal-ħlas u tal-irċevuti li jsiru jew li għandhom isiru għal operazzjonijiet fiżiċi, flimkien ma’ regoli speċifiċi u każijiet speċjali li jridu jiġu kkunsidrati.

(5)

Il-miżuri f’dan ir-Regolament jieħdu post id-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 ( 2 ), li tħassar mir-Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 ( 3 ),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiddetermina l-kundizzjonijiet u r-regoli applikabbli għall-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) tan-nefqa fuq miżuri ta’ intervent relatati mal-ħżin pubbliku.

Artikolu 2

Miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ ħżin pubbliku

Il-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ ħżin pubbliku jistgħu jikkonsistu minn xiri, ħżin, trasport u trasferimenti ta’ stokkijiet, u l-bejgħ u d-disponiment permezz ta’ mezzi oħra ta’ prodotti agrikoli skont it-termini stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni agrikola settorjali applikabbli u permezz ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Finanzjament tal-infiq ta’ intervent li jirriżulta fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku

1.  Fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2, il-FAEG għandu jiffinanzja l-infiq li ġej taħt l-intestatura ta’ intervent, sakemm l-infiq korrispondenti ma jkunx ġie stabbilit skont il-leġiżlazzjoni agrikola settorjali applikabbli:

(a) l-ispejjeż ta’ finanzjament għall-fondi miġbura mill-Istati Membri għax-xiri ta’ prodotti, skont il-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fl-Anness I;

(b) in-nefqa fuq operazzjonijiet fiżiċi relatati ma’ xiri sfurzat, bejgħ jew forom oħra ta’ trasferiment ta’ prodotti (dħul, ħżin u tneħħija ta’ prodotti taħt skemi ta’ ħżin pubbliku), kif hemm referenza fl-Anness II, abbażi ta’ ammonti standard uniformi għall-Unjoni, ikkalkolata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness III;

(c) in-nefqa fuq operazzjonijiet fiżiċi mhux neċessarjament marbuta max-xiri sfurzat, il-bejgħ jew forom oħra ta’ trasferiment ta’ prodotti, abbażi ta’ ammonti standard jew ammonti mhux standard skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni agrikola settorjali relatata mal-prodotti kkonċernati u l-Anness IV;

(d) in-nefqa li tirriżulta mit-trasport ġewwa jew barra t-territorju tal-Istat Membru jew mill-esportazzjoni, abbażi tal-ammonti standard jew l-ammonti mhux standard, li għandha tiġi approvata skont il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 229(2) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(e) id-deprezzament ta’ prodotti maħżuna, skont il-metodi tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness V;

(f) id-differenzi (dħul u telf) bejn il-valur tal-kontabbiltà u l-prezz tad-disponiment tal-prodotti, jew id-differenzi li jirriżultaw minn fatturi oħra.

2.  Fil-każ ta’ Stati Membri li jinsabu barra miż-żona tal-euro, mingħajr ħsara għar-regoli speċifiċi u l-avvenimenti operattivi stipulati fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament jew fil-leġiżlazzjoni agrikola, l-infiq kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikkalkolat fuq abbażi tal-ammonti stabbiliti f’euro u l-infiq jew id-dħul fil-munita nazzjonali skont dan ir-Regolament għandhom jiġu kkonvertiti, skont il-każ, fil-munita nazzjonali jew f’euro abbażi tal-aħħar rata tal-kambju stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel is-sena fiskali li matulha, l-operazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati fil-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, sena fiskali tfisser il-perjodu msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ delega (UE) Nru 907/2014.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-operazzjonijiet tal-ħżin pubbliku

1.  Il-valur tal-kwantitajiet mixtrija u mibjugħa għandu jkun ugwali għas-somma tal-ħlas jew tal-irċevuti li jkunu saru jew li għandhom isiru għal operazzjonijiet fiżiċi, minbarra fil-każ tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li hemm referenza għalihom f’dan l-Artikolu u soġġetti għal:

(a) l-Anness VI, għal kwantitajiet neqsin;

(b) l-Anness VII, għall-prodotti deterjorati jew meqruda;

(c) l-Anness VIII, għal prodotti li ddaħħlu għall-ħżin iżda li l-akkwiżizzjoni tagħhom ġiet irrifjutata.

2.  Il-valur tal-kwantitajiet mixtrija għandu jkun stabbilit għall-kwantitajiet tal-prodotti li jiddaħħlu fil-ħżin, abbażi tal-prezz ta’ intervent pubbliku, b’kunsiderazzjoni taż-żidiet, il-primjums, it-tnaqqis, il-perċentwali u l-koeffiċjenti applikabbli għall-prezz ta’ intervent pubbliku fiż-żmien tax-xiri skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali.

Madankollu, fil-każijiet u fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Anness VI u l-punti 2(a) u (c) tal-Anness VII, iż-żidiet, il-primjums, it-tnaqqis, il-perċentwali u l-koeffiċjenti ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

Il-valur tal-prodotti li ddeterjoraw jew ġew meqruda, jew minħabba diżastri naturali jew minħabba perjodu ta’ ħżin twil wisq kif imsemmi fil-punt 2 tal-Anness VII ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi stabbilit minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Dak l-att għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 229(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

3.  Mingħajr ħsara għall-Anness V, il-valur tal-prodotti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni u jiġu ffinanzjati fi ħdan il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn għandu jkun il-prezz ta’ intervent pubbliku applikabbli fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena. Għall-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro, il-valur tal-kontijiet tal-prodotti ta’ intervent għandu jiġi kkonvertit fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju applikabbli fl-1 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena.

Meta jiġu ttrasferiti l-prodotti ta’ intervent minn Stat Membru lejn ieħor, l-Istat Membru fornitur għandu jirreġistra l-prodott ikkunsinjat bħala entrata żero fil-kontijiet u l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jirreġistrah bħala introjtu fix-xahar meta jsir id-dispaċċ, billi juża l-prezz ikkalkolat skont l-ewwel subparagrafu.

4.  L-ispejjeż imħallsa jew iċċarġjati meta l-prodotti jinxtraw għall-operazzjonijiet fiżiċi li hemm referenza għalihom fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1), skont ir-regoli tal-Unjoni, għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet bħala nfiq jew dħul relatat mal-ispejjeż tekniċi, separatament mill-prezz tax-xiri sfurzat.

5.  Fil-kontijiet finanzjarji li hemm referenza għalihom fil-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 907/2014, il-kwantitajiet fil-ħżin fl-aħħar tas-sena fiskali u li għandhom jiġu ttrasferiti għas-sena fiskali ta’ wara għandhom jiġu vvalutati skont il-valur medju fil-kotba tagħhom (il-valur riportat), kif stabbilit mill-kont ta’ kull xahar tal-aħħar xahar tas-sena fiskali.

6.  Il-kwantitajiet li jidħlu fil-ħżin li jinstabu li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-ħżin għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fiż-żmien tat-tneħħija mill-ħżin bħala bejgħ għall-prezz li nxtraw bih.

Madankollu, jekk fiż-żmien tat-tneħħija reali mill-ħżin jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Anness VI, il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata qabel it-tneħħija tal-oġġetti.

7.  Meta kont juri bilanċ pożittiv, dan għandu jitnaqqas mill-infiq għas-sena tal-kontabbiltà kurrenti.

8.  Meta jkun hemm bidla fl-ammonti standard, fil-ħin permess għall-ħlas, fir-rati tal-imgħax jew f’elementi oħra ta’ kalkolu wara l-ewwel jum ta’ xahar, l-elementi l-ġodda għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet fiżiċi b’effett mix-xahar ta’ wara.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

KALKOLU TAR-RATI TA’ RIMBORŻ TAL-ISPEJJEŻ GĦALL-FINANZJAMENT

(Artikolu 3(1)(a))

I.   RATI TA’ IMGĦAX APPLIKABBLI

1. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż ta’ finanzjament imġarrba mill-FAEG għall-fondi mobilizzati mill-Istat Membru għax-xiri ta’ prodotti, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni kollha fil-bidu ta’ kull sena fiskali, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Ir-rata tal-imgħax uniformi tkun tikkorrispondi mal-medja tar-rati tal-Euribor fuq perjodu ta’ tliet (3) xhur u ta’ 12-il xahar, irreġistrati matul perjodu ta’ referenza ta’ sitt (6) xhur li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, b’ippeżar ta’ terz u żewġ terzi rispettivament.

2. Biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ imgħax applikabbli għal sena fiskali partikolari, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, meta titlob dan, dwar ir-rata tal-imgħax medja li jkunu ħallsu fil-verità matul il-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalih fil-punt 1 sa mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza li hemm referenza għaliha f’dik it-talba. In-notifika għandha ssir permezz tal-formola li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni.

Jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data tal-iskadenza li hemm referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies bħala 0 %.

Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda spiża tal-imgħax minħabba li ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dik ir-rata abbażi tal-medja tar-rati tal-imgħax ta’ referenza matul il-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalih fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt b’żieda ta’ punt perċentwali wieħed. Dawn ir-rati ta’ imgħax ta’ referenza għandhom ikunu:

(a) Għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, ir-rata offruta ta’ self interbankarju f’Euro għal tliet xhur (EURIBOR);

(b) Għal Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, ir-rata offruta ta’ self interbankarju f’Euro għal tliet xhur applikabbli f’kull Stat Membru (IBOR)

Jekk ir-rati tal-imgħax ta’ referenza jew ir-rati Euribor li hemm ►C1  kif imsemmi fil-punti 1 ◄ ma jkunux kollha disponibbli għall-perjodu kollu ta’ referenza, għandhom jintużaw ir-rati disponibbli għal dak il-perjodu.

Jekk ir-rati tal-imgħax ta’ referenza jew ir-rati Euribor li hemm referenza għalihom fil-punt (a) ma jkunux kollha disponibbli għall-perjodu kollu ta’ referenza, għandhom jintużaw ir-rati disponibbli għal dak il-perjodu.

3. Għal kull Stat Membru kkonċernat, ir-rata tal-imgħax stabbilita abbażi ►C1  id-dispożizzjonijiet tal-punt 2 ◄ għandha titqabbel mar-rata tal-imgħax uniformi stabbilita abbażi ►C1  id-dispożizzjonijiet tal-punt 1. ◄ L-imgħax applikabbli għal kull Stat Membru għandu jkun l-aktar wieħed baxx minn dawn iż-żewġ rati tal-imgħax.

Ir-rati tal-imgħax iffissati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottat abbażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għal kull sena fiskali għandhom jiġu aġġustati sa punt deċimali wieħed (1).

II.   KALKOLU TAL-ISPEJJEŻ TA’ FINANZJAMENT

1. Il-kalkolu tal-ispejjeż ta’ finanzjament għandu jiġi subdiviż skont il-perjodi ta’ validità tar-rati tal-imgħax stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-Parti I.

2. L-ispejjeż ta’ finanzjament li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(1)(a) għandhom jiġu kkalkolati billi tiġi applikata r-rata tal-imgħax tal-Istat Membru għall-valur medju għal kull tunnellata tal-prodott mixtri, u mbagħad jiġi mmultiplikat il-prodott b’hekk miksub bil-ħażna medja għas-sena fiskali.

Il-valur medju għal kull tunnellata ta’ prodott għandu jiġi kkalkolat billi jiġi diviż it-total tal-valuri tal-prodotti fil-ħażna fl-ewwel jum tas-sena fiskali u tax-xiri tal-prodotti mixtrija matul dik is-sena bit-total tal-kwantitajiet ta’ prodotti fil-ħażna fl-ewwel jum tas-sena fiskali u tax-xiri ta’ prodotti matul is-sena fiskali.

Il-ħażna medja għas-sena fiskali għandha tiġi kkalkolata billi jiġi diviż it-total tal-ħażna fil-bidu ta’ kull xahar u l-ħażna fit-tmiem ta’ kull xahar b’numru li jkun darbtejn in-numru ta’ xhur fis-sena fiskali.

3. Fejn ikun stabbilit koeffiċjent ta’ deprezzament għal prodott skont il-punt 1 tal-Anness V, il-valur tal-prodotti mixtrija matul is-sena fiskali għandu jiġi kkalkolat billi mill-prezz tax-xiri sfurzat jitnaqqas l-ammont ta’ deprezzament miksub billi jiġi applikat dan il-koeffiċjent.

4. Fil-każ ta’ prodotti li għalihom ġie stabbilit it-tieni deprezzament skont it-tieni subparagrafu tal-punt 3 tal-Anness V, il-kalkolu tal-ħażniet medji għandu jsir qabel id-data attwali ta’ kull deprezzament li jitqies għall-finijiet tal-valur medju.

5. Fejn ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjonijiet tas-suq komuni jistipulaw li ma jistax jitwettaq pagament minn aġenzija tal-pagamenti għax-xiri sfurzat ta’ prodott sakemm ma jkunx għadda mill-inqas xahar mid-data tax-xiri, il-ħażna medja kkalkulata għandha titnaqqas bi kwantità li tirriżulta mill-kalkolu li ġej:

image

fejn

Q

=

il-kwantitajiet mixtrija matul is-sena fiskali,

N

=

in-numru ta’ xhur ta’ perjodu minimu qabel il-pagament.

Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, il-perjodu minimu mogħti fir-regoli għandu jitqies bħala l-perjodu għall-pagament. Xahar għandu jitqies li jikkonsisti minn 30 jum. Kull parti ta’ xahar itwal minn 15-il jum għandha tkun ikkunsidrata bħala xahar sħiħ; kull parti ta’ xahar daqs jew inqas minn 15-il jum m’għandiex titqies għal dan il-kalkolu.

Fejn il-kalkolu tal-ħażna medja fi tmiem is-sena fiskali tagħti riżultat negattiv ladarba jsir it-tnaqqis imsemmi fl-ewwel subparagrafu, dak l-ammont għandu jitnaqqas mill-ħażna medja kkalkolata għas-sena fiskali ta’ wara.

III.   REGOLI SPEĊJALI FIR-RESPONSABBILTÀ TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI

1. Fejn, għall-bejgħ ta’ prodotti mill-aġenziji tal-pagamenti, ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq komuni jew l-avviżi ta’ stedina għal sejħa għall-offerti joffru lix-xerrej ta’ tali prodotti, perjodu fejn jista’ jneħħihom ladarba jkun sar il-pagament, u fejn tali perjodu jaqbeż it-30 jum, l-ispejjeż ta’ finanzjament ikkalkolati skont il-Parti II għandhom jitnaqqsu, fil-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti, bl-ammont miksub mill-kalkolu li ġej:

image

fejn

V

=

l-ammont imħallas mix-xerrej,

J

=

in-numru ta’ jiem bejn l-irċevuta tal-pagament u t-tneħħija tal-prodott, imnaqqas bi 30 jum,

i

=

ir-rata ta’ imgħax applikabbli matul is-sena fiskali.

2. Fil-każ tal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli mill-aġenziji tal-pagamenti abbażi tar-regolamenti speċifiċi tal-Unjoni, fejn il-perjodu attwali għall-pagament wara t-tneħħija ta’ tali prodotti jaqbeż it-30 jum, l-ispejjeż ta’ finanzjament kkalkolati skont il-Parti II għandhom jiżdiedu fil-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti bl-ammont miksub mill-kalkolu li ġej:

image

fejn

M

=

l-ammont li jrid jitħallas mix-xerrej,

D

=

in-numru ta’ jiem bejn it-tneħħija tal-prodott u l-irċevuta tal-prodott, imnaqqas bi 30 jum,

i

=

ir-rata ta’ imgħax applikabbli matul is-sena fiskali.

3. Fi tmiem kull sena fiskali, l-ispejjeż ta’ finanzjament li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet għal dik is-sena finanzjarja agrikola għan-numru ta’ jiem li għandu jiġi kkunsidrat sa dik id-data u l-bqija għandu jiddaħħal taħt is-sena fiskali li jmiss.




ANNESS II

OPERAZZJONIJIET FIŻIĊI KOPERTI MILL-AMMONTI STANDARD

(Artikolu 3(1)(b))

Ċereali u ross

I.   AĊĊETTAZZJONI U DĦUL FIL-ĦAŻNA

(a) il-moviment fiżiku ta’ ċereali mill-mezz ta’ trasport sal-wasla fiċ-ċellola tal-ħażna (is-silo jew il-kompartiment tal-maħżen) - l-ewwel trasferiment;

(b) l-ippeżar;

(c) it-teħid ta’ kampjuni/l-analiżi/l-istabbiliment tal-kwalità;

II.   ĦAŻNA

(a) il-kiri ta’ bini bil-prezz tal-kuntratt;

(b) l-ispejjeż tal-assigurazzjoni (sakemm dawn mhumiex inklużi taħt (a));

(c) l-ispejjeż tal-kontroll tal-pesti li jiżguraw il-kwalità inizjali tal-prodott fil-maħżen (sakemm dawn mhumiex inklużi taħt (a));

(d) l-inventarju annwali (sakemm mhuwiex inkluż taħt (a));

(e) il-ventilazzjoni, jekk ikun hemm (sakemm din mhijiex inkluża taħt (a)).

III.   TNEĦĦIJA MILL-ĦAŻNA

(a) l-ippeżar taċ-ċereali;

(b) it-teħid ta’ kampjuni/l-analiżi (jekk dovuti minħabba intervent);

(c) it-tneħħija fiżika u t-tagħbija taċ-ċereali fuq l-ewwel mezz ta’ trasport.

Ċanga/vitella

I.   AĊĊETTAZZJONI TA’ KUNSINNA, DISSUSSAR U DĦUL FIL-ĦAŻNA (LAĦAM DISSUSSAT)

(a) il-kontroll tal-kwalità tal-laħam bl-għadam;

(b) l-ippeżar tal-laħam bl-għadam;

(c) l-immaniġġar;

(d) l-ispiża tal-kuntratt għad-dissussar, inkluż:

(i) it-tkessiħ inizjali,

(ii) it-trasport mill-post tal-ħażna tal-intervent lejn il-post tat-tqattigħ (sakemm il-bejjiegħ ma jikkunsinnax il-merkanzija lill-istabbilimenti tat-tqattigħ),

(iii) id-dissussar, it-tirqim, l-ippeżar, l-ippakkjar u l-iffriżar rapidu,

(iv) il-ħżin temporanju tal-qatgħat; it-tagħbija, it-trasport u d-dħul mill-ġdid fil-maħżen kiesaħ tal-post tal-ħażna tal-intervent,

(v) l-ispiża tal-materjal għall-ippakkjar: boroż tal-politen, kaxxex tal-kartun, stokinetti,

(vi) il-valur tal-għadam, il-biċċiet ta’ xaħam u tirqim ieħor li jifdal fl-istabbiliment tat-tqattigħ (l-irċevuti għandhom jitnaqqsu mill-ispejjeż).

II.   ĦAŻNA

(a) il-kiri tal-bini bil-prezz tal-kuntratt;

(b) l-ispejjeż tal-assigurazzjoni (sakemm dawn mhumiex inklużi taħt (a));

(c) il-kontroll tat-temperatura (sakemm dan mhuwiex inkluż taħt (a));

(d) l-inventarju annwali (sakemm dan mhuwiex inkluż taħt (a));

III.   TNEĦĦIJA MILL-ĦAŻNA

(a) l-ippeżar;

(b) il-verifika tal-kwalità (jekk tkun responsabbiltà tal-awtoritajiet ta’ intervent).

(c) it-trasferiment tal-laħam mill-maħżen kiesaħ lejn ir-rampa ta’ tagħbija tal-maħżen.

Butir

I.   AĊĊETTAZZJON U DĦUL FIL-MAĦŻEN

(a) il-moviment tal-butir mill-mezz ta’ trasport mal-wasla fil-maħżen saċ-ċellola tal-ħażna;

(b) l-ippeżar u l-identifikazzjoni ta’ pakketti;

(c) it-teħid ta’ kampjuni/il-kontroll tal-kwalità;

(d) id-dħul fil-maħżen kiesaħ u l-iffriżar;

(e) it-tieni teħid ta’ kampjuni/il-verifika tal-kwalità fi tmiem il-perjodu tal-ittestjar.

II.   ĦAŻNA

(a) il-kiri tal-bini bil-prezz tal-kuntratt;

(b) l-ispejjeż tal-assigurazzjoni (sakemm dawn mhumiex inklużi taħt (a));

(c) il-kontroll tat-temperatura (sakemm dan mhuwiex inkluż taħt (a));

(d) l-inventarju annwali (sakemm dan mhuwiex inkluż taħt (a));

III.   TNEĦĦIJA MILL-ĦAŻNA

(a) l-ippeżar u l-identifikazzjoni ta’ pakketti;

(b) il-moviment tal-butir mill-kamra kiesħa sar-rampa tat-tagħbija tal-maħżen jekk il-mezz tat-trasport ikun kontejner, jew sat-tagħbija fir-rampa tal-maħżen jekk il-mezz ta’ trasport huwa trakk jew vagun tal-ferrovija.

IV.   TIKKETTAR JEW IMMARKAR SPEĊIFIKU

Jekk dan it-tikkettar ikun obbligatorju skont il-liġi tal-Unjoni dwar ir-rimi.

Trab tal-ħalib xkumat

I.   AĊĊETTAZZJON U DĦUL FIL-MAĦŻEN

(a) il-moviment tat-trab tal-ħalib xkumat mill-mezz ta’ trasport mal-wasla fiċ-ċellola tal-ħażna;

(b) l-ippeżar;

(c) it-teħid ta’ kampjuni/il-kontroll tal-kwalità;

(d) il-verifika fuq l-immarkar u l-imballaġġ.

II.   ĦAŻNA

(a) il-kiri tal-bini bil-prezz tal-kuntratt;

(b) l-ispejjeż tal-assigurazzjoni (sakemm dawn mhumiex inklużi taħt (a));

(c) il-kontroll tat-temperatura (sakemm dan mhuwiex inkluż taħt (a));

(d) l-inventarju annwali (sakemm dan mhuwiex inkluż taħt (a));

III.   TNEĦĦIJA MILL-ĦAŻNA

(a) l-ippeżar;

(b) it-teħid ta’ kampjuni/l-ispezzjoni tal-oġġetti (jekk ikunu responsabbiltà tal-awtoritajiet ta’ intervent);

(c) il-moviment tat-trab tal-ħalib xkumat lejn ir-rampa ta’ tagħbija tal-maħżen u t-tagħbija, minbarra l-istivar, fuq mezz ta’ trasport, f’każ ta’ trakk jew vagun tal-ferrovija; il-moviment ta’ trab tal-ħalib xkumat lejn ir-rampa ta’ tagħbija tal-maħżen jekk jintuża mezz ieħor ta’ trasport, eż. kontejner.

IV.   TIKKETTAR JEW IMMARKAR SPEĊIFIKU

Jekk dan it-tikkettar ikun obbligatorju skont il-liġi tal-Unjoni dwar ir-rimi.




ANNESS III

ANNESS III AMMONTI STANDARD GĦALL-UNJONI

(Artikolu 3(1)(b))

I.   AMMONTI STANDARD APPLIKABBLI

1. Għandhom japplikaw ammonti standard madwar l-Unjoni, skont il-prodott, abbażi tal-ispejjeż l-aktar baxxi rreġistrati matul perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Ottubru tas-sena n u li jispiċċa fit-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.

2. “L-ispejjeż irreġistrati” tfisser l-ispejjeż għall-operazzjonijiet fiżiċi li hemm referenza għalihom fl-Anness II li seħħew matul il-perjodu ta’ referenza, abbażi ta’ fatturi individwali għal dawn l-operazzjonijiet jew kuntratt iffirmat biex ikoprihom. Jekk teżisti ħażna ta’ prodott partikolari matul il-perjodu ta’ referenza mingħajr ma kien hemm ebda entrata jew tneħħija, jistgħu jintużaw ukoll l-ispejjeż ta’ referenza fil-kuntratti ta’ ħżin għal dak il-prodott.

L-ispejjeż għall-aċċettazzjoni u d-dħul fil-maħżen (I) u għat-tneħħija mill-maħżen (III) għandhom jiġu ddikjarati għal kull tunnellata ta’ prodott involut għal kull azzjoni individwali (a, b, c,….) kif iddefinit fl-Anness II. L-ispejjeż tal-ħażna (II) għandhom jiġu ddikjarati abbażi ta’ xahar b’xahar għal kull tunnellata maħżuna għal kull azzjoni individwali (a, b, c,…) kif iddefinit fl-Anness II.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Mejju dwar l-ispejjeż imsemmija fil-punt 2 li huma relatati mal-operazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Anness II mġarrba matul il-perjodu ta’ referenza. L-ammonti standard li hemm referenza għalihom fil-punt 1 għandhom jiġu stabbiliti f’euro abbażi tal-medja ppeżata ta’ dawn l-ispejjeż irreġistrati matul il-perjodu ta’ referenza f’tal-anqas erba’ Stati Membri bl-ispejjeż l-aktar baxxi għal operazzjoni fiżika partikolari, jekk dawn tal-aħħar jikkorrispondu għal tal-anqas 33 % tal-kwantitajiet medji totali maħżuna tal-prodott inkwistjoni matul il-perjodu ta’ referenza. Inkella, l-ispejjeż tal-Istati Membri l-oħrajn għandhom jiġu inklużi fl-ippeżar sakemm il-perċentwal jilħaq 33 % tal-kwantitajiet maħżuna.EAGF

4. Jekk inqas minn erba’ Stati Membri jqiegħdu prodott partikolari fil-ħżin pubbliku, l-ammonti standard għal dak il-prodott għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispejjeż irreġistrati fl-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, l-ammont standard finali għal dak il-prodott ma jistax ikun differenti mill-ammont stabbilit għas-sena ta’ qabel b’aktar minn 2 %.

5. Jekk l-ispejjeż għal prodott fil-ħżin iddikjarati minn Stat Membru u użati fil-kalkolu msemmi fil-paragrafi 3 u 4 ikunu aktar minn darbtejn mill-medja artimetika tal-ispejjeż iddikjarati għal dan il-kalkolu mill-Istati Membri l-oħra, allura dik l-ispiża għandha titnaqqas għal-livell tal-medja artimetika.

6. L-ispejjeż użati għall-kalkolu li hemm referenza għalih fil-punti 3 u 4 għandhom jiġu ppeżati abbażi tal-kwantitajiet maħżuna mill-Istat Membru inkluż fil-kalkolu.

7. L-ispejjeż iddikjarati mill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom jinqelbu f’euro abbażi tar-rata ta’ konverżjoni medja għall-munita tagħhom matul il-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalih fil-punt 1.

II.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI

1. L-ispiża standard tat-tneħħija mill-ħażna tista’ tiżdied b’ammont li għandu jiġi kkalkolat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sakemm l-Istat Membru jissottometti dikjarazzjoni, li tkopri s-sena fiskali kollha involuta u l-ħażna kollha tal-prodott inkwistjoni, li mhux se japplika l-limiti tat-tolleranza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 907/2014 u se jagħti garanzija tal-kwantità.

Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni u għandha tasal għandha qabel ma din tirċievi l-ewwel dikjarazzjoni ta’ kull xahar tas-sena fiskali kkonċernata jew, jekk il-prodott inkwistjoni ma jkunx fi ħżin ta’ intervent fil-bidu tas-sena fiskali, sa mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara dak li fih il-prodott jidħol għall-ewwel fil-ħażna.

Iż-żieda li hija prevista fl-ewwel subparagrafu, għandha tiġi kkalkolata billi l-valur referenzjarju tal-prodott ikkonċernat, kif hemm referenza fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jiġi mmultiplikat bil-limitu ta’ tolleranza għal dak il-prodott stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 907/2014.

2. L-ammonti standard stabbiliti għall-ispiża tad-dħul fl-imħażen jew it-tneħħija minnhom tal-prodotti kollha fil-ħżin ħlief għaċ-ċanga/il-vitella għandhom jitnaqqsu bil-koeffiċjenti li ġejjin jekk il-kwantitajiet ikkonċernati ma jkunux imċaqalqa fiżikament.



Prodott

Dħul fil-ħażna

Tneħħija mill-ħażna

Ċereali

36,50 %

22,80 %

Ross

17,50 %

20,30 %

Butir

25,90 %

22,20 %

Trab tal-ħalib xkumat

21,00 %

35,10 %

3. Il-Kummissjoni tista’ żżomm l-ammonti standard stabbiliti preċedentement għal prodott f’każ li ma kien hemm ebda ħżin pubbliku jew ma kien hemm ebda ħżin pubbliku għas-sena fiskali attwali.




ANNESS IV

ELEMENTI SPEĊIFIĊI LI JRIDU JIĠU KKUNSIDRATI GĦALL-INFIQ U D-DĦUL RELATATI MAĊ-ĊANGA U L-VITELLA

(Artikolu 3(1)(c))

Għall-finijiet tal-Anness VI u l-punti 2(a) u (c) tal-Anness VII, il-prezz bażiku li għandu jintuża għaċ-ċanga ddissussata huwa l-limitu ta’ referenza, kif hemm referenza fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, immultiplikat b’koeffiċjent ta’ 1,47.




ANNESS V

DEPREZZAMENT TAL-PRODOTTI FIL-ĦAŻNA

(Artikolu 3(1)(e))

1. Jekk, għal prodott partikolari, il-prezz tal-bejgħ stmat f’intervent ta’ ħżin pubbliku ikun anqas mill-prezz tax-xiri sfurzat, għandu jiġi applikat perċentwal ta’ deprezzament, imsejjaħ il-“koeffiċjent k”, fil-waqt tax-xiri sfurzat. Dan għandu jiġi stabbilit għal kull prodott fil-bidu ta’ kull sena fiskali skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2. Il-perċentwal ta’ deprezzament ma għandux jaqbeż id-differenza bejn il-prezz tax-xiri sfurzat u l-prezz għad-disponiment stmat għal kull prodott ikkonċernat.

3. Meta jsir ix-xiri sfurzat, il-Kummissjoni tista’ tillimita d-deprezzament għal frazzjoni tal-perċentwal ikkalkulat skont il-punt 2. Dik il-frazzjoni ma tistax tkun inqas minn 70 % tad-deprezzament deċiż skont il-punt 1.

F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha twettaq it-tieni deprezzament fi tmiem kull sena fiskali skont il-metodu stabbilit fil-punt 5.

4. Fil-każ tad-deprezzamenti kif imsemmmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ammonti ta’ deprezzament ġenerali skont il-prodott u skont l-Istat Membru qabel il-bidu tas-sena fiskali ta’ wara.

Għal dan il-għan, il-prezz tal-bejgħ stmat għall-prodotti fil-ħażna għandu jitqabbel mal-valur ittrasferit skont il-prodott u skont l-Istat Membru. L-ammonti ta’ deprezzament ġenerali skont il-prodott u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jinkisbu billi jiġu mmultiplikati d-differenzi bejn il-valuri ttrasferiti stmati u l-prezzijiet ta’ bejgħ stmati skont il-kwantitajiet stmati fil-ħżin fi tmiem is-sena fiskali.

5. L-istima tal-kwantitajiet fil-ħżin pubbliku u tal-valuri ttrasferiti skont il-prodott u l-Istat Membru għandha tiġi bbażata fuq in-notifika mill-Istati Membri, mibgħuta lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Settembru tas-sena n+1, dwar il-prodotti fil-ħażna sat-30 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, li tkun tinkludi l-elementi li ġejjin:

 il-kwantitajiet mixtrija matul il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru tas-sena n sal-31 ta’ Awwissu tas-sena n+1;

 il-kwantitajiet fil-ħżin sal-31 ta’ Awwissu tas-sena n+1;

 il-valur f’euro tal-prodotti fil-ħażna sal-31 ta’ Awwissu tas-sena n+1;

 il-kwantitajiet stmati fil-ħżin sat-30 ta’ Settembru tas-sena n+1;

 il-kwantitajiet stmati mixtrija bejn l-1 u t-30 ta’ Settembru tas-sena n+1;

 il-valur stmat f’euro tal-kwantitajiet mixtrija bejn l-1 u t-30 ta’ Settembru tas-sena n+1.

6. Il-valuri fil-munita nazzjonali nnotifikati mill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro bil-għan li jiġi kkalkolat id-deprezzament fi tmiem sena fiskali għandhom jiġu kkonvertiti f’euro permezz tar-rati applikabbli fil-waqt tal-kalkolu tar-rati ġenerali ta’ deprezzament applikabbli fi tmiem dik is-sena fiskali.

7. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-ammonti ta’ deprezzament globali skont il-prodott, lil kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati biex b’hekk ikunu jistgħu jinkluduhom fid-dikjarazzjoni finali ta’ kull xahar tal-infiq lill-FAEG għas-sena fiskali kkonċernata.




ANNESS VI

VALUTAZZJONI TAL-KWANTITAJIET NIEQSA

(Artikolu 4(1)(a))

Soġġett għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness IV, il-valur tal-kwantitajiet nieqsa għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

(a) Meta jinqabżu l-limiti ta’ tolleranza, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 907/2014, għal ħżin jew ipproċessar ta’ prodotti, jew fejn jinstabu nieqsa kwantitajiet minħabba serq jew kawżi oħra identifikabbli, il-valur tal-kwantitajiet nieqsa għandu jiġi kkalkolat billi dawn il-kwantitajiet jiġu mmultiplikati bil-limitu ta’ referenza, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fis-seħħ għall-kwalità standard għal kull prodott fl-ewwel jum tas-sena fiskali li fiha jinqabżu l-limiti tat-tolleranza jew li fiha jinstabu neqsin il-kwantitajiet, b’żieda ta’ 5 %.

(b) Jekk, dakinhar jinstab li l-kwantitajiet ikunu neqsin, il-prezz medju tas-suq għall-kwalità standard fl-Istat Membru tal-ħżin ikun ogħla minn 105 % tal-valur referenzjarju bażiku, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kuntratturi għandhom jirrimborżaw lill-aġenziji ta’ intervent, il-prezz tas-suq irreġistrat mill-Istat Membru, miżjud b’5 %.

Il-prezz medju tas-suq għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru abbażi tal-informazzjoni fin-notifiki regolari tiegħu lill-Kummissjoni.

Id-differenzi bejn l-ammonti miġbura billi jiġi applikat il-prezz tas-suq u l-ammonti mniżżla mal-FAEG billi jiġi applikat il-limitu ta’ referenza, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom jiġu kkreditati lill-FAEG fi tmiem is-sena fiskali, fost l-elementi l-oħrajn ta’ kreditu.

(c) Fejn jinstab li hemm xi kwantitajiet neqsin wara li l-prodotti jkunu ġew ittrasferiti jew ittrasportati minn post tal-ħżin ta’ intervent jew post tal-ħżin magħżul mill-aġenzija tal-pagamenti lejn post ieħor, u fejn ma jkun stabbilit l-ebda valur speċifiku skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-valur ta’ dawn il-kwantitajiet nieqsa għandu jiġi stabbilit skont il-punt (a).




ANNESS VII

VALUTAZZJONI TA’ PRODOTTI LI DDETERJORAW JEW ĠEW MEQRUDA

(Artikolu 4(1)(b))

1. Sakemm regoli speċifiċi tal-Unjoni ma jistipulawx mod ieħor, prodott għandu jitqies li jkun iddeterjora jekk ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità applikabbli meta kien inxtara.

2. Il-valur tal-prodotti li jkunu ddeterjoraw jew inqerdu għandu jiġi kkalkolat skont it-tip ta’ kawża, kif ġej:

(a) aċċidenti, sakemm dispożizzjonijiet speċjali fl-Anness IV ma jistipulawx mod ieħor: il-valur tal-prodotti għandu jiġi kkalkolat billi jiġu mmultiplikati l-kwantitajiet affettwati bil-limitu ta’ referenza bażiku, kif hemm referenza fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fis-seħħ għall-kwalità standard fl-ewwel jum tas-sena fiskali attwali, bi tnaqqis ta’ 5 %.

(b) diżastri naturali: il-valur tal-kwantitajiet milquta għandu jiġi determinat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jiġi adottat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2);

(c) kundizzjonijiet ta’ konservazzjoni ħżiena b’mod partikolari minħabba metodi ta’ ħżin mhux xierqa: il-valur tal-prodott għandu jiġi kkunsidrat skont il-punti (a) u (b) tal-Anness VI;

(d) perjodu ta’ ħażna twil wisq: il-valur kontabilistiku għandu jiġi stabbilit abbażi tal-prezz tal-bejgħ fil-waqt meta jinbiegħ il-prodott permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jiġi adottat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2);

Id-deċiżjoni tal-bejgħ tal-prodott għandha tittieħed skont il-leġiżlazzjoni agrikola applikabbli għall-prodott inkwistjoni. Id-dħul mill-bejgħ għandu jitqies għax-xahar meta ssir it-tneħħija.




ANNESS VIII

REGOLI TAL-KONTABILITÀ APPLIKABBLI GĦAL PRODOTTI LI DDAĦĦLU FIL-ĦŻIN IŻDA X-XIRI TAGĦHOM ĠIE RIFJUTAT

(Artikolu 4(1)(c))

1. Sakemm regoli speċifiċi tal-Unjoni ma jistipulawx mod ieħor, l-ispejjeż tad-dħul, tat-tneħħija, tal-ħżin u tal-finanzjament li jkunu diġà ddaħħlu fil-kontijiet għal kull waħda mill-kwantitajiet irrifjutati għandhom jitnaqqsu u jitqiesu b’mod separat, kif ġej:

(a) l-ispejjeż tad-dħul u t-tneħħija li għandhom jitnaqqsu għandhom jiġu kkalkolati billi l-kwantitajiet irrifjutati jiġu mmultiplikati bis-somma tal-ammonti standard rispettivi fix-xahar tat-tneħħija;

(b) l-infiq fuq il-ħżin li jrid jitnaqqas għandu jiġi kkalkolat billi l-kwantitajiet irrifjutati jiġu mmultiplikati bin-numru ta’ xhur li jgħaddu bejn id-dħul u t-tneħħija u bl-ammont standard għax-xahar ta’ tneħħija;

(c) l-ispejjeż finanzjarji li jridu jitnaqqsu, għandhom jiġu kkalkolati billi l-kwantitajiet irrifjutati jiġu mmultiplikati bin-numru ta’ xhur li jgħaddu bejn id-dħul u t-tneħħija, wara t-tnaqqis tan-numru ta’ xhur ta’ dewmien fil-pagament applikabbli fil-waqt tad-dħul, bir-rata ta’ finanzjament applikabbli matul ix-xahar tat-tneħħija diviża bi 12 u bil-medja tal-valur kontabilistiku tal-ħażniet ittrasferiti fil-bidu tas-sena fiskali, jew bil-medja tal-valur kontabilistiku tal-ħażniet fl-ewwel xahar ta’ dikjarazzjoni, jekk ma tkun teżisti l-ebda medja tal-valur kontabilistiku riportat tal-ħażniet.

2. L-ispejjeż li hemm referenza għalihom fil-punt 1 għandhom jitniżżlu taħt l-operazzjonijiet fiżiċi fix-xahar tat-tneħħija.



( 1 ) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) tal-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35).

( 3 ) Ir-Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji ta’ pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, is-sigurtajiet u l-użu tal-euro (Ara l-paġna 18 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).