02014R0833 — MT — 02.12.2017 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 833/2014

tal-31 ta' Lulju 2014

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(ĠU L 229 31.7.2014, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta' Settembru 2014

  L 271

3

12.9.2014

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1290/2014 tal-4 ta' Diċembru 2014

  L 349

20

5.12.2014

►M3

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/1797 tas-7 ta' Ottubru 2015

  L 263

10

8.10.2015

►M4

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/2212 tat-30 ta' Novembru 2017

  L 316

15

1.12.2017


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 246, 21.8.2014, p.  59 (833/2014)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 833/2014

tal-31 ta' Lulju 2014

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina



Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) prodotti u teknoloġija b'użu doppju' tfisser l-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009;

(b) “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti tal-internet elenkati fl-Anness I;

(c) “assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista' jieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trasmissjoni ta' tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta' konsulenza; tinkludi forom verbali ta' assistenza;

(d) “servizzi ta' senserija” tfisser:

(i) in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew provvista ta' merkanzija u teknoloġija jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

(ii) il-bejgħ jew ix-xiri ta' merkanzija u teknoloġija, jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi fejn jinsabu f'pajjiżi terzi għat-trasferiment tagħhom għal pajjiż terz ieħor;

▼M1

(e) “servizzi ta' investiment” tfisser is-servizzi u l-attivitajiet li ġejjin:

(i) ir-riċezzjoni u t-trasmissjoni ta' ordnijiet rigward strument finanzjarju wieħed jew iktar;

(ii) l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet f'isem il-klijenti;

(iii) in-negozjar fl-isem proprju;

(iv) il-ġestjoni ta' portafoll;

(v) konsulenza dwar l-investiment;

(vi) is-sottoskrizzjoni ta' strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta' strumenti finanzjarji fuq bażi ta' impenn irrevokabbli;

(vii) it-tqegħid ta' strumenti finanzjarji mingħajr bażi ta' impenn irrevokabbli;

(viii) kwalunkwe servizz relatat mal-ammissjoni għan-negozjar f'suq regolat jew negozjar f'faċilità multilaterali tan-negozjar;

(f) “titoli trasferibbli” tfisser il-klassijiet segwenti ta' titoli li huma negozjabbli fis-suq kapitali, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti ta' ħlas:

(i) ishma f'kumpaniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f'kumpaniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, ċertifikati ta' depożitu rigward l-ishma;

(ii) il-kambjali jew forom oħra ta' dejn garantit, inklużi ċertifikati ta' depożitu rigward dawn it-titoli;

(iii) kwalunkwe titolu ieħor li jagħti d-dritt għax-xiri jew il-bejgħ ta' kwalunkwe titolu trasferibbli ta' dan it-tip;

▼B

(g) “strumenti tas-suq tal-flus” tfisser dawk il-klassijiet ta' strumenti li jiġu normalment ikkummerċjati fis-suq tal-flus, bħalma huma l-kambjali tat-teżor, iċ-ċertifikati tad-depożitu u studji kummerċjali u teskludi strumenti tal-pagament;

(h) “istituzzjoni ta' kreditu” tfisser impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f'isimha stess;

(i) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.  Huwa pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk dawk il-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent aħħari militari.

Fejn l-utent aħħari huwa l-militar Russu, kwalunkwe prodott u teknoloġija b'użu doppju akkwistati minnu jitqiesu li jkunu għall-użu militari.

2.  Meta jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009, l-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-utent aħħari jista' jkun utent aħħari militari jew li l-prodotti jista' jkollhom użu aħħari militari.

▼M2

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn l-esportazzjoni tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta' Awwissu 2014, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratt.

▼B

L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

▼M1

Artikolu 2a

1.  Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju kif inklużi fl-Anness I għar-Regolament 428/2009, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll le, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fir-Russja kif elenkati fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

2.  Għandu jkun ipprojbit:

(a) li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew it-teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja, kif elenkat fl-Anness IV;

(b) li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn il-prodotti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja, kif elenkat fl-Anness IV.

▼M2

3.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel it-12 ta' Settembru 2014, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, u għall-forniment tal-assistenza meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-UE.

▼M1

4.  Il-projbizzjoni fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex tapplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju maħsuba għall-industrija tal-ajrunawtika u tal-ispazju, jew il-forniment ta' għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, kif ukoll għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta' kapaċitajiet nukleari ċivili eżistenti fl-UE, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari.

▼B

Artikolu 3

▼M2

1.  Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' oġġetti kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew f'kull Stat ieħor, jekk tali oġġetti jkunu għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha.

2.  Għall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt dan l-Artikolu, tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur u għandha tkun f'konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni tkun valida fl-Unjoni kollha.

3.  L-Anness II jinkludi ċerti oġġetti adattati għall-kategoriji segwenti ta' proġetti ta' esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

(a) esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f'ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

(b) esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

(c) proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f'formazzjonijiet ta' shale permezz ta' fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f'formazzjonijiet ta' shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

4.  L-esportaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

5.  L-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' oġġetti inklużi fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta' proġetti ta' esplorazzjoni u l-produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratt.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent. F'każijiet debitament ġustifikati ta' emerġenza, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

▼B

6.  Bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni li huma jkunu diġà taw.

7.  Meta awtorità kompetenti tiċħad li tagħti awtorizzazzjoni, jew tannulla, tissospendi, tillimita sostanzjalment jew tirrevoka awtorizzazzjoni f'konformità mal-paragrafu 5 jew 6, l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar dan u jikkondividi l-informazzjoni relevanti magħhom, filwaqt li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 ( 1 ).

8.  Qabel ma Stat Membri jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5 għal tranżazzjoni li hija essenzjalment identika għal tranżazzjoni li hija s-soġġett ta' ċaħda li tkun għadha valida maħruġa minn Stat Membru ieħor jew minn Stati Membri oħra taħt il-paragrafi 6 u 7, l-ewwel jikkonsulta lill-Istat jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jagħti l-awtorizzazzjoni, huwa jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'dan, filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha biex jispjega d-deċiżjoni.

▼M1

Artikolu 3a

▼M2

1.  Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, tas-servizzi assoċjati li jkunu meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta' proġetti ta' esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

(a) esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f'ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

(b) esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

(c) proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f'formazzjonijiet ta' shale permezz ta' fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f'formazzjonijiet ta' shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, servizzi assoċjati tfisser:

(i) it-tħaffir,

(ii) ittestjar ta' bjar,

(iii) servizzi ta' logging u tlestija,

(iv) forniment ta' bastimenti speċjalizzati li jżommu f'wiċċ l-ilma.

2.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim qafas konkluż qabel it-12 ta' Settembru 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratt.

3.  Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

Il-fornitur tas-servizz għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara kwalunkwe attività li tkun saret taħt dan il-paragrafu, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni.

▼B

Artikolu 4

1.  Għandu jkun ipprojbit:

(a) il-forniment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni ( 2 ), jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' prodotti inklużi f'dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

▼M1

(b) biex jipprovdi, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mal-prodotti u t-teknoloġiji elenkati fl-Elenku Militari Komuni, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni jew garanziji ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għal kwalunkwe forniment ta' assistenza teknika relatata, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

▼B

(c) il-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' tali prodotti jew teknoloġija, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk il-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent aħħari militari;

(d) il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali prodotti, jew għal kwalunkwe forniment ta' għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk l-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent aħħari militari.

▼M2

2.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, u għall-forniment tal-assistenza meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-UE.

▼M3

2a.  Il-projbizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika, ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja, relatati mal-operazzjonijiet segwenti:

(a) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni u mal-importazzjoni, l-akkwist u t-trasport ta' Idrażina (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar, sakemm dik l-assistenza teknika, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja tkun tirriferi għal ammont tal-Idrażina kkalkulat skont il-lanċament jew il-lanċamenti jew is-satelliti li għalihom issir, u li ma jaqbiżx il-kwantità totali ta' 800 kg għal kull lanċament jew satellita individwali;

(b) l-importazzjoni, l-akkwist jew it-trasport tad-Dimetilidrażina asimmetrika (CAS 57-14-7);

(c) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni u l-importazzjoni, l-akkwist u t-trasport tal-Monometilidrażina (CAS60-34-4), sakemm dik l-assistenza teknika, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja tkun tirriferi għal ammont ta' Monometilidrażina kkalkulat skont il-lanċament jew il-lanċamenti jew is-satelliti li għalihom issir, sa fejn is-sustanzi li jissemmew fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan il-paragrafu jkunu destinati għall-użu ta' lanċaturi operati minn fornituri Ewropej tas-servizz ta' llanċjar, għall-użu ta' lanċamenti ta' programmi spazjali Ewropej, jew għall-għoti ta' karburant lis-satelliti minn fabbrikanti Ewropej tas-satelliti.

▼M4

2aa.  Il-projbizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika, ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja relatati mal-bejgħ, mal-forniment, mat-trasferiment jew mal-esportazzjoni u mal-importazzjoni, mal-akkwist u mat-trasport tal-idrażina (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar, sakemm dik l-assistenza teknika, dak il-finanzjament jew dik l-assistenza finanzjarja jirreferu għal idrażina maħsuba għal:

(a) it-testijiet u t-titjir tal-ExoMars Descent Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020, f'ammont ikkalkulat skont il-ħtiġijiet ta' kull fażi ta' dik il-missjoni, li ma jaqbiżx total ta' 5 000  kg għad-durata sħiħa tal-missjoni; jew

(b) it-titjir tal-ExoMars Carrier Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020, f'ammont ikkalkulat skont il-ħtiġijiet tat-titjir, li ma jaqbiżx total ta' 300 kg.

▼M4

2b.  Il-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika, ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja, relatati mal-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2a u 2aa għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti.

L-applikanti għall-awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa kollha lill-awtoritajiet kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet kollha li jingħataw.

▼M2

3.  Il-forniment ta' dawn li ġejjin għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:

(a) assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' oġġetti elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, jekk tali assistenza tikkonċerna oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor;

(b) il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fl-Anness II, inklużi b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawk il-prodotti, jew għal kull forniment ta' assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew, jekk tali assistenza tirrigwarda oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor.

F'każijiet debitament ġustifikati ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 3(5), il-provvista tas-servizzi msemmija f'dan il-paragrafu tista' tipproċedi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-provvista tas-servizzi.

▼C1

4.  Fejn l-awtorizzazzjonijiet huma mitluba skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 3, u b'mod partikolari l-paragrafi 2 u 5 tiegħu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

▼M1

Artikolu 5

1.  Għandu jkun ipprojbit li, direttament jew indirettament, jinxtraw, jinbiegħu jew jiġu pprovduti servizzi ta' investiment jew li tingħata assistenza fil-ħruġ ta', jew inkella li jsir negozjar ta' titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus b'maturità li taqbeż id-90 jum, maħruġa wara l-1 ta' Awwissu 2014 sat-12 ta' Settembru 2014, jew b'maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta' Settembru 2014 minn:

(a) istituzzjoni ewlenija tal-kreditu, jew istituzzjoni ewlenija oħra li jkollha mandat espliċitu li tippromwovi l-kompetittività tal-ekonomija Russa, id-diversifikazzjoni tagħha u tinkoraġġixxi l-investiment, stabbilita fir-Russja b'iktar minn 50 % ta' sjieda pubblika jew kontroll pubbliku fl-1 ta' Awwissu 2014, kif elenkata fl-Anness III; jew

(b) persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tiegħu jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta' entità elenkata fl-Anness III; jew

(c) persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' entità msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu jew elenkata fl-Anness III.

2.  Għandu jkun ipprojbit li b'mod dirett jew indirett jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta' investiment għal, jew assistenza fil-ħruġ ta', jew li b'xi mod ieħor isir negozjar f'titoli trasferibbli u strumenti fis-suq tal-flus b'maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta' Settembru 2014 minn:

(a) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja involuti b'mod predominanti f'attivitajiet tal-konċepiment, il-produzzjoni, il-bejgħ jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew servizzi militari, kif elenkati fl-Anness V, minbarra persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi attivi fis-setturi tal-ispazju jew tal-enerġija nukleari;

(b) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, taħt kontroll pubbliku jew li aktar minn 50 % tagħhom jaqa' taħt sjieda pubblika u li għandhom assi totali stmati ta' aktar minn triljun rublu Russu, u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta' prodotti petroliferi, kif elenkati fl-Anness VI;

(c) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikun, direttament jew indirettament, taħt is-sjieda ta' entità elenkata fil-punt (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu; jew

(d) persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' entità msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) ta' dan il-paragrafu.

▼M2

3.  Għandu jkun ipprojbit li, b'mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b'maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t-12 ta' Settembru 2014.

Il-projbizzjoni ma tapplikax għal:

(a) self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta' prodotti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn kwalunkwe Stat terz li jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta' esportazzjoni jew importazzjoni; jew

(b) selfiet li jkollhom objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament ta' emerġenza biex jissodisfaw kriterji ta' solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta' xi entità msemmija fl-Anness III.

▼M2

4.  Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma tapplikax għal użu ta' kreditu disponibbli jew żborżi magħmula skont kuntratt konkluż qabel it-12 ta' Settembru 2014 kemm-il darba jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-patti u l-kondizzjonijiet kollha ta' tali użu ta' kreditu disponibbli jew ta' tali żborżi:

(i) kienu miftehma qabel it-12 ta' Settembru 2014, u

(ii) ma kinux modifikati f'dik id-data jew wara; u

(b) qabel it-12 ta' Settembru 2014 ġiet iffissata data tal-maturità kuntrattwali għall-ħlas lura sħiħ tal-fondi kollha disponibbli u għall-kanċellazzjoni tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

Il-patti u l-kondizzjonijiet tal-użu ta' kreditu disponibbli u żborżi msemmija fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perjodu ta' ħlas lura għal kull użu ta' kreditu disponibbli jew żborż, ir-rata tal-imgħax applikata jew il-metodu ta' kalkolu tar-rata tal-imgħax, u l-ammont massimu.

▼B

Artikolu 6

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jaqsmu kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni:

(a) fir-rigward ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 3;

(b) fir-rigward ta' ksur u ta' problemi li jirrigwardaw l-infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  L-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li temenda l-Anness I abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti jridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

Artikolu 9

1.  L-Istati Membri jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness I. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil fl-indirizzi tas-siti tal-internet elenkati fl-Anness I.

2.  L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.  Fejn dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżit li l-Kummissjoni tkun notifikata, infurmata jew li ssir xi forma oħra ta' komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt għal tali komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness I.

Artikolu 10

Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi m'għandhomx iwasslu għal ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri li jinsabu f'dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.  L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

▼M1

(a) entitajiet imsemmijin fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 5(2), jew elenkati fl-Annessi III, IV, V u VI;

▼B

(b) kwalunkwe persuna, entità jew korp Russu ieħor;

(c) kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.

2.  Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex tingħata prova li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa' għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità li ma jintlaħqux l-obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 12

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2, 2a, 3a, 4, jew 5, inkluż billi wieħed jaġixxi bħala sostitut għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5, jew billi jintużaw l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 5(3) biex jiġu finanzjati entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5.

▼B

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni;

(b) abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadin ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru;

(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull kummerċ imwettaq, kompletament jew parzjalment, fl-Unjoni.

Artikolu 14

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Websajtsgħal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u indirizz biex tiġi nnotifikata l-Kummissjoni Ewropea

1. Informazzjoni dwar awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

ESTONJA

http://vm.ee/et/estonian-competent-authorities-implementation-eu-restrictive-measures

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://2010-2014.kormany.hu/download/b/3b/70000/ENSZBT-ET-szankcios-tajekoztato.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

2. Indirizz biex tiġi nnotifikata l-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

Indirizz elettroniku: relex-sanctions@ec.europa.eu




ANNESS II

▼M2

Lista ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 3

▼B



Kodiċi CN

Deskrizzjoni

7304 11 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-istainless steel

7304 19 10

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra mhux aktar minn 168.3 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 19 30

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 168.3 mm, iżda mhux aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 19 90

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 22 00

Virga ta' perforazzjoni, biċċa waħda, tal-istainless steel, ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass

7304 23 00

Virga ta' perforazzjoni, biċċa waħda, ta' tip użat fit-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass, tal-ħadid jew tal-azzar (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 29 10

Kejsing u tubi ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra mhux aktar minn 168.3 mm (ħlief prodotti tal-ħadid fondut)

7304 29 30

Kejsing u tubi ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 168.3 mm, iżda mhux aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-ħadid fondut)

7304 29 90

Kejsing u tubi ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-ħadid fondut)

7305 11 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u, dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, tal-ħadid jew tal-azzar, iwweldjati bl-ark mgħaddas mit-tul

7305 12 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, tal-ħadid jew tal-azzar, iwweldjati bl-ark mit-tul (ħlief prodotti iwweldjati bl-ark mgħaddas mit-tul)

7305 19 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u bid-dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar (ħlief prodotti iwweldjati bl-ark mit-tul)

7305 20 00

Kejsing ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar

7306 11

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, iwweldjat, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-istainless steel, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm

7306 19

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, iwweldjati, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel u tal-ħadid fondut)

7306 21 00

Kejsing u tubi ta' tip użati fit-tħaffir għal żejt jew gass, iwweldjati, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-istainless steel, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm

7306 29 00

Kejsing u tubi ta' tip użati fit-tħaffir għal żejt jew gass, iwweldjati, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-istainless steel, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

8207 13 00

Għodod għal tħaffir ta' blat jew toqob fl-art, interkambjabbli, bil-partijiet tax-xogħol ta' karburi jew ċermiti tal-metall sinterizzati

8207 19 10

Għodod għal tħaffir ta' blat jew toqob fl-art, interkambjabbli, bil-parti tax-xogħol tad-djamant jew djamant agglomerat

▼M2

ex 8413 50

Pompi reċiprokanti bi spustament pożittiv għal likwidi, li jaħdmu b'mutur bi fluss massimu ta' iktar minn 18 m3 fis-siegħa u pressjoni massima ta' iktar minn 40 bar, imfassla b'mod speċjali għall-ippumpjar ta' tajn tat-tħaffir u/jew siment fi bjar taż-żejt

ex 8413 60

Pompi rotatorji bi spustament pożittiv għal likwidi, li jaħdmu b'mutur bi fluss massimu ta' iktar minn 18 m3 fis-siegħa u pressjoni massima ta' iktar minn 40 bar, imfassla b'mod speċjali għall-ippumpjar ta' tajn tat-tħaffir u/jew siment fi bjar taż-żejt

▼B

8413 82 00

Magni għall-irfigħ tal-likwidi (ħlief pompi)

8413 92 00

Partijiet ta' magni għall-irfigħ tal-likwidi, mhux speċifikati xi mkien ieħor

8430 49 00

Makkinarju għal tħaffir jew tħaffir ta' xaftijiet żgħar fil-minjieri għat-tħaffir tal-art jew l-estrazzjoni ta' minerali jew metalli mhux maħduma, li mhux immexxi minnu nnifsu u mhux idrawliku (ħlief makkinarju li jħaffer il-mini u għodda mħaddma bl-idejn)

▼M2

ex 8431 39 00

Partijiet adattati biss għall-użu jew prinċipalment għall-użu mal-makkinarju tal-intestatura 8428

ex 8431 43 00

Partijiet adattati biss għall-użu jew prinċipalment għall-użu mal-makkinarju tas-subintestaturi 8430 41 jew 8430 49

ex 8431 49

Partijiet adattati biss għall-użu jew prinċipalment għall-użu mal-makkinarju tal-intestaturi 8426 , 8429 and 8430

▼B

8705 20 00

Deriks mobbli għat-tħaffir

8905 20 00

Pjattaformi ta' tħaffir jew ta' produzzjoni li jżommu f'wiċċ l-ilma jew li jinżlu taħt l-ilma

8905 90 10

Bastimenti ħfief, fire-floats, krejnijiet li jżommu f'wiċċ l-ilma u bastimenti oħrajn, li l-kundizzjoni ta' tbaħħir tagħhom hija sussidjarja għall-funzjoni prinċipali tagħhom; (ħlief deġers, pjattaformi ta' tħaffir jew ta' produzzjoni li jżommu f'wiċċ l-ilma jew li jinżlu taħt l-ilma; bastimenti tas-sajd u tal-gwerra)




ANNESS III

Lista tal-istituzzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(a)

1. SBERBANK

2. VTB BANK

3. GAZPROMBANK

4. VNESHECONOMBANK (VEB)

5. ROSSELKHOZBANK

▼M2




ANNESS IV

Lista ta ' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2a

JSC Sirius

OJSC Stankoinstrument

OAO JSC Chemcomposite

JSC Kalashnikov

JSC Tula Arms Plant

NPK Technologii Maschinostrojenija

OAO Wysokototschnye Kompleksi

OAO Almaz Antey

OAO NPO Bazalt

▼M1




ANNESS V

Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 5(2)(a)

OPK OBORONPROM

UNITED AIRCRAFT CORPORATION

URALVAGONZAVOD




ANNESS VI

Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 5(2)(b)

ROSNEFT

TRANSNEFT

GAZPROM NEFT



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

( 2 ) L-aħħar verżjoni ppubblikata fil-ĠU C 107, 9.4.2014, p. 1.