02014R0654 — MT — 13.02.2021 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 654/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(ĠU L 189 27.6.2014, p. 50)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2015/1843 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta' Ottubru 2015

  L 272

1

16.10.2015

►M2

REGOLAMENT (UE) 2021/167 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-10 ta’ Frar 2021

  L 49

1

12.2.2021


Ikkoreġut bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 243, 18.9.2015, p.  14 (654/2014)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 654/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli u proċeduri sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv u f'waqtu tad-drittijiet tal-Unjoni li tissospendi jew tirtira konċessjonijiet jew obbligi oħra skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali, bil-ħsieb li:

(a) 

jkun hemm reazzjoni għal ksur minn pajjiżi terzi ta' regoli kummerċjali internazzjonali li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti li tirrestawra l-benefiċċji għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni;

▼M2

(b) 

jiġu riekwilibrati l-konċessjonijiet jew obbligi oħra fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, meta t-trattament mogħti lill-oġġetti jew lis-servizzi mill-Unjoni jinbidel b’mod li jaffettwa l-interessi tal-Unjoni.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

"pajjiż" tfisser kull Stat jew territorju doganali separat;

▼M2

(b) 

"konċessjonijiet jew obbligi oħra" tfisser konċessjonijiet tariffarji jew obbligi jew benefiċċji oħra fil-qasam tal-kummerċ fl-oġġetti jew fis-servizzi, jew li jikkonċernaw l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li l-Unjoni tkun impenjat ruħha li tapplika fil-kummerċ tagħha ma’ pajjiżi terzi bis-saħħa ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali li għalihom hija tkun parti;

▼B

(c) 

"livell ta' tħassir jew indeboliment" tfisser il-grad ta’ kemm il-benefiċċji dovuti lill-Unjoni skont ftehim kummerċjali internazzjonali huma affettwati. Għajr fejn definit mod ieħor fil-ftehim rilevanti, dan jinkludi kwalunkwe impatt ekonomiku negattiv li jirriżulta minn miżura ta' pajjiż terz;

(d) 

"penali mandatorja tal-prezzijiet" tfisser obbligu fuq awtoritajiet kontraenti jew għall-entitajiet li jwettqu proċeduri ta’ akkwist pubbliku biex iżidu, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, il-prezz ta' servizzi u/jew ta' prodotti li joriġinaw f'ċerti pajjiżi terzi li ġew offruti fi proċeduri ta' għoti ta' kuntratti.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika:

(a) 

wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwim kummerċjali taħt il-Ftehim tad-WTO dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim), meta l-Unjoni tkun ġiet awtorizzata li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra skont il-ftehimiet multilaterali u plurilaterali koperti bil-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim;

▼M2

(aa) 

wara ċ-ċirkolazzjoni ta’ rapport tal-panel tad-WTO li jikkonferma, b’mod sħiħ jew parzjali, it-talbiet imressqa mill-Unjoni, jekk ma jkunx jista’ jiġi konkluż appell taħt l-Artikolu 17 tal-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim u jekk il-pajjiż terz ma jkunx qabel li jsir arbitraġġ ta’ appell interim taħt l-Artikolu 25 tal-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim;

▼B

(b) 

wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwim kummerċjali skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, meta l-Unjoni għandha d-dritt li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra skont ftehimiet bħal dawn;

▼M2

(ba) 

f’tilwim kummerċjali relatat ma’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, jekk l-aġġudikazzjoni ma tkunx possibbli minħabba li l-pajjiż terz ma jkunx qed jieħu l-passi li jkunu meħtieġa biex tkun tista’ tiffunzjona proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, inkluż jekk ikun qed idewwem il-proċedimenti indebitament bl-effett li dan jammonta għal nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-proċess;

▼B

(c) 

għall-bilanċjar mill-ġdid ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra, li għalihom l-applikazzjoni ta' miżura ta' salvagwardja minn pajjiż terz tista’ tagħti d-dritt skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji jew għad-dispożizzjonijiet dwar salvagwardji inklużi fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali;

▼M2

(d) 

f’każijiet ta’ modifika tal-konċessjonijiet jew tal-impenji minn membru tad-WTO taħt l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 jew l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), fejn ma jkun ġie miftiehem l-ebda aġġustament ta’ kumpens u, fir-rigward tas-servizzi, l-aġġustamenti ta’ kumpens ma jsirux f’konformità mal-konklużjonijiet tal-arbitraġġ skont l-Artikolu XXI tal-GATS.

▼B

Artikolu 4

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni

1.  
Fejn hija meħtieġa azzjoni biex tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-miżuri xierqa ta' politika kummerċjali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
2.  

L-atti ta' implementazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

fejn konċessjonijiet jew obbligi oħra huma sospiżi wara l-aġġudikazzjoni ta' tilwim kummerċjali skont il-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim, il-livell tagħhom ma għandux jaqbeż il-livell awtorizzat mill-Korp tar-Riżoluzzjonitat-Tilwim tad-WTO;

(b) 

fejn konċessjonijiet jew obbligi oħra huma sospiżi wara t-twettiq ta’ proċedura għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, il-livell tagħhom ma għandux jeċċedi l-livell ta' tħassir jew ħsara li jirriżulta mill-miżura kkonċernata tal-pajjiż terz kif iddeterminat mill-Kummissjoni jew permezz ta' rikors għall-arbitraġġ, skont kif ikun il-każ;

▼M2

(ba) 

fejn jittieħdu miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ ma’ pajjiż terz f’sitwazzjonijiet fl-ambitu tal-punt (aa) jew (ba) tal-Artikolu 3, il-livell ta’ tali miżuri m’għandux jeċċedi l-livell ta’ tħassir jew indeboliment tal-interessi kummerċjali tal-Unjoni kkawżat mill-miżuri ta’ dak il-pajjiż terz;

▼B

(c) 

fil-każ tal-bilanċjar mill-ġdid ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra skont id-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun sostanzjalment ekwivalenti għal-livell ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra affettwati mill-miżura ta' salvagwardja, skont il-kondizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji jew tad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, li taħthom il-miżura tas-salvagwardja tiġi applikata;

▼M2

(d) 

fejn konċessjonijiet jew impenji jkunu modifikati jew irtirati fil-kummerċ ma’ pajjiż terz b’konnessjoni mal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-Ftehim relatat ( 1 ), jew mal-Artikolu XXI tal-GATS u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni relatati, dawn għandhom ikunu sostanzjalment ekwivalenti għall-konċessjonijiet jew l-impenji modifikati jew irtirati minn dak il-pajjiż terz, skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-Ftehim relatat jew fl-Artikolu XXI tal-GATS u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni relatati.

▼B

3.  

Il-miżuri ta' politika kummerċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu determinati abbażi tal-kriterji li ġejjin, fid-dawl tat-tagħrif disponibbli u fl-interess ġenerali tal-Unjoni:

(a) 

l-effettività tal-miżuri fit-tnedija tal-konformità ta' pajjiżi terzi mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali;

(b) 

il-potenzjal tal-miżuri li jipprovdu eżenzjoni lill-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni affettwati minn miżuri ta' pajjiżi terzi;

(c) 

id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista għall-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati, biex ikun evitat jew minimizzat kwalunkwe impatt negattiv fuq l-industriji downstream, awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, jew fuq il-konsumaturi finali fl-Unjoni;

(d) 

l-evitar ta' kumplessità amministrattiva sproporzjonata u spejjeż fl-applikazzjoni tal-miżuri;

(e) 

kwalunkwe kriterju speċifiku li jista' jiġi stabbilit fi ftehimiet internazzjonali tal-kummerċ relatati mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

Miżuri ta' politika kummerċjali

1.  

Bla ħsara għal kull ftehim internazzjonali li tiegħu l-Unjoni hija parti, il-miżuri tal-politika kummerċjali li jistgħu jiġu attivati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1) għandhom jikkonsistu minn:

(a) 

is-sospensjoni tal-konċessjonijiet tat-tariffi u l-impożizzjoni ta' dazji doganali ġodda jew miżjuda, inkluż l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazji doganali f'livell tan-nazzjon l-aktar iffavorit jew l-impożizzjoni ta' dazji doganali lil hinn mil-livell tan-nazzjon l-iktar iffavorit, jew l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe ħlas addizzjonali fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta' oġġetti;

(b) 

l-introduzzjoni jew iż-żieda ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta' oġġetti, kemm jekk jiġu applikati permezz ta' kwoti, permezz ta' liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni kif ukoll permezz ta' miżuri oħra;

▼M2

(ba) 

is-sospensjoni tal-obbligi rigward il-kummerċ fis-servizzi u l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fis-servizzi;

(bb) 

is-sospensjoni tal-obbligi fir-rigward tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ mogħtija minn istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni u validi fl-Unjoni kollha, u l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-protezzjoni ta’ tali drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-isfruttament kummerċjali tagħhom, fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li jkunu ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat;

▼B

(c) 

is-sospensjoni tal-konċessjonijiet rigward oġġetti, servizzi jew fornituri fil-qasam tal-akkwist pubbliku, permezz ta':

(i) 

l-esklużjoni mill-akkwist pubbliku ta' fornituri ta' oġġetti jew servizzi stabbiliti fil-pajjiż terz ikkonċernat u joperaw minnu u/jew tal-offerti li l-valur globali tagħhom huwa magħmul għal aktar minn 50 % ta' oġġetti jew servizzi li joriġinaw fil-pajjiż terz ikkonċernat; u/jew

(ii) 

l-impożizzjoni ta' penali obbligatorja fuq il-prezz fuq offerti ta' fornituri ta' oġġetti jew servizzi stabbiliti fil-pajjiż terz ikkonċernat u joperaw minnu u/jew fuq dik il-parti tal-offerta li tikkonsisti f'oġġetti jew servizzi li joriġinaw fil-pajjiż terz ikkonċernat.

▼M2

1a.  

Meta tkun qed tagħżel il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont il-punt (ba) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra l-miżuri skont il-ġerarkija tal-passi li ġejja:

(a) 

miżuri relatati mal-kummerċ fis-servizzi li jeħtieġu awtorizzazzjoni b’validità fl-Unjoni kollha u li tkun ibbażata fuq leġiżlazzjoni sekondarja, jew, fejn ma jkunux disponibbli tali miżuri,

(b) 

miżuri relatati ma’ servizzi oħra f’oqsma fejn teżisti leġiżlazzjoni estensiva tal-Unjoni, jew, fejn ma jkunux disponibbli tali miżuri,

(c) 

miżuri li l-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettaq skont l-Artikolu 9(1a), kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1b), wera li ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-proċess tal-amministrazzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti.

1b.  

Il-miżuri adottati skont il-punti (ba) u (bb) tal-paragrafu 1 għandhom:

(a) 

ikunu soġġetti għal eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 9(1a);

(b) 

jiġu aġġustati, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1) fejn, wara rieżami mwettaq skont l-Artikolu 9(1a), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri mhumiex effettivi biżżejjed jew jimponu piż mhux raġonevoli fuq il-proċess tal-amministrazzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti. Tali rieżami mill-Kummissjoni għandu l-ewwel isir sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni tal-miżuri u f’intervalli ta’ tnax-il xahar minn hemm ’il quddiem;

(c) 

ikunu soġġetti għal rapport ta’ evalwazzjoni, sitt xhur wara t-terminazzjoni tagħhom u abbażi, inter alia, tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, li għandu jeżamina l-effettività u l-operat tagħhom, u jasal għal konklużjonijiet possibbli għal miżuri futuri.

▼B

2.  

Il-miżuri adottati skont il-paragrafu 1(c) għandhom:

(a) 

jinkludu limiti minimi, skont il-karatteristiċi tal-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati, li jekk jinqabżu għandha tiġi applikata l-esklużjoni u/jew il-penali obbligatorja fuq il-prezz, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kummerċjali kkonċernat u l-livell ta' tħassir jew indeboliment;

(b) 

jiddeterminaw is-setturi jew il-kategoriji ta' oġġetti jew servizzi li japplikaw għalihom, kif ukoll kwalunkwe eċċezzjoni applikabbli;

(c) 

jiddeterminaw l-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti jew il-kategoriji ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, elenkati mill-Istat Membru, li l-akkwist tagħhom huwa kopert. Biex tiġi pprovduta l-bażi għal din id-determinazzjoni kull Stat Membru għandu jippreżenta lista ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti adatti jew kategoriji ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti. Il-miżuri għandhom jiżguraw li jinkiseb livell adatt ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra u distribuzzjoni ġusta fost l-Istati Membri.

Artikolu 6

Regoli ta’ oriġini

1.  
L-oriġini ta' prodott għandha tiġi determinata skont ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
2.  

L-oriġini ta' servizz għandha tkun determinata skont l-oriġini tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tipprovdih. L-oriġini ta' min jipprovdi s-servizz għandha titqies bħala:

(a) 

fil-każ ta' persuna fiżika, il-pajjiż fejn il-persuna tkun ċittadin jew fejn ikollha d-dritt ta' residenza permanenti;

(b) 

fil-każ ta' persuna ġuridika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) 

jekk is-servizz huwa pprovdut b'mod ieħor li mhuwiex preżenza kummerċjali fl-Unjoni, il-pajjiż fejn il-persuna ġuridika tkun ikkostitwita jew organizzata skont il-liġijiet ta' dak il-pajjiż u fit-territorju fejn il-persuna ġuridika tkun impenjata f'operazzjonijiet sostantivi ta' negozju;

(ii) 

jekk is-servizz huwa pprovdut permezz ta' preżenza kummerċjali fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn il-persuna ġuridika tkun stabbilita u fit-territorju li tkun impenjata f'operazzjonijiet sostantivi ta' negozju b'mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru.

Għall-finijiet tal-punt (ii) tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jekk il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz ma tkunx impenjata f'operazzjonijiet sostantivi ta' negozju b'mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita, l-oriġini ta' dik il-persuna ġuridika għandha titqies li hija l-oriġini tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom is-sjieda tagħha jew li jikkontrollawha.

Il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz għandha titqies bħala "li tappartjeni" lill-persuni ta' pajjiż partikolari jekk aktar minn 50 % tal-interess ta' ekwità fiha jkun proprjetà benefiċjarja ta' persuni minn dak il-pajjiż u "kkontrollata" minn persuni ta' pajjiż partikolari jekk dawn il-persuni jkollhom is-setgħa jaħtru l-maġġoranza tad-diretturi tagħha jew inkella li jmexxu legalment l-azzjonijiet tagħha.

▼M2

3.  
Fir-rigward tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, it-terminu “ċittadini” għandu jinftiehem fl-istess sens kif użat fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ.

▼B

Artikolu 7

Sospensjoni, modifika u tħassir ta' miżuri

1.  
Fejn, wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1), il-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b), il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dak l-att ta' implimentazzjoni għat-tul tal-perijodu ta’ kumpens. Is-sospensjoni għandha tiġi deċiża skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
2.  

Il-Kummissjoni għandha tħassar att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 4(1) f'kull waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) 

meta l-pajjiż terz li l-miżuri tiegħu nstab li kienu fi ksur tar–regoli tal-kummerċ internazzjonali fi proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim isir konformi, jew fejn soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti ta' xorta oħra tkun intlaħqet;

(b) 

f'każijiet ta' ibbilanċjar mill-ġdid ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra wara l-adozzjoni minn pajjiż terz ta' miżura ta' salvagwardja, meta l-miżura tas-salvagwardja tiġi rtirata jew tiskadi, jew meta l-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1);

▼M2

(c) 

f’każijiet ta’ rtirar jew modifika tal-konċessjonijiet jew l-impenji minn membru tad-WTO taħt l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 jew l-Artikolu XXI tal-GATS, meta l-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 4(1).

▼B

It-tħassir imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi deċiż skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).

3.  
Fejn huwa meħtieġ li jsiru aġġustamenti għal miżuri ta' politika kummerċjali adottati skont dan ir-Regolament, soġġett għall-Artikolu 4(2) u 4(3), il-Kummissjoni tista’ tintroduċi kwalunkwe emendi xierqa skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
4.  
Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati marbuta mat-tneħħija jew il-modifika tal-miżura kkonċernata tal-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli li jissospendu, jemendaw jew li jħassru l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(1), kif previst f'dan l-Artikolu, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(3).

Artikolu 8

Proċedura tal-kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 3286/94. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 9

Ġbir ta' tagħrif

▼M2

1.  
Il-Kummissjoni għandha tfittex tikseb informazzjoni u fehmiet dwar l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f’setturi speċifiċi ta’ oġġetti jew servizzi, jew fir-rigward ta’ aspetti speċifiċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni pubbliċi adatti oħra, fejn tindika l-perjodu li fih għandu jiġi ppreżentat il-kontribut. Il-Kummissjoni għandha tqis il-kontribut li tkun irċeviet.

▼M2

1a.  

Meta l-Kummissjoni tipprevedi miżuri skont il-punt (ba) jew (bb) tal-Artikolu 5(1), hija għandha tinforma u tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija, affettwati minn miżuri possibbli tal-politika kummerċjali u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri involuti fil-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-oqsma affettwati. Mingħajr ma ddewwem bla bżonn l-adozzjoni ta’ tali miżuri, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tfittex tikseb informazzjoni dwar:

(a) 

l-impatt ta’ tali miżuri fuq fornituri ta’ servizzi ta’ pajjiżi terzi jew detenturi ta’ drittijiet li jkunu ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat u fuq kompetituri, utenti jew konsumaturi fl-Unjoni ta’ tali servizzi jew detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b) 

l-interazzjoni ta’ tali miżuri mar-regolamenti rilevanti tal-Istati Membri;

(c) 

il-piż amministrattiv li jista’ jinħoloq minn tali miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tqis bl-akbar reqqa l-informazzjoni miġbura matul tali konsultazzjonijiet.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi tal-miżuri previsti lill-Istati Membri meta tkun qed tipproponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 8.

▼B

2.  
Tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.
3.  
La l-Parlament Ewropew, la l-Kunsill, la l-Kummissjoni, u lanqas l-Istati Membri jew l-uffiċjali rispettivi tagħhom ma għandhom jiżvelaw xi tagħrif ta' natura kunfidenzjali li jasal skont dan ir-Regolament, mingħajr permess speċifiku minn min jipprovdi dan it-tagħrif.
4.  
Min jipprovdi t-tagħrif jista' jitlob li t-tagħrif ipprovdut jiġi ttrattat bħala kunfidenzjali. F'każijiet bħal dawn, it-tagħrif għandu jkun akkumpanjat minn sommarju mhux kunfidenzjali li jippreżenta t-tagħrif f'forma ġeneralizzata jew minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex ma jistax isir sommarju ta' dan it-tagħrif.
5.  
Jekk jidher li t-talba għall-kunfidenzjalità mhijiex ġustifikata u jekk min jipprovdi t-tagħrif mhuwiex lest li jew jagħmel it-tagħrif pubbliku jew li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f'termini ġenerali jew bħala sommarju, dan it-tagħrif jista' ma jiġix ikkalkolat.
6.  
Il-paragrafi 2 sa 5 ma għandhomx jipprekludu l-iżvelar ta' tagħrif ġenerali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dan l-iżvelar għandu jqis l-interess leġittimu tal-partijiet ikkonċernati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux iddivulgati.

▼M2

Artikolu 10

Rieżami

1.  
Mal-ewwel opportunità possibbli wara t-13 ta’ Frar 2021, iżda mhux aktar tard minn sena wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-miżuri ta’ politika kummerċjali li jistgħu jiġu adottati, kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu, u għandha tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2.  
Meta taġixxi skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami bl-għan li tipprevedi fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament miżuri addizzjonali ta’ politika kummerċjali li jissospendu konċessjonijiet jew obbligi oħra fil-qasam tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli tal-kummerċ internazzjonali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3286/94.

Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u soġġetti għall-kontroll tal-Istati Membri. Fl-eżerċitar ta' din is-setgħa, il-Kummissjoni beħsiebha taġixxi skont din id-Dikjarazzjoni.

Meta tipprepara abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ser twettaq konsultazzjonijiet estensivi bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interessi rilevanti kollha huma kkunsidrati kif xieraq. Permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tistenna li tirċievi kontribuzzjoni minn partijiet interessati privati affettwati minn miżuri ta’ pajjiżi terzi jew minn miżuri ta’ politika kummerċjali possibbli li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tistenna li tirċievi kontribut minn awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali possibbli li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni. Fil-każ ta’ miżuri fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’mod partikolari ser jitqies l-input tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fit-tħejjija ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tal-Istati Membri li jirċievu informazzjoni f’waqtha meta tkun qed tikkonsidra l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet infurmati bis-sħiħ u ser jaġixxu biex jilħqu dan l-għan.

Il-Kummissjoni tikkonferma li ser tibgħat minnufih abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill li hija tippreżenta lill-Kumitat tal-Istati Membri. Bl-istess mod, din ser tibgħat minnufih l-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill wara l-wasla tal-opinjonijiet fil-Kumitat.

Il-Kummissjoni ser iżżomm lill-Parlament u lill-Kunsill regolarment infurmati dwar żviluppi internazzjonali li jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri skont ir-Regolament. Dan ser isir permezz tal-kumitati responsabbli fil-Kunsill u fil-Parlament.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-intenzjoni tal-Parlament li tippromwovi djalogu strutturat dwar is-soluzzjoni tat-tilwim u kwistjonijiet ta’ infurzar u ser timpenja ruħha bis-sħiħ f'sessjonijiet partikolari mal-kumitat Parlamentari responsabbli għal skambju ta’ fehmiet dwar tilwim kummerċjali u azzjonijiet ta’ infurzar, inklużi fir-rigward tal-impatti fuq l-industriji tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonferma li hija tagħti importanza kbira lill-fatt li jiġi żgurat li r-Regolament huwa għodda effettiva u effiċjenti għall-infurzar tad-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tirrevedi l-ambitu tal-Artikolu 5 skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, bil-għan li tkopri miżuri ta’ politika kummerċjali addizzjonali dwar il-kummerċ fis-servizzi hekk kif il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat it-tħaddim u l-effettività ta’ dawn il-miżuri jkunu preżenti.



( 1 ) Ftehim “Interpretazzjoni u Applikazzjoni tal-Artikolu XXVIII”.