02014R0652 — MT — 01.01.2018 — 005.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) Nru 652/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014 (ĠU L 189 27.6.2014, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2016/1012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' Ġunju 2016 |
L 171 |
66 |
29.6.2016 |
|
REGOLAMENT (UE) 2016/2031 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta' Ottubru 2016 |
L 317 |
4 |
23.11.2016 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/67 tal-4 ta' Novembru 2016 |
L 9 |
2 |
13.1.2017 |
|
REGOLAMENT (UE) 2017/625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Marzu 2017 |
L 95 |
1 |
7.4.2017 |
|
REGOLAMENT (UE) 2017/2393 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' Diċembru 2017 |
L 350 |
15 |
29.12.2017 |
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT (UE) Nru 652/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Mejju 2014
li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
KAPITOLU I
Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u objettivi
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma koperti mir-regoli tal-Unjoni:
(a) li jirregolaw l-ikel u s-sikurezza tal-ikel, f’kull stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u r-rimi tal-ikel, inklużi r-regoli mmirati biex jiggarantixxu l-prattiki ġusti fil-kummerċ u jħarsu l-interessi u l-informazzjoni tal-konsumaturi, u l-manifattura u l-użu ta’ materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel;
(b) li jirregolaw l-għalf u s-sikurezza tal-għalf fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u r-rimi u l-użu tal-għalf, inklużi regoli mmirati biex jiggarantixxu l-prattiki ġusti fil-kummerċ u jħarsu l-interessi u l-informazzjoni tal-konsumaturi;
(c) li jistabbilixxu r-rekwiżiti għas-saħħa tal-annimali;
(d) li jistabbilixxu r-rekwiżiti għat-trattament xieraq tal-annimali;
(e) dwar il-miżuri protettivi kontra organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/29/KE (“pesti”);
(f) dwar il-produzzjoni, bil-ħsieb li jitqiegħdu fis-suq, u t-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti;
(g) li jistabbilixxu r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi;
(h) li jimmiraw lejn il-prevenzjoni u l-imminimizzar tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali kkawżati minn prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;
(i) li jirregolaw ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati;
(j) dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-varjetajiet ta’ pjanti kif ukoll il-konservazzjoni u l-iskambju ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.
Artikolu 2
Objettivi
1. In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha timmira li tilħaq:
(a) l-objettiv ġenerali li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ saħħa għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina tal-ikel u f’oqsma relatati, billi jiġu pprevenuti u meqruda l-mard u l-pesti, u billi tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-ambjent filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-ikel u tal-għalf fl-Unjoni tiffavorixxi l-ħolqien tal-impjiegi;
(b) l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
(i) li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel u tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel u ta’ prodotti oħra li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tal-ikel, filwaqt li ttejjeb is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel;
(ii) li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-istatus tas-saħħa tal-annimali ogħla għall-Unjoni u li tappoġġa t-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali;
(iii) li tikkontribwixxi għall-individwazzjoni f’waqtha tal-pesti u l-qerda tagħhom meta dawk il-pesti jkunu daħlu fl-Unjoni;
(iv) li tikkontribwixxi biex jitjiebu l-effikaċja, l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra mwettqa fid-dawl tal-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 u l-konformità magħhom.
2. Sabiex titkejjel il-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jintużaw l-indikaturi li ġejjin:
(a) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(i), tnaqqis tal-għadd ta’ każijiet ta’ mard fil-bnedmin fl-Unjoni u li huma marbuta mas-sikurezza tal-ikel jew maż-żoonożi;
(b) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(ii):
(i) żieda fl-għadd ta’ Stati Membri jew ir-reġjuni tagħhom li huma ħielsa mill-mard tal-annimali li għalih tingħata kontribuzzjoni finanzjarja;
(ii) tnaqqis kumplessiv tal-parametri tal-mard bħalma huma l-inċidenza, il-prevalenza u l-għadd ta’ tifqigħat;
(c) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(iii):
(i) il-kopertura tat-territorju tal-Unjoni permezz ta’ stħarriġ għall-pesti, b’mod partikolari għall-pesti li l-preżenza tagħhom ma ġietx individwata fit-territorju tal-Unjoni u l-pesti meqjusa bħala l-aktar perikolużi għat-territorju tal-Unjoni;
(ii) iż-żmien u r-rata ta’ suċċess għall-qerda ta’ dawk il-pesti;
(d) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(iv), xejra favorevoli tar-riżultati tal-kontrolli f’oqsma partikolari ta’ tħassib imwettqa u rrapportati minn esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri.
KAPITOLU II
Modi ta’ finanzjament u dispożizzjonijiet finanzjarji ġenerali
Artikolu 3
Modi ta’ finanzjament
1. Il-finanzjament mill-Unjoni għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandu jiġi implimentat b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
2. Meta jingħataw għotjiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dawn għandhom jiġu meqjusa bħala benefiċjarji identifikati fis-sens tal-Artikolu 128(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Tali għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għal proposti.
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ pagamenti volontarji lil organizzazzjonijiet internazzjonali, li tagħhom l-Unjoni hija membru jew li fil-ħidma tagħhom hija tipparteċipa, li huma attivi fl-oqsma koperti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 4
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għall-perjodu 2014 – 2020 għandu jkun ta’ EUR 1 891 936 000 bil-prezzijiet attwali.
2. Il-limitu massimu imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni u l-ksib tal-objettivi tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1, b’mod partikolari fir-rigward ta’ studji u laqgħat ta’ esperti, l-ispejjeż marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, u l-ispejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni ta’ dik in-nefqa.
3. Il-limitu massimu jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni minn azzjonijiet adottati qabel għal azzjonijiet adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jekk hu meħtieġ, l-approprjazzjoni tista’ tiddaħħal fil-baġit lil hinn mill-2020 biex tkopri spejjeż simili sabiex tippermetti l-ġestjoni tal-azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-31 ta’ Diċembru 2020.
4. Fil-każ tal-approvazzjoni ta' azzjonijiet pluriennali, l-impenji baġitarji jistgħu jiġu diviżi f'pagamenti annwali. Fejn l-impenji baġitarji jiġu diviżi hekk, il-Kummissjoni għandha timpenja l-pagamenti annwali b'kont meħud tal-progress tal-azzjonijiet, l-istimi tal-ħtiġijiet u l-baġit disponibbli.
Artikolu 5
Rati massimi tal-għotjiet
1. Meta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tieħu l-forma ta’ għotja, din ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.
2. Ir-rata massima msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiżdied għal 75 % tal-ispejjeż eliġibbli fir-rigward ta’:
(a) attivitajiet transkonfinali implimentati flimkien minn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex jikkontrollaw, jipprevjenu jew jeqirdu l-pesti jew il-mard tal-annimali;
(b) l-Istati Membri li l-introjtu nazzjonali gross tagħhom għal kull abitant abbażi tal-aħħar dejta tal-Eurostat ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni.
3. Ir-rata massima msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiżdied għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli meta l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni jkunu jikkonċernaw il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ riskji serji tas-saħħa tal-bnedmin, il-pjanti u l-annimali għall-Unjoni, u:
(a) huma mfassla biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi umani jew tħarbit ekonomiku maġġuri għall-Unjoni kollha kemm hi;
(b) huma kompiti speċifiċi li huma indispensabbli għall-Unjoni kollha kemm hi kif ġie stabbilit mill-Kummissjoni fil-programm ta’ ħidma adottat skont l-Artikolu 36(1); jew
(c) huma implimentati f’pajjiżi terzi.
TITOLU II
DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI
KAPITOLU I
Is-saħħa tal-annimali
Artikolu 6
Miżuri eliġibbli
1. L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri sar-rati massimi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (3) fir-rigward tal-miżuri meħuda bħala riżultat tal-konferma li okkorriet waħda mill-mard tal-annimali elenkati skont l-Artikolu 7, dment li l-miżuri jkunu ġew applikati immedjatament u d-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni jkunu ġew imħarsa. Tali għotjiet jistgħu jinkludu wkoll dawk l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat ta’ okkorrenza suspettuża ta’ xi marda, kemm-il darba dik l-okkorrenza tal-marda ġiet sussegwentement ikkonfermata.
2. Jistgħu jingħataw għotjiet lil Stati Membri fejn, wara l-konferma tal-okkorrenza ta’ waħda mill-mardiet tal-annimali elenkati skont l-Artikolu 7, żewġ Stati Membri jew aktar jikkollaboraw mill-qrib biex jikkontrollaw l-epidemija.
3. Jistgħu jingħataw għotjiet lil Stati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni meħuda f’każ ta’ theddida diretta għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni b’riżultat tal-okkorrenza jew l-iżvilupp, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew Stat Membru, ta’ waħda mill-mard tal-annimali u ż-żoonożi elenkati skont l-Artikoli 7 jew 10.
4. L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi, fuq talba ta’ Stat Membru, li għandhom jistabbilixxu ħażniet ta’ prodotti bijoloġiċi maħsuba għall-kontroll tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi elenkati skont l-Artikoli 7 jew 10.
5. Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni tista’ tingħata għat-twaqqif ta’ ħażniet ta’ prodotti bijoloġiċi jew l-akkwist ta’ dożi ta’ vaċċin jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ta’ waħda mill-mard tal-annimali u taż-żoonożi elenkati skont l-Artikolu 7 jew 10, jistgħu jikkostitwixxu theddida għall-Unjoni.
Artikolu 7
Lista ta’ mard tal-annimali
1. Il-lista ta’ mard tal-annimali li jikkwalifika għal finanzjament taħt l-Artikolu 6 hija stabbilita fl-Anness I.
2. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 40, bil-għan li tissupplimenta l-lista ta’ mard tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jitqies il-mard tal-annimali li jrid jiġi notifikat b’konformità mad-Direttiva 82/894/KEE u l-mard li x’aktarx jikkostitwixxu theddida ġdida għall-Unjoni minħabba l-impatt sinifikanti tagħhom fuq:
(a) is-saħħa tal-bniedem;
(b) is-saħħa tal-annimali jew it-trattament xieraq tal-annimali; jew
(c) il-produzzjoni tal-agrikoltura jew tal-akkwakultura jew setturi relatati tal-ekonomija.
Artikolu 8
Spejjeż eliġibbli
1. L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(1) jistgħu jikkwalifikaw għal finanzjament taħt dak il-paragrafu:
(a) l-ispejjeż ta’ kumpens għas-sidien għall-valur tal-annimali tagħhom imbiċċra jew maqtula, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ tali annimali kieku ma ntlaqtux mill-marda;
(b) l-ispejjeż tat-tbiċċir u l-qtil tal-annimali u spejjeż tat-trasport relatati;
(c) l-ispejjeż ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-prodotti meqruda tagħhom ta’ oriġini mill-annimali, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ dawk il-prodotti immedjatament qabel ma jkun inħoloq xi suspett tal-marda jew qabel dan is-suspett ikun ġie kkonfermat;
(d) l-ispejjeż ta’ tindif, diżinsettizzazzjoni u diżinfezzjoni tal-azjendi u tat-tagħmir, ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu;
(e) l-ispejjeż għat-trasport u l-qerda tal-għalf kontaminat u, fejn ma jistax jiġi diżinfettat, it-tagħmir kontaminat;
(f) l-ispejjeż tax-xiri, il-ħżin, il-ġestjoni jew id-distribuzzjoni tal-vaċċini u l-lixka kif ukoll l-ispejjeż tat-tilqim stess, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi jew tawtorizza tali azzjonijiet;
(g) l-ispejjeż tat-trasport u r-rimi tal-karkassi;
(h) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, kull spiża oħra essenzjali għall-qerda tal-marda kif previst fid-deċiżjoni tal-finanzjament imsemmija fl-Artikolu 36(4) ta’ dan ir-Regolament.
2. Kif imsemmi fl-Artikolu 130(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli mid-data tan-notifika tal-okkorrenza tal-marda mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu wkoll l-ispejjeż magħmula bħala riżultat ta’ okkorrenza suspettata ta’ marda bħal din, bil-kundizzjoni li dik il-okkorrenza tkun sussegwentement konfermata.
3. Wara valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-pagamenti ppreżentata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-impenji baġitarji korrispondenti u għandha tħallas in-nefqa eliġibbli.
Artikolu 9
Programmi eliġibbli
Jistgħu jingħataw għotjiet lill-programmi nazzjonali annwali jew pluriennali tal-Istati Membri għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi elenkati skont l-Artikolu 10 (“programmi nazzjonali”).
Artikolu 10
Lista ta’ mard tal-annimali u żoonożi
1. Il-lista ta’ mard tal-annimali u żoonożi li jikkwalifikaw għal finanzjament skont l-Artikolu 9 hija stabbilita fl-Anness II.
2. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 40, bil-għan li tissupplimenta l-lista tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, billi tqis:
(a) is-sitwazzjoni ta’ mard tal-annimali li jkollu impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni tal-bhejjem jew il-kummerċ;
(b) l-iżvilupp ta’ żoonożi li huma ta’ theddida għall-bnedmin; jew
(c) l-iżviluppi epidemjoloġiċi jew xjentifiċi ġodda.
Artikolu 11
Spejjeż eliġibbli
L-ispejjeż li ġejjin li jiġġarrbu mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali jistgħu jikkwalifikaw għall-għotjiet taħt l-Artikolu 9:
(a) l-ispejjeż tat-teħid ta’ kampjuni tal-annimali;
(b) l-ispejjeż tat-testijiet, bil-kondizzjoni li dawn ikunu limitati għal:
(i) spejjeż ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u speċifikament użati biex isiru dawk it-testijiet;
(ii) spejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fit-twettiq tat-testijiet;
(c) l-ispejjeż ta’ kumpens għas-sidien għall-valur tal-annimali tagħhom imbiċċra jew maqtula, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ tali annimali kieku ma ntlaqtux mill-marda;
(d) spejjeż tat-tbiċċir jew il-qtil tal-annimali;
(e) l-ispejjeż ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-prodotti meqruda tagħhom ta’ oriġini mill-annimali, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ dawk il-prodotti immedjatament qabel ma jkun inħoloq xi suspett tal-marda jew qabel dan is-suspett ikun ġie kkonfermat;
(f) l-ispejjeż tax-xiri, il-ħżin, it-tilqim, il-ġestjoni jew id-distribuzzjoni ta' dożi ta' vaċċin jew vaċċin u lixki użati għall-programmi;
(g) l-ispejjeż ta’ tindif, diżinfezzjoni, diżinsettizzazzjoni tal-azjenda u tat-tagħmir ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu; u
(h) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż li jiġġarrbu fl-implimentazzjoni ta’ miżuri neċessarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti minn (a) sa (g), sakemm tali miżuri jkunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għotja msemmija fl-Artikolu 13(3) u (4).
Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel paragrafu, il-valur tal-irkupru tal-annimali, jekk ikun hemm, għandu jitnaqqas mill-kumpens.
Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu, il-valur tal-irkupru tal-bajd mhux inkubat ittrattat bis-sħana għandu jitnaqqas mill-kumpens.
Artikolu 12
Kontenut u preżentazzjoni tal-programmi nazzjonali
1. Sal-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi nazzjonali li għandhom jinbdew fis-sena ta’ wara fir-rigward ta’ dawk li jixtiequ japplikaw għal għotja.
Il-programmi nazzjonali li jiġu ppreżentati wara l-31 ta’ Mejju ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament fis-sena ta’ wara.
2. Il-programmi nazzjonali għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
(a) deskrizzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-marda tal-annimali jew taż-żoonożi qabel id-data tal-bidu tal-programm;
(b) deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm;
(c) it-tul tal-programm;
(d) il-miżuri li se jiġu implimentati;
(e) l-istima baġitarja;
(f) il-miri li għandhom jintlaħqu sad-data tat-tmiem tal-programm u l-benefiċċji mistennija minnu; u
(g) l-indikaturi xierqa biex jitkejjel l-ilħiq tal-miri tal-programm.
F’kull programm nazzjonali pluriennali, l-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (d) u (f) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi pprovduta għal kull sena koperta mill-programm, fil-każ ta’ tibdiliet sinifikanti meta mqabbla mas-sena preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (e) ta’ dak is-subparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm.
3. Jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp ta’ waħda mill-mardiet tal-annimali jew iż-żoonożi elenkati skont l-Artikolu 10 x’aktarx li jkunu ta’ theddida għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni u sabiex l-Unjoni titħares mill-introduzzjoni ta’ waħda minn dawn il-mardiet jew iż-żoonożi, l-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-programmi nazzjonali tagħhom miżuri li għandhom jiġu implimentati fit-territorji ta’ pajjiżi terzi ġirien b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi.
Artikolu 13
Evalwazzjoni u approvazzjoni tal-programmi nazzjonali
1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programmi nazzjonali b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali msemmija fl-Artikolu 36(1).
2. Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri:
(a) il-lista tal-programmi nazzjonali appovati teknikament u proposti għal kofinanzjament;
(b) l-ammont provviżorju allokat għal kull programm;
(c) il-livell massimu provviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u
(d) kwalunkwe kondizzjoni provviżorja li għaliha tista’ tkun suġġetta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi nazzjonali annwali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Wara l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji kif imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ temenda tali deċiżjonijiet jekk ikun meħtieġ fir-rigward tal-perjodu kollu ta’ eliġibbiltà.
4. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi nazzjonali pluriennali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.
▼M5 —————
Artikolu 14
Rappurtar
Għal kull programm nazzjonali annwali jew pluriennali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport dettaljat tekniku u finanzjarju annwali. Dak ir-rapport għandu jkopri s-sena preċedenti inklużi r-riżultati miksuba, imkejla abbażi tal-indikaturi msemmija fl-Artikoli 12(2)(g) u rendikont dettaljat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba.
Barra minn hekk, għal kull programm ta’ stħarriġ nazzjonali annwali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport finanzjarju intermedju.
Artikolu 15
Pagamenti
It-talba għal pagament għal sena partikolari fir-rigward ta’ programm nazzjonali għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.
Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli wara verifika xierqa tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 14.
KAPITOLU II
Is-saħħa tal-pjanti
Artikolu 16
Miżuri eliġibbli
1. L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri sar-rati massimi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (3) għall-miżuri li ġejjin kontra l-pesti, suġġetti għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17:
(a) il-miżuri biex jinqered pest minn żona infestata, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2000/29/KE jew skont il-miżuri tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 16(3) ta’ dik id-Direttiva;
(b) il-miżuri biex jitrażżan pest, li jkunu ġew adottati miżuri ta’ trażżin tal-Unjoni kontrih skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE, f’żona infestata li minnha dak il-pest ma jistax jinqered, meta dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest. Dawk il-miżuri għandhom jikkonċernaw esklużivament il-qerda ta’ dak il-pest miż-żona ta’ lqugħ f’każ li l-preżenza tiegħu tiġi individwata f’dik iż-żona ta’ lqugħ;
(c) il-miżuri protettivi addizzjonali meħuda kontra t-tixrid ta’ pest, kontra liema ġew adottati miżuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE, għajr il-miżuri ta’ qerda msemmija fil-punt (a) u l-miżuri ta’ trażżin imsemmija fil-punt (b), meta dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest.
Għotjiet għall-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jingħataw ukoll għall-miżuri meħuda bħala riżultat ta’ preżenza suspettuża ta’ xi pest, kemm-il darba dik il-preżenza tkun sussegwentement ġiet ikkonfermata.
2. L-għotjiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw ukoll lil Stat Membru li fit-territorju tiegħu mhumiex preżenti l-pesti msemmija fil-paragrafu 1, fejn ittieħdu miżuri kontra d-dħul ta’ dawk il-pesti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minħabba l-preżenza tagħhom fi Stat Membru ġar jew f’pajjiż terz ġar li jkun eżatt ħdejn il-fruntieri tiegħu.
3. Jistgħu jingħataw għotjiet lill-Istati Membri fejn, wara l-konferma tal-preżenza ta’ wieħed mill-pesti msemmija fl-Artikolu 17, żewġ Stati Membri jew aktar jikkollaboraw mill-qrib biex iwettqu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.
4. Jistgħu jingħataw ukoll għotjiet fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 lil organizzazzjonijiet internazzjonali.
Artikolu 17
Kondizzjonijiet
Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 jistgħu jikkwalifikaw għall-għotjiet sakemm ikunu ġew applikati minnufih u d-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ġew imħarsa, u sakemm waħda jew aktar minn dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti:
(a) dawn jikkonċernaw il-pesti elenkati fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE u t-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tagħha;
(b) dawn jikkonċernaw pesti koperti b’miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.
(c) dawn jikkonċernaw pesti li għalihom ikunu ġew adottati miżuri skont id-Direttivi 69/464/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE jew 2007/33/KE; jew
(d) dawn jikkonċernaw il-pesti, mhux elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II għad-Direttiva 2000/29/KE, li huma suġġetti għal xi miżura adottata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE u li provviżorjament jikkwalifikaw biex jiġu elenkati fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE u t-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tagħha.
Għall-miżuri li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-għotja ma għandhiex tkopri l-ispejjeż imġarrba wara l-iskadenza tal-miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.
Għall-miżuri li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu, l-għotja ma għandhiex tkopri l-ispejjeż imġarrba aktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-miżura adottata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jew imġarrba wara li jkun skada ż-żmien ta’ dik il-miżura.
Artikolu 18
Spejjeż eliġibbli
1. L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 jistgħu jikkwalifikaw għal għotjiet taħt dak l-Artikolu:
(a) l-ispejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fil-miżuri, kif ukoll l-ispejjeż ta’ kiri ta’ tagħmir, ta’ oġġetti konsumabbli u ta’ kull materjal ieħor meħtieġ, ta’ prodotti ta’ trattament, tal-kampjunar u tat-testijiet tal-laboratorju;
(b) l-ispejjeż tal-kuntratti tas-servizz ma’ partijiet terzi għall-implimentazzjoni ta’ parti mill-miżuri;
(c) l-ispejjeż ta’ kumpens lill-operaturi jew is-sidien ikkonċernati għat-trattament, il-qerda u t-tneħħija sussegwenti ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħra, u għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-istabbiliment, l-art, l-ilma, il-ħamrija, il-mezzi ta’ tkabbir, il-faċilitajiet, il-makkinarju u t-tagħmir;
(d) l-ispejjeż ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra li jkunu ġew meqruda suġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29/KE, fil-limitu tal-valur tas-suq ta’ tali pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kieku ma kinux ġew milquta minn dawk il-miżuri; il-valur tas-salvataġġ, jekk ikun il-każ, għandu jitnaqqas mill-kumpens; u
(e) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ miżuri neċessarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d), sakemm tali miżuri jkunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-finanzjament imsemmija fl-Artikolu 36(4).
Il-kumpens lis-sidien imsemmi fil-punt (c) għandu jkun eliġibbli biss jekk il-miżuri jkunu ġew implimentati taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.
2. Kif imsemmi fl-Artikolu 130(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli mid-data tan-notifika tal-preżenza tal-pesti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu wkoll l-ispejjeż magħmula bħala riżultat tal-preżenza suspettata tal-pesti, sakemm dik il-preżenza tkun ikkonfermata wara.
3. Wara valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-pagamenti ppreżentata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-impenji baġitarji korrispondenti u l-pagament tan-nefqa eliġibbli.
Artikolu 19
Programmi ta’ stħarriġ eliġibbli
L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri għall-programmi ta’ stħarriġ annwali u pluriennali li jwettqu fir-rigward tal-preżenza tal-pesti (“programmi ta’ stħarriġ”), sakemm dawn il-programmi ta’ stħarriġ jikkonformaw mill-inqas ma’ waħda minn dawn il-kondizzjonijiet:
(a) li jkunu jikkonċernaw il-pesti elenkati fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE u t-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tagħha;
(b) li jkunu jikkonċernaw pesti koperti b’miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.
Għall-pesti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-programmi ta’ stħarriġ għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju tad-dħul, l-istabbiliment u t-tixrid ta’ dawk il-pesti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u għandhom bħala minimu jimmiraw lejn il-pesti li joħolqu r-riskji ewlenin u l-ispeċijiet ta’ pjanti ewlenin li huma esposti għal dawn ir-riskji.
Għall-miżuri li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-għotja ma għandhiex tkopri l-ispejjeż li jkunu saru wara l-iskadenza tal-miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.
Artikolu 20
Spejjeż eliġibbli
L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ imsemmija fl-Artikolu 19 jistgħu jikkwalifikaw għal għotjiet taħt dak l-Artikolu:
(a) l-ispejjeż għat-teħid ta’ kampjuni;
(b) l-ispejjeż tat-testijiet, sakemm dawn ikunu limitati għal:
(i) spejjeż ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u jintużaw apposta biex jitwettqu t-testijiet;
(ii) spejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fit-twettiq tat-testijiet;
(c) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta’ miżuri neċessarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti minn (a) sa (b), sakemm tali miżuri jkunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għotja msemmija fl-Artikolu 22(3) u (4).
Artikolu 21
Kontenut u preżentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ
1. Sal-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi ta’ stħarriġ li għandhom jinbdew fis-sena ta’ wara fir-rigward ta’ dak li jixtiequ japplikaw għal għotja.
Il-programmi ta’ stħarriġ li jiġu ppreżentati wara l-31 ta’ Mejju ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament fis-sena ta’ wara.
2. Il-programmi ta’ stħarriġ għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
(a) il-pesti inklużi fil-programm;
(b) deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm u deskrizzjoni tal-istatus ta’ dawk iż-żoni fir-rigward tal-preżenza tal-pesti kkonċernati;
(c) it-tul tal-programm;
(d) l-għadd ta’ eżamijiet viżwali, kampjuni u testijiet skedati għall-pesti u l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra kkonċernati;
(e) l-istima baġitarja;
(f) il-miri li għandhom jintlaħqu sad-data tat-tmiem tal-programm u l-benefiċċji mistennija minnu; u
(g) l-indikaturi xierqa biex jitkejjel l-ilħiq tal-miri tal-programm.
F’kull programm ta’ stħarriġ pluriennali, l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (b), (d) u (f) tal-ewwel sottoparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm, fil-każ ta’ tibdil sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (e) ta’ dak is-subparagrafu għandha tingħata għal kull sena koperta mill-programm.
Artikolu 22
Evalwazzjoni u approvazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ
1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programmi ta’ stħarriġ b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali msemmija fl-Artikolu 36(1).
2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena:
(a) il-lista tal-programmi ta’ stħarriġ approvati teknikament u proposti għal kofinanzjament;
(b) l-ammont provviżorju allokat għal kull programm;
(c) il-livell massimu provviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u
(d) kwalunkwe kondizzjoni provviżorja li tista’ tkun suġġetta għaliha l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi ta’ stħarriġ annwali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Wara l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji kif imsemmija fl-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ temenda, jekk ikun meħtieġ, tali deċiżjonijiet fir-rigward tal-perjodu kollu ta’ eliġibbiltà.
4. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi ta’ stħarriġ pluriennali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.
▼M5 —————
Artikolu 23
Rappurtar
Għal kull programm ta’ stħarriġ nazzjonali annwali jew pluriennali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport annwali tekniku u finanzjarju dettaljat li jkopri s-sena preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi r-riżultati miksuba, imkejla abbażi tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 21(2)(g) u rendikont dettaljat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba. Barra minn hekk, għal kull programm ta’ stħarriġ annwali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport finanzjarju intermedju.
Artikolu 24
Pagamenti
It-talba għal pagament għal sena partikolari fir-rigward ta’ programm ta’ stħarriġ għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.
Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli wara verifika xierqa tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 23.
Artikolu 25
Miżuri eliġibbli u spejjeż eliġibbli
1. L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri għal programmi li huma jwettqu għall-kontroll tal-pesti fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE b’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 (“programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi”). Dawk l-għotjiet għandhom jikkonċernaw l-attivitajiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta f’dawk ir-reġjuni tar-regoli, sew jekk huma regoli tal-Unjoni u sew jekk regoli nazzjonali, li jkunu fis-seħħ f’dawk ir-reġjuni, dwar il-kontroll tal-pesti.
2. L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri għal programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jikkwalifikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni:
(a) l-ispejjeż tal-persunal, ikun xi jkun l-istatus tiegħu, direttament involut fl-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll l-ispejjeż tal-kiri tat-tagħmir, tal-oġġetti konsumabbli, tal-prodotti ta’ trattament;
(b) l-ispejjeż tal-kuntratti tas-servizz ma’ partijiet terzi għat-twettiq ta’ parti mill-miżuri;
(c) l-ispejjeż tat-teħid ta’ kampjuni;
(d) l-ispejjeż tat-testijiet, sakemm dawn ikunu limitati għal:
(i) l-ispejjeż ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u jintużaw apposta biex iwettqu t-testijiet;
(ii) l-ispejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fit-twettiq tat-testijiet.
Artikolu 26
Kontenut u preżentazzjoni tal-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi
1. Sal-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi li għandhom jinbdew fis-sena ta’ wara fir-rigward ta’ dawk li jixtiequ japplikaw għal għotja.
Il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi ppreżentati wara l-31 ta’ Mejju ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament fir-rigward tas-sena ta’ wara.
2. Il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
(a) il-pesti inklużi fil-programm;
(b) deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm u deskrizzjoni tal-istatus ta’ dawk iż-żoni fir-rigward tal-preżenza tal-pesti kkonċernati;
(c) analiżi teknika tas-sitwazzjoni fitosanitarja reġjonali;
(d) it-tul tal-programm;
(e) l-attivitajiet inklużi fil-programm u, meta rilevanti, l-għadd ta’ eżamijiet viżwali, kampjuni u testijiet skedati għall-pesti u l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati;
(f) l-istima baġitarja;
(g) il-miri li għandhom jintlaħqu sad-data tat-tmiem tal-programm u l-benefiċċji mistennija minnu; u
(h) l-indikaturi xierqa biex jitkejjel l-ilħiq tal-miri tal-programm.
F’kull programm pluriennali għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (b), (e) u (g) tal-ewwel sottoparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm, fil-każ ta’ tibdiliet sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (f) ta’ dak is-subparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm.
Artikolu 27
Evalwazzjoni u approvazzjoni tal-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi
1. Il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu evalwati billi jitqiesu l-prijoritajiet u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali msemmija fl-Artikolu 36(1).
2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena:
(a) il-lista tal-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi approvati teknikament u proposti għal kofinanzjament;
(b) l-ammont provviżorju allokat għal kull programm;
(c) il-livell massimu provviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u
(d) kwalunkwe kondizzjoni provviżorja li tista’ tkun suġġetta għaliha l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-programmi annwali għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-finanzjament assoċjat għandhom jiġu approvati sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Wara l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji kif imsemmija fl-Artikolu 28, il-Kummissjoni tista’ temenda tali deċiżjonijiet, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward tal-perjodu kollu ta’ eliġibbiltà.
4. Il-programmi pluriennali għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-finanzjament assoċjat għandhom jiġu approvati sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.
▼M5 —————
Artikolu 28
Rappurtar
Għal kull programm annwali jew pluriennali għar-reġjuni ultraperiferiċi approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport annwali tekniku u finanzjarju dettaljat tas-sena preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi r-riżultati miksuba mkejla abbażi tal-indikaturi msemmija fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) u rendikont dettaljat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba.
Barra minn hekk, għal kull programm annwali għar-reġjuni ultraperiferiċi approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport finanzjarju intermedju.
Artikolu 29
Pagamenti
It-talba għal pagament għal sena partikolari fir-rigward ta’ programm għar-reġjuni ultraperiferiċi għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.
Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli wara verifika xierqa tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 28.
KAPITOLU III
Appoġġ finanzjarju għal kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra
Artikolu 30
Laboratorji u ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea
1. Biex ikopru l-ispejjeż imġarrba għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati mill-Kummissjoni, jistgħu jingħataw għotjiet lil:
(a) il-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 93 tar-Regolament ►C2 (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u liċ-ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );
(b) iċ-ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali msemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament ►C2 (UE) 2017/625 ◄ ;
(c) iċ-ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-awtentiċità u l-integrità tal-katina agroalimentari msemmija fl-Artikolu 97 tar-Regolament ►C2 (UE) 2017/625 ◄ .
2. L-ispejjeż li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli għal għotjiet skont il-paragrafu 1:
(a) spejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tagħhom, li jkunu direttament involuti f'attivitajiet tal-laboratorji jew taċ-ċentri, u li jiġu mwettqa fil-kapaċità tagħhom bħala laboratorju jew ta' ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea;
(b) l-ispejjeż ta’ tagħmir kapitali;
(c) l-ispejjeż ta’ oġġetti konsumabbli;
(d) l-ispejjeż tat-twassil ta’ kampjuni, missjonijiet, laqgħat, attivitajiet ta’ taħriġ.
Artikolu 30a
Akkreditazzjoni ta' laboratorji ta' referenza nazzjonali għas-saħħa tal-pjanti
1. Jistgħu jingħataw għotjiet lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 100 tar-Regolament ►C2 (UE) 2017/625 ◄ għall-ispejjeż imġarrba għall-ksib tal-akkreditazzjoni skont l-istandard EN ISO/IEC 17025 dwar “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji fl-ittestjar u l-kalibrazzjoni” għall-użu ta' metodi ta' analiżi, ittestjar u dijanjosi tal-laboratorju għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti.
2. Jistgħu jingħataw għotjiet lil laboratorju ta' referenza nazzjonali uniku f'kull Stat Membru għal kull laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għas-saħħa tal-pjanti, sa tliet snin wara l-għażla ta' dak il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 31
Taħriġ
1. L-Unjoni tista’ tiffinanzja t-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali, kif imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, sabiex jiġi żviluppat approċċ armonizzat għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa programmi ta’ taħriġ li jidentifikaw il-prijoritajiet għall-intervent, ibbażati fuq ir-riskji identifikati għas-saħħa pubblika, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti.
3. Sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-konoxxenza miksuba permezz tal-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija f’dak il-paragrafu tinxtered kif meħtieġ u li tintuża b’mod xieraq fil-programmi ta’ taħriġ nazzjonali.
4. L-ispejjeż li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1:
(a) l-ispiża tal-organizzazzjoni tat-taħriġ, inkluż taħriġ li huwa miftuħ ukoll għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, jew tal-attivitajiet ta’ skambju;
(b) l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u s-sussistenza ta’ kuljum tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti li jieħdu sehem fit-taħriġ.
Artikolu 32
Esperti mill-Istati Membri
Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza ta’ kuljum imġarrba mill-esperti tal-Istati Membri b’riżultat tal-ħatra tagħhom mill-Kummissjoni biex jgħinu lill-esperti tagħha kif previst fl-Artikoli 45(1) u 46(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.
Artikolu 33
Pjanijiet ta’ kontroll koordinati u ġbir tad-dejta
1. L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri għall-ispejjeż imġarrba għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll koordinati msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u għall-ġbir tad-dejta.
2. L-ispejjeż segwenti jistgħu jikkwalifikaw għal tali għotjiet:
(a) l-ispejjeż tat-teħid ta’ kampjuni u tat-testijiet tal-laboratorju;
(b) l-ispiża tat-tagħmir meħtieġ biex jitwettqu l-ħidmiet tal-kontroll uffiċjali u tal-ġbir tad-dejta.
KAPITOLU IV
Miżuri oħra
Artikolu 34
Sistemi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni
1. L-Unjoni għandha tiffinanzja l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ bażijiet ta’ dejta u sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni tal-informazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni, li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1.
2. Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ bażijiet ta’ dejta u sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni tal-informazzjoni ta’ partijiet terzi, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, dment li dawk il-bażijiet ta’ dejta u sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni tal-informazzjoni:
(a) ikunu taw prova tal-valur miżjud għall-Unjoni kollha kemm hi u jkunu disponibbli fl-Unjoni kollha għall-utenti kollha interessati; u
(b) ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 35
Implimentazzjoni u adattament tar-regoli
1. L-Unjoni tista’ tiffinanzja l-ħidma teknika u xjentifika, inklużi studji u attivitajiet ta’ koordinament, meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tar-regoli fir-rigward tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 u l-adattament ta’ dawk ir-regoli għall-iżviluppi xjentifiċi, teknoloġiċi u soċjali.
Tista’ tingħata wkoll kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 sabiex iwettqu attivitajiet b’appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward ta’ dawk l-oqsma.
2. Jistgħu jingħataw għotjiet għal proġetti organizzati minn Stat Membru wieħed jew aktar bl-għan li titjieb, permezz tal-użu ta’ tekniki u protokolli innovattivi, il-prestazzjoni effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali.
3. Tista’ tingħata wkoll kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni bħala appoġġ għall-inizjattivi ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri mmirati biex jiżguraw mġiba mtejba, konformi u sostenibbli fl-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 1.
TITOLU III
IPPROGRAMMAR, IMPLIMENTAZZJONI U KONTROLL
Artikolu 36
Programmi ta’ ħidma u kontribuzzjonijiet finanzjarji
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali komuni jew separati għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fit-Titolu II, għajr il-Kapitolu I, Taqsima 1, u l-Kapitolu II, Taqsima 1 tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2)
2. Il-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu l-objetttivi operazzjonali segwiti, li għandhom ikunu konformi mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 2, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull miżura u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni. Fir-rigward tal-għotjiet dawn għandhom jinkludu l-azzjonijiet prijoritarji, il-kriterji ta’ evalwazzjoni, ir-rata ta’ finanzjament u l-lista indikattiva tal-miżuri eliġibbli u l-ispejjeż, skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-programmi ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 2, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqismiet 2 u 3, għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ April tas-sena qabel l-eżekuzzjoni tagħhom, kemm-il darba jiġi adottat l-abbozz ta’ baġit. Dawk il-programmi ta’ ħidma għandhom jirriflettu l-prijoritajiet kif stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament.
4. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza msemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 1, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqsima 1, jew meta jkun meħtieġ reazzjoni għall-iżviluppi mhux prevedibbl, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri għas-sottomissjoni mill-Istati Membri ta’ applikazzjonijiet, rapporti u talbiet għal pagament għall-għotjiet imsemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsimiet 1 u 2, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqsimiet 1, 2 u 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).
Artikolu 37
Verifiki fil-post mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tista’ torganizza verifiki fil-post fl-Istati Membri u fl-istabbilimenti tal-benefiċjarji bil-ħsieb li tivverifika b’mod partikolari:
(a) l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri li jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;
(b) il-konformità tal-prattiki amministrattivi mar-regoli tal-Unjoni;
(c) l-eżistenza ta’ dokumenti ġustifikattivi meħtieġa u l-korrelazzjoni tagħhom mal-miżuri li jibbenefikaw minn kontribuzzjoni tal-Unjoni.
Artikolu 38
Aċċess għall-informazzjoni
L-Istati Membri u l-benefiċjarji għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-miżuri u għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli li l-Kummissjoni tqis li huma xierqa b’rabta mal-ġestjoni tal-finanzjament tal-Unjoni, li jinkludu verifiki fil-post.
Artikolu 39
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta l-miżuri ffinanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, fejn jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-fondi mħallsa bi żball u, meta jkun xieraq, permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandhom is-setgħa li jagħmlu awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u fil-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet ta’ flus, il-korpi ta’ implimentazzjoni, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.
L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa awtorizzat li jagħmel verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 3 ) bl-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni jew kuntratt li jikkonċernaw il-finanzjament tal-Unjoni.
Mingħajr preġudizzju għall-ewwel u t-tieni sottoparagrafi, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehimiet ta’ għotja, deċiżjonijiet ta’ għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jagħtu s-setgħa b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditjar, verifiki u ispezzjonijiet fil-post.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 40
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati kif imsemmija fl-Artikoli 7(2) u 10(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mit-30 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 7(2) u 10(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 41
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn ikun meħtieġ li tinkiseb l-opinjoni tal-kumitat permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-ħruġ tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.
Artikolu 42
Evalwazzjoni
1. Sat-30 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar jekk, f’termini tar-riżultati u l-impatti tagħhom, il-miżuri msemmija fil-Kapitoli I u II tat-Titolu II u fl-Artikoli 30 u 31 tal-Kapitolu III jilħqux l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(1), fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tagħhom, fil-livell tal-Unjoni. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jindirizza wkoll l-iskop għas-simplifikazzjoni, il-kontinwazzjoni tar-rilevanza tal-objettivi kollha, u l-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din għandha tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattivi biex jiġi emendat dan ir-Regolament.
2. Sat-30 ta’ Ġunju 2022 il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ex-post tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-evalwazzjoni ex-post għandha teżamina l-effikaċja u l-effiċjenza tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 u l-impatt tagħha.
3. L-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom iqisu l-progress li sar billi jintużaw l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 2(2).
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 43
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Fejn ikun xieraq, il-benefiċjarji u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ssir pubbliċità adegwata għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija skont dan ir-Regolament sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf bir-rwol tal-Unjoni fil-finanzjament tal-miżuri.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-miżuri ffinanzjati u r-riżultati. Barra minn hekk, il-baġit allokat għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkopri wkoll il-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni.
Artikolu 44
Tħassir
1. Id-Deċiżjonijiet 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE jitħassru.
2. Ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet 66/399/KEE u 76/894/KEE għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
3. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni 2009/470/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament
Artikolu 45
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni fl-2012 għall-implimentazzjoni fl-2013, dawk sottomessi fl-2013 għall-implimentazzjoni fl-2014, u dawk sottomessi sat-30 ta’ April 2014 għall-implimentazzjoni fl-2015, għandhom, jekk ikunu approvati, ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.
Għall-programmi nazzjonali implimentati fl-2013 u l-2014, l-Artikolu 27(7) u (8) ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom ikomplu japplikaw.
Għall-programmi nazzjonali implimentati fl-2015, l-Artikolu 27(2) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jkompli japplika.
2. Il-programmi ta’ stħarriġ tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2014 għall-implimentazzjoni fis-sena 2015, għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2000/29/KE. Għal dawk il-programmi ta’ stħarriġ għandu jkompli japplika l-Artikolu 23(6) ta’ dik id-Direttiva.
3. Għall-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal finanzjament mill-Unjoni għall-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2014, għandhom ikomplu japplikaw l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2000/29/KE.
Artikolu 46
Emenda għad-Direttiva 98/56/KE
Id-Direttiva 98/56/KE hija emendata kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘1. Il-Kumitat għandu jkun megħjun mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 ).
(2) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.
Artikolu 47
Emenda għad-Direttiva 2000/29/KE
Id-Direttiva 2000/29/KE hija emendata kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 13c jitħassar il-paragrafu 5.
(2) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 15a
L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull min ikun konxju mill-preżenza ta' pest elenkat fl-Anness I jew l-Anness II jew pest kopert minn miżura skont l-Artikolu 16(2) jew 16(3), jew għandu raġuni li jissuspetta tali preżenza, għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti, u, jekk dan ikun mitlub minn dik l-awtorità kompetenti, għandu jipprovdi l-informazzjoni li tikkonċerna dik il-preżenza li tkun fil-pussess tiegħu. Fejn in-notifika ma tiġix ippreżentata bil-miktub, l-awtorità kompetenti għandha tirreġistraha b'mod uffiċjali.”.
(3) L-Artikoli minn 22 sa 26 jitħassru.
Artikolu 48
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 178/2002
Fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, minn hawn ‘il quddiem jissemma bħala il-“Kumitat”. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 ). Il-Kumitat għandu jkun organizzat f’taqsimiet biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha rilevanti.
Ir-referenzi kollha fid-dritt tal-Unjoni għall-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Kumitat imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
Artikolu 49
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 882/2004
L-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jitħassar.
Artikolu 50
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 396/2005
Il-Kapitolu VII tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 jitħassar.
Artikolu 51
Emenda għad-Direttiva 2008/90/KE
Fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/90/KE, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘1. Il-Kumitat għandu jkun megħjun mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *4 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *5 ).
Artikolu 52
Emenda għad-Direttiva 2009/128/KE
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/128/KE jitħassar.
Artikolu 53
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009
L-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jitħassar.
Artikolu 54
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-30 ta' Ġunju 2014.
Madankollu, il-punt (d) tal-Artikolu 18(1) u l-punt (2) tal-Artikolu 47 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Mard tal-annimali msemmi fl-Artikolu 7
— Pesta tal-ifrat
— Pesta tan-nagħaġ u tal-mogħoż
— Marda vexxikuluża tal-ħnieżer
— Marda tal-ilsien blu
— Marda ta’ Teschen
— Ġidri tan-nagħaġ u tal-mogħoż
— Deni tal-Wied tar-Rift
— Dermatite nodulari li tittieħed (lumpy skin)
— Marda Afrikana taż-żwiemel
— Stomatite vexxikuluża
— Enċefalomjelite ekwina Veneżwelana
— Marda emorraġika epiżootika taċ-ċriev
— Deni klassiku tal-ħnieżer
— Deni Afrikan tal-ħnieżer
— Plewropolmonite li tittieħed tal-bhejjem tal-ifrat
— Influwenza avjarja
— Marda ta’ Newcastle
— Marda tal-ilsien u d-dwiefer
— Nekrożi ematopojetika epiżootika fil-ħut (EHN)
— Sindromu ulċerattiv epiżootiku fil-ħut (EUS)
— Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa
— Infezzjoni bil-Perkinsus marinus
— Infezzjoni bil-Microcytos mackini
— Sindromu Taura fil-krustaċji
— Marda Yellowhead fil-krustaċji.
ANNESS II
Mard tal-annimali u żoonożi msemmija fl-Artikolu 10
— Tuberkulożi bovina
— Bruċellożi bovina
— Bruċellożi ovina u kaprina (B. melitensis)
— Marda tal-ilsien blu f’żoni endemiċi jew b’riskju għoli
— Deni Afrikan tal-ħnieżer
— Marda vexxikuluża tal-ħnieżer
— Deni klassiku tal-ħnieżer
— Antraċe
— Plewropolmonite li tittieħed tal-bhejjem tal-ifrat
— Influwenza avjarja
— Rabja
— Ekinokokkożi
— Enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE)
— Kampilobatterjożi
— Listerjożi
— Salmonellożi (salmonella żoonotika)
— Trikinellożi
— E. coli produtturi ta’ verotossini
— Settiċemija emorraġika virali (VHS)
— Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)
— Virus erpetiku tal-karpjun koi (KHV)
— Anemija infettiva tas-salamun (ISA)
— Infezzjoni bil-Marteilia refringens
— Infezzjoni bil-Bonamia ostreae
— Marda tal-ponot bojod fil-krustaċji.
— Il-pesta tan-ngħaġ u tal-mogħoż
— Il-ġidri tan-ngħaġ
— Il-ġidri tal-mogħoż
— L-marda tal-infafet fil-ġilda.
ANNESS III
Prijoritajiet għall-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni msemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 2, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqsimiet 2 u 3
Prijoritajiet għall-appoġġ finanzjajru tal-Unjoni, fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi:
— mard b’impatt fuq is-saħħa tal-bniedem;
— mard b’impatt fuq is-saħħa tal-annimali, b’kunsiderazzjoni tat-tixrid potenzjali tiegħu u r-rati ta’ morbidità u mortalità fil-popolazzjoni tal-annimali;
— mard u żoonożi li għandhom ir-riskju li jidħlu u/jew li jerġgħu jidħlu fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiżi terzi;
— mard li għandu l-potenzjal li jiġġenera sitwazzjoni ta’ kriżi b’konsegwenzi ekonomiċi serji;
— mard b’impatt fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u kummerċ bejn l-Istati Membri stess tal-UE.
Prijoritajiet għall-appoġġ finanzjajru tal-Unjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-programmi nazzjonali għal stħarriġ tal-pesti għall-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni:
— pesti elenkati fl-Anness I, Parti A, Taqsima I, u fl-Anness II, Parti A, Taqsima I, għad-Direttiva 2000/29/KE li mhumiex magħrufa li jokkorru fit-territorju tal-Unjoni;
— pesti suġġetti għall-miżuri tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE;
— pesti li mhumiex elenkati fid-Direttiva 2000/29/KE u li jirrappreżentaw periklu imminenti għat-territorju tal-Unjoni;
— pesti li għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw sitwazzjoni ta’ kriżi b’konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali serji;
— pesti b’impatt fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri stess tal-UE.
Prijoritajiet għall-appoġġ finanzjajru tal-Unjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-programmi nazzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi:
— miżuri kontra l-pesti assoċjati mal-importazzjonijiet lejn dawk ir-reġjuni u l-klima fihom;
— metodi biex jiġu miġġielda dawk il-pesti;
— miżuri kontra l-pesti elenkati skont ir-regoli dwar il-pesti tal-pjanti li hemm fis-seħħ f’dawk ir-reġjuni.
DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
dwar il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-programmi veterinarji u fitosanitarji
Sabiex tinforma aħjar lill-Istati Membri, il-Kummissjoni se ssejjaħ laqgħa fis-sena tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf li sejra tiffoka fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-programmi. Dik il-laqgħa ssir mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena qabel l-implimentazzjoni tal-programmi.
B’rabta ma’ dik il-laqgħa, il-Kummissjoni se tippreżenta l-lista tal-programmi approvati teknikament u proposti għall-kofinanzjament. Id-dettalji finanzjarji u tekniċi se jiġu diskussi mad-delegazzjonijiet nazzjonali, u jitqiesu l-kummenti tagħhom.
Barra minn hekk, qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar dan, il-Kummissjoni sejra, matul il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf f’Jannar, tikkomunika lill-Istati Membri l-lista finali tal-programmi magħżula għall-kofinanzjament u l-ammont finali allokat għal kull programm.
Ix-xogħol preparatorju għat-tfassil tal-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 9, 19 u 25 se jitwettaq mal-esperti tal-Istati Membri kmieni fi Frar ta’ kull sena sabiex l-Istati Membri jingħataw l-informazzjoni rilevanti biex jistabbilixxu l-programmi tal-qerda u s-sorveljanza.
( 1 ) Regolament ►C2 (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ( ►C2 ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1 ◄ ).
( 2 ) Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta' annimali ta' razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r- Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (OJ L 171, 29.6.2016, p. 66).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
( *1 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
( *2 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’
( *3 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’.
( *4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
( *5 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’