02014R0611 — MT — 01.04.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 611/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 (ĠU L 168 7.6.2014, p. 55) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1962 tad-9 ta' Awwissu 2017 |
L 279 |
28 |
28.10.2017 |
|
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 611/2014
tal-11 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li jikkumplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 rigward il-miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni, l-allokazzjoni minima mill-Istati Membri tal-finanzjament mill-Unjoni lil oqsma speċifiċi u l-kriterji u l-proċeduri ta' approvazzjoni tal-programmi ta' ħidma fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel.
Artikolu 2
Finanzjament mill-Unjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament mill-UE previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġi allokat b'mod proporzjonat skont it-tul tal-programmi ta' ħidma previst fl-imsemmi Artikolu, filwaqt li jiżguraw li n-nefqa annwali maħsuba għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati ma taqbiżx l-ammont previst fit-tieni paragrafu tal-istess Artikolu.
Artikolu 2a
Projbizzjoni ta' finanzjament doppju
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji ta' demarkazzjoni ċari sabiex jiżguraw li ma jingħata l-ebda appoġġ skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-operazzjonijiet jew għall-azzjonijiet appoġġati b'xi strument ieħor tal-Unjoni.
Artikolu 3
Miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni
1. Il-miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma dawn li ġejjin:
(a) fil-qasam tas-segwitu u tal-ġestjoni tas-suq fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel:
(i) il-ġbir ta' dejta dwar is-settur u s-suq, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-metodu, tar-rappreżentattività ġeografika u tal-preċiżjoni stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;
(ii) it-twettiq ta' studji dwar suġġetti marbuta mal-miżuri l-oħrajn previsti fil-programm ta' ħidma tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji kkonċernati;
(b) fil-qasam tat-titjib tal-impatt ambjentali tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ:
(i) l-operazzjonijiet kollettivi ta' manutenzjoni ta' msaġar taż-żebbuġ li għandhom valur ambjentali għoli u li huma f'riskju ta' abbandun skont ir-rekwiżiti ddeterminati abbażi ta' kriterji oġġettivi mill-awtorità nazzjonali kompetenti, u b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda ż-żoni reġjonali li jistgħu jkunu eliġibbli kif ukoll l-erja u l-għadd minimu ta' produtturi taż-żebbuġ li għandhom ikunu involuti biex l-operazzjonijiet ikkonċernati jkunu effettivi;
(ii) l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli tajba għall-kultivazzjoni taż-żebbuġ, ibbażati fuq kriterji ambjentali adattati għall-kundizzjonijiet lokali, kif ukoll it-tixrid tagħhom fost il-produtturi u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni fil-prattika tagħhom;
(iii) il-miżuri ta' dimostrazzjoni prattika tat-tekniki li jippermettu s-sostituzzjoni tal-prodotti kimiċi għall-ġlieda kontra d-dubbiena taż-żebbuġ, kif ukoll miżuri ta' osservazzjoni staġjonali tal-iżvilupp tagħha;
(iv) il-miżuri ta' dimostrazzjoni prattika ta' tekniki tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ immirati lejn il-ħarsien tal-ambjent u l-manutenzjoni tal-pajsaġġ, bħall-biedja organika, il-biedja b'użu minimu ta' inputs, il-protezzjoni tal-ħamrija billi titnaqqas l-erożjoni u l-biedja integrata;
(v) il-miżuri ta' ħarsien tal-varjetajiet reżistenti u tal-varjetajiet mhedda;
(c) fil-qasam tat-titjib tal-kompetittività tas-settur taż-żebbuġ permezz tal-modernizzazzjoni:
(i) it-titjib tas-sistemi ta' tisqija u tat-tekniki tal-biedja;
(ii) is-sostituzzjoni ta' siġar taż-żebbuġ li ma jipproduċux b'siġar ġodda;
(iii) it-taħriġ tal-produtturi f'tekniki ġodda tal-biedja;
(iv) il-miżuri ta' taħriġ u komunikazzjoni;
(d) fil-qasam tat-titjib tal-kwalità tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel:
(i) it-titjib tal-kundizzjonijiet tat-tkabbir, tal-ħsad, tal-kunsinna u tal-ħażna taż-żebbuġ qabel ma jiġi pproċessat, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;
(ii) it-titjib tal-varjetajiet tal-imsaġar taż-żebbuġ fl-azjendi individwali, sakemm dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-programmi ta' ħidma;
(iii) it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u l-irkupru tar-residwi mill-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u t-titjib tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid fil-fliexken taż-żejt taż-żebbuġa;
(iv) l-assistenza teknika għall-produzzjoni, l-industrija tal-ipproċessar taż-żebbuġ, in-negozji li jipproduċu ż-żebbuġ tal-ikel, l-imtieħen u l-ippakkjar relatat ma' aspetti marbutin mal-kwalità tal-prodott;
(v) il-ħolqien u t-titjib ta' laboratorji għall-analiżi taż-żjut taż-żebbuġa verġni;
(vi) it-taħriġ tal-bordijiet ta' dewwieqa għall-evalwazzjonijiet organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel;
(e) fil-qasam tat-traċċabbiltà, taċ-ċertifikazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel permezz ta', fost oħrajn, il-kontroll tal-kwalità taż-żjut taż-żebbuġa mibjugħin lill-konsumatur finali:
(i) il-ħolqien u l-ġestjoni ta' sistemi li jippermettu t-traċċabbiltà tal-prodotti mill-persuni li jkabbru ż-żebbuġ, għall-ippakkjar u t-tikkettar, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;
(ii) il-ħolqien u l-ġestjoni ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità, ibbażati fuq sistema ta' analiżi tar-riskji u tal-kontroll tal-elementi kritiċi, li l-ispeċifikazzjoni tagħhom tissodisfa l-kriterji tekniċi adottati mill-awtorità nazzjonali kompetenti;
(iii) il-ħolqien u l-ġestjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ tal-konformità mal-istandards tal-awtentiċità, tal-kwalità u tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel mqiegħda fis-suq, b'mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;
(f) fil-qasam tad-disseminazzjoni ta' tagħrif dwar il-miżuri implimentati mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji sabiex itejbu l-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel:
(i) id-disseminazzjoni ta' tagħrif dwar il-miżuri mwettqa mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-oqsma msemmija fil-punti a) sa e);
(ii) il-ħolqien u l-manutenzjoni ta' sit elettroniku dwar il-miżuri mwettqa mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-oqsma msemmija fil-punti a) sa e);
2. Fir-rigward tal-miżuri previsti fil-punt c(ii) u l-punt d(ii) tal-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżugraw li jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġi rkuprat l-investiment jew il-valur residwu tiegħu jekk il-membru sid ta' azjenda partikolari jitlaq mill-organizzazzjoni tal-produtturi.
3. L-Istati Membri jistgħu jadottaw kundizzjonijiet addizzjonali li jispeċifikaw il-miżuri eliġibbli, sakemm dawn ma jagħmlux il-preżentazzjoni jew it-twettiq tagħhom impossibbli.
4. ►M1 L-esternalizzazzjoni tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-produtturi jew ta' assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tista' tkun awtorizzata għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 bil-kundizzjonijiet li ġejjin: ◄
(a) il-konklużjoni ta' kuntratt bil-miktub bejn l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u entità oħra, għat-twettiq tal-miżura kkonċernata. L-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tibqa' madankollu responsabbli mit-twettiq ta' din il-miżura kif ukoll mill-kontroll tal-ġestjoni globali u tas-superviżjoni ġenerali tal-imsemmi kuntratt bil-miktub;
(b) biex ikun hemm kontroll tal-ġestjoni u sorveljanza effettiva, il-kuntratt imsemmi fil-punt a):
(i) għandu jippermetti li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew li l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jagħtu struzzjonijiet vinkolanti u għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu li l-organizzazzjoni jew li l-assoċjazzjoni jtemmu l-kuntratt jekk il-fornitur tas-servizz ma jirrispettax it-termini u l-kundizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt;
(ii) għandu jistabbilixxi termini u kundizzjonijiet dettaljati, inklużi l-obbligi tar-rappurtar u l-iskadenzi li jippermettu li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew li l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jivvalutaw u jeżerċitaw kontroll reali fuq il-miżuri esternalizzati.
Artikolu 4
Attivitajiet u spejjeż mhux eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni
1. Dawn l-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:
▼M1 —————
(b) l-attivitajiet li jimmiraw direttament għal żieda fil-produzzjoni, żieda fil-kapaċità tal-ħażna jew tal-ipproċessar;
(c) l-attivitajiet marbuta max-xiri jew mal-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa jew taż-żebbuġ tal-ikel jew dawk li għandhom impatt fuq il-prezzijiet tagħhom;
(d) l-attivitajiet marbuta mal-promozzjoni kummerċjali taż-żejt taż-żebbuġa jew taż-żebbuġ tal-ikel;
(e) l-attivitajiet marbuta mar-riċerka xjentifika minbarra t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka lill-impriżi taż-żebbuġ;
(f) l-attivitajiet li jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi l-oħrajn tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji;
(g) l-attivitajiet marbuta mal-ġlieda kontra d-dubbiena taż-żebbuġ minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1)(b)(iii).
2. Biex jiżguraw il-konformità mar-regola stabbilita fil-paragrafu 1(a), l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jintrabtu bil-miktub, f'isimhom u f'isem il-membri tagħhom, li jiċħdu kull finanzjament taħt skema oħra mill-Unjoni ta' appoġġ għall-miżuri effettivament iffinanzjati skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
3. Fit-twettiq tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 mhumiex eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni l-ispejjeż ikkawżati minn:
(a) ir-rimborż ta' self, b'mod partikolari fil-forma ta' pagamenti annwali, meħud għal miżura mwettqa kompletament jew parzjalment qabel il-bidu tal-programm ta' ħidma;
(b) il-pagamenti lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jieħdu sehem fil-laqgħat u fil-programmi ta' taħriġ b'kumpens għat-telf tad-dħul;
(c) in-nefqa għall-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal, imġarrba mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet li jgawdu mill-appoġġ tal-FAEG skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 ( 1 );
(d) ix-xiri ta' art mhux mibnija;
(e) ix-xiri ta' tagħmir użat;
(f) l-ispejjeż relatati mal-kuntratti tal-kiri, fosthom it-taxxi, l-imgħaxijiet u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni;
(g) il-kiri meta dan ikun aktar ippreferut mix-xiri u l-ispejjeż operattivi tal-proprjetà mikrija.
4. L-Istati Membri jistgħu jadottaw kundizzjonijiet supplimentari li jispeċifikaw l-attivitajiet u l-ispejjeż mhux eliġibbli, imsemmija fil-paragrafi 1 u 3.
Artikolu 5
Allokazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-allokazzjoni minima tal-finanzjament tal-Unjoni disponibbli skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament. L-allokazzjoni minima għandha tapplika għall-programmi ta' ħidma kollha approvati skont dan ir-Regolament fl-Istati Membri kkonċernati.
Artikolu 6
Kriterji għall-għażla u għall-eliġibbiltà tal-programmi ta' ħidma
1. L-Istat Membru għandu jagħżel il-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 abbażi tal-kriterji li ġejjin:
(a) il-kwalità ġenerali tal-programm u l-koerenza tiegħu mal-linji gwida u l-prijoritajiet fil-qasam taż-żebbuġ fiż-żona reġjonali kkonċernata, stabbiliti mill-Istat Membru;
(b) il-kredibbiltà finanzjarja u l-adegwatezza tar-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti;
(c) il-kobor taż-żona reġjonali involuta fil-programm ta' ħidma;
(d) id-diversità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi taż-żona reġjonali kkonċernata kkunsidrata mill-programm ta' ħidma;
(e) l-eżistenza ta' diversi oqsma u l-importanza tal-kontribut finanzjarju tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji;
(f) l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-effikaċja li jippermettu l-evalwazzjoni matul l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ex post tal-programm, stabbiliti mill-Istat Membru;
(g) l-evalwazzjoni tal-programmi li jistgħu jkunu twettqu qabel mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fi ħdan il-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1334/2002 ( 2 ), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2080/2005 ( 3 ) jew tar-Regolament (KE) Nru 867/2008 jew dan ir-Regolament.
L-Istat Membru għandu jikkunsidra t-tqassim tal-applikazzjonijiet bejn id-diversi tipi ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji minn kull żona reġjonali.
2. L-Istat Membru għandu jirrifjuta l-programmi ta' ħidma li ma jkunux kompluti u li ma jkollhomx informazzjoni eżatta jew li jinkludu xi waħda mill-attivitajiet mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4.
Artikolu 7
Bidu u approvazzjoni tal-programmi ta' ħidma
1. L-ewwel perjodu ta' tliet snin tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jibda mill-1 ta' April 2015. Il-perjodi sussegwenti jibdew kull tliet snin fl-1 ta' April.
2. Kull organizzazzjoni benefiċjarja rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tista' tippreżenta, sa data li għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru u sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar ta' kull sena, applikazzjoni għall-approvazzjoni għal programm ta' ħidma wieħed.
3. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(a) l-identifikazzjoni tal-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata;
(b) l-informazzjoni dwar il-kriterji tal-għażla previsti fl-Artikolu 6(1);
(c) id-deskrizzjoni, il-ġustifikazzjoni u l-iskeda ta' implimentazzjoni ta' kull miżura proposta;
(d) il-pjan tan-nefqa, li għandu jkun imqassam skont il-miżura u l-qasam imsemmijin fl-Artikolu 3(1), u ddettaljat f'porzjonijiet ta' tnax-il xahar mid-data tal-approvazzjoni tal-programm ta' ħidma, b'distinzjoni bejn l-ispejjeż ġenerali, li ma jistgħux jaqbżu l-5 % tat-total, u t-tipi ewlenin ta' spejjeż oħrajn;
(e) il-pjan ta' finanzjament għal kull qasam imsemmi fl-Artikolu 3(1), li għandu jkun dettaljat f'porzjonijiet ta' tnax-il xahar massimu mid-data tal-approvazzjoni tal-programm ta' ħidma, b'indikazzjoni fost oħrajn tal-finanzjament mill-Unjoni mitlub u, jekk ikun il-każ, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-organizzazzjonijiet membri u l-kontribuzzjoni tal-Istat Membru;
(f) l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-effikaċja li jippermettu l-evalwazzjoni matul l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ex post tal-programm abbażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-Istat Membru;
(g) prova li saret garanzija skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 ( 4 );
▼M1 —————
(i) id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2);
(j) għall-organizzazzjonijiet benefiċjarji, l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji responsabbli mill-implimentazzjoni effettiva tal-attivitajiet esternalizzati tal-programmi tagħhom;
(k) dikjarazzjoni li l-miżuri previsti fil-programmi tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji mhumiex is-suġġett ta' xi applikazzjoni oħra għall-finanzjament mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.
Minħabba l-għanijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk l-ispejjeż ġenerali humiex eliġibbli abbażi ta' rata fissa jew tal-ispejjeż reali stabbiliti abbażi tad-dokumenti ta' sostenn sottomessi mill-benefiċjarji.
4. L-approvazzjoni definittiva ta' programm ta' ħidma tista' tkun soġġetta għall-inkorporazzjoni ta' emendi meqjusa meħtieġa mill-Istat Membru. F'dan il-każ, l-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata għandha tikkomunika l-qbil tagħha fi żmien ħmistax-il ġurnata min-notifika tal-emendi.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni jiġi allokat f'kull kategorija ta' benefiċjarji filwaqt li jiġi kkunsidrat il-valur taż-żejt taż-żebbuġa prodott jew ikkumerċjalizzat mill-membri tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji.
Sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istat Membru għandu jinforma lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji dwar il-programmi ta' ħidma approvati u, jekk ikun il-każ, dwar il-programmi ta' ħidma li għalihom ikun ser jingħata l-finanzjament nazzjonali korrispondenti.
F'każ li l-programm ta' ħidma propost ma jiġix aċċettat, l-Istat Membru għandu jirrilaxxa minnufih il-garanzija msemmija fil- paragrafu 3(g).
Artikolu 8
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 867/2008 huwa b'dan imħassar. Madankollu, huwa jkompli japplika għall-programmi ta' ħidma li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1334/2002 tat-23 ta' Lulju 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 rigward il-programmi tax-xogħol ta' organizzazzjonijiet ta' operaturi fis-settur taż-żebbuġ għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2004/2005 (ĠU L 195, 24.7.2002, p. 16).
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2080/2005 tad-19 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2004 fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-operaturi fis-settur taż-żebbuġ, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-finanzjament tagħhom (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 8).
( 4 ) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 tat-28 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4).