02014R0223 — MT — 25.04.2020 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 223/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

(ĠU L 072 12.3.2014, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE, Euratom) 2018/1046 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Lulju 2018

  L 193

1

30.7.2018

►M2

REGOLAMENT (UE) 2020/559 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-23 ta’ April 2020

  L 130

7

24.4.2020




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 223/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn



TITOLU I.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u skop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn ("il-Fond") għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 u jiddetermina l-għanijiet tal-Fond, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sostenn tiegħu, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-allokazzjoni tagħhom għal kull Stat Membru, u jistabbilixxi r-regoli neċessarji biex jiżguraw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Fond.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

'għajnuna materjali bażika' tfisser il-prodotti bażiċi tal-konsumatur b'valur limitat u għall-użu personali tal-persuni l-aktar fil-bżonn pereżempju ħwejjeġ, żraben, prodotti tal-iġjene, materjal tal-iskola u sleeping bags;

(2) 

“persuni l-aktar fil-bżonn” tfisser persuni fiżiċi, kemm jekk individwi, familji, unitajiet domestiċi jew gruppi magħmula minn persuni bħal dawn, li l-bżonn tagħhom għall-assistenza ġie stabbilit skont il-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessanti rilevanti, filwaqt li jiġu evitati kunflitti tal-interess, jew definiti mill-organizzazzjonijiet sħab u li huma approvati minn dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u li jistgħu jinkludu elementi li jippermettu l-immirar tal-persuni l-aktar fil-bżonn f'ċerti żoni ġeografiċi;

(3) 

“organizzazzjonijiet sħab” tfisser korpi pubbliċi u/jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jwasslu l-ikel u/jew għajnuna materjali bażika, fejn applikabbli, flimkien ma' miżuri ta' akkumpanjament direttament jew permezz ta’ organizzazzjonijiet sħab oħra, jew li jwettqu attivitajiet li għandhom l-għan dirett tal-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn, u li l-operazzjonijiet tagħhom intgħażlu mill-awtorità maniġerjali skont il-punt (b) tal-Artikolu 32(3);

(4) 

“skemi nazzjonali” tfisser kull skema implimentata li jkollha, għall-inqas parzjalment, l-istess objettivi bħall-Fond u li tkun qed tiġi implimentata fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn korpi pubbliċi jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

(5) 

“programm operattiv tal-għajnuna alimentari u/jew materjali bażika” (imsejjaħ ukoll 'PO I') tfisser programm operattiv li jappoġġa d-distribuzzjoni ta' għajnuna alimentari u/jew materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn, flimkien ma', fejn ikun applikabbli, miżuri ta' akkumpanjament, bl-għan li jtaffu l-esklużjoni soċjali tal-biċċa l-kbira tal-persuni l-aktar fil-bżonn;

(6) 

“programm operattiv tal-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn” (imsejjaħ ukoll 'PO II') tfisser programm operattiv li jappoġġa l-attivitajiet barra l-miżuri tas-suq tax-xogħol attiv, li jinkludi għajnuna mhux finanzjarja u mhux materjali, maħsuba għall-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn;

(7) 

“operazzjoni” tfisser proġett, kuntratt jew azzjoni magħżula mill-awtorità maniġerjali tal-programm operattiv ikkonċernat, jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-programm operattiv li miegħu għandha x’taqsam;

(8) 

“operazzjoni kompluta” tfisser operazzjoni li ġiet fiżikament ikkompletata jew li ġiet implimentata għal kollox u li dwarha l-ħlasijiet relatati kollha jkunu saru mill-benefiċjarji u s-sostenn mill-programm operattiv korrispondenti jkun tħallas lill-benefiċjarji;

(9) 

“benefiċjarju” tfisser korp pubbliku jew privat responsabbli mill-bidu jew mill-bidu u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet;

(10) 

“riċevitur aħħari” tfisser il-persuna jew persuni l-aktar fil-bżonn li jirċievu sostenn kif definit fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament;

(11) 

“miżuri ta' akkumpanjament” tfisser attivitajiet offruti minbarra d-distribuzzjoni ta' għajnuna alimentari u/jew materjali bażika bl-għan li tittaffa l-esklużjoni soċjali u/jew li jiġu indirizzati emerġenzi soċjali b'mod aktar setgħani u sostenibbli pereżempju, gwida dwar dieta bilanċjata u parir tal-ġestjoni baġitarja;

(12) 

“nefqa pubblika” tfisser kontribut pubbliku għall-finanzjament ta' operazzjonijiet li l-oriġini tagħhom hija l-baġit ta’ awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-baġit tal-Unjoni relatat mal-Fond, il-baġit ta’ korpi regolati mid-dritt pubbliku jew il-baġit ta’ assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi jew korpi regolati mid-dritt pubbliku fi ħdan it-tifsira tal-“Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(13) 

“korp intermedjarju” tfisser kwalunkwe korp pubbliku jew privat li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità maniġerjali jew ta’ ċertifikazzjoni, jew li jwettaq dmirijiet għan-nom ta’ awtorità bħal din fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ benefiċjarji;

(14) 

“sena ta’ kontabilità” tfisser il-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta’ Ġunju, ħlief għall-ewwel sena ta’ kontabilità tal-perjodu ta' programmazzjoni, li fir-rigward tagħha tfisser il-perjodu mid-data tal-bidu għall-eliġibbiltà tan-nefqa sat-30 ta' Ġunju 2015. Is-sena finali ta’ kontabilità għandha tkun mill-1 ta' Lulju 2023 sat-30 ta' Ġunju 2024;

(15) 

“sena finanzjarja” tfisser il-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta’ Diċembru;

(16) 

“irregolarità” tfisser kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta' liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-Fond li għandu, jew jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta' nefqa mill-baġit tal-Unjoni;

(17) 

“operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali jew entità oħra li tieħu sehem fl-implimentazzjoni ta’ sostenn mill-Fond, ħlief għal Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika;

(18) 

“irregolarità sistemika” tfisser kwalunkwe irregolarità, li tista' tkun ta' natura rikorrenti, bi probabbiltà għolja ta' inċidenza f'tipi ta' operazzjonijiet simili, li tirriżulta minn nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta' sistema ta' ġestjoni jew ta' kontroll, inkluż in-nuqqas li jiġu stabbiliti proċeduri adegwati skont dan ir-Regolament;

(19) 

“nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll” tfisser nuqqas li għalih jeħtieġ titjib sostanzjali fis-sistema, li jesponi lill-Fond għal riskju sinifikanti ta' irregolaritajiet, u li l-eżistenza tiegħu mhijiex kompatibbli ma' opinjoni ta' awditu mhux kwalifikata dwar il-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll.

Article 3

Objettivi

1.  Il-Fond għandu jippromwovi l-koeżjoni soċjali, itejjeb l-inklużjoni soċjali u għalhekk fl-aħħar jikkontribwixxi għall-objettiv tal-qerda tal-faqar fl-Unjoni billi jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-faqar ta’ mill-inqas 20 miljun mill-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali skont l-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiġu kkumplementati l-Fondi Strutturali. Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv speċifiku li jtaffi l-agħar forom ta’ faqar billi jipprovdi għajnuna mhux finanzjarja lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta' għajnuna alimentari u/jew materjali bażika, u attivitajiet ta' inklużjoni soċjali li għandhom bħala għan l-integrazzjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

Dan l-objettiv u r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Fond għandhom jiġu evalwati f'termini kwalitattivi u kwantitattivi.

2.  Il-Fond għandu jikkumplementa l-politiki nazzjonali sostenibbli għall-qerda tal-faqar u tal-inklużjoni soċjali, li għandhom jibqgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Kamp ta' applikazzjoni tas-sostenn

1.  Il-Fond għandu jappoġġja skemi nazzjonali ta’ sostenn fejn għajnuna alimentari u/jew materjali bażika jitqassmu lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta’ organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Istati Membri.

Bil-ħsieb li tiżdied u tiġi diversifikata l-provvista alimentari lill-persuni l-aktar fil-bżonn, kif ukoll titnaqqas u tiġi evitata l-ħela alimentari, il-Fond jista' jappoġġa attivitajiet marbuta mal-ġbir, it-trasport, il-ħżin u d-distribuzzjoni ta' donazzjonijiet alimentari.

Il-Fond jista’ jappoġġa wkoll miżuri ta’ akkumpanjament, li jikkumplementaw l-għoti ta’ għajnuna alimentari u/jew materjali bażika.

2.  Il-Fond għandu jappoġġa wkoll attivitajiet li jikkontrobwixxu għall-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

3.  Il-Fond għandu jippromwovi, fil-livell tal-Unjoni, it-tagħlim reċiproku, in-netwerking u t-tixrid ta’ prattiki tajba fil-qasam ta’ għajnuna mhux finanzjarja lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

Artikolu 5

Prinċipji

1.  Il-parti tal-baġit tal-Unjoni allokata għall-Fond għandha tiġi implimentata fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skont il-punt (b) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju, bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li għandu jiġi implimentat fil-qafas tal-ġestjoni diretta skont il-punt (a) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju.

2.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw, filwaqt li jqisu l-kuntest speċifiku ta' kull Stat Membru, li s-sostenn mill-Fond huwa konsistenti mal-politiki u l-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni u jkun kumplementari għal strumenti oħra tal-Unjoni.

3.  Is-sostenn mill-Fond għandu jiġi implimentat f'kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

4.  L-Istati Membri u l-korpi nnominati minnhom għal dak l-iskop għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi operattivi u tat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament skont il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tal-Istat Membru u soġġetti għal konformità ma’ dan ir-Regolament.

5.  L-arranġamenti għall-implimentazzjoni u l-użu tal-Fond, u b’mod partikolari r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi meħtieġa fir-rigward tar-rappurtar, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll għandhom iqisu l-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt li jikkunsidraw il-livell ta’ sostenn allokat u l-kapaċità amministrattiva limitata tal-organizzazzjonijiet li jiddependu prinċipalment fuq volontiera biex jiffunzjonaw.

6.  Skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, u biex jiġi evitat finanzjament doppju, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni mal-FSE, u mal-politiki u l-istrumenti l-oħra rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-inizjattivi tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika u kontra l-iskart alimentari.

7.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-benefiċjarji għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju.

8.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja tal-Fond, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni.

9.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-programmi operattivi jkunu ppreparati, ipprogrammati, implimentati, monitorjati u evalwati, b'rispett għall-prinċipju tas-sħubija, meta jitwettqu konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti kif stabbilit f'dan ir-Regolament.

10.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni biex jiggarantixxu l-effikaċja tal-Fond, u għandhom iwettqu r-rwoli rispettivi tagħhom fir-rigward tal-Fond bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji.

11.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru jitqiesu u jiġu promossi matul l-istadji varji tat-tħejjija, l-ipprogrammar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Fond, kif ukoll f'kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni u skambji tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jużaw data analizzata skont il-ġeneru, fejn disponibbli.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa sabiex jipprevjenu kull diskriminazzjoni bbażata fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali fil-kisba tal-aċċess għall-Fond u għal programmi u operazzjonijiet appoġġati mill-Fond.

12.  L-operazzjonijiet appoġġati mill-Fond għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha (il-"liġi applikabbli"). B’mod partikolari, il-Fond jista’ jintuża biss biex jappoġġja d-distribuzzjoni ta’ ikel jew ta’ prodotti li huma f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur.

13.  L-Istati Membri u l-benefiċjarji għandhom jagħżlu l-għajnuna alimentari u/jew materjali bażika abbażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-bżonnijiet tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Il-kriterji tal-għażla għall-prodotti alimentari, u fejn jixraq għall-prodotti, sejrin iqisu wkoll l-aspetti klimatiċi u ambjentali, b’mod partikolari bil-għan tat-tnaqqis tal-iskart alimentari. Fejn xieraq, l-għażla tat-tip ta' prodotti alimentari li sejrin jiġu distribwiti għandha ssir wara li titqies il-kontribuzzjoni tagħhom għal dieta bilanċjata tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

14.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna li tingħata fil-qafas ta' dan il-Fond tirrispetta d-dinjità tal-persuni l-aktar fil-bżonn.



TITOLU II.

RIŻORSI U PROGRAMMAZZJONI

Artikolu 6

Riżorsi globali

1.  Ir-riżorsi disponibbli għall-impenn baġitarju tal-Fond għall-perjodu 2014 - 2020 għandhom ikunu ta’ EUR 3 395 684 880 skont il-prezzijiet tal-2011, skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

2.  L-allokazzjoni tal-Fond għall-perjodu 2014 2020 għal kull Stat Membru hija stabbilita fl-Anness III. L-ammont minimu għal kull Stat Membru huwa ta' EUR 3 500 000 għall-perjodu kollu.

3.  Għall-finijiet ta’ programmazzjoni u l-inklużjoni sussegwenti fil-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-ammont ta’ riżorsi għandu jiġi indiċizzat għal 2 % kull sena.

4.  0,35 % tar-riżorsi globali għandhom jiġu allokati għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Programmi operattivi

1.  Kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, PO I u/jew PO II li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2.  PO I għandu jkun fih:

(a) 

identifikazzjoni tat-tip jew i ta’ privazzjoni materjali li għandhom jiġu indirizzati skont il-programm operattiv u ġustifikazzjoni għall-għażla u, għal kull tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata, deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tad-distribuzzjoni tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika u, fejn xieraq, tal-miżuri ta’ akkumpanjament li għandhom jiġu pprovduti, waqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-evalwazzjoni ex ante mwettqa skont l-Artikolu 16;

(b) 

deskrizzjoni tal-iskema jew i nazzjonali korrispondenti għal kull tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata;

(c) 

deskrizzjoni tal-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-persuni l-aktar fil-bżonn, differenzjati fejn neċessarju skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata;

(d) 

il-kriterji għall-għażla ta’ operazzjonijiet u deskrizzjoni tal-mekkaniżmu tal-għażla differenzjati fejn neċessarju skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata;

(e) 

il-kriterji għall-għażla tal-organizzazzjonijiet sħab differenzjati jekk neċessarju skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata:

(f) 

deskrizzjoni tal-mekkaniżmu użat biex jiżgura l-kumplimentarjetà mal-FFSE;

(g) 

pjan ta' finanzjament li fih tabella li tispeċifika, għall-perjodu sħiħ ta’ programmazzjoni, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali fir-rigward tas-sostenn mill-programm operattiv, analizzat b'mod indikattiv skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata kif ukoll il-miżuri korrispondenti ta’ akkumpanjament.

3.  PO II għandu jkun fih:

(a) 

strateġija għall-kontribut tal-programm għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, inkluża ġustifikazzjoni għall-għażla tal-prijorità għall-għajnuna;

(b) 

l-objettivi speċifiċi tal-programm operattiv ibbażati fuq l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet nazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni ex ante mwettqa skont l-Artikolu 16. L-evalwazzjoni ex ante għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fl-istess ħin mal-programm operattiv;

(c) 

pjan ta' finanzjament li fih tabella li tispeċifika, għall-perjodu sħiħ ta’ programmazzjoni, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali fir-rigward tas-sostenn mill-programm operattiv, analizzat b'mod indikattiv skont it-tip ta' azzjoni;

(d) 

l-identifikazzjoni tal-persuni l-aktar fil-bżonn li għandhom ikunu fil-mira;

(e) 

l-indikaturi finanzjarji relatati man-nefqa korrispondenti allokata;

(f) 

ir-riżultati mistennija għall-objettivi speċifiċi u l-eżitu u l-indikaturi tar-riżultat speċifiċi tal-programm korrispondenti b'valuri bażi u fil-mira;

(g) 

deskrizzjoni tat-tip u eżempji ta' azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati u l-kontribut mistenni tagħhom għall-objettivi speċifiċi msemmija fil-punt (b) inklużi l-prinċipji ta' gwida għall-għażla ta' operazzjonijiet u, fejn xieraq, l-identifikazzjoni tat-tipi ta' benefiċjarji;

(h) 

deskrizzjoni tal-mekkaniżmu għall-iżgurar tal-kumplementarità mal-FSE, kif ukoll biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-finanzjament doppju ta' operazzjonijiet.

4.  Barra minn hekk, kull programm operattiv għandu jistabbilixxi:

(a) 

l-identifikazzjoni tal-awtorità maniġerjali, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fejn applikabbli, l-awtorità tal-awditjar u l-korp li lilu għandhom isiru l-ħlasijiet mill-Kummissjoni u deskrizzjoni tal-proċedura ta’ monitoraġġ;

(b) 

deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha kif ukoll, fejn ikun xieraq, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti u awtoritajiet pubbliċi oħrajn fit-tħejjija tal-programm operattiv;

(c) 

deskrizzjoni tal-użu ppjanat ta’ għajnuna teknika skont l-Artikolu 27 (4), inkluż azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-benefiċjarji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv;

(d) 

pjan ta' finanzjament li jkun fih tabella li tispeċifika għal kull sena, skont l-Artikolu 20, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja maħsuba għal sostenn mill-Fond u l-kofinanzjament skont l-Artikolu 20.

L-organizzazzjonijiet sħab imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 7(2) li jwasslu l-għajnuna alimentari u/jew l-għajnuna materjali bażika direttament għandhom jimpenjaw ruħhom huma stess jew b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn b’attivitajiet, fejn xieraq li jikkonsistu f'orjentazzjoni mill-ġdid lejn servizzi kompetenti, li jikkumplementaw il-provvista tal-għajnuna materjali, li jimmiraw lejn l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn, kemm jekk dawn l-attivitajiet huma appoġġati mill-Fond u kemm jekk le. Madankollu, miżuri ta' akkumpanjament bħal dawn m'għandhomx ikunu obbligatorji f'każijiet fejn l-għajnuna alimentari u/jew materjali bażika tingħata biss lit-tfal l-iktar fil-bżonn f'faċilitajiet tal-kura tat-tfal jew faċilitajiet komparabbli.

5.  L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità nominata minnhom għandhom jitfasslu programmi operattivi. Huma għandhom jikkooperaw mal-partijiet interessati rilevanti kollha kif ukoll, fejn xieraq, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti u awtoritajiet pubbliċi oħra. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi operattivi jkunu relatati mill-qrib mal-politiki nazzjonali dwar l-inklużjoni soċjali.

6.  L-Istati Membri għandhom jabbozzaw il-programmi operattivi skont il-mudelli stabbiliti fl-Anness I kif jixraq.

Artikolu 8

Adozzjoni ta' programmi operattivi

1.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konsistenza ta' kull programm operattiv ma’ dan ir-Regolament u l-kontribut tagħha lejn l-objettivi tal-Fond, b’kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ex ante mwettqa skont l-Artikolu 16. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni ma' programm operattiv iffinanzjat mill-FSE fl-Istat Membru.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijiet fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa u, fejn xieraq, għandu jirrevedi l-programm operattiv propost.

3.  Sakemm kull osservazzjoni li ssir mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 tkun ġiet ikkunsidrata b’mod adegwat, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tapprova kull programm operattiv mhux iktar minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tiegħu mill-Istat Membru.

Artikolu 9

Emendar tal-programmi operattivi

1.  Stat Membru jista’ jissottometti talba għal emenda ta' programm operattiv. It-talba għandha tkun akkumpanjata mill-programm operattiv rivedut u l-ġustifikazzjoni għall-emenda.

2.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ġustifikazzjoni pprovduta mill-Istat Membru. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijiet u l-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa.

3.  Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tapprova l-emenda ta’ programm operattiv mhux aktar tard minn erba' xhur wara l-preżentazzjoni tagħha mill-Istat Membru sakemm kull osservazzjoni li ssir mill-Kummissjoni tkun ġiet ikkunsidrata b’mod adegwat.

▼M2

4.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma japplikawx għall-finijiet tal-modifika ta’ elementi ta’ programm operattiv li jaqgħu taħt is-subtaqsimiet 3.5 u 3.6 u t-taqsima 4, rispettivament, tal-mudelli tal-programm operattiv stabbiliti fl-Anness I, jew tal-elementi stabbiliti fil-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 7(2) fil-każ li dawn jiġu mmodifikati bħala riżultat tar-rispons għall-kriżi għat-tifqigħa ta’ COVID-19.

▼M1

Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni ta’ modifika tal-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien xahar mid-data ta’ dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, li ma għandhiex tkun qabel id-data tal-adozzjoni tagħha.

▼B

Artikolu 10

Skambju ta' prattiki tajba

Il-Kummissjoni għandhatiffaċilita, inkluż permezz ta' websajt, l-iskambju ta’ esperjenza, il-bini tal-kapaċità u ta’ netwerking, kif ukoll it-tixrid tar-riżultati rilevanti fil-qasam ta’ għajnuna mhux finanzjarja lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

Jistgħu jiġu inklużi wkoll organizzazzjonijiet rilevanti li ma jagħmlux użu mill-Fond.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta, mill-inqas darba fis-sena, mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet sħab fuq livell tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ mill-Fond u, wara tali konsultazzjoni, għandha tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien xieraq.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita wkoll it-tixrid online tar-riżultati, ir-rapporti u l-informazzjoni rilevanti b’rabta mal-Fond.



TITOLU III.

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI, INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI

Artikolu 11

Kumitat ta' monitoraġġ għal PO II

1.  Fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Istat Membru bid-deċiżjoni li tadotta PO II, l-Istat Membru għandu jwaqqaf jew jaħtar kumitat, skont il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat, biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-programm, bi qbil mal-awtorità maniġerjali.

2.  Kull kumitat ta' monitoraġġ għandu jfassal u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu f' konformita' mal-qafas legali u finanzjarju istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

3.  Il-kompożizzjoni tal-kumitat ta' monitoraġġ għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru, dment li l-kumitat ta' monitoraġġ ikun kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi intermedji rilevanti u mill-partijiet interessati rilevanti kollha kif ukoll, fejn xieraq, minn rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali, lokali kompetenti u awtoritajiet pubbliċi oħrajn. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali, lokali kompetenti u awtoritajiet pubbliċi oħrajn, kif ukoll il-partijiet interessati rilevanti għandhom jingħataw id-delega li jiffurmaw parti mill-kumitat ta' monitoraġġ mill-organizzazzjoni rispettiva permezz ta' proċessi trasparenti. Kull membru tal-kumitat ta' monitoraġġ jista' jkollu d-dritt li jivvota. Il-lista tal-membri tal-kumitat ta' monitoraġġ għandha tiġi ppubblikata.

4.  Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-kumitat ta' monitoraġġ f'kapaċità konsultattiva.

5.  Il-kumitat ta' monitoraġġ għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Istat Membru jew tal-awtorità maniġerjali.

Artikolu 12

Funzjonijiet tal-kumitat ta' monitoraġġ għal PO II

1.  Il-kumitat ta' monitoraġġ għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u għandu jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-programm u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi. B’hekk, għandu jqis id-data finanzjarja, l-indikaturi komuni u dawk speċifiċi għall-programm, inklużi t-tibdiliet fil-valur tal-indikaturi tar-riżultati u l-progress lejn valuri fil-mira kwantifikati, u, fejn rilevanti, ir-riżultati tal-analiżijiet kwalitattivi.

2.  Il-kumitat ta' monitoraġġ għandu jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw il-prestazzjoni tal-programm. Għandu jeżamina b' mod partikolari:

(a) 

il-progress li sar lejn il-kisba tal-miri speċifiċi tal-programm operattiv abbażi tad-dokumenti ppreżentati mill-awtorità maniġerjali, inklużi s-sejbiet mill-evalwazzjoni;

(b) 

l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni;

(c) 

azzjonijiet li jqisu u jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni.

3.  Il-kumitat ta' monitoraġġ għandu jeżamina u japprova:

(a) 

il-metodoloġija u l-kriterji għall-għażla tal-operazzjonijiet f'konformità mal-prinċipji gwida kif stabbiliti fil-punt (f) tal-Artikolu 7(3);

(b) 

ir-rapporti annwali u finali tal-implimentazzjoni;

(c) 

kwalunkwe proposta mill-awtorità maniġerjali għal xi emenda għall-programm operattiv.

4.  Il-kumitat ta' monitoraġġ jista’ jagħmel osservazzjonijiet lill-awtorità maniġerjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm u l-evalwazzjoni tiegħu.

Għandu jimmonitorja l-azzjonijiet meħuda b'riżultat tal-osservazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 13

Rapporti ta' implimentazzjoni u indikaturi

1.  Mill-2015 sal-2023, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, rapport annwali ta’ implimentazzjoni għall-programm operattiv implimentat matul is-sena finanzjarja preċedenti.

▼M2

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni għas-sena 2019 għandha tkun it-30 ta’ Settembru 2020.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jabbozzaw ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni skont l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 6, inkluża l-lista tal-indikaturi komuni kif ukoll, għall-programmi operattivi għall-inklużjoni soċjali, l-indikaturi speċifiċi għall-programm.

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li jiġu evitati l-kunflitti tal-interess, dwar ir-rapporti ta' implimentazzjoni tal-PO I. Mar-rapport għandu jiġi anness sommarju tal-kummenti ta' dawk il-partijiet interessati rilevanti.

3.  Ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu ammissibbli meta jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 6. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol mid-data li fiha tkun irċeviet ir-rapport ta’ implimentazzjoni annwali jekk dan ma jkunx ammissibbli. Meta l-Kummissjoni ma tkunx infurmat lill-Istat Membru fi żmien id-data ta’ skadenza, ir-rapport għandu jitqies bħala ammissibbli.

4.  Il-Kummissjoni teżamina r-rapport annwali ta’ implimentazzjoni u tinforma lill-Istat Membru bl-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn mill-wasla tar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni.

Meta l-Kummissjoni ma tipprovdix osservazzjonijiet lill-Istat Membru fi żmien dik id-data ta’ skadenza, ir-rapporti għandhom jitqiesu bħala aċċettati.

5.  L-Istat Membru għandu jippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operattiv sat-30 ta' Settembru 2024.

L-Istati Membri għandhom jabbozzaw ir-rapport finali ta’ implimentazzjoni skont l-atti delegati imsemmija fil-paragrafu 6.

Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rapport finali ta’ implimentazzjoni u tinforma lill-Istat Membru bl-osservazzjonijiet tagħha fi żmien ħames xhur mill-wasla tar-rapport finali.

Meta l-Kummissjoni ma tipprovdix osservazzjonijiet lill-Istat Membru fi żmien dik id-data ta’ skadenza, ir-rapporti għandhom jitqiesu li ġew aċċettati.

6.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 62, li jistabbilixxu l-kontenut tar-rapporti annwali u finali ta' implimentazzjoni, inkluża l-lista tal-indikaturi komuni sas-17 ta' Lulju 2014.

7.  Il-Kummissjoni tista’ tindirizza xi osservazzjonijiet lil Stat Membru dwar l-implimentazzjoni tal-programm operattiv. L-awtorità maniġerjali għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur bil-miżuri korrettivi li jkunu ttieħdu.

8.  L-awtorità maniġerjali għandha tippubblika sommarju tal-kontenut ta’ kull rapport ta’ implimentazzjoni annwali u finali.

9.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sommarju tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti ta’ implimentazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu.

10.  Il-proċedura li tikkonċerna r-rapporti ta’ implimentazzjoni m'għandhiex tkun eċċessiva meta mqabbla mar-riżorsi allokati u man-natura tas-sostenn u m'għandhiex twassal għal piżijiet amministrattivi mhux neċessarji.

Artikolu 14

Laqgħat ta' reviżjoni

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiltaqgħu kull sena mill-2014 sal-2023, sakemm ma jiġix miftiehem b’mod ieħor, biex jirrevedu l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm operattiv, b’kunsiderazzjoni tar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 13(7), fejn applikabbli.

2.  Il-laqgħa ta’ reviżjoni għandha tiġi ppreseduta mill-Kummissjoni. Il-partijiet interessati rilevanti għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat ta' reviżjoni ta' PO I ħlief għal dawk il-partijiet ta' dik il-laqgħa meta l-preżenza tagħhom tista' twassal għal kunflitti ta' interess jew ksur tal-kunfidenzjalità b'rabta ma' kwistjonijiet ta' awditjar.

3.  L-Istat Membru għandu jiżgura li jingħata segwitu xieraq lil kull kumment tal-Kummissjoni wara l-laqgħa ta’ reviżjoni u għandu jirreferi għal dak is-segwitu fir-rapport ta’ implimentazzjoni tas-sena finanzjarja ta’ wara jew, fejn xieraq, tas-snin ta’ wara.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-evalwazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-evalwazzjonijiet, u għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri fis-seħħ biex jipproduċu u jiġbru d-data meħtieġa għall-evalwazzjonijiet, inkluż data relatata mal-indikaturi komuni msemmija fl-Artikolu 13.

2.  L-evalwazzjonijiet għandhom isiru minn esperti li huma funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm operattiv. L-evalwazzjonijiet kollha għandhom jiġu ppubblikati fl-intier tagħhom iżda taħt l-ebda ċirkostanza m'għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-identità tar-riċevituri aħħarin.

3.  L-evalwazzjonijiet m'għandhomx ikunu eċċessivi meta mqabbla mar-riżorsi allokati jew man-natura tas-sostenn u m'għandhomx iwasslu għal piżijiet amministrattivi mhux neċessarji.

Artikolu 16

Evalwazzjoni ex ante

1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu evalwazzjoni ex ante ta' kull programm operattiv.

2.  L-evalwazzjoni ex ante għandha ssir taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità responsabbli mit-tħejjija tal-programm operattiv. Din għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni flimkien mal-programm operattiv, flimkien ma’ sommarju eżekuttiv.

3.  Evalwazzjonijiet ex ante tal-PO I għandhom jevalwaw l-elementi li ġejjin:

(a) 

il-kontribuzzjoni għall-objettiv tal-Unjoni li tnaqqas l-għadd ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar jew fir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali b’mill-inqas 20 miljun sal-2020, b'kunsiderazzjoni tat-tip ta’ privazzjoni materjali magħżula li għandha tiġi indirizzata u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali f’termini ta’ faqar u esklużjoni soċjali u privazzjoni materjali;

(b) 

il-koerenza interna tal-programm operattiv propost u r-relazzjoni tiegħu ma’ strumenti finanzjarji rilevanti oħra;

(c) 

il-konsistenza tal-allokazzjoni ta’ riżorsi baġitarji mal-għanijiet tal-programm operattiv;

(d) 

il-kontribut tal-prestazzjoni mistennija għar-riżultati u għaldaqstant għall-objettivi tal-Fond;

(e) 

l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti;

(f) 

l-adegwatezza tal-proċeduri għall-monitoraġġ tal-programm operattiv u għall-ġbir tad-data meħtieġa biex isiru l-evalwazzjonijiet;

4.  Evalwazzjonijiet ex ante tal-PO II għandhom jevalwaw l-elementi li ġejjin:

(a) 

il-kontribut għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u t-tnaqqis fil-faqar skont l-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet nazzjonali;

(b) 

il-koerenza interna tal-programm propost u r-relazzjoni tiegħu ma’ strumenti finanzjarji rilevanti oħra, b'mod partikolari l-FSE;

(c) 

il-konsistenza tal-allokazzjoni ta’ riżorsi baġitarji mal-objettivi tal-programm;

(d) 

ir-rilevanza u ċ-ċarezza tal-indikaturi proposti speċifiċi għall-programm;

(e) 

kif il-prestazzjoni mistennija se tikkontribwixxi għar-riżultati;

(f) 

jekk il-valuri kwantifikati mmirati għall-indikaturi humiex realistiċi, filwaqt li jitqies is-sostenn previst mill-Fond;

(g) 

ir-raġunament għall-forma ta’ sostenn propost;

(h) 

l-adegwatezza tar-riżorsi umani u l-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-programm;

(i) 

l-adegwatezza tal-proċeduri għall-monitoraġġ tal-programm u għall-ġbir tad-data meħtieġa biex jitwettqu l-evalwazzjonijiet;

(j) 

l-adegwatezza tal-miżuri ppjanati biex jiġu promossi opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel u biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni;

Artikolu 17

Evalwazzjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Fond lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2018.

2.  Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tevalwa l-programmi operattivi.

3.  Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, l-awtorità maniġerjali ta' PO I tista' tevalwa l-effikaċja u l-effiċjenza tal-programm operattiv.

4.  L-awtorità maniġerjali ta' PO I għandha twettaq stħarriġ strutturat dwar ir-riċevituri aħħarin fl-2017 u fl-2022, skont il-mudell adottat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell wara l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 63(2).

5.  L-awtorità maniġerjali ta' PO II għandha twettaq tal-anqas evalwazzjoni waħda qabel il-31 ta' Diċembru 2022. L-evalwazzjoni għandha tevalwa l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt tal-operazzjonijiet appoġġati. Għandu jkun żgurat segwitu adegwat.

Artikolu 18

Evalwazzjoni ex post

Fuq l-inizjattiva tagħha stess u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-għajnuna ta’ esperti esterni, evalwazzjoni ex-post biex tevalwa l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Fond u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba kif ukoll biex tkejjel il-valur miżjud tal-Fond. Din l-evalwazzjoni ex-post għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2024.

Artikolu 19

Informazzjoni u komunikazzjoni

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar u jippromwovu l-azzjonijiet appoġġjati mill-Fond. L-informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tkun indirizzata lill-persuni l-aktar fil-bżonn, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali u lill-midja. Għandha tenfasizza r-rwol tal-Unjoni u għandha tiżgura li l-kontribuzzjoni mill-Fond, mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sħab fir-rigward tal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni soċjali tal-Unjoni tkun viżibbli mingħajr ma tistigmatizza lir-riċevituri aħħarin.

2.  L-awtorità maniġerjali għandha, sabiex tiżgura t-trasparenza fis-sostenn tal-Fond, iżżomm lista ta’ operazzjonijiet sostnuti mill-Fond f’format ta' spreadsheet li jippermetti l-klassifikazzjoni, it-tfittxija, l-estrazzjoni u t-tqabbil tad-data u l-pubblikazzjoni faċli tagħha fuq l-internet. Il-lista ta’ operazzjonijiet għandha mill-inqas tinkludi informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-isem u l-indirizz tal-benefiċjarju;

(b) 

l-ammont ta’ finanzjament tal-Unjoni allokat;

(c) 

għal PO I it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata.

L-awtorità ta' mmaniġġar għandha taġġorna l-lista tal-operazzjonijiet mill-inqas kull tnax-il xahar.

3.  Matul l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet sħab għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-sostenn mill-Fond billi jqiegħdu jew mill-inqas poster wieħed b’informazzjoni dwar l-operazzjoni (daqs minimu ta’ A3), inkluż dwar is-sostenn finanzjarju mill-Unjoni, jew emblema tal-Unjoni ta' daqs raġonevoli f’post faċilment viżibbli għall-pubbliku. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi ssodisfat, mingħajr stigmatizzazzjoni tar-riċevituri aħħarin, f'kull post fejn jitwettaq PO I u/jew PO II, ħlief meta dan ma jkunx possibbli minħabba ċ-ċirkostanzi tad-distribuzzjoni.

Il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet sħab li għandhom websajts għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni qasira tal-operazzjoni fuq il-websajt tagħhom, inklużi l-għanijiet u r-riżultati tagħha, u jenfasizzaw l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.

4.  Il-miżuri kollha ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni li ttieħdu mill-benefiċjarju u mill-organizzazzjonijiet sħab għandhom jirrikonoxxu s-sostenn mill-Fond għall-operazzjoni billi juru l-emblema tal-Unjoni flimkien ma’ referenza għall-Unjoni u l-Fond.

5.  L-awtorità maniġerjali għandha tinforma lill-benefiċjarji bil-pubblikazzjoni tal-lista ta’ operazzjonijiet skont il-paragrafu 2. L-awtorità maniġerjali għandha tipprovdi għodod ta' infomazzjoni u komunikazzjoni, inkluż mudelli f’format elettroniku, biex tgħin lill-benefiċjarji u lill-organizzazzjonijiet sħab jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stabbiliti fil-paragrafu 3.

6.  Fil-każ ta' PO II:

(a) 

l-Istat Membru jew l-awtorità maniġerjali għandhom ikunu responsabbli għall-organizzazzjoni ta':

(i) 

attività ta' informazzjoni ewlenija biex tippubbliċiżża t-tnedija tal-programm operattiv; u

(ii) 

tal-anqas attività ta' informazzjoni ewlenija waħda fis-sena biex tippromwovi l-opportunitajiet ta' finanzjament u l-istrateġiji fil-mira u/ jew tippreżenta dak li rnexxielu jikseb il-programm operattiv, inkluż fejn rilevanti, eżempji ta' operazzjonijiet;

(b) 

matul l-implimentazzjoni ta' operazzjoni, il-benefiċjarju għandu jinforma lill-pubbliku dwar is-sostenn miksub mill-Fond billi jiżgura li dawk li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni jkunu ġew infurmati dwar is-sostenn mill-Fond;

(c) 

kull dokument, inkluża kull attendenza jew ċertifikat ieħor, li jikkonċerna operazzjoni għandu jinkludi dikjarazzjoni li turi li l-programm operattiv kien appoġġat mill-Fond;

(d) 

l-awtorità maniġerjali għandha tiżgura li l-benefiċjarji potenzjali jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament, it-tnedija ta' sejħiet għall-applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħhom u l-kriterji għall-għażla tal-operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati.

7.  Fl-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikoli 15 sa 19 ta' Regolament, l-awtorità maniġerjali kif ukoll il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet sħab għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE.



TITOLU IV.

APPOĠĠ FINANZJARJU MILL-FOND

Artikolu 20

Kofinanzjament

1.  Ir-rata ta’ kofinanzjament fil-livell tal-programm operattiv tammonta għal massimu ta' 85 % tan-nefqa pubblika eliġibbli. Din tista’ tiżdied fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 21(1). L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jappoġġaw l-inizjattivi tal-Fond permezz ta’ riżorsi nazzjonali addizzjonali.

▼M2

1a.  B’deroga mill-paragrafu 1, fuq talba ta’ Stat Membru, tista’ tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għan-nefqa pubblika ddikjarata f’applikazzjonijiet għall-ħlas matul is-sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2020 u li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2021.

It-talbiet għall-modifika tar-rata ta’ kofinanzjament għandhom jiġu sottomessi skont il-proċedura għall-emendar tal-programmi operattivi stabbilita fl-Artikolu 9 u għandhom ikunu akkumpanjati minn programm rivedut. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għandha tapplika biss jekk l-emenda rilevanti tal-programm operattiv tkun approvata mill-Kummissjoni qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għall-ħlas interim skont l-Artikolu 45(2).

Qabel is-sottomissjoni tal-ewwel applikazzjoni għall-ħlas għas-sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw it-tabella msemmija fit-taqsima 5.1 tal-mudelli tal-programm operattiv stabbiliti fl-Anness I, u b’hekk jikkonfermaw ir-rata ta’ kofinanzjament li kienet applikabbli matul is-sena ta’ kontabilità li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2020.

▼B

2.  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm operattiv għandha tiffissa r-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għall-programm operattiv u l-ammont massimu ta’ sostenn mill-Fond.

3.  Il-miżuri ta’ għajnuna teknika implementati fuq l-inizjattiva ta’, jew f’isem, il-Kummissjoni jistgħu jiġu finanzjati bir-rata ta’ 100 %.

Artikolu 21

Żieda fil-ħlasijiet għall-Istati Membri b'diffikultajiet baġitarji temporanji

1.  Fuq talba ta’ Stat Membru, ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali jistgħu jiżdiedu b’10 punti perċentwali aktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għall-programm operattiv. Ir-rata miżjuda, li ma tistax taqbeż il-100 %, għandha tapplika għal talbiet għall-ħlas relatat mal-perjodu ta’ kontabilità li fih l-Istat Membru jkun ippreżenta t-talba tiegħu u perjodi sussegwenti ta’ kontabilità li matulhom l-Istat Membru jkun issodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun adotta l-euro, jirċievi għajnuna makrofinanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 ( 2 );

(b) 

fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx adotta l-euro, jirċievi għajnuna finanzjarja fuq perjodu ta’ żmien medju skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 ( 3 );

(c) 

għajnuna finanzjarja ssir disponibbli għalih skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, l-appoġġ tal-Unjoni permezz ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali ma għandux ikun ogħla mis-sostenn pubbliku u l-ammont massimu ta’ appoġġ mill-Fond, kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv.

Artikolu 22

Perjodu ta' eliġibbiltà

1.  Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 27.

2.  In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal sostenn mill-programm operattiv jekk issir mill-benefiċjarju u titħallas bejn l-1 ta' Diċembru 2013 u l-31 ta' Diċembru 2023.

3.  Operazzjonijiet ma għandhomx jintgħażlu għal appoġġ mill-programm operattiv meta jkunu tlestew fiżikament jew meta jkunu ġew kompletament implimentati qabel ma l-applikazzjoni għall-finanzjament skont il-programm operattiv tkun ġiet ippreżentata mill-benefiċjarju lill-awtorità maniġerjali, irrispettivament minn jekk il-ħlasijiet kollha relatati jkunu saru mill-benefiċjarju.

4.  Fil-każ ta’ emenda ta’ programm operattiv, in-nefqa li ssir eliġibbli minħabba l-emenda għall-programm operattiv għandha tkun eliġibbli biss mid-data ta’ preżentazzjoni tat-talba għall-emenda mill-Istat Membru lill-Kummissjoni.

▼M2

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżi sabiex tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

▼B

Artikolu 23

Eliġibbiltà ta' operazzjonijiet

1.  Operazzjonijiet appoġġati minn programm operattiv għandhom ikunu jinstabu fl-Istat Membru kopert mill-programm operattiv.

2.  Operazzjonijiet jistgħu jirċievu appoġġ minn programm operattiv, sakemm dawn ikunu ġew magħżula skont proċedura ġusta u trasparenti u abbażi ta' xi wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-programm operattiv jew approvati mill-kumitat ta' monitoraġġ kif xieraq.

3.  Il-kriterji tal-għażla u l-listi ta' operazzjonijiet magħżula għal sostenn minn PO II għandhom ikunu komunikati wara l-adozzjoni tal-kumitati ta' monitoraġġ tal-programmi operattivi kofinanzjati mill-FSE.

4.  L-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika għall-persuni l-aktar fil-bżonn jistgħu jinxtraw mill-organizzazzjonijiet sħab infushom.

L-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika għall-persuni l-aktar fil-bżonn jistgħu jinxtraw ukoll minn korp pubbliku u jsiru disponibbli bla ħlas mill-organizzazzjonijiet sħab. F'dak il-każ l-ikel jista' jinkiseb mill-użu, l-ipproċessar jew il-bejgħ tal-prodotti li jkun sar disponiment minnhomskont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 sakemm din tkun l-għażla l-iktar favorevoli mil-lat ekonomiku u ma ddewwimx bla bżonn it-twassil tal-prodotti tal-ikel lill-organizzazzjonijiet sħab. Kull ammont dderivat minn tali tranżazzjoni għandu jintuża għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn, u m’għandux jiġi applikat biex inaqqas l-obbligu tal-Istati Membri, previst fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament, biex jikkofinanzja l-programm.

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċeduri adottati skont il-punt (i) tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 skont liema l-prodotti msemmijin fih jistgħu jintużaw, jiġu pproċessati jew mibjugħa għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, sabiex tkun żgurata l-effiċjenza massima tagħhom.

▼M2

4a.  L-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika jistgħu jingħataw lill-aktar persuni fil-bżonn direttament jew indirettament, bħal permezz ta’ kupuni jew kards, f’forma elettronika jew f’forma oħra, dment li tali kupuni, kards jew strumenti oħra jkunu jistgħu jissarrfu biss f’ikel u/jew f’għajnuna materjali bażika.

▼B

5.  L-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika għandhom jitqassmu b’xejn lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

▼M1

6.  Operazzjoni tista’ tirċievi l-appoġġ minn programm operattiv wieħed jew aktar ikkofinanzjati mill-Fond u minn strumenti oħrajn tal-Unjoni, dment li n-nefqa ddikjarata f’applikazzjoni għal pagament għall-Fond ma tkunx iddikjarata għal appoġġ minn strument ieħor tal-Unjoni, jew appoġġ mill-istess Fond taħt programm ieħor. L-ammont tan-nefqa li għandu jiddaħħal f’applikazzjoni għal pagament tal-Fond jista’ jiġi kkalkolat għall-programm jew programmi kkonċernati fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokument li jistipula l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

▼B

Artikolu 24

Forom ta' appoġġ

Il-Fond għandu jintuża minn Stati Membri biex jipprovdi appoġġ fil-forom ta’għotjiet, xiri jew kumbinazzjoni tagħhom. Madankollu dak is-sostenn ipprovdut mill-Istati Membri m'għandux jieħu l-forma ta' għajnuna li taqa' taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.

Artikolu 25

Forom ta' għotjiet

1.  Għotjiet jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:

(a) 

rimborż ta’ spejjeż eliġibbli verament imġarrba u mħallsa;

(b) 

rimborż abbażi ta’ spejjeż għal kull unità;

(c) 

somom f’daqqa li ma jaqbżux l-EUR 100 000 ta’ sostenn pubbliku;

(d) 

finanzjament b’rata fissa, iddeterminat permezz tal-applikazzjoni ta’ perċentwali għal kategoriji ta’ spejjeż waħda jew aktar.

2.  L-għażliet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu kkombinati fir-rigward ta' operazzjoni waħda biss fejn kull għażla tiġi applikata għal kategoriji differenti ta’ spejjeż jew fejn dawn jintużaw għal fażijiet suċċessivi tagħha.

3.  L-ammonti msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-pararafu 1 għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’:

(a) 

metodu ta’ kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli bbażat fuq wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) 

data statistika jew informazzjoni oġġettiva oħra;

(ii) 

id-data storika vverifikata ta’ benefiċjarji individwali jew l-applikazzjoni tal-prattiki ta’ kontabilità tal-ispejjeż tas-soltu tagħhom;

(b) 

il-metodi u l-ispejjeż korrispondenti għal kull unità, somom f’daqqa u finanzjament b’rata fissa applikati taħt skemi għall-għotjiet iffinanzjati kompletament mill-Istat Membru kkonċernat għal tip simili ta’ operazzjoni u benefiċjarju;

(c) 

rati stabbiliti minn dan ir-Regolament;

(d) 

fuq bażi ta’ każ b’każ b’referenza għal abbozz ta’ baġit miftiehem ex ante mill-awtorità maniġerjali, fejn l-appoġġ pubbliku ma jaqbiżx l-EUR 100 000 ;

▼M1

(e) 

regoli għall-applikazzjoni ta’ spejjeż korrispondenti għal kull unità, somom f’daqqa u finanzjament b’rata fissa applikabbli taħt politiki tal-Unjoni għal tip simili ta’ operazzjoni u benefiċjarju.

▼B

4.  L-ammonti kkalkulati fil-forom ta' għotjiet msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala spejjeż imġarrba eliġibbli u mħallsa mill-benefiċjarju għall-fini tal-applikazzjoni tat-Titolu VI.

5.  Id-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ għal kull operazzjoni għandu jistabbilixxi l-metodu li għandu jiġi applikat għad-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-operazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għotja.

Artikolu 26

Eliġibbiltà tan-nefqa

1.  L-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tiġi determinata abbażi tar-regoli nazzjonali, ħlief fejn ikunu stabbiliti regoli speċifiċi f’dan ir-Regolament jew abbażi tiegħu.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, l-ispejjeż eliġibbli għas-sostenn mill-PO I għandhom ikunu:

▼M2

(a) 

l-ispejjeż tax-xiri tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika u l-ispejjeż tax-xiri ta’ materjali u tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-organizzazzjonijiet sħab;

▼B

(b) 

meta korp pubbliku jixtri l-ikel jew l-għajnuna materjali bażika u jipprovdihom lill-organizzazzjonijiet sħab, l-ispejjeż tat-trasport tal-ikel jew ta' għajnuna materjali bażika lill-imħażen tal-organizzazzjonijiet sħab u l-ispejjeż għall-ħżin b’rata fissa ta’ 1 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) jew, f'każijiet ġustifikati kif dovut, l-ispejjeż effettivament imġarrba u mħallsa;

▼M2

(c) 

l-ispejjeż amministrattivi, ta’ tħejjija, tat-trasport u tal-ħżin imġarrba mill-organizzazzjonijiet sħab b’rata fissa ta’ 5 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a); jew 5 % tal-valur tal-prodotti tal-ikel li jkunu ntużaw skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

▼M1

(d) 

l-ispejjeż ta’ organizzazzjonijiet sħab għal ġbir, trasport, ħżin u distribuzzjoni ta’ donazzjonijiet ta’ ikel u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni relatati direttament;

(e) 

l-ispejjeż ta’ miżuri ta’ akkumpanjament imwettqa u ddikjarati mill-organizzazzjonijiet sħab li jwasslu l-għajnuna materjali u/jew l-għajnuna materjali bażika direttament jew taħt ftehimiet ta’ kooperazzjoni lill-persuni l-aktar fil-bżonn b’rata fissa ta’ 5 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu; jew 5 % tal-valur tal-prodotti tal-ikel li jkun sar disponiment minnhom f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

▼B

3.  Minkejja l-paragrafu 1, l-ispejjeż eliġibbli għal sostenn minn programm operattiv għandhom ikunu l-ispejjeż imġarrba skont l-Artikolu 27(4) jew, għal spejjeż indiretti mġarrba skont l-Artikolu 27(4), b'rata fissa ta' massimu ta' 15 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli tal-persunal.

▼M1

3a.  Minkejja l-paragrafu 2, it-tnaqqis tal-ispejjeż eliġibbli msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu (2) minħabba nuqqas ta’ konformità mal-liġi applikabbli mill-korp responsabbli għax-xiri ta’ ikel u/jew assistenza materjali bażika, ma għandux iwassal għal tnaqqis tal-ispejjeż eliġibbli ta’ korpi oħrajn kif stabbiliti fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 26(2).

▼B

4.  L-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għas-sostenn mill-programm operattiv:

(a) 

imgħax fuq dejn;

(b) 

forniment ta' infrastruttura;

(c) 

spejjeż ta’ oġġetti użati (second hand);

(d) 

it-taxxa fuq il-valur miżjud ħlief fejn din ma tistax tiġi rkuprata taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tal-VAT.

▼M2

Artikolu 26a

Eliġibbiltà tan-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati bħala parti mill-PO I matul is-sospensjoni tagħhom bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19

Il-każijiet ta’ dewmien fit-twassil tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19 ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-korp li jixtri jew mill-organizzazzjonijiet sħab skont l-Artikolu 26(2). Tali spejjeż jistgħu jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni fl-intier tagħhom skont l-Artikolu 26(2) qabel ma l-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika jitwasslu għand il-persuni l-aktar fil-bżonn, dment li t-twassil jerġa’ jinbeda wara t-tmiem tal-kriżi assoċjata mat-tifqigħa ta’ COVID-19.

F’każijiet fejn l-ikel jitħassar minħabba s-sospensjoni tat-twassil bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19, l-ispejjeż stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2)(a) ma għandhomx jitnaqqsu.

Artikolu 26b

Eliġibbiltà tan-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati bħala parti mill-PO II jew għall-għajnuna teknika matul is-sospensjoni tagħhom bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19

1.  Fejn l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tiġi sospiża bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19, Stat Membru jista’ jikkunsidra n-nefqa matul is-sospensjoni bħala nefqa eliġibbli anki jekk ma jingħatax l-ebda servizz, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tiġi sospiża wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b) 

l-operazzjoni tkun ġiet sospiża minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c) 

in-nefqa tkun iġġarbet u tħallset;

(d) 

in-nefqa tkun tikkostitwixxi spiża ġenwina għall-benefiċjarju u ma tkunx tista’ tiġi rkuprata jew ma jkunx jista’ jingħata kumpens għaliha; għall-irkupri u l-kumpens li ma jiġux ipprovduti mill-Istat Membru, l-Istat Membru jista’ jikkunsidra li din il-kundizzjoni tkun ġiet issodisfata abbażi ta’ dikjarazzjoni li jagħmel il-benefiċjarju; l-irkupri u l-kumpens għandhom jitnaqqsu min-nefqa;

(e) 

in-nefqa tkun limitata għall-perjodu tas-sospensjoni tal-operazzjoni.

2.  Għal operazzjonijiet li għalihom il-benefiċjarju jiġi rimborżat abbażi ta’ għażliet ta’ spejjeż issimplifikati u fejn l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi għar-rimborż tiġi sospiża bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrimborża lill-benefiċjarju abbażi tal-outputs ippjanati għall-perjodu tas-sospensjoni, anki jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tiġi sospiża wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b) 

l-azzjonijiet ikunu ġew sospiżi minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c) 

l-għażliet ta’ spejjeż issimplifikati jkunu jikkorrispondu għal spiża ġenwina mġarrba mill-benefiċjarju, li għandha tintwera mill-benefiċjarju, u li ma tkunx tista’ tiġi rkuprata jew ma jkunx jista’ jingħata kumpens għaliha; għall-irkupri u l-kumpens li ma jiġux ipprovduti mill-Istat Membru, l-Istat Membru jista’ jikkunsidra li din il-kundizzjoni tkun ġiet issodisfata abbażi ta’ dikjarazzjoni li jagħmel il-benefiċjarju; l-irkupri u l-kumpens għandhom jitnaqqsu mill-ammont li jkun jikkorrispondi għall-għażla ta’ spiża issimplifikata;

(d) 

ir-rimborż lill-benefiċjarju jkun limitat għall-perjodu tas-sospensjoni tal-azzjonijiet.

Għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru jista’ jirrimborża wkoll lill-benefiċjarju abbażi tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn Stat Membru jirrimborża lill-benefiċjarju abbażi kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni subparagrafu, huwa għandu jiżgura li l-istess nefqa tiġi rimborżata darba biss.

Artikolu 26c

Eliġibbiltà tan-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati bħala parti mill-PO II jew għall-għajnuna teknika li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19

1.  Stat Membru jista’ jikkunsidra n-nefqa għal operazzjonijiet li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala nefqa eliġibbli, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tintemm wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b) 

it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jseħħ minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c) 

in-nefqa qabel it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni tkun iġġarbet mill-benefiċjarju u tkun tħallset.

2.  Fil-każ ta’ operazzjonijiet li għalihom il-benefiċjarju jiġi rimborżat abbażi ta’ għażliet ta’ spejjeż issimplifikati, Stat Membru jista’ jikkunsidra n-nefqa għal operazzjonijiet li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala nefqa eliġibbli, dmenti li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tintemm wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b) 

it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jseħħ minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c) 

l-azzjonijiet koperti mill-għażliet ta’ spejjeż issimplifikati jkunu twettqu tal-inqas b’mod parzjali qabel it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni.

Għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru jista’ jirrimborża wkoll lill-benefiċjarju abbażi tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn Stat Membru jirrimborża lill-benefiċjarju abbażi kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni subparagrafi, huwa għandu jiżgura li l-istess nefqa tiġi rimborżata darba biss.

▼B

Artikolu 27

Għajnuna teknika

1.  Fuq l-inizjattiva ta’, jew f’isem il-Kummissjoni, u soġġett għal limitu ta’ 0,35 % tal-allokazzjoni annwali tiegħu, il-Fond jista’ jiffinanzja t-tħejjija, il-monitoraġġ, l-għajnuna amministrattiva u teknika, l-awditjar, l-informazzjoni, il-miżuri ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għall-attivitajiet skont l-Artikolu 10.

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet sħab fil-livell tal-Unjoni dwar l-użu ppjanat tal-għajnuna teknika.

3.  Kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-pjanijiet tagħha dwar it-tip ta' azzjonijiet relatati mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 1, meta tkun prevista kontribuzzjoni mill-Fondi tal-QSK, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.

▼M1

4.  Fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri, u soġġett għal limitu massimu ta’ 5 % tal-allokazzjoni tal-Fond, fil-mument tal-adozzjoni tal-programm operattiv, il-programm operattiv jista’ jiffinanzja l-miżuri ta’ tħejjija, ġestjoni, monitoraġġ, għajnuna amministrattiva u teknika, awditjar, informazzjoni, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jista’ wkoll jiffinanzja għajnuna teknika u l-bini tal-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet sħab.

▼B



TITOLU V.

ĠESTJONI U KONTROLL

Artikolu 28

Prinċipji ġenerali għal sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll

Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta' kontroll għandhom, f’konformità mal-Artikolu 5(7), jipprovdu għal:

(a) 

deskrizzjoni tal-funzjonijiet ta’ kull korp involut fil-ġestjoni u fil-kontroll, u l-allokazzjoni tal-funzjonijiet f’kull korp;

(b) 

osservanza tal-prinċipju ta' separazzjoni tal-funzjonijiet bejn u fi ħdan korpi bħal dawn;

(c) 

proċeduri biex tiġi żgurata l-korrettezza u r-regolarità tan-nefqa ddikjarata;

(d) 

sistemi kompjuterizzati għall-kontabilità, għall-ħżin u t-trażmissjoni ta’ data finanzjarja u data dwar indikaturi, għall-monitoraġġ u għar-rapportar;

(e) 

sistemi għar-rapportar u għall-monitoraġġ fejn il-korp responsabbli jafda l-eżekuzzjoni ta' kompiti f'idejn korp ieħor;

(f) 

arranġamenti għall-awditjar tal-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll;

(g) 

sistemi u proċeduri biex jiżguraw rekord adegwat għall-awditjar;

(h) 

il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, inklużi frodi, u l-irkupru ta’ ammonti li ma kellhomx jitħallsu, flimkien ma’ xi imgħax fuq pagamenti li saru tard.

Artikolu 29

Responsabbiltà taħt ġestjoni kondiviża

Skont il-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ programmi skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.  L-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligi ta’ ġestjoni, kontroll u awditjar u għandhom jassumu r-responsabbiltajiet li jirriżultaw li huma stabbiliti fir-regoli dwar il-ġestjoni kondiviża stipulati fir-Regolament Finanzjarju u f’dan ir-Regolament.

▼M2

1a.  Abbażi ta’ analiżi tar-riskji potenzjali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti eħfef għall-kontroll u għar-rekords tal-awditjar fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn matul it-tifqigħa ta’ COVID-19.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jimpedixxu, jidentifikaw u jikkoreġu irregolaritajiet u għandhom jirkupraw ammonti li jkunu tħallsu bi żball, flimkien ma’ xi imgħax fuq ħlasijiet tard. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet li jaqbżu EUR 10 000 f’kontribuzzjoni mill-Fond u għandhom iżommuha informata bil-progress sinifikanti li jkun sar fi proċeduri amministrattivi u legali relatati.

L-Istati Membri ma għandhomx jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar irregolaritajiet b'rabta mal-każijiet li ġejjin:

(a) 

fejn l-irregolarità tikkonsisti biss fin-nuqqas li tiġi eżegwita, b’mod parzjali jew sħiħ, operazzjoni inkluża fil-programm operattiv kofinanzjat minħabba l-falliment tal-benefiċjarju;

(b) 

dawk li nġiebu għall-attenzjoni tal-awtorità maniġerjali jew tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju b'mod volontarju u qabel individwazzjoni minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet, kemm qabel jew wara l-pagament tal-kontribuzzjoni pubblika;

(c) 

dawk skoperti u korretti mill-awtorità maniġerjali jew l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni qabel l-inklużjoni tan-nefqa kkonċernata f’dikjarazzjoni tan-nefqa ppreżentata lill-Kummissjoni.

Fil-każijiet l-oħra kollha, b'mod partikolari dawk li jiġu qabel il-falliment jew f'każijiet ta' suspett ta' frodi, l-irregolaritajiet skoperti u l-miżuri ta' prevenzjoni u korrettivi assoċjati għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.

▼M1

Meta l-ammonti mħallsa bi żball lil benefiċjarju għal operazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati u dan ikun riżultat ta’ difett jew negliġenza min-naħa ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli għar-rimborż tal-ammonti kkonċernati lill-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jirkuprawx ammont imħallas indebitament jekk l-ammont li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju, mingħajr l-imgħax, ma jaqbiżx il-EUR 250 f’kontribuzzjoni mill-Fond għal operazzjoni f’sena kontabilistika.

▼B

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 62 li jistabbilixxu regoli dettaljati addizzjonali rigward il-kriterji għad-determinazzjoni tal-każijiet ta’ irregolarità li jridu jiġu rapportati, id-data li trid tingħata u dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jridu jiġu applikati biex jiġi determinat jekk l-ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati għandhomx jiġu rimborżati mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura konsultattiva taħt l-Artikolu 63(2) li jistabbilixxu l-frekwenza tar-rappurtar u l-format tar-rappurtar li għandu jintuża.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti effettivi għall-eżami ta' lmenti dwar il-Fond. Il-kamp ta' applikazzjoni, ir-regoli u l-proċeduri li jikkonċernaw tali arranġamenti għandhom ikunu r-responsabilità tal-Istati Membri skont il-qafas istituzzjonali u ġuridiku tagħhom. L-Istati Membri għandhom, fuq talba mill-Kummissjoni, jeżaminaw ilmenti sottomessi lill-Kummissjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-arranġamenti tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, fuq talba, dwar ir-riżultati tal-eżaminazzjoni.

4.  Kull skambju uffiċjali ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandu jsir bl-użu ta’ sistema tal-iskambju tad-data elettronika. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li magħhom għandha tikkonforma dik is-sistema tal-iskambju tad-data elettronika. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 63(3).

Artikolu 31

Nomina tal-awtoritajiet

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina, għal kull programm operattiv, awtorità jew korp pubbliku nazzjonali bħala awtorità maniġerjali. L-istess awtorità maniġerjali tista’ tiġi nnominata għal żewġ programmi operattivi.

2.  L-Istat Membru għandu jinnomina, għal kull programm operattiv, awtorità jew korp pubbliku nazzjonali bħala awtorità ta’ ċertifikazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3. L-istess awtorità ta' ċertifikazzjoni tista’ tiġi nnominata għal żewġ programmi operattivi.

3.  L-Istat Membru jista’ jinnomina, għal programm operattiv, awtorità maniġerjali biex twettaq ukoll il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.

4.  L-Istat Membru għandu jinnomina, għal kull programm operattiv, awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, funzjonalment indipendenti mill-awtorità maniġerjali u mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, bħala l-awtorità tal-awditjar. L-istess awtorità ta' awditjar tista’ tiġi nnominata għal żewġ programmi operattivi.

5.  Sakemm il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet jiġi rispettat, l-awtorità maniġerjali, l-awtorità ta’ ċertifikazzjonigħall-PO I u għall-PO II l-li għalihom l-ammont totali ta' sostenn mill-Fond ma jkunx jisboq il-EUR 250 000 000 , l-awtorità tal-awditjar, jistgħu jkunu parti mill-istess awtorità jew korp pubbliku.

6.  L-Istat Membru jista’ jinnomina korp intermedjarju wieħed jew aktar biex iwettqu ċerti kompiti tal-awtorità maniġerjali jew l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni taħt ir-responsabbiltà ta’ dik l-awtorità. L-arranġamenti rilevanti bejn l-awtorità maniġerjali jew l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni u l-korpi intermedji għandhom jiġu formalment irreġistrati bil-miktub.

7.  L-Istat Membru jew l-awtorità maniġerjali jistgħu jafdaw il-ġestjoni ta’ parti minn programm operattiv lil korp intermedju permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-korp intermedju u l-Istat Membru jew l-awtorità maniġerjali. Il-korp intermedju għandu jipprovdi garanziji tas-solvenza u l-kompetenza tiegħu fid-dominju kkonċernat kif ukoll tal-kapaċità ta' ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tiegħu.

8.  L-Istat Membru għandu jistabbilixxi bil-miktub regoli li jirregolaw ir-relazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet maniġerjali, mal-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni u mal-awtoritajiet tal-awditjar, ir-relazzjonijiet bejn dawn l-awtoritajiet, u r-relazzjonijiet ta' dawn l-awtoritajiet mal-Kummissjoni.

Artikolu 32

Funzjonijiet tal-awtorità maniġerjali

1.  L-awtorità maniġerjali għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm operattiv skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

2.  Fir-rigward tal-ġestjoni tal-programm operattiv, l-awtorità maniġerjali għandha:

(a) 

issostni fejn relevanti, il-ħidma tal-kumitat għall-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 11 u tipprovdih bl-informazzjoni li jeħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, b’mod partikolari d-data relatata mal-progress tal-programm operattiv għall-ilħuq tal-objettivi tiegħu, data finanzjarja u data relatata ma’ indikaturi;

(b) 

tfassal u, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li tevita kunflitti ta' interess fil-każ tal-PO I, u wara approvazzjoni tal-kumitat ta' monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 11 fil-każ tal-PO II, tissottometti lill-Kummissjoni rapporti ta’ implimentazzjoni annwali u finali msemmija fl-Artikolu 13;

(c) 

tagħmel disponibbli lill-korpi intermedjarji u lill-benefiċjarji informazzjoni li hija rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet rispettivament;

(d) 

tistabbilixxi sistema biex tirreġistra u taħżen f’forma kompjuterizzata d-data dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-verifika u l-awditjar, inkluż data dwar parteċipanti individwali fl-operazzjonijiet kofinanzjati minn PO II;

(e) 

tiżgura li d-data msemmija fil-punt (d) tinġabar, tiddaħħal u tinħażen fis-sistema msemmija fil-punt (d), skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u fejn applikabbli analizzata skont il-ġeneru.

3.  Fir-rigward tal-għażla tal-operazzjonijiet, l-awtorità maniġerjali għandha:

(a) 

tfassal u, fejn rilevanti ladarba approvati, tapplika proċeduri u/jew kriterji xierqa tal-għażla, li huma nondiskriminatorji u trasparenti;

(b) 

tiżgura li l-operazzjoni magħżula:

(i) 

taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond u tal-programm operattiv;

(ii) 

tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-programm operattiv u fl-Artikoli 22, 23 u 26;

(iii) 

tqis fejn rilevanti, il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5(11), (12), (13) u (14);

(c) 

tiżgura li l-benefiċjarju jingħata dokument li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-sostenn ta' kull operazzjoni inklużi r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jingħataw taħt l-operazzjoni, il-pjan finanzjarju, u l-limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni;

(d) 

tissodisfa ruħha li l-benefiċjarju għandu l-kapaċità amministrattiva, finanzjarja u operattiva biex jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) qabel l-approvazzjoni tal-operazzjoni;

(e) 

tissodisfa ruħha li, meta l-operazzjoni tkun bdiet qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-finanzjament lill-awtorità maniġerjali, kien hemm konformità mal-liġi applikabbli rilevanti għall-operazzjoni;

(f) 

tiddetermina t-tip ta’ għajnuna materjali għall-PO I u t-tip ta' azzjoni għall-PO II li għalihom għandha tiġi attribwita n-nefqa ta’ operazzjoni.

4.  Fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-programm operattiv, l-awtorità maniġerjali għandha:

▼M1

(a) 

tivverifika li l-prodotti u s-servizzi kofinanzjati jkunu twasslu, li l-operazzjoni tikkonforma mal-liġi applikabbli, mal-programm operattiv u mal-kondizzjonijiet għall-appoġġ tal-operazzjoni u,

(i) 

li, fejn l-ispejjeż ikunu jridu jiġu rimborżati skont il-punt (a) tal-Artikolu 25(1), ikun tħallas l-ammont tan-nefqa ddikjarat mill-benefiċjarji b’rabta ma’ dawk l-ispejjeż;

(ii) 

li, fil-każ ta’ spejjeż rimborżati skont il-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 25(1), ikunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet għar-rimborż tan-nefqa lill-benefiċjarju;

▼B

(b) 

tiżgura li l-benefiċjarji involuti fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet rimborżati abbażi tal-ispejjeż eliġibbli effettivament imġarrba jżommu jew sistema separata ta' kontabilità jew kodiċi adegwat ta' kontabilità għat-tranżazzjonijiet kollha relatati ma' operazzjoni;

(c) 

tistabbilixxi miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi b’kunsiderazzjoni tar-riskji identifikati;

(d) 

tistabbilixxi proċeduri li jiżguraw li d-dokumenti kollha dwar l-infiq u l-eżerċizzji ta’ awditjar meħtieġa biex jiżguraw rekord adegwat għall-awditjar jinżammu skont ir-rekwiżiti tal-punt (g) tal-Artikolu 28;

(e) 

tfassal id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u s-sommarju annwali msemmi fil-punt (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju.

5.  Verifiki skont il-punt (a) tal-paragrafu 4 għandhom jinkludu l-proċeduri li ġejjin:

(a) 

verifiki amministrattivi fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għar-rimborż mill-benefiċjarji;

(b) 

verifiki ta’ operazzjonijiet fuq il-post.

Il-frekwenza u l-kopertura tal-verifiki fuq il-post għandhom ikunu proporzjonati mal-ammont ta’ sostenn pubbliku għal operazzjoni u mal-livell ta’ riskju identifikat b'tali verifiki u mill-eżerċizzji ta’ awditjar mill-awtorità tal-awditjar għas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kollha kemm hi.

6.  Verifiki fuq il-post ta’ operazzjonijiet individwali skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jistgħu jsiru abbażi ta’ kampjun.

7.  Fejn l-awtorità maniġerjali tkun ukoll benefiċjarja taħt il-programm operattiv, l-arranġamenti għall-verifiki msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4 għandhom jiżguraw separazzjoni adegwata tal-funzjonijiet.

8.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 62 li jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw l-informazzjoni relatata mad-data li trid tiġi rreġistrata u maħżuna f’forma kompjuterizzata fis-sistema ta’ monitoraġġ stabbilita fil-punt (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema stabbilita taħt il-punt (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċeduri ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(3).

9.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 62 li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi dettaljati għar-rekord tal-awditjar msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tar-rekords tal-kontabilità li għandhom jinżammu u d-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jinħażnu fil-livell tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, l-awtorità maniġerjali, il-korpi intermedji u l-benefiċjarji.

10.  Il-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiżgura kundizzjonijiet uniformi dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-mudell għad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 63(2).

Artikolu 33

Funzjonijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni

L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni ta' programm operattiv għandha b’mod partikolari tkun responsabbli għal:

(a) 

it-tfassil u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ħlas lill-Kummissjoni u tiċċertifika li dawn jirriżultaw minn sistemi affidabbli ta’ kontabilità, huma bbażati fuq dokumenti verifikabbli ta’ prova u li jkunu ġew soġġetti għal verifiki mill-awtorità maniġerjali;

(b) 

it-tħejjija tal-kontijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju;

(c) 

tiċċertifika l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet u li l-infiq li jkun iddaħħal fihom ikun konformi mal-liġi applikabbli u jkun sar fir-rigward ta’ operazzjonijiet magħżula għal finanzjament skont il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u f'konformità mal-liġi applikabbli;

(d) 

tiżgura li jkun hemm sistema li tirreġistra u taħżen, f’forma kompjuterizzata, rekords ta’ kontabilità għal kull operazzjoni, u li tappoġġa d-data kollha meħtieġa għat-tfassil ta’ applikazzjonijiet għall-ħlas u għall-kontijiet, inklużi rekords ta’ ammonti rekuperabbli, ammonti rkuprati u ammonti rtirati wara l-kanċellazzjoni ta’ kontribuzzjoni kollha jew parti minnha għal operazzjoni jew għal programm operattiv;

(e) 

tiżgura għall-finijiet tat-tfassil u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ħlas li tkun irċeviet informazzjoni adegwata mill-awtorità maniġerjali dwar il-proċeduri u l-verifiki mwettqa fir-rigward tan-nefqa;

(f) 

tqis, meta tfassal u tissottometti l-applikazzjonijiet għall-ħlas, ir-riżultati tal-eżerċizzji kollha ta' awditjar imwettqa minn jew taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità ta’ awditjar;

(g) 

iżżomm, f’forma kompjuterizzata, rekords ta’ kontabilità tan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni u tal-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti mħallsa lil benefiċjarji;

(h) 

iżżomm kont tal-ammonti rekuperabbli u tal-ammonti rtirati wara l-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni kollha jew parti minnha għal operazzjoni. L-ammonti rkuprati għandhom jitħallsu lura lill-baġit tal-Unjoni qabel l-għeluq tal-programm operattiv billi jitnaqqsu mid-dikjarazzjoni ta' nfiq sussegwenti.

Artikolu 34

Funzjonijiet tal-awtorità tal-awditjar

1.  L-awtorità tal-awditjar għandha tiżgura li jsiru eżerċizzji ta' awditjar fuq il-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ ġestjoni u ta' kontroll tal-programm operattiv u fuq kampjun xieraq ta’ operazzjonijiet fuq il-bażi tan-nefqa ddikjarata.

In-nefqa ddikjarata għandha tkun awditjata abbażi ta’ kampjun rappreżentattiv jew, fejn xieraq, abbażi ta' ittestjar sostantiv u, bħala regola ġenerali, fuq metodi statistiċi ta' teħid ta’ kampjuni.

Metodu mhux statistiku ta’ teħid ta’ kampjuni jista’ jintuża fuq il-ġudizzju professjonali tal-awtorità tal-awditjar, f’każijiet debitament ġustifikati, skont standards tal-awditjar aċċettati fil-livell internazzjonali u fi kwalunkwe każ fejn l-għadd ta’ operazzjonijiet għal sena ta’ kontabilità ma jkunx biżżejjed biex jippermetti l-użu ta’ metodu statistiku.

F’każijiet bħal dawn id-daqs tal-kampjun għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-awtorità ta’ awditjar tħejji opinjoni ta’ awditjar valida skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Il-metodu ta’ kampjun mhux statistiku għandu jkopri minimu ta’ 5 % tal-operazzjonijiet li għalihom in-nefqa tkun ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni matul sena ta’ kontabilità u 10 % tan-nefqa li tkun ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni matul sena ta’ kontabilità.

Fejn l-ammont totali ta' sostenn mill-Fond lejn PO I ma jkunx jisboq l-EUR 35 000 000 , l-awtorità tal-awditjar għandha tkun tista' tillimita l-attivitajiet ta' awditjar għal sistema ta' awditjar annwali li tinkludi ttestjar sostantiv dwar taħlita ta' ttestjar tal-operazzjonijiet każwali u bbażat fuq ir-riskju. Il-ħidma tal-awditjar għandha titwettaq skont standards tal-awditjar aċċettati fil-livell internazzjonali u għandha tikkwantifika b'mod annwali l-livell ta' żbalji inkluż fid-dikjarazzjonijiet tal-infiq iċċertifikati mill-Kummissjoni.

2.  Fejn l-eżerċizzji ta’ awditjar jsiru minn korp għajr l-awtorità tal-awditjar, l-awtorità tal-awditjar għandha tiżgura li kwalunkwe korp bħal dan ikollu l-indipendenza funzjonali meħtieġa.

3.  L-awtorità tal-awditjar għandha tiżgura li x-xogħol ta’ awditjar iqis standards ta’ awditjar aċċettati fuq livell internazzjonali.

4.  L-awtorità tal-awditjar għandha, fi żmien tmien xhur mill-adozzjoni ta’ programm operattiv, tħejji strateġija ta’ awditjar biex isir l-awditjar. L-istrateġija ta’ awditjar għandha tistabbilixxi l-metodoloġija tal-awditjar, il-metodu ta’ teħid ta' kampjuni għall-awditjar jew, fejn xieraq, metodu ta' ttestjar sostantiv għall-awditjar fuq l-operazzjonijiet u l-ippjanar tal-awditjar fir-rigward tas-sena attwali ta’ kontabilità u għas-sentejn sussegwenti ta’ kontabilità. L-istrateġija tal-awditjar għandha tiġi aġġornata kull sena mill-2016 sa u inkluż l-2024. Fejn sistema komuni ta' ġestjoni u ta' kontroll tapplika għal żewġ programmi operattivi, tista’ titħejja strateġija ta' awditjar waħda għall-programmi operattivi kkonċernati. L-awtorità tal-awditjar għandha tissottometti l-istrateġija tal-awditjar lill-Kummissjoni meta mitluba.

5.  L-awtorità ta’ tal-awditjar għandha tfassal:

(a) 

opinjoni ta’ awditjar skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju;

(b) 

rapport ta’ kontroll li jistabbilixxi r-riżultati ewlenin tal-awditjar imwettaq skont il-paragrafu 1, inklużi konklużjonijiet fir-rigward ta' nuqqasijiet li nstabu fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta' kontroll, u l-azzjonijiet korrettivi proposti u implimentati.

Fejn sistema komuni ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tapplika għal żewġ programmi operattivi, l-informazzjoni meħtieġa taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tista’ tingħaqad f’rapport wieħed.

6.  Il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli għall-istrateġija tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport ta’ kontroll. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 63(2).

7.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 62 biex tistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tal-awditjar tal-operazzjonijiet u l-awditjar tal-kontijiet u l-metodoloġija għall-għażla tal-kampjuni ta’ operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

8.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 62 li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar l-użu ta' data miġbura matul l-eżerċizzji ta' awditjar li jsiru minn uffiċjali tal-Kummissjoni jew minn rappreżentati awtorizzati tal-Kummissjoni.

Artikolu 35

Proċedura għan-nomina tal-awtorità maniġerjali u tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni

1.  L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-data u l-forma tan-nomini, li għandhom jitwettqu f’livell xieraq, tal-awtorità maniġerjali u, fejn xieraq, tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel applikazzjoni għal pagament interim lill-Kummissjoni.

2.  In-nomini msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq rapport u fuq opinjoni ta’ korp indipendenti tal-awditjar li jivvaluta kemm l-awtoritajiet jissodisfaw il-kriterji marbuta mal-ambjent ta’ kontroll intern, il-ġestjoni tar-riskju, l-attivitajiet ta’ ġestjoni u ta' kontroll, u l-monitoraġġ stabbiliti fl-Anness IV.

Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu jkun l-awtorità ta’ awditjar, jew korp legali ieħor pubbliku jew privat bil-kapaċità meħtieġa ta’ awditjar, li jkun indipendenti mill-awtorità maniġerjali u, fejn applikabbli, mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, u li għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b’kunsiderazzjoni ta’ standards ta’ awditjar aċċettati fuq livell internazzjonali.

3.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li awtorità maniġerjali jew ta’ ċertifikazzjoni li kienet innominata fir-rigward ta programm operattiv ikkofinanzjat mill-FSE skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013għandha titqies bħala nnominata għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

4.  Il-Kummissjoni tista’ titlob, fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika tan-nomini msemmija fil-paragrafu 1, ir-rapport u l-opinjoni tal-korp indipendenti tal-awditjar imsemmi fil-paragrafu 2 u d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti għall-awtorità maniġerjali, jew fejn xieraq għall-awtorità ta' ċertifikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk titlobx dawk id-dokumenti abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijiet fi żmien xahrejn minn meta tkun irċeviet id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46, l-eżami ta' dawk id-dokumenti m’għandux jinterrompi t-trattament tal-applikazzjonijiet għal ħlasijiet interim.

5.  Meta r-riżultati eżistenti ta’ awditjar u ta' kontroll juru li l-awtorità nominata ma tkunx għadha tissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu, f’livell xieraq, jiffissa, skont is-severità tal-problema, perjodu ta’ prova, li matulu għandha tittieħed l-azzjoni ta’ rimedju meħtieġa.

Meta l-awtorità nominata tonqos milli timplimenta l-azzjoni ta’ rimedju mitluba fi żmien il-perjodu ta’ prova determinat mill-Istat Membru, l-Istat Membru, f’livell xieraq, għandu jtemm in-nomina tagħha.

L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta awtorità nominata titpoġġa taħt prova, filwaqt li jagħti informazzjoni dwar il-perjodu rispettiv ta’ prova, meta l-prova tintemm wara l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju, kif ukoll meta tintemm in-nomina ta’ awtorità. In-notifika li korp nominat ikun tqiegħed taħt prova mill-Istat Membru, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 46, ma għandhiex tinterrompi t-trattament ta’ applikazzjonijiet għal pagamenti interim.

6.  Meta n-nomina ta' awtorità maniġerjali jew awtorità ta' ċertifikazzjoni tintemm, l-Istati Membri għandhom jinnominaw, skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2, korp ġdid biex jieħu f'idejh il-funzjonijiet tal-awtorità maniġerjali jew tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni, u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan.

7.  Il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw il-mudell għar-rapport u l-opinjoni tal-korp indipendenti tal-awditjar u d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-proċeduri fis-seħħ għall-awtorità maniġerjali u, fejn ikun xieraq, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 63(3).

Artikolu 36

Setgħat u responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tissodisfa ruħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża informazzjoni dwar in-nomina ta’ korpi responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll, id-dokumenti pprovduti kull sena, skont l-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju, minn dawk il-korpi maħtura, ir-rapporti ta’ kontroll, ir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni u l-awditjar imwettaq mill-korpi nazzjonali u tal-Unjoni, li l-Istati Membri stabbilixxew sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll konformi ma’ dan ir-Regolament u li dawk is-sistemi jaħdmu b’mod effettiv matul l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi.

2.  Uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu eżerċizzji ta' awditjar jew kontrolli fuq il-post bil-kundizzjoni li jingħata avviż minn qabel ta' mill-anqas 12-il ġurnata tax-xogħol lill-awtorità nazzjonali kompetenti, ħlief f’każijiet urġenti. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità billi tikkunsidra l-ħtieġa li tiġi evitata duplikazzjoni mhux ġustifikata ta' awditjar jew kontrolli mwettqa mill-Istati Membri, il-livell ta' riskju għall-baġit tal-Unjoni u l-ħtieġa li jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan l-awditjar jew kontrolli jista’ jinkludi, b’mod partikolari, il-verifika tal-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fi programm jew parti minnu, f'operazzjonijiet u valutazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ operazzjonijiet jew programmi. Uffiċjali jew rappreżentanti awtorizzati tal-Istat Membru jistgħu jieħdu sehem f'tali awditjar jew kontrolli.

Uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni, li jkunu ingħataw is-setgħa li jwettqu awditjar jew kontrolli fuq il-post, għandu jkollhom aċċess għar-rekords neċessarji, għad-dokumenti u għall-metadata kollha, relatati mal-operazzjonijiet appoġġati mill-Fond jew mas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, irrispettivament mill-mezz li jinżammu fih. L-Istati Membri għandhom jipprovdu kopji ta’ dawn ir-rekords, dokumenti u metadata lill-Kummissjoni fuq talba.

Is-setgħat stabbiliti f’dan il-paragrafu ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw ċertu atti għal aġenti magħżula b’mod speċifiku mil-leġislazzjoni nazzjonali. Uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti awtorizzati ma għandhomx jieħdu sehem, inter alia, fi żjarat fid-djar jew fl-interrogazzjoni formali ta’ persuni fil-qafas tal-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu, tali uffiċjali u rappreżentanti għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni hekk miksuba mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-qrati nazzjonali u b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti legali kkonċernati.

3.  Il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru biex jieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiżgura l-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħhom jew biex jivverifika l-korrettezza tan-nefqa skont dan ir-Regolament.

Artikolu 37

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-awditjar

1.  Il-Kummissjoni għandha tikkopera mal-awtoritajiet tal-awditjar sabiex tikkoordina l-pjanijiet u l-metodi tagħhom ta’ awditjar u għandha minnufih taqsam ma’ dawk l-awtoritajiet ir-riżultati tal-awditjar imwettqa fuq is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

2.  Sabiex tiġi faċilitata din il-kooperazzjoni fil-każijiet fejn Stat Membru jinnomina aktar minn awtorità tal-awditjar waħda, l-Istat Membru jista' jinnomina korp ta' koordinazzjoni.

3.  Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-awditjar u kwalunkwe korp ta’ koordinazzjoni għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari u bħala regola ġenerali, tal-inqas darba fis-sena, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, sabiex jeżaminaw ir-rapport annwali ta’ kontroll, l-opinjoni tal-awditjar u l-istrateġija tal-awditjar u biex jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.



TITOLU VI.

ĠESTJONI FINANZJARJA, EŻAMI U AĊĊETTAZZJONI TAL-KONTIJIET U KORREZZJONIJIET FINANZJARJI U DIŻIMPENJI



KAPITOLU 1

Ġestjoni finanzjarja

Artikolu 38

Impenji baġitarji

L-impenji baġitarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ kull programm operattiv għandhom isiru fi ħlasijiet annwali matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2020. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm operattiv għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjar fis-sens tal-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju u ladarba tiġi nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat, tkun impenn legali fis-sens ta’ dak ir-Regolament.

Għal kull programm operattiv, l-impenn baġitarju għall-ewwel ħlas parzjali għandu jsegwi l-adozzjoni tal-programm operattiv mill-Kummissjoni.

L-impenji baġitarji għall-ħlasijiet sussegwenti għandhom isiru mill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Mejju ta’ kull sena, abbażi tad-deċiżjoni msemmija fit-tieni paragrafu, ħlief fejn japplika l-Artikolu 16 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 39

Ħlasijiet mill-Kummissjoni

1.  Il-ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fond għal kull programm operattiv għandhom isiru skont approprjazzjonijiet baġitarji u soġġetti għal finanzjament disponibbli. Kull ħlas għandu jiġi assenjat lill-impenn miftuħ tal-baġit li jmur l-aktar lura fiż-żmien tal-Fond.

2.  Il-ħlasijiet għandhom jieħdu l-forma ta’ prefinanzjament, ta’ ħlasijiet interim u ta' ħlas tal-bilanċ finali.

Artikolu 40

Ħlasijiet interim u ħlas tal-bilanċ finali mill-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tirrimborża bħala ħlasijiet interim 90 % tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament stabbilita fid-deċiżjoni li tadotta l-programm operattiv għall-infiq pubbliku eliġibbli inkluż fl-applikazzjoni għall-ħlas. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-ammonti li jkun fadal għar-rimborż bħala ħlasijiet interim jew irkuprati skont l-Artikolu 50.

2.  Minkejja l-Artikolu 21, il-kontribuzzjoni mill-Fond permezz ta’ ħlasijiet interim u l-ħlas tal-bilanċ finali m’għandux ikun ogħla mill-ammont massimu u l-ammont tal-kontribuzzjoni mill-Fond kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv.

Artikolu 41

Applikazzjonijiet għall-ħlas

1.  L-applikazzjoni għall-ħlas li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-kontijiet skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament Finanzjarju.

2.  L-applikazzjonijiet għall-ħlas għandhom jinkludu għall-programm operattiv sħiħ u għall-għajnuna teknika imsemmija fl-Artikolu 27(4):

(a) 

l-ammont totali tan-nefqa pubblika eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarji u mħallsa fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet, kif irreġistrati fis-sistema tal-kontabilità tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni;

(b) 

l-ammont totali ta’ nefqa pubblika mġarrba fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet, kif irreġistrati fis-sistema tal-kontabilità tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.

3.  In-nefqa eliġibbli inkluża applikazzjoni għal ħlas għandha tiġi sostnuta permezz ta’ fatturi li fuqhom tkun inħarġet riċevuta, jew permezz ta’ dokumenti kontabbli ta’ valur probattiv ekwivalenti, ħlief fil-każ ta’ forom ta’ sostenn skont il-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 25(1). Għal dawk il-forom ta’ appoġġ, l-ammonti inklużi f’applikazzjoni għall-ħlas għandhom ikunu l-kosti kkalkolati fuq il-bażi applikabbli.

4.  Il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu il-mudell għall-applikazzjonijiet għall-ħlas. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 63(3).

Artikolu 42

Ħlasijiet lill-benefiċjarji

1.  L-awtorità maniġerjali għandha tiżgura li, fil-każ ta’ għotjiet lill-organizzazzjonijiet sħab, il-benefiċjarji jiġu pprovduti b'fond ta' flus li jkun suffiċjenti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-operazzjonijiet.

2.  Suġġett għad-disponibilità ta' finanzjament minn ħlasijiet ta' prefinanzjament u interim, l-awtorità maniġerjali għandha tiżgura li benefiċjarju jirċievi l-ammont totali tan-nefqa pubblika eliġibbli sħiħ u mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-preżentazzjoni tal-klejm għall-ħlas mill-benefiċjarju. L-ebda ammont m'għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda tariffa speċifika jew tariffa oħra b’effett ekwivalenti m'għandha tiġi imposta li tnaqqas l-ammonti dovuti lill-benefiċjarji.

▼M1

3.  Id-data tal-iskadenza għall-ħlas imsemmija fil-paragrafu 2 tista’ tiġi sospiża mill-awtorità maniġerjali f’wieħed mill-każijiet debitament ġustifikati li ġejjin:

(a) 

l-ammont tal-pretensjoni għall-ħlas ma jkunx dovut jew id-dokumenti ta’ sostenn adatti, inkluż id-dokumenti meħtieġa għall-verifiki tal-ġestjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 32(4), ma jkunux ġew ipprovduti;

(b) 

tkun inbdiet investigazzjoni fir-rigward ta’ irregolarità possibbli li taffettwa n-nefqa kkonċernata.

Il-benefiċjarju kkonċernat għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar is-sospensjoni u r-raġunijiet għaliha. Il-bqija taż-żmien li jifdal għall-ħlas għandu jerġa’ jibda jiskorri mid-data li fiha jiġu riċevuti l-informazzjoni jew id-dokumenti mitluba jew li fiha twettqet l-investigazzjoni.

▼B

Artikolu 43

L-użu tal-euro

1.  L-ammonti stabbiliti fil-programmi operattivi ppreżentati mill-Istati Membri, id-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq, it-talbiet għall-ħlas, il-kontijiet u n-nefqa msemmija fir-rapporti annwali u finali ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu denominati fl-euro.

2.  L-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom fid-data ta’ applikazzjoni għall-ħlas għandhom jaqilbu l-ammonti tan-nefqa sostnuta fil-munita nazzjonali għall-euro. Dawk l-ammonti għandhom jiġu konvertiti f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju tal-kontabilità mensili tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu n-nefqa tkun ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tal-programm operattiv ikkonċernat. Ir-rata tal-kambju għandha tiġi ppubblikata elettronikament mill-Kummissjoni kull xahar.

3.  Meta l-euro ssir il-munita ta’ Stat Membru, il-proċedura ta’ kambju stabbilita fil-paragrafu 2 għandha tibqa’ tapplika għal kull infiq irreġistrat fil-kontijiet mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata fissa ta’ kambju bejn il-munita nazzjonali u l-euro.

Artikolu 44

Ħlas u approvazzjoni ta’ prefinanzjament

1.  Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-programm operattiv, ammont ta' prefinanzjament ta' 11 % tal-kontribuzzjoni globali tal-Fond għall-programm operattiv ikkonċernat għandu jitħallas mill-Kummissjoni.

2.  Il-prefinanzjament għandu jintuża biss għal ħlasijiet lill-benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-programm operattiv. Għandu jkun disponibbli mingħajr dewmien lill-korp responsabbli għal dan il-għan.

3.  L-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni jekk ma tkun intbagħtet l-ebda applikazzjoni għall-ħlas għall-programm operattiv ikkonċernat fi żmien 24 xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tħallas l-ewwel ammont ta’ prefinanzjament. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programm operattiv ikkonċernat ma għandhiex tiġi affettwata minn dan ir-rimborż.

4.  L-ammont imħallas bħala prefinanzjament għandu jitneħħa kompletament mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn meta l-programm operattiv jingħalaq.

Artikolu 45

Data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet għal ħlasijiet interim u għall-ħlas tagħhom

1.  L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha fuq bażi regolari tissottometti applikazzjoni għal ħlas interim f'konformità mal-Artikolu 41(2) li jkopri l-ammonti mdaħħla fis-sistema ta' kontabilità tagħha fis-sena ta' kontabilità. Madankollu, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni, meta tqis li jkun meħtieġ, tista' tinkludi dawk l-ammonti fl-applikazzjonijiet għal ħlas imressqa fi snin ta' kontabilità sussegwenti.

2.  L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tissottometti l-applikazzjoni finali għal ħlas interim sal-31 ta' Lulju wara t-tmiem tas-sena ta’ kontabilità ta’ qabel u, fi kwalunkwe każ, qabel l-ewwel applikazzjoni għal ħlas interim għas-sena finanzjarja li jmiss.

3.  L-ewwel applikazzjoni għal ħlas interim ma għandhiex issir qabel ma ssir in-notifika lill-Kummissjoni tan-nomina tal-awtorità maniġerjali u tal-awtorità taċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 35.

4.  Il-ħlasijiet interim m’għandhomx isiru għal programm operattiv sakemm ir-rapport tal-implimentazzjoni annwali ma jkunx intbagħat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13.

5.  Soġġett għall-finanzjament disponibbli, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-ħlas interim sa mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data li fiha applikazzjoni għal ħlas tkun ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni.

Artikolu 46

Interruzzjoni tad-data tal-iskadenza għal-ħlas

1.  Id-data tal-iskadenza għal ħlas għal talba għall-ħlas interim tista’ tiġi interrotta mill-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni b’delega fit-tifsira tar-Regolament Finanzjarju għal perjodu massimu ta’ sitt xhur jekk:

(a) 

b'segwitu ta' informazzjoni provduta minn korp tal-awditjar nazzjonali jew tal-Unjoni, ikun hemm provi ċari li jissuġġerixxu nuqqas sinifikanti fil-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u ta' kontroll;

(b) 

l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni b'delega jkollu jwettaq verifiki addizzjonali wara li l-attenzjoni ta' dak l-uffiċjal tkun inġibdet għal informazzjoni li twissih li n-nefqa f’talba għal ħlas hija marbuta ma' irregolarità li għandha konsegwenzi finanzjarji serji;

(c) 

ma jiġix imressaq wieħed mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju.

L-Istat Membru jista’ jaqbel li l-perjodu ta’ interruzzjoni jiġi estiż għal tliet xhur oħra.

2.  L-uffiċjal awtorizzanti b’delega għandu jillimita l-interruzzjoni għall-parti tan-nefqa koperta mit-talba għal ħlas affettwata mill-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, sakemm ma jkunx possibbli li tiġi identifikata l-parti tan-nefqa affettwata. L-uffiċjal awtorizzanti b’delega għandu jinforma lill-Istat Membru u lill-awtorità maniġerjali bil-kitba minnufih bir-raġuni għall-interruzzjoni u għandu jitlobhom biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. L-interruzzjoni għandha titwaqqaf mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega hekk kif ikunu ttieħdu l-miżuri meħtieġa.

Artikolu 47

Sospensjoni ta’ ħlasijiet

1.  Il-ħlasijiet interim kollha jew parti minnhom jistgħu jiġu sospiżi mill-Kummissjoni jekk tiġi sodisfata kundizzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) 

ikun hemm nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u ta' kontroll tal-programm operattiv li jkun poġġa f’riskju l-kontribut tal-Unjoni lill-programm operattiv u li għalih ma jkunux ittieħdu miżuri korrettivi;

(b) 

in-nefqa f’dikjarazzjoni ta’ infiq tkun marbuta ma’ irregolarità li jkollha konsegwenzi finanzjarji serji li ma tkunx ġiet ikkoreġuta;

(c) 

l-Istat Membru jkun naqas milli jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jirrimedja s-sitwazzjoni li tagħti lok għal interruzzjoni skont l-Artikolu 46;

(d) 

ikun hemm nuqqas serju fil-kwalità u fl-affidabbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ jew tad-data dwar l-indikaturi.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tissospendi l-ħlasijiet interim kollha jew parti minnhom, wara li tkun tat lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

3.  Il-Kummissjoni għandha ttemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet interim kollha jew ta’ parti minnhom fejn l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri meħtieġa biex jippermetti li s-sospensjoni titneħħa.



KAPITOLU 2

Preparazzjoni, eżami u aċċettazzjoni tal-kontijiet u għeluq ta' programmi operativi

Artikolu 48

Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Għal kull sena mill-2016 sal-2025, tal-aħħar inkluża, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza msemmija fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju, id-dokumenti msemmija f'dak l-Artikolu, jiġifieri:

(a) 

il-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 49(1) ta' dan ir-Regolament, għas-sena fiskali preċedenti;

(b) 

id-dikjarazzjoni tal-ġestjoni u r-rapport sommarju annwali msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 32(4) ta' dan ir-Regolament, għas-sena fiskali preċedenti;

(c) 

l-opinjoni ta' awditjar u r-rapport ta' kontroll imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 34(5) ta' dan ir-Regolament għas-sena fiskali preċedenti.

Artikolu 49

Tħejjija tal-kontijiet

1.  Il-kontijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għal kull programm operattiv. Il-kontijiet għandhom ikopru s-sena ta’ kontabilità u għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) 

l-ammont totali ta’ nefqa pubblika eliġibbli rreġistrat fis-sistemi ta' kontabilità tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni li ġie inkluż fl-applikazzjonijiet ta' ħlas sottomessi lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 41 u Artikolu 45(2), sal-31 ta' Lulju wara t-tmiem tas-sena ta' kontabilità, l-ammont totali tan-nefqa pubblika eliġibbli korrispondenti mġarrba fl-operazzjonijiet ta' implimentazzjoni, u l-ammont totali ta' ħlasijiet korrispondenti li saru lill-benefiċjarji skont l-Artikolu 42(2);

(b) 

l-ammonti rtirati u rkuprati matul is-sena ta’ kontabilità, l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati fl-aħħar tas-sena ta’ kontabilità u l-ammonti irrekuperabbli;

(c) 

rikonċiljazzjoni bejn in-nefqa ddikjarata skont il-punt (a) u n-nefqa ddikjarata fir-rigward tal-istess sena finanzjarja fl-applikazzjonijiet għall-ħlas, akkumpanjata minn spjegazzjoni ta’ xi differenzi.

2.  Fejn in-nefqa li preċedentement kienet inkluża f'applikazzjoni għal ħlas interim għas-sena ta' kontabilità tiġi eskluża minn Stat Membru mill-kontijiet tiegħu, għar-raġuni ta' valutazzjoni pendenti tal-legalità u r-regolarità ta' dik in-nefqa, kwalunkwe nefqa jew in-nefqiet kollha li sussegwentament jinstab li huma legali u regolari tista' tiġi inkluża f'applikazzjoni għal ħlas interim b'rabta ma' snin ta' kontabilità sussegwenti.

3.  Il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura kundizzjoni uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell għall-kontijiet imsemmija f'dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 63(3).

Artikolu 50

Eżami u aċċettazzjoni tal-kontijiet

1.  Sal-31 ta' Mejju tas-sena li ssegwi t-tmiem tal-perijodu ta' kontabilità, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 59(6) tar-Regolament Finanzjarju, twettaq eżami tad-dokumenti ppreżentati mill-Istat Membru skont l-Artikolu 48 ta' dan ir-Regolament.

Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk il-kontijiet humiex kompluti, preċiżi u veri sad-data ta’ skadenza stipulata fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.  Il-Kummissjoni għandha taċċetta l-kontijiet fejn tkun tista’ tikkonkludi li l-kontijiet huma kompluti, preċiżi u veri. Il-Kummissjoni għandha tasal għal dik il-konklużjoni meta l-awtorità tal-awditjar tkun ipprovdiet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet ħlief jekk il-Kummissjoni jkollha evidenza speċifika li l-opinjoni tal-awditjar dwar il-kontijiet ma tkunx affidabbli.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru, sal-iskadenza stipulata fil-paragrafu 1, jekk tistax taċċetta l-kontijiet.

4.  Jekk, għal raġunijiet attribwibbli għall-Istati Membri, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ taċċetta l-kontijiet sad-data tal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri u tispeċifika r-raġunijiet f'konformità mal-paragrafu 2 u l-azzjonijiet li huma meħtieġa li jittieħdu u l-perjodu ta’ żmien għat-tlestija tagħhom. Fl-aħħar ta' dak il-perjodu l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru jekk tistax taċċetta l-kontijiet.

5.  Kwistjonijiet marbuta mal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti marbuta man-nefqa mdaħħla fil-kontijiet m’għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tal-kontijiet mill-Kummissjoni. Il-proċedura għall-eżami u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet m’għandhiex tinterrompi t-trattament tal-applikazzjonijiet għal ħlasijiet interim u m’għandhiex twassal għas-sospensjoni ta’ ħlasijiet, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 46 u 47.

6.  Abbażi tal-kontijiet aċċettati, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont attribwibbli għall-Fond għas-sena ta' kontabilità u l-aġġustamenti konsegwenti fir-rigward tal-ħlasijiet lill-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tqis:

(i) 

l-ammonti fil-kontijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 49(1) u li għalih għandha tiġi applikata r-rata ta’ kofinanzjament definita fl-Artikolu 20;

(ii) 

l-ammont totali ta’ ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni matul dik is-sena ta’ kontabilità, li jikkonsisti mill-ammont ta’ ħlasijiet interim imħallsa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 u l-Artikolu 40(1).

7.  Wara l-kalkolu mwettaq skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tħallas kwalunkwe ammont addizzjonali dovut fi żmien 30 jum mill-aċċettazzjoni tal-kontijiet. Meta jkun hemm ammont li jista’ jiġi rkuprat mill-Istat Membru, huwa għandu jkun soġġett għal ordni ta’ rkupru maħruġa mill-Kummissjoni li għandha tiġi eżegwita, fejn ikun possibbli, billi jitnaqqsu l-ammonti dovuti lill-Istat Membru għal ħlasijiet sussegwenti għall-istess programm operattiv. Dak l-irkupru m’għandux jikkostitwixxi korrezzjoni finanzjarja u m’għandux inaqqas l-appoġġ mill-Fond għall-programm operattiv. L-ammont irkuprat għandu jikkostitwixxi dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 177(3) tar-Regolament Finanzjarju.

8.  Wara li tiġi applikata l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni ma tkunx tista' taċċetta l-kontijiet, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u f'konformità mal-paragrafu 6, l-ammont attribwibbli għall-Fond għas-sena ta' kontabilità, u għandha tgħarraf lill-Istat Membru. Meta l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni bil-qbil tiegħu fi żmien xahrejn minn meta l-Kummissjoni tibgħat l-informazzjoni, għandu japplika l-paragrafu 7. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-ammont attribwibbli lill-Fond għas-sena ta’ kontabilità. Dik id-deċiżjoni m'għandhiex tikkostitwixxi korrezzjoni finanzjarja u m'għandhiex tnaqqas l-appoġġ mill-Fond għall-programm operattiv. Fuq il-bażi tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-aġġustamenti għall-ħlasijiet lill-Istat Membru f’konformità mal-paragrafu 7.

9.  L-aċċettazzjoni tal-kontijiet mill-Kummissjoni, jew deċiżjoni mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 8, tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet skont l-Artikoli 55 u 56.

10.  L-Istati Membri jistgħu jissostitwixxu ammonti irregolari li jinkixfu wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet billi tagħmel l-aġġustamenti korrispondenti fil-kontijiet għas-sena ta’ kontabilità fejn tinkixef l-irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 55 u 56.

Artikolu 51

Disponibilità tad-dokumenti

1.  L-awtorità maniġerjali għandha tiżgura li d-dokumenti kollha ta' appoġġ marbuta man-nefqa appoġġata mill-Fondi dwar l-operazzjonijiet li għalihom in-nefqa pubblika eliġibbli totali hija inqas minn EUR 1 000 000 , isiru disponibbli lill-Kummissjoni u l-Qorti Ewropew tal-Awdituri fuq talba għal perjodu ta’ tliet snin mill-31 ta’ Diċembru wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet meta tkun inkluża n-nefqa tal-operazzjoni.

Fil-każ tal-operazzjonijiet għajr dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, id-dokumenti ta' appoġġ kollha għandhom ikunu disponibbli għal perjodu ta' sentejn mill-31 ta' Diċembru wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet fejn tkun inkluża l-aħħar nefqa tal-operazzjoni kompluta.

Awtorità maniġerjali tista' tiddeċiedi li tapplika għal operazzjonijiet li għalihom in-nefqa totali eliġibbli hija inqas minn EUR 1 000 000 r-regola msemmija fit-tieni subparagrafu.

Il-perjodu ta' żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi interrott jew f'każ ta’ proċedimenti legali jew permezz ta’ talba debitament iġġustifikata tal-Kummissjoni.

2.  L-awtorità maniġerjali għandha tgħarraf lill-benefiċjarji bid-data tal-bidu tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

▼M1

3.  Id-dokumenti għandhom jinżammu jew fil-forma oriġinali, jew bħala kopji awtentiċi ċċertifikati tal-oriġinali, jew fuq mezzi tal-ħażna tad-data aċċettati b’mod komuni inkluż verżjonijiet elettroniċi ta’ dokumenti oriġinali jew dokumenti li jeżistu f’verżjoni elettronika biss. Fejn jinżammu dokumenti fuq mezzi tal-ħażna tad-data aċċettati b’mod komuni f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5, ma għandu jkun meħtieġ ebda oriġinal.

▼B

4.  Id-dokumenti għandhom jinżammu f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-soġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom jiġu ipproċessati ulterjorment.

5.  Il-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità ta’ dokumenti miżmuma fuq mezzi aċċettati b'mod komuni li jġorru d-data mad-dokument oriġinali għandha tiġi stabbilita mill-awtoritajiet nazzjonali u għandha tiżgura li l-verżjonijiet miżmuma jikkonformaw mal-ħtiġijiet legali nazzjonali u jkunu affidabbli għall-finijiet ta’ awditjar.

6.  Fejn id-dokumenti jeżistu fil-forma elettronika biss, is-sistemi tal-kompjuter użati għandhom jissodisfaw standards aċċettati ta’ sigurtà li jiżguraw li d-dokumenti miżmuma jikkonformaw mal-ħtiġijiet legali nazzjonali u jkunu affidabbli għall-finijiet ta’ awditjar.

Artikolu 52

Preżentazzjoni ta’ dokumenti tal-għeluq u l-ħlas tal-bilanċ finali

1.  Minbarra d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 48, għas-sena ta' kontabilità finali mill-1 ta' Lulju 2023 sat-30 ta' Ġunju 2024, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport ta' implimentazzjoni finali għall-programm operattiv.

2.  Il-bilanċ finali għandu jitħallas sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-aċċettazzjoni tal-kontijiet tas-sena finanzjarja finali jew xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tar-rapport finali ta’ implimentazzjoni, skont liema data tiġi l-aħħar.



KAPITOLU 3

Korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri

Artikolu 53

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

1.  L-Istati Membri għandhom primarjament ikunu responsabbli għall-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u biex jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u jsegwu l-irkupri. Fil-każ ta’ irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-investigazzjoni tiegħu biex ikopri l-operazzjonijiet kollha potenzjalment affettwati.

2.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa f’konnessjoni ma’ irregolaritajiet individwali jew sistemiċi identifikati fl-operazzjonijiet jew fil-programm operattiv. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew ta’ parti minnha għal operazzjoni jew għall-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u tat-telf finanzjarju għall-Fond u għandu japplika korrezzjoni proporzjonata. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet mill-awtorità maniġerjali għas-sena ta’ kontabilità li fiha tiġi deċiża l-kanċellazzjoni.

3.  Il-kontribuzzjoni mill-Fond li tkun tħassret skont il-paragrafu 2 tista’ terġa' tintuża mill-Istat Membru fil-programm operattiv ikkonċernat, soġġett għall-paragrafu 4.

4.  Il-kontribuzzjoni li tkun tħassret skont il-paragrafu 2 ma tistax terġa’ tintuża għal xi operazzjoni li kienet is-suġġett tal-korrezzjoni, jew, fejn tkun saret korrezzjoni finanzjarja għal irregolarità sistematika, għal xi operazzjoni affettwata mill-irregolarità sistematika.

5.  Korrezzjoni finanzjarja ma għandhiex tippreġudika l-obbligu tal-Istati Membri li jipproċedu għall-irkupri taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 54

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji permezz ta' atti ta' implimentazzjoni billi tħassar il-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni, jew parti minnha, lejn programm, u twettaq l-irkupru mill-Istati Membri sabiex teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni n-nefqa li tkun bi ksur tal-liġi applikabbli.

2.  Ksur tad-dritt applikabbli għandu jwassal għal korrezzjoni finanzjarja biss fir-rigward tan-nefqa li tkun ġiet dikjarata lill-Kummissjoni u meta tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-ksur ikun affettwa l-għażla ta’ operazzjoni mill-korp responsabbli għall-appoġġ mill-Fond jew f'każijiet fejn, minħabba n-natura tal-ksur, ma jkunx possibbli li dak l-impatt jiġi stabbilit iżda jkun hemm riskju sostanzjat li l-ksur kellu tali effett;

(b) 

il-ksur ikun affettwa l-ammont ta' nefqa ddikjarata għal rimborż mill-baġit tal-Unjoni jew f'każijiet fejn, minħabba n-natura tal-ksur, ma jkunx possibbli li l-impatt finanzjarju jiġi kkwantifikat iżda jkun hemm riskju sostanzjat li l-ksur kellu tali effett.

3.  Meta tiddeċiedi dwar il-korrezzjoni finanzjarja skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tikkunsidra n-natura u l-gravità tal-ksur tal-liġi applikabbli u l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu għall-baġit tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati bid-deċiżjonijiet meħuda biex jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 55

Kriterji għal korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni billi tikkanċella l-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew parti minnha fi programm operattiv, skont l-Artikolu 54 meta, wara li tkun wettqet l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

(a) 

hemm nuqqas gravi fil-funzjonament effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u ta’ kontroll tal-programm operattiv li poġġa f'riskju l-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tkun diġà tħallset lill-programm operattiv;

(b) 

l-Istat Membru ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 53 qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni skont dan il-paragrafu;

(c) 

in-nefqa msemmija f’applikazzjoni għall-ħlas tkun irregolari u ma tkunx ġiet korretta mill-Istat Membru qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni skont dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta’ irregolaritajiet identifikati u għandha tqis jekk irregolarità hijiex sistemika. Fejn ma jkunx possibbli li l-ammont ta’ nefqa irregolari mħallsa mill-Fond jiġi preċiżament ikkwantifikat, il-Kummissjoni għandha tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata.

2.  Meta tkun qed tiddeċiedi dwar korrezzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tal-irregolarità u l-firxa u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta' kontroll li jkunu nstabu fil-programm operattiv.

3.  Fejn il-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq ir-rapporti tal-awdituri li m’humiex dawk tas-servizzi tagħha stess, hija għandha tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi finanzjarji, wara li teżamina l-miżuri li jkunu ttieħdu mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 53(2), in-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 30(2), u kwalunkwe tweġiba mill-Istat Membru.

4.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 62, li jistabbilixxu regoli dettaljati rigward il-kriterji sabiex jiġu determinati nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, inkluż it-tipi ewlenin ta' tali nuqqasijiet, il-kriterji għall-istabbiliment tal-livell ta’ korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata u l-kriterji għall-applikazzjoni ta' rati fissi jew korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati.

Artikolu 56

Proċedura għall-korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.  Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tniedi l-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru bil-konklużjonijiet provviżorji tal-eżami tagħha u titlob lill-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

2.  Meta l-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ estrapolazzjoni jew ta’ rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni kkonċernata, li l-livell attwali tal-irregolarità huwa inqas mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-eżami għal proporzjon jew għal kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni kkonċernata. Ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati, iż-żmien permess għal dan l-eżami m’għandux jaqbeż perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1.

3.  Il-Kummissjoni għandha tqis kull evidenza pprovduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4.  Meta l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden għal smigħ mill-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet rilevanti kollha jkunu disponibbli bħala bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja.

5.  Fl-eventwalità ta' ftehim, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista' juża mill-ġdid il-Fondi skont l-Artikolu 53(3).

6.  Biex tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ, jew mid-data tal-wasla ta’ informazzjoni addizzjonali meta l-Istat Membru jaqbel li jissottometti informazzjoni addizzjonali bħal din wara s-smigħ. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha sottomessi matul il-proċedura. Jekk ma jseħħ l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data tal-ittra tal-istedina għas-smigħ mibgħuta mill-Kummissjoni.

7.  Meta l-Kummissjoni, fit-twettiq tar-responsabilitajiet tagħha skont l-Artikolu 36, jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jidentifikaw irregolaritajiet li jagħtu xhieda ta' nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, il-korrezzjoni finanzjarja li tirriżulta għandha tnaqqas l-appoġġ mill-Fondi għall-programm operattiv.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fil-każ ta' nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta' sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll li, qabel id-data ta' identifikazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri:

(a) 

kien ġie identifikat fid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni, fir-rapport ta' kontroll annwali jew l-opinjoni ta' awditjar sottomessa lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 59(5) tar-Regolament finanzjarju, jew f'rapporti oħra ta' awditjar tal-awtorità tal-awditjar sottomessi lill-Kummissjoni u jittieħdu miżuri xierqa, jew

(b) 

kien is-suġġett ta' miżuri ta' rimedju xierqa mill-Istat Membru.

L-evalwazzjoni ta' nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll għandha tkun ibbażata fuq il-liġi applikabbli meta ġew sottomessi d-dikjarazzjonijiet ta' ġestjoni rilevanti, ir-rapporti ta' kontroll annwali u l-opinjonijiet ta' awditjar.

Meta tiddeċiedi dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha:

(a) 

tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tan-nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta' sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll u l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu għall-baġit tal-Unjoni;

(b) 

għall-iskop tal-applikazzjoni ta' rata fissa jew korrezzjoni estrapolata, teskludi nefqiet irregolari li nstabu preċedentement mill-Istat Membru, li kienu s-suġġett ta' aġġustament fil-kontijiet f'konformità mal-Artikolu 50(10), u nefqiet suġġetti għal evalwazzjoni kontinwa tal-legalità u r-regolarità skont l-Artikolu 49(2);

(c) 

tikkunsidra korrezzjonijiet ta' rati fissi jew estrapolati applikati għan-nefqa mill-Istat Membru għal nuqqasijiet serji oħra li jkunu ġew identifikati mill-Istat Membru meta jiddetermina r-riskju residwu għall-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 57

Ħlas lura

1.  Kwalunkwe ħlas lura li għandu jsir lill-baġit tal-Unjoni għandu jsir qabel id-data ta’ skadenza indikata fl-ordni għall-irkupru mfassla skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju. Id-data ta’ skadenza għandha tkun l-aħħar ġurnata tat-tieni xahar wara l-ħruġ tal-ordni.

2.  Kull dewmien tar-rimborż għandu jwassal għal imgħax minħabba ħlas tard, li jibda mid-data ta’ skadenza u jispiċċa fid-data tal-ħlas attwali. Din ir-rata tal-imgħax għandha tkun punt perċentwali u nofs aktar mir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar li fih taqa’ d-data ta’ skadenza.

Artikolu 58

Kontroll proporzjonali tal-programmi operattivi

1.  L-operazzjonijiet li għalihom in-nefqa totali eliġibbli ma taqbiżx l-EUR 150 000  m'għandhomx ikunu soġġetti għal aktar minn awditu wieħed mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tal-kontijiet għas-sena ta' kontabilità li fiha titlesta l-operazzjoni. Operazzjonijiet oħra m’għandhomx ikunu soġġetti għal aktar minn awditu wieħed f’kull sena ta’ kontabilità, mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tal-kontijiet għas-sena ta’ kontabilità li fiha titlesta l-operazzjoni. L-operazzjonijiet m’għandhomx ikunu soġġetti għal awditjar mill-Kummissjoni jew l-awtorità tal-awditjar f'ebda sena jekk diġà kien hemm awditjar f’dik is-sena mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, sakemm ir-riżultati tax-xogħol ta’ awditjar imwettaq mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri għal dawn l-operazzjonijiet jistgħu jintużaw mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni għall-iskop li jaqdu l-kompiti rispettivi tagħhom.

2.  L-awditjar ta’ operazzjoni appoġġata minn PO I jista’ jkopri l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tagħha u l-livelli kollha tal-katina tad-distribuzzjoni, bl-eċċezzjoni waħdanija tal-kontroll tar-riċevituri aħħarin, sakemm valutazzjoni tar-riskju ma tistabbilixxix riskju speċifiku ta’ irregolarità jew frodi.

3.  Fil-każ ta' programmi operattivi li għalihom l-opinjoni tal-awditjar l-aktar riċenti tindika li ma hemm l-ebda nuqqasijiet sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ taqbel mal-awtorità tal-awditjar fil-laqgħa sussegwenti msemmija fl-Artikolu 37(2) li l-livell ta’ xogħol ta’ awditjar meħtieġ jista’ jitnaqqas sabiex ikun proporzjonat mar-riskju stabbilit. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex twettaq awditjar fuq il-post sakemm ma jkunx hemm prova li tissuġġerixxi nuqqasijiet fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jaffettwaw in-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni f’sena ta’ kontabilità li għaliha l-kontijiet kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

4.  Fil-każ ta' programmi operattivi li għalihom il-Kummissjoni tikkonkludi li l-opinjoni tal-awtorità tal-awditjar hija affidabbli, tista’ taqbel mal-awtorità tal-awditjar li tillimita l-awditi tal-Kummissjoni stess fuq il-post għall-awditu tal-ħidma tal-awtorità tal-awditjar sakemm ma jkunx hemm evidenza ta' nuqqasijiet fix-xogħol tal-awtorità tal-awditjar għal sena ta’ kontabilità li għaliha l-kontijiet ikunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

5.  Minkejja li l-paragrafu 1, l-awtorità tal-awditjar u l-Kummissjoni jistgħu jwettqu awditi ta’ operazzjonijiet fl-eventwalità li valutazzjoni tar-riskju jew awditu mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jistabbilixxu riskju speċifiku ta’ irregolarità jew frodi, fil-każ ta’ prova ta’ nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-programm operattiv ikkonċernat, u matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 51(1). Il-Kummissjoni tista’, bl-iskop tal-valutazzjoni tax-xogħol ta’ awtorità tal-awditjar, tirrevedi r-rekord tal-awditjar tal-awtorità tal-awditjar jew tieħu sehem fl-awditjar fuq il-post tal-awtorità tal-awditjar u, fejn, skont l-istandards ta’ awditjar aċċettati internazzjonalment, dan ikun meħtieġ sabiex tinkiseb assigurazzjoni dwar il-funzjonament effettiv tal-awtorità tal-awditjar, il-Kummissjoni tista’ twettaq awditi tal-operazzjonijiet.



KAPITOLU 4

Diżimpenn

Artikolu 59

Diżimpenn

1.  Il-Kummissjoni għandha tiddiżimpenja kwalunkwe parti mill-ammont fi programm operattiv li ma jkunx intuża għall-ħlasijiet tal-prefinanzjament u interim sal-31 ta’ Diċembru tat-tielet sena finanzjarja wara s-sena ta’ impenn baġitarju skont il-programm operattiv jew li għaliha applikazzjoni għal ħlas imfassla skont l-Artikolu 41 ma tkunx ġiet imressqa skont l-Artikolu 45, inkluż kwalunkwe applikazzjoni għal ħlas li fir-rigward tagħha il-ħlas kollu jew parti minnu huwa soġġett għal interuzzjoni tad-data tal-iskadenza għall-ħlas jew għas-sospensjoni tal-ħlas.

2.  Dik il-parti tal-impenji li jkunu għadhom miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2023 għandha tiġi diżimpenjata jekk kwalunkwe wieħed mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 52(1) ma jkunx ġie sottomess lill-Kummissjoni sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 52(1).

Artikolu 60

Eċċezzjoni għad-diżimpenn

1.  L-ammont ikkonċernat minn diżimpenn għandu jitnaqqas bl-ammonti ekwivalenti għal dik il-parti tal-impenn baġitarju li għaliha:

(a) 

l-operazzjonijiet ikunu sospiżi minn proċedura ġuridika jew appell amministrattiv li għandhom effett ta’ sospensjoni; jew

(b) 

ma kienx possibbli li ssir talba għall-ħlas minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri li jaffettwaw b’mod serju l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew parti minnu.

L-awtoritajiet nazzjonali li jiddikjaraw forza maġġuri skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom juru l-konsegwenzi diretti tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta' parti minnu.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, it-tnaqqis jista' jintalab darba, jekk is-sospensjoni jew il-forza maġġuri tkun damet mhux iktar minn sena, jew għadd ta' drabi li jikkorrispondu għat-tul taż-żmien li ddum il-forza maġġuri jew l-għadd ta' snin bejn id-data tad-deċiżjoni ġuridika jew amministrattiva li tissospendi l-implimentazzjoni tal-operazzjoni u d-data tad-deċiżjoni ġuridika jew amministrattiva finali.

2.  Sal-31 ta’ Jannar, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għall-ammont li jrid jiġi dikjarat sat-tmiem tas-sena preċedenti.

Artikolu 61

Proċedura

1.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf fi żmien xieraq lill-Istat Membru u lill-awtoritajiet kkonċernati kull meta jkun hemm riskju ta’ applikazzjoni tar-regola ta' diżimpenn skont l-Artikolu 59.

2.  Abbażi tal-informazzjoni li tkun irċeviet sal-31 ta' Jannar, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru u lill-awtorità maniġerjali dwar l-ammont tad-diżimpenn li jirriżulta minn dik l-informazzjoni.

3.  L-Istat Membru għandu jkollu xahrejn biex jaqbel mal-ammont li għandu jiġi diżimpenjat jew biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

4.  Sat-30 ta’ Ġunju, l-Istat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni pjan rivedut ta’ finanzjament li jirrifletti l-ammont imnaqqas ta’ għajnuna tal-programm operattiv għas-sena finanzjarja kkonċernata. Fin-nuqqas li ssir tali preżentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-pjan ta’ finanzjament billi tnaqqas il-kontribuzzjoni mill-Fond għas-sena finanzjarja kkonċernata.

5.  Il-Kummissjoni għandha temenda d-deċiżjoni li tadotta l-programm operattiv, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru.



TITOLU VII.

DELEGI TAS-SETGĦA, DISPOŻIZZJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI U FINALI

Artikolu 62

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Id-delegi tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(6), il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 30(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(8), l-Artikolu 32(9), l-Artikolu 34(7), l-Artikolu 34(8) u l-Artikolu 55(4) għandhom jingħataw għal perjodu indeterminat ta’ żmien mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.  L-atti delegati għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet imfissra l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma dak il-perjodu jiskadi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Jekk, meta dak il-perjodu jiskadi, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma dak il-perjodu jiskadi jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, l-att ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għall-att delegat għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjonijiet tagħha.

Artikolu 63

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(8) ta' dan ir-Regolament, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 64

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

MUDELLI TAL-PROGRAMM OPERATTIV

1.    Mudell għall-Programm Operattiv PO I



Kapitolu

Sezzjoni

Subsezzjoni

Deskrizzjoni / Osservazzjonijiet

Daqs

(karattri)

1.

IDENTIFIKAZZJONI

L-għan ta’ din is-sezzjoni huwa li tidentifika biss il-programm ikkonċernat. Din is-sezzjoni għandha tindika b’mod ċar dan li ġej:

L-Istat Membru

L-isem tal-Programm Operattiv

CCI

200

2.

FORMULAZZJONI TAL-PROGRAMM

 

 

2.1

Sitwazzjoni

Identifikazzjoni u ġustifikazzjoni tal-privazzjoni(ijiet) materjali li għandha(hom) tiġi(jiġu) indirizzati

4 000

Indikazzjoni tat-tip ta privazzjoni(ijiet) materjali miżmum(a) għall-PO.

200

2.2.

Privazzjoni materjali indirizzata

Sezzjoni waħda (u s-subsezzjonijiet korrispondenti) għandhom jiġu pprovduti għal kull tip ta’ privazzjoni materjali li għandha tiġi indirizzata.

 

2.2.1.

Deskrizzjoni

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tad-distribuzzjoni tal-ikel jew tal-għajnuna materjali li għandhom jiġu pprovduti u l-miżuri korrispondenti ta’ akkumpanjament.

4 000

2.2.2.

Skemi nazzjonali

Deskrizzjoni tal-iskemi nazzjonali li għandhom jiġu sostnuti

2 000

2.3.

Ieħor

Kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja

4 000

3.

IMPLIMENTAZZJONI

 

 

3.1.

Identifikazzjoni tal-persuni l-aktar fil-bżonn

Deskrizzjoni tal-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-persuni l-aktar fil-bżonn, differenzjati jekk neċessarju skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata.

2 000

3.2.

L-għażla tal-operazzjonijiet

Kriterji għall-għażla tal-operazzjonijiet u d-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu tal-għażla, differenzjati jekk neċessarju skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata.

2 000

3.3.

L-għażla tal-organizzazzjonijiet sħab

Kriterji għall-għażla tal-organizzazzjonijiet sħab, differenzjati jekk neċessarju skont it-tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata.

2 000

3.4.

Kumplementarjetà mal-FSE

Deskrizzjoni tal-mekkaniżmu biex tiżgura kumplementarjetà mal-FSE

4 000

3.5.

Stabbiliment istituzzjonali

L-identifikazzjoni tal-awtorità maniġerjali, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fejn applikabbli, l-awtorità tal-awditjar u l-korp li lilu sejrin isiru l-ħlasijiet mill-Kummissjoni

2 000

3.6.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Deskrizzjoni ta' kif l-implimentazzjoni tal-programm għandha tiġi mmonitorjata.

4 000

3.7.

Għajnuna teknika

Id-deskrizzjoni tal-użu ppjanat tal-għajnuna teknika skont l-Artikolu 27(4), inkluż azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-benefiċjarji fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet

4 000

4.

INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET INTERESSATI

Deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha kif ukoll, fejn ikun il-każ, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti u awtoritajiet pubbliċi oħrajn, fit-tħejjija tal-programm operattiv.

2 000

5.

PJAN FINANZJARJU

Din is-sezzjoni għandu jkun fiha:

5.1.  tabella li tispeċifika għal kull sena skont l-Artikolu 20 l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja maħsuba għas-sostenn mill-Fond u l-kofinanzjament.

5.2.  tabella li tispeċifika, għall-perjodu kollu ta' programmazzjoni, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-appoġġ mill-programm operattiv għal kull -tip ta' azzjoni appoġġata.

Test: 1 000

Data f’format CSV jew XLS

Format għad-data finanzjarja (sezzjoni 5):

5.1. 

Pjan finanzjarju tal-programm operattiv li jagħti l-impenn annwali tal-Fond u l-kofinanzjament nazzjonali korrispondenti fil-programm operattiv (f’EUR)



 

Total

2014

2015

….

2020

Fond (a)

 

 

 

 

 

Kofinanzjament nazzjonali (b))

 

 

 

 

 

Nefqa pubblika

(c) = (a) + (b)

 

 

 

 

 

Rata ta’ kofinanzjament

(d) = (a) / (c)

 

 

5.2. 

Pjan finanzjarju li jagħti l-ammont tal-approprjazzjonijiet finanzjarji totali tal-appoġġ mill-programm operattiv għal kull tip ta’ privazzjoni materjali indirizzata kif ukoll il-miżuri korrispondenti ta’ sostenn (f’EUR)



Tip ta' għajnuna materjali

Nefqa pubblika

Total

 

Għajnuna teknika

 

Tip ta' għajnuna materjali 1

 

li minnha, miżuri ta’ akkumpanjament

 

Tip ta' għajnuna materjali 2

 

li minnha, miżuri ta' akkumpanjament

 

 

 

Tip ta' għajnuna materjali n

 

li minnha, miżuri ta' akkumpanjament

 

2.    Mudell għall-Programm Operattiv PO II



Kapitolu

Sezzjoni

Subsezzjoni

Deskrizzjoni / Osservazzjonijiet

Daqs

(karattri)

1.

IDENTIFIKAZZJONI

L-għan ta’ din is-sezzjoni huwa biss li tidentifika l-programm ikkonċernat. Din is-sezzjoni għandha tindika b’mod ċar dan li ġej:

L-Istat Membru

L-isem tal-Programm Operattiv

CCI

200

2.

FORMULAZZJONI TAL-PROGRAMM

 

 

2.1.

Strateġija

Deskrizzjoni tal-istrateġija għall-kontribut tal-programm għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, inkluża ġustifikazzjoni tal-għażla tal-prijorità għall-għajnuna;

20 000

2.2.

Il-loġika tal-intervent

L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet nazzjonali

3 500

L-objettivi speċifiċi tal-programm operattiv

7 000

Riżultati mistennija u l-indikaturi tal-produzzjoni u l-indikaturi tar-riżultati, b’valur tal-bażi u valur tal-mira (għall-kull objettiv speċifiku)

3 500

L-identifikazzjoni tal-aktar persuni fil-bżonn li għandhom ikunu fil-mira

3 500

Indikaturi finanzjarji

2 000

2.3.

Ieħor

Kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja

3 500

3

IMPLIMENTAZZJONI

 

 

3.1.

Azzjonijiet

Deskrizzjoni tat-tipi u l-eżempji tal-azzjonijiet li jridu jiġu appoġġati u l-kontribut tagħhom għall-objettivi speċifiċi

7 000

3.2.

Għażla tal-operazzjonijiet

Il-prinċipji ta' gwida għall-għażla tal-operazzjonijiet, differenzjati, jekk ikun meħtieġ, skont it-tipi ta' azzjonijiet

3 500

3.3.

Benefiċjarji

L-identifikazzjoni tat-tipi ta' benefiċjarji (fejn xieraq), differenzjati, jekk ikun meħtieġ, skont it-tipi ta' azzjonijiet

3 500

3.4.

Kumplementarjetà mal-FSE

Deskrizzjoni tal-mekkaniżmu li jiżgura l-kumplimentarjetà mal-FSE u l-prevenzjoni tat-trikkib u tal-finanzjament doppju

4 000

3.5.

Stabbiliment istituzzjonali

L-identifikazzjoni tal-awtorità maniġerjali, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fejn applikabbli, l-awtorità tal-awditjar u l-korp li lilu sejrin isiru l-ħlasijiet mill-Kummissjoni

2 000

3.6.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Din is-subsezzjoni għandha tiddeskrivi kif l-implimentazzjoni tal-programm għandha tiġi mmonitorjata. Hemm, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi spjegat kif l-indikaturi sejrin jintużaw biex isegwu l-implimentazzjoni tal-programm. L-indikaturi għandhom jinkludu indikaturi finanzjarji li jikkonċernaw l-infiq allokat u l-indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għall-programmi li jirrigwardaw l-operazzjonijiet appoġġati u l-indikaturi tar-riżultati speċifiċ għall-programm, skont kull objettiv speċifiku.

4 000

3.7.

Għajnuna teknika

Id-deskrizzjoni tal-użu ppjanat tal-għajnuna teknika skont l-Artikolu 27(4), inkluż azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-benefiċjarji fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet

4 000

4.

INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET INTERESSATI

Deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex jinvolvu glill-partijiet interessati rilevanti kollha kif ukoll, fejn ikun il-każ, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti u awtoritajiet pubbliċi oħrajn, fit-tħejjija tal-programm operattiv;

2 000

5.

PJAN FINANZJARJU

Din is-sezzjoni għandu jkun fiha:

5.1.  tabella li tispeċifika għal kull sena skont l-Artikolu 20 l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja maħsuba għas-sostenn mill-Fond u l-kofinanzjament.

5.2.  tabella li tispeċifika, għall-perjodu kollu ta' programmazzjoni, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-appoġġ mill-programm operattiv għal kull -tip ta' azzjoni appoġġata

Test: 1 000

Data f’format CSV jew XLS

Format għad-data finanzjarja (sezzjoni 5):

5.1. 

Pjan finanzjarju tal-programm operattiv li jagħti l-impenn annwali tal-Fond u l-kofinanzjament nazzjonali korrispondenti fil-programm operattiv (f’EUR)



 

Total

2014

2015

….

2020

Fond (a)

 

 

 

 

 

Kofinanzjament nazzjonali (b)

 

 

 

 

 

Nefqa pubblika

(c) = (a) + (b)

 

 

 

 

 

Rata ta’ kofinanzjament (*1)

(d) = (a) / (c)

 

 

(*1)   Din ir-rata tista’ tiġi mqarrba sal-eqreb numru sħiħ fit-tabella. Ir-rata preċiża li tintuża biex tirrimborża n-nefqa hija l-proporzjon (d).

5.2. 

Pjan finanzjarju li jagħti l-ammont tal-approprjazzjonijiet finanzjarji totali tal-appoġġ mill-Programm operattiv għal kull tip ta’ azzjoni (f'EUR)



Qasam ta’ intervent

Nefqa pubblika

Total

 

Għajnuna teknika

 

Tip ta’ azzjoni 1

 

Tip ta’ azzjoni 2

 

 

Tip ta’ azzjoni n

 




ANNESS II



Rendikont dettaljat annwali tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-2014 sal-2020 (fi prezzijiet tal-2011)

2014

EUR

485 097 840

2015

EUR

485 097 840

2016

EUR

485 097 840

2017

EUR

485 097 840

2018

EUR

485 097 840

2019

EUR

485 097 840

2020

EUR

485 097 840

Total

EUR

3 395 684 880




ANNESS III



L-allokazzjoni tal-Fond għall-perjodu 2014-2020 għal kull Stat Membru (fi prezzijiet tal-2011)

Stati Membri

EUR

Il-Belġju

65 500 000

Il-Bulgarija

93 000 000

Ir-Repubblika Ċeka

20 700 000

Id-Danimarka

3 500 000

Il-Ġermanja

70 000 000

L-Estonja

7 100 000

L-Irlanda

20 200 000

Il-Greċja

249 300 000

Spanja

499 900 000

Franza

443 000 000

Il-Kroazja

32 500 000

L-Italja

595 000 000

Ċipru

3 500 000

Il-Latvja

36 400 000

Il-Litwanja

68 500 000

Il-Lussemburgu

3 500 000

L-Ungerija

83 300 000

Malta

3 500 000

Il-Pajjiżi l-Baxxi

3 500 000

L-Awstrija

16 000 000

Il-Polonja

420 000 000

Il-Portugall

157 000 000

Ir-Rumanija

391 300 000

Is-Slovenja

18 200 000

Is-Slovakkja

48 900 000

Il-Finlandja

20 000 000

L-Isvezja

7 000 000

Ir-Renju Unit

3 500 000

Total

3 383 800 000




ANNESS IV

Kriterji ta' Nomina għall-awtorità maniġerjali u għall-awtorità ta' ċertifikazzjoni

1.   Ambjent ta' kontroll intern

(i) l-eżistenza ta' struttura organizzattiva li tkopri l-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni u l-allokazzjoni ta' funzjonjiet fi ħdan kull waħda minnhom, li tiżgura li l-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet, fejn ikun xieraq, jiġi rispettat;

(ii) qafas biex jiġu żgurati, fil-każ tad-delega ta' kompiti lil korpi intermedjarji, id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, il-verifika tal-kapaċitajiet tagħhom li jwettqu l-kompiti delegati u l-eżistenza ta' proċeduri ta' rappurtar;

(iii) proċeduri ta' rappurtar u monitoraġġ għal irregolaritajiet u għall-irkupru ta' ammonti li tħallsu meta ma kinux dovuti;

(iv) Pjan għall-allokazzjoni tar-riżorsi umani xierqa bil-ħiliet tekniċi meħtieġa, f'livelli differenti u għal funzjonijiet differenti fl-organizzazzjoni.

2.   Ġestjoni tar-riskji

Filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' proporzjonalità, qafas biex jiġi żgurat li jitwettaq eżerċizzju xieraq ta' ġestjoni tar-riskji meta jkun meħtieġ, u b'mod partikolari, jekk isiru modifikazzjonijiet kbar fl-attivitajiet.

3.   Attivitajiet ta' ġestjoni u ta' kontroll

A.   Awtorità maniġerjali

(i) proċeduri li jirrigwardaw applikazzjonijiet għal għotjiet, il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, l-għażla għall-finanzjament, inklużi struzzjonijiet u gwida li jiżguraw il-kontribut ta' operazzjonijiet biex jinkisbu l-objettivi u r-riżultati speċifiċi tal-programm operattiv skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(3) ta' dan ir-Regolament;

(ii) proċeduri għall-verifiki ta' ġestjoni inklużi verifiki amministrattivi fir-rigward ta' kull applikazzjoni għal rimborż mill-benefiċjarji u verifiki fuq il-post ta' operazzjonijiet;

(iii) proċeduri għat-trattament tal-applikazzjonijiet għal rimborż minn benefiċjarji u l-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet;

(iv) proċeduri għal sistema biex tinġabar, tiġi rreġistrata u tinħażen f'forma kompjuterizzata data dwar kull operazzjoni, inkluż, fejn xieraq, data dwar parteċipanti individwali u analiżi tad-data dwar l-indikaturi skont is-sessi fejn ikun meħtieġ, u biex jiġi żgurat li s-sigurtà tas-sistemi tkun konformi ma' standards internazzjonalment aċċettati;

(v) proċeduri stabbiliti mill-awtorità maniġerjali biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jżommu sistema ta' kontabilità separata jew kodiċi adegwat ta' kontabilità għat-transazzjonijiet kollha marbuta ma' operazzjoni;

(vi) proċeduri biex jiġu stabbiliti miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi;

(vii) proċeduri biex jiġu żgurati sekwenza ta’ awditjar u sistema ta' arkivjar adegwati;

(viii) proċeduri biex jitfasslu d-dikjarazzjoni tal-ġestjoni dwar l-assigurazzjoni, ir-rapport dwar il-kontrolli mwettqa u d-dgħufijiet identifikati, u s-sommarju annwali tal-awditjar u l-kontrolli finali;

(ix) Proċeduri biex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jingħata dokument li jistipula l-kundizzjonijiet għas-sostenn għal kull operazzjoni.

B.   Awtorita' ta' ċertifikazzjoni

(i) proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta' applikazzjonijiet għal ħlas interim lill-Kummissjoni;

(ii) proċeduri għall-formulazzjoni tal-kontijiet u għaċ-ċertifikazzjoni li huma veri, kompleti u preċiżi u li n-nefqa tikkonforma mal-liġi applikabbli filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-awditi kollha;

(iii) proċeduri biex tiġi żgurata sekwenza adegwata ta’ awditjar billi jinżammu r-rekords tal-kontijiet inklużi l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati, li ġew irkuprati u li ġew irtirati għal kull operazzjoni f'forma kompjuterizzata;

(iv) proċeduri, fejn xieraq, biex jiġi żgurat li taslilha informazzjoni adegwata mill-awtorità maniġerjali dwar il-verifiki mwettqa, u r-riżultati tal-awditjar imwettqa minn jew taħt ir-responsabilità tal-awtorità tal-awditjar.

4.   Monitoraġġ

A.   Awtorità maniġerjali

(i) fejn ikun rilevanti, proċeduri biex tiġi appoġġata l-ħidma tal-kumitat ta' monitoraġġ;

(ii) proċeduri biex jitfasslu u jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni rapporti ta' implimentazzjoni annwali u finali.

B.   Awtorita' ta' ċertifikazzjoni

Proċeduri dwar it-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-verifiki ta' ġestjoni u r-riżultati tal-awditjar mwettaq minn jew taħt ir-responsabilità tal-awtorità tal-awditjar qabel tippreżenta l-applikazzjonijiet għall-ħlas lill-Kummissjoni.



( 1 ) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament ta' l-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).