02014L0094 — MT — 24.05.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2014/94/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 307 28.10.2014, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/674 tas-17 ta' Novembru 2017

  L 114

1

4.5.2018




▼B

DIRETTIVA 2014/94/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri għall-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi fl-Unjoni sabiex timminimizza d-dipendenza fuq iż-żejt u biex jiġi mmitigat l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-bini ta' infrastruttura għall-karburanti alternattivi, inkluż punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi u punti ta' riforniment għall-gass naturali (LNG u CNG) u għall-idroġenu, li għandha tiġi implimentata permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni għal tali punti ta' ċċarġjar u ta' riforniment, u r-rekwiżiti għall-informazzjoni tal-utent.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“karburanti alternattivi” tfisser karburanti jew sorsi tal-enerġija li jservu, tal-anqas parzjalment, ta' sostitut għas-sorsi ta' żejt fossili fil-provvista tal-enerġija għat-trasport, u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu lejn id-dekarbonizzazzjoni u jsaħħu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport. Dawn jinkludu, inter alia:

— 
l-elettriku,
— 
l-idroġenu,
— 
il-bijokarburanti kif iddefiniti fil-punt (i) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE,
— 
il-karburanti sintetiċi u paraffiniċi,
— 
il-gass naturali, inkluż il-bijometan, f'forma gassuża (gass naturali kkompressat — (CNG)) u f'forma likwifikata (gass naturali likwifikat — (LNG)), u
— 
il-gass likwifikat miż-żejt (LPG);
(2) 

“vettura elettrika” tfisser vettura bil-mutur mgħammra b'sistema ta' propulsjoni li fiha tal-inqas magna elettrika mhux periferika waħda bħala konvertitur tal-enerġija b'sistema ta' ħażna ta' enerġija elettrika rikarikabbli, li tista' tiġi ċċarġjata esternament;

(3) 

“punt tal-iċċarġjar” tfisser interfaċċa, li tista' tiċċarġja vettura waħda kull darba jew tbiddel batterija ta' vettura elettrika waħda kull darba;

(4) 

“punt tal-iċċarġjar b'potenza normali” tfisser punt tal-iċċarġjar li jippermetti trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika b'potenza ugwali għal 22 kW jew inqas, eskluż tagħmir b'potenza ta' 3,7 kW jew inqas, li huwa installat f'unitajiet domestiċi privati jew li l-għan ewlieni tiegħu mhuwiex l-iċċarġjar ta' vetturi elettriċi u li mhuwiex aċċessibbli għall-pubbliku;

(5) 

“punt tal-iċċarġjar b'potenza qawwija” tfisser punt tal-iċċarġjar li jippermetti trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika b'potenza ta' aktar minn 22 kW;

(6) 

“provvista tal-elettriku max-xtut” tfisser il-forniment tal-enerġija elettrika max-xtut permezz ta' interfaċċa standardizzata lill-vapuri tat-tbaħħir jew bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni li jkunu fuq l-irmiġġ;

(7) 

“punt tal-iċċarġjar jew ta' riforniment aċċessibbli għall-pubbliku” tfisser punt tal-iċċarġjar jew ta' riforniment li jforni karburant alternattiv li jipprovdi aċċess mhux diskriminatorju lill-utenti fl-Unjoni kollha. Aċċess mhux diskriminatorju jista' jinkludi kondizzjonijiet differenti ta' awtentikazzjoni, użu u ħlas;

(8) 

“punt ta' riforniment” tfisser faċilità ta' riforniment għall-forniment ta' kwalunkwe karburant għajr l-LNG, permezz ta' installazzjoni fissa jew installazzjoni mobbli;

(9) 

“punt ta' riforniment tal-LNG” tfisser faċilità ta' riforniment għall-forniment tal-LNG, li tikkonsisti minn faċilità fissa jew mobbli, faċilità fuq il-baħar, jew sistema oħra.

Artikolu 3

Oqfsa ta' politika nazzjonali

1.  Kull Stat Membru għandu jadotta qafas ta' politika nazzjonali għall-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-karburanti alternattivi fis-settur tat-trasport u l-installazzjoni tal-infrastruttura rilevanti. Hi għandha tinkludi mill-anqas dan li ġej:

— 
Evalutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp futur tas-suq fir-rigward ta' karburanti alternattivi fis-settur tat-trasport, inkluż fid-dawl tal-użu simultanju u kkumbinat possibbli tagħhom, u tal-iżvilupp ta' infrastruttura ta' karburanti alternattivi, filwaqt li tiġi kkunsidrata, fejn rilevanti, il-kontinwità transkonfinali;
— 
miri u objettivi nazzjonali, skont l-Artikoli 4(1), 4(3), 4(5), 6(1), 6(2), 6(3), 6(4), 6(6), 6(7), 6(8) u, fejn applikabbli, l-Artikolu 5(1), għall-installazzjoni ta' infrastruttura ta' karburanti alternattivi. Dawk il-miri u l-objettivi nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti u jistgħu jiġu riveduti abbażi ta' valutazzjoni tad-domanda nazzjonali, reġjonali jew fl-Unjoni kollha, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti minimi tal-infrastruttura stabbiliti f'din id-Direttiva;
— 
jintlaħqu l-miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-miri u l-objettivi nazzjonali li jinsabu fil-qafas ta' politika nazzjonali tagħhom;
— 
miżuri li jistgħu jippromwovu l-installazzjoni ta' infrastruttura ta' karburanti alternattivi fis-servizzi tat-trasport pubbliku;
— 
għażla tal-agglomerazzjonijiet urbani/suburbani, ta' żoni u ta' netwerks oħra b'densità għolja ta' popolazzjoni, li, skont il-ħtiġijiet tas-suq, għandhom ikunu mgħammra b'punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku f'konformità mal-Artikolu 4(1);
— 
għażla tal-agglomerazzjonijiet urbani/suburbani, ta' żoni u ta' netwerks oħra b'densità għolja ta' popolazzjoni, li, skont il-ħtiġijiet tas-suq, għandhom ikunu mgħammra b'punti ta' riforniment tas-CNG f'konformità mal-Artikolu 6(7);
— 
valutazzjoni tal-ħtieġa għall-installazzjoni ta' punti ta' riforniment għal-LNG f'portijiet barra min-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T;
— 
konsiderazzjoni tal-ħtieġa għall-installazzjoni ta' provvista tal-elettriku fl-ajruporti għall-użu minn ajruplani weqfin.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta' politika nazzjonali jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-modi differenti ta' trasport li jeżistu fit-territorju tagħhom, inklużi dawk li għalihom huma disponibbli alternattivi limitati għall-karburanti fossili.

3.  L-oqfsa ta' politika nazzjonali għandhom iqisu, fejn adatt, l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll dawk tal-partijiet interessati kkonċernati.

4.  Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw, permezz ta' konsultazzjonijiet jew oqfsa ta' politika konġunta, biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi ta' din id-Direttiva jkunu koerenti u koordinati.

5.  Għandhom jiġu implimentati miżuri ta' appoġġ għal infrastruttura għall-fjuwils alternattivi, f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fit-TFUE.

6.  L-oqfsa ta' politika nazzjonali għandhom ikunu f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima.

7.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-oqfsa tal-politika nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni sat-18 ta' Novembru 2016.

8.  Abbażi tal-oqfsa ta' politika nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna b'mod regolari l-informazzjoni dwar il-miri nazzjonali u l-objettivi ppreżentati minn kull Stat Membru fir-rigward ta':

— 
l-għadd ta' punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku;
— 
punti ta' riforniment tal-LNG fil-portijiet marittimi u interni
— 
punti ta' riforniment tal-LNG aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi bil-mutur;
— 
punti ta' riforniment tas-CNG aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi bil-mutur;

Fejn applikabbli, l-informazzjoni rigward dan li ġej għandha wkoll tiġi ppubblikata:

— 
il-punti ta' riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku;
— 
l-infrastruttura għall-provvista tal-elettriku max-xtut fil-portijiet marittimi u interni;
— 
l-infrastruttura għall-provvista tal-elettriku għal ajruplani weqfin.

9.  Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri fir-rappurtar dwar l-oqfsa ta' politika nazzjonali permezz tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 10(4), għandha tivvaluta l-koerenza tal-oqfsa ta' politika nazzjonali fil-livell tal-Unjoni u għandha tassisti lill-Istati Membri fil-proċess ta' kooperazzjoni previst fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Provvista tal-elettriku għat-trasport

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li jiġu installati għadd xieraq ta' punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta' Diċembru 2020, sabiex jiġi żgurat li l-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jiċċirkolaw tal-anqas f'agglomerazzjonijiet urbani/suburbani u żoni oħra b'densità għolja ta' popolazzjoni, u fejn xieraq, f'netwerks determinati mill-Istati Membri. L-għadd ta' tali punti tal-iċċarġjar għandu jiġi stabbilit b'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-għadd ta' vetturi elettriċi stmati li ser ikunu rreġistrati sa tmiem l-2020, kif indikat fl-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni. Il-ħtiġijiet partikolari relatati mal-installazzjoni ta' punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fi stazzjonijiet tat-trasport pubbliku għandhom jitqiesu, fejn adatt.

2.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-paragrafu 1 u, kif xieraq, tippreżenta proposta biex temenda din id-Direttiva, b'kont meħud tal-iżvilupp tas-suq għall-vetturi elettriċi, sabiex jiġi żgurat li għadd addizzjonali ta' punti tal-iċċarġjar li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku jiġu installati f'kull Stat Membru sal-31 ta' Diċembru 2025, tal-anqas fin-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T, f'agglomerazzjonijiet urbani/suburbani u żoni oħra b'densità għolja ta' popolazzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu miżuri fl-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-installazzjoni ta' punti tal-iċċarġjar mhux aċċessibbli għall-pubbliku.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti tal-iċċarġjar b'potenza normali għal vetturi elettriċi, esklużi l-unitajiet mingħajr fili jew induttivi, installati jew immodernizzati mit-18 ta' Novembru 2017, jikkonformaw tal-inqas mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punt 1.1 tal-Anness II u ma' rekwiżiti ta' sigurtà speċifiċi fis-seħħ fil-livell nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti tal-iċċarġjar b'potenza qawwija għal vetturi elettriċi, esklużi l-unitajiet mingħajr fili jew induttivi, installati jew immodernizzati mit-18 ta' Novembru 2017, tal-inqas jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punt 1.2 tal-Anness II.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħtieġa għall-provvista tal-elettriku max-xatt għall-bastimenti f'passaġġi tal-ilma interni jew vapuri tat-tbaħħir f'portijiet marittimi u interni tkun ivvalutata fl-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom. Tali provvista tal-elettriku max-xatt għandha tiġi installata bħala prijorità fil-portijiet tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T, u f'portijiet oħra, sal-31 ta' Diċembru 2025, dment li ma jkun hemm l-ebda domandau l-ispejjeż ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet tal-provvista tal-elettriku max-xatt għat-trasport marittimu, installati jew immodernizzati sat-18 ta' Novembru 2017, jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punt 1.7 tal-Anness II.

7.  L-iċċarġjar ta' vetturi elettriċi f'punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandu, jekk ikun teknikament fattibbli u ekonomikament raġonevoli, juża sistemi ta' arloġġi intelliġenti kif iddefiniti fil-punt (28) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/27/UE, u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9(2) tal-istess Direttiva.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku huma liberi li jixtru l-elettriku minn kwalunkwe fornitur tal-elettriku fl-Unjoni, soġġett għall-qbil tal-fornitur. L-operaturi ta' punti tal-iċċarġjar għandhom jitħallew jipprovdu servizzi tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi għall-klijenti fuq bażi kuntrattwali, inkluż f'isem u għan-nom ta' fornituri ta' servizzi oħrajn.

9.  Il-punti kollha tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jipprevedu wkoll il-possibbiltà li utenti ta' vetturi elettriċi jkunu jistgħu jiċċarġjaw mingħajr ma jidħlu f'kuntratt mal-fornitur tal-elettriku jew l-operatur ikkonċernat.

10.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prezzijiet mitluba mill-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jkunu raġonevoli, kumparabbli b'mod ċar u faċli, trasparenti u mhux diskriminatorji.

11.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jikkooperaw fuq bażi mhux diskriminatorja ma' kwalunkwe persuna li tistabbilixxi jew topera punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

12.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas legali jippermetti li l-provvista tal-elettriku għal punt tal-iċċarġjar tkun is-suġġett ta' kuntratt ma' fornitur li mhijiex l-entità li tforni l-elettriku lill-unità domestika jew tal-bini fejn tali punt tal-iċċarġjar ikun jinsab.

13.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, l-Unjoni għandha taħdem għall-iżvilupp mill-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni adatti ta' standards Ewropej, li jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għall-punti tal-iċċarġjar mingħajr fili u l-iskambju ta' batteriji għall-vetturi bil-mutur, u għall-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi bil-mutur tal-kategorija L u l-karozzi tal-linja elettriċi.

14.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 biex:

(a) 

tissupplimenta dan l-Artikolu u l-punti 1.3, 1.4, 1.5, 1.6 u 1.8 tal-Anness II sabiex tesiġi l-konformità tal-infrastrutturi li ser jiġu installati jew immodernizzati mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fl-istandards Ewropej li għandhom jiġu żviluppati skont il-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu, fejn l-ESOs rilevanti rrakkomandaw soluzzjoni teknika waħda biss bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif deskritti fi standard Ewropew rilevanti;

(b) 

taġġorna r-referenzi għall-istandards imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness II meta dawk l-istandards jiġu ssostitwiti minn verżjonijiet ġodda tagħhom adottati mill-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni rilevanti.

Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

Dawk l-atti delegati għandhom jipprevedu perijodi transizzjonali ta' mill-inqas 24 xahar qabel ma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f'dawk l-atti delegati, jew fl- emendi tagħhom, isiru vinkolanti fuq l-infrastruttura li għandha tiġi installata jew immodernizzata.

Artikolu 5

Provvista tal-idroġenu għat-trasport bit-triq

1.  L-Istati Membri li jiddeċiedu li jinkludu l-punti ta' riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku fl-oqfsa tal-politika nazzjonali tagħhom għandhom jiżguraw li, sal-31 ta' Diċembru 2025, ikun disponibbli numru adatt ta' punti bħal dawn sabiex tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi bil-mutur li jaħdmu bl-idroġenu, inklużi vetturi biċ-ċelloli tal-karburant, fin-netwerks iddeterminati minn dawk l-Istati Membri, inkluż, fejn adatt, il-konnessjonijiet transkonfinali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta' riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku installati jew immodernizzati sat-18 ta' Novembru 2017 jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punt 2 tal-Anness II.

3.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 8 biex jiġu aġġornati r-referenzi għall-istandards imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif jinsabu fil-punt 2 tal-Anness II fejn dawk l-istandards huma sostitwiti minn verżjonijiet ġodda tagħhom adottati mill-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni rilevanti.

Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

Dawk l-atti delegati għandhom jipprevedu perijodi transizzjonali ta' mill-inqas 24 xahar qabel ma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f'dawk l-atti delegati, jew fl- emendi tagħho, isiru vinkolanti fuq l-infrastruttura li għandha tiġi installata jew immodernizzata.

Artikolu 6

Provvista ta' gass naturali għat-trasport

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li għadd xieraq ta' punti ta' riforniment tal-LNG jiġu installati fil-portijiet marittimi sabiex l-inġenji f'passaġġi fuq l-ilma intern jew il-vapuri tat-tbaħħir ikunu jistgħu jiċċirkolaw man-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sal-31 ta' Diċembru 2025. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri ġirien, fejn meħtieġ, biex jiżguraw kopertura adegwata tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li għadd xieraq ta' punti ta' riforniment tal-LNG jiġu installati fil-portijiet interni sabiex l-inġenji f'passaġġi fuq l-ilma intern jew il-vapuri tat-tbaħħir ikunu jistgħu jiċċirkolaw man-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sal-31 ta' Diċembru 2030. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri ġirien, fejn meħtieġ, biex jiżguraw kopertura adegwata tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T.

3.  L-Istati Membri għandhom jindikaw, fl-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, il-portijiet marittimi u interni li għandhom jipprovdu aċċess għall-punti ta' riforniment tal-LNG imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jqisu wkoll il-ħtiġijiet attwali tas-suq.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li għadd xieraq ta' punti ta' riforniment għal-LNG li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku jiġu installati sal-31 ta' Diċembru 2025, mill-inqas tul in-Netwerk Ewlieni eżistenti tat-TEN-T, sabiex jiġi żgurat li l-vetturi tqal b'mutur tal-LNG jkunu jistgħu jiċċirkolaw madwar l-Unjoni, fejn ikun hemm domanda, sakemm l-ispejjeż ma jkunux sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali.

5.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tar-rekwiżit fil-paragrafu 4 u, kif xieraq, tippreżenta proposta biex timmodifika din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2027, filwaqt li tqis is-suq tal-vetturi tqal b'mutur tal-LNG, sabiex jiġi żgurat li jiġu installati għadd xieraq ta' punti ta' riforniment għal-LNG f'kull Stat Membru.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-territorju tagħhom ikun hemm disponibbli sistema adatta ta' distribuzzjoni għall-provvista għal-LNG, inklużi faċilitajiet ta' tagħbija għall-vetturi b'tank tal-LNG, għall-provvista tal-punti ta' riforniment imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 4. B'deroga, l-Istati Membri ġirien jistgħu, fil-kuntest tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, jifformaw ħażna komuni sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat. Ftehimiet dwar il-ħażna għandhom ikunu s-suġġett tal-obbligi ta' rappurtar tal-Istati Membri, taħt din id-Direttiva

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li jiġu installati għadd xieraq ta' punti ta' riforniment tas-CNG aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta' Diċembru 2020, sabiex jiġi żgurat, f'konformità mas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1), li vetturi b'mutur tas-CNG jkunu jistgħu jiċċirkolaw f'agglomerazzjonijiet urbani/suburbani u żoni oħra b'densità għolja ta' popolazzjoni, u fejn xieraq, f'netwerks determinati mill-Istati Membri.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li għadd xieraq ta' punti ta' riforniment tas-CNG li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku jiġu installati sal-31 ta' Diċembru 2025, mill-inqas tul in-Netwerk Ewlieni eżistenti tat-TEN-T, sabiex jiġi żgurat li l-vetturi b'mutur tas-CNG ikunu jistgħu jiċċirkolaw madwar l-Unjoni.

9.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta' riforniment tas-CNG għal vetturi bil-mutur installati jew immodernizzati mit-18 ta' Novembru 2017 jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punt 3.4 tal-Anness II.

10.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, l-Unjoni għandha taħdem biex l-organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali ta' standardizzazzjoni rilevanti jiżviluppaw standards, li jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati:

(a) 

għall-punti ta' riforniment tal-LNG għat-trasport marittimu u dak fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern,

(b) 

għall-punti ta' riforniment għall-vetturi b'mutur tal-LNG u tas-CNG.

11.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 biex:

(a) 

tissupplimenta dan l-Artikolu u l-punti 3.1, 3.2 u 3.4 tal-Anness II, sabiex tkun rekwiżita l-konformità tal-infrastrutturi li għandhom jiġu skjerati jew immodernizzati mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mniżżla fl-istandards li għandhom jiġu żviluppati skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, fejn l-ESOs rilevanti jkunu rrakkomandaw soluzzjoni teknika waħda biss bi speċifikazzjonijiet tekniċi kif deskritt fi standard Ewropew rilevanti li jkun kompatibbli mal-istandards internazzjonali rilevanti, fejn ikun applikabbli,;

(b) 

taġġorna r-referenzi għall-istandards imsemmijin fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mniżżla jew li għandhom jitniżżlu fil-punt 3 tal-Anness II fejn dawk l-istandards jiġu sostitwiti minn verżjonijiet ġodda tagħhom adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali ta' standardizzazzjoni rilevanti.

Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

Dawk l-atti delegati għandhom jipprevedu perijodi transizzjonali ta' mill-inqas 24 xahar qabel ma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f'dawk l-atti delegati, jew fl- emendi tagħhom, isiru vinkolanti fuq l-infrastruttura li għandha tiġi installata jew immodernizzata.

12.  Fin-nuqqas ta' standard li jkun fih speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għall-punti ta' riforniment tal-LNG għat-trasport marittimu u fuq passaġġi fuq l-ilma intern, imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10, u b'mod partikolari fin-nuqqas ta' dawk l-ispeċifikazzjonijiet li jirrigwardaw il-forniment tal-LNG lill-bastimenti, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-ħidma li qed issir fl-OMI, fis-CCNR, fil-Kummissjoni tad-Danubju u f'fora internazzjonali oħrajn rilevanti, għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 biex tistipula:

— 
rekwiżiti għall-interfaċċi tat-trasferimenti għall-forniment tal-LNG lill-bastimenti fit-trasport marittimu u dak fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern;
— 
rekwiżiti marbutin mal-aspetti ta' sikurezza tal-ħażna fuq l-art tal-LNG u tal-proċedura ta' forniment tal-LNG lill-bastimenti fit-trasport marittimu u fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern.

Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u jkollha konsultazzjonijiet ma' gruppi rilevanti ta' esperti dwar it-trasport marittimu u dwar it-trasport fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern, inklużi esperti mill-awtoritajiet nazzjonali marittimi jew tan-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

Artikolu 7

Informazzjoni għall-utent

1.  Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2009/30/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir disponibbli informazzjoni rilevanti, konsistenti u ċara fir-rigward ta' dawk il-vetturi bil-mutur li jistgħu jieħdu l-karburant b'mod regolari b'karburanti individwali li jkunu tqiegħdu fis-suq, jew jiġu ċċarġjati minn punti ta' ċċarġjar. Informazzjoni bħal din għandha ssir disponibbli fil-manwali tal-vetturi bil-mutur, f'punti ta' riforniment u ta' ċċarġjar, f'vetturi bil-mutur u negozji ta' vetturi bil-mutur fit-territorju tagħhom. Dan ir-rekwiżit għandu japplika għal vetturi bil-mutur kollha, u l-manwali ta' dawn il-vetturi bil-mutur, li jkunu tqiegħdu fis-suq wara t-18 ta' Novembru 2016.

2.  Il-provvista tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet ta' tikkettar li jirrigwardaw il-konformità tal-karburant skont l-istandards tal-ESOs li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-karburanti. Fejn dawn l-istandards jirreferu għal espressjoni grafika, inkluż skema ta' kodiċi ta' kulur, l-espressjoni grafika għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftiehem, u għandha titqiegħed b'mod li tkun viżibbli b'mod ċar:

(a) 

fuq il-pompi korrispondenti u ż-żennuni tagħhom fil-punti ta' riforniment kollha, mid-data li fiha l-karburanti jitqiegħdu fis-suq;

(b) 

fuq jew fil-viċin immedjat tal-għotjien kollha minn fejn jimtlew it-tankijiet tal-karburant tal-vetturi bil-mutur rakkomandati u kompatibbli ma' dak il-karburant u fil-manwali tal-vetturi bil-mutur, meta tali vetturi bil-mutur jitqiegħdu fis-suq wara t-18 ta' Novembru 2016.

3.  Fejn ikun xieraq, u b'mod partikolari għall-gass naturali u għall-idroġenu, meta jintwerew il-prezzijiet tal-karburant fi stazzjon tal-karburant, għandu jintwera tqabbil bejn il-prezzijiet tal-unità rilevanti għal skopijiet ta' tagħrif. Il-wiri ta' dan it-tagħrif ma għandux iqarraq bl-utent jew jikkonfondih.

Sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi u tiġi prevista t-trasparenza fil-prezzijiet tal-karburanti b'mod konsistenti madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-unità tal-karburanti alternattivi.

4.  Fejn l-istandards tal-ESO li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' karburant ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar għall-konformità mal-istandards ikkonċernati, fejn id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar ma jagħmlux referenza għal espressjoni grafika inkluż skemi ta' kodiċi ta' kulur, jew fejn id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar mhumiex adatti biex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', għall-fini tal-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafi 1 u 2, tagħti l-mandat lill-ESOs biex jiżviluppaw speċifikazzjonijiet dwar it-tikkettar ta' kompatibbiltà, jew tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddeterminaw l-espressjoni grafika, li tinkludi skema ta' kodiċi ta' kulur, tal-kompatibbiltà għal karburanti introdotti fis-suq tal-Unjoni li jilħqu l-livell ta' 1 % tal-ammont totali ta' bejgħ, fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, f'iktar minn Stat Membru wieħed.

5.  Jekk id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar tal-istandards tal-ESO rispettivi jiġu aġġornati, jekk l-atti ta' implimentazzjoni dwar it-tikkettar jiġu adottati jew jekk jiġu żviluppati standards tal-ESO ġodda għall-karburanti alternattivi kif meħtieġ, ir-rekwiżiti ta' tikkettar korrispondenti għandhom japplikaw għall-punti ta' riforniment u ta' ċċarġjar u l-vetturi bil-mutur kollha rreġistrati fit-territorju tal-Istati Membri minn 24 xahar wara l-aġġornament jew adozzjoni rispettiva tagħhom.

6.  L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tkun disponibbli, id-data li tindika s-sit ġeografiku tal-punti ta' riforniment u ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ta' karburanti alternattivi koperti b'din id-Direttiva tkun aċċessibbli fuq bażi miftuħa u mhux diskriminatorja lill-utenti kollha. Għall-punti tal-iċċarġjar, tali data, meta tkun disponibbli, tista' tinkludi informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà fil-ħin reali kif ukoll informazzjoni storika jew dwar l-iċċarġjar fil-ħin reali.

Artikolu 8

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-17 ta' Novembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 4, 5 u 6 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9

Proċedura tal-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Fejn ikun meħtieġ li l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, qabel l-iskadenza għall-ħruġ tal-opinjoni, dan jiġi deċiż mill-president tal-kumitat jew jintalab minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.

Artikolu 10

Rappurtar u reviżjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jressaq quddiem il-Kummissjoni rapport rigward l-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika nazzjonali tiegħu sat-18 ta' Novembru 2019, u kull tliet snin wara dan. Dawk ir-rapporti għandhom ikopru l-informazzjoni elenkata fl-Anness I u għandhom, fejn xieraq, jinkludu ġustifikazzjoni rilevanti dwar il-livell tal-kisba tal-miri u l-objettivi nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 3(1).

2.  Sat-18 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-valutazzjoni tal-oqfsa ta' politika nazzjonali u l-koerenza tagħhom fil-livell tal-Unjoni, inkluża evalwazzjoni tal-livell ta' kisba tal-miri u l-objettivi nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 3(1).

3.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin b'effett mit-18 ta' Novembru 2020.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

— 
valutazzjoni tal-azzjonijiet meħudin mill-Istati Membri;
— 
valutazzjoni tal-effetti ta' din id-Direttiva fuq l-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-infrastruttura tal-karburanti alternattivi u l-kontribut tagħha għas-suq tal-karburanti alternattivi għat-trasport, kif ukoll l-impatt tagħha fuq l-ekonomija u l-ambjent;
— 
informazzjoni dwar il-progress tekniku u l-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-karburanti alternattivi fis-settur tat-trasport u tal-infrastruttura rilevanti koperta b'din id-Direttiva u ta' kwalunkwe karburant alternattiv ieħor.

Il-Kummissjoni tista' tiddeskrivi eżempji tal-aħjar prattiki u tagħti rakkomandazzjonijiet adatti.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jivvaluta wkoll ir-rekwiżiti u d-dati stipulati f'din id-Direttiva fir-rigward tal-bini tal-infrastruttura u l-implimentazzjoni ta' speċifikazzjonijiet, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi, ekonomiċi u tas-suq tal-karburanti alternattivi rispettivi, flimkien ma' proposta leġislattiva fejn xieraq.

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida rigward ir-rappurtar mill-Istati Membri tal-elementi elenkati fl-Anness I.

5.  Sal-31 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u, kif xieraq, tippreżenta proposta biex temenaha billi tistipula speċifikazzjonijiet tekniċi komuni ġodda għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi fl-ambitu ta' din id-Direttiva.

6.  Sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha, jekk tqis li dan hu xieraq, tadotta Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Enerġija Nadifa għat-Trasport: strateġija Ewropea għal karburanti alternattivi” sabiex jinkiseb l-usa' użu possibbli tal-karburanti alternattivi għat-trasport, filwaqt li tiġi żgurata n-newtralità teknoloġika, u tiġi promossa l-mobbiltà elettrika sostenibbli madwar l-Unjoni. Għal dak il-fini, hija tista' tqis il-ħtiġijiet u l-iżviluppi tas-swieq individwali fl-Istati Membri.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-18 ta' Novembru 2016. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għal tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

RAPPORT

Ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri meħuda fi Stat Membru b'appoġġ għall-bini tal-infrastruttura tal-karburanti alternattivi. Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas l-elementili ġejjin:

1.    Miżuri legali

Informazzjoni dwar miżuri legali, li jistgħu jikkonsistu minn miżuri leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi b'appoġġ għall-bini ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, bħall-permessi għall-bini, il-permessi għall-parkeġġi, iċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tan-negozji u konċessjonijiet ta' stazzjonijiet tal-karburant.

2.    Miżuri ta' politika b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika nazzjonali

L-informazzjoni dwar dawk il-miżuri għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

— 
inċentivi diretti għax-xiri ta' mezzi tat-trasport li jużaw karburanti alternattivi jew għall-bini tal-infrastruttura;
— 
disponibbiltà ta' inċentivi tat-taxxa għall-promozzjoni ta' mezzi tat-trasport li jużaw karburanti alternattivi u l-infrastruttura rilevanti;
— 
użu ta' akkwist pubbliku b'appoġġ għall-karburanti alternattivi, inkluż l-akkwist konġunt;
— 
inċentivi min-naħa tad-domanda li mhumiex ta' natura finanzjarja: pereżempju aċċess preferenzjali għal żoni ristretti, politika tal-parkeġġ u korsiji ddedikati;
— 
konsiderazzjoni tal-ħtieġa għal punti ta' riforniment ta' karburanti rinnovabbli tal-avjazzjoni fl-ajruporti fin-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T;
— 
proċeduri tekniċi u amministrattivi u leġislazzjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-provvista ta' karburanti alternattivi, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' awtorizzazzjoni.

3.    Appoġġ għall-installazzjoni u l-manifattura

Il-baġit pubbliku annwali allokat għall-installazzjoni tal-infrastruttura għall-karburanti alternattivi, imqassam skont il-karburant alternattiv u skont il-mod tat-trasport (bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru).

Il-baġit pubbliku annwali allokat għall-appoġġ ta' impjanti għall-manifattura ta' teknoloġiji li jużaw karburanti alternattivi, imqassam skont il-karburant alternattiv u skont il-mezz tat-trasport.

Konsiderazzjoni ta' kwalunkwe ħtieġa partikolari waqt il-fażi inizjali tal-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-karburanti alternattivi.

4.    Riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni(RŻT&D)

Il-baġit pubbliku annwali allokat għall-appoġġ tar-RŻT&D fil-karburanti alternattivi, imqassam skont il-karburant u skont il-mod tat-trasport.

5.    Miri u objettivi

— 
estimi tan-numru ta' vetturi li jaħdmu b'karburanti alternattivi mistennija sal-2020, l-2025 u l-2030;
— 
il-livell ta' kisba tal-objettivi nazzjonali għall-użu ta' karburanti alternattivi fil-mezzi tat-trasport differenti (bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru);
— 
il-livell ta' kisba tal-miri nazzjonali, sena b'sena, għall-installazzjoni tal-infrastruttura tal-karburanti alternattivi fil-mezzi ta' trasport differenti;
— 
l-informazzjoni dwar il-metodoloġija applikata biex titqies l-effiċjenza tal-iċċarġjar ta' punti tal-iċċarġjar b'potenza għolja.

6.    Żviluppi fl-infrastruttura għall-karburanti alternattivi

Bidliet fil-provvista (kapaċità addizzjonali tal-infrastruttura) u fid-domanda (kapaċità li fil-fatt tintuża).




ANNESS II

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI

1.    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tal-iċċarġjar

1.1 Punti tal-iċċarġjar b'potenza normali għal vetturi bil-mutur

Il-punti tal-iċċarġjar b'potenza normali b'kurrent alternanti (AC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta' interoperabbiltà, tal-inqas bi żbokk ta' sokits jew konnetturi tal-vetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN62196-2. Filwaqt li tinżamm il-kompatibbiltà mat-Tip 2, dawk l-iżbokkijiet ta' sokits jistgħu jiġu mgħammra b'karatteristiċi bħal shutters mekkaniċi.

1.2 Punti tal-iċċarġjar b'potenza qawwija għal vetturi bil-mutur

Il-punti tal-iċċarġjar b'potenza qawwija b'kurrent alternanti (AC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta' interoperabbiltà, tal-inqas b'konnetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN62196-2.

Il-punti tal-iċċarġjar b'potenza qawwija b'kurrent dirett (DC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta' interoperabbiltà, tal-inqas bil-konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunti 'Combo 2', kif deskritt fl-istandard EN62196-3.

1.3 Punti tal-iċċarġjar mingħajr fili għall-vetturi bil-mutur

1.4 Skambju ta' batteriji għall-vetturi bil-mutur

1.5 Punti ta' ċċarġjar għal vetturi bil-mutur tal-kategorija L

1.6 Punti ta' ċċarġjar għal karozzi tal-linja elettriċi

1.7 Provvista ta' elettriku max-xtut għal vapuri tat-tbaħħir

Il-provvista ta' elettriku max-xatt għal vapuri tat-tbaħħir, inkluż id-disinn, l-installazzjoni u l-ittestjar tas-sistemi, għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard IEC/ISO/IEEE 80005-1.

1.8 Provvista ta' elettriku max-xtut għal bastimenti f'passaġġi fuq l-ilma intern

2.    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti ta' riforniment tal-idroġenu għall-vetturi bil-mutur

2.1. Il-punti ta' riforniment fil-miftuħ tal-idroġenu minn fejn jista' jinxtara idroġenu gassuż li jintuża bħala karburant abbord vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ispeċifikazzjoni ISO/TS 20100 għar-Riforniment ta' Idroġenu Gassuż.

2.2. Il-purezza tal-idroġenu li jista' jinxtara mill-punti ta' riforniment tal-idroġenu għandha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fl-istandard ISO 14687-2.

2.3. Il-punti ta' riforniment tal-idroġenu għandhom jużaw tagħmir u algoritmi tal-karburant li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni ISO/TS 20100 għar-Riforniment ta' Idroġenu Gassuż.

▼M1

2.4. Il-konnetturi għall-vetturi bil-mutur għar-riforniment tal-idroġenu gassuż għandhom jikkonformaw mal-istandard ISO 17268 għall-“Apparati tal-konnessjoni tar-riforniment tal-vetturi fuq l-art tal-idroġenu gassuż”.

▼B

3.    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti ta' riforniment tal-gass naturali

3.1. Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti ta' riforniment tal-LNG għal bastimenti f'passaġġi fuq l-ilma intern jew vapuri tat-tbaħħir

3.2. Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti ta' riforniment tal- LNG għall-vetturi bil-mutur

3.3. Speċifikazzjonijiet tekniċi għal konnetturi/reċipjenti tas- CNG

Il-konnetturi/reċipjenti tas-CNG għandhom jikkonformaw mar-Regolament UN-ECE Nru. 110 (li jirreferi għall-ISO 14469, partijiet I u II).

3.4 Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti ta' riforniment tas-CNG għall-vetturi bil-mutur