02014L0017 — MT — 01.01.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2014/17/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 060 28.2.2014, p. 34) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2016/1011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' Ġunju 2016 |
L 171 |
1 |
29.6.2016 |
Ikkoreġut b'
DIRETTIVA 2014/17/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-4 ta’ Frar 2014
dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU 1
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, DEFINIZZJONIJIET U AWTORITAJIET KOMPETENTI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistipula qafas komuni għal ċerti aspetti ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti li jkopru l-kreditu għal konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew b’mod ieħor rigward proprjetà immobbli residenzjali, inkluż obbligu li ssir valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur qabel ma jingħata kreditu, bħala bażi għall-iżvilupp ta’ standards ta’ sottoskrizzjoni effettivi b’rabta ma’ proprjetà residenzjali immobbli fl-Istati Membri, u għal ċerti rekwiżiti prudenzjali u superviżorji, inkluż għall-istabbiliment u s-superviżjoni tal-intermedjarji tal-kreditu, rappreżentanti maħtura u istituzzjonijiet mhux tal-kreditu.
Artikolu 2
Livell ta’ Armonizzazzjoni
1. Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew idaħħlu dispożizzjonijiet aktar rigorużi biex jipproteġu lill-konsumaturi, sakem dawn id-dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni.
2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 14(2) u l-Anness II Parti A fir-rigward ta’ informazzjoni prekuntrattwali standard permezz ta’ Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (‘FEIS’) u l-Artikolu 17(1) sa (5), (7) u (8) u l-Anness I fir-rigward ta’ standard komuni u konsistenti tal-Unjoni għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali tal-imposta (RPAI).
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal:
(a) kuntratti ta’ kreditu li huma ggarantiti b’ipoteka jew b’garanzija paragunabbli oħra normalment użata fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli residenzjali jew iggarantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli residenzjali; u
(b) kuntratti ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat.
2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:
(a) Kuntratti ta’ kreditu ta’ rilaxx ta’ kapital fejn il-kreditur:
(i) jikkontribwixxi somma f’daqqa, pagamenti perjodiċi jew forom oħra ta’ żborż ta’ kreditu bi skambju għal somma derivata mill-bejgħ futur ta’ proprjetà immobbli residenzjali jew dritt marbut ma’ proprjetà immobbli residenzjali; u
(ii) ma jippretendix il-ħlas lura tal-kreditu sakemm iseħħ avveniment speċifiku jew aktar rigward il-ħajja tal-konsumatur, kif iddefinit mill-Istati Membri (rilaxx ta’ kapital), ħlief jekk konsumatur jikser l-obbligi kuntrattwali li jippermettu lill-kreditur itemm il-kuntratt ta’ kreditu;
(b) kuntratti ta’ kreditu fejn il-kreditu jingħata minn min iħaddem lill-impjegati tiegħu bħala attività sekondarja fejn dan il-kuntratt ta’ kreditu jingħata mingħajr imgħax jew b’RPAI aktar baxxi minn dawk prevalenti fis-suq u li mhumiex offruti lill-pubbliku ġenerali;
(c) kuntratti ta’ kreditu fejn il-kreditu jingħata mingħajr imgħax u mingħajr xi imposti oħrajn ħlief dawk li jkopru l-ispejjeż relatati direttament mal-otteniment tal-kreditu.
(d) kuntratti ta’ kreditu fil-forma ta’ faċilità ipotekarja u fejn il-kreditu jrid jitħallas lura fi żmien xahar;
(e) kuntratti ta’ kreditu li huma r-riżultat ta’ ftehim milħuq quddiem il-qorti jew quddiem awtorità statutorja oħra;
(f) kuntratti ta’ kreditu relatati mal-pagament differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti u li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx:
(a) l-Artikoli 11 u 14 u l-Anness II għal kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi, iggarantiti b’ipoteka jew b’garanzija oħra paragunabbli normalment użata fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli residenzjali jew iggarantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli residenzjali, li l-iskop tiegħu mhuwiex li jiġi akkwistat jew jinżamm id-dritt għal proprjetà immobbli residenzjali, dment li l-Istati Membri japplikaw għal tali kuntratti ta’ kreditu skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2008/48/KE u l-Annessi II u III tagħha;
(b) din id-Direttiva għal kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli fejn il-kuntratt ta’ kreditu jipprevedi li l-proprjetà immobbli ma tista’ fl-ebda żmien tkun okkupata bħala dar, appartament jew post ieħor ta’ residenza mill-konsumatur jew membru tal-familja tal-konsumatur u li ser tkun okkupata bħala dar, appartament jew post ieħor ta’ residenza abbażi ta’ kuntratt ta’ kiri;
(c) din id-Direttiva għal kuntratti ta’ kreditu li jirrigwardaw kreditu mogħti lil pubbliku ristrett taħt dispożizzjoni statutorja b’fini ta’ interess ġenerali, mingħajr imgħax jew b’rati ta’ self aktar baxxi minn dawk prevalenti fis-suq jew b’termini oħrajn li jkunu aktar favorevoli għall-konsumatur minn dawk prevalenti fis-suq u b’rati ta’ self li mhumiex ogħla minn dawk prevalenti fis-suq;
(d) din id-Direttiva għal self intermedjarju;
(e) din id-Direttiva għal kuntratti ta’ kreditu fejn il-kreditur hu organizzazzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2008/48/KE.
4. L-Istati Membri li jużaw l-opzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandhom jiżguraw l-applikazzjoni ta’ qafas xieraq f’livell nazzjonali għal dan it-tip ta’ kreditu.
5. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-opzjoni msemmija fil-punt (c) jew (e) tal-paragrafu 3 għandhom jiżguraw l-applikazzjoni ta’ arranġamenti alternattivi adegwati sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni fil-ħin dwar il-karatteristiċi prinċipali, ir-riskji u l-ispejjeż rigward tali kuntratti ta’ kreditu fl-istadju prekuntrattwali u li r-reklamar ta’ tali kuntratti ta’ kreditu jkun ġust, ċar u mhux qarrieqi.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ‘Konsumatur’ tfisser konsumatur kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE.
(2) ‘Kreditur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħti jew twiegħed li tagħti kreditu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 fl-eżerċizzju tal-attività kummerċjali, imprenditorjali jew professjonali tagħha.
(3) ‘Kuntratt ta’ kreditu’ tfisser kuntratt li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti, lill- konsumatur, kreditu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 fil-forma ta’ pagament differit, self jew faċilità finanzjarja simili oħra.
(4) ‘Servizz anċillari’ tfisser servizz offrut lill-konsumatur b’rabta ma’ kuntratt ta’ kreditu.
(5) ‘Intermedjarju tal-kreditu’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx qed taġixxi bħala kreditur jew nutar u li ma tkunx sempliċement tintroduċi, direttament jew indirettament, konsumatur lill-kreditur jew lil intermedjarju tal-kreditu, u li fl-eżerċizzju tal-attività kummerċjali, imprenditorjali jew professjonali tagħha, għal rimunerazzjoni li tista’ tkun ta’ forma pekunarja jew fi kwalunkwe forma oħra miftiehma ta’ ħlas finanzjarju:
(a) tippreżenta jew toffri kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi;
(b) tassisti lill-konsumaturi billi tagħmel ħidma preparatorja jew amministrazzjoni prekuntrattwali oħra fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu minbarra kif imsemmi fil-punt (a); jew
(c) tikkonkludi kuntratti ta’ kreditu mal-konsumaturi f’isem il-kreditur.
(6) ‘Grupp’ tfisser grupp ta’ kredituri li ser ikunu konsolidati għall-finijiet tat-tfassil ta’ kontijiet konsolidati, kif iddefinit fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi ( 1 ).
(7) ‘Intermedjarju tal-kreditu vinkolat’ tfisser kwalunkwe intermedjarju tal-kreditu li jaġixxi f’isem u taħt ir-responsabbiltà sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet ta’
(a) kreditur wieħed biss;
(b) grupp wieħed biss; jew
(c) numru ta’ kredituri jew gruppi li ma jirrappreżentawx il-maġġoranza tas-suq.
(8) ‘Rappreżentant maħtur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiżvolġi attivitajiet imsemmijin fil-punt 5 li qed taġixxi f’isem u taħt ir-responsabbiltà sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet ta’ intermedjarju tal-kreditu wieħed biss.
(9) ‘Istituzzjoni tal-kreditu’ tfisser istituzzjoni kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
(10) ‘Istituzzjoni mhux tal-kreditu’ tfisser kwalunkwe kreditur li mhuwiex istituzzjoni tal-kreditu.
(11) ‘Persunal’ tfisser:
(a) kwalunkwe persuna fiżika li taħdem għall-kreditur, jew l-intermedjarju tal-kreditu li tkun direttament involuta fl-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva jew li għandha kuntatti mal-konsumaturi matul l-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva;
(b) kwalunkwe persuna fiżika li taħdem għal rappreżentant maħtur li għandha kuntatti ma’ konsumaturi matul l-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva;
(c) kwalunkwe persuna fiżika li b’mod dirett tiġġestixxi jew timmonitorja l-persuni fiżiċi li hemm referenza għalihom fil-punti (a) u (b).
(12) ‘Ammont totali ta’ kreditu’ tfisser l-ammont totali ta’ kreditu kif iddefinit fil-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE.
(13) ‘Kost totali tal-kreditu għall-konsumatur’ tfisser il-kost totali tal-kreditu għall-konsumatur kif iddefinit f’punt (g) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE inkluż il-kost tal-evalwazzjoni tal-proprjetà fejn din l-evalwazzjoni hija meħtieġa biex jinkiseb il-kreditu iżda esklużi t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għat-trasferiment tas-sjieda tal-proprjetà immobbli. Dan jeskludi kwalunwe imposta pagabbli mill-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità mal-impenji stabbiliti fil-kuntratt tal-kreditu.
(14) ‘Ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur kif iddefinit f’punt (h) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE.
(15) ‘Rata perċentwali annwali tal-imposti’ (RPAI) tfisser il-kost totali tal-kreditu lill-konsumatur, indikata bħala perċentwal annwali tal-kost totali tal-kreditu, fejn applikabbli, inkluż l-ispejjes imsemmijin fl-Artikolu 17(2) u li, fuq bażi annwali, hija ekwivalenti għall-valur preżenti tal-impenji kollha futuri u eżistenti (prelevamenti, ħlas lura u imposti) miftehmin bejn il-kreditur u l-konsumatur.
(16) ‘Rata tal-imgħax tas-self’ tfisser ir-rata tal-imgħax tas-self kif iddefinit f’punt (j) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE.
(17) ‘Valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja’ tfisser l-evalwazzjoni tal-prospetti li l-obbligu tad-dejn li jirriżulta mill-kuntratt ta’ kreditu jiġi ssodisfat.
(18) ‘Mezz durabbli’ tfisser mezz durabbli kif iddefinit f’punt (m) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE.
(19) ‘Stat Membru tad-domiċilju’ tfisser:
(a) fejn il-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu huwa persuna fiżika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;
(b) fejn il-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk taħt il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollux uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu.
(20) ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih il-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu jkollu fergħa jew jipprovdi servizzi.
(21) ‘Servizzi ta’ konsulenza’ tfisser il-forniment ta’ rakkomandazzjonijiet personali lil konsumatur rigward tranżazzjoni waħda jew aktar relatati ma’ kuntratti ta’ kreditu u tikkostittwixxi attività separata mill-għoti ta’ kreditu u mill-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu stipulati fil-punt 5.
(22) ‘Awtorità kompetenti’ tfisser awtorità nnominata bħala kompetenti minn Stat Membru skont l-Artikolu 5.
(23) ‘Self intermedjarju’ tfisser kuntratt ta’ kreditu li m’għandux tul ta’ żmien fiss jew li għandu jitħallas lura fi żmien 12-il xahar, li huwa użat mill-konsumatur bħala soluzzjoni ta’ finanzjament temporanju waqt it-transizzjoni għal arranġament finanzjarju ieħor fir-rigward tal-proprjetà immobbli.
(24) ‘Responsabbiltà jew garanzija kontinġenti’ tfisser kuntratt ta’ kreditu li jaġixxi ta’ garanzija għal tranżazzjoni oħra separata iżda anċillari, u fejn il-kapital iggarantit permezz ta’ proprjetà immobbli jinġibed biss jekk iseħħ avveniment jew avvenimenti speċifikati fil-kuntratt.
(25) ‘Kuntratt ta’ kreditu b’ekwità kondiviża’ tfisser kuntratt ta’ kreditu fejn il-kapital ripagabbli jkun ibbażat fuq perċentwal iffissat kuntrattwalment tal-valur tal-proprjetà immobbli fil-mument tal-ħlas lura tal-kapital.
(26) ‘Prattika ta’ rbit’ tfisser l-offerta jew il-bejgħ ta’ kuntratt ta’ kreditu f’pakkett ma’ prodotti jew servizzi distinti finanzjarji oħra fejn il-kuntratt ta’ kreditu ma jkunx disponibbli għall-konsumatur b’mod separat.
(27) ‘Prattika ta’ abbinar (bundling)’ tfisser l-offerta jew il-bejgħ ta’ kuntratt ta’ kreditu f’pakkett ma’ prodotti jew servizzi finanzjarji distinti oħrajn fejn il-kuntratt ta’ kreditu ikun disponibbli għall-konsumatur b’mod separat ukoll, iżda mhux neċessarjament bl-istess termini jew kundizzjonijiet bħal dawk ta’ meta jiġi offrut flimkien mas-servizzi anċillari.
(28) ‘Self f’munita barranija’ tfisser kuntratt ta’ kreditu fejn il-kreditu huwa:
(a) denominat f’munita li mhux dik li fiha l-konsumatur jirċievi d-dħul jew li fiha għandu l-assi li minnhom ser jitħallas il-kreditu; jew
(b) denominat f’munita li mhux dik tal-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur.
Artikolu 5
Awtoritajiet kompetenti
1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkollhom is-setgħa jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva u għandhom jiżguraw li jingħatawlhom setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar u riżorsi adegwati neċessarji għat-twettiq effiċjenti u effettiv ta’ dmirijiethom.
L-awtoritajiet imsemmijin fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu jew awtoritajiet pubbliċi jew korpi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew minn awtoritajiet pubbliċi espressament mogħtija s-setgħa għal dak il-għan bil-liġi nazzjonali. Dawn ma jistgħux ikunu kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jirċievu istruzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, ikunu marbutin bl-obbligu tas-segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li jafu jirċievu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ma tista’ tiġi żvelata lil kwalunkwe persuna jew awtorità jiġri x’jiġri, ħlief f’forma ta’ taqsira jew ġabra, mingħajr ma jiġu preġudikati każijiet koperti mil-liġi kriminali jew minn din id-Direttiva. Madankollu, dan m’għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzjali skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet innominati bħala kompetenti biex jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar tal-Artikoli 9, 29, 32, 33, 34 u 35 ta’ din id-Direttiva huma wieħed mis-segwenti jew is-segwenti kollha:
(a) awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;
(b) awtoritajiet għajr dawk l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’punt (a) sakemm il-liġi, r-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali jirrikjedu li dawk l-awtoritajiet jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’punt (a) fejn neċessarju sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom taħt din id-Direttiva, inkluż għall-finijiet ta’ kooperazzjoni mal- Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE) kif meħtieġ skont din id-Direttiva.
4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ABE bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe bidliet għalihom, u jindikaw kwalunkwe diviżjoni tad-dmirijiet rispettivi bejn awtoritajiet kompetenti differenti. L-ewwel notifika ta’ dan it-tip għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-21 ta’ Marzu 2016.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f’konformità mal-liġi nazzjonali jew:
(a) b’mod dirett taħt l-awtorità tagħhom jew taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet ġudizzjarji; jew
(b) b’applikazzjoni lill-qrati li huma kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell, jekk l-applikazzjoni biex tingħata d-deċiżjoni neċessarja ma tintlaqax, ħlief għall-Artikoli 9, 29, 32, 33, 34 u 35.
6. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fit-territorju tagħhom, Stat Membru għandu jiżgura li d-dmirijiet rispettivi tagħhom ikunu ddefiniti b’mod ċar u li dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effikaċi.
7. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet kompetenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mill-inqas darba fis-sena u taġġornaha b’mod kontinwu fuq il-website tagħha.
KAPITOLU 2
EDUKAZZJONI FINANZJARJA
Artikolu 6
Edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi
1. L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri li jappoġġjaw l-edukazzjoni tal-konsumaturi b’rabta ma’ self u ġestjoni tad-dejn responsabbli, b’mod partikolari b’rabta ma’ kuntratti ta’ kreditu ipotekarju. Hija meħtieġa informazzjoni ċara u ġenerali dwar il-proċess tal-għoti ta’ kreditu sabiex tiggwida lill-konsumaturi speċjalment dawk li jieħdu kreditu ipotekarju għall-ewwel darba. Hija wkoll neċessarja informazzjoni dwar il-gwida li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħtu lill-konsumaturi.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika valutazzjoni tal-edukazzjoni finanzjarja disponibbli għall-konsumaturi fl-Istati Membri u tidentifika eżempji tal-aħjar prattika li jistgħu jiġu żviluppati aktar sabiex jiżdied l-għarfien finanzjarju tal-konsumaturi.
KAPITOLU 3
KUNDIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAL KREDITURI, INTERMEDJARJI TAL-KREDITU U RAPPREŻENTANTI MAĦTURIN
Artikolu 7
Obbligi tal-kondotta ta’ negozju meta jiġi pprovdut kreditu lill-konsumaturi
1. L-Istati Membri għandhom jesiġu li meta jiġu manifatturati prodotti ta’ kreditu jew meta jingħataw, jiġu intermedjati jew jiġu provduti servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u, fejn ikun il-każ, servizzi anċillari lill-konsumaturi jew meta jiġi implimentat kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jaġixxu onestament, b’ġustizzja, bi trasparenza u professjonalment, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. B’rabta mal-għoti, l-intermedjar jew l-għoti ta’ servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u fejn opportun, ta’ servizzi anċillari, l-attivitajiet għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-konsumatur u kwalunkwe ħtieġa speċifika li jsemmi konsumatur u fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar ir-riskji għas-sitwazzjoni tal-konsumatur minħabba t-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu. B’rabta ma’ dan l-għoti ta’ servizzi konsultattivi, l-attività għandha barra minn hekk tkun ibbażata fuq l-informazzjoni meħtieġa skont punt (a) tal-Artikolu 22(3).
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mod li bih il-kredituri jirremuneraw lill-persunal tagħhom u intermedjarji tal-kreditu u l-mod li bih l-intermedjarji tal-kreditu jirremuneraw lill-persunal u lir-rappreżentanti maħturin tagħhom ma jfixkilx il-konformità mal-obbligu stipulat fil-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jistabbilixxu u japplikaw politika ta’ remunerazzjoni għal persunal responsabbli mill-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja, il-kredituri jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin b’mod u safejn huwa xieraq għad-daqs tagħhom, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-għanu l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:
(a) il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi ġestjoni tajba u effettiva tar-riskji u ma tinkoraġġix teħid ta’ riskju li jaqbeż il-livell ta’ riskju ttollerat tal-kreditur;
(b) il-politika ta’ rimunerazzjoni hija konformi mal-istrateġija ta’ negozju, l-objettivi, il-valuri u l-interessi dejjiema tal-kreditur, u tinkorpora miżuri biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, b’mod partikolari billi tipprevedi li r-rimunerazzjoni mhijiex kontinġenti fuq l-għadd u l-proporzjoni tal-applikazzjonijiet aċċettati.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħtura jagħtu servizzi konsultattivi l-istruttura tar-rimunerazzjoni tal-persunal involut ma tippreġudikax il-kapaċità tagħhom li jieħdu azzjoni fl-aħjar interess tal-konsumatur u b’mod partikolari mhix kontinġenti fuq l-objettivi ta’ bejgħ. Sabiex tinkiseb dik il-mira, l-Istati Membri jistgħu addizzjonalment jipprojbixxu kummissjonijiet imħallsa mill-kreditur lill-intermedjarju tal-kreditu.
5. L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu jew jimponu restrizzjonijiet fuq pagamenti minn konsumatur lil kreditur jew intermedjarju tal-kreditu qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu.
Artikolu 8
Obbligu li tingħata informazzjoni mingħajr ħlas lill-konsumaturi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta informazzjoni tingħata lill-konsumaturi f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, din l-informazzjoni tingħata mingħajr ħlas għall-konsumatur.
Artikolu 9
Rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ kompetenza għall-persunal
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu u r-rappreżentanti maħturin jitolbu l-persunal tagħhom ikollhom u jżommu aġġornat livell xieraq ta’ għarfien u kompetenza b’rabta mat-tfassil, l-offerta u l-għoti ta’ ftehimiet ta’ kreditu, it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu stipulati fil-punt 5 tal-Artikolu 4 jew l-għoti ta’ servizzi konsultattivi. Fejn il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu tinkludi servizz anċillari marbut miegħu, għandhom ikunu meħtieġa għarfien u kompetenza adatta b’rabta ma’ dak is-servizz anċillari.
2. Minbarra fiċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 3, l-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ għarfien u kompetenza għall-persunal tal-kredituri, tal-intermedjarji tal-kreditu u tar-rappreżentanti maħturin skont il-prinċipji stipulati f’Anness III.
3. Fejn kreditur jew intermedjarju tal-kreditu jipprovdi s-servizzi tiegħu fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar:
(i) permezz ta’ fergħa, l-Istat Membru ospitanti għandu jkun responsabbli li jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ konoxxenza u kompetenza applikabbli għall-persunal ta’ fergħa;
(ii) skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Istat Membru tad-domiċilju għandu jkun responsabbli li jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ konoxxenza u kompetenza applikabbli għall-persunal skont l-Anness III, madankollu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi ta’ konoxxenza u kompetenza għall dawk ir-rekwiżiti msemmijin fil-punti (b), (c), (e) u (f) tal-paragrafu 1 tal-Anness III.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mar-rekwiżiti ta’ paragrafu 1 tiġi sorveljata mill-awtoritajiet kompetenti, u li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat li jitolbu lill-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu u rappreżentanti maħturin jipprovdu dik l-evidenza li l-awtorità kompetenti tqis meħtieġa biex tkun tista’ ssir din is-superviżjoni.
5. Sabiex issir sorveljanza effettiva tal-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu li jipprovdu s-servizzi tagħhom fit-territorji ta’ Stati Membri oħrajn skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitani u tad-domiċiliju għandhom jikkooperaw mill-qrib għas-superviżjoni u infurzar effikaċi tar-rekwiżiti minimi ta’ konoxxenza u kompetenza tal-Istat Membru ospitanti. Għal dak l-iskop, huma jistgħu jiddelegaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet lil xulxin.
KAPITOLU 4
INFORMAZZJONI U PRATTIKI QABEL IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNTRATT TA’ KREDITU
Artikolu 10
Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/29/KE, l-Istati Membri għandhom jesiġu li kwalunkwe komunikazzjijiet ta’ reklamar u kummerċjalizzazzjoni rigward kuntratti ta’ kreditu jkunu ekwi, ċari u mhux qarrieqa. B’mod partikolari, għandha tkun ipprojbita kitba li tista’ toħloq aspettativi żbaljati fil-konsumaturi dwar id-disponibbiltà jew il-kost ta’ kreditu.
Artikolu 11
Informazzjoni standard li għandha tiġi inkluża fir-reklamar
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe reklamar dwar il-kuntratti ta’ kreditu li jindika rata ta’ imgħax jew kwalunkwe ċifra relatata mal-kost ta’ kreditu għall-konsumatur jinkludi informazzjoni standard konformi ma’ dan l-Artikolu.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-ewwel subparagrafu m’għandux japplika fejn il-liġi nazzjonali tirrikjedi l-indikazzjoni tar-RPAI fir-reklamar ta’ kuntratt ta’ kreditu li ma jindikax rata ta’ imgħax jew kwalunkwe ċifra relatata ma’ kwalunkwe spiża tal-kreditu għall-konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-ewwel subparagrafu.
2. L-informazzjoni standard għandha tispeċifika b’mod ċar, konċiż u prominenti:
(a) l-identità tal-kreditur jew, fejn applikabbli, tal-intermedjarju tal-kreditu jew tar-rappreżentant maħtur;
(b) fejn applikabbli, li l- kuntratt ta’ kreditu jkun ggarantit b’ipoteka jew b’garanzija paragunabbli oħra komunament użata fi Stat Membru fuq il-proprjetà immobbli reżidenzjali jew bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli reżidenzjali;
(c) ir-rata tal-imgħax tas-self, b’indikazzjoni jekk hijiex fissa jew varjabbli jew kombinazzjoni tat-tnejn, flimkien mad-dettalji ta’ kwalunkwe imposta inkluża fil-kost totali tal-kreditu għall-konsumatur;
(d) l-ammont totali tal-kreditu;
(e) ir-RPAI li għandha tiġi inkluża fir-reklam tal-anqas bl-istess prominenza daqs kwalunkwe rata ta’ imgħax;
(f) fejn applikabbli, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ kreditu;
(g) fejn applikabbli, l-ammont tal-pagamenti rateali;
(h) fejn applikabbli, l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur;
(i) fejn applikabbli, in-numru tal-pagamenti rateali;
(j) fejn applikabbli, twissija dwar il-fatt li ċaqliq possibbli fir-rata tal-imgħax jista’ jaffettwa l-ammont pagabbli mill-konsumatur.
3. L-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2, minbarra dik elenkata fil-punti (a), (b) jew (hb) tiegħu, għandha tiġi speċifikata permezz ta’ eżempju rappreżentattiv u għandha timxi ma’ dak l-eżempju rappreżentattiv dejjem. L-Istati Membri għandhom jadottaw kriterji biex jiġi determinat eżempju rappreżentattiv.
4. Meta il-konklużjoni ta’ kuntratt dwar servizz anċillari, b’mod partikolari l-assigurazzjoni, tkun obbligatorja sabiex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu bit-termini u l-kundizzjonijiet irreklamati, u l-ispiża ta’ dak is-servizz ma jkunx jista’ jiġi ddeterminata minn qabel, l-obbligu li wieħed jidħol għal dak il-kuntratt għandu wkoll ikun indikat b’mod ċar, konċiż u prominenti, flimkien mar-RPAI.
5. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandha tkun tista’ tinqara b’mod faċli jew tista’ tinstema ċar skont il-każ, skont il-mezz użat għar-reklamar.
6. L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-inklużjoni ta’ twissija konċiża u proprzjonata dwar ir-riskji speċifiċi assoċjati mal-kuntratti ta’ kreditu. Huma għandhom jinnotifikaw dawk ir-rekwiżiti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
7. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/29/KE.
Artikolu 12
Prattiki ta’ rbit u abbinament
1. L-Istati Membri għandhom jippermettu prattiki ta’ abbinament (bundling) iżda għandhom jipprojbixxu prattiki ta’ rbit.
2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kredituri jistgħu jitolbu lill-konsumatur jew membru tal-familja jew qarib viċin tal-konsumatur:
(a) jiftaħ jew iżomm kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil, fejn l-unika raġuni ta’ kont bħal dan hija li jiġi akkumulat il-kapital biex jitħallas lura l-kreditu, jew issir manutenzjoni tal-kreditu, biex jinġabru riżorsi biex jinkiseb il-kreditu, jew biex tingħata garanzija addizzjonali għall-kreditur f’każ ta’ inadempjenza;
(b) jixtri jew iżomm prodott ta’ investiment jew prodott ta’ pensjoni privata, fejn tali prodott primarjament joffri lill-investitur dħul matul l-irtirar iservi wkoll biex jipprovdi garanzija addizzjonali għall-kreditur f’każ ta’ inadempjenza jew biex jiġi akkumulat il-kapital biex jitħallas lura il-kreditu, issir manutenzjoni tal-kreditu, jew biex jinġabru riżorsi biex jinkiseb il-kreditu
(c) jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu separat flimkien ma’ kuntratt ta’ kreditu ta’ ekwità kondiviża biex jinkiseb il-kreditu.
3. Minkejja paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jħallu li jsiru prattiki ta’ rbit meta l-kreditur jista’ juri lill-awtorità kompetenti tiegħu li l-prodotti jew il-kategoriji ta’ prodotti marbuta offruti, fuq termini u kundizzjonijiet simili għal xulxin, li ma jsirux disponibbli separatament iwasslu għal benefiċċju ċar għall-konsumaturi meta jitqiesu kif xieraq id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-prodotti rilevanti offruti fis-suq. Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq wara l-20 ta’ Marzu 2014.
4. L-Istati Membri jistgħu jħallu lill-kredituri jitolbu lill-konsumatur ikollu polza ta’ assigurazzjoni rilevanti relatata mal-kuntratt ta’ kreditu. F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur jaċċetta l-polza ta’ assigurazzjoni minn fornitur differenti mill-fornitur preferut tiegħu fejn polza bħal din ikollha livell ta’ garanzija ekwivalenti għal dik li jkun ippropona l-kreditur.
Artikolu 13
Informazzjoni ġenerali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ġenerali ċara u li tinftiehem dwar kuntratti ta’ kreditu tiġi pprovduta mill-kredituri jew, fejn applikabbli, minn intermedjarji tal-kreditu marbuta jew ir-rappreżentanti maħturin tagħhom il-ħin kollu bil-miktub jew f’mezz dejjiemi ieħor jew f’forma elettronika. Minbarra dan l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li informazzjoni ġenerali għandha tiġi pprovduta minn intermedjarji tal-kreditu mhux vinkolat.
Din l-informazzjoni ġenerali għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:
(a) l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-emittent tal-informazzjoni;
(b) l-iskopijiet li għalihom il-kreditu jista’ jintuża;
(c) il-forom ta’ garanzija, inkluża fejn applikabbli, il-possibilità li tkun tinsab fi Stat Membru differenti;
(d) it-tul ta’ żmien possibbli tal-kuntratti ta’ kreditu;
(e) tipi ta’ rata tal-imgħax tas-self disponibbli, b’indikazzjoni jekk tkunx fissa jew varajabbli jew it-tnejn, b’deskrizzjoni fil-qosor tal-karatteristiċi ta’ rata fissa u varjabbli, inkluż implikazzjonijiet relatati għall-konsumatur;
(ea) meta kuntratti jirreferenzjaw parametru referenzjarju kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) huma disponibbli, l-ismijiet tal-parametri referenzjarji u tal-amministraturi tagħhom u l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-konsumatur;
(f) fejn ikunu disponibbli self f’munità barranija, indikazzjoni tal-munita jew muniti barranija, inkluża spjegazzjoni tal-implikazzjonijiet għall-konsumatur fejn il-kreditu jkun denominat f’munita barranija;
(g) eżempju rappreżentattiv tal-ammont totali ta’ kreditu, l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur u r-RPAI;
(h) indikazzjoni ta’ aktar spejjeż possibbli, mhux inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, li għandhom jitħallsu b’rabta ma’ kuntratt ta’ kreditu;
(i) il-firxa ta’ għażliet differenti disponibbli għar-rimborż tal-kreditu lill-kreditur, inklużi l-għadd, il-frekwenza u l-ammont ta’ pagamenti ta’ ħlas lura regolari;
(j) fejn applikabbli, stqarrija ċara u konċiża li l-osservanza mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu ma jagħtux garanzija ta’ ħlas lura tal-ammont totali ta’ kreditu fil-kuntratt ta’ kreditu;
(k) deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet direttament marbuta mall-ħlas lura antiċipat;
(l) jekk evalwazzjoni tal-proprjetà hijiex meħtieġa u, fejn applikabbli, min huwa responsabbli milli jiżgura li l-evalwazzjoni titwettaq, u jekk tinħoloqx kwalunkwe spiża relatata oħra għall-konsumatur;
(m) indikazzjoni tas-servizzi anċillari li l-konsumatur huwa obbligat li jixtri biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb bit-termini u l-kundizzjonijiet irreklamati, u, fejn applikabbli, kjarifika li s-servizzi anċillari jistgħu jinxtraw minn fornitur li mhuwiex il-kreditur; u
(n) twissija ġenerali dwar konsegwenzji possibbli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-impenji marbutin mal-kuntratt ta’ kreditu.
2. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-kredituri biex jinkludu tipi oħrajn ta’ avviżi li huma rilevanti fi Stat Membru. Huma għandhom jinnotifikaw dawk ir-rekwiżiti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
Artikolu 14
Informazzjoni prekuntrattwali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin, iforni lill-konsumatur l-informazzjoni personalizzata meħtieġa sabiex ikun jista’ jqabbel il-krediti disponibbli fuq is-suq, jivvaluta l-implikazzjonijet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkonkludix kuntratt ta’ kreditu:
(a) mingħajr dewmien żejjed wara li l-konsumatur ikun ta l-informazzjoni neċessarja dwar il-ħtiġijiet, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-preferenzi tiegħu, skont l-Artikolu 20; u
(b) kmieni biżżejjed qabel ma l-konsumatur ikun vinkolat b’xi kuntratt jew offerta ta’ kreditu.
2. L-informazzjoni personalizzata msemmija fil-paragrafu 1, bil-miktub jew b’mezz durabbli ieħor, għandha tingħata permezz tal-FEIS kif stipulat fl-Anness II.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta offerta li torbot lill-kreditur tingħata lill-konsumatur, din għandha tiġi pprovduta bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor u tkun akkumpanjata minn FEIS fejn:
(a) l-ebda FEIS ma jkun ingħata lill-konsumatur qabel, jew
(b) il-karatteristiċi tal-offerta huma differenti mill-informazzjoni li tinsab fil-FEIS mogħti qabel.
4. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw l-għoti obbligatorju tal-FEIS qabel l-għoti ta’ offerta li torbot lill-kreditur. Fejn Stat Membru jistipula dan għandu jitlob li l-FEIS ikun jeħtieġ li jerġa’ jingħata biss fejn jiġi sodisfatt il-punt (b) ta’ paragrafu 3.
5. L-Istati Membri li qabel l-20 ta’ Marzu 2014 ikunu implimentaw fuljett ta’ informazzjoni li jissodisfa rekwiżiti ta’ informazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Anness II jistgħu jkomplu jużawh għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu sal-21 ta’ Marzu 2019.
6. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw perijodu ta’ żmien ta’ mill-inqas sebat ijiem li matulhom il-konsumatur ikollu biżżejjed żmien biex iqabbel l-offerti, jevalwa l-implikazzjonijiet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata.
L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li l-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun perijodu ta’ riflessjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew perijodu għall-eżerċizzju ta’ dritt ta’ rexissjoni wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew kombinazzjoni tat-tnejn.
Fejn Stat Membru jispeċifika perijodu ta’ riflessjoni qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu:
(a) l-offerta għandha tkun torbot lill-kreditur għat-tul tal-perijodu ta’ riflessjoni; u
(b) il-konsumatur jista’ jaċċetta l-offertà fi kwalunkwe ħin matul il-perijodu ta’ riflessjoni.
L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-konsumaturi ma jistgħux jaċċettaw l-offerta għal perijodu li ma jaqbiżx l-ewwel għaxart ijiem tal-perijodu ta’ riflessjoni.
Fejn ir-rata tal-imgħax tas-self jew spejjeż oħra applikabbli għall-offerta jiġu determinati fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ bonds sottostantijew strumenti oħrajn ta’ finanzjament fit-tul, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li r-rata tal-imgħax tas-self jew spejjeż oħra jistgħu jvarjaw minn dak iddikjarat fl-offerta skont il-valur tal-bond sottostanti jew strumenti oħrajn ta’ finanzjament fit-tul.
Fejn il-konsumatur għandu dritt ta’ rexissjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65/KE m’għandux japplika.
7. Il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur li jkun ta l-FEIS lill-konsumatur għandu jiġi kkunsidrat li ssodisfa r-rekwiżiti rigward l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt b’distanza kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/65/KE u għandu jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Direttiva biss fejn ikunu mill-inqas fornew il-FEIS qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.
8. L-Istati Membri m’għandhomx jimmodifikaw il-mudell tal-FEIS minbarra kif stipulat fl-Anness II. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-kreditur jew, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentant maħtur, jista’ jagħti lill-konsumatur jew li huwa obbligat li jagħti lill-konsumatur skont il-liġi nazzjonali għandha tingħata f’dokument separat li jista’ jiġi anness mal-FEIS.
9. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 40 biex temenda l-formulazzjoni standard fil-Parti A tal-Anness II jew l-istruzzjonijiet fil-Parti B tiegħu biex tindirizza l-ħtieġa għal informazzjoni jew twissijiet dwar prodotti ġodda li ma ġewx ikkummerċjalizzati qabel l-20 ta’ Marzu 2014. Atti delegati bħal dawn madankollu m’għandhomx ibiddlu l-istruttura jew il-format tal-FEIS.
10. Fil-każ ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi bil-vuċi, kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2002/65/KE, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tas-servizz finanzjarju li ser jingħata skont it-tieni inċiż ta’ punt (b) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva għandha tinkludi mill-inqas l-oġġetti msemmijin fit-taqsimiet 3 sa 6 tal-Parti A tal-Anness II ta’ din id-Direttiva.
11. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas fejn ma jeżistix dritt tar-rexissjoni l-kreditur jew, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentant maħtur għandu jipprovdi lill-konsumatur kopja tal-abbozz tal-kuntratt ta’ kreditu, fil-ħin li tingħata l-offerta li torbot lill-kreditur. Fejn jeżisti dritt ta’ rexissjoni l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur jew, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentant maħtur joffri li jipprovdi lill-konsumatur kopja tal-abbozz tal-kuntratt ta’ kreditu fil-ħin li tingħata offerta li torbot lill-kreditur.
Artikolu 15
Rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ intermedjarji tal-kreditu u rappreżentant maħturin
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’biżżejjed żmien qabel it-twettiq ta’ kwalunkwe attività ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu stipulat f’punt 5 tal-Artikolu 4, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur għandu jipprovdi lill-konsumatur b’tal-anqas l-informazzjoni li ġejja bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor:
(a) l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-intermedjarju tal-kreditu;
(b) ir-reġistru li jkun ġie inkluż fih, in-numru ta’ reġistrazzjoni, fejn applikabbli, u l-mezz biex jivverifika din ir-reġistrazzjoni;
(c) fejn l-intermedjarju tal-kreditu huwa vinkolat jew jaħdem esklużivament għal kreditur wieħed jew aktar. Fejn l-intermedjarju tal-kreditu huwa vinkolat jew jaħdem esklużivament għal kreditur wieħed jew aktar, huwa għandu jagħti l-ismijiet tal-kredituri li f’isimhom qed jaġixxi. L-intermedjarju tal-kreditu jista’ jiddivulga li huwa indipendenti fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati skont l-Artikolu 22(4);
(d) fejn l-intermedjarju tal-kreditu joffri servizzi konsultattivi;
(e) fejn applikabbli, it-tariffa pagabbli mill-konsumatur lill-intermedjarju tal-kreditu għas-servizzi tiegħu jew fejn dan mhux possibbli, il-metodu għal kif tiġi kkalkulata t-tariffa;
(f) il-proċeduri li jippermettu lill-konsumaturi jew lil partijiet interessati oħrajn jirreġistraw ilmenti internament dwar intermedjarji tal-kreditu u, fejn adatt, il-mezzi li bihom tista’ ssir talba għal proċeduri ta’ rikorsi u rimedji extraġudizzjarji;
(g) fejn applikabbli, l-eżistenza u fejn magħruf l-ammont ta’ kummissjonijiet jew inċentivi oħra, pagabbli mill-kreditur jew partijiet terzi lill-intermedjarju tal-kreditu għas-servizzi tagħhom b’rabta mal-kuntratt ta’ kreditu. Fejn l-ammont mhux magħruf fiż-żmien tad-divulgazzjoni l-intermedjarju tal-kreditu għandu jgħarraf lill-konsumatur li l-ammont attwali jiġi ddivulgat fi stadju aktar tard fil-FEIS.
2. L-intermedjarji tal-kreditu li mhumiex vinkolati iżda li jirċievu kummissjoni minn kreditur wieħed jew aktar għandhom, fuq talba tal-konsumatur, jipprovdu l-informazzjoni dwar il-varjazzjoni fil-livelli ta’ kummissjoni pagabbli mill-kredituri differenti li jipprovdu l-kuntratti ta’ kreditu li jkunu qed jiġu offruti lill-konsumatur. Il-konsumatur għandu jiġi infurmat li għandu d-dritt jitlob din l-informazzjoni.
3. Fejn l-intermedjarju tal-kreditu jimponi tariffa fuq il-konsumatur u jirċievi wkoll kummissjoni mill-kreditur jew parti terza, l-intermedjarju tal-kreditu għandu jispjega lill-konsumatur jekk l-ammont tal-kummissjoni huwiex ser jitnaqqas mit-tariffa jew le, parzjalment jew inkella kompletament.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk ikun hemm tariffa pagabbli mill-konsumatur lill-intermedjarju tal-kreditu għas-servizzi tiegħu, din tiġi komunikata lill-kreditur mill-intermedjarju tal-kreditu, għall-fini tal-kalkolu tar-RPAI.
5. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-intermedjarji tal-kreditu jiżguraw li minbarra d-divulgazzjoniet rikjesti b’dan l-Artikolu, ir-rappreżentant maħtur tagħhom jiżvela lill-konsumatur f’liema kapaċità jkun qed jaġixxi u lil-liema intermedjarju tal-kreditu jkun qed jirrappreżenta meta jagħmel kuntatt ma’ xi konsumatur jew qabel ma jinnegozja miegħu.
Artikolu 16
Spjegazzjonijiet adegwati
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri u, fejn applikabbli, l-intermedjarji tal-kreditu jew ir-rappreżentanti maħturin jagħtu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur dwar il-kuntratti ta’ kreditu proposti u kwalunkwe servizzi anċillari, sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jista’ jivvaluta jekk il-kuntratti ta’ kreditu u servizzi anċillari humiex adatti għall-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.
Fejn applikabbli, l-ispjegazzjonijiet għandhom jinkludu b’mod partikolari:
(a) l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata skont:
(i) l-Artikolu 14 fil-każ ta’ kredituri;
(ii) l-Artikoli 14 u 15 fil-każ ta’ intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin;
(b) il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti;
(c) l-effetti speċifiċi li l-prodotti proposti jista’ jkollhom fuq il-konsumatur, inkluż il-konsegwenzi ta’ inadempjenza fil-ħlas mill-kosumatur; u
(d) fejn servizzi anċillari jiġu abbinati ma’ kuntratt ta’ kreditu, jekk kull komponent tal-grupp jistax jiġi terminat separatament u l-implikazzjonijiet għall-konsumatur jekk dan isir.
2. L-Istati Membri jistgħu jadattaw il-mod li bih u sa fejn iridu jingħataw l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll minn għandu jipprovdi tali assistenza, għaċ-ċirkostanzi tas-sitwazzjoni li fiha jiġi offrut il-kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li lilha qed jiġi offrut u t-tip ta’ kreditu offrut.
KAPITOLU 5
RATA PERĊENTWALI ANNWALI TAL-IMPOSTI
Artikolu 17
Kalkolu tar-RPAI
1. Ir-RPAI għandha tiġi kkalkolata skont il-formola matematika stipulata fl-Anness I.
2. L-ispejjeż biex jinfetaħ u jinżamm kont speċifiku, biex jintuża mezz ta’ pagament kemm għal tranżazzjonijiet kif ukoll għal prelevamenti minn dak il-kont u ta’ spejjeż oħrajn relatati ma’ transazzjonijiet ta’ pagamenti għandhom jiġu inklużi fil-kost totali tal-kreditu lill-konsumatur kull meta jkun obbligatorju li jinfetaħ jew jinżamm kont biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb bit-termini u l-kundizzjonijiet irreklamati.
3. Il-kalkolu tar-RPAIgħandha tkun ibbażata fuq il-preżunzjoni li l-kuntratt ta’ kreditu ser jibqa’ validu għall-perjodu miftiehem u l-kreditur u l-konsumatur ser jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt it-termini u sad-dati speċifikati fil-kuntratt ta’ kreditu.
4. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu li jkollhom klawżoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata tal-imgħax tas-self u, fejn applikabbli, fl-imposti inklużi fir-RPAI iżda li ma jistgħux jiġu kkwantifikati fil-mument tal-kalkolu, ir-RPAI għandha tiġi kkalkolata fuq il-preżunzjoni li r-rata tal-imgħax tas-self u imposti oħrajn ser jibqgħu fissi b’rabta mal-livell stabbilit mal-konklużjoni tal-kuntratt.
5. Għal kuntratti ta’ kreditu li għalihom jintlaħaq qbil dwar rata tal-imgħax ta’ self fissa b’rabta mal-perijodu inizjali ta’ mill-inqas ħames snin, li fi tmiemhom isiru negozjati dwar ir-rata tal-imgħax ta’ self biex tiġi maqbula rata tal-imgħax fissa ġdida għal perijodu materjali ieħor, il-kalkolu tar-RPAI addizzjonali illustrattiva żvelata fil-FEIS għandu jkopri biss il-perijodu inizjali ta’ rata fissa u għandu jkun ibbażat fuq is-suppożizzjoni li, fi tmiem il-perijodu ta’ rata tal-imgħax tas-self fissa, il-kapital pendenti jitħallas lura.
6. Fejn il-kuntratt ta’ kreditu jippermetti varjazzjonijiet fir-rata tal-imgħax ta’ self, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikun mgħarraf dwar l-impatti possibbli tal-varjazzjonijiet fuq l-ammonti pagabbli u dwar ir-RPAI għall-inqas permezz tal-FEIS. Dan għandu jsir billi l-konsumatur jiġi pprovdut b’RPAI addizzjonali li jispjega r-riskji possibbli marbuta ma’ żieda sinifikanti fir-rata tal-imgħax ta’ self. Fejn ma jkunx hemm limitu fuq ir-rata ta’ self, din l-informazzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn twissija li tenfasizza l-fatt li l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, muri mir-RPAI, jista’ jinbidel. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ kreditu fejn ir-rata ta’ self hija ffissata għal perijodu inizjali ta’ mill-inqas ħames snin, li fi tmiemhom isiru negozjati dwar ir-rata ta’ self biex tinqabel rata fissa ġdida għal perijodu materjali ieħor, li għalija hija prevista RPAI addizzjonali illustrattiva fil-FEIS.
7. Fejn applikabbli, is-suppożizzjonijiet addizzjonali stipulati fl-Anness I għandhom jintużaw fil-kalkolu tar-RPAI.
8. Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 40 sabiex temenda r-rimarki jew taġġorna s-suppożizzjonijiet użati biex tiġi kkalkulata r-RPAI kif stipulata fl-Anness I, partikolament jekk ir-rimarki jew is-suppożizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu u fl-Anness I ma jkunux biżżejjed biex tiġi kkalkolata r-RPAI b’mod uniformi jew ma jkunux għadhom adatti għas-sitwazzjoni kummerċjali fis-suq.
KAPITOLU 6
VALUTAZZJONI TAL-AFFIDABBILTÀ KREDITIZJA
Artikolu 18
Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur
1. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li, qabel ma jiġi konkluż kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur jagħmel valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur. Dik il-valutazzjoni għandha tqis kif xieraq il-fatturi rilevanit għall-verifika tal-prospett tal-konsumatur li jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-kuntrat ta’ kreditu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-informazzjoni li fuqhom tiġi bbażata l-valutazzjoni ikunu stabbiliti, dokumentati u aġġornati.
3. Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja m’għandhiex tiddependi b’mod predominanti fuq il-fatt li l-proprjetà immobbli residenzjali taqbeż l-ammont tal-kreditu jew il-preżunzjoni li l-valur tal-proprjetà immobbli residenzjali ser jogħla, sakemm l-iskop tal-kuntratt ta’ kreditu mhuwiex li proprjetà immobbli residenjali tinbena jew tiġi rinnovata
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn kreditur jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ konsumatur il-kreditur m’għandux wara jħassar jew jibdel il-kuntratt ta’ kreditu bi ħsara għall-konsumatur għar-raġuni li l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ma tkunx saret b’mod korrett. Dan il-paragrafu m’għandux japplika fejn jintwera li l-konsumatur konxjament żamm jew iffalsifika l-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 20.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) il-kreditur joffri l-kreditu lill-konsumatur biss meta r-riżultat tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja jindika li l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu x’aktarx li jiġu mħarsa skont kif meħtieġ skont dak il-kuntratt;
(b) skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE, il-kreditur jinforma minn qabel lill-konsumatur li ser tiġi kkonsultata bażi ta’ data;
(c) fejn l-applikazzjoni għal kreditu tiġi miċħuda l-kreditur jinforma lill-konsumatur dwar iċ-ċaħda mingħajr dewmien u, fejn applikabbli, li d-deċiżjoni hija bbażata fuq ipproċessar awtomatizzat ta’ data. Fejn iċ-ċaħda hija bbażata fuq ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-bażi ta’ data, il-kreditur għandu jgħarraf lill-konsumatur dwar ir-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni u tad-dettalji tal-bażi ta’ data kkonsultata.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur tiġi valutata mill-ġdid abbażi ta’ informazzjoni aġġornata qabel tingħata kwalunkwe żieda sinifikanti fl-ammont totali ta’ kreditu wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu sakemm tali kreditu addizzjonali ma jkunx ġie previst u inkluż fil-valutazzjoni oriġinali tal-affidabbiltà kreditizja.
7. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE.
Artikolu 19
Evalwazzjoni tal-proprjetà
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu żviluppati standards affidabbli għall-evalwazzjoni ta’ proprjetà immobbli residenzjali għall-finijiet tas-self ipotekarju fi ħdan it-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jitolbu li l-kredituri jiżguraw li dawk l-istandards jintużaw fejn jagħmlu evalwazzjoni ta’ proprjetà jew jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li dawk l-istandards jiġu applikati fejn issir evalwazzjoni minn parti terza. Fejn l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli mir-regolamentazzjoni ta’ evalwaturi indipendenti li jagħmlu evalwazzjonijiet tal-proprjetà huma għandhom jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-regoli nazzjonali li qegħdin fis-seħħ.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evalwaturi interni u esterni li jagħmlu evalwazzjonijiet tal-proprjetà jkunu kompetenti professjonalment u indipendenti biżżejjed mill-proċess tas-sottoskrizzjoni tal-kreditu sabiex ikunu jistgħu joffru evalwazzjoni imparzjali u oġġettiva, li għandha tiġi dokumentata f”mezz dejjiemi u li tagħha jinżamm rekord mill-kreditur.
Artikolu 20
Żvelar u verifika tal-informazzjoni dwar il-konsumatur
1. Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja msemmija fl-Artikolu 18 għandha ssir abbażi ta’ informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż tal-konsumatur u ċirkostanzi finanzjarji u ekonomiċi oħra li hija meħtieġa, suffiċjenti u proporzjonata. L-informazzjoni għandha tinkiseb mill-kreditur minn sorsi rilevanti interni u esterni, fosthom il-konsumatur, u inkluża informazzjoni mogħtija lill-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentat maħtur matul il-proċess tal-applikazzjoni tal-kreditu. L-informazzjoni għandha tiġi verifikata kif xieraq, fost l-oħrajn permezz ta’ referenza għal dokumentazzjoni verifikabbli independentement meta meħtieġ.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-kreditu jew ir-rappreżentanti maħturin jippreżentaw b’mod preċiż l-informazzjoni neċessarja miksuba mill-konsumatur lill-kreditur rilevanti sabiex il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tkun tista’ titwettaq.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jispeċifikaw b’mod ċar u dirett fil-fażi prekuntrattwali l-informazzjoni meħtieġa u evidenza indipendentement verifikabbli li l-konsumatur jeħtieġlu jipprovdi u ż-żmien li fih il-konsumatur jeħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni. Din it-talba għall-informazzjoni għandha tkun proporzjonata u limitata għal dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tajba. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-kredituri jfittxu kjarifika tal-informazzjoni rċevuta bi tweġiba għal dik it-talba fejn meħtieġ biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja.
L-Istati Membri m’għandhomx iħallu kreditur jittermina l-kuntratt ta’ kreditu għar-raġuni li l-informazzjoni mogħtija mill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ma kinitx kompluta.
It-tieni subparagrafu m’għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jippermetti li jiġi terminat kuntratt ta’ kreditu mill-kreditur fejn jintwera li l-konsumatur konxjament żamm jew iffalsifika l-informazzjoni.
4. L-Istati Membri għandu jkollhom miżuri fis-seħħ biex jiżguraw li l-konsumaturi huma konxji mill-ħtieġa li tingħata informazzjoni korretta bi tweġiba għat-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u li tali informazzjoni tkun kompluta kemm meħtieġ biex issir valutazzjoni xierqa tal-affidabbiltà kreditizja. Il-kreditut, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentant maħtur għandu jwissi lill-konsumatur li fejn il-kreditur ma jkunx jista’ jwettaq valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja għax il-konsumatur jagħżel li ma jagħtix l-informazzjoni jew il-verifika meħtieġa għal valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja l-kreditu ma jistax jingħata. Dik it-twissija tista’ tingħata f’format standardizzat.
5. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha.
KAPITOLU 7
AĊĊESS GĦAL BAŻIJIET TA’ DATA
Artikolu 21
Aċċess għal bażijiet ta’ data
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura aċċess għall-kredituri kollha mill-Istati Membri kollha għal bażijiet ta’ data użati f’dak l-Istat Membru biex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi u għar-raġuni waħdanija tal-monitoraġġ tal-konformità tal-konsumaturi mal-obbligi ta’ kreditu matul il-ħajja tal-kuntratt ta’ kreditu. Il-kundizzjonijiet għal aċċess bħal dan m’għandhomx ikunu diskriminatorji.
2. Paragrafu 1a għandu japplika kemm għal bażijiet ta’ data li jitħaddmu minn uffiċċji privati tal-kreditu jew aġenziji ta’ referenza tal-kreditu u għal reġistri pubbliċi tal-kreditu.
3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE.
KAPITOLU 8
SERVIZZI TA’ KONSULENZA
Artikolu 22
Standards għal servizzi ta’ konsulenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jinforma lill-konsumatur, fil-kuntest ta’ transazzjoni partikolari, jekk humiex qed jingħataw jew jistgħux jingħataw servizzi ta’ konsulenza lill-konsumatur.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma jingħataw servizzi ta’ konsulenza jew, fejn applikabbli, il-konklużjoni ta’ kuntratt għall-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza, il-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor:
(a) jekk ir-rakkomandazzjoni hijiex ser tkun ibbażata fuq konsiderazzjoni tal-firxa ta’ prodotti tagħhom biss skont punt (b) ta’ paragrafu 3 jew firxa wiesgħa ta’ prodotti mis-suq kollu skont punt (c) ta’ paragrafu 3 sabiex il-konsumatur ikun jista’ jifhem il-bażi li fuqha ssir ir-rakkomandazzjoni;
(b) fejn applikabbli, it-tariffa pagabbli mill-konsumatur għas-servizzi ta’ konsulenza jew, fejn l-ammont ma jistax jiġi aċċertat fil-mument tad-divulgazzjoni, il-metodu użat għall-kalkolu tiegħu.
L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tista’ tingħata lill-konsumatur f’għamla ta’ informazzjoni prekuntrattwali addizzjonali.
3. Meta jingħataw servizzi ta’ konsulenza lill-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, minbarra r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7 u 9, li:
(a) il-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu jew ir-rappreżentanti maħturin jiksbu l-informazzjoni neċessarja dwar is-sitwazzjoni personali u finanzjarja tal-konsumatur, il-preferenzi u l-objettivi tiegħu sabiex tkun tista’ ssir rakkomandazzjoni dwar kuntratti ta’ kreditu adatti. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni li tkun aġġornata f’dak il-mument u għandha tqis suppożizzjonijiet raġonevoli dwar ir-riskji għas-sitwazzjoni tal-konsumatur matul it-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu propost;
(b) il-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu vinkolati jew ir-rappreżentanti maħturin ta’ intermedjarji tal-kreditu vinkolati jikkunsidraw numru biżżejjed kbir ta’ kuntratti ta’ kreditu fis-sett ta’ prodotti tagħhom u jirrakkomandaw kuntratt ta’ kreditu adatt jew diversi kuntratti ta’ kreditu minn fost il-firxa ta’ prodotti tagħhom adatti għall-ħtiġijiet, is-sitwazzjoni finanzjarja u ċ-ċirkostanzi personali tal-konsumatur,
(c) l-intermedjarji tal-kreditu mhux vinkolati jew ir-rappreżentanti maħturin ta’ intermedjarji tal-kreditu mhux vinkolati jikkunsidraw numru biżżejjed kbir ta’ kuntratti ta’ kreditu disponibbli fis-suq u jirrakkomandaw kuntratt ta’ kreditu adatt jew diversi kuntratti ta’ kreditu disponibbli fis-suq adatti għall-ħtiġijiet, is-sitwazzjoni finanzjarja u ċ-ċirkostanzi personali tal-konsumatur;
(d) il-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu jew ir-rappreżentanti maħturin jaġixxu fl-aħjar interessi tal-konsumatur billi:
(i) jinfurmaw ruħhom dwar il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tal-konsumatur; u
(ii) jirrakkomandaw kuntratti ta’ kreditu adatti skont punti (a), (b) u (c); u
(e) il-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu jew ir-rappreżentanti maħturin jagħtu lill-konsumatur dokumentazzjoni fuq karta jew b’mezz ieħor dejjiemi tar-rakkomandazzjoni pprovduta.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-użu tat-terminu “konsulenza” u “konsulent” jew termini simili meta s-servizzi ta’ konsulenza jingħataw lill-konsumaturi minn kredituri, intermedjarji tal-kreditu vinkolati jew rappreżentanti maħturin tal-intermedjarji tal-kreditu vinkolat.
Fejn l-Istati Membri ma jipprojbixxux l-użu tat-terminu ‘konsulenza’ u ‘konsulent’, huma għandhom jimponu l-kundizzjonijiet li ġejjin dwar l-użu tat-terminu “konsulenza indipendenti” jew “konsulent indipendenti” minn kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin li jagħtu servizzi ta’ konsulenza:
(a) kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin għandhom iqisu għadd kbir biżżejjed ta’ kuntratti ta’ kreditu disponibbli fis-suq; u
(b) kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin m’għandhomx jiġu rinumerati għal dawk is-servizzi ta’ konsulenza minn kreditur wieħed jew aktar.
Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu għandu japplika biss meta l-għadd ta’ kredituri meqjusa jkun inqas minn maġġoranza tas-suq,
L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti aktar strinġenti b’rabta mal-użu tat-termini “konsulenza indipendenti” jew “konsulent indipendenti” minn kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin, inkluża projbizzjoni li tiġi rċevuta rimunerazzjoni minn kreditur.
5. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligu għall-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu u r-rappreżentanti maħturin li javżaw lill-konsumatur meta, fil-konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur, kuntratt ta’ kreditu jista’ jirriżulta f’riskju partikolari għall-konsumatur.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ konsulenza jingħataw biss minn kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-ewwel subparagrafu għal persuni li:
(a) jiżvolġu l-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu stipulati f’punti 5 tal-Artikolu 4 jew li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza fejn dawk l-attivitajiet jitwettqu jew servizzi jingħataw b’mod inċidentali waqt attività professjonali u dik l-attività tkun irregolata minn dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew kodiċi tal-etika li jirregola l-professjoni li ma jeskludux it-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet jew il-forniment ta’ dawk is-servizzi;
(b) jipprovdu servizzi ta’ konsulenza fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ dejn eżistenti li huma prattikanti tal-insolvenza fejn dik l-attività hija regolata minn dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew servizzi pubbliċi jew volontarji ta’ konsulenza dwar dejn li ma joperawx fuq bażi kummerċjali; jew
(c) jipprovdu servizzi ta’ konsulenza li mhumiex kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentattivi maħturin fejn persuni bħal dawn huma ammessi u sorveljati minn awtoritajiet kompetenti f’konformità mar-rekwiżiti għal intermedjarji tal-kreditu skont din id-Direttiva.
Persuni li jgawdu mill-eżenzjoni fit-tieni subparagrafu m’għandhomx igawdu mid-dritt imsemmi fl-Artikolu 32(1) li jipprovdu servizzi għat-territorju sħiħ tal-Unjoni.
7. Dan l-Artikolu m’għandux jippreġudika l-Artikolu 16 u l-kompetenza tal-Istati Membri li jiżguraw li jingħataw servizzi lill-konsumaturi biex jgħinuhom jifhmu l-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom u liema tipi ta’ prodotti x’aktarx jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet.
KAPITOLU 9
SELF F’MUNITA BARRANIJA U SELF B’RATA VARJABBLI
Artikolu 23
Self f’munita barranija
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn kuntratt ta’ kreditu jirrigwarda self f’munita barranija, ikun hemm fis-seħħ qafas regolatorju xieraq fiż-żmien li fih jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu biex għall-inqas jiġi żgurat li:
(a) il-konsumatur ikollu dritt jikkonverti l-kuntratt ta’ kreditu għal munita alternattiva f’kundizzjonijiet speċifikati; jew
(b) jkun hemm kuntratti oħra fis-seħħ biex jillimitaw ir-riskju tar-rata tal-kambju li l-konsumatur huwa espost għalih fil-kuntratt ta’ kreditu.
2. Il-munita alternattiva msemmija f’punt (a) ta’ paragrafu 1 għandha tkun:
(a) il-munita li fiha l-konsumatur primarjament jirċievi d-dħul jew li fiha għandu l-assi li minnhom ser jitħallas lura l-kreditu, kif indikat fil-punt meta saret l-aktar valutazzjoni riċenti tal-affidabbiltà kreditizja relatata mal-kuntratt ta’ kreditu; jew
(b) il-munita tal-Istat Membru li fih il-konsumatur jew kien residenti fiż-żmien meta l-kuntratt ta’ kreditu ġie konkluż jew huwa residenti bħalissa.
L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw jekk l-għażliet imsemmijiet fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu humiex it-tnejn disponibbli għall-konsumatur jew waħda minnhom biss jew jistgħu jħallu lill-kredituri jispeċifikaw jekk l-għażliet imsemmijiet fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu humiex it-tnejn disponibbli għall-konsumatur jew waħda minnhom biss.
3. Fejn konsumatur għandu dritt li jikkonverti kuntratt ta’ kreditu f’munita alternattiva skont punt (a) ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rata tal-kambju li fiha ssir il-konverżjoni tkun ir-rata tal-kambju tas-suq applikabbli fil-jum tal-applikazzjoni għall-konverżjoni sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kuntratt ta’ kreditu.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn konsumatur għandu self f’munita barranija, il-kreditur iwissi lill-konsumatur fuq bażi regolari fuq karta jew b’mezz ieħor dejjiemi għall-inqas fejn il-valur tal-ammont totali pagabbli mill-konsumatur li jibqa’ pendenti jew tal-pagamenti regolari jvarja b’aktar minn 20 % minn dak li jkun kieku ġiet applikata r-rata tal-kambju bejn il-munita tal-kuntratt ta’ kreditu u l-munita tal-Istat Membru applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. It-twissija għandha tgħarraf lill-konsumatur dwar żieda fl-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, tistipula fejn applikabbli d-dritt li ssir konverżjoni għal munita alternattiva u l-kundizzjonijiet biex isir dan u tfisser kull mekkaniżmu applikabbli ieħor biex jiġi limitat ir-riskju tar-rata tal-kambju li għalih huwa espost il-konsumatur.
5. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw aktar is-self f’munita barranija sakemm regolament bħal dan ma jiġix applikat b’effett retrospettiv.
6. L-arranġamenti applikabbli skont dan l-Artikolu għandhom jiġu ddivilgati lill-konsumatur fil-FEIS u fil-kuntratt ta’ kreditu. Fejn m’hemm l-ebda dispożizzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu biex jiġi limitat ir-riskju tar-rata tal-kambju li għalih huwa espost il-konsumatur għal ċaqliq fir-rata tal-kambju ta’ inqas minn 20 %, il-FEIS għandu jinkludi eżempju illustrattiv tal-impatt ta’ ċaqliq ta’ 20 % fir-rata tal-kambju.
Artikolu 24
Krediti b’rata tal-imgħax varjabbli
Fejn il-kuntratt ta’ kreditu huwa kreditu b’rata tal-imgħax varjabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) kwalunkwe indiċi jew rati ta’ referenza użati biex tiġi kkalkulata r-rata tal-imgħax tas-self ikunu ċari, aċċessibbli, oġġettivi u verifikabbli mill-partijiet tal-kuntratt ta’ kreditu u l-awtoritajiet kompetenti; u
(b) id-dokumentazzjoni storika tal-indiċijiet għall-kalkolu tar-rati tal-imgħax ta’ self tinżamm mill-fornituri ta’ dawn l-indiċijiet jew inkella mill-kredituri.
KAPITOLU 10
EŻEKUZZJONI TAJBA TA’ KUNTRATTI TA’ KREDITU U D-DRITTIJIET MARBUTA
Artikolu 25
Ħlas lura antiċipat
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, b’tali tnaqqis ikun jikkonsisti fl-imgħax u l-ispejjeż għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt.
2. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-tħaddim tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt, trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-imgħax tas-self jew skont il-mument li fih il-konsumatur iħaddem id-dritt, jew restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jiġi jitħaddem id-dritt.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens ġust u oġġettiv, fejn ġustifikat, għall-ispejjeż possibbli marbuta direttament mar-ripagament antiċipat tal-kreditu iżda m’għandhomx jimponu penali fuq il-konsumatur. F’dak ir-rigward, il-kumpens m’għandux jaqbeż it-telf finanzjarju tal-kreditur. Filwaqt li jitħarsu dawk il-kundizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-kumpens ma jistax jaqbeż ċertu livell jew ikun permess biss għal ċertu perijodu ta’ żmien.
4. Fejn konsumatur ifittex li jeħles mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi l-kuntratt, il-kreditur għandu jagħti lill-konsumatur mingħajr dewmien wara li jkun irċieva t-talba, bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor, l-informazzjoni meħtieġa biex jikkunsidra din l-alternattiva. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tikkwantifika l-implikazzjonijiet għall-konsumatur tal-ħelsien mill-obbligi tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu u tistipula b’mod ċar kwalunkwe preżunzjoni użata. Kwalunkwe preżunzjoni użata għandha tkun raġonevoli u ġustifikabbli.
5. Fejn il-ħlas lura antiċipat isir f’perjodu meta r-rata tal-imgħax tas-self tkun fissal-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi soġġett għall-eżistenza ta’ interess leġittimu min-naħa tal-konsumatur.
Artikolu 26
Swieq flessibbli u affidabbli
1. L-Istati Membri għandu jkollhom mekkaniżmi xierqa fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-pretensjoni kontra l-garanzija tkun tista’ tiġi nfurzata minn jew f’isem il-kredituri. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-kredituri jżommu dokumentazzjoni xierqa dwar it-tipi ta’ proprjetà immobbli aċċettati bħala garanzija kif ukoll il-politika ta’ sottoskrizzjoni ipotekarja użata.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jsir monitoraġġ statistiku xieraq tas-suq tal-proprjetà residenzjali, inkluż għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, fejn xieraq billi jiġi nkoraġġut l-iżvilupp u l-użu ta’ indiċijiet speċifiċi tal-prezzijiet li jistgħu jkunu pubbliċi jew privati jew it-tnejn.
Artikolu 27
Informazzjoni rigward tibdil fir-rata tal-imgħax tas-self
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur jinforma lill-konsumatur dwar kwalunkwe bidla fir-rata tal-imgħax tas-self, bil-miktub jew b’mezz durabbli ieħor, qabel ma l-bidla tieħu effett. L-informazzjoni għandha mill-inqas tinkludi l-ammont tal-pagamenti li għandhom isiru wara li r-rata tal-imgħax tas-self il-ġdida tieħu effett u, f’każijiet fejn jinbidlu in-numru jew il-frekwenza tal-pagamenti, id-dettajli tagħhom.
2. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-partijiet jiftiehmu fil-kuntratt ta’ kreditu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata lill-konsumatur perjodikament fejn il-bidla fir-rata tal-imgħax tas-self tkun korrelatata ma’ bidla f’rata ta’ referenza, u r-rata ta’ referenza l-ġdida tkun disponibbli pubblikament b’mezzi adatti, u l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ referenza l-ġdida tinżamm disponibbli fl-uffiċċji tal-kreditur u kkomunikata personalment lill-konsumatur flimkien mal-ammont ta’ pagamenti perijodiċi ġodda.
3. Il-kredituri jistgħu jkomplu jgħarrfu lill-konsumaturi perijodikament fejn il-bidla fir-rata tal-imgħax tas-self ma tkunx korrelatata ma’ bidla f’rata ta’ referenza fejn dan kien ikun permess skonti il-liġi nazzjonali qabel l-20 ta’ Marzu 2014.
4. Fejn bidliet fir-rata tal-imgħax tas-self ikunu determinati permezz ta’ rkant fis-swieq kapitali u għalhekk ikun impossibbli li l-kreditur jinforma lill-konsumatur dwar xi bidla qabel ma l-bidla tieħu effett, il-kreditur għandu, kmieni biżżejjed qabel l-irkant, jinforma lill-konsumatur fuq karta jew b’mezz ieħor dejjiemi dwar il-proċedura li tkun ser issir u jagħti indikazzjoni ta’ kif ser tintlaqat ir-rata tal-imgħax tas-self.
Artikolu 28
Arretrati u bejgħ furzat
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jinkoraġġixxu lill-kredituri jkunu raġonevolment tolleranti qabel ma jinbdew il-proċeduri ta’ bejgħ furzat.
2. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li, fejn il-kreditur jiġi permess jiddefinixxi u jimponi tariffi fuq il-konsumatur minħabba l-inadempjenza, dawk it-tariffi ma jkunux akbar milli meħtieġ biex jikkumpensaw lill-kreditur għall-ispejjeż li jkun ġarrab minħabba l-adempjenza.
3. L-Istati Membri jistgħu jħallu lill-kredituri jimponu tariffi addizzjonali fuq il-konsumatur fil-każ ta’ inadempjenza. F’dak il-każ l-Istati Membri għandhom jagħmlu limitu fuq dawk it-tariffi.
4. L-Istati Membri m’għandhomx iwaqqfu lill-partijiet għal kuntratt ta’ kreditu milli jaqblu b’mod espress li l-għoti lura jew it-trasferiment lill-kreditur tal-garanzija jew id-dħul mill-bejgħ tal-garanzija ikun biżżejjed biex jitħallas lura l-kreditu.
5. Fejn il-prezz miksub għall-proprjetà immobbli jolqot l-ammont dovut mill-konsumatur l-Istati Membri għandu jkollhom proċeduri u miżuri biex jippermettu li jinkiseb l-aħjar prezz possibbli għall-proprjetà immobbli soġġetta għall-bejgħ furzat.
Fejn wara l-proċedimenti ta’ bejgħ furzat jifdal dejn pendenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti miżuri biex jiffaċilitaw il-ħlas lura sabiex jiġu protetti l-konsumaturi.
KAPITOLU 11
REKWIŻITI GĦALL-ISTABBILIMENT U S-SUPERVIŻJONI TA’ INTERMEDJARJI TAL-KREDITU U RAPPREŻENTANTI MAĦTURIN
Artikolu 29
Ammissjoni ta’ intermedjarji tal-kreditu
1. Intermedjarji tal-kreditu għandhom ikunu debitament ammessi biex iwettqu parti minn jew l-attivitajiet kollha ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu stipulati fil-punt 5 tal-Artikolu 4 jew biex jipprovdu servizzi ta’ konsulenza minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. Fejn Stat Membru jippermetti rappreżentanti maħturin skont l-Artikolu 31, m’għandux ikun meħtieġ li tali rappreżentant maħtur m’għandux ikollu jiġi ammess bħala intermedjarju tal-kreditu skont dan l-Artikolu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammissjoni ta’ intermedjarji tal-kreditu tkun soġġetta għall-issodisfar mill-inqas tar-rekwiżiti professjonali li ġejjin flimkien mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9:
(a) intermedjarji tal-kreditu għandhom ikollhom assigurazzjoni għall-indennizz professjonali li tkopri t-territorji fejn joffru s-servizzi, jew xi garanzija oħra paragunabbli għar-responsabbiltà li tirriżulta min-negliġenza professjonali. Madankollu, għall-intermedjarji ta’ kreditu vinkolati, l-Istat Membru tad-domiċilju jista’ jistipula li tali assigurazzjoni jew garanzija paragunabbli tista’ tingħata minn kreditur li f’ismu l-intermedjarju tal-kreditu għandu s-setgħa jaġixxi.
Jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta u, fejn neċessarju, temenda standards regolatorji tekniċi biex tistipula l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt. Dawn l-istandards regolatorji tekniċi għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex tistipula l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt biex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Settembru 2014. L-ABE għandha tirrevedi, u jekk meħtieġ, tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex temenda l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt biex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sal-21 ta’ Marzu 2018 u kull sentejn minn dakinhar ‘il quddiem.
(b) persuna fiżika stabbilita bħala intermedjarju tal-kreditu, il-membri tal-bord ta’ intermedjarju tal-kreditu stabbilit bħala persuna ġuridika u persuni fiżiċi li jiżvolġu kompiti ekwivalenti fi ħdan intermedjarju tal-kreditu li jkun persuna ġuridika iżda li m’għandux bord, għandhom ikunu ta’ reputazzjoni tajba. Bħala minimu, għandu jkollhom kondotta tal-pulizija nadifa jew kwalunkwe ekwivalenti nazzjonali ieħor fir-rigward ta’ reati kriminali serji marbutin ma’ reati kontra l-proprjetà jew reati oħra relatati ma’ attivitajiet finanzjarji u ma jistgħux ikunu ġew dikjarati falluti fil-passat, sakemm ma jkunux ġew riabilitati skont il-liġi nazzjonali.
(c) persuna fiżika stabbilita bħala intermedjarju tal-kreditu, il-membri tal-bord ta’ intermedjarju tal-kreditu stabbilit bħala persuna ġuridika u persuni fiżiċi li jiżvolġu kompiti ekwivalenti fi ħdan intermedjarju tal-kreditu li jkun persuna ġuridika iżda li m’għandux bord, għandu jkollhom livell adatt ta’ konoxxenza u kompetenza rigward kuntratti ta’ kreditu. L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jistabbilixxi l-livell adatt ta’ għarfien u kompetenza skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness III.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji stabbiliti sabiex il-persunal tal-intermedjarji tal-kreditu jew tal-kredituri jilħqu r-rekwiżiti professjonali tagħhom ikunu pubbliċi.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-kreditu ammessi kollha, kemm jekk stabbiliti bħala persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, jiddaħħlu f’reġistru ta’ awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru tal-intermedjarji tal-kreditu jinżamm aġġornat u jkun pubblikament disponibbli elettronikament.
Ir-reġistru tal-intermedjarji tal-kreditu għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a) l-ismijiet tal-persuni fid-direzzjoni li huma responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jesiġu r-reġistrazzjoni tal-persuni fiżiċi kollha li jaqdu funzjoni ta’ kuntatt dirett mal-klijenti f’impriża li twettaq attività ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu;
(b) l-Istati Membri li fihom l-intermedjarju tal-kreditu jiżvolġi n-negozju skont ir-regoli dwar il-libertà tal-istabbiliment jew dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li dwaru l-intermedjarju tal-kreditu jkun informa l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju skont l-Artikolu 32(3);
(c) jekk l-intermedjarju tal-kreditu huwiex vinkolat jew le;
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħżlu l-alternattiva msemmija fl-Artikolu 30 għandhom jiżguraw li r-reġistru jindika l-kreditur li f’ismu l-intermedjarju tal-kreditu qed jaġixxi.
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħżlu l-alternattiva msemmija fl-Artikolu 31 għandhom jiżguraw li r-reġistru jindika l-intermedjarju tal-kreditu jew fil-każ ta’ rappreżentant maħtur ta’ intermedjarju tal-kreditu vinkolat, il-kreditur li f’ismu r-rappreżentant maħtur jaġixxi.
5. L-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jiżguraw li:
(a) kwalunkwe intermedjarju tal-kreditu li jkun persuna ġuridika ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-istess Stat Membru tal-uffiċċju reġistrat tiegħu jekk ikollu uffiċċju reġistrat skont il-liġi nazzjonali tiegħu;
(b) kwalunkwe intermedjarju tal-kreditu li ma jkunx persuna ġuridika, jew kwalunkwe intermedjarju tal-kreditu li jkun persuna ġuridika iżda li skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollux uffiċċju reġistrat, ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Istat Membru li fih effettivament iwettaq in-negozju prinċipali tiegħu.
6. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt uniku ta’ informazzjoni li jippermetti aċċess pubbliku malajr u faċli għall-informazzjoni mir-reġistru nazzjonali, li għandu jkun kompilat elettronikament u aġġornat kontinwament. Dawn il-punti ta’ informazzjoni għandhom jipprovdu d-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru.
L-ABE għandha tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha referenzi jew hyperlinks għal dak il-punt ta’ informazzjoni.
7. L-Istati Membri tad-domiċilju għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-kreditu u r-rappreżentanti maħturin ammessi kollha jkunu konformi mar-rekwiżiti ddefiniti fil-paragrafu 2 fuq bażi kontinwata. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 30 u 31.
8. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan l-Artikolu għall-persuni li jiżvolġu l-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu tagħhom stipulati fil-punt 5 tal-Artikolu 4 fejn dawk l-attivitajiet jitwettqu b’mod inċidentali fil-kors ta’ attività professjonali u dik l-attività tkun irregolata minn dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew minn kodiċi tal-etika li jirregola l-professjoni li ma jeskludux it-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet.
9. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE jew għal istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li taħt il-liġi nazzjonali huma soġġetti għal reġim ekwivalenti ta’ awtorizzazzjoni u sorveljanza.
Artikolu 30
Intermedjarji tal-kreditu vinkolati ma’ kreditur wieħed biss
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(1), l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil l-intermedjarji tal-kreditu vinkolanti speċifikati fil-punt (a) tal-punt 7 tal-Artikolu 4 li jkunu ammessi mill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-kreditur li f’ismu l-intermedjarju tal-kreditu vinkolat ikun jaġixxi esklużivament.
F’każijiet bħal dawn, il-kreditur għandu jibqa’ responsabbli bis-sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għal kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni mill-parti tal-intermedjarju tal-kreditu vinkolat li qed jaġixxi f’isem il-kreditur f’oqsma regolati minn din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-kreditur jiżgura li dawk l-intermedjarji tal-kreditu vinkolati jikkonformaw mill-inqas mar-rekwiżiti professjonali stabbiliti fl-Artikolu 29(2).
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34, il-kredituri għandhom jissorveljaw l-attivitajiet tal-intermedjarji tal-kreditu vinkolati speċifikati fil-punt (a) tal-punt 7 tal-Artikolu 4 sabiex jiżguraw li huma jibqgħu konformi ma’ din id-Direttiva. B’mod partikolari, il-kreditur għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ konoxxenza u ta’ kompetenza tal-intermedjarju tal-kreditu vinkolat u tal-persunal tiegħu
Artikolu 31
Rappreżentanti maħturin
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu lil intermedjarju tal-kreditu li jaħtar rappreżentanti maħturin.
Fejn ir- rappreżentant maħtur ikun maħtur minn intermedjarju tal-kreditu vinkonalti speċifikat fil-punt (a) tal-punt 7 tal-Artikolu 4, il-kreditur għandu jibqa’ responsabbli b’mod sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għal kull azzjoni jew ommissjoni min-naħa tar-rappreżentant maħtur li jkun qed jaġixxi f’isem dak l-intermedjarju tal-kreditu vinkolat f’oqsma regolati minn din id-Direttiva. F’każijiet oħra l-intermedjarju tal-kreditur għandu jibqa’ responsabbli bis-sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għal kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni min-naħa tar-rappreżentant maħtur li qed jaġixxi f’isem l-intermedjarju tal-kreditu f’oqsma regolati minn din id-Direttiva.
2. L-intermedjarji tal-kreditu għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti maħturi tagħhom jikkonformaw mill-inqas mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 29(2). Madankollu, l-Istat Membru tad-domiċilju jista’ jistipula li l-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew garanzija paragunabbli tista’ tingħata minn intermedjarju tal-kreditu li f’ismu r-rappreżentant maħtur għandu s-setgħa li jaġixxi.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 ta’ din id-Direttiva, l-intermedjarji tal-kreditu għandhom jissorveljaw l-attivitajiet tar-rappreżentanti maħturin tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità sħiħa ma’ din id-Direttiva. B’mod partikolari, l-intermedjarji tal-kreditu għandhom ikunu responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ konoxxenza u ta’ kompetenza tar-rappreżentanti maħturin u tal-persunal tagħhom.
4. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jippermettu lil intermedjarju tal-kreditu li jaħtar rappreżentanti maħturin għandhom jistabbilixxu reġistru pubbliku li fih mill-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(4). Ir-rappreżentanti maħtura għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru pubbliku fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Ir-reġistru għandu jiġi aġġornat fuq bażi regolari. Għandu jkun disponibbli pubblikament għall-konsultazzjoni online.
Artikolu 32
Libertà tal-istabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi minn intermedjarji tal-kreditu
1. L-ammissjoni ta’ intermedjarju tal-kreditu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu kif stipulat fl-Artikolu 29(1) għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni mingħajr ammissjoni ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti għat-twettiq tal-attivitajiet u l-għoti ta’ servizzi koperti mill-ammissjoni, sakemm l-attivitajiet li intermedjarju tal-kreditu bi ħsiebu jiżvolġi fl-Istati Membri ospitanti jkunu koperti bl-ammissjoni. Madankollu, intermedjarji tal-kreditu m’għandhomx ikunu permessi jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu offruti minn istituzzjonijiet mhux tal-kreditu lill-konsumaturi fi Stat Membru fejn tali istituzzjonijiet mhux tal-kreditu ma jkollhomx permess joperaw.
2. Rappreżentanti maħturin li nħatru fi Stati Membri li jagħżlu l-alternattiva taħt l-Artikolu 31 ma jkunux jistgħu jiżvolġu parti mill-attivitajiet jew l-attivitajiet kollha ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu stipulati fil-punt 5 tal-Artikolu 4 jew jipprovdu servizzi ta’ konsulenza fi Stati Membri fejn tali rappreżentanti maħturin m’għandhomx il-permess biex joperaw.
3. Kwalunkwe intermedjarju tal-kreditu ammess li jkollu l-ħsieb iwettaq negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew aktar skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew meta jistabbilixxi fergħa għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu.
Fi żmien xahar wara li jiġu infurmati, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i kkonċernat bl-intenzjoni tal-intermedjarju tal-kreditu u għandhom fl-istess żmien jinformaw lill-intermedjarju tal-kreditu kkonċernat b’dik in-notifika. Huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati dwar il-kredituri li l-intermedjarju tal-kreditu jkun vinkolat magħhom u jekk il-kredituri jassumux responsabbiltà sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet għall-attivitajiet tal-intermedjarju tal-kreditu. L-Istat Membru ospitanti għandu juża l-informazzjoni li jkun irċieva mill-Istat Membru tad-domiċilju biex idaħħal l-informazzjoni neċessarja fir-reġistru tiegħu.
L-intermedjarju tal-kreditu jkun jista’ jibda n-negozju xahar wara d-data li fiha jkun ġie infurmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bin-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu.
4. Qabel ma l-fergħa ta’ intermedjarju tal-kreditu tibda l-attivitajiet tagħha jew fi żmien xahrejn minn meta jirċievu n-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom iħejju għas-superviżjoni tal-intermedjarju tal-kreditu skont l-Artikolu 34 u, jekk neċessarju, jindikaw lill-intermedjarju tal-kreditu l-kundizzjonijiet taħt liema, fl-oqsma li mhumiex armonizzati fil-liġi tal-Unjoni, dawk l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-Istat Membru ospitanti.
Artikolu 33
Irtirar ta’ ammissjoni ta’ intermedjarji tal-kreditu
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tirtira l-ammissjoni mogħtija lil intermedjarju tal-kreditu skont l-Artikolu 29 meta dan l-intermedjarju tal-kreditu:
(a) jirrinunzja espressament għall-ammissjoni jew ma jkunx wettaq la l-attivitajiet tal-intermedjazzjoni tal-kreditu stipulati fil-punt 5 tal-Artikolu 4 u lanqas ipprovda s-servizzi ta’ konsulenza matul is-sitt xhur preċedenti, sakemm l-Istat Membru ma jkunx ippreveda l-iskadenza tal-ammissjoni f’tali każijiet;
(b) ikun kiseb l-ammissjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa jew mezzi oħrajn irregolari
(c) ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom tkun ingħatat l-ammissjoni;
(d) jaqa’ taħt xi wieħed mill-każijiet fejn il-liġi nazzjonali, rigward materji barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva, jipprevedi l-irtirar.
(e) ikun kiser serjament u sistematikament id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva li jirregolaw il-kundizzjonijiet operattivi tal-intermedjarji tal-kreditu.
2. Fejn l-ammissjoni ta’ intermedjarju tal-kreditu tiġi rtirata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, dan tal-aħħar għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’dan l-irtirar kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn 14-il jum, bi kwalunkwe mezz adatt.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-kreditu li kellhom l-ammissjoni tagħhom irtirata jitħassru mir-reġistru mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 34
Superviżjoni ta’ intermedjarji tal-kreditu u rappreżentanti maħturin
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji tal-kreditu jkunu soġġetti għas-superviżjoni tal-attivitajiet kurrenti tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.
L-Istati Membri ta’ domiċilju għandhom jipprevedu li l-intermedjarji tal-kreditu vinkolati jkunu soġġetti għas-superviżjoni direttament jew bħala parti mis-superviżjoni tal-kreditur li jkunu jaġixxu f’ismu jekk il-kreditur ikun istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE jew istituzzjoni finanzjarja oħra li taħt il-liġi nazzjonali hija soġġetta għal reġim ekwivalenti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ superviżjoni. Madankollu, jekk l-intermedjarju tal-kreditu vinkolat jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tad-domiċilju, l-intermedjarju tal-kreditu vinkolat għandu jkun soġġett għas-superviżjoni diretta.
L-Istati Membri ta’ domiċilju li jippermettu lil intermedjarji tal-kreditu li jaħtru rappreżentanti f’konformità mal-Artikolu 31 għandhom jiżguraw li tali rappreżentanti maħtura jkunu soġġetti għal superviżjoni diretta jew bħala parti mis-superviżjoni tal-intermedjarju tal-kreditu li jaġixxi f’ismu.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom l-intermedjarju tal-kreditu jkollu fergħa għandhom ikollhom r-responsabbiltà li jiżguraw li s-servizzi pprovduti mill-intermedjarju tal-kreditu fit-territorju tiegħu jkunu konformi mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 7(1) u l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 13, 14, 15, 16, 17, 20, 22 u 39 u fil-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom.
Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti jaċċertaw ruħhom li intermedjarju tal-kreditu li għandu fergħa fit-territorju tiegħu huwa fi ksur tal-miżuri adottati f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 13, 14, 15, 16, 17, 20, 22 u 39 ta’ din id-Direttiva, dawk l-awtoritajiet għandhom jesiġu li l-intermedjarju tal-kreditu kkonċernat iġib fi tmiem is-sitwazzjoni irregolari tiegħu.
Jekk l-intermedjarju tal-kreditu kkonċernat jonqos milli jieħu l-passi neċessarji, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jieħdu l-azzjoni adatta kollha sabiex jiżguraw li l-intermedjarju tal-kreditu kkonċernat iġib fi tmiem is-sitwazzjoni irregolari tiegħu. In-natura ta’ dik l-azzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.
Jekk, minkejja l-azzjoni meħuda mill-Istat Membru ospitanti, l-intermedjarju tal-kreditu jippersisti fil-ksur tal-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti, l-Istat Membru ospitanti jista’, wara li jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, jieħu l-azzjoni approprjata sabiex jipprevjieni jew jippenalizza aktar irregolaritajiet u, sa fejn ikun neċessarju, iżomm lill-intermedjarju tal-kreditu milli jibda aktar tranżazzjonijiet bħal dawn fit-territorju tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata bi kwalunkwe tali azzjoni mingħajr dewmien żejjed.
Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma jaqbilx ma’ tali azzjoni meħuda mill-Istat Membru ospitanti, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ABE u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’dak il-każ, l-ABE tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha b’dak l-Artikolu.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn tinsab il-fergħa għandu jkollhom id-dritt li jeżaminaw l-arranġamenti tal-fergħa u li jitolbu li jsiru dawk il-bidliet li jkunu strettament meħtieġa biex jiġu soddisfati r-responsabbiltajiet tagħha skont il-paragrafu 2 u sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jkunu jistgħu jinfurzaw l-obbligi skont l-Artikolu 7(2), (3) u (4) u l-miżuri adottati b’riżultat ta’ dawn rigward is-servizzi pprovduti mill-fergħa.
4. Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ikollha raġunijiet ċari u konkreti sabiex tikkonkludi li intermedjarju tal-kreditu li jaġixxi fit-territorju tiegħu taħt il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi tkun bi ksur tal-obbligi li joħorġu mill-miżuri adottati skont din id-Direttiva jew li intermedjarju tal-kreditu li għandu fergħa fit-territorju tiegħu jkun fi ksur tal-obbliġi li joħorġu mill-miżuri adottati skont din id-Direttiva għajr dawk speċifikati fil-paragrafu 2, hija għandha tirreferi dawn ir-riżultati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju li għandha tieħu l-azzjoni xierqa.
Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tonqos milli tieħu kwalunkwe azzjoni fi żmien xahar minn meta tikseb dawk ir-riżultati jew fejn, minkejja l-azzjoni meħuda awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, intermedjarju tal-kreditu jibqa’ jaġixxi b’mod li huwa manifestament ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Istat Membru ospitanti jew għall-funzjonament bl-ordni tas-swieq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti:
(a) għandha, wara li tkun infurmat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, tad-domiċilju, tieħu l-azzjoni kollha xierqa meħtieġa sabiex il-konsumaturi jkunu protetti u tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-swieq, inkluż billi żżomm lill-intermedjarju tal-kreditu inadempjenti milli jibda kwalunkwe transizzjoni oħra fit-territorji tagħha. Il-Kummissjoni u l-ABE għandha tiġi infurmata b’tali azzjoni mingħajr dewmien żejjed;
(b) tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ABE u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’dak il-każ, l-ABE tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha b’dak l-Artikolu.
5. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, meta intermedjarju tal-kreditu ammessa fi Stat Membru ieħor ikun stabbilixxa fergħa fit-territorju tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħhom u wara li jkunu għarrfu lill-awtoritjiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jistgħu jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post f’dik il-fergħa.
6. L-allokazzjoni tal-kompiti bejn l-Istati Membri speċifikata f’dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-oqsma mhux koperti minn din id-Direttiva f’konformità mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni.
KAPITOLU 12
AMMISSJONI U SUPERVIŻJONI TAL-ISTITUZZJONIJIET MHUX TAL-KREDITU
Artikolu 35
Ammissjoni u superviżjoni tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet mhux tal-kreditu ikunu soġġetti għal proċess ta’ ammissjoni adegwat, li jinkludi l-entrata tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu f’reġistru u l-arranġamenti għas-superviżjoni minn awtorità kompetenti.
KAPITOLU 13
KOOPERAZZJONI BEJN AWTORITAJIET KOMPETENTI TA’ STATI MEMBRI DIFFERENTI
Artikolu 36
Obbligu ta’ kooperazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin kull meta neċessarju għall-fini li jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva, billi jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom kemm jekk stipulati f’din id-Direttiva kemm jekk fil-liġi nazzjonali.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fi kwalunkwe investigazzjoni jew attivitajiet ta’ superviżjoni.
Sabiex jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-kooperazzjoni, u b’mod iktar partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti unika bħala punt ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-ismijiet tal-awtoritajiet li jiġu nnominati sabiex jirċievu talbiet għal skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni skont dan il-paragrafu.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi neċessarji sabiex jiffaċilitaw l-assistenza prevista fil-paragrafu 1.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu ġew nominati bħala punti ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva skont il-paragrafu 1 għandhom ifornu minnufih lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu d-dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti, nominati skont l-Artikolu 5, stipulati fil-miżuri adottati skont din id-Direttiva.
L-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw informazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra skont din id-Direttiva jistgħu jindikaw fil-mument tal-komunikazzjoni li din l-informazzjoni m’għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-qbil espliċitu tagħhom, f’liema każ din l-informazzjoni tista’ tiġi skambjata biss għall-finijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom.
L-awtorità kompetenti li tkun ġiet nominata bħala l-punt ta’ kuntatt tista’ tittrażmetti l-informazzjoni riċevuta lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn madankollu, m’għandhiex tittrażmetti l-informazzjoni lil korpi oħrajn jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mingħajr il-qbil espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelawha u biss għall-finijiet li għalihom l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom, ħlief f’ċirkustanzi debitament ġustifikati, f’liema każ hija għandha tinforma minnufih lill-punt ta’ kuntatt li jkun ta l-informazzjoni.
4. Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taġixxi fuq talba għall-kooperazzjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni jew attività superviżorja jew fl-iskambju ta’ informazzjoni kif previst fil-paragrafu 3 biss fejn:
(a) din l-investigazzjoni, verifika fuq il-post, attività superviżorja jew skambju ta’ informazzjoni jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat;
(b) diġà jkunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat;
(c) diġà tkun ingħatat sentenza finali fl-Istat Membru indirizzat fir-rigward tal-istess persuni u l-istess azzjonijiet.
Fil-każ ta’ tali rifjut, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika b’dan lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet it-talba, billi tipprovdi informazzjoni ddettaljata kemm jista’ jkun.
Artikolu 37
Riżoluzzjoni ta’ kunflitti bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu s-sitwazzjoni lill-ABE meta talba għal kooperazzjoni, partikolarment għal skambju ta’ informazzjoni, tkun ġiet irrifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli, u jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’dawn il-każijiet, l-ABE tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu u kwalunkwe deċiżjoni vinkolanti li tittieħed mill-ABE f’konformità ma’ dak l-Artikolu għandha tkun vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati irrispettivament minn jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti humiex membri tal-ABE jew le.
KAPITOLU 14
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 38
Sanzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati abbażi ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-awtorità kompetenti tista’ tiddivulga mal-pubbliku kwalunkwe sanzjoni amministrattiva li tkun ser tiġi imposta għal ksur tal-miżuri adottati fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm tali divulgazzjoni ma tippreġudikax serjament is-swieq finanzjarji jew tikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.
Artikolu 39
Mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim
1. L-Istati Membri għandhom jiżguaraw li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ rikorsi u rimedji adatti u effikaċi għar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim tal-konsumaturi mal-kredituri, intermedjarji tal-kreditu u rappreżentanti maħtura fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu, bl-użu ta’ korpi eżistenti fejn adatt. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċeduri jkunu applikabbli għal kredituri u intermedjarji tal-kreditu u jkopru l-attivitajiet ta’ rappreżentanti maħtura.
2. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni barra l-qorti ta’ tilwim tal-konsumaturi jikkoperaw b’mod li jkunu jistgħu jirriżolvu tilwimiet transkonfinali rigward kuntratti ta’ kreditu.
Artikolu 40
Eżerċizzju tad-delega
1. Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 14(9) u 17(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mill-20 ta’ Marzu 2014.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 14(9) u 17(8) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada li tiġi ppubblikata d-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data speċifikata aktar tard fih. M’għandhiex taffetwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 14(9) u 17(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx ġiet espressa oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 41
Natura imperattiva ta’ din id-Direttiva
L-Istati Membri ta’ oriġini għandhom jiżguraw li:
(a) il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jirrinunzjaw għad-drittijiet mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva.
(b) il-miżuri li jadottaw fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux jistgħu jiġu evitati b’tali mod li jista’ jwassal biex il-konsumaturi jitilfu l-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva b’riżultat tal-mod li bih jiġu fformulati l-kuntratti, partikolarment billi jiġu integrati kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva f’kuntratti ta’ kreditu li n-natura jew l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri.
Artikolu 42
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-21 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mill-21 ta’ Marzu 2016.
Sal-1 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mal-punt (ea) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2018.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-dritt nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 43
Dispożizzjonijiet transitorji
1. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ kreditu eżistenti qabel il-21 ta’ Marzu 2016.
Il-punt (ea) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ma għandux japplika għal kuntratti ta' kreditu eżistenti qabel l-1 ta' Lulju 2018.
2. Intermedjarji tal-kreditu li diġà jwettqu attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu stipulati fil-punt 5 tal-Artikolu 4 qabel il-21 ta’ Marzu 2016 u li għadhom ma ġewx ammessi f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju li fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva jistgħu jkomplu jwettqu dawk l-attivitajiet f’konformità mal-liġi nazzjonali sal-21 ta’ Marzu 2017. Meta intermedjarju tal-kreditu jibbaża ruħu fuq din id-deroga hu jista’ jwettaq l-attivitajiet fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu biss sakemm dan ma jissodisfax ukoll ir-rekwiżiti legali neċessarji tal-Istati Membri ospitanti.
3. Kredituri, intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħtura li jwettqu attivitajiet irregolati minn din id-Direttiva qabel l-20 ta’ Marzu 2014 għandhom ikunu konformi mal-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 9 sal-21 ta’ Marzu 2017.
Artikolu 44
Klawsola ta’ reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni ta’ din id-Direttiva sal-21 ta’ Marzu 2019. L-eżami għandu jqis l-effikaċja u adegwatezza tad-dispożizzjonijiet dwar il-konsumaturi u s-suq intern.
L-eżami għandu jinkludi dan li ġej:
(a) valutazzjoni tal-użu u l-fehim tal-konsumaturi ta’ u s-sodisfazzjon rigward l-FEIS;
(b) analiżi ta’ divulgazzjonijiet oħra prekuntrattwali;
(c) analiżi tal-negozju transkonfinali minn intermedjarji tal-kreditu u kredituri;
(d) analiżi tal-evoluzzjoni tas-suq għall-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu li jipprovdu kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali;
(e) valutazzjoni dwar il-ħtieġa għal aktar miżuri, fosthom passaport għall-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu li jipprovdu kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali;
(f) eżami tal-ħtieġa li jiġu introdotti drittijiet u obbligi addizzjonali fir-rigward tal-istadju postkuntrattwali tal-kuntratti ta’ kreditu;
(g) valutazzjoni dwar jekk l-ambitu ta’ din id-Direttiva jibqax adatt, b’kont meħud tal-impatt tiegħu fuq forom oħra sostitwibbli ta’ kreditu;
(h) valutazzjoni ta’ jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex tkun żgurata t-traċċabbiltà tal-kuntratti ta’ kreditu garantiti permezz ta’ proprjetà immobbli residenzjali;
(i) valutazzjoni tad-disponibbiltà tad-data dwar tendenzi fil-prezzijiet ta’ proprjetà immobbli residenzjali u dwar il-limitu sa fejn id-data hija komparabbli;
(j) valutazzjoni dwar jekk jibqax adatt il-fatt li tiġi applikata d-Direttiva 2008/48/KE għal krediti mhux iggarantiti li l-iskop tagħhom hu r-rinovazzjoni ta’ proprjetà immobbli residenzjali li tinvolvi ammont totali ta’ kreditu ‘l fuq mill-ammont massimu speċifikat fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2) ta’ dik id-Direttiva;
(k) valutazzjoni dwar jekk l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet skont l-Artikolu 38(2) jipprovdux biżżejjed trasparenza;
(l) valutazzjoni tal-proporzjonalità ta’ twissijiet imsemmija fl-Artikolu 11(6) u fl-Artikolu 13(2) u l-potenzjal għal aktar armonizzazzjoni ta’ twissijiet ta’ riskju.
Artikolu 45
Iktar inizjattivi dwar għoti u teħid b’self responsabbli
Sal-21 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport komprensiv li jivvaluta l-isfidi usa’ ta’ dejn żejjed privat marbut direttament mal-attività ta’ kreditu. Dan jeżamina wkoll il-ħtieġa għas-superviżjoni ta’ reġistri tal-kreditu u l-possibbiltà għall-iżvilupp ta’ swieq aktar flessibbli u affidabbli. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta xieraq, bi proposti leġislattivi.
Artikolu 46
Emenda tad-Direttiva 2008/48/KE
Fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/48/KE, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“2a. Minkejja l-punt (c) tal-paragrafu 2, din id-Direttiva għandha tapplika għall kuntratti ta’ kreditu mhux garantiti li l-għan tagħhom huwa r-rinovazzjoni ta’ proprjetà immobbli residenzjali li tinvolvi ammont totali ta’ kreditu ‘l fuq minn EUR 75 000 .”
Artikolu 47
Emenda tad-Direttiva 2013/36/UE
Fid-Direttiva 2013/36/UE, jiddaħħal l-Artikolu li jmiss:
“Artikolu 54a
Artikoli 53 u 54 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-poteri ta’ investigazzjoni mogħtija lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 226 TFUE.”
Artikolu 48
Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010
Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 huwa emendat kif ġej:
(1) It-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 13(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fejn il-Kummissjoni tadotta standard tekniku regolatorju li jkun l-istess bħall-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju ppreżentat mill-Awtorità, il-perijodu li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għandu jkun ta’ xahar mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż għal perjodu inizjali ta’ xahar u jista’ jiġġedded għal perjodu addizzjonali ta’ xahar.”
(2) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 35, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha li l-Awtorità tikkunsidra bħala neċessarja għall-investigazzjoni tagħha inkluż dwar kif l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) huma applikati skont il-liġi tal-Unjoni.”
Artikolu 49
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 50
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
KALKOLU TAR-RATA PERĊENTWALI ANNWALI TA’ IMPOSTA (RPAI)
I. |
L-ekwazzjoni bażika li tesprimi l-ekwivalenza tal-prelevamenti minn naħa u l-ħlas lura u l-imposti min-naħa l-oħra. L-ekwazzjoni bażika, li tistabbilixxi r-rata perċentwali annwali tal-imposti (RPAI), taħdem, fuq bażi annwali, il-valur preżenti totali tal-prelevamenti ta’ kreditu minn naħa u l-valur preżenti totali tal-ħlas lura u l-ħlas tal-imposti min-naħa l-oħra, jiġifieri:
fejn:
Rimarki: (a) L-ammonti mħallsin miż-żewġ partijiet fi żminijiet differenti mhux neċessarjament ikunu ndaqs u mhux neċessarjament jitħallsu f’intervalli ndaqs. (b) Id-data tal-bidu għandha tkun dik tal-ewwel prelevament. (c) Intervalli bejn id-dati wżati fil-kalkoli għandhom ikunu indikati fi snin jew fi frazzjonijiet ta’ sena. Sena hija preżunta li fiha 365 jum (jew 366 jum fi snin biżestili), 52 ġimgħa jew 12-il xahar indaqs. Xahar indaqs huwa preżunt li fih 30,41666 jum (jiġifieri 365/12) irrispettivament minn jekk hix sena biżestili jew le. Fejn l-intervalli bejn id-dati wżati fil-kalkoli ma jistgħux jiġu indikati f’numru sħiħ ta’ ġimgħat, xhur jew snin, l-intervalli għandhom ikunu espressi bħala numru sħiħ ta’ wieħed minn dawk il-perijodi flimkien ma’ numru ta’ ġranet. Meta jintużaw il-ġranet: (i) kull jum għandu jingħadd, inkluż tmiem il-ġimgħa u l-btajjel; (ii) perjodi ndaqs u imbagħad ġranet għandhom jingħaddu b’lura għad-data tal-prelevament inizjali; (iii) it-tul tal-perijodu ta’ ġranet għandu jinkiseb billi l-ewwel data tiġi eskluża u l-aħħar data tiġi inkluża u għandha tiġi indikata fi snin billi dan il-perijodu jiġi diviż bin-numru ta’ ġranet (365 jew 366 jum) tas-sena sħiħa u jingħadd b’lura mill-aħħar jum għall-istess jum tas-sena preċedenti. (d) Ir-riżultat tal-kalkolu għandu jiġi indikat bi preċiżjoni ta’ mill-inqas punt deċimali wieħed. Jekk iċ-ċifra fil-post deċimali li jsegwi tkun akbar minn jew ugwali għal 5, iċ-ċifra fil-post deċimali preċedenti għandha tiżdied b’wieħed. (e) L-ekwazzjoni tista’ tinkiteb mill-ġdid bl-użu ta’ somma waħda u l-kunċett ta’ flussi (Ak), li jkun pożittiv jew negattiv, fi kliem ieħor imħallas jew riċevut matul il-perjodi 1 sa n, indikati fi snin, jiġifieri:
S huwa l-bilanċ preżenti tal-flussi. Jekk l-għan hu li tinzamm l-ekwivalenza tal-flussi, il-valur ikun żero. |
II. |
Preżunzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tar-RPAI (a) Jekk kuntratt ta’ kreditu jagħti lill-konsumatur libertà fil-prelevamenti, l-ammont totali tal-kreditu għandu jitqies li jkun prelevat immedjatament u kollu kemm hu. (b) Jekk kuntratt ta’ kreditu jipprevedi modi differenti għall-prelevamenti b’imposti jew rati tal-imgħax tas-self differenti, l-ammont totali tal-kreditu għandu jitqies bħala li jkun ġie prelevat bl-ogħla imposta u rata tal-imgħax tas-self applikata għall-mekkaniżmu ta’ prelevament l-aktar komuni għal dan it-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu. (c) Jekk kuntratt ta’ kreditu jagħti lill-konsumatur libertà fil-prelevamenti b’mod ġenerali iżda jimponi, fost il-modi differenti ta’ prelevament, limitu fir-rigward tal-ammont ta’ kreditu u l-perijodu ta’ żmien, l-ammont ta’ kreditu għandu jitqies bħala li ġie prelevat fl-aktar data bikrija prevista fil-kuntratt ta’ kreditu u skont dawk il-limiti ta’ prelevament. (d) Jekk jiġu offruti rati tal-imgħax tas-self u imposti differenti għal perijodu jew ammont limitat, l-għola rata tal-imgħax tas-self u imposti għandhom jitqiesu li huma r-rata tal-imgħax tas-self u l-imposti għat-tul ta’ żmien kollu tal-kuntratt ta’ kreditu. (e) Għal kuntratti ta’ kreditu li għalihom tkun miftiehma rata tal-imgħax tas-self fissa fir-rigward tal-perijodu inizjali, li fit-tmiem tagħhom tiġi ddeterminata rata tal-imgħax tas-self ġdida u sussegwentement perjodikament aġġustata skont indikatur jew rata ta’ referenza interna miftehmin, il-kalkolu tar-RPAI għandha tkun ibbażata fuq il-preżunzjoni li, fi tmiem il-perijodu ta’ rata tal-imgħax tas-self fissa, ir-rata tal-imgħax tas-self tkun l-istess bħal dik fil-mument tal-kalkolu tar-RPAI, abbażi tal-valur tal-indikatur jew ir-rata ta’ referenza interna miftehmin f’dak iż-żmien, iżda ma tkunx inqas mir-rata tal-imgħax tas-self fissa. (f) Jekk il-limitu massimu applikabbli għall-kreditu jkun għadu ma ġiex miftiehem, dak il-limitu massimu jitqies li hu EUR 170 000 . Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu -, għajr responsabbiltajiet kontinġenti jew garanziji - li l-iskop tagħhom ma jkunx li jinxtara jew jinżamm dritt fi proprjetà immobbli jew art, overdrafts, karti ta’ debitu differit u karti ta’ kreditu, dan il-limitu massimu jitqies li hu EUR 1 500 . (g) Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu, għajr kuntratti ta’ overdrafts, self intermedjarju, kuntratti ta’ kreditu b’ekwità kondiviża, responsabbiltajiet kontinġenti jew garanziji u kuntratti ta’ kreditu għal żmien indefinit kif imsemmijin fil-preżunzjonijiet stabbiliti fil-punti (i), (j), (k), (l) u (m): (i) jekk id-data jew l-ammont tal-ħlas lura tal-kapital, li għandu jsir mill-konsumatur ma jistgħux jiġu aċċertati, għandu jitqies li l-ħlas lura isir fid-data l-aktar kmieni prevista fil-kuntratt ta’ kreditu u huwa għall-inqas ammont li l-kuntratt ta’ kreditu jipprevedi; (ii) jekk l-intervall bejn id-data ta’ prelevament inizjali u d-data tal-ewwel ħlas li għandu jsir mill-konsumatur ma jistax jiġi aċċertat, għandu jitqies li jkun l-intervall l-iktar qasir. (h) Fejn id-data jew l-ammont ta’ ħlas li għandu jsir mill-konsumatur ma jistgħux jiġu aċċertati abbażi tal-kuntratt ta’ kreditu jew il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-punti (g), (i), (j), (k), (l) u (m), għandu jitqies li l-ħlas isir skont id-dati u l-kundizzjonijiet rikjesti mill-kreditur u, meta dawn ma jkunux magħrufa: (i) imposti tal-imgħax jitħallsu flimkien mal-ħlas lura tal-kapital; (ii) imposti mhux tal-imgħax indikati bħala somma waħda jitħallsu fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu; (iii) imposti mhux tal-imgħax indikati f’diversi pagamenti jitħallsu f’intervalli regolari, li jibdew mad-data tal-ewwel ħlas lura tal-kapital, u jekk l-ammont ta’ tali pagamenti mhuwiex magħruf għandhom jitqiesu bħala ammonti ndaqs; (iv) il-ħlas finali jħassar il-bilanċ tal-kapital, l-imgħax u imposti oħrajn, jekk ikun hemm. (i) Fil-każ ta’ faċilità ta’ overdraft, l-ammont totali tal-kreditu għandu jitqies prelevat kompletament u għat-tul ta’ żmien kollu tal-kuntratt ta’ kreditu. Jekk it-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ kreditu mhux magħruf, ir-RPAI għandha tiġi kkalkolata fuq il-preżunzjoni li ż-żmien tal-kreditu huwa ta’ tliet xhur. (j) Fil-każ ta’ self transitorju l-ammont totali tal-kreditu għandu jitqies li jiġi prelevat kompletament u għat-tul ta’ żmien kollu tal-kuntratt ta’ kreditu. Jekk it-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ kreditu mhux magħruf, ir-RPAI għandha tiġi kkalkolata fuq il-preżunzjoni li ż-żmien tal-kreditu huwa ta’ tnax-il xahar. (k) Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu għal żmien indefinit, għajr faċilità ta’ overdraft u self transitorju, għandu jitqies li: (i) għal kuntratti ta’ kreditu, li l-iskop tagħhom huwa li jinxtraw jew jinżammu drittijiet fi proprjetà immobbli, il-kreditu jingħata għal perijodu ta’ għoxrin sena li jibda fid-data tal-prelevament inizjali, u li l-ħlas finali mill-konsumatur jaqtal-bilanċ tal-kapital, l-imgħax u imposti oħrajn, jekk ikun hemm; fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu li l-iskop tagħhom mhuwiex li jinxtraw jew jinżammu drittijiet fi proprjetà immobbli jew fejn il-kreditu jiġi prelevat permezz ta’ karti ta’ debitu differit jew karti ta’ kreditu, dan il-perijodu għandu jkun ta’ sena; (ii) il-kapital jiħallas lura mill-konsumatur fi pagamenti ndaqs kull xahar, li jibdew xahar wara d-data tal-prelevament inizjali. Madankollu, f’każi fejn il-kapital għandu biss jitħallas lura bis-sħiħ, f’pagament wieħed, f’kull perijodu ta’ ħlas, prelevamenti suċċessivi u ħlas lura tal-kapital kollu mill-konsumatur għandhom jitqiesu li jsiru matul il-perijodu ta’ sena. L-imgħax u imposti oħrajn għandhom jiġu applikati skont dawn il-prelevamenti u l-ħlasijiet lura tal-kapital u kif previst fil-kuntratt ta’ kreditu. Għall-finijiet ta’ dan il-punt, kuntratt ta’ kreditu għal żmien indefinit huwa kuntratt ta’ kreditu mingħajr żmien fiss u jinkludi krediti li għandhom jitħallsu lura kompletament fi żmien perijodu jew wara perijodu, iżda, la darba jitħallsu lura, jsiru disponibbli mill-ġdid għal prelevament. (l) Fil-każ ta’ responsabbiltajiet kontinġenti jew garanziji, l-ammont totali tal-kreditu jitqies li jiġi prelevat kollu f’ammont wieħed fl-aktar kmieni minn: (a) id-data tal-aħħar prelevament permessa taħt il-kuntratt tal-kreditu li huwa s-sors potenzjali tar-responsabbiltà jew il-garanzija kontinġenti; jew (b) fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu miftuħ, fit-tmiem tal-perijodu inizjali qabel it-tiġdid tal-kuntratt. (m) Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu b’ekwità kondiviża: (i) il-pagamenti mill-konsumaturi għandhom jitqiesu li jsiru fl-aħħar data jew dati permessi taħt il-kuntratt ta’ kreditu; (ii) żidiet perċentwali fil-valur ta’ proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu b’ekwità kondiviża, u r-rata ta’ kwalunkwe indiċi tal-inflazzjoni msemmi fil-kuntratt, għandhom jitqiesu li huma perċentwali ugwali għall-ogħla mill-objettiv attwali għar-rata tal-inflazzjoni tal-bank ċentrali jew il-livell ta’ inflazzjoni fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, jew 0 % jekk dawk il-perċentwali jkunu negattivi. |
ANNESS II
FULJETT EWROPEW TA’ INFORMAZZJONI STANDARDIZZATA (FEIS)
PARTI A
It-test f’dan il-mudell għandu jkun riprodott kif inhu fil-FEIS. Indikazzjonijiet bejn il-parenteżi kwadri għandhom jiġu ssostitwiti bl-informazzjoni korrispondenti. Fil-Part B hemm l-istruzzjonijiet għall-kreditur jew, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu, dwar kif għandha timtela l-FEIS.
Kull fejn hemm indikat il-kliem ‘fejn applikabbli’, il-kreditur għandu jagħti l-informazzjoni rikjesta jekk din tkun rilevanti għall-kuntratt ta’ kreditu. Fejn l-informazzjoni ma tkunx rilevanti, il-kreditur għandu jħassar l-informazzjoni kkonċernata jew it-taqsima kollha (pereżempju, f’każijiet fejn it-taqsima ma tkunx applikabbli). Fejn it-taqsima kollha titħassar, in-numerazzjoni tat-taqsimiet tal-FEIS għandha tiġu aġġustata kif xieraq.
L-informazzjoni ta’ hawn taħt għandha tingħata f’dokument wieħed. It-tipa użata għandha tkun faċilment leġibbli. Għandha tintuża tipa grassa, bl-isfumatura jew tipa ta’ daqs akbar għall-elementi tal-informazzjoni li għandhom ikunu enfasizzati. It-twissijiet ta’ riskju applikabbli kollha għandhom jiġu enfasizzati.
Mudell tal-FEIS
(Test introduttorju)
Dan id-dokument sar għal [isem tal-konsumatur] fi [data attwali].
Dan id-dokument sar abbażi tal-informazzjoni mogħtija minnek sa issa u abbażi il-kundizzjonijiet attwali tas-swieq finanzjarji.
L-informazzjoni hawn taħt tibqa’ valida sa [data ta’ validità], (meta applikabbli) apparti mir-rata tal-imgħax u spejjeż oħra. Wara dik id-data, tista’ tinbidel f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq.
(Fejn applikabbli) Dan id-dokument ma jikkostitwix obbligu għal [isem tal-kreditur] biex jagħtik self.
1. Mutwanti
[Isem]
[Numru tat-telefon]
[Indirizz ġeografiku]
(Fakultattiv) [Indirizz elettroniku]
(Fakultattiv) [Numru tal-fax]
(Fakultattiv) [Indirizz web]
(Fakultattiv) [Punt/persuna ta’ kuntatt]
(Meta applikabbli informazzjoni dwar jekk humiex qed jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza:) [(Nirrakkomandaw, wara li vvalutajna l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tiegħek, li inti tieħu dan il-kreditu/Aħna mhux qed nirrakkomandaw kreditu partikolari għalik. Madankollu, abbażi tat-tweġibiet tiegħek għal xi mistoqsijiet, qed nagħtuk informazzjoni dwar dan il-kreditu sabiex tkun tista’ tagħmel l-għażla tiegħek stess)]
2. (Fejn applikabbli) Intermedjarju tal-kreditu
[Isem]
[Numru tat-telefon]
[Indirizz ġeografiku]
(Fakultattiv) [Indirizz elettroniku]
(Fakultattiv) [Numru tal-fax]
(Fakultattiv) [Indirizz web]
(Fakultattiv) [Punt/persuna ta’ kuntatt]
(Fejn applikabbli [informazzjoni dwar jekk humiex qed jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza (Nirrakkomandaw, wara li vvalutajna l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tiegħek, li inti tieħu dan il-kreditu/Aħna mhux qed nirrakkomandaw kreditu partikolari għalik. Madankollu, abbażi tat-tweġibiet tiegħek għal xi mistoqsijiet, qed nagħtuk informazzjoni dwar dan il-kreditu sabiex tkun tista’ tagħmel l-għażla tiegħek stess)]
[Rimunerazzjoni]
3. Karatteristiċi prinċipali tas-self
Ammont u l-munita tas-self li ser jingħata: [valur][munita]
(Fejn applikabbli) Dan is-self mhuwiex fi [munita nazzjonali tal-mutwatarju]
(Fejn applikabbli) Il-valur tas-self tiegħek fi [munita nazzjonali tal-mutwatarju] tista’ tinbidel.
(Fejn applikabbli) Pereżempju, jekk il-valur ta’ [munita nazzjonali tal-mutwatarju] waqa’ b’20 % fil-konfront ta’ [munita tal-kreditu], il-valur tas-self tiegħek jiżdied għal [daħħal l-ammont fil-munita nazzjonali tal-mutwatarju]. Madankollu, jista’ jkun iktar minn dan jekk il-valur ta’ [munita nazzjonali tal-mutwatarju] jaqa’ b’iktar minn 20 %.
(Fejn applikabbli) Il-valur massimu tas-self ser ikun [daħħal l-ammont fil-munita nazzjonali tal-mutwatarju].] (Fejn applikabbli) Tirċievi twissija jekk l-ammont ta’ kreditu jilħaq [daħħal ammont fil-munita nazzjonali tal-mutwatarju. (Fejn applikabbli) Għandek l-opportunità li [daħħal id-dritt li tinnegozja mill-ġdid self f’munita barranija jew id-dritt li tbiddel is-self fi [munita rilevanti] u kundizzjonijiet].
It-tul ta’ żmien tas-self: [tul ta’ żmien]
[Tip ta’ self]
[Tip ta’ rata tal-imgħax applikabbli]
Ammont totali li għandu jiġi rimborżat:
Dan ifisser li inti ser tħallas lura [ammont] għal kull [unità tal-munita] mislufa
(Fejn applikabbli) [Dan/Parti minnu] huwa self abbażi tal-imgħax biss. Inti xorta jkun baqagħlek tħallas [daħħal l-ammont tas-self abbażi tal-imgħax biss] fl-aħħar tat-terminu tal-kreditu.
(Fejn applikabbli) Valur preżunt tal-proprjetà biex iħejji dan il-fuljett ta’ informazzjoni: [daħħal l-ammont]
(Fejn applikabbli) Ammont massimu ta’ self disponibbli b’rabta mal-valur tal-proprjetà [daħħal proporzjon] jew Valur minimu tal-proprjetà rikjest biex jiġi missellef l-ammont illustrat [daħħal ammont]
(Fejn applikabbli) [Garanzija]
4. Rata tal-imgħax u spejjeż oħra
Ir-rata perċentwali annwali tal-imposti (RPAI) hija l-kost totali tas-self indikat bħala perċentwali annwali. L-RPAI qed tingħata biex tgħinek tqabbel offerti differenti.
Ir-RPAI applikabbli għas-self tiegħek hija [RPAI].
Hija magħmula minn:
Rata tal-imgħax [valur f’perċentwali jew, fejn applikabbli, indikazzjoni ta’ rata ta’ referenza u l-valur perċentwali tal-firxa tal-keditur]
[Komponenti oħrajn tar-RPAI]
Spejjeż li jridu jitħallsu għal darba biss
(Fejn applikabbli) Jeħtieġ li tħallas tariffa biex tirreġistra l-ipoteka. [Daħħal ammont tat-tariffa meta jkun magħruf jew bażi għal kalkolu.]
Spejjeż li jitħallsu regolarment
(Fejn applikabbli) Din ir-RPAI hija kkalkulata bl-użu ta’ suppożizzjonijiet rigward ir-rata tal-imgħax.
(Fejn applikabbli) Minħabba li [parti mis-] self tiegħek huwa self b’rata tal-imgħax varjabbli, ir-RPAI tista’ tkun differenti minn din ir-RPAI jekk tinbidel ir-rata tal-imgħax tas-self tiegħek. Pereżempju, jekk ir-rata tal-imgħax żdiedet għal [sitwazzjoni kif deskritta fil-Parti B], ir-RPAI tista’ tiżdied għal [daħħal RPAI illustrattiva li tikkorrispondi mas-sitwazzjoni],
(Fejn applikabbli) Jekk jogħġbok innota li din ir-RPAI hija kkalkulata fuq il-bażi li r-rata tal-imgħax tibqa’ fil-livell iffissat għall-perijodu inizjali matul id-durata tal-kuntratt.
(Fejn applikabbli) L-ispejjeż li ġejjin mhumiex magħrufin lill-mutwanti u għaldaqstant mhumiex inklużi fir-RPAI. [Spejjeż]
(Fejn applikabbli) Jeħtieġ li tħallas tariffa biex tirreġistra l-ipoteka.
Jekk jogħġbok kun ċert li tkun konxju mit-taxxi u l-ispejjeż l-oħrajn kollha assoċjati mas-self tiegħek.
5. Frekwenza u numru ta’ pagamenti
Frekwenza tal-ħlas lura: [frekwenza]
Numru ta’ pagamenti: [numru]
6. Ammont ta’ kull pagament akkont
[Ammont][munita]
Id-dħul tiegħek jista’ jinbidel. Jekk jogħġbok ikkunsidra jekk tkunx tista’ taffordja l-ħlas lura akkont [frekwenza] fil-każ li d-dħul tiegħek jonqos.
(Fejn applikabbli) Minħabba li [dan/parti minn dan] huwa self abbażi tal-imgħax biss jeħtieġlek tagħmel arranġamenti separati biex terġa’ tħallas lura [daħħal ammont tas-self abbażi ta’ imgħax biss] li jkollok tagħti fl-aħħar tal-perijodu tas-self. Ftakar biex iżżid kwalunkwe pagament ieħor li jkollok tagħmel għall-ammont ta’ pagament akkont li jidher hawn.
(Fejn applikabbli) Ir-rata tal-imgħax fuq [parti minnu] dan is-self tista’ tinbidel. Dan ifisser li l-ammont tal-pagamenti akkont tiegħek jistgħu jiżdiedu jew jonqsu. Pereżempju, jekk ir-rata tal-imgħax żdiedet għal [sitwazzjoni kif deskritta fil-Parti B], il-pagamenti tiegħek jistgħu jiżdiedu għal [daħħal l-ammont tal-pagament akkont li jikkorrispondi mas-sitwazzjoni].
(Fejn applikabbli) Il-valur tal-ammont li għandek tħallas f’[munita nazzjonali tal-mutwatarju] kull [frekwenza tal-pagament akkont] tista’ tinbidel. (Fejn applikabbli) Il-pagamenti tiegħek jistgħu jiżdiedu għal [daħħal ammont massimu fil-munita nazzjonali tal-mutwatarju] kull [daħħal perijodu] (Fejn applikabbli). Pereżempju, jekk il-valur ta’ [munita nazzjonali tal-mutwatarju] waqa’ b’20 % marbut ma’ [munita tal-kreditu] ikollok tħallas [daħħal ammont f’munita nazzjonali tal-mutwatarju] żejda kull [daħħal perijodu]. Il-pagamenti tiegħek jistgħu jiżdiedu b’aktar minn hekk.
(Fejn applikabbli) Ir-rata tal-kambju użata għall-konversjoni tal-ħlas lura tiegħek fi [munita tal-kreditu] għal [munita nazzjonali tal-mutwatarju] ser tkun ir-rata ppubblikata minn [isem tal-istituzzjoni li tippubblika r-rata tal-kambju] fi [data] jew ser tiġi kkalkulata fi [data] bl-użu ta’ [daħħal isem tal-punt ta’ riferiment jew il-metodu ta’ kalkolu].
(Fejn applikabbli) [Dettalji dwar prodotti tat-tfaddil marbuta, self b’imgħax differit]
7. (Fejn applikabbli) Tabella bl-eżempji tal-ħlas lura
Din it-tabella turi l-ammont li għandu jitħallas kull [frekwenza].
Il-pagamenti akkont (kolonna [nru rilevanti]) huma s-somma tal-imgħax li għandu jitħallas (kolonna [nru rilevanti]), fejn applikabbli, il-kapital imħallas (kolonna [nru rilevanti]) u fejn applikabbli spejjeż oħra (kolonna [nru rilevanti]). (Fejn applikabbli) L-ispejjeż fil-kolonna ta’ spejjeż oħrajn jirreferu għal [lista ta’ spejjeż]. Kapital dovut (kolonna [nru rilevanti]) huwa l-ammont tas-self li għad jrid jiġi rimborżat wara kull pagament akkont.
[Tabella]
8. Obbligi addizzjonali
Il-mutwatarju għandu jikkonforma mal-obbligi li ġejjin sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-kundizzjonijiet tas-self deskritti f’dan id-dokument.
[Obbligi]
(Fejn applikabbli) Jekk jogħġbok innota li l-kundizzjonijiet tas-self deskritti f’dan id-dokument (inkluża r-rata tal-imgħax) jistgħu jinbidlu jekk dawn l-obbligi ma jiġux rispettati.
(Fejn applikabbli) Jekk jogħġbok innota l-konsegwenzi possibbli tat-terminazzjoni fi stadju aktar tard ta’ kwalunkwe servizz anċillari relatat mas-self:
[Konsegwenzi]
9. Ħlas lura antiċipat
Għandek il-possibbiltà li tħallas lura dan is-self, kollu jew parzjalment, b’mod antiċipat
(Fejn applikabbli) [Kundizzjonijiet]
(Fejn applikabbli) Imposta f’każ ta’ terminazzjoni: [daħħal ammont jew, fejn mhux possibbli, il-metodu tal-kalkolu]
(Fejn applikabbli) Jekk tiddeċiedi li tħallas lura dan is-self b’mod antiċipat, jekk jogħġbok ikkuntattjana biex taċċerta l-livell eżatt tal-imposta f’każ ta’ terminazzjoni f’dak il-mument.
10. Karatteristiċi flessibbli
(Fejn applikabbli) [Informazzjoni dwar portabbiltà/surroga] Inti għandek il-possibbiltà li tittrasferixxi dan is-self lil [mutwanti] [jew] [proprjetà] oħra. [Daħħal il-kundizzjonijiet]
(Fejn applikabbli) Inti m’għandekx il-possibbiltà li tittrasferixxi dan is-self lil [muwanti] [jew] [proprjetà] oħra.
(Fejn applikabbli) Karatteristiċi addizzjonali: [daħal spjegazzjoni tal-karatteristiċi addizzjonali elenkati fil-Parti B, u, jekk tixtieq, kwalunkwe karatteristika oħra offruta mill-mutwanti bħala parti mill-kuntratt tal-kreditu li mhijiex imsemmija fit-taqsimiet preċedenti].
11. Drittijiet oħrajn tal-mutwatarju
(Fejn applikabbli) Għandek [tul ta’ perijodu ta’ riflessjoni] wara [punt fejn jibda l-perijodu ta’ riflessjoni] biex tirrifletti qabel ma tikkommetti ruħek biex tissellef. (Fejn applikabbli) Ladarba tkun irċevejt il-kuntratt ta’ kreditu mingħand il-mutwanti, tista’ ma taċċettahx qabel it-tmiem ta’ [tul tal-perijodu ta’ riflessjoni].
(Fejn applikabbli) Għal perijodu ta’ [tul tal-perijodu tar-rexissjoni] wara [meta jibda l-perijodu tar-rexissjoni], tista’ teżerċita d-dritt tiegħek li tħassar il-kuntratt. [Kundizzjonijiet][Daħħal il-proċedura]
(Fejn applikabbli) Tista’ titlef id-dritt tiegħek li tikkanċella l-kuntratt jekk, matul dak il-perijodu, tixtri jew tbigħ proprjetà marbuta ma’ dan il-kuntratt ta’ kreditu.
(Fejn applikabbli) Jekk tiddeċiedi li teżerċita id-dritt tiegħek ta’ rexissjoni [mill-kuntratt tal-kreditu], jekk jogħġbok ivverifika jekk ser tibqax vinkolat bl-obbligi l-oħrajn tiegħek relatati mas-self [inkluż is-servizzi anċillari relatati mas-self, [imsemmijin fit-Taqsima 8].
12. Ilmenti
Jekk għandek ilment jekk jogħġbok ikkuntattja [daħħal punt ta’ kuntatt intern u sors ta’ informazzjoni dwar il-proċedura].
(Fejn applikabbli) Żmien massimu li fih għandu jiġi ttrattat l-ilment [perijodu ta’ żmien]
(Fejn applikabbli) [Jekk ma nsibux soluzzjoni interna li tissodisfak għal dan l-ilment,] inti tista’ tikkuntattja wkoll: [daħħal isem ta’ korp estern għal ilmenti u rimedji extraġudizzjarji] (Fejn applikabbli) jew tista’ tikkuntattja FIN-NET għad-dettalji tal-korp ekwivalenti f’pajjiżek.
13. Nuqqas ta’ konformità mal-impenji marbutin mas-self: konsegwenzi għall-mutwatarju
[Tipi ta’ nuqqas ta’ konformità]
[Konsegwenzi finanzjarji u/jew legali]
Jekk tiltaqa’ ma’ xi diffikultà biex tagħmel il-pagamenti tiegħek [frekwenza], jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih biex nesploraw soluzzjonijiet possibbli.
(Fejn applikabbli) Bħala soluzzjoni estrema, id-dar tiegħek tista’ tiġi maqbuda jekk ma tlaħħaqx mal-pagamenti.
(Fejn applikabbli) 14. Informazzjoni addizzjonali
(Fejn applikabbli) [Indikazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu].
(Fejn il-mutwanti għandu l-intenzjoni li juża lingwa differenti mil-lingwa tal-FEIS) Informazzjoni u termini kuntrattwali ser jingħataw bi [lingwa]. Bil-kunsens tiegħek, beħsiebna nikkomunikaw bi [lingwa/i] matul id-durata kollha tal-kuntratt ta’ kreditu.
[Daħħal dikjarazzjoni dwar id-dritt li għandu jiġi pprovdut ma’ jew offrut, kif applikabbli, abbozz ta’ kuntratt ta’ kreditu]
15. Superviżur
Il-mutwanti huwa ssorveljat minn [Isem/ismijiet u indirizz(i) web tal-awtorità/awtoritajiet superviżorja/i]
(Fejn applikabbli) L-intermedjarju tal-kreditu huwa ssorveljat minn [Isem u indirizz web tal-awtorità superviżorja].
PARTI B
Istruzzjonijiet għall-mili tal-FEIS
Meta jimtela l-FEIS, għandhom jiġi segwiti mill-inqas dawn l-istruzzjonijiet. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jelaboraw jew jispeċifikaw aktar l-istruzzjonijiet għall-mili tal-FEIS.
Taqsima ‘Test introduttorju’
(1) Id-data tal-validità għandha tiġi enfasizzata sew. Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, id-‘data tal-validità’ tfisser il-perijodu ta’ żmien li matulu l-informazzjoni, eż, ir-rata tal-imgħax tas-self, li tinsab fl-FEIS ma tinbidilx u li tapplika kemm-il darba l-kreditur jiddeċiedi li jagħti l-kreditu matul dan il-perijodu ta’ żmien. Fejn id-determinazzjoni tar-rata tal-imgħax tas-self applikabbli u spejjeż oħrajn tiddependi mir-riżultati tal-bejgħ tal-bonds sottostanti, ir-rata ta’ self u spejjeż oħrajn eventwali jistgħu jkunu differenti minn dawk indikati. F’dawk iċ-ċirkustanzi biss, għandu jkun stipulat li d-data ta’ validità ma tapplikax għar-rata ta’ self u spejjeż oħrajn billi jiżdiedu l-kliem: “apparti mir-rata tal-imgħax u spejjeż oħrajn”.
Taqsima ‘1. Mutwanti’
(1) L-isem, in-numru tat-telefon, u l-indirizz ġeografiku tal-kreditur għandhom jirreferu għall-informazzjoni dwar il-kuntatt li l-konsumatur jista’ juża għal korrispondenza futura.
(2) L-infomazzjoni dwar l-indirizz elettroniku, in-numru tal-fax u l-persuna/punt tal-kuntatt hija fakultattiva.
(3) F’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/65/KE, fejn it-transizzjoni tiġi offruta b’distanza, il-kreditur għandu jindika, fejn applikabbli, l-isem u l-indirizz ġeografiku tar-repreżentant tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur. L-indikazzjoni tan-numru tat-telefon, l-indirizz elettroniku u l-indirizz web tar-repreżentant tal-fornitur tal-kreditu hija fakultattiva.
(4) Fejn Taqsima 2 mhix applikabbli, il-kreditur għandu jinforma lill-konsumatur jekk humiex qed jiġu pprovduti s-servizzi ta’ konsulenza u fuq liema bażi bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A.
(Fejn applikabbli) Taqsima ‘2. Intermedjarju tal-kreditu’
Meta l-informazzjoni dwar il-prodott qed tiġi pprovduta lill-konsumatur minn intermedjarju tal-kreditu, dak l-intermedjarju għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(1) L-isem, in-numru tat-telefon, u l-indirizz ġeografiku tal-intermedjarju tal-kreditu għandhom jirreferu għall-informazzjoni dwar il-kuntatt li l-konsumatur jista’ juża għal korrispondenza futura.
(2) L-informazzjoni dwar l-indirizz elettroniku, in-numru tal-fax, l-indirizz web u l-persuna/punt tal-kuntatt hija fakultattiva.
(3) L-intermedjarju tal-kreditu għandu jinforma lill-konsumatur jekk humiex qed jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza u fuq liema bażi bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A.
(4) Spjegazzjoni dwar kif qed jiġi rimunerat l-intermedjarju tal-kreditu. Meta jkun qed jirċievi kummissjoni minn kreditur, l-ammont u, fejn ikun differenti mill-isem fit-Taqsima 1, għandu jiġi pprovdut l-isem tal-kreditur.
Taqsima ‘3. Karatteristiċi ewlenin tas-self’
(1) Din it-taqsima għandha tispjega b’mod ċar il-karatteristiċi ewlenin tal-kreditu, inkluż il-valur u l-munita u r-riskji potenzjali assoċjati mar-rata tal-imgħax tas-self, inklużi dawk imsemmija fil-punt (8), u l-istruttura ta’ amortizzament.
(2) Meta l-munita tal-kreditu hija differenti mill-munita nazzjonali tal-konsumatur, il-kreditur għandu jindika li l-konsumatur ser jirċievi twissija regolari tal-inqas kull meta r-rata tal-kambju tvarja b’aktar minn 20 %, fejn applikabbli d-dritt tal-konverżjoni tal-munita tal-kuntratt ta’ kreditu jew il-possibbiltà li jiġu nnegozjati mill-ġdid il-kundizzjonijiet u kwalunkwe arranġament ieħor disponibbli għall-konsumatur biex jiġi limitat l-esponiment tagħhom għar-riskju tar-rata tal-kambju. Fejn hemm dispożizzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu li jiġi limitat ir-riskju tar-rata tal-kambju, il-kreditur għandu jindika l-ammont massimu li l-konsumatur jista’ jkollu biex iħallas lura. Fejn ma hemmx dispożizzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu li jiġi limitat ir-riskju tar-rata tal-kambju li għalih huwa espost il-konsumatur għal ċaqliq fir-rata tal-kambju ta’ inqas minn 20 %, il-kreditur għandu jindika eżempju tal-effett ta’ waqgħa ta’ 20 % fil-valur tal-munita nazzjonali tal-konsumatur fil-konfront tal-munita tal-kreditu fuq il-valur tal-kreditu.
(3) It-tul ta’ żmien tal-kreditu għandu jkun indikat fi snin jew xhur, liema minnhom ikun l-aktar rilevanti. Fejn it-tul ta’ żmien tal-kreditu jista’ jvarja matul il-ħajja tal-kuntratt, il-kreditur għandu jispjega meta u taħt liema kundizzjonijiet dan jista’ jseħħ. Meta l-kreditu jkun għal żmien indefinit, pereżempju għal karta ta’ kreditur koperta b’garanzija, il-kreditur għandu jiddikjara dak il-fatt b’mod ċar.
(4) It-tip tal-kreditu għandu jiġi indikat b’mod ċar (eż. kreditu ipotekarju, self residenzjali, karta ta’ kreditu koperta b’garanzija). Id-deskrizzjoni tat-tip ta’ kreditu għandha tindika b’mod ċar kif il-kapital u l-imgħax għandhom jiġu rimborżati matul il-ħajja tal-kreditu (jiġifieri l-istruttura ta’ amortizzament), u tispeċifika b’mod ċar jekk il-kuntratt ta’ kreditu huwiex fuq il-bażi ta’ ħlas lura tal-kapital jew tal-imgħax biss, jew taħlita tat-tnejn.
(5) Meta l-kreditu kollu jew parti minnu huwa kreditu abbażi tal-imgħax biss, għandha tiddaħħal fi tmiem din it-taqsima b’mod prominenti dikjarazzjoni li tindika b’mod ċar dak il-fatt bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A.
(6) Din it-taqsima għandha tispjega jekk ir-rata tal-imgħax tas-self hijiex fissa jew varjabbli u, fejn applikabbli, il-perijodi li matulhom ser tibqa’ fissa; il-frekwenza tar-reviżjonijiet sussegwenti u l-eżistenza ta’ limiti għall-varjabbiltà tar-rata tal-imgħax tas-self, bħal limiti massimi jew limiti minimi.
Il-formula użata għar-reviżjoni tar-rata tal-imgħax tas-self u l-kompenenti differenti tagħha (eż. ir-rata ta’ referenza, il-firxa tar-rata tal-imgħax) għandha tiġi spjegata. Il-kreditur għandu jindika, eż. permezz ta’ indirizz web, jekk tistax tinsab aktar informazzjoni dwar l-indiċijiet jew ir-rati użati fil-formula, eż. il-Euribor jew ir-rata ta’ referenza tal-bank ċentrali.
(7) Jekk japplikaw rati tal-imgħax tas-self differenti f’ċirkostanzi differenti, għandha tingħata l-informazzjoni dwar ir-rati kollha applikabbli.
(8) L-‘ammont totali li għandu jiġi rimborżat’ jikkorrispondi għall-ammont totali pagabbli mill-konsumatur. Għandu jintwera bħala s-somma tal-ammont tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur. Fejn ir-rata tal-imgħax tas-self ma tkunx iffissata għat-tul ta’ żmien tal-kuntratt, għandu jkun enfasizzat li dan l-ammont huwa illustattiv li jista’ jvarja partikolarment fir-rigward tal-varjazzjoni tar-rata tal-imgħax tas-self.
(9) Fejn il-kreditu ser ikun iggarantit b’ipoteka fuq il-proprjetà immobbli jew garanzija oħra paragunabbli jew bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli, il-kreditur għandu jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur dwar dan. Fejn applikabbli l-kreditur għandu jindika l-valur preżunt tal-proprjetà immobbli jew ta’ garanzija oħra użata biex jitħejja dan il-fuljett ta’ informazzjoni.
(10) Il-kreditur għandu jindika, fejn applikabbli, jew:
(a) ‘ammont massimu ta’ self disponibbli b’rabta mal-valur tal-proprjetà’, li jindika r-relazzjoni bejn is-self u l-valur. Din ir-relazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’eżempju f’termini assoluti tal-ammont massimu li jista’ jittieħed b’self għal valur speċifiku ta’ proprjetà; jew
(b) il-‘valur minimu tal-proprjetà rikjest mill-kreditur biex isellef l-ammont muri’.
(11) Meta l-krediti huma krediti b’iktar minn parti waħda (eż. b’mod konkorrenti parti b’rata fissa, parti b’rata varjabbli), dan għandu jiġi rifless fl-indikazzjoni tat-tip ta’ kreditu u l-informazzjoni mitluba għandha tingħata għal kull parti mill-kreditu.
Taqsima ‘4. Rata tal-imgħax u spejjeż oħra’
(1) Ir-referenza għal ‘rata tal-imgħax’ tikkorrispondi għar-rata jew rati tal-imgħax tas-self.
(2) Ir-rata tal-imgħax tas-self għandha tiġi espressa bħala valur perċentwali. Fejn ir-rata tal-imgħax tas-self tkun varjabbli u bbażata fuq rata ta’ referenza, il-kreditur jista’ jindika r-rata tal-imgħax tas-self billi jiddikjara rata ta’ referenza u valur perċentwali tal-firxa tal-kreditur. Madankollu, il-kreditur għandu jindika l-valur tar-rata ta’ referenza li tkun valida fil-jum tal-ħruġ tal-FEIS.
Fejn ir-rata tal-imgħax tas-self hija varjabbli l-informazzjoni għandha tinkludi: (a) is-suppożizzjonijiet użati biex tiġi kkalkulata r-RPAI; (b) fejn rilevanti, il-limiti massimi u l-limiti minimi applikabbli u (c) twissija li l-varjabbiltà tista’ taffettwa l-livell effettiv tar-RPAI. Sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-konsumatur id-daqs tat-tipa użata għat-twissija għandu jkun ikbar u għandu jidher b’mod prominenti fit-test tal-FEIS. It-twissija għandha tkun akkumpanjata minn eżempju illustrattiv dwar ir-RPAI. Fejn hemm limitu massimu fuq ir-rata tal-imgħax tas-self, l-eżempju għandu jassumi li r-rata tal-imgħax tas-self togħla mill-aktar fis possibbli għall-ogħla livell previst fil-kuntratt ta’ kreditu. Fejn m’hemm l-ebda limitu massimu l-eżempju għandu juri r-RPAI bl-ogħla rata tal-imgħax tas-self f’tal-inqas fl-aħħar 20 sena, jew fejn id-data sottostanti għall-kalkolu tar-rata tal-imgħax tas-self hija disponibbli għal perijodu ta’ inqas minn 20 sena, l-itwal perijodu li għalih tkun disponibbli tali data, ibbażata fuq l-ogħla valur ta’ kwalunkwe rata ta’ referenza esterna użata fil-kalkolu tar-rata tal-imgħax tas-self fejn applikabbli jew l-ogħla valur ta’ rata ta’ punt ta’ riferiment speċifikat minn awtorità kompetenti jew l-ABE fejn il-kreditur ma jużax rata ta’ referenza esterna. Tali rekwiżit m’għandux japplika għall-kuntratti ta’ kreditu fejn ir-rata tal-imgħax tas-self hija ffissata għal perijodu inizjali materjali ta’ diversi snin u mbagħad tista’ tiġi ffissata għal perijodu ulterjuri wara negozjati bejn il-kreditur u l-konsumatur. Għal kuntratti ta’ kreditu fejn ir-rata tal-imgħax tas-self hija ffissata għal perijodu inizjali materjali ta’ diversi snin u mbagħad tista’ tiġi ffissata għal perijodu ulterjuri wara negozjati bejn il-kreditur u l-konsumatur, l-informazzjoni għandha tinkludi twissija li r-RPAI hija kkalkulata fuq il-bażi tar-rata tal-imgħax tas-self għall-perijodu inizjali. ►C1 It-twissija għandha tkun akkumpanjata minn RPAI illustrattiva addizzjonali, ikkalkulata f'konformità mal-Artikolu 17(5). ◄ Fejn il-krediti huma krediti b’iktar minn parti waħda (eż. b’mod konkorrenti parti b’rata fissa, parti b’rata varjabbli), l-informazzjoni għandha tingħata għal kull parti tal-kreditu.
(3) Fit-taqsima dwar ‘komponenti oħrajn tar-RPAI’ għandhom jiġu elenkati l-ispejjeż l-oħrajn kollha li qiegħdin fir-RPAI, inklużi spejjeż ta’ darba bħal tariffi amministrattivi, u spejjeż regolari bħal tariffi ammininistrattivi annwali. Il-kreditur għandu jelenka kull waħda mill-ispejjeż skont il-kategorija (spejjeż li jitħallsu darba biss, spejjeż li jitħallsu regolarment u inklużi fil-pagamenti akkont, spejjeż li jitħallsu regolarment iżda mhux inklużi fil-pagamenti akkont), b’indikazzjoni tal-ammont tagħhom, lil min ser jitħallsu u meta. Mhux meħtieġ li dan jinkludi l-ispejjeż imġarrba f’każ ta’ ksur tal-obbligi tal-kuntratt. Fejn l-ammont ma jkunx magħruf, il-kreditur għandu jagħti indikazzjoni tal-ammont jekk possibbli, u jekk mhux possibbli, ta’ kif l-ammont ser jiġi kkalkulat u għandu jispeċifika li l-ammont mogħti huwa biss indikattiv. Fejn ċerti spejjeż ma jkunux inklużi fir-RPAI minħabba l-fatt li ma jkunux magħrufin lill-kreditur, dan għandu jiġi enfasizzat.
Fejn il-konsumatur ikun informa lill-kreditur dwar komponent wieħed jew aktar tal-kreditu preferut tiegħu, bħat-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ kreditu u l-ammont totali tal-kreditu, il-kreditur għandu, fejn possibbli, juża dawn il-komponenti; jekk kuntratt ta’ kreditu jipprevedi modi differenti ta’ prelevament b’imposti jew rati tal-imgħax tas-self differenti u l-kreditur juża l-preżunzjonijiet stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I, huwa għandu jindika li l-mekkaniżmi ta’ prelevament oħrajn għal dan it-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu jistgħu jirriżultaw f’RPAI ogħla. Fejn il-kundizzjonijiet għall-prelevamenti jkunu użati għall-kalkolu tar-RPAI, il-kreditur għandu jenfasizza l-imposti relatati ma’ mekkaniżmi ta’ prelevament oħrajn li mhux neċessarjament ikunu dawk użati fil-kalkolu tar-RPAI.
(4) Fejn tariffa hija pagabbli għal reġistrazzjoni tal-ipoteka jew sigurtà komparabbli, dan għandu jiġi ddivulgat f’din it-taqsima mal-ammont, fejn ikun magħruf, jew fejn dan mhux possibbli l-bażi biex jiġi determinat l-ammont. Fejn it-tariffi huma magħrufa u inklużi fir-RPAI, l-eżistenza u l-ammont tat-tariffa għandhom jiġu elenkati taħt “Spejjeż li għandhom jitħallsu darba biss”. Fejn it-tariffi ma jkunux magħrufin mill-kreditur u għalhekk ma jkunux inklużi fir-RPAI l-eżistenza tat-tariffa għandha tissemma b’mod ċar fil-lista tal-ispejjeż li mhumiex magħrufin mill-kreditur. Fiż-żewġ każijiet il-formulazzjoni standardizzata f’Parti A għandha tintuża taħt l-intestatura adatta.
Taqsima ‘5. Frekwenza u numru ta’ pagamenti’
(1) Fejn il-pagamenti ser isiru fuq bażi regolari, il-frekwenza tal-pagamenti għandha tkun indikata (eż. kull xahar). Fejn il-frekwenza tal-pagamenti ser tkun irregolari, dan għandu jkun spjegat lill-konsumatur b’mod ċar.
(2) In-numru ta’ pagamenti indikati għandhom ikopru t-tul ta’ żmien kollha tal-kreditu.
Taqsima ‘6. Ammont ta’ kull pagament akkont’
(1) Il-munita tal-kreditu u l-munita tal-pagamenti akkont għandhom ikunu indikati b’mod ċar.
(2) Fejn l-ammont tal-pagamenti akkont jista’ jinbidel matul il-ħajja tal-kreditu, il-kreditur għandu jispeċifika l-perijodu li matulu dak l-ammont tal-pagament akkont inizjali ser jibqa’ kif inhu u meta u b’liema frekwenza ser jinbidel wara.
(3) Meta l-kreditu kollu jew parti minnu huwa kreditu abbażi tal-imgħax biss, għandha tiddaħħal fi tmiem din it-taqsima b’mod prominenti dikjarazzjoni li tindika b’mod ċar dak il-fatt bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A.
Jekk hemm rekwiżit għall-konsumatur li jieħu prodott tat-tfaddil vinkolat bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ kreditu abbażi tal-imgħax biss garantit b’ipoteka jew garanzija oħra kumparabbli, l-ammont u l-frekwenza ta’ kwalunkwe pagament għal dan il-prodott għandhom jiġu pprovduti.
(4) Fejn ir-rata tal-imgħax tas-self tkun varjabbli, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni li tindika dak il-fatt, bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A u eżempju tal-ammont massimu ta’ pagament akkont. Fejn hemm limitu massimu, l-eżempju għandu juri l-ammont tal-pagamenti akkont jekk ir-rata tal-imgħax tas-self tiżdied għal-livell tal-limitu massimu. Fejn m’hemm l-ebda limitu massimu, l-agħar sitwazzjoni possibbli għandha turi l-livell tal-pagamenti akkont bl-ogħla rata tal-imgħax tas-self fl-aħħar 20 sena jew fejn id-data sottostanti għall-kalkolu tar-rata tal-imgħax tas-self hija disponibbli għal perijodu ta’ inqas minn 20 sena, l-itwal perijodu li għalih tkun disponibbli tali data, ibbażata fuq l-ogħla valur ta’ kwalunkwe rata ta’ referenza esterna użata fil-kalkolu tar-rata tal-imgħax tas-self fejn applikabbli jew l-ogħla valur ta’ rata ta’ punt ta’ riferiment speċifikat minn awtorità kompetenti jew l-ABE fejn il-kreditur ma jużax rata ta’ referenza esterna. Ir-rekwiżit li wieħed jipprovdi eżempju illustrattiv m’għandux japplika għall-kuntratti ta’ kreditu fejn ir-rata tal-imgħax tas-self hija ffissata għal perijodu inizjali materjali ta’ diversi snin u mbagħad tista’ tiġi ffissata għal perijodu ulterjuri wara negozjati bejn il-kreditur u l-konsumatur. Fejn il-krediti huma krediti b’iktar minn parti waħda (eż. b’mod konkorrenti parti b’rata fissa, parti b’rata varjabbli), l-informazzjoni għandha tingħata għal kull parti tal-kreditu, u bħala total.
(5) (Fejn applikabbli) Fejn il-munita tal-kreditu tkun differenti mill-munita nazzjonali tal-konsumatur jew fejn il-kreditu jkun indiċizzat ma’ munita li tkun differenti mill-munita nazzjonali tal-konsumatur, il-kreditur għandu jinkludi eżempju numeriku li juru b’mod ċar kif bidliet fir-rata tal-kambju rilevanti tista’ taffettwa l-ammont ta’ pagamenti akkont bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A. Dak l-eżempju għandu jkun ibbażat fuq tnaqqis ta’ 20 % fil-valur tal-munita nazzjonali tal-konsumatur flimkien ma’ dikjarazzjoni prominenti li l-pagamenti akkont jistgħu jiżdiedu b’aktar minn dak l-ammont preżunt f’dak l-eżempju. Fejn ikun hemm limitu massimu li jillimita dik iż-żieda għal inqas minn 20 %, għandu jingħata, minflok, il-valur massimu tal-pagamenti fil-munita tal-konsumatur, u d-dikjarazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ aktar żidiet għandha titħalla barra.
(6) Fejn il-kreditu kollu kemm hu jew parzjalment kreditu b’rata varjabbli u l-punt 3 japplika, l-eżempju fil-punt 5 għandu jingħata fuq il-bażi tal-ammont tal-pagament akkont imsemmi fil-punt 1.
(7) Fejn il-munita użata għall-pagament tal-pagamenti akkont tkun differenti mill-munita tal-kreditu jew fejn l-ammont ta’ kull pagament akkont imsarraf f’munita nazzjonali tal-konsumatur jiddependi fuq l-ammont li jikkorrispondi f’munita differenti, din it-taqsima għandha tindika d-data li fiha tiġi kkalkulata r-rata tal-kambju applikabbli u jew ir-rata tal-kambju jew il-bażi li tiġi kkalkulata fuqha u l-frekwenza tal-aġġustament tagħhom. Fejn applikabbli tali indikazzjoni għandha tinkludi l-isem tal-istituzzjoni li tippubblika r-rata tal-kambju.
(8) Fejn il-kreditu huwa kreditu b’imgħax differit li bih l-imgħax dovut ma jitħallasx totalment lura bil-pagamenti akkont u jiżdied mal-ammont totali tal-kreditu pendenti, għandu jkun hemm spjegazzjoni dwar: kif u meta l-imgħax differit ser jiżdied mal-kreditu bħala ammont fi flus; u x’inhuma l-implikazzjonijiet għall-konsumatur fir-rigward tad-dejn li jkun fadlilhom.
Taqsima ‘7. Tabella tal-ħlas lura indikattiva’
(1) Din it-taqsima għandha tiġi inkluża fejn il-kreditu huwa kreditu b’imgħax differit li bih l-imgħax dovut ma jitħallasx totalment bil-pagamenti akkont u jiżdied mal-ammont totali tal-kreditu pendenti jew fejn ir-rata tal-imgħax tas-self hija ffissata għad-durata tal-kuntratt ta’ kreditu. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li t-tabella ta’ amortizzament indikattiva tkun obbligatorja f’każijiet oħra.
Fejn il-konsumatur għandu d-dritt li jirċievi tabella ta’ amortizzament riveduta, dan għandu jkun indikat mal-kundizzjonijiet li skonthom il-konsumatur għandu dak id-dritt.
(2) L-Istati Membri jistgħu jesiġu li fejn ir-rata tal-imgħax tas-self tista’ tvarja matul il-ħajja tal-kreditu, il-kreditur għandu jindika, il-perijodu li matulu dik ir-rata tal-imgħax tas-self inizjali ser tibqa’ kif inhi.
(3) It-tabella li għandha tkun inkluża f’din it-taqsima għandu jkun fiha l-kolonni li ġejjin: ‘skeda ta’ ħlas lura’ (eż. xahar 1, xahar 2, xahar 3), ‘ammont tal-pagament akkont’, ‘imgħax li għandu jitħallas f’kull pagament akkont’, ‘spejjeż oħrajn inklużi fil-pagament akkont’ (fejn rilevanti), ‘kapital imħallas f’kull pagament akkont’ u ‘kapital dovut wara kull pagament akkont’.
(4) Għall-ewwel sena tal-ħlas lura l-informazzjoni għandha tingħata għal kull pagament akkont u għandu jkun indikat subtotal għal kull kolonna fl-aħħar ta’ dik l-ewwel sena. Għas-snin ta’ wara, l-informazzjoni tista’ tingħata fuq bażi annwali. Fl-aħħar tat-tabella għandha tiżdied ringiela tat-total globali li għandha tagħti l-ammonti totali għal kull kolonna. L-ispiża totali tal-kreditu mħallsa mill-konsumatur (jiġifieri s-somma globali tal-kolonna tal-‘ammont tal-pagament akkont’) għandu jkun enfasizzat b’mod ċar u ppreżentat bħala tali.
(5) Fejn ir-rata tal-imgħax tas-self tkun soġġetta għal reviżjoni u l-ammont tal-pagament akkont wara kull reviżjoni ma jkunx magħruf, il-kreditur jista’ jindika fit-tabella ta’ amortizzament l-istess ammont ta’ pagament akkont għat-tul ta’ żmien kollha tal-kreditu. F’dan il-każ, il-kreditur għandu jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għal dan il-fatt billi jagħmel differenzjazzjoni viżiva bejn l-ammonti li huma magħrufin u dawk li huma ipotetiċi (eż. billi juża tipa differenti, borduri jew sfumaturi). Barra minn dan, test leġibbli b’mod ċar għandu jispjega għal liema perjodi l-ammonti rappreżentati fit-tabella jistgħu jvarjaw u għalfejn.
Taqsima ‘8. Obbligi addizzjonali’
(1) F’din it-taqsima l-kreditur għandu jirreferi għall-obbligi bħal l-obbligu li l-proprjetà immobbli tkun assigurata, li assigurazzjoni tal-ħajja tinxtara, li jkun hemm salarju li jitħallas f’kont mal-kreditur jew li jinxtara kwalunkwe prodott jew servizz ieħor. Għal kull obbligu, il-kreditu għandu jispeċifika lejn min u sa meta jrid ikun issodisfat l-obbligu.
(2) Il-kreditur għandu jispeċifika t-tul ta’ żmien tal-obbligu, eż. sa tmiem il-kuntratt ta’ kreditu. Il-kreditur għandu jispeċifika għal kull obbligu kwalunkwe spiża li għandha titħallas mill-konsumatur, li mhijiex inkluża fir-RPAI.
(3) Il-kreditur għandu jiddikjara jekk hux obbligatorju li l-konsumatur jieħu xi servizz anċillari biex jikseb il-kreditu bit-termini ddikjarati, u jekk ikun il-każ, jekk il-konsumatur hux obbligat li jixtrihom mill-fornitur preferut tal-kreditur jew jekk ikunux jistgħu jinxtraw minn fornitur tal-għażla tal-konsumatur. Fejn din il-possibbiltà tkun bil-kundizzjoni li s-servizzi anċillari jissodisfaw ċerti karatteristiċi minimi, dawn il-karatteristiċi għandhom jiġu diskritti f’din it-taqsima.
Fejn il-kuntratt ta’ kreditu ikun abbinat (bundled) ma’ prodotti oħra l-kreditur għandu jiddikjara l-karatteristiċi ewlenin ta’ dawk il-prodotti l-oħra u jiddikjara b’mod ċar jekk il-konsumatur għandux dritt jittermina l-ftehim tal-kreditu jew il-prodotti abbinati separatament, il-kundizzjonijiet biex jagħmel dan, u, f’każ li jieħu din l-azzjoni, l-implikazzjonijiet tagħha, u, fejn applikabbli, il-konsegwenzi possibbli għat-terminazzjoni tas-servizzi anċillari meħtieġa fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu.
Taqsima ‘9. Ħlas lura antiċipat’
(1) Il-kreditur għandu jindika taħt liema kundizzjonijiet, jekk ikun hemm, il-konsumatur jista’ jħallas lura l-kreditu kmieni, kollu kemm hu jew parzjalment.
(2) Fit-taqsima dwar imposti f’każ ta’ terminazzjoni l-kreditur għandu jiġbed l-attenzjoni tal-kreditur għal kwalunkwe imposta f’każ ta’ terminazzjoni jew spejjeż oħra pagabbli fuq ħlas lura antiċipat sabiex il-kreditur jiġi kkumpensat u fejn possibbli jiġi indikat l-ammont tagħhom. Fil-każijiet fejn l-ammont tal-kumpens ikun jiddependi fuq fatturi differenti, bħall-ammont imħallas lura jew ir-rata tal-imgħax prevalenti li tapplika fil-mument tal-ħlas lura antiċipat, il-kreditur għandu jindika kif il-kumpens ser jiġi kkalkolat u jiġi pprovdut l-ammont massimu potenzjali tal-imposta, jew fejn mhux possibbli, eżempju illustrattiv juri lill-konsumatur l-livell tal-imposta tal-kumpens skont xenarji possibbli differenti.
Taqsima ‘10. Karatteristiċi flessibbli’
(1) Fejn applikabbli, il-kreditur għandu jispjega l-possibbiltà ta’ trasferiment u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-kreditu lil kreditur jew proprjetà immobbli oħra.
(2) (Fejn adatt) Karatteristiċi addizzjonali: Fejn il-prodott ikun fih xi karatteristika minn dawk elenkati fil-punt 5, din it-taqsima għandha telenka dawn il-karatteristiċi u tipprovdi spjegazzjoni qasira ta’: iċ-ċirkostanzi li fihom il-konsumatur jista’ juża dik il-karatteristika; kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-karatteristika; jekk il-fatt li l-karatteristika tkun parti mill-kreditu garantit permezz ta’ ipoteka jew garanzija kumparabbli jfissirx li l-konsumatur jitlef kwalunkwe protezzjoni statutorja jew ta’ xi tip ieħor normalment assoċjata mal-karatteristika; u l-intrapriża li tipprovdi l-karatteristika (jekk mhix il-kreditur).
(3) Jekk il-karatteristika jkun fiha kwalunkwe kreditu addizzjonali, allura din it-taqsima għandha tispjega lill-konsumatur: l-ammont totali tal-kreditu (inkluż il-kreditu garantit permezz tal-ipoteka jew garanzija komparabbli); jekk il-kreditu addizzjonali huwiex iggarantit jew le; ir-rati tal-imgħax tas-self rilevanti; u jekk il-karatteristika hix regolata jew le. Tali ammont ta’ kreditu addizzjonali għandu jew jiġi inkluż fil-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja oriġinali jew, jekk le, din it-taqsima għandha tagħmilha ċara li d-disponibbiltà tal-ammont addizzjonali huwa dipendenti fuq valutazzjoni ulterjuri tal-kapaċità tal-konsumatur li jħallas lura.
(4) Jekk il-karatteristika tinvolvi strument tat-tfaddil, ir-rata tal-imgħax rilevanti għandha tiġi spjegata.
(5) Il-karatteristiċi addizzjonali possibbli huma: ‘Pagamenti żejda/Pagamenti nieqsa’ [meta l-pagament akkont ikun aktar jew inqas milli jkun rikjest bħala regola bl-istruttura tal-amortizzament]; ‘Pagamenti differiti’ [perijodi fejn il-konsumatur mhux meħtieġ jagħmel pagamenti]; ‘Self mill-ġdid’ [possibbiltà għall-konsumatur li jerġa’ jissellef fondi diġà prelevati u mħallsa lura]; ‘Self addizzjonali disponibbli mingħajr approvazzjoni ulterjuri’; ‘Self addizzjonali ggarantit jew mhux iggarantit’ [f’konformità mal-punt 3 hawn fuq]; ‘Karta tal-kreditu’; ‘Kont kurrenti marbut’; u ‘Kont tat-tfaddil marbut’.
(6) Il-kreditur jista’ jinkludi kwalunkwe karatteristika oħra offruta mill-kreditur bħala parti mill-kuntratt tal-kreditu li mhux imsemmi fit-taqsimiet preċedenti.
Taqsima ‘11. Drittijiet oħrajn tal-mutwatarju’
(1) Il-kreditur għandu jiċċara d-dritt(ijiet) ta’ eż. rexissjoni jew riflessjoni u fejn applikabbli drittijiet oħra bħal, portabbiltà (inkluż surroga) li jeżistu, jispeċifika l-kundizzjonijiet li għalihom dan/dawn id-dritt(ijiet) huma soġġetti, il-proċedura li l-konsumatur jeħtieġ li jsegwi għall-eżerċizzju ta’ dan/dawn id-dritt(ijiet), fost l-oħrajn, l-indirizz fejn għandha tintbagħat in-notifika ta’ rexissjoni, u t-tariffi korrispondenti (fejn applikabbli).
(2) Fejn japplika perijodu ta’ riflessjoni jew dritt ta’ rexissjoni għall-konsumatur dan għandu jissemma b’mod ċar.
(3) Konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/65/KE, fejn it-tranżazzjoni tiġi offruta b’distanza, il-konsumatur għandu jiġi infurmat bl-eżistenza jew in-nuqqas tad-dritt ta’ rexissjoni.
Taqsima ‘12. Ilmenti’
(1) Din it-Taqsima għandha tindika l-punt ta’ kuntatt intern [isem tad-dipartiment rilevanti] u mezz biex tikkuntattjahom biex tilmenta [Indirizz ġeografiku] jew [Numru tat-telefon] jew [Persuna ta’ kuntatt]: [dettalji ta’ kuntatt] u link għall-proċedura tal-ilmenti fil-paġna rilevanti tas-sit web jew sors ta’ informazzjoni simili.
(2) Għandha tindika l-isem tal-korp estern rilevanti għal ilmenti u rimedji extraġudizzjarji u fejn l-użu tal-proċedura interna tal-ilment hija prekundizzjoni għall-aċċess għal dak il-korp, tindika dak il-fatt billi tuża l-formulazzjoni fil-Parti A.
(3) Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu b’konsumatur li huwa residenti fi Stat Membru ieħor, il-kreditur għandu jirreferi għall-eżistenza ta’ FIN-NET (http://ec.europa.eu/internal_market/fin-net/).
Taqsima ‘13. Nuqqas ta’ konformità mal-impenji marbutin mal-kreditu: konsegwenzi għall-mutwatarju’
(1) Fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi obbligu tal-konsumatur marbut mal-kreditu jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji jew legali għall-konsumatur, f’din it-taqsima l-kreditur għandu jiddeskrivi l-każijiet prinċipali differenti (eż. pagamenti tard/inadempjenza, nuqqas li jiġu rispettati l-obbligi stipulati fit-Taqsima 8 ‘Obbligi addizzjonali’) u għandu jindika fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.
(2) Għal kull wieħed minn dawn il-każijiet, il-kreditur għandu jispeċifika, f’termini komprensibbli faċilment, il-penalitajiet jew il-konsegwenzi li jistgħu joħolqu. Għandha tiġi enfasizzata r-referenza għall-konsegwenzi serji.
(3) Fejn il-proprjetà immobbli użata biex tiggarantixxi tal-kreditu tista’ tingħata lura jew tiġi trasferita lill-kreditur, jekk il-konsumatur ma jikkonformax mal-obbligi, din it-taqsima għandha tinkludi dikjarazzjoni li tindika dak il-fatt, bl-użu tal-formulazzjoni fil-Parti A.
Taqsima ‘14. Informazzjoni addizzjonali’
(1) Fil-każ ta’ kummerċjalizzazzjoni b’distanza, din it-taqsima ser tinkludi kwalunkwe klawżola li tistipula l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu jew il-qorti kompetenti.
(2) Fejn il-kreditur ikollu l-intenzjoni jikkomunika mal-konsumatur matul it-terminu tal-kuntratt b’lingwa differenti mil-lingwa tal-FEIS, dan il-fatt għandu jkun inkluż u l-lingwa ta’ komunikazzjoni msemmija. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-punt (g) tal-punt 3 tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/65/KE.
(3) Il-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jiddikjara d-dritt tal-konsumatur li jiġi pprovdut jew offrut, kif applikabbli, kopja tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ kreditu tal-inqas ladarba li tkun saret offerta li torbot lill-kreditur.
Taqsima ‘15. Superviżur’
(1) L-awtorità jew awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tal-istadju prekuntrattwali tas-self għandhom jiġu indikati.
ANNESS III
REKWIŻITI MINIMI TA’ KONOXXENZA U KOMPETENZA
1. Ir-rekwiżiti minimi ta’ konoxxenza u kompetenza għall-kredituri, l-intermedjarji tal-kreditu u persunal tar-rappreżentanti maħturin imsemmija fl-Artikolu 9 u għall-persuni involuti fil-ġestjoni tal-intermedjarji tal-kreditu jew ir-rappreżentanti maħturin imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 29(2) u l-Artikolu 31(2) jeħtieġ li mill-inqas jinkludu:
(a) konoxxenza adatta tal-prodotti tal-kreditu fl-ambitu tal-Artikolu 3 u s-servizzi anċillari offruti tipikament magħhom;
(b) konoxxenza xierqa tal-liġijiet relatati mal-kuntratti tal-kreditu għall-konsumaturi, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumatur;
(c) konoxxenza u għarfien adatti tal-proċess tax-xiri ta’ proprjetà immobbli;
(d) konoxxenza adatta tal-valutazzjoni ta’ garanziji;
(e) konoxxenza adatta tal-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ reġistri tal-artijiet;
(f) konoxxenza adatta tas-suq fl-Istat Membru rilevanti;
(g) konoxxenza adatta tal-istandards tal-etika kummerċjali;
(h) konoxxenza adatta tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja jew fejn applikabbli, kompetenza fil-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi;
(i) livell adatt ta’ kompetenza finanzjarja u ekonomika.
2. Meta jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ konoxxenza u kompetenza, l-Istati Membri jistgħu jiddifferenzjaw bejn livelli u tipi ta’ rekwiżiti applikabbli għall-persunal tal-kredituri, il-persunal tal-intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin u l-ġestjoni tal-intermedjarji tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin.
3. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw li l-livell xieraq ta’ konoxxenza u kompetenza fuq il-bażi ta’:
(a) kwalifiki professjonali, eż. diplomi, lawrji, taħriġ, testijiet ta’ kompetenza; jew
(b) esperjenza professjonali, li tista’ tiġi ddefinita bħala numru minimu ta’ snin ta’ xogħol f’oqsma relatati mal-oriġinazzjoni, id-distribuzzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ prodotti ta’ kreditu.
Wara l-21 ta’ Marzu 2019, id-determinazzjoni tal-livell xieraq ta’ konoxxenza u kompetenza m’għandhomx ikunu bbażati biss fuq il-metodi elenkati fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.
( 1 ) ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.
( 2 ) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li temenda d-Direttiva 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).