02014D0893 — MT — 23.10.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Diċembru 2014

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu

(notifikata bid-dokument C(2014) 9302)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/893/UE)

(ĠU L 354 11.12.2014, p. 47)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1590 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tad-19 ta' Ottubru 2018

  L 264

24

23.10.2018




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Diċembru 2014

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu

(notifikata bid-dokument C(2014) 9302)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/893/UE)



Artikolu 1

Il-grupp ta' prodott “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” għandu jkun fih kull sustanza jew taħlita li titlaħlaħ li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) maħsuba biex imissu l-epidermide u/jew is-sistema tax-xagħar bil-għan esklussiv jew ewlieni li jnaddfuhom (sapun tal-banju, preparazzjonijiet tal-banju, xampù), li jtejbu l-kundizzjoni tax-xagħar (conditioners tax-xagħar) jew li jħarsu l-epidermide u jillubrikaw is-suf qabel it-tqaxxir (prodotti tat-tqaxxir).

Il-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” għandu jkun fih prodotti għall-użu privat u professjonali.

Il-grupp ta' prodotti ma għandux ikun fih prodotti li jinbiegħu speċifikament bħala diżinfettanti jew sustanzi kontra l-batterji. Ix-xampù kontra l-brija mhux permess.

Artikolu 2

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1) “sustanzi mdaħħla” tfisser priżervattivi, fwejjaħ u koloranti, irrispettivament mill-konċentrazzjoni, u sustanzi oħrajn miżjuda bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima, li l-konċentrazzjoni tagħhom tkun 0,010 % jew aktar tal-piż tal-formulazzjoni finali;

(2) “kontenut attiv” (AC) tfisser l-għadd totali (fi grammi) ta' sustanzi mdaħħla organiċi fil-prodott, ikkalkulat skont il-formulazzjoni sħiħa tal-prodott, inklużi l-propellanti li jinsabu fi prodotti tal-ajrusol. L-aġenti tal-għarik/brix mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-kontenut attiv;

(3) “imballaġġ primarju” tfisser l-imballaġġ b'kuntatt dirett mal-kontenut maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ ta' distribuzzjoni lill-utent jew lill-konsumatur finali fil-post fejn jinxtara;

(4) “imballaġġ sekondarju” tfisser l-imballaġġ li jista' jitneħħa mill-prodott bla ma jaffettwa l-karatteristiċi tiegħu, maħsub biex fil-post fejn jinxtara jkun jikkostitwixxi raggruppar ta' għadd ta' unitajiet tal-bejgħ, kemm jekk dan jinbiegħ kif inhu lill-utent jew lill-konsumatur finali kif ukoll jekk dan ikun mezz biex jimtlew l-ixkafef fil-post tal-bejgħ.

Artikolu 3

Il-kriterji biex tingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, għal prodott li jinsab fil-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” kif definit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u fir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati huma stabbiliti fl-Anness.

▼M1

Artikolu 4

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2021.

▼B

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” għandu jkun “30”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 2007/506/KE hi mħassra.

Artikolu 7

1.  B'deroga mill-Artikolu 6, applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp ta' prodotti “spapen, xampù u conditioners tax-xagħar” li jitressqu qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE.

2.  L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp ta' prodotti “spapen, xampù u conditioners tax-xagħar” li jitressqu fi żmien xahrejn mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE jew skont il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li fuqhom jissejsu.

3.  L-Ekotikketti tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE, jistgħu jintużaw għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE U REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI U TAL-VERIFIKA

QAFAS

KRITERJI

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu”:

1. Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi: il-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV)

2. Bijodegradabbiltà

3. Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

4. Imballaġġ

5. Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u derivattivi tagħhom

6. Adegwatezza għall-użu

7. Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

VALUTAZZJONI U VERIFIKA

(a)   Ir-rekwiżiti

Għal kull kriterju jitniżżlu r-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika.

Meta l-applikant ikun jeħtieġlu jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet jew evidenza oħra biex juri konformità mal-kriterji, dawn id-dokumenti jistgħu jaslu mingħand l-applikant, mingħand il-fornitur tiegħu jew mingħand it-tnejn li huma.

Meta jkun possibbli, it-testijiet għandhom jagħmluhom laboratorji li jilħqu r-rekwiżiti ġenerali tal-Istandard Ewropew EN ISO 17025 jew ekwivalenti.

Meta jkun jixraq, jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta jkun jixraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' appoġġ u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti.

L-Appendiċi jirreferi għal-lista “Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti” (il-lista DID) li fiha l-aktar ingredjenti li jintużaw fil-formulazzjonijiet ta' deterġenti u kożmetiċi. Din għandha tintuża biex tinkiseb id-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabbiltà tas-sustanzi mdaħħla. Għas-sustanzi li mhumiex fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti. L-aħħar verżjoni tal-lista DID tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE ( 2 ) jew tista' tinkiseb mis-siti elettroniċi tal-korpi kompetenti individwali.

Għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni li ġejja lill-korp kompetenti.

(i) il-formulazzjoni sħiħa tal-prodott li turi l-isem kummerċjali, l-isem kimiku, in-numru CAS u d-denominazzjonijiet INCI, in-numru DID ( 3 ), il-kwantità mdaħħla bl-ilma u mingħajru, il-funzjoni u l-forma ta' kull ingredjent irrispettivament mill-konċentrazzjoni;

(ii) l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza għal kull ingredjent imdaħħal skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

(b)   Il-livelli limitu tal-kejl

Il-konformità mal-kriterji ekoloġiċi hi meħtieġa għal kull sustanza mdaħħla kif inhu definit hawn fuq, ħlief fejn tidħol il-konformità mal-kriterju 3(b) u 3(c) għal priżervattivi, koloranti u fwejjaħ meta jintalbu jkollhom konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew aktar tal-piż fil-formulazzjoni finali.

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 — Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi: il-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV)

It-tossiċità totali tas-CDV tal-prodott ma għandhiex taqbeż il-limiti f'Tabella 1:



Tabella 1

Il-limiti tas-CDV

Prodott

CDV (l/g AC)

Xampù, preparazzjonijiet tal-banju u spapen likwidi

18 000

Sapun solidu

3 300

Conditioner tax-xagħar

25 000

Ragħwa tat-tqaxxir, ġels tat-tqaxxir, kremi tat-tqaxxir

20 000

Sapun solidu tat-tqaxxir

3 300

Is-CDV tkejlu din l-ekwazzjoni:

image

Fejn:

il-piż (i)

hu l-piż tas-sustanza mdaħħla (fi grammi) għal kull gramma ta' AC (jiġifieri l-kontribut tal-piż normalizzat tas-sustanza mdaħħla għal AC)

DF (i)

hu l-fattur ta' degradazzjoni tas-sustanza mdaħħla

TF kroniku (i)

hu l-fattur ta' tossiċità tas-sustanza mdaħħla (f'milligrammi/litru)

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tas-CDV tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valur CDV tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE. Il-valuri tad-DF u tat-TF kroniku għandhom ikunu dawk imniżżla fil-Parti A tal-lista DID. Jekk sustanza mdaħħla ma tkunx fil-Parti A tal-lista DID, l-applikant għandu jistma l-valuri skont il-linji gwida fil-Parti B tal-lista DID u jehmeż id-dokumentazzjoni assoċjata (ara l-Appendiċi għal aktar tagħrif).

Kriterju 2 — Bijodegradabbiltà

(a)   Il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi

Kull aġent tensjoattiv għandu jkun bijodegradabbli f'kundizzjonijiet aerobiċi u anaerobiċi.

(b)   Il-bijodegradabbiltà tas-sustanzi organiċi mdaħħla

Il-kontenut ta' kull sustanza organika mdaħħla fil-prodott li tkun aerobikament mhux bijodegradabbli (mhux faċilment bijodegradabbli) (aNBO), u li tkun anaerobikament mhux bijodegradabbli (anNBO), ma għandhiex taqbeż dawn il-limiti:



Tabella 2

il-limiti aNBO u anNBO

Prodott

aNBO

(mg/g AC)

anNBO

(mg/g AC)

Xampù, prodotti tal-banju u spapen likwidi

25

25

Sapun solidu

10

10

Conditioner tax-xagħar

45

45

Ragħwa tat-tqaxxir, ġels tat-tqaxxir, kremi tat-tqaxxir

70

40

Sapun solidu tat-tqaxxir

10

10

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, kif ukoll għall-kalkolu tal-aNBO u tal-anNBO għall-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valuri aNBO u anNBO tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Għall-aġenti tensjoattivi u għall-valuri aNBO u anNBO, għandha ssir referenza għal-lista DID. Għas-sustanzi mdaħħla li ma jkunux fil-lista DID, għandha tingħata informazzjoni rilevanti mil-letteratura teknika jew minn sorsi oħra, jew jingħataw ir-riżultati xierqa tat-testijiet, li jkunu juru li huma aerobikament u anaerobikament bijodegradabbli, kif jiddeskrivi l-Appendiċi.

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni skont ir-rekwiżiti ta' hawn fuq, sustanza mdaħħla li ma tkunx aġent tensjoattiv tista' tiġi eżentata mir-rekwiżit tal-degradabbiltà anaerobika diment li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet alternattivi:

1. Tkun faċilment degradabbli u jkollha assorbiment baxx (A < 25 %);

2. Tkun faċilment degradabbli u jkollha desorbiment għoli (D < 75 %);

3. Tkun faċilment degradabbli u ma tkunx bijoakkumulattiva.

L-ittestjar għall-assorbiment jew għad-desorbiment jista' jsir skont il-linji gwida tal-OECD Nru 106.

Kriterju 3 — Sustanzi u taħlitiet esklużi jew limitati

(a)   Sustanzi u taħlitiet imdaħħla esklużi speċifikati

Dawn is-sustanzi u t-taħlitiet imdaħħla li ġejjin ma għandhomx ikunu fil-prodott, la bħala parti mill-formulazzjoni u lanqas bħala parti minn xi taħlita fil-formulazzjoni:

(i) Alkilfenoletossilati (APEOs) u derivattivi oħra tal-alkilfenol;

(ii) Nitrilotriaċitat (NTA);

(ii) Aċidu boriku, borati u perborati;

(iv) Nitromiski u miski poliċikliċi;

(v) Ottametilċiklotetrasilossan (D4);

(vi) Butilidrossitoluwen (BHT);

(vii) Etilendiamminatetraaċetat (EDTA) u l-imluħa tiegħu u fosfonati mhux faċilment bijodegradabbli;

(viii) Dawn il-priżervattivi: it-triklosan, il-parabeni, il-formaldeid u r-rilaxxaturi tal-formaldeid.

(ix) Dawn il-fwejjaħ u l-ingredjenti tat-taħlitiet tal-fwejjaħ li ġejjin: l-idrossiisoeżil 3-ċikloeżen karbossaldeid (HICC), l-atranol u l-kloroatranol;

(x) Mikro-plastiċi;

(xi) Nanofidda.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-manifatturi li jikkonfermaw li l-prodott ma fihx is-sustanzi u/jew it-taħlitiet elenkati.

(b)   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' ma tingħatax lil xi prodott li jkun fih sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew frażijiet tar-riskju speċifikati f'Tabella 3 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE ( 6 ) jew sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Meta l-limitu għall-klassifikazzjoni ta' sustanza jew taħlita b'dikjarazzjoni tal-periklu jkun differenti minn dak tal-frażi tar-riskju, tal-ewwel jieħu prevalenza. Il-frażijiet tar-riskju f'Tabella 3 ġeneralment ikunu jirreferu għal sustanzi. Madankollu, meta l-informazzjoni dwar is-sustanzi ma tkunx tista' tinkiseb, japplikaw ir-regoli għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet.

Is-sustanzi jew it-taħlitiet li jibdlu l-proprjetajiet tagħhom bl-ipproċessar u għalhekk ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jew li jinbidlu kimikament b'tali mod li jitneħħa l-periklu identifikat qabel, għandhom jiġu eżentati mill-kriterju 3(b).

Tabella 3



Id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju

Dikjarazzjoni tal-Periklu

Frażi tar-Riskju

H300 Fatali jekk jinbela'

R28

H301 Tossiku jekk jinbela'

R25

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

R23/26

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

R23

H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jaf jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jaf iġib il-kanċer jekk jinġibed man-nifs

R49

H351 Suspettat li jġib il-kanċer

R40

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R61

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R60/61/60-61

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R60/63

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R63

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R62-63

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

R64

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

R48/25/24/23

H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R52-53

H413 Jaf iħalli effetti fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jmiss mal-ilma jerħi gass tossiku

R29

EUH031 Meta jmiss mal-aċidi jerħi gass tossiku

R31

EUH032 Meta jmiss mal-aċidi jerħi gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

R39-41



Sustanzi sensitizzanti

H334: Jaf jikkawża sintomi ta' allerġija jew ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinġibed man-nifs

R42

H317: Jaf jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

R43

Għall-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu, is-sustanzi f'Tabella 4 huma eżentati mill-obbligu tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(7) tal-istess Regolament.



Tabella 4

Sustanzi derogati

Sustanzi

Dikjarazzjonijiet tal-periklu

Frażijiet tar-riskju

Aġenti tensjoattivi (fil-prodott finali f'konċentrazzjonijiet totali < 20 %)

H412: Dannuż għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H413: Jaf jikkawża effetti negattivi fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R52-53

R53

Fwejjaħ (1)

H412: Dannuż għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H413: Jaf jikkawża effetti negattivi fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R52-53

R53

Priżervattivi (2)

H411: Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H412: Dannuż għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H413: Jaf jikkawża effetti negattivi fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R51-53

R52-53

R53

Il-piritjon taż-żingu (ZPT) li jintuża fix-xampù kontra l-brija

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

(*1)   Deroga mill-kriterju 3(b) biss. Il-fwejjaħ iridu jikkonformaw mal-kriterju 3(d).

(*2)   Deroga mill-kriterju 3(b) biss. Il-priżervattivi jridu jikkonformaw mal-kriterju 3(e).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu juri konformità mal-kriterju 3(b) għal kull sustanza jew taħlita mdaħħala li jkun hemm f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,010 % fil-prodott.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-produtturi tal-materja prima li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi u/jew taħlitiet imdaħħla ma jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni b'waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew il-frażijiet tar-riskju li hemm imniżżlin f'Tabella 3 fil-forom u fl-istati fiżiċi li hemm fil-prodott.

Din l-informazzjoni teknika li ġejja, li għandha x'taqsam mal-forom u l-istati fiżiċi tas-sustanzi u/jew it-taħlitiet imdaħħla kif hemm fil-prodott, għandha tingħata biex tappoġġa d-dikjarazzjoni ta' nonklassifikazzjoni.

(i) għal sustanzi li ma ġewx reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u/jew li għad ma għandhomx klassifikazzjoni CLP armonizzata: l-informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti elenkati fl-Anness VII ta' dak ir-Regolament;

(ii) għal sustanzi li ġew reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-klassifikazzjoni CLP: l-informazzjoni bbażata fuq id-dossier tar-reġistrazzjoni tar-REACH li tikkonferma l-istatus mhux klassifikat tas-sustanza;

(iii) għal sustanzi li għandhom klassifikazzjoni armonizzata jew li huma awtoklassifikati: l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza meta dawn ikunu disponibbli. Jekk dawn ma jkunux disponibbli jew is-sustanza tkun awtoklassifikata, allura għandha tingħata dik l-informazzjoni li tkun rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-periklu tas-sustanzi skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(iv) għal taħlitiet: l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza meta dawn ikunu disponibbli. Jekk dawn ma jkunux disponibbli allura għandu jingħata kalkolu tal-klassifikazzjoni tat-taħlita skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif ukoll informazzjoni li tkun rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-periklu tat-taħlitiet skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Għas-sustanzi mniżżla fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, ikun biżżejjed li tingħata dikjarazzjoni tal-applikant għal konformità mal-kriterju 3(b).

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-preżenza ta' sustanza mdaħħla li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-deroga u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-produtturi tal-materja prima. Meta d-deroga teżiġi, l-applikant għandu jikkonferma l-konċentrazzjonijiet ta' dawn is-sustanzi mdaħħla fil-prodott finali.

(c)   Is-sustanzi mdaħħla li tniżżlu skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fejn jidħlu sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju u mniżżlin fil-lista prevista fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ( 7 ), li jkun hemm fil-prodott b'konċentrazzjonijiet aktar minn 0,010 % (piż b'piż).

Valutazzjoni u verifika: fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna. L-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti l-formulazzjoni sħiħa tal-prodott. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dikjarazzjoni tal-konformità mal-kriterju 3(c), u d-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet tal-konformità ffirmati mill-fornituri tal-materjal u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti għas-sustanzi jew għat-taħlitiet.

(d)   Fwejjaħ

(i) Il-prodotti li jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti ddisinjati u maħsuba għat-tfal għandhom ikunu mingħajr fwejjaħ.

(ii) Kull sustanza jew taħlita mdaħħla li tiżdied mal-prodott bħala fwieħa għandha tiġi manifatturata u trattata skont il-kodiċi ta' prattika tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwejjaħ (l-IFRA). Il-kodiċi jinsab fis-sit elettroniku tal-IFRA: http://www.ifraorg.org. Il-manifattur għandu jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istandards tal-IFRA fejn jidħlu l-projbizzjoni, l-użu ristrett u l-kriterji tal-purità speċifikati għall-materjali.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjoni tal-manifattur tal-fwejjaħ.

(e)   Priżervattivi

(i) Il-priżervattivi fil-prodott ma għandhomx jerħu sustanzi jew jiddegradaw għal sustanzi li huma klassifikati skont il-kriterju 3(b).

(ii) Il-prodotti jista' jkun fihom priżervattivi diment li dawn ma jkunux bijoakkumulattivi. Priżervattiv ma jitqiesx bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF < 100 jew il-valur log Kow < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza ta' kull priżervattiv miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF u/jew log Kow tiegħu.

(f)   Koloranti

Il-koloranti fil-prodott ma għandhomx ikunu bijoakkumulattivi. Kolorant ma jitqiesx bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF < 100 jew il-valur log Kow < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel. Jekk l-aġenti koloranti jkunu approvati biex jintużaw fl-ikel, mhemmx bżonn li titressaq dokumentazzjoni dwar il-potenzjal bijoakkumulattiv.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza ta' kull kolorant miżjud u informazzjoni dwar il-valur BCF u/jew log Kow tiegħu, jew dokumentazzjoni li tiżgura li l-aġent kolorant hu approvat biex jintuża fl-ikel.

Kriterju 4 — Imballaġġ

(a)   L-imballaġġ primarju

L-imballaġġ primarju jkun f'kuntatt dirett mal-kontenut.

Ma għandu jkun permess l-ebda imballaġġ addizzjonali għall-prodott kif jinbiegħ, eż. b'kartuna fuq il-flixkun; ħlief fil-każ ta' imballaġġ sekondarju li jgħaqqad żewġ prodotti jew aktar flimkien (eż. il-prodott u r-rikarikatur tiegħu).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata.

(b)   Il-proporzjon tal-impatt tal-imballaġġ (PIR)

Għal kull tip ta' imballaġġ li fih jinbiegħ il-prodott, il-proporzjon tal-impatt tal-imballaġġ (PIR) għandu jkun inqas minn 0,28 g ta' imballaġġ għal kull gramma ta' prodott. Il-prodotti ta' qabel it-tqaxxir li jiġu ppakkjati f'kontenituri ajrusoli tal-metall huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Separatament għal kull imballaġġ, il-PIR għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

PIR= (W + (Wrikarikatur × F) + N + (Nrikarikatur × F))/(D + (Drikarikatur × F))

Fejn:

W

il-piż tal-imballaġġ (primarju + proporzjon tas-sekondarju ( 8 ), inklużi t-tikketti) (g)

Wrikarikatur

il-piż tal-imballaġġ tar-rikarikatur (primarju + proporzjon tas-sekondarju (8) , inklużi t-tikketti) (g)

N

il-piż tal-imballaġġ mhux rinnovabbli + mhux riċiklat (primarju + proporzjon tas-sekondarju (8) , inklużi t-tikketti) (g)

Nrikarikatur

il-piż tal-imballaġġ mhux rinnovabbli + mhux riċiklat tar-rikarikatur (primarju + proporzjon tas-sekondarju (8) , inklużi t-tikketti) (g)

D

il-piż tal- prodott li hemm fil-kontenitur prinċipali (g)

Drikarikatur

il-piż tal-prodott mogħti bir-rikarikatur (g)

F

l-għadd ta' rikariki li hemm bżonn biex tintlaħaq il-kwantità rikarikabbli totali hu kkalkulat kif ġej:

F = V × R/Vrikarikatur

Fejn:

V

il-kapaċità tal-volum tal-kontenitur prinċipali (ml)

Vrikarikatur

il-kapaċità tal-volum tal-kontenitur rikarikabbli (ml)

R

il-kwantità rikarikabbli. Dan l-ammont juri kemm-il darba jista' jimtela l-kontenitur prinċipali. Meta F ma jkunx numru sħiħ, dan għandu jitqarreb lejn in-numru sħiħ li jmiss.

Jekk mhu offrut l-ebda rikarikatur, il-PIR jiġi kkalkulat kif ġej:

PIR = (W + N)/D

Il-manifattur għandu jipprovdi l-għadd ta' rikariki previsti, jew juża l-valuri stabbiliti ta' R = 5 għall-plastik u R = 2 għall-kartun.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tal-PIR tal-prodott. Fissit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE hemm disponibbli spreadsheet għal dan il-kalkolu. Jekk il-prodott jinbiegħ f'imballaġġi differenti, jiġifieri b'volumi differenti, għandu jitressaq il-kalkolu għal kull daqs tal-imballaġġ li għalih trid tingħata l-Ekotikketta tal-UE. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata għall-kontenut ta' materjal riċiklat wara l-użu jew għall-kontenut ta' materjal ta' oriġini rinnovabbli li hemm fl-imballaġġ u deskrizzjoni tas-sistema rikarikabbli offruta, jekk applikabbli (it-tipi ta' ta' rikarikaturi, il-volum). Għall-approvazzjoni tal-imballaġġ tar-rikarikatur, l-applikant jew il-bejjiegħ għandu jiddokumenta li r-rikarikatur jista' jinxtara mis-suq.

(c)   Id-disinn tal-imballaġġ primarju

L-imballaġġ primarju għandu jiġi ddisinjat b'tali mod li jiffaċilita d-dożaġġ korrett (pereżempju billi jiżgura li l-fetħa ta' fuq ma tkunx wiesgħa żżejjed) u b'tali mod li jiżgura li tal-anqas 90 % tal-prodott ikun jista' joħroġ faċilment mill-kontenitur. L-ammont residwu tal-prodott fil-kontenitur (R), li għandu jkun inqas minn 10 %, għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

R = ((m2 – m3)/(m1 – m3)) × 100 (%)

Fejn:

m1

l-imballaġġ primarju u l-prodott (g)

m2

l-imballaġġ primarju u residwi tal-prodott f'kundizzjonijiet normali tal-użu (g)

m3

l-imballaġġ primarju vojt u nadif (g)

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jressaq deskrizzjoni tal-mezz tad-dożaġġ u rapport tat-test bir-riżultati tal-kejl tal-kwantità residwa ta' prodott kożmetiku li jitlaħlaħ li jkun hemm fl-imballaġġ. Il-proċedura tat-test biex titkejjel il-kwantità residwa jiddeskriviha l-manwal tal-utent li jinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

(d)   Iddisinjar li jiffaċilita r-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik

L-imballaġġ tal-plastik għandu jiġi ddisinjat b'mod li jiffaċilita r-riċiklaġġ effettiv billi jiġu evitati kontaminanti u materjali inkompatibbli potenzjali li huma magħrufin li jfixklu s-separazzjoni jew l-ipproċessar mill-ġdid jew li jnaqqsu l-kwalità tal-materjal riċiklat. Weħidhom jew flimkien, it-tikketta jew il-kaxxa, it-tapp u meta applikabbli, il-kisjiet tal-protezzjoni ma għandhomx jinkludu l-materjali u l-komponenti mniżżlin f'Tabella 5.



Tabella 5

Materjali u komponenti li ma għandux ikun hemm fost l-elementi tal-imballaġġ

Element tal-imballaġġ

Materjali u komponenti esklużi (1)

Tikketta jew kaxxa

— Tikketta jew kaxxa PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tikketta jew kaxxa PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tikketta jew kaxxa PETG flimkien ma' flixkun PET

— Kaxxi magħmulin minn polimeru differenti mill-flixkun

— Tikketti jew kaxxi metallizzati jew iwweldjati mal-qafas tal-imballaġġ (tikketta fonduta)

Tapp

— Tapp PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tapp PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tappijiet PETG u/jew materjal tat-tappijiet PETG b'densità aktar minn 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET

— Tappijiet tal-metall, tal-ħġieġ, EVA

— Tappijiet tas-silikon. Ħlief tappijiet tas-silikon b'densità < 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET u tappijiet tas-silikon b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PP jew HDPE

— Folji jew siġilli tal-metall li meta jinfetaħ il-prodott xorta jibqgħu mwaħħla mal-flixkun jew mat-tapp tiegħu

Kisjiet tal-protezzjoni

— Poliammid, EVOH, poliolefini funzjonali, kisjiet ta' lqugħ metallizzati u ħfief

(1)   EVA — Etilenvinilaċetat, EVOH — Etilenvinilalkoħol, HDPE — polietilen b'densità għolja, PET — polietilentereftalat, PETG — polietilentereftalat glikol-modifikat, PP — Polipropilen, PS — Polistiren, PVC — Polivinilklorur,

Il-pompi u l-kontenituri ajrusoli huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u li tispeċifika l-kompożizzjoni tal-materjal tal-imballaġġ inklużi l-kontenitur, it-tikketta jew il-kaxxa, il-kolol, it-tapp, u l-kisja tal-protezzjoni, kif ukoll kampjun tal-imballaġġ primarju.

Kriterju 5 — Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u derivattivi tagħhom

Iż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom li jintużaw fil-prodott iridu jinkisbu minn pjantaġġuni li jilħqu l-kriterji għal ġestjoni sostenibbli li ġew żviluppati minn organizzazzjonijiet ta' għadd ta' partijiet ikkonċernati li jkunu jinkludu għadd ġmielu ta' membri fosthom NGOs, industrijali u governattivi.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi ċertifikazzjonijiet mingħand parti terza li ż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm li jintużaw fil-manifattura tal-prodott ikunu ġejjin minn pjantaġġuni li jilħqu l-kriterji għal ġestjoni sostenibbli. Iċ-ċertifikazzjonijiet aċċettati għandhom jinkludu RSPO (b'identità ppriżervata, segregata jew bilanċ tal-massa) jew xi skema ekwivalenti bbażata fuq kriterji għal ġestjoni sostenibbli bejn bosta partijiet ikkonċernati. Għad-derivattivi kimiċi taż-żejt tal-palm u taż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm ( 9 ), ikun biżżejjed li tintwera sostenibbiltà permezz ta' sistemi “book&claim” bħal ngħidu aħna GreenPalm jew ekwivalenti.

Kriterju 6 — Adegwatezza għall-użu

Il-kapaċità tal-prodott biex jaqdi l-funzjoni primarja tiegħu (eż. tindif u conditioning) u l-funzjonijiet sekondarji msemmija (eż. protezzjoni kontra l-brija, tal-kulur, eċċ.) għandha tintwera b'test(ijiet) fil-laboratorji jew b'test tal-konsumatur. It-testijiet għandhom isiru skont il-“Linji Gwida għall-Evalwazzjoni tal-Effikaċja tal-Prodotti Kożmetiċi” ( 10 ) u l-istruzzjonijiet mogħtija fil-manwal tal-utent disponibbli fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddokumenta l-protokoll tat-test li tħaddem biex tiġi ttestjata l-effikaċja tal-prodott. L-applikanti għandhom jippreżentaw ir-riżultati minn dan il-protokoll li juru li l-prodott jissodisfa l-funzjoni primarja tiegħu u l-funzjonijiet sekondarji msemmija fuq it-tikketta tal-prodott jew fuq l-imballaġġ.

Kriterju 7 — Informazzjoni li tidher fl-Ekotikketta tal-UE

Fuq it-tikketta fakultattiva għandu jitniżżel dan il-kliem:

 Impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi

 Dan il-prodott jissodisfa rekwiżiti stretti tal-bijodegradabbiltà

 Dan il-prodott inaqqas il-ħela tal-imballaġġ.

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kliem jinsabu fil-“Linji Gwida għall-Użu tal-Logo tal-Ekotikketta”) f'dan is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tal-grafika tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, u dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata.




Appendiċi

Il-lista DID: Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti

Il-lista DID (il-parti A) hi lista b'informazzjoni dwar it-tossiċità akkwatika u l-bijodegradabbiltà tal-ingredjenti tipikament użati fil-formulazzjonijiet tad-deterġenti. Il-lista fiha informazzjoni dwar it-tossiċità u l-bijodegradabbiltà ta' firxa ta' sustanzi użati fil-prodotti tal-ħasil u tat-tindif. Il-lista mhix komprensiva, iżda fil-Parti B tal-lista DID tingħata gwida dwar kif jinstabu l-parametri rilevanti tal-kalkolu għal sustanzi li mhemmx fil-lista DID (eż. il-Fattur tat-Tossiċità (TF) u l-Fattur tad-Degradazzjoni (DF), li jintużaw fil-kalkolu tal-volum kritiku tad-dilwizzjoni). Il-lista hi sors ġeneriku ta' informazzjoni u s-sustanzi mniżżla fil-lista DID mhumiex approvati awtomatikament għall-użu fil-prodotti bl-Ekotikketta tal-UE.

Il-Parti A u l-Parti B tal-lista DID jinsabu fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_a_en.pdf

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_b_en.pdf

Biex jiġu valutati t-TF u d-DF għal sustanzi mingħajr dejta dwar it-tossiċità u d-degradabbiltà akkwatika, jistgħu jintużaw analoġiji strutturali ma' sustanzi simili. Dawn l-analoġiji strutturali għandu japprovahom il-korp kompetenti li jagħti l-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Inkella, għandu jiġi applikat approċċ li jqis l-agħar każ possibbli, permezz ta' dawn il-parametri:

Approċċ li jqis l-agħar każ possibbli:



 

Tossiċità akuta

Tossiċità kronika

Degradazzjoni

Sustanza mdaħħla

LC50/EC50

SF(akut)

TF(akut)

NOEC (1)

SF(kroniku) (1)

TF(kroniku)

DF

Aerobiku

Anaerobiku

“Isem”

1 mg/l

10,000

0,0001

 

 

0,0001

1

P

N

(*1)   Jekk ma tinstab l-ebda dejta aċċettabbli dwar it-tossiċità kronika, dawn il-kolonni jitħallew vojta. F'dan il-każ, TF(kroniku) jitqies daqs TF(akut).

Id-dokumentazzjoni tal-bijodegradabbiltà faċli

Għall-bijodegradabbiltà faċli għandhom jintużaw dawn il-metodi tal-ittestjar li ġejjin:

(1) Sal-1 ta' Diċembru 2015:

Il-metodi tal-ittestjar għall-bijodegradabbiltà faċli previsti fid-Direttiva 67/548/KEE, b'mod partikolari l-metodi dettaljati fl-Anness V.C4 ta' dik id-Direttiva jew il-metodi tal-ittestjar ekwivalenti għalihom tal-OECD Nru 301 A-F, jew it-testijiet ekwivalenti għalihom tal-ISO.

Il-prinċipju ta' perjodu ta' 10 ijiem ma japplikax għall-aġenti tensjoattivi. Għat-testijiet imsemmija fl-Anness V.C4-A u C4-B tad-Direttiva 67/548/KEE (u t-testijiet OECD 301 A u E ekwivalenti għalihom u l-ekwivalenti għall-ISO), il-livell aċċettabbli għandu jkun 70 % filwaqt li għat-testijiet C4-C, D, E u F (u t-testijiet OECD 301B, C, D u F ekwivalenti għalihom u l-ekwivalenti għall-ISO) għandu jkun 60 %.

inkella

Il-metodi tal-ittestjar previsti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(2) Wara l-1 ta' Diċembru 2015:

Il-metodi tal-ittestjar previsti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Dokumentazzjoni tal-bijodegradabbiltà anaerobika

It-test ta' referenza għad-degradabbiltà anaerobika għandu jkun EN ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988), OECD 311 jew metodu tal-ittestjar ekwivalenti, bir-rekwiżit ta' 60 % degradabbiltà finali f'kundizzjonijiet anaerobiċi. Sabiex jiġi dokumentat li nkisbet 60 % degradabbiltà finali f'kundizzjonijiet anaerobiċi jistgħu jintużaw ukoll il-metodi tal-ittestjar li jissimulaw il-kundizzjonijiet f'ambjent anaerobiku rilevanti.

Estrapolazzjoni għal sustanzi li mhumiex fil-lista DID

Sabiex issir id-dokumentazzjoni meħtieġa tad-degradabbiltà anaerobika, meta s-sustanzi mdaħħla ma jkunux fil-lista DID, jista' jintuża dan l-approċċ:

(1) Applika estrapolazzjoni raġonevoli. Uża r-riżultati tat-test li nkisbu b'materja prima partikolari biex testrapola d-degradabbiltà anaerobika finali ta' aġenti tensjoattivi li huma strutturalment relatati. Meta għal aġent tensjoattiv (jew għal grupp ta' omologi) tiġi kkonfermata l-bijodegradabbiltà anaerobika skont il-lista DID, jista' jitqies li tip simili ta' aġent tensjoattiv hu wkoll bijodegradabbli anaerobikament (eż. is-sulfat C12-15 A 1-3 EO [DID Nru 8] hu bijodegradabbli anaerobikament, u allura bijodegradabbiltà anaerobika simili tista' titqies ukoll li teżisti għas-sulfat C12-15 A 6 EO). Meta għal aġent tensjoattiv tiġi kkonfermata l-bijodegradabbiltà anaerobika permezz ta' metodu tal-ittestjar xieraq, jista' jitqies li tip simili ta' aġent tensjoattiv hu wkoll bijodegradabbli anaerobikament (eż. id-dejta mil-letteratura teknika li tikkonferma l-bijodegradabbiltà anaerobika ta' aġenti tensjoattivi li jappartjenu għall-grupp ta' mluħa tal-ammonju ta' esteri alkili, tista' tintuża bħala dokumentazzjoni għal bijodegradabbiltà anaerobika simili ta' mluħa kwaternarji tal-ammonju oħra li fihom sensil ta' esteri fil-ktajjen alkili).

(2) Agħmel test tal-iskrinjar għad-degradabbiltà anaerobika. Jekk ikun hemm bżonn isir ittestjar ġdid, agħmel test tal-iskrinjar permezz ta' EN ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988), OECD 311 jew metodu ekwivalenti.

(3) Agħmel test tad-degradabbiltà b'dożaġġ baxx. Jekk ikun hemm bżonn isir ittestjar ġdid, u jekk ikun hemm problemi esperimentali fit-test tal-iskrinjar (eż. inibizzjoni minħabba tossiċità tas-sustanza għat-test), irrepeti l-ittestjar permezz ta' dożaġġ baxx ta' aġent tensjoattiv u ssorvelja d-degradazzjoni b'kejl 14C jew b'analiżi kimika. Jista' jsir ittestjar b'dożaġġ baxx permezz ta' OECD 308 (Awwissu 2000) jew metodu ekwivalenti.



( 1 ) Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

( 2 ) http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_a_en.pdf,

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_b_en.pdf

( 3 ) In-numru DID hu n-numru tas-sustanza mdaħħla fil-lista DID.

( 4 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

( 7 ) http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

( 8 ) Piż proporzjonali tal-imballaġġ kollettiv (eż. 50 % tal-piż kollu tal-imballaġġ kollettiv, jekk żewġ prodotti jinbiegħu flimkien).

( 9 ) Kif jiddefinixxu r-“Regoli RSPO għad-Derivattivi tal-Kura tad-Dar u Personali”, li jinsabu fi: http://www.greenpalm.org/upload/files/45/RSPO_Guiding_Rules_for_HPC_derivativesV9.pdf.

( 10 ) Jinsab fuq: https://www.cosmeticseurope.eu/publications-cosmetics-europe-association/guidelines.html?view=item&id=23 u s-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE