02014D0445 — MT — 05.10.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI Nru 445/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE

(ĠU L 132 3.5.2014, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2017/1545 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tat-13 ta' Settembru 2017

  L 237

1

15.9.2017




▼B

DEĊIŻJONI Nru 445/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE



Artikolu 1

Stabbiliment tal-azzjoni

L-azzjoni tal-Unjoni intitolata “Kapitali Ewropej tal-Kultura” hija b'dan stabbilita għas-snin mill-2020 sal-2033 (“l-azzjoni”).

Artikolu 2

Objettivi

1.  L-objettivi ġenerali tal-azzjoni huma:

(a) li tissalvagwardja u tippromwovi d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa u tenfasizza l-karatteristiċi komuni li jikkondividu kif ukoll iżżid is-sens ta' appartenenza taċ-ċittadini f'żona kulturali komuni;

(b) li trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet f'konformità mal-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom.

2.  L-objettivi speċifiċi tal-azzjoni huma:

(a) li ttejjeb il-medda, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fil-bliet, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transnazzjonali;

(b) li twessa' l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha;

(c) li ssaħħaħ il-kapaċità tas-settur kulturali u r-rabtiet tiegħu ma' setturi oħrajn;

(d) li tgħolli l-profil internazzjonali tal-bliet permezz tal-kultura.

Artikolu 3

Aċċess għall-azzjoni

1.  Il-kompetizzjoni għat-titolu għandha tkun miftuħa għall-bliet, li jistgħu jinvolvu ż-żoni ta' madwarhom.

▼M1

2.  L-għadd ta' bliet detenturi tat-titlu f'sena partikolari (“is-sena tat-titlu”) ma għandux ikun ta' aktar minn tlieta.

It-titlu għandu jingħata kull sena lil mhux iktar minn belt waħda f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness (“il-kalendarju”) u, fis-snin rilevanti, lil belt waħda f'pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“pajjiż tal-EFTA/ŻEE”), f'pajjiż kandidat jew f'pajjiż kandidat potenzjali, jew lil belt waħda f'pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi indikati fil-paragrafu 5.

▼B

3.  Il-bliet fl-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jżommu t-titolu għal sena waħda f'konformità mal-ordni tal-Istati Membri kif tidher fil-kalendarju.

▼M1

4.  Il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali li jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2), jistgħu japplikaw għat-titlu għal sena waħda fil-qafas ta' kompetizzjoni miftuħa organizzata skont il-kalendarju li jinsab fl-Anness.

Il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw biss f'kompetizzjoni waħda matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.

Kull pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali għandu jkun jista' jospita t-titlu darba biss matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.

▼B

5.  Fejn pajjiż jaderixxi mal-Unjoni wara l-4 ta' Mejju 2014 iżda qabel l-1 ta' Jannar 2027, huwa għandu jkunu intitolat jospita it-titolu seba' snin wara l-adeżjoni tiegħu, skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-Istati Membri. Il-kalendarju għandu jiġi aġġornat skont dan. Fejn pajjiż jaderixxi mal-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2027 jew wara din id-data, huwa ma għandux ikun intitolat li jipparteċipa fl-azzjoni bħala Stat Membru.

Madankollu, fi snin fejn diġà hemm tliet bliet detenturi tat-titolu skont il-kalendarju, bliet fil-pajjiżi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu intitolati biss jospitaw it-titolu fis-sena disponibbli li jmiss fil-kalendarju, fl-ordni tal-adeżjoni ta' dawk il-pajjiżi.

Jekk belt minn pajjiż imsemmi fl-ewwel subparagrafu tkun ipparteċipat qabel f'kompetizzjoni għal pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, hi ma tistax tipparteċipa fl-ebda kompetizzjoni sussegwenti għall-Istati Membri. Meta, matul il-perijodu mill-2020 sal-2033, belt minn tali pajjiż tkun ġiet nominata biex iżżomm it-titolu f'konformità mal-paragrafu 4, dak il-pajjiż ma għandux ikun intitolat, wara l-adeżjoni tiegħu, jorganizza kompetizzjoni bħala Stat Membru matul dak il-perijodu.

Jekk aktar minn pajjiż wieħed jaderixxi mal-Unjoni fl-istess data u jekk ma jkunx hemm qbil dwar l-ordni ta' parteċipazzjoni fl-azzjoni bejn dawk il-pajjiżi, il-Kunsill għandu jorganizza tlugħ bix-xorti.

Artikolu 4

Applikazzjoni

1.  Għandha titħejja formola ta' applikazzjoni komuni bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 mill-Kummissjoni li għandha tintuża mill-bliet kandidati kollha.

Fejn belt kandidata tinvolvi ż-żona ta' madwarha, l-applikazzjoni għandha ssir taħt l-isem ta' dik il-belt.

2.  Kull applikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq programm kulturali b'dimensjoni Ewropea qawwija.

Il-programm kulturali għandu jkopri s-sena tat-titolu u għandu jinħoloq b'mod speċifiku għat-titolu, f'konformità mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 5.

Artikolu 5

Kriterji

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet (“il-kriterji”) għandhom jinqasmu fil-kategoriji “kontribut għall-istrateġija fit-tul”, “dimensjoni Ewropea”, “kontenut kulturali u artistiku”, “kapaċità ta' rendiment”, “komunikazzjoni” u “ġestjoni” kif ġej:

(1) fir-rigward tal-kategorija “kontribut għall-istrateġija fit-tul”, għandu jittieħed kont tal-fatturi li ġejjin:

(a) li strateġija kulturali għall-belt kandidata fil-mument tal-applikazzjoni, li tkopri l-azzjoni u tinkludi pjani għas-sostenn tal-attivitajiet kulturali lil hinn mis-sena tat-titolu tkun fis-seħħ fil-mument tal-applikazzjoni;

(b) il-pjani għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż l-iżvilupp ta' kollegamenti fit-tul bejn is-setturi kulturali, ekonomiċi u soċjali fil-belt kandidata;

(c) l-impatt kulturali, soċjali u ekonomiku fit-tul previst, inkluż l-iżvilupp urban, li t-titolu jkollu fuq il-belt kandidata;

(d) il-pjani għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tat-titolu fuq il-belt kandidata u għat-tixrid tar-riżultati tal-evalwazzjoni;

(2) fir-rigward tal-kategorija “dimensjoni Ewropea”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a) l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li jippromwovu d-diversità kulturali tal-Ewropa, djalogu interkulturali u fehim reċiproku akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej;

(b) l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li jenfasizzaw l-aspetti komuni tal-kulturi, il-patrimonju u l-istorja Ewropej kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea u temi attwali Ewropej;

(c) l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li fihom jipparteċipaw artisti Ewropej, il-kooperazzjoni mal-operaturi jew il-bliet f'pajjiżi differenti, inkluż, fejn xieraq, bliet detenturi tat-titolu u s-sħubiji transnazzjonali;

(d) l-istrateġija biex jiġi attirat l-interess ta' pubbliku Ewropew u internazzjonali wiesa';

(3) fir-rigward tal-kategorija “kontenut kulturali u artistiku”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a) viżjoni artistika u strateġija ċari u koerenti għall-programm kulturali;

(b) l-involviment ta' artisti u organizzazzjonijiet kulturali lokali fil-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-programm kulturali;

(c) il-firxa u d-diversità tal-attivitajiet proposti u l-kwalità artistika ġenerali tagħhom;

(d) il-kapaċità li tgħaqqad il-forom tal-arti tradizzjonali u l-wirt kulturali lokali ma' espressjonijiet kulturali ġodda, innovattivi u sperimentali;

(4) fir-rigward tal-kategorija “kapaċità ta' rendiment”, il-bliet kandidati għandhom juru li:

(a) l-applikazzjoni għandha l-appoġġ politiku wiesa' u b'saħħtu u impenn finanzjarju sostenibbli mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali;

(b) il-belt kandidata għandha jew ser ikollha infrastruttura vijabbli u adegwata biex iżżomm it-titolu;

(5) fir-rigward tal-kategorija “komunikazzjoni”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a) l-involviment tal-popolazzjoni lokali u s-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(b) il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal firxa wiesgħa ta' ċittadini biex jattendu jew jipparteċipaw f'attivitajiet kulturali, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, il-voluntiera u l-entitajiet emarġinati u żvantaġġati, inklużi l-minoranzi, b'attenzjoni speċjali għal persuni b'diżabbiltà u għall-anzjani fir-rigward tal-aċċessibbiltà ta' dawk l-attivitajiet;

(c) l-istrateġija ġenerali għall-iżvilupp tal-udjenza, u b'mod partikolari r-rabta mal-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-iskejjel;

(6) fir-rigward tal-kategorija “ġestjoni”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a) il-fattibbiltà tal-istrateġija għall-ġbir tal-fondi u tal-baġit propost, li tinkludi, fejn xieraq, il-pjani biex jinstab appoġġ finanzjarju mill-programmi u mill-fondi tal-Unjoni, u tkopri l-fażi tat-tħejjija, is-sena tat-titolu, l-evalwazzjoni u dispożizzjonijiet għal attivitajiet ta' segwitu, u l-ippjanar ta' kontinġenza;

(b) l-istruttura tal-governanza u ta' rendiment prevista għall-implimentazzjoni tal-azzjoni li tipprovdi, fost l-oħrajn, għal kooperazzjoni adegwata bejn l-awtoritajiet lokali u l-istruttura ta' rendiment, inkluż it-tim artistiku;

(c) il-proċeduri għall-ħatra tad-diretturi ġenerali u artistiċi u l-oqsma ta' azzjoni tagħhom;

(d) li l-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' komunikazzjoni hija komprensiva u tenfasizza li l-azzjoni hija azzjoni tal-Unjoni;

(e) li l-istruttura ta' rendiment għandha l-persunal b'ħiliet u esperjenza xierqa għall-ippjanar, il-ġestjoni u t-twettiq tal-programm kulturali għas-sena tat-titolu.

Artikolu 6

Bord ta' esperti

1.  Bord ta' esperti indipendenti (“il-bord”) għandu jiġi stabbilit biex iwettaq il-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ.

2.  Il-bord għandu jikkonsisti minn 10 esperti maħtura mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (“l-esperti Ewropej”) f'konformità mal-paragrafu 3.

3.  Wara li torganizza sejħa għall-wiri ta' interess, il-Kummissjoni għandha tipproponi grupp ta' esperti Ewropej potenzjali.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħżlu tliet esperti kull wieħed minn dak il-grupp u jaħtruhom f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom.

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jagħżel espert mill-grupp u jaħtar lil dak l-espert f'konformità mal-proċeduri tiegħu.

Fl-għażla tal-esperti Ewropej, kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom ifittxu li jiżguraw il-komplementarjetà tal-kompetenzi, distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata u bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni ġenerali tal-bord.

4.  Barra mill-esperti Ewropej, għall-għażla u l-monitoraġġ ta' belt minn Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun intitolat jaħtar sa żewġ esperti fuq il-bord f'konformità mal-proċeduri tiegħu stess u f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

5.  L-esperti kollha għandhom:

(a) ikunu ċittadini tal-Unjoni;

(b) ikunu indipendenti;

(c) ikollhom esperjenza u għarfien espert sostanzjali:

(i) fis-settur kulturali;

(ii) fl-iżvilupp kulturali tal-bliet; jew

(iii) fl-organizzazzjoni ta' avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jew f'avveniment kulturali internazzjonali ta' ambitu u skala simili;

(d) ikunu f'pożizzjoni li jiddedikaw numru xieraq ta' ġranet tax-xogħol fis-sena lill-bord.

6.  Il-bord għandu jinnomina l-president tiegħu.

7.  L-esperti Ewropej għandhom jinħatru għal perijodu ta' tliet snin.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-ewwel darba li jitwaqqaf il-bord, il-Parlament Ewropew għandu jaħtar l-esperti tiegħu għal tliet snin, il-Kummissjoni għal sentejn u l-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni għal sena.

8.  L-esperti kollha għandhom jiddikjaraw kwalunkwe konflitt ta' interess attwali jew potenzjali fir-rigward ta' belt kandidata speċifika. Fil-każ ta' dikjarazzjoni bħal din, jew jekk jirriżulta tali kunflitt ta' interess, l-espert ikkonċernat għandu jirriżenja u l-istituzzjoni jew il-korp rilevanti tal-Unjoni jew Stat Membru għandu jissostitwixxi lil dak l-espert għall-bqija tal-mandat, f'konformità mal-proċedura rilevanti.

Artikolu 7

Preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet fl-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bliet tiegħu f'konformità mal-kalendarju.

2.  L-Istati Membri kkonċernati għandhom jippubblikaw sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-anqas sitt snin qabel is-sena tat-titolu.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li huma intitolati jinnominaw belt biex iżżomm it-titolu fl-2020 għandhom jippubblikaw sejħa bħal din malajr kemm jista' jkun wara l-4 ta' Mejju 2014.

Kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-formola ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1).

L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-bliet kandidati għal kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun skedata mhux qabel 10 xhur minn meta tiġi ppubblikata.

3.  L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw l-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Preselezzjoni fl-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru kkonċernat għandu jlaqqa' l-bord għal laqgħa ta' preselezzjoni mal-bliet kandidati mhux aktar tard minn ħames snin qabel is-sena tat-titolu.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri intitolati li jinnominaw il-bliet biex iżommu t-titolu għas-sena 2020 jistgħu jestendu dik l-iskadenza għal mhux aktar minn sena.

2.  Il-bord, wara li jivvaluta l-applikazzjonijiet f'konformità mal-kriterji, għandu jaqbel dwar lista mqassra ta' bliet kandidati u għandu joħroġ rapport tal-preselezzjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha, filwaqt li jagħti, fost l-oħrajn, rakkomandazzjonijiet lill-bliet kandidati tal-lista mqassra.

3.  Il-bord għandu jippreżenta rapport ta' preselezzjoni lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni.

4.  Kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu japprova formalment il-lista mqassra bbażata fuq ir-rapporti tal-bord.

Artikolu 9

Għażla fl-Istati Membri

1.  Il-bliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu u jirrevedu l-applikazzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jikkonformaw mal-kriterji kif ukoll jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-preselezzjoni, u għandhom jippreżentawhom lill-Istat Membru kkonċernat, li mbagħad għandu jittrasmettihom lill-Kummissjoni.

2.  Kull Stat Membru kkonċernat għandu jlaqqa' l-bord għal laqgħa tal-għażla mal-bliet kandidati fil-lista mqassra mhux aktar tard minn disa' xhur wara l-laqgħa ta' preselezzjoni.

Fejn meħtieġ, l-Istat Membru kkonċernat, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jista' jestendi dik l-iskadenza ta' disa' xhur għal perijodu raġonevoli.

3.  Il-bord għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet lesti u riveduti.

4.  Il-bord għandu joħroġ rapport tal-għażla dwar l-applikazzjonijiet tal-bliet kandidati fil-lista mqassra b'rakkomandazzjoni għan-nomina ta' massimu ta' belt waħda fl-Istat Membru kkonċernat.

Ir-rapport tal-għażla għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt ikkonċernata dwar il-progress li jrid isir sas-sena tat-titolu.

Il-bord għandu jippreżenta rapport ta' preselezzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni.

5.  Minkejja l-paragrafu 4, jekk ebda belt kandidata ma tissodisfa l-kriterji kollha, il-bord jista' jirrakkomanda li t-titolu ma jingħatax għas-sena inkwistjoni.

Artikolu 10

▼M1

L-għażla minn qabel u l-għażla f'pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, f'pajjiżi kandidati u f'pajjiżi kandidati potenzjali

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali.

▼B

2.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-anqas sitt snin qabel is-sena tat-titolu.

Kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-formola ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1).

L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet taħt kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun skedata mhux qabel 10 xhur mill-pubblikazzjoni.

3.  Il-preselezzjoni tal-bliet għandha titwettaq mill-bord mill-anqas ħames snin qabel is-sena tat-titolu, abbażi tal-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom. Ma għandhiex tiġi organizzata laqgħa mal-bliet kandidati.

Il-bord, wara li jivvaluta l-applikazzjonijiet f'konformità mal-kriterji, għandu jaqbel dwar lista mqassra ta' bliet kandidati u għandu joħroġ rapport tal-preselezzjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha, filwaqt li jagħti, fost l-oħrajn, rakkomandazzjonijiet lill-bliet kandidati tal-lista mqassra.

Il-bord għandu jippreżenta r-rapport ta' preselezzjoni lill-Kummissjoni.

4.  Il-bliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu u jirrevedu l-applikazzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jikkonformaw mal-kriterji kif ukoll jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-preselezzjoni, u jippreżentawhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tlaqqa' l-bord għal laqgħa tal-għażla mal-bliet kandidati fil-lista mqassra mhux aktar tard minn disa' xhur wara l-laqgħa ta' preselezzjoni.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' testendi dik l-iskadenza ta' disa' xhur għal perijodu raġonevoli.

5.  Il-bord għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet lesti u riveduti.

▼M1

6.  Il-bord għandu joħroġ rapport tal-għażla dwar l-applikazzjonijiet tal-bliet kandidati fil-lista mqassra flimkien ma' rakkomandazzjoni għan-nomina ta' mhux aktar minn belt waħda f'pajjiż tal-EFTA/ŻEE, f'pajjiż kandidat jew f'pajjiż kandidat potenzjali wieħed.

▼B

Ir-rapport tal-għażla għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt ikkonċernata dwar il-progress li jrid isir sas-sena tat-titolu.

Il-bord għandu jippreżenta r-rapport tal-għażla lill-Kummissjoni.

7.  Minkejja l-paragrafu 6, jekk ebda belt kandidata ma tissodisfa l-kriterji kollha, il-bord jista' jirrakkomanda li t-titolu ma jingħatax għas-sena inkwistjoni.

Artikolu 11

Nomina

1.  Kull Stat Membru kkonċernat għandu jinnomina belt waħda biex iżżomm it-titolu, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-għażla tal-bord, u għandu jinnotifika, sa mhux aktar tard minn erba' snin qabel is-sena tat-titolu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'dik in-nomina.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri intitolati li jinnominaw il-bliet biex iżommu t-titolu għas-sena 2020 jistgħu jestendu dik l-iskadenza għal massimu ta' sena.

▼M1

2.  Fil-każ ta' pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, ta' pajjiżi kandidati u ta' pajjiżi kandidati potenzjali, il-Kummissjoni għandha tinnomina belt waħda biex iżżomm it-titlu fis-snin rilevanti, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-għażla tal-bord, u għandha tavża, mhux aktar tard minn erba' snin qabel is-sena tat-titlu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'dik in-nomina.

▼B

3.  In-nomini msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu akkumpanjati minn ġustifikazzjoni abbażi tar-rapporti tal-bord.

4.  Fejn belt tinvolvi ż-żona ta' madwarha, in-nomina għandha tapplika għall-belt.

5.  Fi żmien xahrejn tan-notifika tan-nomini, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-bliet nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura f'serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Kooperazzjoni bejn bliet nominati

Il-bliet nominati għall-istess sena għandhom ifittxu li jiżviluppaw rabtiet bejn il-programmi kulturali tagħhom u tali kooperazzjoni tista' tiġi kkunsidrata fil-qafas tal-proċedura ta' monitoraġġ stipulata fl-Artikolu 13.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.  Il-bord għandu jwettaq monitoraġġ tat-tħejjija tal-bliet nominati għas-sena tat-titolu u jipprovdilhom appoġġ u gwida minn meta jiġu nominati sal-bidu tas-sena tat-titolu.

2.  Għal dak il-fini, il-Kummissjoni għandha torganizza tliet laqgħat ta' monitoraġġ li għandhom jattendu għalihom il-bord u l-bliet nominati, kif ġej:

(a) tliet snin qabel is-sena tat-titolu;

(b) 18-il xahar qabel is-sena tat-titolu;

(c) xahrejn qabel is-sena tat-titolu.

▼M1

L-Istat Membru, il-pajjiż tal-EFTA/ŻEE, il-pajjiż kandidat jew il-pajjiż kandidat potenzjali kkonċernat jista' jinnomina osservatur biex jattendi dawk il-laqgħat.

▼B

Il-bliet nominati għandhom jippreżentaw rapporti dwar il-progress lill-Kummissjoni sitt ġimgħat qabel kull laqgħa ta' monitoraġġ.

Matul il-laqgħat ta' monitoraġġ, il-bord għandu jagħmel rendikont tat-tħejjijiet u jagħti parir bil-ħsieb li jgħin lill-bliet nominati jiżviluppaw programm kulturali ta' kwalità għolja u strateġija effettiva. Il-bord għandu jagħti attenzjoni speċjali lir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport dwar l-għażla u fi kwalunkwe wieħed mir-rapporti ta' monitoraġġ preċedenti msemmija fil-paragrafu 3.

3.  Wara kull laqgħa ta' monitoraġġ, il-bord għandu joħroġ rapport ta' monitoraġġ dwar l-istat tat-tħejjijiet u dwar kwalunkwe pass li għandu jittieħed.

▼M1

Il-bord għandu jibgħat ir-rapporti ta' monitoraġġ tiegħu lill-Kummissjoni, lill-bliet nominati u lill-Istati Membri tagħhom, kif ukoll lill-bliet nominati u lill-pajjiż tal-EFTA/ŻEE, lill-pajjiż kandidat jew lill-pajjiż kandidat potenzjali rilevanti.

▼B

4.  Barra mil-laqgħat ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' torganizza żjarat mill-membri tal-bord fil-bliet nominati kull meta jkun meħtieġ.

Artikolu 14

Premju

1.  Il-Kummissjoni tista' tagħti premju fi flus f'ġieħ Melina Mercouri (“il-premju”) lil belt nominata soġġett għall-finanzjament disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali rilevanti.

L-aspetti legali u finanzjarji tal-premju għandhom jiġu ttrattati fil-qafas tal-programmi rispettivi tal-Unjoni ta' appoġġ għall-kultura.

2.  Il-premju ta' flus għandu jitħallas sal-aħħar ta' Marzu tas-sena tat-titolu, sakemm il-belt nominata kkonċernata tibqa' tonora l-impenji li tkun għamlet fl-istadju tal-applikazzjoni, tikkonforma mal-kriterji u tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti tal-għażla u ta' monitoraġġ.

L-impenji magħmula fl-istadju tal-applikazzjoni għandhom jitqiesu li jkunu ġew onorati mill-belt nominata meta ma tkun saret ebda bidla sostanzjali għall-programm u l-istrateġija bejn l-istadju tal-applikazzjoni u s-sena tat-titolu, b'mod partikolari fejn:

(a) il-baġit inżamm f'livell li jippermetti t-twettiq ta' programm kulturali ta' kwalità għolja konformi mal-applikazzjoni u l-kriterji;

(b) l-indipendenza tat-tim artistiku ġiet rispettata b'mod xieraq;

(c) id-dimensjoni Ewropea baqgħet qawwija biżżejjed fil-verżjoni finali tal-programm kulturali;

(d) l-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni u komunikazzjoni u l-materjal ta' komunikazzjoni użat mill-belt nominata jirriflettu biċ-ċar il-fatt li l-azzjoni hija azzjoni tal-Unjoni;

(e) il-pjani għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tat-titolu fuq il-belt nominata jkunu fis-seħħ.

Artikolu 15

Arranġamenti prattiċi

Il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari:

(a) tiżgura l-koerenza ġenerali tal-azzjoni;

(b) tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-bord;

(c) fid-dawl tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2 u tal-kriterji, tistabbilixxi linji gwida biex jassistu fl-għażla u l-proċeduri ta' monitoraġġ f'kooperazzjoni mill-qrib mal-bord;

(d) tipprovdi appoġġ tekniku lill-bord;

(e) tippubblika, fuq is-sit tal-Internet tagħha, ir-rapporti kollha tal-bord;

(f) tirrendi ppubblika l-informazzjoni rilevanti kollha u tikkontribwixxi għall-viżibbiltà tal-azzjoni fil-livelli Ewropej u internazzjonali;

(g) trawwem l-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajba bejn bliet detenturi tat-titolu tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni, kif ukoll il-bliet kandidati, u tippromwovi disseminazzjoni aktar mifruxa tar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-bliet u l-lezzjonijiet meħuda.

Artikolu 16

Evalwazzjoni

1.  Kull belt ikkonċernata għandha tkun responsabbli għall-evalwazzjoni tar-riżultati fis-sena tagħha bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida u indikaturi komuni għall-bliet ikkonċernati abbażi tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 u tal-kriterji sabiex tiżgura approċċ koerenti fil-proċedura ta' evalwazzjoni.

Il-bliet ikkonċernati għandhom iħejju r-rapporti ta' evalwazzjoni tagħhom u jippreżentawhom lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena wara s-sena tat-titolu.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapporti ta' evalwazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

2.  Minbarra l-evalwazzjonijiet tal-bliet, il-Kummissjoni għandha tiżgura li evalwazzjonijiet esterni u indipendenti tar-riżultati tal-azzjoni jsiru fuq bażi regolari.

L-evalwazzjonijiet esterni u indipendenti għandhom jiffokaw biex iqiegħdu l-Kapitali Ewropej tal-Kultura kollha tal-imgħoddi f'kuntest Ewropew, b'mod li jistgħu jsiru paraguni u jittieħdu tagħlimiet għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-ġejjieni, kif ukoll għall-bliet Ewropej kollha. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-azzjoni bħala entità sħiħa, inklużi l-effiċjenza tal-proċessi involuti fit-tmexxija tal-azzjoni, l-impatt tagħha u l-modi kif tista' tittejjeb.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti li ġejjin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni abbażi ta' dawk l-evalwazzjonijiet, akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposti rilevanti:

(a) rapport interim inizjali sal-31 ta' Diċembru 2024;

(b) it-tieni rapport interim sal-31 ta' Diċembru 2029;

(c) rapport ex post sal-31 ta' Diċembru 2034.

Artikolu 17

Tħassir u dispożizzjonijiet transizzjonali

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE hija b'dan imħassra. Hija għandha madankollu tkompli tapplika fil-każ ta' bliet li ġew nominati jew huma fil-proċess li jiġu nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2013 sal-2019.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M1




ANNESS

KALENDARJU



2020

Il-Kroazja

L-Irlanda

 

2021

Ir-Rumanija

Il-Greċja

Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2022

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

 

2023

L-Ungerija

Ir-Renju Unit

 

2024

L-Estonja

L-Awstrija

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali (1)

2025

Is-Slovenja

Il-Ġermanja

 

2026

Is-Slovakkja

Il-Finlandja

 

2027

Il-Latvja

Il-Portugall

 

2028

Ir-Repubblika Ċeka

Franza

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2029

Il-Polonja

L-Iżvezja

 

2030

Ċipru

Il-Belġju

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2031

Malta

Spanja

 

2032

Il-Bulgarija

Id-Danimarka

 

2033

In-Netherlands

L-Italja

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

(1)   Dejjem jekk din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel ma tkun waslet biex tiġi ppubblikata s-sejħa għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-2024, jiġifieri sitt snin qabel is-sena tat-titlu.