02013R1296 — MT — 02.08.2018 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 1296/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 347 20.12.2013, p. 238)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2016/589 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' April 2016

  L 107

1

22.4.2016

►M2

REGOLAMENT (UE, Euratom) 2018/1046 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Lulju 2018

  L 193

1

30.7.2018




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 1296/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Suġġett

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (‘il-Programm’) li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta ' Ewropa 2020, inklużi l-miri ewlenin tagħha, il-Linji Gwida Integrati u l-inizjattivi ewlenin billi jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-għanijiet tal-Unjoni f’termini ta’ promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u sostenibbli, garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u diċenti, u ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

2.  Il-Programm għandu jibda mill-1 ta’ Jannar 2014 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1) "intrapriża soċjali" tfisser impriża, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li:

(a) f'konformita' mal-Artikoli ta' Assoċjazzjoni, Statuti jew ma' kwalunkwedokument legali ieħor li tkun stabbilita permezz tiegħu, għandha, bħala objettiv primarju, l-ilħiq ta' impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu, aktar milli l-ġenerazzjoni ta' profitti għas-sidien, il-membri u l-partijiet interessati tagħha, u li:

(i) tipprovdi servizzi jew prodotti li jiġġeneraw rendiment soċjali u/jew

(ii) timpjega metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettiv soċjali tagħha;

(b) tinvesti l-profitti tagħha l-ewwel u qabel kollox biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u jkollha implimentati proċeduri u regoli predefiniti li jkopru kwalunkwe distribuzzjoni tal-profitti lill-partijiet interessati jew lis-sidien, sabiex ikun żgurat li tali distribuzzjoni ta’ profitti ma timminax l-objettiv primarju;u,

(c) tkun immaniġjata b’mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, klijenti u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha;

(2) ‘mikrokreditu’ tfisser self sa EUR 25 000 ;

(3) "mikrointrapriża" tfisser intrapriża, inkluż persuna li taħdem għal-rasha, li tħaddem inqas minn 10 persuni,u li d-dħul annwali jew it-total tal-karta tal-bilanċ annwali tagħha ma jeċċedix EUR 2 miljun, b’mod konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 1 ),

(4) "mikrofinanzjament" jinkludi garanziji, mikrokreditu, ekwità u kważi-ekwità estiżi għal persuni u mikrointrapriżi li jesperjenzaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-kreditu;

(5) "innovazzjonijiet soċjali" huma innovazzjonijiet li huma soċjali kemm fil-finijiet tagħhom kif ukoll fil-mezzi li jużaw biex jaslu għal dawk il-finijiet u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda (dwar prodotti, servizzi u mudelli) li fl-istess ħin jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali u joħolqu relazzjonijiet soċjali ġodda jew kollaborazzjonijiet, biex b' hekk ikun ta' benefiċċju s-soċjetà u jagħtu spinta lill-kapaċità tagħha li taġixxi;

(6) "esperimentazzjoni tal-politika soċjali" tfisser interventi politiċi li li joffru risposta innovattiva għall-ħtiġijiet soċjali, implimentati fuq skala żgħira u f'kondizzjonijiet li jippermettu li l-impatt tagħhom jiġi mkejjelqabel ma jiġu ripetuti fuq skala ikbar, jekk ir-riżultati jkunu konvinċenti.

Artikolu 3

Struttura tal-Programm

1.  Il-Programm għandu jkun magħmul mit-tliet assi ta' kumplimentarjetà li ġejjin:

(a) L-assi Progress, li għandu jappoġġja l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' strumenti u politiki tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 u l-liġi rilevanti tal-Unjoni, u li għandu jippromwovi t-tfassil ta’ politika bbażata fuq evidenza, l-innovazzjoni soċjali u l-progress soċjali, bi sħubija mal-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra u korpi pubbliċi u privati;

(b) L-assi EURES, li għandu jappoġġja l-attivitajiet imwettqa mill-EURES, jiġifieri s-servizzi speċjalizzati magħżula mill-Istati taż-ŻEE u l-Konfederazzjoni Svizzera, flimkien ma’ sħab soċjali, fornituri oħra tas-servizzi tal-impjiegi u partijiet interessati oħra, għall-iżvilupp ta’ skambji u tixrid ta’ informazzjoni u forom oħra ta’ kooperazzjoni, bħas-sħubiji transfruntiera, għall-promozzjoni tal-mobilità volontarja ġeografika għall-ħaddiema fuq bażi ġusta u għall-kontribuzzjoni għal livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli;

(c) L-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali, li għandha iżżid l-aċċess u d-disponibilità tal-finanzjament tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi, skont l-Artikolu 26.

2.  Id-dispożizzjonijiet komuni stabbiliti f' dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-tliet assi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, flimkien mad- dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Titolu II.

Artikolu 4

Objettivi ġenerali tal-Programm

1.  Il-Programm għandu jipprova jilħaq l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a) isaħħaħ ir-responsabbiltà fost dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha, u jipproduċi azzjonijiet konkreti, ikkoordinati u innovattivi kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll tal-Istat Membru, fir-rigward tal-objettivi tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u korpi pubbliċi u privati;

(b) jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali u swieq tax-xogħol adegwati, aċċessibbli u effiċjenti u jiffaċilita r-riforma tal-politika, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, speċjalment billi ssir promozzjoni ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ħidma diċenti, kultura ta' prevenzjoni għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, bilanċ aktar f'saħħtu bejn il-ħajja professjonali u dik privata, u governanza tajba għall-objettivi soċjali, inkluż il-konverġenza, kif ukoll it-tagħlim reċiproku u l-innovazzjoni soċjali;

(c) jiżgura li l-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tiġi applikata b'mod effettiv u, fejn meħtieġ, tikkontribwixxi għall-immodernizzar tal-liġi tal-Unjoni b'mod konformi mal-prinċipji ta' xogħol diċenti, u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti;

(d) jippromwovi l-mobilità ġeografika volontarja tal-ħaddiema fuq bażi ġusta u jsaħħaħ l-opportunitajiet tax-xogħol billi jiżviluppa swieq tax-xogħol tal-Unjoni ta’ kwalità għolja u inklussivi li jkunu miftuħin u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jiġu id-drittijiet tal-ħaddiema fl-Unjoni kollha, inkluż il-moviment ħieles;

(e) jippromwovi l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali billi jżid id-disponibbiltà u l-aċċessibilità tal-mikrofinanzjament għal nies vulnerabbli li jkunu jixtiequ jibdew mikrointrapriża kif ukoll mikrointrapriżi eżistenti, u billi jagħti aċċess akbar għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali.

2.  Fit-twettiq ta' dawn l-objettivi, fl-assi u fl-azzjonijiet kollha tiegħu, il-Programm għandu jkollu l-għan li:

(a) jagħti attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, bħal pereżempju ż-żgħażagħ;

(b) jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż permezz tal-integrazzjoni tas-sessi u, fejn ikun xieraq, l-ibbaġitjar skont is-sess;

(c) jiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, l-oriġini tar-razza jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

(d) meta tiddefinixxi u timplementa il-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni, jippromwovi livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u deċenti, jiġġieled kontra l-qgħad fit-tul u kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Artikolu 5

Baġit

1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jammonta għal EUR 919 469 000 fi prezzijiet attwali.

▼M2

2.  Il-perċentwali indikattivi li ġejjin għandhom japplikaw bħala medja tul il-perijodu sħiħ tal-Programm għall-assi stabbiliti fl-Artikolu 3(1):

(a) ta’ tal-anqas 55 % għall-assi tal-Progress;

(b) tal-anqas 18 % għall-assi tal-EURES;

(c) tal-anqas 18 % għall-assi tal-Mikrofinanzjament u tal-Intraprenditorija Soċjali.

▼B

3.  Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu ta' mhux aktar minn 2 % tal-pakkett finanzjarju imsemmi fil-paragrafu 1 għall-finanzjament tal-infiq operattiv għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm.

4.  Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għall-assistenza finanzjarja, teknika u/jew amministrattiva, b’mod partikolari b’rabta mal-awditjar, l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni, il-laqgħat tal-esperti, u l-attivitajiet tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni ul-benefiċjarji.

5.  Approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 6

Azzjoni konġunta

Azzjonijiet eliġibbli taħt il-Programm jistgħu jiġu implimentati b’mod konġunt ma’ strumenti oħra tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet jissodisfaw l-objettivi kemm tal-Programm kif ukoll ta’ strumenti oħra konċernati.

Artikolu 7

Konsistenza u kumplimentarjetà

1.  Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura li l-attivitajiet imwettqa taħt il-Programm huma konsistenti, u komplimentari ma’ azzjoni oħra tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESIFs), kif speċifikati fil-Qafas Strateġiku Komuni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), u b'mod partikolari skont il-FSE.

2.  Il-Programm għandu jikkumplimenta programmi oħra tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri speċifiċi ta' dawk il-programmi. L-istess spejjeż eliġibbli ma għandhomx jirriżultaw f' finanzjament doppju, u sinerġiji mill-qrib għandhom ikunu żviluppati bejn il-Programm, programmi oħrajn tal-Unjoni u l-ESIFs, b'mod partikolari l-FSE.

3.  L-attivitajiet appoġġjati mill-Programm għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna tal-istat, u l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO.

4.  Il-konsistenza u l-kumplimentarjetà għandhom jiġu żgurati wkoll permezz ta’ involviment mill-qrib minn awtoritajiet lokali u reġjonali.

Artikolu 8

Kooperazzjoni ma' korpi rilevanti

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rabtiet meħtieġa mal-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Grupp tad-Diretturi Ġenerali għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema sabiex tiżgura li dawn ikunu informati regolarment u b’mod xieraq fir-rigward tal-progress fl-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll kumitati oħrajn li jittrattaw il-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet rilevanti għall-Programm.

Artikolu 9

Tixrid ta' riżultati u komunikazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tinforma l-partijiet interessati tal-Unjoni, inklużi l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar ir-riżultati li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-Programm u għandha tagħmel stedina għall-iskambju ta' opinjonijiet f'dak ir-rigward.

2.  Ir-riżultati tal-azzjonijiet implimentati taħt il-Programm għandhom jiġu regolarment ikkomunikati u mxerrda b’mod xieraq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-imsieħba soċjali u lill-pubbliku sabiex jiġu massimizzati l-impatt, is-sostenibilità u l-valur miżjud tal-Unjoni.

3.  Attivitajiet tal-komunikazzjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jinkorporaw il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea sakemm huma relatati mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament, u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dawk il-prijoritajiet lill-pubbliku.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.  Il-Kummisssjoni għandha tiġġestixxi l-Programm b’mod konformi mar-Regolament Finanzjarju.

2.  Il-ftehim tal-għotja għandu jispeċifika liema parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni se tkun ibbażata fuq ir-rimborż tal-ispejjeż attwali eliġibbli, u liema parti se tkun ibbażata fuq rati fissi, spejjeż ta' kull unità jew somom f'daqqa.

Artikolu 11

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri preventivi xierqa biex tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-Programm jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, ir-riżorsi jiġu rkuprati, primarjament permezz tal-kumpens tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn xieraq permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, f' konformita' mal-Artikolu 325 tat-TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 3 ) u r-Regolament Finanzjarju.

2.  Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, fuq il-bażi tad-dokumenti u verifiki fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tal-għotja, il-kuntratturi u sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-Programm.

3.  L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (EU, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 5 ), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk ġiex imwettaq att ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm għandu jkollhom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki u investigazzjonijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 12

Monitoraġġ

Bil-ħsieb tal-monitoraġġ regolari tal-Programm u kwalunkwe aġġustamenti meħtieġa għall-politika u l-prijoritajiet ta’ finanzjament tiegħu, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta' monitoraġġ kwalitattiv u kwantitattiv li jkopri l-ewwel sena, segwit minn tlett rapporti kwalitattivi u kwantitattivi li jkopru perjodi konsekuttivi ta' sentejn u għandha tibgħat dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi wkoll, għall-finijiet ta' informazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Ir-rapporti għandhom ikopru r-riżultati tal-Programm u l-punt safejn il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tas-sessi ġew applikati, u kif ukoll,kif il-kunsiderazzjonijiet tal-antidiskriminazzjoni, inklużi kwistjonijiet tal-aċċessibilità, ġew indirizzati permezz tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapporti għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biex tittejjeb it-trasparenza tal-Programm.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.  Evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-Programm għandha titwettaq sa l-1 ta' Lulju 2017 sabiex jitkejjel, fuq bażi kwalitattiva u kwantitattiva, il-progress fl-ilħuq tal-objettivi tal-Programm, jiġi indirizzat l-ambjent soċjali fl-Unjoni u kwalunkwe bidla kbira introdotta mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, jiġi ddeterminat jekk ir-riżorsi tal-Programm ntużawx b'mod effiċjenti u sabiex jiġi vvalutat il-valur miżjud tiegħu għall-Unjoni. Ir-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.  Jekk l-evalwazzjoni msemmija f'paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew kwalunkwe evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE jew l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE, tiżvela li l-Programm għandu nuqqasijiet prinċipali, l-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, inklużi emendi xierqa għall-Programm li jieħdu kont tar-riżultati tal-evalwazzjoni.

3.  Qabel ma tiġi ppreżentata kwalunkwe proposta għat-tiġdid tal-Programm lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni dwar is-saħħa u n-nuqqasijiet kunċettwali tal-Programm tal-perjodu 2014-2020 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

4.  Sal-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tevalwa ex-post l-impatt tiegħu u l-valur miżjud tal-Programm tal-Unjoni u għandha tgħaddi rapport li fiha dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.



TITOLI II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ASSI TAL-PROGRAMM



KAPITOLU I

L-assi progress

▼M2

Artikolu 14

Taqsimiet tematiċi u finanzjament

1.  L-assi tal-Progress għandu jappoġġa l-azzjonijiet fit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c). Matul il-perijodu kollu tal-Programm, it-tqassim indikattiv tal-allokazzjoni globali għall-assi tal-Progress bejn it-taqsimiet tematiċi differenti għandu jirrispetta l-perċentwali minimi li ġejjin:

(a) impjieg, partikolarment biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ: 20 %;

(b) il-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-faqar: 45 %;

(c) il-kondizzjonijiet tax-xogħol: 7 %.

Kwalunkwe parti li tibqa’ għandha tiġi allokata għal waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu, jew għal kombinament tagħhom.

2.  Mill-allokazzjoni globali għall-assi tal-Progress, sehem sinifikanti għandu jiġi allokat għall-promozzjoni tal-esperimentazzjoni soċjali bħala metodu għall-ittestjar u għall-evalwazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi bil-għan li jiġu applikati fuq skala akbar.

▼B

Artikolu 15

Objettivi speċifiċi

Minbarra l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4, l-objettivi speċifiċi tal-assi Progress għandhom ikunu:

(a) żvilupp u tixrid ta’ għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 ikunu bbażati fuq evidenza soda u jkunu rilevanti għall-ħtiġijiet, l-isfidi u l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri individwali u pajjiżi oħra parteċipanti fil-Programm;

(b) faċilitazzjoni ta' kondiviżjoni ta’ informazzjoni inklussiva u effettiva, tagħlim reċiproku u djalogu dwar l-impjiegi u l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali sabiex l-Istati Membri u pajjiżi oħra parteċipanti fil-Programm jiġu assistiti fl-iżvilupp tal-politiki tagħhom u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(c) provvista ta’ appoġġ finanzjarju sabiex jittestjaw l-innovazzjonijiet tal-politika soċjali u tas-suq tax-xogħol u, fejn ikun meħtieġ, jibnu l-kapaċità tal-atturi ewlenin sabiex ifasslu u jimplimentaw esperimentazzjoni tal-politika soċjali, u jagħmlu l-għarfien u l-kompetenzi rilevanti aċċessibbli;

(d) provvista ta’ appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-Unjoni u nazzjonali sabiex iżżid il-kapaċità tagħhom biex jiżviluppaw, jippromwovu u jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' strumenti u politiki tal-Unjoni dwar l-impjiegi u l-politika soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif imsemmija fl-Artikolu 1 u l-liġi rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 16

Tipi ta’ azzjonijiet

It-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-assi Progress:

1. Attivitajiet analitiċi:

(a) il-ġbir ta’ data u statistika, b’kunsiderazzjoni ta’ kriterji sew kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, u l-iżviluppar ta’ metodoloġiji, klassifikazzjonijiet, indikaturi u parametri referenzjarji komuni, meta jkun xieraq maqsumin skont is-sess u l-grupp tal-età;

(b) stħarriġ, studji, analiżi u rapporti, inkluż permezz tal-finanzjament ta’ netwerks ta’ esperti u l-iżvilupp ta’ għarfien espert fit-taqsimiet tematiċi;

(c) evalwazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi u valutazzjonijiet tal-impatt mwettqa kemm minn korpi pubbliċi kif ukoll privati;

(d) monitoraġġ u valutazzjoni tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(e) tħejjija u implimentazzjoni tal-esperimentazzjoni soċjali bħala metodu għall-ittestjar u l-evalwazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi bil-ħsieb li jiżdiedu proporzjonalment;

(f) tixrid tar-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet analitiċi.

2. Attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku, għarfien u tixrid:

(a) skambji u tixrid ta’ prattika tajba, approċċi innovattivi u esperjenza, reviżjonijiet bejn il-pari, valutazzjoni komparattiva u tagħlim reċiproku fil-livell Ewropew;

(b) Avvenimenti, konferenzi u seminars tal-Presidenza tal-Kunsill;

(c) taħriġ ta' prattikanti legali u politiċi;

(d) abbozzar u pubblikazzjoni ta’ gwidi, rapporti u materjal edukattiv u miżuri relatati mal-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-kopertura tal-media dwar l-inizjattivi appoġġjati mill-Programm;

(e) attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

(f) żvilupp u manutenzjoni ta’ sistemi tal-informazzjoni sabiex tiġi skambjata u disseminata informazzjoni dwar il-politika u l-leġislazzjoni tal-Unjoni u dwar is-suq tax-xogħol.

3. Appoġġ fir-rigward ta’:

(a) l-ispejjeż operattivi tan-netwerks ewlenin fil-livell tal-Unjoni li l-attivitajiet tagħhom huma relatati u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-assi Progress;

(b) tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali u servizzi ta’ speċjalisti responsabbli għall-promozzjoni tal-mobbiltà ġeografika magħżula mill-Istati Membri u l-fornituri ta’ mikrokreditu;

(c) organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ ħidma tal-uffiċjali nazzjonali sabiex jimmonitorjaw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(d) netwerking u kooperazzjoni fost il-korpi speċjalizzati u partijiet interessati rilevanti oħra, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u s-servizzi tal-impjiegi fil-livell tal-Unjoni;

(e) finanzjament ta’ osservatorji fil-livell tal-Unjoni, inkluż dwar it-taqsimiet tematiċi ewlenin;

(f) skambju ta’ persunal bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 17

Kofinanzjament tal-Unjoni

Meta l-attivitajiet taħt l-assi Progress jiġu ffinanzjati wara sejħa għall-proposti, dawn jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-Unjoni li, bħala regola ġenerali, m'għandux jaqbeż it-80 % tal-infiq totali eliġibbli. Kwalunkwe appoġġ finanzjarju li jaqbeż dan il-limitu massimu jista' jingħata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali ġustifikati kif dovut.

Artikolu 18

Parteċipazzjoni

1.  Il-parteċipazzjoni fl-assi Progress għandha tkun miftuħa għal:

(a) l-Istati Membri;

(b) il-pajjiżi taż-ŻEE, f’konformità mal-ftehim taż-ŻEE, u l-istati membri tal-EFTA;

(c) il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet qafas konklużi magħhom dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni.

2.  L-assi Progress għandu jkun miftuħ għall-korpi, atturi u istituzzjonijiet kollha pubbliċi u/jew privati, u b’mod partikolari:

(a) l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b) servizzi tal-impjiegi;

(c) korpi speċjalizzati previsti skont il-liġi tal-Unjoni;

(d) l-imsieħba soċjali;

(e) organizzazzjonijiet mhux governattivi;

(f) istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u istituti tar-riċerka;

(g) esperti fl-evalwazzjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt;

(h) uffiċċji tal-istatistika nazzjonali;

(i) il-media.

3.  Il-Kummissjoni tista’ tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u b’mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD, l-ILO u ma' korpi oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, u mal-Bank Dinji.

4.  Il-Kummissjoni tista’ tikkoopera ma’ pajjiżi terzi li mhux qed jipparteċipaw fil-Programm. Ir-rappreżentanti ta’ dawn il-pajjiżi terzi jistgħu jattendu avvenimenti ta’ interess reċiproku (bħal konferenzi, workshops u seminars) li jsiru fil-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Programm u l-ispiża tal-attendenza tagħhom tista’ tkun koperta mill-Programm.



KAPITOLU II

L-assi EURES

▼M2

Artikolu 19

Taqsimiet tematiċi u finanzjament

L-assi tal-EURES għandu jappoġġa l-azzjonijiet fit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c). Matul il-perijodu kollu tal-Programm, it-tqassim indikattiv tal-allokazzjoni globali għall-assi tal-EURES bejn it-taqsimiet tematiċi differenti għandu jirrispetta l-perċentwali minimi li ġejjin:

(a) it-trasparenza tal-postijiet tax-xogħol vakanti, tal-applikazzjonijiet u ta’ kull informazzjoni relatata oħra għall-applikanti u għal min iħaddem: 15 %;

(b) l-iżvilupp ta’ servizzi għar-reklutaġġ u l-kollokament ta’ ħaddiema fl-impjieg permezz tal-ikklerjar ta’ pożizzjonijiet ta’ impjiegi vakanti u applikazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni, partikolarment skemi ta’ mobilità mmirati: 15 %;

(c) is-sħubijiet transfruntiera: 18 %.

Kwalunkwe parti li tibqa’ għandha tiġi allokata għal waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu, jew għal kombinament tagħhom.

▼B

Artikolu 20

Objettivi speċifiċi

Minbarra l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4, l-objettivi speċifiċi tal-assi EURES għandhom ikunu li:

(a) jiżguraw li postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet tax-xogħol u informazzjoni korrispondenti u konsulenza kif ukoll kwalunkwe informazzjoni relatata bħal pereżempju kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol isiru trasparenti għall-applikanti potenzjali u għal min iħaddem, rispettivament. Dan għandu jinkiseb permezz ta'skambju u t-tixrid tagħhom fil-livell transnazzjonali, interreġjonali u transfruntiera permezz tal-użu ta’ formoli standard tal-interoperabilità għall-postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet tax-xogħol u permezz ta' mezzi xierqa oħra, bħal konsulenza u mentoring individwali, speċjalment għal dawk b'ħiliet limitati;

(b) l-appoġġ għall-provvista ta' servizzi EURES għar-reklutaġġ u l-kollokament ta’ ħaddiema f' impjieg ta' kwalità u sostenibbli permezz tal-ikklerjar ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għax-xogħol; l-appoġġ għas-servizzi EURES għandu jestendi għad-diversi fażijiet ta' kollokament, li jvaraw mit-tħejjija ta’ qabel ir-reklutaġġ għal assistenza ta’ wara l-kollokament bil-ħsieb tal-integrazzjoni b’suċċess tal-applikant fis-suq tax-xogħol; dawn is-servizzi ta' appoġġ jistgħu jinkludu skemi ta’ mobbiltà mmirati għall-mili ta’ postijiet tax-xogħol battala f'ċertu settur, okkupazzjoni, pajjiż jew grupp ta' pajjiżi jew għal gruppi partikolari ta' ħaddiema, bħaż-żgħażagħ, b'tendenza li jkunu mobbli, fejn ġiet identifikata ħtieġa ekonomika ċara.

Artikolu 21

Tipi ta' azzjonijiet

L-assi EURES jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw azzjonijiet għall-promozzjoni tal-mobilità volontarja ta’ individwi fl-Unjoni fuq bażi ġusta u għat-tneħħija ta’ ostakoli għall-mobilità, u b'mod partikolari:

(a) l-iżvilupp u l-attivitajiet ta' sħubiji transfruntiera EURES, meta dawn jintalbu minn servizzi li jkunu territorjalment responsabbli għar-reġjuni mal-fruntiera;

(b) il-proviżjoni ta' informazzjoni, konsulenza, servizzi ta' kollokament u reklutaġġ għal ħaddiema transfruntiera;

(c) l-iżvilupp ta’ pjattaforma diġitali multilingwi għall-postijiet battala tax-xogħol u l-applikazzjonijiet għax-xogħol;

(d) l-iżvilupp ta' skemi ta’ mobbiltà mmirati, wara sejħiet għal proposti, sabiex jimlew il-postijiet tax-xogħol battala, fejn ġew identifikati nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, u/jew sabiex jgħinu l-ħaddiema b'tendenza li jkunu mobbli, fejn ġiet identifikata ħtieġa ekonomika ċara;

(e) tagħlim reċiproku fost l-atturi tal-EURES u t-taħriġ tal-konsulenti tal-EURES, inklużi l-konsulenti tas-sħubija transfruntiera tal-EURES;

(f) attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali b'mod ġenerali u l-attivitajiet u s-servizzi pprovduti mill-EURES.

Artikolu 22

Kofinanzjament tal-Unjoni

Meta l-attivitajiet taħt l-assi EURES jiġu ffinanzjati wara sejħa għall-proposti, jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-Unjoni li, bħala regola ġenerali, m'għandux jeċċedi il-95 % tal-infiq totali eliġibbli. Kwalunkwe appoġġ finanzjarju li jaqbeż dan il-limitu massimu għandu jingħata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali ġustifikati kif dovut.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 24

Parteċipazzjoni

1.  Parteċipazzjoni fl-assi EURES għandha tkun miftuħa għal-:

(a) l-Istati Membri;

(b) il-pajjiżi taż-ŻEE, f' konformità mal-Ftehim taż-ŻEE, u l-Konfederazzjoni Svizzera, f'konformità mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni ( 6 ).

▼M1

2.  L-assi EURES għandu jkun miftuħ għall-korpi, l-atturi u l-istituzzjonijiet kollha maħtura minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-EURES, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ). Dawn il-korpi, l-atturi u l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a) l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b) is-servizzi ta' impjieg;

(c) l-organizzazzjonijiet l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra.

▼B



KAPITOLU III

L-assi tal-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali

▼M2

Artikolu 25

Taqsimiet tematiċi u finanzjament

L-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għandu jappoġġa l-azzjonijiet fit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a) u (b). Matul il-perijodu kollu tal-Programm, it-tqassim indikattiv tal-allokazzjoni globali għall-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali bejn it-taqsimiet tematiċi differenti għandu jirrispetta l-perċentwali minimi li ġejjin:

(a) mikrofinanzjament għall-gruppi vulnerabbli u għall-mikrointrapriżi: 35 %;

(b) intraprenditorija soċjali: 35 %.

Kwalunkwe parti li tibqa’ għandha tiġi allokata għal waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu, jew għal kombinament tagħhom.

▼B

Artikolu 26

Objettivi speċifiċi

Minbarra l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4, l-objettivi speċifiċi tal-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għandhom ikunu li:

(a) jiżdied l-aċċess għal mikrofinanzjament u d-disponibiltà għalih għal:

(i) persuni vulnerabbli li tilfu jew li huma fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, jew li għandhom diffikultà sabiex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, jew huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, jew li huma soċjalment esklużi, u li huma f’pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali u li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw il-mikrointrapriżi proprji tagħhom;

(ii) mikrointrapriżi sew fil-fażi tal-bidu kif ukoll tal-iżvilupp, speċjalment mikrointrapriżi li jimpjegaw persuni kif imsemmi fil-punt (i);

(b) tinbena l-kapaċità istituzzjonali tal-fornituri tal-mikrokreditu;

(c) jiġiappoġġat l-iżvilupp tas-suq tal-investiment soċjali u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għal intrapriżi soċjali billi tirrendi disponibbli l-ekwità, il-kważi-ekwità, l-istrumenti tas-self u l-għotjiet sa EUR 500 000 għall-intrapriżi soċjali, li jew għandhom dħul annwali li ma jeċċedix EUR 30 miljun, jew total tal-karta tal-bilanċ annwali li ma jeċċedix EUR 30 miljun, li mhumiex huma stess intrapriża tal-investiment kollettiv.

Sabiex jiżguraw il-komplimentarjetà, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, jikkoordinaw dawn l-azzjonijiet ma' dawk meħuda fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni u l-politiki nazzjonali.

Artikolu 27

Tipi ta’ azzjonijiet

Appoġġ għall-intrapriżi ta' mikrofinanzjament u soċjali, inkluż għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, partikolarment permezz tal-istrumenti finanzjarji pprovduti skont it-Titolu VIII tal-Ewwel Parti tar-Regolament Finanzjarju u għotjiet jistgħu jiġu pprovduti taħt l-assi tal-Mikrofinanza u Enterpriżi Soċjali.

Artikolu 28

Parteċipazzjoni

1.  Il-parteċipazzjoni taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għandha tkun miftuħa għall-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 16(1) u li jipprovdu f’dawk il-pajjiżi:

(a) mikrofinanzjament għal persuni u mikrointrapriżi; u/jew

(b) finanzjament għal intrapriżi soċjali.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assi tkun aċċessibbli, mingħajr diskriminazzjoni, għall-korpi pubbliċi u privati kollha fl-Istati Membri.

3.  Sabiex jintlaħqu l-benefiċjarji finali u jinħolqu mikrointrapriżi, kompetittivi, vijabbli, korpi pubbliċi u privati li jwettqu attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal- paragrafu 1 għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirrappreżentaw l-interessi tal-benefiċjarji finali tal-mikrokreditu u ma’ organizzazzjonijiet, b’mod partikolari dawk appoġġjati mill-FSE, u għandhom jipprovdu programmi ta’ mentoring u taħriġ għal dawn il-benefiċjarji finali. F'dan il-kuntest, għandu jiġi żgurat segwitu suffiċjenti tal-benefiċjarji kemm qabel kif ukoll wara l-ħolqien tal-mikrointrapriża.

4.  Il-korpi pubbliċi u privati li jwettqu attivitajiet kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1għandhom jaderixxu mal-istandards għoljin li jikkonċernaw it-tmexxija, il-ġestjoni u l-protezzjoni tal-klijent b’konformità mal-prinċipji tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta’ Mikrokreditu u għandhom jippruvaw jipprevjenu li persuni u impriżi jkollhom dejn eċċessiv, pereżempju, minħabba l-għoti ta’ self b’rati ta’ interess għolja ħafna jew b’kundizzjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-insolvenza tagħhom.

Artikolu 29

Kontribuzzjoni finanzjarja

Minbarra fil-każ ta' azzjonijiet konġunti, l-appropriazzjonijiet finanzjarji allokati għall-assi Mikrofinanzjarji u ta' Intraprenditorja Soċjali għandhom ikopru l-ispejjeż kollha tal-azzjonijiet implimentati permezz ta' srumenti finanzjarja, inklużi l-obbligi ta' ħlas lejn intermedjarji finanzjarji, bħal telf minn garanziji, ħlasijiet ta' managiment għall-entitajiet finanzjarji internazzjonali li jimmaniġjaw il-kontribut tal-Unjoni u kwalunkwe kosts oħra eliġibbli.

Artikolu 30

Ġestjoni

1.  Sabiex jiġu implimentati l-instrumenti u l-għotjiet imsemmija fl-Artikolu 27, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 139(4) tar-Regolament Finanzjarju, u b'mod partikolari mal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment. Dawn il-ftehimiet għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti fdati lil dawk l-entitajiet finanzjarji, inklużi dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-ħtieġa sabiex tiġi żgurata l-addizzjonalità u l-koordinazzjoni ma’ strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni u nazzjonali u sabiex ir-riżorsi jiġu distribwiti b’mod bilanċjat fost l-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra. L-istrumenti finanzjarji taħt it-Titolu VIII tal-Ewwel Parti tar-Regolament Finanzjarju, jistgħu jitwasslu permezz ta' strument ta' investiment iddedikat, li jista' jiġi ffinanzjat mill-fondi tal-Programm, investituri oħra jew mit-tnejn.

2.  L-istrument dedikat ta' investiment imsemmija fil-paragrafu 1 jista' jipprovdi fost l-oħrajn, self, kapital ta' ekwità u strumenti li jikkondividu r-riskju għall-intermedjarji jew finanzjament dirett għall-intrapriżi soċjali jew inkella t-tnejn li huma. Il-kapital ta' ekwità jista' jiġi pprovdut, fost l-oħrajn, fil-forma ta' parteċipazzjoni miftuħa ta' ekwità, parteċipazzjoni bla vot (dormant holdings), self mill-azzjonisti, kif ukoll kombinamenti ta' tipi differenti ta' parteċipazzjonijiet ta' ekwità maħruġa lill-investituri.

3.  Il-kundizzjonijiet, bħalma huma r-rati ta' interess, għal mikrokrediti appoġġjati direttament jew indirettament fil-qafas ta' dan l-assi, għandhom jirriflettu l-benefiċċju tal-appoġġ u għandu jkunu ġustifikabbli fir-rigward tar-riskji sottostanti u l-ispejjeż reali relatat ma' kreditu.

4.  Skont l-Artikolu 140(6) tar-Regolament Finanzjarju, il-ħlasijiet lura annwali ġenerati minn strument finanzjarju wieħed għandhom jiġu assenjati għal dak l-istrument finanzjarju sal-1 ta' Jannar 2024, filwaqt li d-dħul għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni wara t-tnaqqis tal-ispejjeż u tariffi ta' ġestjoni. Għall-istrumenti finanzjarji li diġà huma implimentati fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2007-2013, il-ħlasijiet lura annwali u d-dħul ġenerati mill-operazzjonijiet li bdew fil-perijodu preċedenti għandhom jiġu assenjati għall-istrument finanzjarju fil-perijodu attwali.

5.  Mal-iskadenza tal-ftehimiet konklużi mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew wara t-terminazzjoni tal-perijodu ta’ investiment tal-istrument ta’ investiment speċjalizzat, il-bilanċ dovut lill-Unjoni għandu jitħallas fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

6.  L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, fejn rilevanti, il-maniġers tal-fond għandhom jikkonkludu ftehimiet bil-miktub mal-korpi pubbliċi u privati msemmija fl-Artikolu 28. Dawn il-ftehimiet għandhom jistabbilixxu l-obbligi tal-fornituri pubbliċi u privati sabiex jużaw ir-riżorsi li ġew magħmula disponibbli taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali b’mod konformi mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 u sabiex jipprovdu informazzjoni għall-abbozzar ta’ rapporti annwali ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 31.

Artikolu 31

Rapporti dwar l-implimentazzjoni

1.  L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 30(1) u, fejn rilevanti, il-maniġers tal-fond, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapporti dwar l-implimentazzjoni annwali li jistabbilixxu l-attivitajiet li ngħataw appoġġ u li jkopru l-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom u l-allokazzjoni u l-aċċessibbiltà ta' finanzjament u investiment bis-settur, żona ġeografika u tip ta' benefiċjarju. Dawk ir-rapporti għandhom ukoll jistabbilixxu l-applikazzjonijiet aċċettati jew miċħuda rigward kull objettiv speċifiku u l-kuntratti konklużi mill-korpi pubbliċi u privati konċernati, l-azzjonijiet iffinanzjati u r-riżultati, inklużi f’termini tal-impatt soċjali tagħhom, il-ħolqien ta' impjiegi u sostenibbiltà tal-appoġġ mogħti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew għal finijiet ta' informazzjoni.

2.  L-informazzjoni provduta f’dawk ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni biennali għandha tiddaħħal fir-rapporti dwar il-monitoraġġ annwali previsti fl-Artikolu 12. Dawn ir-rapporti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu r-rapporti annwali previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE, informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u informazzjoni dwar il-komplimentarjetà ma' strumenti oħra tal-Unjoni, speċjalment il-FSE.



TITOLU III

PROGRAMMI TA' ĦIDMA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Programmi ta' Ħidma

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implementazzjoni li jistipulaw programmi ta' ħidma li jkopru t-tlett assi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3).

▼M2

Il-programmi ta’ ħidma għandhom, fejn rilevanti, ikunu għal perjodu rikorrenti ta’ tliet snin u għandu jkollhom deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, il-proċeduri għall-għażla tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni, il-kopertura ġeografika, l-udjenza fil-mira u qafas ta’ żmien indikattiv għall-implimentazzjoni. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jinkludu wkoll indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull objettiv speċifiku. Il-programmi ta’ ħidma għandhom isaħħu l-koerenza tal-Programm billi jiġu indikati r-rabtiet bejn it-tlett assi.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 35

Miżuri ta'implimentazzjoni addizjonali

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal pereżempju l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-Programm, inklużi dawk relatati mal-effikaċja tal-ispejjeż u l-arranġamenti għat-tixrid u t-trasferiment tar-riżultati, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 36(2).

Artikolu 36

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 37

Miżuri tranżitorji

L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE, li jinbdew qabel l-1 ta' Jannar 2014 għandhom jibqgħu jiġu rregolati minn dik id-Deċiżjoni. Fir-rigward ta' dawk l-azzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 36 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Evalwazzjoni

1.  L-evalwazzjoni finali prevista fl-Artikolu 13(4) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi l-evalwazzjoni finali prevista fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE.

2.  Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali speċifika tal-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali mhux aktar tard minn sena wara l-iskadenza tal-ftehimiet mal-entitajiet.

Artikolu 39

Emendi għad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE

Deċiżjoni Nru 283/2010/UE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.  Mal-iskadenza tal-Faċilità, il-bilanċ dovut lill-Unjoni għandu jkun magħmul disponibbli għall-mikrofinanzjament u jappoġġja lill-intrapriżi soċjali b’mod konformi mar-Regolament Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") ( *1 ).

(2) Fl-Artikolu 8, jitħassru l-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( 6 ) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

( 7 ) Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).

( *1 ) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238"