02013R1257 — MT — 04.07.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 1257/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2013

dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 330 10.12.2013, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2018/853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Mejju 2018

  L 150

155

14.6.2018




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 1257/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2013

dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jevita, inaqqas, jimminimizza u sa fejn huwa prattikabbli jelimina aċċidenti, danni u impatti negattivi oħra fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżati mir-riċiklaġġ tal-bastimenti. L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li saħħaħ is-sigurtà, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent marittimu tal-Unjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bastiment, b’mod partikolari biex jiżgura li l-iskart perikoluż minn dan ir-riċiklaġġ tal-bastimenti ikun soġġett għal ġestjoni li tħares l-ambjent.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli biex tiġi żgurata l-ġestjoni tajba tal-materjali perikolużi fuq il-bastimenti.

Dan ir-Regolament għandu wkoll l-għan li jiffaċilita r-ratifika tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ħong Kong dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent (“il-Konvenzjoni ta’ Hong Kong”).

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 12, għandu japplika għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru.

L-Artikolu 12 għandu japplika għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz li jkunu deħlin f’port jew ankraġġ ta’ Stat Membru.

2.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a) kwalunkwe bastiment tal-gwerra, awżiljarju navali jew bastiment ieħor proprjetà ta’ jew operat minn stat u użat f’dak iż-żmien, għal servizz mhux kummerċjali governattiv biss;

(b) bastimenti ta’ inqas minn 500 tunellaġġ gross (GT);

(c) bastimenti li joperaw tul il-ħajja tagħhom f’ilmijiet suġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li l-bastiment jtajjar il-bandiera tiegħu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “bastiment” ifisser vapur ta’ kull tip li jopera jew li kien jopera fl-ambjent marittimu u jinkludi sommersibbli, inġenji tal-baħar galleġġjanti, pjattaformi li ma jegħrqux, pjattaformi awtoelevati, unitajiet galleġġjanti tal-ħażna (Floating Storage Units (FSUs)) u unitajiet galleġġjanti tal-produzzjoni tal-ħażna u tal-ħatt (Floating Production Storage and Offloading Units (FSPOs)), kif ukoll vapur żarmat mit-tagħmir jew li jkun qed jiġi rmunkat;

(2) “bastiment ġdid” ifisser bastiment li għalih:

(a) il-kuntratt ta’ kostruzzjoni ikun ġie stipulat fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; jew

(b) fin-nuqqas ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni, i l-prim ikun tqiegħed jew il-bastiment ikun fi stadju simili ta’ kostruzzjoni sitt xhur wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew wara, jew

(c) il-kunsinna ssir tletin xahar wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew wara;

(3) “tanker” ifisser tanker taż-żejt kif definit fl-Anness I għall-Konvenzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (il-“Konvenzjoni MARPOL”) jew tanker ta’ Sustanzi Likwidi Noċivi (NLS) kif definit fl-Anness II għal dik il-Konvenzjoni;

(4) “materjal perikoluż” ifisser kwalunkwe materjal jew sustanza li jista’ joħloq perikli għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent;

(5) “skart iġġenerat mill-operat” ifisser ilma mormi u residwi ġġenerati minn operazzjoni normali tal-bastimenti suġġetti għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni MARPOL;

(6) “riċiklaġġ tal-bastimenti” ifisser attività ta’ żarmar komplet jew parzjali ta’ bastiment f’faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti sabiex ikunu rkuprati komponenti u materjali għall-ipproċessar mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid jew għall-użu mill-ġdid filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni tal-materjali perikolużi u oħrajn, u tinkludi operazzjonijiet assoċjati bħall-ħżin u t-trattament ta’ komponenti u materjali fuq is-sit iżda mhux l-ipproċessar ulterjuri tagħhom jew ir-rimi f’faċilitajiet separati;

(7) “faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti” ifisser żona definita li hija tarzna jew faċilità mibnija li tinsab fi Stat Membru jew f’pajjiż terz u użata għar-riċiklaġġ tal-bastimenti;

(8) “kumpannija ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti” ifisser, is-sid tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra li tkun ħadet ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-attività tar-riċiklaġġ tal-bastiment mis-sid tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti;

(9) “amministrazzjoni” ifisser awtorità governattiva nominata minn Stat Membru bħala responsabbli għal kompiti relatati ma’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jew għal bastimenti li joperaw taħt l-awtorità tagħha;

(10) “organizzazzjoni rikonoxxuta” ifisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir- Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(11) “awtorità kompetenti” ifisser awtorità jew awtoritajiet governattiva(i) nominata(i) minn Stat Membru jew pajjiż terz bħala responsabbli għal faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, f’żona ġeografika speċifikata jew f’qasam espert, relatati mal-operazzjonijiet kollha fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-istat;

(12) “tunnellaġġ gross” ifisser it-tunnellaġġ gross (gross tonnage (GT)) ikkalkulat skont ir-regolamenti dwar il-kejl tat-tunnellaġġ li jinsabu fl-Anness I għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti, 1969 jew kwalunkwe konvenzjoni suċċessiva;

(13) “persuna kompetenti” ifisser persuna li għandha kwalifiki u taħriġ adegwati u għarfien, esperjenza u ħila suffiċjenti, sabiex tagħmel ix-xogħol speċifiku;

(14) “sid ta’ bastiment” ifisser persuna naturali jew legali rreġistrata bħala s-sid tal-bastiment inkluża persuna naturali jew legali li għandha s-sjieda tal-bastiment għal perijodu limitat sakemm jinbiegħ jew jittieħed f’faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, jew fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, il-persuna naturali jew legali li hija s-sid tal-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-amministratur jew in-nolleġġatur tal-bareboat, li ħadet ir-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mis-sid tal-bastiment, u l-persuna legali li topera bastiment proprjetà tal-Istat;

(15) “installazzjoni ġdida” ifisser l-installazzjoni ta’ sistemi, tagħmir, iżolazzjoni jew materjal ieħor fuq bastiment wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(16) “pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti” ifisser pjan żviluppat mill-operatur ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għal kull bastiment speċifiku li jkun riċiklat taħt ir-responsabbiltà tiegħu b’kont meħud tal-linji gwida u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal- OMI;

(17) “pjan għall-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti” ifisser pjan ippreparat mill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u adottat mill-bord jew mill-korp governattiv xieraq tal-kumpannija ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jiddeskrivi l-proċessi u proċeduri operattivi involuti fir-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u li jkopri b’mod partikolari s-sigurtà u t-taħriġ tal-ħaddiema, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal, it-tħejjija u r-rispons għall-emerġenza u s-sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u ż-żamma ta’ reġistri, filwaqt li jieħu kont tal-linji gwida u riżoluzzjonijiet rilevanti tal-OMI;

(18) “sikur għad-dħul” iffisser spazju li jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) il-kontenut tal-ossiġnu fl-atmosfera u l-konċentrazzjoni ta’ fwar li jaqbad malajr huma f’limiti sikuri;

(b) kwalunkwe materjal tossiku fl-atmosfera huwa f’konċentrazzjoni permessibbli;

(c) kwalunkwe residwu u materjal assoċjat max-xogħol awtorizzat mill-persuna kompetenti ma jipproduċix rilaxx inkontrollabbli ta’ materjali tossiċi jew konċentrazzjoni perikoluża ta’ fwar li jaqbad malajr taħt kundizzjonijiet atmosferiċi eżistenti filwaqt li jinżamm skont l-istruzzjonijiet;

(19) “sikur għal xogħol f’temperatura għolja” iffisser spazju li jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) ikun hemm kundizzjonijiet sikura fejn ma jistgħux isseħħu splużjonijiet, inkluż ta’ status mingħajr gass, għall-użu ta’ tagħmir tal-issaldjar li jaħdem bl-ark elettriku jew bil-gass, tagħmir għall-qtugħ jew għall-ħruq jew forom oħra ta’ fjamma mikxufa, kif ukoll operazzjonijiet għat-tisħin, għat-tifrik u li jiġġeneraw l-ispark;

(b) ikunu ssodisfati l-kriterji sikur għad-dħul stabbiliti fil-punt 18;

(c) il-kundizzjonijiet atmosferiċi eżistenti ma jinbidlux minħabba x-xogħol f’temperatura għolja;

(d) l-ispazji adjaċenti kollha jkunu tnaddfu, inġabu inerti jew ġew trattati b’mod suffiċjenti biex jevitaw li jibdew jew li jinxterdu nirien;

(20) “dikjarazzjoni ta’ tlestija” ifisser dikjarazzjoni ta’ konferma maħruġa mill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li r-riċiklaġġ tal-bastiment tlesta f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(21) “ċertifikat tal-inventarju” ifisser ċertifikat speċifiku għal bastimenti li jinħareg lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, li jkun konformi mal-Artikolu 9 u li jkun supplimentat b’inventarju ta’ materjali perikolużi skont l-Artikolu 5;

(22) “ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ” ifisser ċertifikat speċifiku għal bastiment li jinħareġ lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, li jkun konformi mal-Artikolu 9(9) u li jkun supplimentat b’inventarju tal-materjali perikolużi f’konformità mal-Artikolu 5(7) u l-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti approvat f’konformità mal-Artikolu 7;

(23) “ċertifikat ta’ konformità” ifisser ċertifikat speċifiku għal bastiment li jinħareg lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz u li jkun supplimentat b’inventarju ta’ materjali perikolużi skont mal-Artikolu 12;

(24) “tunnellati ta’ spostament ħafif (Light Displacement Tonnes (LDT))” ifisser il-piż ta’ bastiment f’tunnellati mingħajr merkanzija, karburant, żejt lubrifikanti fit-tankijiet tal-ħażna, ilma tas-saborra, ilma ħelu, ilma ta’ alimentazzjoni, ħażniet għall-ikkunsmar, passiġġieri u l-ekwipaġġ u l-affarijiet tagħhom u huwa t-total tal-piż tal-buq, l-istruttura, il-makkinarju, it-tagħmir u l-fittings tal-bastiment.

2.  Għall-finijiet tal-Artikolu 7(2)(d) u l-Artikoli 13, 15 u 16:

(a) “skart”, “skart perikoluż”, “trattament” u “maniġġar tal-iskart” għandhom l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(b) “spezzjoni tas-sit” ifisser spezzjoni tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet fis-sit ikunux konsistenti ma’ dawk deskritti fid-dokumentazzjoni rilevanti provduta;

(c) “ħaddiem” ifisser kwalunkwe persuna li tagħmel xogħol, kemm jekk b’mod regolari kif ukoll b’mod temporanju, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg inkluż il-persunal li jaħdem għal kuntratturi u sottokuntratturi;

(d) “ġestjoni li tħares l-ambjent” ifisser li jittieħdu l-passi prattikabbli kollha sabiex jiġi żgurat li l-iskart u l-materjali perikolużi jkunu ġestiti b’mod li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra effetti ħżiena li jistgħu jirriżultaw minn tali materjali u skart.

3.  Għall-finijiet tal-punt 13 tal-paragrafu 1, persuna kompetenti tista’ tkun ħaddiem imħarreġ jew ħaddiem maniġerjali li huwa kapaċi jirrikonoxxi u jevalwa perikli fuq il-post tax-xogħol, riskji u l-esponiment tal-ħaddiema għal materjali perikolużi potenzjali jew kundizzjonijiet mhux sikuri f’faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u li tkun kapaċi tispeċifika l-protezzjoni neċessarja u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex ikunu eliminati jew imnaqqsa dawk il-perikli, riskji jew dik l-esposizzjoni.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), l-awtorità kompetenti tista’ tiddefinixxi kriterji xierqa għan-nomina ta’ dawn il-persuni u tista’ tiddetermina l-kompiti li għandhom ikunu assenjati lilhom.



TITOLU II

BASTIMENTI

Artikolu 4

Kontroll ta’ materjali perikolużi

L-installazzjoni jew l-użu ta’ materjali perikolużi msemmija fl-Anness I dwar il-bastimenti għandhom ikunu projbiti jew restritti kif speċifikat fl-Anness I, mingħajr preġudizzjoni għal rekwiżiti oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jirrikedu miżuri ulterjuri.

Artikolu 5

Inventarju ta’ materjali perikolużi

1.  Kull bastiment ġdid għandu jkollu abbord inventarju ta’ materjali perikolużi, li għandhom jidentifikaw għall-inqas il-materjali perikolużi msemmija fl-Anness II u li jkunu jinsabu fl-istruttura jew tagħmir tal-bastiment, il-post u approssimattivament il-kwantitajiet.

2.  Soġġett għall-punt (b) tal-Artikolu 32(2), il-bastimenti eżistenti għandhom jikkonformaw, sa fejn hu prattikabbli, mal-paragrafu 1.

Fil-każ tal-bastimenti li jkunu sejrin għar-riċiklaġġ, dawn għandhom ikunu konformi, sa fejn hu prattikabbli, mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Lista Ewropea tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti (“il-Lista Ewropea”) kif stipulat fl-Artikolu 16(2).

Soġġett għall-punt (b) tal-Artikolu 32(2)„ meta l-inventarju ta’ materjali perikolużi ikun żviluppat, dan għandu jidentifika, mill-inqas, il-materjali perikolużi elenkati fl-Anness I.

3.  L-inventarju tal-materjali perikolużi għandu:

(a) ikun speċifiku għal kull bastiment;

(b) jipprovdi evidenza li l-bastiment jikkonforma mal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni fuq l-installazzjoni jew l-użu ta’ materjali perikolużi skont l-Artikolu 4;

(c) jiġi kkumpilat filwaqt li jqis il-linji gwida rilevanti tal-OMI;

(d) jiġi vverifikat mill-amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha.

4.  Minbarra l-paragrafu 3, għandu jitħejja pjan għall-bastimenti eżistenti li jiddeskrivi l-verifika viżwali jew b’kampjun li permezz tiegħu jiġi żviluppat l-inventarju tal-materjali perikolużi u li jieħu kont tal-linji gwida rilevanti tal-OMI.

5.  L-inventarju tal-materjali perikolużi għandu jikkonsisti fi tliet partijiet:

(a) lista ta’ materjali perikolużi elenkati fl-Annessi I u II, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jkunu jinsabu fl-istruttura jew it-tagħmir tal-bastiment, b’indikazzjoni tal-lokalità u l-kwantitajiet approssimattivi tagħhom (Parti I);

(b) lista tal-iskart iġġenerat mill-operat preżenti abbord il-bastiment (Parti II);

(c) lista ta’ mħażen abbord il-bastiment (Parti III).

6.  Parti I tal-inventarju tal-materjali perikolużi għandha tkun miżmuma u aġġornata kif xieraq matul il-ħajja operattiva tal-bastiment, għandha tirrifletti l-installazzjonijiet ġodda li jkun fihom materjali perikolużi elenkati fl-Anness II u tibdiliet rilevanti fl-istruttura u t-tagħmir tal-bastiment.

7.  Qabel ir-riċiklaġġ, u b’kont meħud tal-linji gwida rilevanti tal-OMI, l-inventarju ta’ materjali perikolużi għandu, apparti l-Parti I miżmuma u aġġornata kif xieraq, jinkorpora l-Parti II dwar skart iġġenerat mill-operat u l-Parti III dwar l-imħażen, u għandu jkun ivverifikat mill-amministrazzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha.

8.  Il-Kummissjoni għandu jingħatalha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 24 dwar l-aġġornament tal-lista ta’ oġġetti għall-inventarju tal-materjali perikolużi fl-Annessi I u II biex tiżgura li l-listi jinkludu għall-inqas is-sustanzi elenkati fl-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull sustanza li tkun ser tiżdied jew titneħħa mill-Annessi I jew II.

Artikolu 6

Rekwiżiti ġenerali għas-sidien tal-bastimenti

1.  Meta jkunu qed iħejju biex jibagħtu bastiment għar-riċiklaġġ, is-sidien ta’ bastiment għandhom:

(a) jipprovdu lill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-bastiment li tkun meħtieġa għall-iżvilupp tal-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment stipulat fl-Artikolu 7;

(b) jinnotifikaw bil-miktub lill-amministrazzjoni rilevanti, f’qafas ta’ żmien stipulat minn dik l- amministrazzjoni, bl-intenzjoni li jirriċiklaw il-bastiment f’faċilità jew faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti speċifiċi. In-notifika għandha mill-anqas tinkludi:

(i) l-inventarju tal-materjali perikolużi; u

(ii) l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-bastiment prevista taħt il-punt (a).

2.  Is-sidien tal-bastimenti għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jkunu ser jiġi rriċiklati:

(a) ikunu riċiklati biss f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li huma inklużi fil-Lista Ewropea;

(b) iwettqu operazzjonijiet, fil-perijodu qabel id-dħul fil-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, b’tali mod li jkun imminimizzat l-ammont ta’ residwi ta’ merkanzija, iż-żejt mhux maħdum li jkun għad fadal u l-iskart iġġenerat tal-bastiment li jkun baqa’ abbord;

(c) ikollhom ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġ mill-amministrazzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha qabel kwalunkwe riċiklaġġ tal-bastiment u wara li jkunu rċevew il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti approvat f’konformità mal-Artikolu 7(3).

3.  Is-sidien tal-bastimenti għandhom jiżguraw li tankers jaslu fil-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti bit-tankijiet tal-kargo u l-kmamar tal-magni f’kundizzjoni li jkunu lesti għaċ-ċertifikazzjoni bħala sikuri għal xogħol f’temperatura għolja.

4.  Is-sidien tal-bastimenti għandhom jipprovdu lill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti b’kopja taċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġ skont l-Artikolu 9.

5.  Is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu responsabbli mill-bastiment u għandhom jagħmlu l-arranġamenti biex iżommu lil dak il-bastiment f’konformità mar-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu il-bastiment itajjar il-bandiera sa meta l-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jaċċetta r-responsabbiltà għal dak il-bastiment. L-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-bastiment għar-riċiklaġġ jekk il-kundizzjoni tal-bastiment ma tikkorispondix sostanzjalment mal-partikularitajiet taċ-ċertifikat tal-inventarju, inkluż fejn il-Parti I tal-inventarju tal-materjali perikolużi ma tkunx ġiet miżmuma u aġġornata tajjeb, biex tirrifletti l-bidliet fl-istrutturi u t-tagħmir tal-bastiment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sid tal-bastiment għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal dak il-bastiment u għandu jinforma lill-amministrazzjoni ta’ hemmhekk mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti

1.  Pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun speċifiku għall-bastimenti għandu jkun żviluppat qabel kwalunkwe riċiklaġġ ta’ bastiment. Il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment għandu jindirizza kwalunkwe kunsiderazzjoni li mhijiex koperta fil-pjan tal-faċilità tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jew li teħtieġ proċeduri speċjali.

2.  Il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti għandu:

(a) ikun żviluppat mill-operatur tal-faċilità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong u li jieħu kont tal-linji gwida rilevanti tal-OMI u tal-informazzjoni rilevanti għall-bastiment provvduta mis-sid tal-bastiment skont l-Artikolu 6(1)(a) sabiex il-kontenut tiegħu ikun konsistenti mal-informazzjoni miżmuma fl-inventarju ta’ materjali perikolużi;

(b) jikkjarifika jekk u sa liema punt kwalunkwe xogħol preparatorju, bħall-pretrattament, identifikazzjoni ta’ perikli potenzjali u t-tneħħija ta’ ħażniet, ikunx se jseħħ f’post li mhuwiex il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti identifikata fil-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment. Il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti għandu jinkludi l-post fejn ser jitqiegħed il-bastiment matul l-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ u pjan konċiż għall-wasla u t-tqegħid sikur ta’ bastiment speċifiku li jkun ser jiġi riċiklat;

(c) jinkludi informazzjoni dwar l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet sikuri għad-dħul u sikuri għal xogħol f’temperatura għolja ta’ bastiment speċifiku, filwaqt li jieħu kont ta’ aspetti bħall-istruttura, il-konfigurazzjoni u l-merkanzija preċedenti tiegħu, u informazzjoni neċessarja oħra dwar kif il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment għandu jiġi implimentat;

(d) jinkludi informazzjoni dwar it-tip u l-ammont ta’ materjali u ta’ skart perikolużi li ser jiġu ġġenerati mir-riċiklaġġ tal-bastiment speċifiku, inklużi l-materjali u l-iskart identifikati fl-inventarju ta’ materjali perikolużi u kif dawn ser ikunu ttrattati u maħżuna fil-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kif ukoll f’faċilitajiet sussegwenti; u

(e) ikun ippreparat b’mod separat, fil-prinċipju, għal kull faċilità ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti involuti meta tkun ser tintuża aktar minn faċilità waħda, u jidentifika l-ordni ta’ użu u l-attivitajiet awtorizzati li ser iseħħu f’dawk il-faċilitajiet.

3.  Il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment għandu jkun taċitament jew espliċitament approvat mill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti tal-Istat fejn tkun tinsab il-faċilità ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti, fejn applikabbli.

Għandha tingħata approvazzjoni espliċita meta l-awtorità kompetenti tibgħat notifika bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha dwar il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti lill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, lis-sid tal-bastiment u lill-amministrazzjoni.

Għandha titqies li ngħatat approvazzjoni taċita jekk ma tkun ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni bil-miktub għall-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti mill-awtorità kompetenti lill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, is-sid tal-bastiment u l-amministrazzjoni f’perijodu ta’ rieżami stabbilit f’konformità mar-rekwiżiti tal-Istat fejn tkun tinsab il-faċilità ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti, fejn applikabbli, u nnotifikat skont l-Artikolu 15(2)(b).

4.  L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-amministrazzjoni tagħhom biex tibgħat lill-awtorità kompetenti tal-istat fejn tinsab il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti l-informazzjoni pprovduta mis-sid tal-bastiment skont l-Artikolu 6(1)(b) u d-dettalji li ġejjin:

(i) id-data li fiha ġie rreġistrat il-bastiment fl-Istat li tiegħu itajjar il-bandiera;

(ii) in-numru tal-identifikazzjoni tal-bastiment (in-numru OMI);

(iii) in-numru tal-buq mal-kunsinna tal-bini l-ġdid;

(iv) l-isem u t-tip tal-bastiment;

(v) il-port li fih il-bastiment huwa rreġistrat;

(vi) l-isem u l-indirizz ta’ sid il-bastiment kif ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni OMI tas-sid irreġistrat;

(vii) l-isem u l-indirizz tal-kumpannija;

(viii) l-isem ta’ kwalunkwe soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni li magħhom il-bastiment ikun ikklassifikat;

(ix) il-karatteristiċi ewlenin tal-bastiment (Tul kumplessiv (LOA), Wisa’ (Iffurmata), Fond (Iffurmat), LDT, Tunnellaġġ gross u nett, tip ta’ magna u klassifikazzjoni);

Artikolu 8

Kontrolli

1.  Il-kontrolli tal-bastimenti għandhom isiru minn uffiċjali tal-amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha b’kont meħud tal-linji gwida rilevanti tal-OMI.

2.  Meta l-amministrazzjoni tuża organizzazzjonijiet rikonoxxuti għat-twettiq tal-kontrolli, kif deskritt fil-paragrafu 1, hija għandha, bħala minimu tagħti s-setgħa lil tali organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex:

 jirrikedu li bastiment li jagħmlu kontrolli fuqu jkun konformi ma’ dan ir-Regolament; u

 iwettqu kontrollijekk mitluba mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

3.  Il-bastimenti għandhom ikunu suġġetti għall-kontrolli li ġejjin:

(a) kontroll inizjali;

(b) kontroll ta’ tiġdid;

(c) kontroll addizzjonali;

(d) kontroll finali.

4.  Il-kontroll inizjali ta’ bastiment ġdid għandu jitwettaq qabel il-bastiment jibda s-servizz jew qabel jinħareġ iċ-ċertifikat tal-inventarju. Għal bastimenti eżistenti, għandu jitwettaq kontroll inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-kontroll għandu jivverifika li Parti I tal-inventarju tal-materjali perikolużi tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

5.  Il-kontroll ta’ tiġdid għandu jitwettaq f’intervalli speċifikati mill-amministrazzjoni li ma għandhomx jaqbżu l-ħames snin. Il-kontroll ta’ tiġdid għandu jivverifika li Parti I tal-inventarju tal-materjali perikolużi tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

6.  Il-kontroll addizzjonali, kemm ġenerali jew parzjali skont iċ-ċirkustanzi, għandu jitwettaq jekk mitlub mis-sid tal-bastiment wara li jsir tibdil, sostituzzjoni jew tiswija sinifikanti tal-istruttura, tat-tagħmir, tas-sistemi, tal-fittings, tal-arranġamenti u l-materjal, li jkollu impatt fuq l-inventorju ta’ materjali perikolużi. Il-kontroll għandu jkun b’mod li jiżgura li kwalunkwe bidla, sostituzzjoni jew tiswija sinifikanti tkun saret b’mod li li jiżgura li l-bastiment jibqa’ jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, u li Parti I tal-inventarju ta’ materjali perikolużi huwa emendata kif meħtieġ.

7.  Il-kontroll finali għandu jitwettaq qabel ma l-bastiment jitwaqqaf mis-servizz u qabel ma jibda r-riċklaġġ tal-bastiment.

Dak il-kontroll għandu jivverifika li:

(a) l-inventarju tal-materjali perikolużi huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5;

(b) il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment jirrifletti sew l-informazzjoni inkluża fl-inventarju tal-materjali perikolużi u huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7;

(c) il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastiment fejn il-bastiment għandu jkun riċiklat hija inkluża fil-Lista Ewropea.

8.  Għall-bastimenti eżistenti maħsuba biex jiġu riċiklati, il-kontroll inizjali u l-kontroll finali jistgħu jitwettqu fl-istess ħin.

Artikolu 9

Ħruġ u approvazzjoni ta’ ċertifikati

1.  Wara t-tlestija b’suċċess ta’ kontroll inizjali jew kontroll ta’ tiġdid, l-amministrazzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta jew awtorizzata minnha għandha toħroġ ċertifikat ta’ inventorju. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun issupplimentat bil-Parti I tal-inventarju tal-materjali perikolużi, imsemmi fl-Artikolu 5(5)(a).

Meta il-kontroll inizjali u l-kontroll finali jitwettqu fl-istess żmien kif previst fl-Artikolu 8(8), għandu jinħareġ biss iċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ imsemmi fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi il-format taċ-ċertifikat ta’ inventorju biex tiżgura li huwa konsistenti mal-Appendiċi 3 għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament.

2.  Ċertifikat ta’ inventorju għandu jiġi approvat fuq talba tas-sid tal-bastimentmill-amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha wara t-tlestija b’suċċess ta’ kontroll addizzjonali mwettaq f’konformità mal-Artikolu 8(6).

3.  Soġġett għall-paragrafu 4, l-amministrazzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha għandha toħroġ jew tapprova, kif xieraq, ċertifikat tal-inventarju, meta l-kontroll ta’ tiġdid jitlesta b’suċċess:

(a) fil-perjodu ta’ tliet xhur qabel id-data ta’ iskadenza taċ-ċertifikat tal-inventarju eżistenti, u ċ-ċertifikat il-ġdid għandu jkun validu mid-data tat-tlestija ta l-kontroll ta’ tiġdid sa data li ma taqbiżx il-ħames snin mid-data ta’ skadenza ta’ dak eżistenti;

(b) wara d-data ta’ iskadenza taċ-ċertifikat tal-inventarju eżistenti, u ċ-ċertifikat il-ġdid għandu jkun validu mid-data tat-tlestija ta l-kontroll ta’ tiġdid sa data li ma taqbiżx il-ħames snin mid-data ta’ skadenza ta’ dak eżistenti;

(c) aktar minn tliet xhur qabel id-data ta’ iskadenza taċ-ċertifikat tal-inventarju eżistenti, u ċ-ċertifikat il-ġdid għandu jkun validu mid-data tat-tlestija ta l-kontroll ta’ tiġdid sa data li ma taqbiżx il-ħames snin mid-data ta’ tlestija tal-kontroll ta’ tiġdid.

4.  Meta l-kontroll ta’ tiġdid ikun tlesta b’suċċess, u ċertifikat tal-inventarju ġdid ma jistax jinħareġ jew jittella’ abbord, qabel id-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat eżistenti, l-amministrazzjoni jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha għandha tapprova ċ-ċertifikat eżistenti u tali ċertifikat għandu jiġi aċċettat bħala validu għal perijodu ulterjuri li ma għandux jiżboq il-ħames xhur mid-data ta’ skadenza.

5.  F’każ ta’ ċertifikat ta’ inventorju maħruġ għal perijodu ta’ inqas minn ħames snin, l-amministrazzjoni jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha tista’ testendi l-validità taċ-ċertifikat eżistenti għal perjodu ulterjuri li ma għandux jiżboq il-ħames snin.

6.  F’ċirkostanzi speċjali kif iddeterminat mill-amministrazzjoni, mhux meħtieġ li ċertifikat tal-inventarju ġdid kun datat mid-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat eżistenti kif mitlub mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 u l-paragrafi 7 u 8. F’dawk iċ-ċirkustanzi, iċ-ċertifikat il-ġdid għandu jkun ivvalidat għal perjodu li ma jiżboqx il-ħames snin mid-data ta’ tlestija tal-kontroll ta’ tiġdid.

7.  Meta bastiment ma jkunx fil-port jew fl-ankraġġ fejn ikun ser isirlu l-kontroll meta jiskadi ċ-ċertifikat tal-inventarju, l-amministrazzjoni tista’, jekk ikun xieraq li tagħmel hekk, testendi l-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat tal-inventarju għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur biex tippermetti lill-bastiment ilesti l-vjaġġ tiegħu sal-port fejn ikun ser isirlu l-kontroll. Kwalunkwe tali estensjoni mogħtija għandha tkun b’kundizzjoni li l-kontroll jitlesta fil-port qabel jitlaq il-bastiment. Bastiment li jkun ingħata estensjoni ma għandux, mad-dħul tiegħu fil-port li jkun ser isirlu l-kontroll, ikun intitolat, bis-saħħa tal-imsemmija estensjoni, li jitlaq mill-port mingħajr ċertifikat ġdid. Meta l-kontroll ta’ tiġdid jitlesta, iċ-ċertifikat tal-inventarju ġdid għandu jkun validu għal perjodu li ma jiżboqx il-ħames snin mid-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat eżistenti qabel ma tkun ingħatat l-estensjoni.

8.  Ċertifikat ta’ inventorju għal bastiment involut fi vjaġġi qosra u li ma jkunx ġie estiż taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 jista’ jiġi estiż mill-amministrazzjoni għal perijodu ta’ konċessjoni ta’ mhux aktar minn xahar mill-iskadenza tiegħu. Meta l-kontroll ta’ tiġdid jitlesta, iċ-ċertifikat tal-inventarju ġdid għandu jkun validu għal perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin mid-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat eżistenti qabel ma tkun ingħatat l-estensjoni.

9.  Wara t-tlestija b’suċċess tal-kontroll finali, f’konformità mal-Artikolu 8(7), l-amministrazzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta jew awtorizzata minnha għandha toħroġ ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun issupplimentat b’inventarju tal-materjali perikolużi u l-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi il-format taċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ biex tiżgura li hija konsistenti mal-Appendiċi 4 għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament. Ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġ wara kontroll finali skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu preċedenti għandu jkun aċċettat mill-Istati Membri l-oħra u għandu jitqies għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament bħala li għandu l-istess validità ta’ ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġ minhom.

Artikolu 10

Durata u validità ta’ ċertifikati

1.  Soġġett għall-Artikolu 9, ċertifikat ta’ inventarju għandu jinħareġ għal perijodu speċifikat mill-amministrazzjoni, li ma għandux jaqbeż il-ħames snin.

2.  Ċertifikat ta’ inventarju maħruġ jew approvat skont l-Artikolu 9 ma għandux jibqa’ validu fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a) jekk l-kundizzjoni tal-bastiment ma tikkorrispondix b’mod sostanzjali mad-dettalji ta’ dak iċ-ċertifikat tal-inventarju, inkluż meta l-Parti I tal-inventarju ta’ materjali perikolużi ma tkunx inżammet u ġiet aġġornata kif xieraq, biex tirrifletti l-bidliet fl-istruttura u t-tagħmir tal-bastiment, b’kont meħud tal-linji gwida rilevanti tal-OMI;

(b) meta l-kontroll ta’ tiġdid ma jitlestiex fl-intervalli speċifikati fl-Artikolu 8(5).

3.  Ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ għandu jinħareġ mill-amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur.

4.  Ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġ skont l-Artikolu 9(9) ma għandux jibqa’ validu jekk il-kundizzjoni tal-bastiment ma tikkorrespondix sostanzjalment mad-dettalji taċ-ċertifikat tal-inventarju.

5.  B’deroga mill-paragrafu 2a, iċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ jista’ jiġi estiż mill-amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha għal vjeġġ uniku minn punt sa punt lejn il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti.

Artikolu 11

Kontroll tal-Istat tal-port

1.  L-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet ta’ kontroll għall-bastimenti f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom wara li jikkunsidraw id-Direttiva 2009/16/KE. Suġġett għall-paragrafu 2, kull spezzjoni bħal din għandha tkun limitata għall-kontroll li ċertifikat tal-inventarju jew ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ jinżamm abbord, li, jekk ikun validu, għandu jitqies biżżejjed biex l-ispezzjoni tiġi approvata.

2.  Tista’ titwettaq spezzjoni ddettaljata mill-awtorità rilevanti involuta fl-attivitajiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port, li tieħu kont tal-linji gwida rilevanti tal-OMI, meta bastiment ma jkollux ċertifikat validu jew ikun hemm raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li:

(a) il-kundizzjoni tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu ma tkunx tikkorrispondi sostanzjalment mal-partikolaritajiet ta’ dak iċ-ċertifikat, mal-Parti I tal-inventarju tal-materjali perikolużi, jew mat-tnejn; jew

(b) ma jkun hemm l-ebda proċedura implimentata abbord il-bastiment għaż-żamma tal-Parti I tal-inventarju tal-Materjali Perikolużi.

3.  Bastiment jista’ jiġi mwissi, miżmum, miċħud jew eskluż mill-portijiet jew minn xi terminal ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru f’każ li dan jonqos milli jippreżenta lill-awtoritajiet rilevanti ta’ dak l-Istat Membru kopja taċ-ċertifikat tal-inventarju jew iċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ, kif ikun xieraq u fuq talba ta’ dawk l-awtoritajiet, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9. Stat Membru li jieħu tali azzjoni għandu jinforma minnufih l-amministrazzjoni kkonċernata. In-nuqqas li jiġi aġġornat l-inventarju tal-materjali perikolużi ma jikkostitwixxix nuqqas li jista’ jikkawża detenzjoni, iżda kwalunkwe inkonsistenza fl-inventarju ta’ materjali perikolużi għandha tiġu rrappurtata lill-amministrazzjoni kkonċernata u għandha tiġu rimedjata fi żmien il-kontrollli jkun imiss.

4.  L-aċċess għal port jew ankraġġ speċifiku jista’ jiġi permess mill-awtorità rilevanti ta’ Stat Membru fil-każ ta’ forza maġġuri jew kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà aktar importanti, jew biex jitnaqqas jew jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ tniġġis jew jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet, sakemm ikunu ġew implimentati miżuri adegwati għas-sodisfazzjon tal-awtorità rilevanti ta’ dak l-Istat Membru mis-sid, l-operatur jew il-kaptan tal-bastiment biex jiġi żgurat dħul sikur.

Artikolu 12

Rekwiżiti għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz

1.  Soġġett għall-punt (b) tal-Artikolu 32(2), meta bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz ikun dieħel f’port jew ankraġġ ta’ Stat Membru, hu għandu jkollu abbord inventarju tal-materjali perikolużi li jkun konformi mal-Artikolu 5(2).

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-aċċess għal port jew ankraġġ speċifiku jista’ jiġi permess mill-awtorità rilevanti ta’ Stat Membru fil-każ ta’ forza maġġuri jew kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà aktar importanti, jew biex jitnaqqas jew jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ tniġġis jew biex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet, sakemm ikunu ġew implimentati miżuri adegwati għas-sodisfazzjon tal-awtorità rilevanti ta’ dak l-Istat Membru mis-sid, l-operatur jew il-kaptan tal-bastiment biex jiġi żgurat dħul sikur.

2.  L-installazzjoni ta’ materjali perikolużi msemmija fl-Anness I fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz, waqt li jkunu f’port jew ankraġġ ta’ Stat Membru, għandu jkun ipprojbit jew ristrett kif speċifikat fl-Anness I.

L-użu ta’ materjali perikolużi msemmija fl-Anness I fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz, waqt li jkunu f’port jew ankraġġ ta’ Stat Membru, għandu jkun ipprojbit jew ristrett kif speċifikat fl-Anness I, mingħajr preġudizzjoni għall-eżenzjonijiet u l-arranġamenti transizzjonali applikabbli għal dawk il-materjali taħt il-liġi internazzjonali.

3.  L-inventarju tal-materjali perikolużi għandu jkun speċifiku għal kull bastiment, jiġi kkompilat b’kont meħud tal-linji gwida rilevanti tal-OMI u jservi biex jikkjarifika li l-bastiment huwa konformi mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-inventarju tal-materjali perikolużi ikun żviluppat, dan għandu jidentifika, mill-inqas, il-materjali perikolużi elenkati fl-Anness I. Għandu jiġi stabbilit pjan mill-bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz li jiddeskrivi l-verifika viżwali/kampjun li permezz tiegħu jiġi żviluppat l-inventarju tal-materjali perikolużi li jieħu kont tal-linji gwida rilevanti tal-OMI.

4.  L-inventarju tal-materjali perikolużi għandu jkun miżmum tajjeb u aġġornat matul il-ħajja operattiva tal-bastiment, u jirrifletti l-installazzjonijiet ġodda li jkun fihom materjali perikolużi msemmija fl-Anness II u l-bidliet rilevanti fl-istruttura u t-tagħmir tal-bastiment, filwaqt li jieħu kont tal-eżenzjonijiet u l-arranġamenti transizzjonali applikabbli għal dawk il-materjali taħt id-dritt internazzjonali.

5.  Bastiment li jtajjar bandiera ta’ pajjiż terz jista’ jiġi mwissi, miżmum, miċħud jew eskluż mill-portijiet jew minn xi terminal ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru f’każ li dan jonqos milli jippreżenta lill-awtoritajiet rilevanti ta’ dak l-Istat Membru kopja ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità skont il-paragrafi 6 u 7, flimkien mal-inventarju tal-materjali perikolużi, kif xieraq u fuq talba minn dawk l-awtoritajiet. Stat Membru li jieħu tali azzjoni għandu jinforma minnufih l- awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz li tiegħu il-bastiment ikun itajjar il-bandiera. In-nuqqas ta’ aġġornament tal-inventarju tal-materjali perikolużi ma għandux jikkostitwixxi nuqqas li jista’ jikkawża detenzjoni, iżda kwalunkwe inkonsistenza fl-inventarju tal-materjali perikolużi għandha tiġi rrappurtata lill- awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz li tiegħu l-bastiment ikun itajjar il-bandiera.

6.  Id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tinħareġ wara verifika tal-inventarju tal-materjali perikolużi mill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terzli tiegħu l-bastiment jkun itajjar il-bandiera jew minn organizzazzjoni awtorizzata minnhom, f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tista’ tkun immudellata abbażi tal-Appendiċi 3 għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong.

7.  Id-dikjarazzjoni ta’ konformità u l-inventarju tal-materjali perikolużi għandhom jitfasslu f’lingwa uffiċjali tal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz emittenti li tiegħu l-bastiment ikun itajjar il-bandiera u fejn il-lingwa użata mhix l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol, it-test għandu jinkludi traduzzjoni f’waħda minn dawk il-lingwi.

8.  Soġġett għall-punt (b) tal-Artikolu 32(2), bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz li jkunu qed japplikaw biex jiġu rreġistrati taħt il-bandiera ta’ Stat Membru għandhom jiżguraw li jinżamm abbord inventarju tal-materjali perikolużi kif previst mill-Artikolu 5(2) jew ikun stabbilit fi żmien sitt xhur mir-reġistrazzjoni taħt il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jew matul kwalunkwe wieħed mill-kontrolli li jkun imiss skont l-Artikolu 8(3), skont liema jiġi l-ewwel.



TITOLU III

FAĊILITAJIET TA’ RIĊIKLAĠĠ TAL-BASTIMENTI

Artikolu 13

Rekwiżiti meħtieġa sabiex faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jiġu inklużi fil-Lista Ewropea

1.  Sabiex tkun inkluża fil-Lista Ewropea, faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong u b’kont meħud tal-linji gwida rilevanti tal-OMI, l-ILO, il-Konvenzjoni ta’ Basilea u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u ta’ linji gwida oħra internazzjonali:

(a) tkun awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex twettaq operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti;

(b) tkun iddisinjata, mibnija u operata b’mod sikur u li jħares l-ambjent;

(c) tkun topera minn strutturi mibnija;

(d) tistabbilixxi sistemi ta’ mmaniġġjar u monitoraġġ, proċeduri u tekniki li jkollhom l-għan li jipprevjenu, inaqqsu, jimminimizzaw u sal-limitu prattikabbli jeliminaw:

(i) riskji għas-saħħa lill-ħaddiema kkonċernati u lill-popolazzjoni fil-viċinat tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, u

(ii) impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ikkawżati mir-riċiklaġġ tal-bastimenti;

(e) tipprepara pjan għall-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti;

(f) tevita impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, inkluż il-wirja tal-kontroll ta’ kwalunkwe tnixxija b’mod partikolari fiż-żoni intermareali;

(g) tiżgura ġestjoni sikura u li tħares l-ambjent u ħżin ta’ materjali u skart perikolużi, inklużi:

(i) it-trażżin tal-materjali perikolużi kollha preżenti abbord matul il-proċess kollu ta’ riċiklaġġ tal-bastimentib’mod li jkun evitat kwalunkwe rilaxx ta’ dawk il-materjali perikolużi fl-ambjent; u barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ materjali perikolużi, u ta’ skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, biss fuq artijiet impermeabbli b’sistemi ta’ dranaġġ effettivi;

(ii) li l-iskart kollu ġġenerat mill-attività ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, u l-kwantitajiet tiegħu ikunu dokumentati u huwa trasferit biss f’faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart, inkluż f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-iskart, awtorizzati li jagħmlu t-trattament mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem u b’mod li jħares l-ambjent;

(h) tistabbilixxi u żżomm pjan ta’ tħejjija u reazzjoni f’każ ta’ emerġenza; tiżgura aċċess rapidu għal tagħmir ta’ reazzjoni f’każ ta’ emerġenza, bħal tagħmir u vetturi għat-tifi tan-nar, ambulanzi u cranes, għall-bastimenti u fiż-żoni kollha tal-faċilità ta’ riċikliġġ tal-bastimenti;

(i) tipprovdi s-sikurezza u t-taħriġ tal-ħaddiema, inkluż li tiżgura l-użu ta’ tagħmir protettiv personali għall-operazzjonijiet li jirrikjedu dan l-użu;

(j) tistabbilixxi rekords dwar inċidenti, aċċidenti, mard jew effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol u, jekk mitlub mill-awtoritajiet kompetenti, tirrapporta kwalunkwe inċident, aċċident, mard jew effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol li jikkawżaw jew li għandhom potenzjal li jikkawżaw riskji għas-sikurezza tal-ħaddiema, għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent;

(k) taqbel li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2.

2.  L-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandu:

(a) jibgħat il-pjan tar-riċiklaġġ tal-bastiment, ladarba jkun approvat f’konformità mal-Artikolu 7(3), lis-sid tal-bastiment u lill-amministrazzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzata minnha;

(b) jirrapporta lill-amministrazzjoni li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti hija lesta minn kull aspett biex tibda r-riċiklaġġ tal-bastiment;

(c) meta r-riċiklaġġ totali jew parzjali ta’ bastiment ikun tlesta f’konformità ma’ dan ir-Regolament, fi żmien 14-il ġurnata mir-riċiklaġġ totali jew parzjali skont il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment, jibgħat dikjarazzjoni tat-tlestija lill-amministrazzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ rigward il-bastiment. Id-dikjarazzjoni tat-tlestija għandha tinkludi rapport dwar l-inċidenti u l-aċċidenti li għamlu dannu għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent, jekk ikun hemm.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format ta’:

(a) ir-rapport rikjest mill-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex tiżgura li jkun konsistenti mal-Appendiċi 6 għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong; u

(b) id-dikjarazzjoni mitluba mill-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex tiżgura li tkun konsistenti mal-Appendiċi 7 għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Awtorizzazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu fi Stat Membru

1.  Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu fit-territorju tagħhom u li jikkonformaw mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 13 biex iwettqu r-riċiklaġġ ta’ bastimenti. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata lill-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti rispettivi għal perijodu massimu ta’ ħames snin u mġedded skont il-każ.

Sakemm ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ikunu ssodisfati, kwalunkwe permess maħruġ skont dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni jista’ jingħaqad mal-awtorizzazzjoni taħt dan l-Artikolu biex jifforma permess uniku, fejn tali format jippermetti li jiġu evitati d-duplikazzjoni mhux neċessarja ta’ informazzjoni u d-duplikazzjoni ta’ xogħol mill-operatur tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jew mill-kumpannija ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jew mill-awtorità kompetenti. F’dawk il-każijiet l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi estiża f’konformità mar-reġim tal-permessi msemmi fl-ewwel subparagrafu, iżda li ma taqbiżx il-perijodu massimu ta’ ħames snin.

2.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw lista tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jkunu awtorizzaw skont il-paragrafu 1.

3.  Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2015.

4.  Meta faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti ma tibqax tikkonforma mar-rekwiżiti kif jinsabu fl-Artikolu 13, l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-faċilità ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lilha jew jitlob azzjonijiet ta’ korrezzjoni mill-kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastiment kkonċernata u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan mingħajr dewmien.

5.  Meta faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tkun ġiet awtorizzata skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan mingħajr dewmien.

Artikolu 15

Faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu f’pajjiż terz

1.  Kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li tkun sid ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li tinsab f’pajjiż terz u li għandha l-intenzjoni li tirriċikla bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għandha tippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta’ dik il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Lista Ewropea.

2.  L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn evidenza li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kkonċernata hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13 sabiex twettaq riċiklaġġ tal-bastimenti u biex tkun inkluża fil-Lista Ewropea skont l-Artikolu 16.

B’mod partikolari, il-kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti għandha:

(a) tidentifika l-permess, il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex twettaq riċiklaġġ ta’ bastimenti u, fejn rilevanti, il-permess, liċenzja jew awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti lill-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha tagħha direttament involuti fil-proċess tar-riċiklaġġ tal-bastimenti u tispeċifika l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 16(2);

(b) tindika jekk il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastiment hux ser ikun approvat mill-awtorità kompetenti permezz ta’ proċedura taċita jew espliċita, u tispeċifika l-perijodu ta’ rieżami marbut mal-approvazzjoni taċita, f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali, fejn applikabbli;

(c) tikkonferma li hija taċċetta biss bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(d) tipprovdi evidenza li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti hija kapaċi tistabbilixxi, żżomm u tissorvelja l-kriterji ta’ sikur għal xogħol f’temperatura għolja u sikur għad-dħul, matul il-proċess tar-riċiklaġġ tal-bastimenti;

(e) tehmeż mappa tal-konfini tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u l-imkien tal-operazzjonijiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti fiha;

(f) għal kull materjal perikoluż imsemmi fl-Anness I u l-materjal perikoluż addizzjonali li jista’ jkun parti mill-istruttura ta’ bastiment, tispeċifika:

(i) jekk il-faċilità hijiex awtorizzata twettaq it-tneħħija tal-materjal perikoluż. Fejn tkun hekk awtorizzatakaż, il-persunal rilevanti awtorizzat biex iwettaq it-tneħħija għandu jkun identifikat u għandha tingħata l-evidenza tal-kompetenza tiegħu;

(ii) liema proċess għall-immaniġġjar tal-iskart ser ikun applikat fil-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jew barra minnha bħal inċinerazzjoni, rimi f’miżbliet jew metodu ieħor tat-trattament tal-iskart, l-isem u l-indirizz tal-faċilità tat-trattament tal-iskart jekk ikunu differenti minn dawk tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, u tipprovdi evidenza li l-proċess applikat ser jitwettaq mingħajr ma jpoġġi f’riskju s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jħares l-ambjent;

(g) tikkonferma li l-kumpannija adottat il-pjan għal faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, b’kont meħud tal-linji gwida rilevanti tal-OMI;

(h) tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex tidentifika l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti.

3.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadottaatti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-format tal-informazzjoni rikjesti biex tidentifika faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastiemnti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25.

4.  Sabiex ikunu inklużi fil-Lista Ewropea, il-konformità tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu f’pajjiżi terzi mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 13 għandha tiġi ċċertifika wara spezzjoni fuq is-sit minn verifikatur indipendenti bil-kwalifiki xierqa. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mill-kumpannija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti meta tkun qed tapplika għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea u, kull ħames snin, wara t-tiġdid tal-inklużjoni fil-Lista Ewropea. L-inklużjoni inizjali fuq il-lista u t-tiġdid tagħha għandu jiġi ssuplementat minn rieażami ta’ nofs it-terminu biex tiġi konfermata l-konformità mar-rekwiżiti kif jinsabu fl-Artikolu 13.

Billi ssir applikazzjoni għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea, il-kumpanniji tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jaċċettaw il-possibbiltà li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kkonċernata tkun suġġetta għal spezzjonijiet fuq is-sit mill-Kummissjoni jew aġenti li jaġixxu f’isimha qabel jew wara l-inklużjoni tagħhom fil-Lista Ewropea sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 13. Il-verifikatur indipendenti, il-Kummissjoni jew l-aġenti li qed jaġixxu f’isimha għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz fejn il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tkun tinsab sabiex iwettqu dawk l-ispezzjonijiet fuq is-sit.

Il-Kummissjoni tista’ toħroġ noti ta’ gwida teknika sabiex tiffaċilita din iċ-ċertifikazzjoni.

5.  Għall-finijiet tal-Artikolu 13, fir-rigward tal-operazzjoni ta’ rkupru jew rimi tal-iskart ikkonċernat, jista’ jiġi assunt li hemm ġestjoni li tħares l-ambjent biss kemm-il darba l-kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tista’ turi li l-faċilità tal-ġestjoni tal-iskart li tirċievi l-iskart ser topera skont l-istandards ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent li huma ġeneralment ekwivalenti għall-istandards rilevanti internazzjonali u tal-Unjoni.

6.  Il-kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti għandha tipprovdi evidenza aġġornata mingħajr dewmien f’każ ta’ kwalunkwe bidliet għall-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni u għandha, fi kwalunkwe każ, tliet xhur qabel l-iskadenza ta’ kull perijodu ta’ ħames snin ta’ inklużjoni fil-Lista Ewropea tiddikjara li:

(a) l-evidenza li pprovdiet hija kompluta u aġġornata;

(b) il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għadha u ser tibqa’ konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13.

Artikolu 16

Stabbiliment u aġġornament tal-Lista Ewropea

1.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi Lista Ewropea ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li:

(a) jinsabu fl-Unjoni u li kienu nnotifikati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 14(3);

(b) jinsabu f’pajjiż terz u li l-inklużjoni tagħhom hija msejjsa fuq valutazzjoni tal-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn li tingħata jew tinġabar skont l-Artikolu 15.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25.

2.  Il-Lista Ewropea għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016. Hija għandha tinqasam f’żewġ sottolisti li jindikaw il-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu fi Stat Membru u l-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu f’pajjiż terz.

Il-Lista Ewropea għandha tinkludi l-informazzjoni kollha li ġejja dwar il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti:

(a) il-metodu ta’ riċiklaġġ;

(b) it-tip u d-daqs ta’ bastimenti li jistgħu jiġu riċiklati;

(c) kwalunkwe limitazzjoni u kundizzjoni li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti topera taħtha, inkluż rigward l-immaniġġjar tal-iskart perikoluż;

(d) dettalji dwar il-proċedura espliċita jew taċita kif imsemmi fl-Artikolu 7(3), għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti;

(e) l-ammont massimu annwali ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti.

3.  Il-Lista Ewropea għandha tindika d-data tal-iskadenza tal-inklużjoni tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti. Inklużjoni għandha tkun valida għal perijodu massimu ta’ ħames snin u għandha tkun tista’ tiġġedded.

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex b’mod regolari taġġorna l-Lista Ewropea, sabiex:

(a) tiġi inkluża faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Lista Ewropea fejn:

(i) tkun ġiet awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 14; jew

(ii) l-inklużjoni tagħha fil-Lista Ewropea tkun ġiet deċiża f’konformità mal-paragragu 1(b) ta’ dan l-Artikolu;

(b) biex titneħħa faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti mill-Lista Ewropea fejn:

(i) il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti ma tikkonformax aktar mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13; jew,

(ii) l-evidenza aġġornata ma tkunx ingħatat mill-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin kif stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25

5.  Fl-istabbiliment u l-aġġornament tal-Lista Ewropea, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mal-prinċipji mnaqqxa fit-Trattati u mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

6.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-aġġornament tal-Lista Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tressaq l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Istati Membri l-oħra.



TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI ĠENERALI

Artikolu 17

Il-lingwa

1.  Il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti msemmi fl-Artikolu 7 għandu jiġi żviluppat f’lingwa aċċettata mill-istat li jawtorizza l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti. Fejn il-lingwa użata mhijiex l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol, il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti għandu jiġi tradott f’waħda minn dawk il-lingwi, ħlief fejn l-amministrazzjoni tkun soddisfatta li dak ma jkunx meħtieġ.

2.  Iċ-ċertifikat ta’ inventarju u ċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġin skont l-Artikolu 9 għandhom jitfasslu f’lingwa uffiċjali tal-amministrazzjoni li qed toħroġhom. Fejn il-lingwa użata ma tkunx l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol, it-test għandu jinkludi traduzzjoni għal waħda minn dawk il-lingwi.

Artikolu 18

Nomina ta’ awtoritajiet u amministrazzjonijiet kompetenti

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u l-amministrazzjonijiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk in- nomini. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil f’tali l-informazzjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha listi tal-awtoritajiet u l-amministrazzjonijiet kompetenti nominati u għandha taġġorna dawk il-listi kif xieraq.

Artikolu 19

Nomina ta’ persuni ta’ kuntatt

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom kull wieħed jinnominaw persuna ta’ kuntatt waħda jew aktar responsabbli biex tinforma jew toffri konsulenza lill-persuni naturali jew legali li jkunu qed jagħmlu l-mistoqsijiet. Il-persuna ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandha tressaq lill-persuni ta’ kuntatt tal-Istati Membri kwalunkwe mistoqsija li tkun waslet għandhom li tikkonċerna lil dawn tal-aħħar u viċi versa.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar in-nomina ta’ persuni ta’ kuntatt. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil f’dik l-informazzjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha listi tal-persuni ta’ kuntatt nominati u għandha taġġorna dawk il-listi kif xieraq.

Artikolu 20

Laqgħat tal-persuni ta’ kuntatt

Il-Kummissjoni għandha, jekk tintalab mill-Istati Membri u meta tqis li huwa xieraq, perjodikament torganizza laqgħa tal-persuni ta’ kuntatt biex tiddiskuti kwistjonijiet imqajma bl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-atturi rilevanti għandhom jiġu mistiedna għal dawn il-laqgħat, jew għal partijiet minn dawn il-laqgħat, fejn l-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni jaqblu li jkun xieraq li jsir dan.



TITOLU V

RAPPURTAR U INFURZAR

Artikolu 21

Rappurtar mill-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport li jinkludi dan li ġej:

(a) lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li għalihom inħareġ ċertikat ta’ bastiment li lest għar-riċiklaġġ u l-isem tal-kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti u l-imkien tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kif jidher fiċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ;

(b) lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li għalihom tkun waslet dikjarazzjoni ta’ tlestija;

(c) informazzjoni dwar riċiklaġġ tal-bastimenti illegali, penali u azzjonijiet ta’ segwitu mwettqa mill-Istat Membru.

▼M1

2.  Kull rapport għandu jkopri tliet snin u għandu jintbagħat b’mod elettroniku lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara tmiem il-perjodu ta’ tliet snin li huwa jkopri.

L-ewwel rapport elettroniku għandu jkopri l-perjodu ta’ tliet snin li jibda fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 32(1). Fejn Stat Membru jawtorizza r-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li huma inklużi fil-Lista Ewropea qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 26, l-ewwel rapport elettroniku ta’ dak l-Istat Membru għandu jkopri wkoll il-perijodu mid-data tat-tali awtorizzazzjoni sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara li tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.

▼B

3.  Il-Kummissjoni għandha ddaħħal din l-informazzjoni f’bażi tad-data elettronika li tkun aċċessibbli b’mod permanenti mill-pubbliku.

Artikolu 22

Infurzar fl-Istati Membri

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkooperaw b’mod bilaterali jew multilaterali ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ ċirkumvenzjoni potenzjali jew ksur ta’ dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw dawk il-membri tal-persunal permanenti tagħhom responsabbli għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Dik l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, li għandha tqassam lista kkompilata lil dawk il-membri.

4.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħhom relatati mal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-penali applikabbli.

Artikolu 23

Talba għal azzjoni

1.  Persuni naturali jew legali affettwati jew li probabbilment jiġu affettwati minn ksur tal-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(1)(b) ta’ dan ir-Regolament, jew li għandhom interess suffiċjenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward l-ambjent dwar il-ksur tal-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(1)(b) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu intitolati biex jitolbu lill-Kummissjoni tieħu azzjoni skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ ksur jew theddida imminenti ta’ dan it-tip ta’ ksur.

L-interess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ħarsien tal-ambjent u li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) għandu jkun meqjus suffiċjenti għall-għanijiet tal-ewwel subparagrafu.

2.  It-talba għal azzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni u d-data rilevanti li jsostnu dik it-t-talba.

3.  Meta t-talba għal azzjoni u l-informazzjoni u d-data li jakkumpanjawha juru b’mod plawsibbli li kien hemm ksur tal-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(1)(b), jew li hemm theddida imminenti ta’ tali ksur, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe tali talba għal azzjoni u informazzjoni u data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-kumpannija tar-riċiklaġġ ta’ bastimenti kkonċernata l-opportunità li tagħmel l-opinjonijiet tagħha magħrufa fir-rigward tat-talba għal azzjoni u l-informazzjoni u d-data li jakkumpanjawha.

4.  Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien u f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, tinforma lill-persuni li ressqu talba skont il-paragrafu 1, bid-deċiżjoni tagħha li taċċetta jew tirrifjuta t-talba għal azzjoni u għandha tipprovdi r-raġunijiet għaliha.



TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Eżerċizzju tad-delegazzjoni

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li jkunu adottati atti ddelegati msemmijin fl-Artikolu 5(8) għandha tkun ikkonferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(8) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data wara speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jesprimu ebda oġġezzjoni fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 26

Dispożizzjoni transizzjonali

Mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Lista Ewropea, l-Istati Membri jistgħu, qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jawtorizzaw ir-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti inklużi fil-Lista Ewropea. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 m’għandux japplika.

Artikolu 27

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006

Fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, jinżied il-punt li ġej:

“(i) bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar- Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ).

Artikolu 28

Emenda għad-Direttiva 2009/16/KE

Fl-Anness IV, jinżied il-punt li ġej:

“49. Ċertifikat dwar l-inventarju tal-materjali perikolużi jew dikjarazzjoni ta’ konformità kif applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ( *2 )

Artikolu 29

Inċentiv finanzjarju

Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2016 tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-fattibbiltà ta’ srtument finanzjarju li jiffaċilita r-riċiklaġġ sikur u adegwat u għandha, jekk xieraq, takkumpanjah bi proposta leġislattiva.

Artikolu 30

Reviżjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta liema ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE biex tikseb l-ekwivalenza tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ksur bejn dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konklużjonijiet tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2014 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk xieraq, takkumpanjahom bi proposta leġislattiva.

2.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament mhux aktar tard minn 18-il xahar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong u, fl-istess waqt, tippreżenta, jekk xieraq, proposti leġislattivi adegwati għal dak l-iskop. Din ir-reviżjoni għandha tqis l-inklużjoni ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti awtorizzati taħt il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong fil-Lista Ewropea sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u tal-piż amministrattiv.

3.  Il-Kummissjoni għandha żżomm dan ir-Regolament taħt reviżjoni u, jekk xieraq, tagħmel proposti f’waqthom biex tindirizza żviluppi marbuta mal-Konvenzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Basel, jekk jirriżulta li jkun meħtieġ.

4.  Minkejja l-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, sa ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkompanjat, jekk xieraq, minn proposti leġislattivi biex tiżgura li l-objettivi tiegħu jkunu qed jintlaħqu u l-impatt tiegħu żgurat u ġustifikat.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data l-aktar kmieni miż-żewġ dati, iżda mhux qabel il-31 ta’ Diċembru 2015;

(a) sitt xhur wara d-data li t-total tal-ammont massimu annwali ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastiment inkluż fil-Lista Ewropea jkun inqas minn 2,5 miljun tunnellati ta’ spostament ħafif (LDT). L-ammont annwali ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti huwa kkalkulat bħala t-total tal-piż tal-bastimenti espressa f’LDT li tkun ġiet riċiklata f’sena partikolari f’dik il-faċilità. L-ammont massimu annwali ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti huwa ddeterminat mill-għażla tal-ogħla ċifra fl-aħħar perijodu ta’ għaxar snin għal kull faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, jew, fil-każ ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li tkun għadha kif ġiet awtorizzata, l-ogħla ċifra annwali li tkun intlaħqet f’dik il-faċilità; jew

(b) fil-31 ta’ Diċembru 2018.

2.  Madankollu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw id-dati ta’ applikazzjoni li ġejjin:

(a) l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), l-Artikoli 13, 14, 15, 16, 25 u 26 mill-31 ta’ Diċembru 2014,

(b) l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 12(1) u (8) mill-31 ta’ Diċembru 2020;

3.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż dwar id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament meta jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

4.  Jekk Stat Membru jkun għalaq ir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tiegħu jew, matul perijodu ta’ tliet snin, ma kellu l-ebda bastiment irreġistrat taħt il-bandiera tiegħu, u sakemm l-ebda bastiment mhu rreġistrat taħt il-bandiera tiegħu, dak l-Istat Membru jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ħlief għall-Artikoli 4, 5, 11, 12, 13, 14, 16(6), 18, 19, 20, 21 u 22. Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jibbenefika minn din id-deroga, hu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla sussegwenti għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

KONTROLL TA’ MATERJALI PERIKOLUŻI



Materjal Perikoluż

Definizzjonijiet

Miżuri ta’ kontroll

Asbestos

Materjali li fihom l-asbestos

Għall-bastimenti kollha, installazzjoni ġdida ta’ materjali li fihom l-asbestos għandha tkun ipprojbita.

Sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

Sustanzi kkontrollati definiti fl-Artikolu 1(4) tal-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, 1987, elenkati fl-Annessi A, B, C jew E għal dak il-Protokoll fis-seħħ imsemmi fiż-żmien tal-applikazzjoni jew interpretazzjoni ta’ dan l-Anness.

Sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu li jistgħu jinstabu abbord bastiment, iżda mhumiex limitati għal:

Alon 1211 Bromoklorodifluworometan

Alon 1301 Bromotrifluworometan

Alon 2402 1,2-Dibromo-1,1,2,2-tetrafluworoetani (magħruf ukoll bħala Alon 114B2)

CFC-11 Triklorofluworometan

CFC-12 Diklorodifluworometan

CFC-113 1,1,2-Trikloro-1,2,2-trifluworoetan

CFC-114 1,2-Dikloro-1,1,2,2-tetrafluworoetan

CFC-115 Kloropentafluworoetan

HCFC-22

Klorofluworometan

Installazzjonijiet ġodda li fihom sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu għandhom ikunu pprojbiti fuq il-bastimenti kollha.

Poliklorobifenil (PCB)

“Poliklorobifenil” ifisser komposti aromatiċi ffurmati b’mod li l-atomi tal-idroġenu fuq il-molekula tal-bifenil (żewġ ċrieki benżen magħquda flimkien minn rabta tal-karbonju-karbonju) jistgħu jinbidlu minn sa għaxar atomi tal-klorin

Għall-bastimenti kollha, installazzjoni ġdida ta’ materjali li fihom il-Poliklorobifenil għandha tkun projbita.

Aċidu sulfoniku tal-perfluworooktan(PFOS) (1)

“Aċidu sulfoniku tal-perluworooktan” (PFOS) ifisser aċidu sulfoniku tal-perluworooktan u d-derivati tiegħu

Installazzjonijiet ġodda li fihom l-aċidu sulfoniku tal-perluworooktan (PFOS) u d-derivati tiegħu għandhom ikunu projbiti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Komposti anti-fouling u sistemi

Komposti anti-fouling u sistemi rregolati skont l-Anness I għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta’ Sistemi Anti-fouling Perikolużi fuq Bastimenti, 2001 (il-Konvenzjoni AFS) fis-seħħ fiż-żmien tal-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan l-Anness.

1.  L-ebda bastiment ma jista’ japplika sistemi anti-fouling li fihom komposti ta’ organotin bħala bijoċidu jew kwalunkwe sistema anti-fouling oħra li l-applikazzjoni jew l-użu tagħhom huwa pprojbit mill-Konvenzjoni AFS.

2.  L-ebda bastiment ġdid jew installazzjonijiet ġodda fuq bastimenti m’għandhom japplikaw jew jużaw komposti anti-fouling jew sistemi b’mod inkonsistenti mal-Konvenzjoni AFS.

(1)   Mhux applikabbli għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz.

(2)   Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).




ANNESS II

LISTA TA’ OĠĠETTI GĦALL-INVENTARJU TA’ MATERJALI PERIKOLUŻI

1. Kwalunkwe materjal perikoluż elenkat fl-Anness I

2. Kadmju u Komposti tal-Kadmju

3. Kromju Eżavalenti u Komposti tal-Kromju Eżavalenti

4. Ċomb u Komposti taċ-Ċomb

5. Merkurju u Komposti tal-Merkurju

6. Bifenil Polibromurat (PBBs)

7. Eteri tad-Difenil Polibromurati (PBDEs)

8. Naftalini Poliklorinati (aktar minn 3 atomi tal-kloru)

9. Sustanzi radjoattivi

10. Ċerti Paraffini Klorinati short-chain (Alkani, C10-C13, kloro)

11. Ritardanti tal-fjammi bbrominati (HBCDD)



( 1 ) Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).

( 2 ) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

( *1 ) Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r- Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).”

( *2 ) Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r- Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).”