02013R0876 — MT — 07.01.2021 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
►B
|
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 876/2013
tat-28 ta’ Mejju 2013
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(ĠU L 244 13.9.2013, p. 19)
|
Emendat bi:
▼B
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 876/2013
tat-28 ta’ Mejju 2013
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Determinazzjoni tal-aktar muniti rilevanti
1.
L-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati abbażi tas-sehem relattiv ta’ kull munita fil-medja tal-pożizzjonijiet miftuħa ta’ tmiem il-jum tas-CCP fl-istrumenti finanzjarji kollha kklerjati mis-CCP, ikkalkulat fuq perjodu ta’ sena.
2.
L-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni jkunu t-tliet muniti bl-ogħla sehem relattiv ikkalkulat skont il-paragrafu 1 sakemm kull sehem individwali jaqbeż l-10 %.
3.
Il-kalkolu tas-sehem relattiv tal-muniti għandu jiġi kkalkulat fuq bażi annwali.
Artikolu 2
L-organizzazzjoni operattiva tal-kulleġġi
1.
Wara li tivvaluta li applikazzjoni tkun kompleta kif imsemmi fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiċċirkola proposta għal ftehim bil-miktub skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 lill-membri tal-kulleġġ stabbilit skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dak il-ftehim bil-miktub jinkludi proċess għal analiżi annwali. Għandu jinkludi wkoll proċess ta’ emendar li bih ikunu jistgħu jinbdew bidliet fi kwalunkwe ħin mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew minn membri oħra tal-kulleġġ, soġġett għall-approvazzjoni mill-kulleġġ skont il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu.
2.
Fejn il-membri tal-kulleġġ imsemmija fil-paragrafu 1 ma jagħtu l-ebda kummenti fi żmien 10 ijiem tal-kalendarju, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipproċedi bl-adozzjoni tal-ftehim bil-miktub mill-kulleġġ u bl-istabbiliment tal-kulleġġ skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
3.
Fejn il-membri tal-kulleġġ jesprimu kummenti dwar il-proposta ta’ ftehim bil-miktub ċirkolat skont il-paragrafu 1, huma għandhom jissottomettu dawk il-kummenti flimkien ma’ spjegazzjoni bir-reqqa lill-awtorità kompetenti tas-CCP fi żmien 10 ijiem tal-kalendarju. Jekk rilevanti, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tħejji proposta riveduta u tissejjaħ laqgħa biex jintlaħaq ftehim dwar il-ftehim bil-miktub finali filwaqt li titqies l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
4.
Il-kulleġġ għandu jitqies stabbilit wara l-adozzjoni tal-ftehim bil-miktub.
▼M1
4a.
L-awtoritajiet kompetenti kif imsemmijin fl-Artikolu 18(2), punt (ca), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u l-banek ċentrali tal-ħruġ kif imsemmi fl-Artikolu 18(2), punt (i), ta’ dak ir-Regolament, li jixtiequ jipparteċipaw fil-kulleġġ għandhom jissottomettu talba raġunata lill-awtorità kompetenti tas-CCP. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha, fi żmien 20 jum kalendarju minn meta tirċievi t-talba, jew tipprovdi lill-awtorità kompetenti jew lill-bank ċentrali rikjedenti b’kopja tal-ftehim bil-miktub għar-rieżami u l-approvazzjoni, jew tissostanzja bil-miktub għaliex ġiet miċħuda t-talba.
▼B
5.
Il-membri kollha tal-kulleġġ se jkunu marbuta bil-ftehim miktub adottat skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 3
Parteċipazzjoni fil-kulleġġi
1.
Meta ssir talba għal informazzjoni lil kulleġġ minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ma jkunx membru tal-kulleġġ skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP, wara li tkun ikkonsultat lill-kulleġġ, għandha tiddeċiedi dwar l-aktar mod xieraq biex tipprovdi u titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet li mhumiex membri tal-kulleġġ.
2.
Kull membru tal-kulleġġ għandu jinnomina parteċipant wieħed biex jattendi l-laqgħat tal-kulleġġ u jista’ jinnomina sostitut wieħed, bl-eċċezzjoni tal-awtorità kompetenti tas-CCP li tista’ titlob aktar parteċipanti mingħajr drittijiet tal-vot.
3.
Fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ ta’ waħda mill-iżjed muniti rilevanti tal-Unjoni jikkorrispondi għal aktar minn bank ċentrali wieħed, il-banek ċentrali rilevanti jiddeterminaw rappreżentant uniku li se jipparteċipa fil-kulleġġ.
▼M1
4.
Meta awtorità jkollha d-dritt tipparteċipa fil-kulleġġ taħt aktar minn punt wieħed minn (c) sa (i) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tista’ taħtar parteċipanti oħra mingħajr dritt tal-vot.
▼B
5.
Fejn skont dan l-Artikolu jkun hemm aktar minn parteċipant wieħed minn kulleġġ membru, jew ikun hemm aktar membri tal-kulleġġ li jappartjenu għall-istess Stat Membru mill-għadd ta’ voti li jistgħu jiġu eżerċitati minn dawk il-membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dak il-membru tal-kulleġġ jew dawk il-membri tal-kulleġġ jinformaw lill-kulleġġ liema parteċipanti jeżerċitaw drittijiet tal-vot.
▼M1
6.
B’deroga mill-paragrafi 4 u 5, il-BĊE jista’ jinnomina żewġ parteċipanti bi drittijiet tal-vot fejn ikun membru tal-kulleġġ skont iż-żewġ punti (c) u (h) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
▼B
Artikolu 4
Governanza tal-kulleġġi
1.
L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiżgura li l-ħidma tal-kulleġġ tiffaċilita l-kompiti li jridu jitwettqu skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
2.
Il-Kulleġġ għandu jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe kompitu li jwettaq il-kulleġġ skont il-paragrafu 1. L-AETS ikollha rwol ta’ koordinazzjoni fil-monitoraġġ tal-kompiti mwettqa minn kulleġġ u għandha tiżgura li kemm jista’ jkun l-għanijiet tiegħu huma konformi ma’ dawk ta’ kulleġġi oħra.
3.
L-awtorità kompetenti tas-CCP mill-inqas għandha tiżgura li:
(a)
l-għanijiet ta’ kull laqgħa jew attività tal-kulleġġ ikunu identifikati b’mod ċar;
(b)
il-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ jibqgħu effettivi, filwaqt li tiżgura li l-membri kollha tal-kulleġġ ikunu infurmati bis-sħiħ dwar l-attivitajiet tal-kulleġġ li jkunu rilevanti għalihom;
(c)
l-iskeda għal-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ tkun ddefinita b’tali mod li r-riżultat tagħha jipprovdi assistenza għas-superviżjoni tas-CCP;
(d)
is-CCP u partijiet interessati ewlenin oħra jkollhom fehim ċar tar-rwol u l-funzjonament tal-kulleġġ;
(e)
l-attivitajiet tal-kulleġġ jiġu analizzati regolarment u tittieħed azzjoni ta’ rimedju jekk il-kulleġġ ma jkunx qed jaħdem b’mod effettiv;
(f)
fl-aġenda jkun hemm laqgħa annwali ta’ ppjanar għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fost il-membri tal-kulleġġ b’kooperazzjoni mas-CCP jekk meħtieġ.
4.
Biex tiġi żgurata l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kulleġġ, l-awtorità kompetenti tas-CCP taġixxi bħala punt ċentrali ta’ kuntatt għal kwalunkwe kwistjoni relatata mal-organizzazzjoni prattika tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha mill-inqas twettaq il-kompiti li ġejjin:
(a)
tfassil, aġġornament u ċirkolazzjoni tal-lista tal-kuntatti tal-membri tal-kulleġġ;
(b)
ċirkolazzjoni tal-aġenda kif ukoll dokumentazzjoni għal-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ;
(c)
rekord tal-minuti tal-laqgħat u formalizzazzjoni ta’ punti ta’ azzjoni;
(d)
immaniġġjar tal-websajt tal-kulleġġ jew ta’ metodi elettroniċi oħra ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, jekk ikun hemm;
(e)
meta prattiku, tipprovdi informazzjoni u fejn xieraq timijiet speċjalizzati, biex tgħin lill-kulleġġ fil-kompiti tiegħu;
(f)
taqsam l-informazzjoni b’mod xieraq fost il-membri tal-kulleġġ.
▼M1
Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiċċirkola abbozz ta’ aġenda għal kull laqgħa tal-kulleġġ, ħlief għal laqgħat imsejħa f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, ħafna qabel kull laqgħa, sabiex il-membri tal-kulleġġ ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tfassil tal-aġenda, b’mod partikolari billi jżidu punti mal-aġenda.
L-aġenda għandha tiġi ffinalizzata u mqassma mill-awtorità kompetenti tas-CCP lill-membri tal-kulleġġ fi żmien suffiċjenti qabel laqgħa tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP u membri oħra tal-kulleġġ għandhom iqassmu kwalunkwe informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata waqt laqgħa tal-kulleġġ ferm qabel il-laqgħa.
Għall-finijiet tal-punt (c), l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tqassam il-minuti tal-laqgħat lill-membri tal-kulleġġ hekk kif ikun prattikabbli wara l-laqgħat u tagħtihom biżżejjed żmien biex jikkummentaw.
▼B
5.
Il-frekwenza tal-laqgħat tal-kulleġġ tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti tas-CCP wara li jiġu kkunsidrati d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità, l-implikazzjonijiet sistemiċi tas-CCP fil-ġurisdizzjonijiet u l-muniti, l-impatti potenzjali tal-attivitajiet tas-CCP, iċ-ċirkostanzi esterni u t-talbiet potenzjali mill-membri tal-kulleġġ. Tal-anqas għandu jkun hemm laqgħa annwali tal-kulleġġ u jekk jitqies meħtieġ mill-awtorità kompetenti tas-CCP, laqgħa kull darba li jkun meħtieġ tittieħed deċiżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha torganizza, perjodikament, laqgħat bejn il-membri tal-kulleġġ u l-maniġment superjuri tas-CCP.
▼M1
Il-membri tal-kulleġġ jistgħu jitolbu li l-awtorità kompetenti tas-CCP ikollha laqgħa tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi raġunijiet xierqa għal kwalunkwe rifjut ta’ tali talba.
▼B
6.
Il-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jispeċifika kworum ta’ żewġ terzi għal-laqgħat tal-kulleġġ.
7.
L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li kull laqgħa tal-kulleġġ ikollha kworum validu biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet. Fil-każ li ma jintlaħaqx kworum, il-President għandu jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li teħtieġ tittieħed tiġi posposta sakemm ikun hemm kworum, b’kunsiderazzjoni tal–iskadenzi rilevanti stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
▼M1
8.
Il-Kulleġġ jista’ jivvota permezz ta’ proċedura bil-miktub fejn propost mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew fuq talba ta’ membru tal-kulleġġ.
▼B
Artikolu 5
Skambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet
1.
Kull membru ta’ kulleġġ għandu jipprovdi fil-ħin lill-awtorità kompetenti tas-CCP l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġ u għat-twettiq tal-attivitajiet ewlenin li fihom jipparteċipa l-membru. L-awtorità kompetenti tas-CCP tipprovdi lill-membri tal-kulleġġ b’informazzjoni u fil-ħin.
2.
►M1
L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni segwenti lill-kulleġġ: ◄
(a)
tibdiliet sinifikanti fl-istruttura u s-sjieda tal-grupp tas-CCP;
(b)
tibdiliet sinifikanti fil-livell tal-kapital tas-CCP;
(c)
tibdiliet fl-organizzazzjoni, il-maniġment superjuri, il-proċessi jew l-arranġamenti meta dawk it-tibdiliet ikollhom impatt sinifikanti fuq il-governanza jew l-immaniġġjar tar-riskju;
(d)
lista tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP;
(e)
dettalji tal-awtoritajiet involuti fis-superviżjoni tas-CCP, inkluża kwalunkwe bidla fir-responsabbiltajiet tagħhom;
(f)
informazzjoni dwar kwalunkwe theddida materjali għall-ħila tas-CCP li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u regolamenti oħra delegati u ta’ implimentazzjoni;
(g)
diffikultajiet li għandhom effetti ta’ riperkussjoni potenzjalment sinifikanti;
(h)
fatturi li jissuġġerixxu riskju għoli potenzjali ta’ kontaġju;
(i)
żviluppi sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja tas-CCP;
(j)
twissijiet bikrin ta’ possibblità ta’ diffikultajiet ta’ likwidità jew frodi maġġuri;
(k)
avvenimenti ta’ inadempjenza ta’ membri u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu;
(l)
sanzjonijiet u miżuri superviżorji eċċezzjonali;
(m)
rapporti dwar problemi ta’ prestazzjoni jew dwar inċidenti li seħħew u azzjonijiet ta’ rimedju meħuda;
(n)
dejta regolari dwar l-attività tas-CCP, li l-ambitu u l-frekwenza tagħha tiġi miftiehma bħala parti tal-ftehim bil-miktub deskritt fl-Artikolu 2;
(o)
ħarsa ġenerali lejn il-proposti kummerċjali ewlenin, inklużi prodotti jew servizzi ġodda li se jiġu offruti;
(p)
tibdil fil-mudell tar-riskju tas-CCP, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv;
(q)
tibdiliet fl-arranġamenti tal-interoperabbiltà tas-CCPs, fejn applikabbli;
▼M1
(r)
bidliet fi kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni tas-CCP għal attivitajiet maġġuri marbuta mal-ġestjoni tar-riskju;
(s)
bidliet fir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni, il-mudelli ta’ sħubija tal-ikklerjar u l-mudelli ta’ segregazzjoni tal-kontijiet tas-CCP;
(t)
bidliet fil-proċeduri ta’ inadempjenza tas-CCP, u rapporti dwar it-test tal-proċeduri ta’ inadempjenza tas-CCP imwettqa mis-CCP f’konformità mal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;
(u)
bidliet fl-arranġamenti ta’ pagament u saldu tas-CCP.
▼B
3.
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ għandu jirrifletti r-responsabbiltajiet u l-ħtiġijiet tal-informazzjoni tagħhom. Sabiex jiġu evitati flussi tal-informazzjoni bla ħtieġa, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jinżamm proporzjonat u ffokat fuq ir-riskju.
4.
Il-membri tal-kulleġġ għandhom iqisu l-aktar modi effettivi biex jikkomunikaw l-informazzjoni biex jiżguraw skambju ta’ informazzjoni kontinwu, f’waqtu u proporzjonat.
5.
Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju li għandu jitħejja mill-awtorità kompetenti ta’ CCP skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandu jiġi ppreżentat lill-kulleġġ fi żmien xieraq biex jiġi żgurat li l-membri tal-kulleġġ ikunu jistgħu janalizzawh u jikkontribwixxu għalih jekk meħtieġ.
▼M1
6.
Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali b’mezzi siguri ta’ komunikazzjoni u fuq bażi ugwali.
Artikolu 5a
Input tal-Kulleġġ dwar eżami mill-ġdid u evalwazzjoni
1.
L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha titressaq lill-membri tal-kulleġġ fil-ħin biex ikunu jistgħu jirrevedu u jiddiskutu dik l-informazzjoni qabel il-laqgħa li jmiss tal-kulleġġ.
2.
Il-membri tal-Kulleġġ jistgħu jqajmu kwalunkwe punt ta’ interess jew ta’ tħassib li jista’ jkollhom fir-rigward tar-rieżami jew l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tas-CCP imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tqis tali punti ta’ interess jew ta’ tħassib sa fejn ikun possibbli u għandha tinforma lill-membru tal-kulleġġ li jkun qajjimhom kif ġew ikkunsidrati.
▼B
Artikolu 6
Kondiviżjoni volontarja u delega tal-kompiti
1.
Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiftiehmu dwar termini dettaljati ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku ta’ delega u arranġamenti għall-għoti volontarju ta’ kompiti lil membri oħra, b’mod partikolari fil-każ ta’ delegi li jirriżultaw fid-delega ta’ kompiti superviżorji ewlenin ta’ membru.
2.
Partijiet għal arranġamenti speċifiċi ta’ delega u arranġamenti għall-għoti volontarju ta’ kompiti għandhom jiftiehmu dwar termini dettaljati li jkopri mill-inqas is-suġġetti li ġejjin:
(a)
l-attivitajiet speċifiċi f’oqsma speċifikati biċ-ċar li se jingħataw jew jiġu delegati;
(b)
il-proċeduri u l-proċessi li se jiġu applikati;
(c)
ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti;
(d)
it-tip ta’ informazzjoni li se tiġi skambjata bejn il-partijiet.
3.
Il-kondiviżjoni u d-delega ta’ kompiti ma għandhomx jitqiesu li jirriżultaw f’bidla fl-allokazzjoni tas-setgħa deċiżjonali tal-awtorità kompetenti tas-CCP.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.