2013L0050 — MT — 26.11.2013 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA 2013/50/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 294, 6.11.2013, p.13)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 014, 18.1.2014, p. 35 (2013/50/UE)




▼B

DIRETTIVA 2013/50/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja ( 3 ),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), il-Kummissjoni kellha tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż dwar l-adegwatezza tat-twaqqif tal-eżenzjoni għal titoli ta’ dejn eżistenti wara l-perijodu ta’ 10 snin kif previst fl-Artikolu 30(4) ta’ dik id-Direttiva, u dwar l-impatt potenzjali tal-operazzjoni ta’ dik id-Direttiva fuq is-swieq finanzjarji Ewropej.

(2)

Fis-27 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/109/KE li identifika oqsma fejn ir-reġim maħluq minn dik id-Direttiva seta’ jittejjeb. B’mod partikolari, ir-rapport juri l-ħtieġa li tiġi prevista s-simplifikazzjoni ta’ ċerti obbligi għall-emittenti bil-għan li s-swieq regolati jsiru aktar attraenti għall-emittenti żgħar u medji li jżidu kapital fl-Unjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittejjeb l-effettività tar-reġim eżistenti tat-trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvelar tas-sjieda korporattiva.

(3)

Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ April 2011 bit-titlu ‘L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, Flimkien għal tkabbir ġdid’, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li tiġi riveduta d-Direttiva 2004/109/KE sabiex l-obbligi applikabbli għall-impriżi żgħar u medji elenkati jsiru aktar proporzjonali, filwaqt li jiġi garantit l-istess livell ta’ protezzjoni tal-investituri.

(4)

Skont ir-rapport tal-Kummissjoni u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, il-piż amministrattiv assoċjat mal-obbligi marbuta mal-ammissjoni għal kummerċ f’suq regolat għandu jitnaqqas għall-emittenti żgħar u medji bil-għan li jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-kapital. L-obbligi li jiġu ppubblikati rapporti ta’ ġestjoni interim jew rapporti finanzjarji kull tliet xhur jirrappreżentaw piż importanti għal ħafna emittenti żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom huma ammessi għal kummerċ fi swieq regolati, mingħajr ma huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-investituri. Dawk l-obbligi jinkoraġġixxu wkoll il-prestazzjoni għal żmien qasir u jiskoraġġixxu l-investiment fit-tul. Sabiex jiġi inkoraġġit il-ħolqien ta’ valur sostenibbli u strateġija ta’ investiment orjentata fit-tul, huwa essenzjali li titnaqqas il-pressjoni fuq medda qasira ta’ żmien fuq l-emittenti u li l-investituri jingħataw inċentiv sabiex jadottaw viżjoni aktar fit-tul. Ir-rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti ta’ ġestjoni interim għalhekk għandu jiġi abolit.

(5)

L-Istati Membri ma għandhomx ikunu permessi jimponu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom r-rekwiżit tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja perijodika fuq bażi aktar frekwenti mir-rapporti finanzjarji annwali u r-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu lill-emittenti biex jippubblikaw informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali jekk tali rekwiżit ma jikkostitwixxix piż finanzjarju sinifikanti, u jekk l-informazzjoni addizzjonali rikjesta hija proporzjonata mal-fatturi li jikkontribwixxu għad-deċiżjonijiet ta’ investiment. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li hija meħtieġa mil-leġislazzjoni tal-Unjoni settorjali, u b’mod partikolari l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali minn istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, suq regolat jista’ jirrikjedi lill-emittenti li għandhom it-titoli tagħhom ammessi għal kummerċ hemmhekk biex jippubblikaw informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali fis-segmenti kollha ta’ dak is-suq jew f’xi wħud minnhom.

(6)

Sabiex tiġi prevista flessibbiltà addizzjonali u b’hekk jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, l-iskadenza għall-pubblikazzjoni tar-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur għandha tiġi estiża għal tliet xhur wara t-tmiem tal-perijodu ta’ rappurtar. Billi l-perijodu li fih l-emittenti jistgħu jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur tagħhom huwa estiż, ir-rapporti tal-emittenti żgħar u ta’ daqs medju huma mistennija jirċievu aktar attenzjoni mill-parteċipanti tas-suq, u b’hekk dawk l-emittenti jsiru aktar viżibbli.

(7)

Sabiex tiġi prevista trasparenza akbar tal-ħlasijiet magħmula lill-gvernijiet, l-emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għal kummerċ f’suq regolat u li għandhom attivitajiet fl-industriji estrattivi jew tal-qtugħ tal-injam primarju għandhom jiżvelaw f’rapport separat, fuq bażi annwali, ħlasijiet magħmula lill-gvernijiet fil-pajjiżi fejn joperaw. Ir-rapport għandu jinkludi tipi ta’ ħlasijiet komparabbli għal dawk żvelati taħt l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI). L-iżvler ta’ ħlasijiet lil gvernijiet għandha tipprovdi lis-soċjetà ċivili u lill-investituri b’informazzjoni sabiex iżommu lill-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi, responsabbli għar-riċevuti tagħhom mill-isfruttament tar-riżorsi naturali. L-inizjattiva tikkomplementa wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (UE FLEGT) u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam ( 5 ) li jirrikjedu lill-kummerċanti ta’ prodotti tal-injam biex jeżerċitaw diliġenza dovuta sabiex jiġi impedit id-dħul ta’ injam illegali fis-suq tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi responsabbli ta’ impriża, li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi assenjati lilhom mid-dritt nazzjonali, huma responsabbli li jiżguraw li, fl-aħjar għarfien u l-kapaċità tagħhom, ir-rapport dwar il-ħlasijiet lill-gvernijiet huwa mħejji skont ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Ir-rekwiżiti dettaljati huma definiti fil-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi ( 6 ).

(8)

Għall-finijiet ta’ trasparenza u protezzjoni tal-investitur, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-prinċipji li ġejjin japplikaw għar-rappurtar dwar il-ħlasijiet lill-gvernijiet skont il-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE: materjalità (l-ebda ħlas, kemm jekk magħmul bħala ħlas uniku jew serje ta’ ħlasijiet relatati, m’għandux għalfejn jittieħed kont tiegħu fir-rapport jekk ikun inqas minn EUR 100 000 f’sena finanzjarja); rappurtar tal-gvern u għal kull proġett (rappurtar dwar ħlasijiet lill-gvernijiet għandu jsir abbażi tal-gvern u għal kull proġett); universalità (m’għandha ssir l-ebda eżenzjoni, pereżempju għal emittenti attivi f’ċerti pajjiżi, li jkollha impatt distorsiv u tippermetti lill-emittenti li jisfruttaw minn rekwiżiti ta’ trasparenza laxki); komprensività (il-ħlasijieti kollha rilevanti lill-gvernijiet għandhom jiġu rrappurtati, f’konformità mal-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE [Direttiva dwar il-Kontabilità] u premessi ta’ sostenn).

(9)

L-innovazzjoni finanzjarja wasslet għall-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ strumenti finanzjarji li jagħtu lill-investituri esponiment ekonomiku għall-kumpanniji, li l-iżvelar tagħhom ma kienx previst fid-Direttiva 2004/109/KE. Dawk l-istrumenti jistgħu jintużaw biex jinkisbu stokks b’mod sigriet fil-kumpanniji, li jistgħu jirriżultaw f’abbuż tas-suq u jagħtu stampa falza u qarrieqa tas-sjieda ekonomika tal-kumpanniji pubbliċi elenkati. Sabiex ikun żgurat li l-emittenti u l-investituri jkollhom għarfien sħiħ tal-istruttura tas-sjieda korporattiva, id-definizzjoni ta’ strumenti finanzjarji f’dik id-Direttiva għandha tkopri l-istrumenti kollha b’effett ekonomiku simili għaż-żamma ta’ ishma u drittijiet għall-akkwist ta’ ishma.

(10)

Strumenti finanzjarji b’effett ekonomiku simili għaż-żamma ta’ ishma u drittijiet għall-akkwist ta’ ishma li jipprevedu pagament f’kontanti għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi ta’ “aġġustament delta”, bil-multiplikazzjoni tal-ammont kunċettwali ta’ ishma sottostanti mad-delta tal-istrument. Id-delta jindika kemm jiċċaqlaq il-valur teoretiku tal-istrument finanzjarju fil-każ ta’ varjazzjoni fil-prezz sottostanti tal-istrument u jipprovdi stampa preċiża tal-esponiment tad-detentur għall-istrument sottostanti. Dan l-approċċ jittieħed biex jiżgura li l-informazzjoni dwar it-total tad-drittijiet għal vot aċċessibbli mill-investitur ikun l-aktar preċiż possibbli.

(11)

Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata t-trasparenza adegwata ta’ holding importanti, fejn detentur ta’ strumenti finanzjarji jeżerċita d-dritt tiegħu li jakkwista ishma u l-holdings totali ta’ drittijiet għal vot marbuta ma’ ishma sottostanti jaqbżu l-livell limitu ta’ notifika mingħajr ma jiġi affettwat il-perċentwal globali tal-holdings innotifikati qabel, għandha tkun meħtieġa notifika ġdida sabiex tiġi żvelata l-bidla fin-natura tal-holdings.

(12)

Reġim armonizzat għan-notifika ta’ holdings importanti ta’ drittijiet għal vot speċjalment fir-rigward tal-aggregazzjoni ta’ holdings ta’ ishma ma’ holdings ta’ strumenti finanzjarji, għandu jtejjeb iċ-ċertezza legali, iżid it-trasparenza u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-investituri transkonfinali. L-Istati Membri għalhekk ma għandhomx ikunu permessi jadottaw regoli aktar strinġenti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/109/KE rigward il-kalkolu ta’ livelli limiti tan-notifika, l-aggregazzjoni ta’ holdings ta’ drittijiet għal vot li jorbtu ma’ ishma b’holdings ta’ drittijiet għal vot fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji, u l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ notifika. Madankollu, b’kont meħud tad-differenzi eżistenti fil-konċentrazzjoni tas-sjieda fl-Unjoni, u d-differenzi fil-liġijiet tal-kumpanniji fl-Unjoni li jwasslu għall-għadd totali ta’ ishma li jvarja mill-għadd totali ta’ drittijiet għal vot għal xi emittenti, l-Istati Membri għandhom ikomplu jkunu permessi jistabbilixxu kemm livelli limiti aktar baxxi kif ukoll livelli limiti addizzjonali għan-notifika ta’ holdings ta’ drittijiet għal vot, u jirrikjedu notifiki ekwivalenti fir-rigward ta’ livelli limiti bbażati fuq holdings kapitali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikomplu jkunu permessi jistabbilixxu obbligi aktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-kontenut (bħall-iżvelar tal-intenzjonijiet tad-detenturi ta’ ishma), il-proċess u ż-żmien tan-notifika u għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu informazzjoni addizzjonali rigward holdings importanti mhux previsti fid-Direttiva 2004/109/KE. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jkomplu japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati fir-rigward ta’ offerti ta’ xiri, transazzjonijiet ta’ merger u transazzjonijiet oħra li jaffettwaw is-sjieda jew il-kontroll ta’ kumpanniji superviżati mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri ( 7 ) li timponi rekwiżiti ta’ żvelar aktar stretti minn dawk fid-Direttiva 2004/109/KE.

(13)

L-istandards tekniċi għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti tar-reġim għan-notifika ta’ holdings importanti u livelli adegwati ta’ trasparenza. Ikun effiċjenti u xieraq li l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta’ politika, u li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-istandards tekniċi regolatorji mfassla mill-ESMA biex jiġu speċifikati l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet eżistenti mir-rekwiżiti ta’ notifika għal holdings importanti ta’ drittijiet għal vot. Bl-użu tal-kompetenza tagħha, l-ESMA għandha b’mod partikolari tiddetermina l-każi ta’ eżenzjonijiet meta tikkunsidra l-abbuż possibbli tagħhom biex jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ notifika.

(14)

Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-kontenut tan-notifika ta’ holdings importanti ta’ strumenti finanzjarji. Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ espert. Meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(15)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment transkonfinali, l-investituri għandu jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni regolata għall-kumpanniji elenkati kollha fl-Unjoni. Madankollu, in-netwerk attwali ta’ mekkaniżmi nazzjonali maħtura uffiċjalment għall-ħżin ċentrali tal-informazzjoni regolata ma jiżgurax tfittxija faċli għal tali informazzjoni fl-Unjoni kollha. Sabiex jiġi żgurat aċċess transkonfinali għall-informazzjoni u biex jittieħed kont ta’ żviluppi tekniċi fi swieq finanzjarji u f’teknoloġiji ta’ komunikazzjoni, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika standards minimi għad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni regolata, l-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni u mekkaniżmi għall-ħżin ċentrali tal-informazzjoni regolata. Il-Kummissjoni, bil-għajnuna tal-ESMA, għandu jkollha s-setgħa wkoll li tieħu miżuri sabiex ittejjeb il-funzjonament tan-netwerk ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ ħżin maħtura b’mod uffiċjali u biex tiżviluppa kriterji tekniċi għall-aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, rigward l-operazzjoni ta’ punt ta’ aċċess ċentrali għat-tfittxija għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni. L-ESMA għandha tiżviluppa u topera portal web li jservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew (‘il-punt ta’ aċċess’).

(16)

Sabiex tittejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/109/KE u b’segwitu tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu “Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji”, is-setgħat ta’ sanzjonar għandhom jissaħħu u għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali fir-rigward tad-destinatarji, il-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi applikata sanzjoni jew miżura amministrattiva, is-setgħat ta’ sanzjonar prinċipali u l-livelli ta’ sanzjonijiet finanzjarji amministrattivi. Dawk is-setgħat ta’ sanzjonar għandhom ikunu disponsibbli tal-inqas f’każ tal-ksur ta’ dispożizzjonijiet prinċipali tad-Direttiva 2004/109/KE. l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitawhom f’ċirkostanzi oħra. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi li jistgħu jiġu applikati jinkludu l-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji li huma għoljin biżżejjed biex ikunu dissważivi. F’każ ta’ ksur minn entitajiet ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tal-entità ġuridika kkonċernata jew individwi oħra li jistgħu jinżammu responsabbli għal dak il-ksur taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu wkoll is-suspensjoni jew il-possibbiltà tas-suspensjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet għal vot għad-detenturi ta’ ishma u strumenti finanzjarji li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ notifika. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jipprevedu li s-suspensjoni tad-drittijiet għal vot għandha tapplika biss għall-ksur l-aktar serju. Id-Direttiva 2004/109/KE għandha tirreferi kemm għal sanzjonijiet u miżuri amministrattivi sabiex tkopri l-każi kollha ta’ nuqqas ta’ konformità, irrelattivament mill-kwalifika tagħhom bħala sanzjoni jew miżura taħt id-dritt nazzjonali, u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni fil-liġi tal-Istati Membri rigward sanzjonijiet kriminali.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprevedu sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali u livelli ta’ sanzjonijiet finanzjarji amministrattivi ogħla minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/109/KE, b’kont meħud tal-ħtieġa għal sanzjonijiet dissważivi biżżejjed sabiex jiġu appoġġati swieq nodfa u trasparenti. Id-dispożizzjonijiet rigward is-sanzjonijiet u dawk rigward il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ma jikkostitwixxux preċedent għal leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari għal ksur regolatorju aktar serju.

(17)

Sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet li jimponu miżura jew sanzjoni amministrattiva jkollhom effett dissważiv fuq il-pubbliku inġenerali, normalment għandhom jiġu ppubblikati. Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet hija wkoll għodda importanti biex il-parteċipanti tas-suq jiġu informati dwar liema mġiba hija kkunsidrata bħala li tikser id-Direttiva 2004/109/KE u biex tiġi promossa mġiba tajba aktar wiesgħa fost il-parteċipanti tas-suq. Madankollu jekk il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni thedded serjament l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew ta’ investigazzjoni uffiċjali kurrenti jew tikkawża, dment li dan jista’ jiġi ddeterminat, ħsara sproporzjonata u serja lill-istituzzjonijiet jew lill-individwi involuti, jew meta, f’każ li s-sanzjoni tiġi imposta fuq persuna fiżika, il-pubblikazzjoni tad-data personali tkun tidher sproporzjonata skont valutazzjoni obbligatorja preċedenti tal-proporzjonalità ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ tiddeċiedi li ddewwem tali pubblikazzjoni jew li tippubblika l-informazzjoni fuq bażi anonima.

(18)

Sabiex jiġi ċċarat it-trattament ta’ titoli mhux elenkati rappreżentati permezz ta’ rċevuti ta’ depożiti ammessi għal kummerċ f’suq regolat u sabiex jiġu evitati lakuni ta’ trasparenza, id-definizzjoni ta’ “emittent” għandha tiġi speċifikata aktar sabiex tinkludi l-emittenti ta’ titoli mhux elenkati rappreżentati permezz ta’ rċevuti ta’ depożiti ammessi għal kummerċ f’suq regolat. Huwa xieraq ukoll li d-definizzjoni ta’ “emittent” tiġi emendata billi jiġi kkunsidrat il-fatt li f’xi Stati Membri l-emittenti ta’ titoli ammessi għal kummerċ f’suq regolat jistgħu jkunu persuni fiżiċi.

(19)

Skont id-Direttiva 2004/109/KE, f’każ ta’ emittent ta’ titoli ta’ debitu ta’ pajjiż terz li d-denominazzjoni għal kull unità jkun inqas minn EUR 1 000 jew ta’ ishma, l-Istat Membru ta’ oriġini tal-emittent ikun l-Istat Membru msemmi fil-punt (iii) tal-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ). Sabiex l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ tali emittenti ta’ pajjiż terz jiġi ddeterminat b’mod ċar u sempliċi, id-definizzjoni ta’ dak it-terminu għandha tiġi emendata biex ikun stabbilit li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jkun l-Istat Membru magħżul mill-emittent minn fost l-Istati Membri fejn it-titoli tiegħu jiġu ammessi għal kummerċ f’suq regolat.

(20)

L-emittenti kollha li t-titoli tagħhom huma ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni għandhom ikunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru sabiex ikun żgurat li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Emittenti li, skont id-Direttiva 2004/109/KE, għandhom jagħżlu l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom iżda li ma jkunux għamlu dan, jistgħu jevitaw li jiġu ssorveljati minn xi awtorità kompetenti fl-Unjoni. Għalhekk, id-Direttiva 2004/109/KE għandha tiġi emendata sabiex tiddetermina Stat Membru ta’ oriġini għall-emittenti li ma jkunux żvelaw l-għażla tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien tliet xhur. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jkun l-Istat Membru fejn it-titoli tal-emittent ikunu ammessi għal kummerċ f’suq regolat. Fejn it-titoli jkunu ammessi għal kummerċ f’suq regolat f’aktar minn Stat Membru wieħed, dawk l-Istati Membri kollha għandhom ikunu Stati Membri ta’ oriġini sakemm l-emittent jagħżel, u jiżvela, Stat Membru ta’ oriġini wieħed. Dan għandu jkun inċentiv biex tali emittenti jagħżlu u jiżvelaw l-għażla tagħhom tal-Istat Membru ta’ oriġini lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u sadanittant l-awtoritajiet kompetenti ma jibqgħux mingħajr is-setgħat neċessarji biex jintervjenu sakemm l-emittent ikun żvela l-għażla tiegħu tal-Istat Membru ta’ oriġini.

(21)

Skont id-Direttiva 2004/109/KE, f’każ li emittent ta’ titoli ta’ dejn li d-denominazzjoni għal kull unità tagħhom tkun EUR 1 000 jew aktar, l-għażla tal-emittent tal-Istat Membru ta’ oriġini tkun valida għal tliet snin. Madankollu, fejn it-titoli ta’ emittent ma jkunux għadhom ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-emittent u jkunu għadhom ammessi għal kummerċ fi Stat Membru ospitanti wieħed jew aktar, tali emittent ma jkollux relazzjoni mal-Istat Membru ta’ oriġini li jkun għażel oriġinarjament jekk dak ma jkunx l-Istat Membru tal-uffiċċju reġistrat tiegħu. Tali emittent għandu jkun jista’ jagħżel wieħed mill-Istati Membri ospitanti tiegħu jew l-Istat Membru fejn huwa jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, bħala l-Istat Membru ta’ oriġini l-ġdid tiegħu qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ tliet snin. L-istess possibbiltà li jagħżel Stat Membru ta’ oriġini ġdid għandha tapplika wkoll għal emittent ta’ titoli ta’ dejn ta’ pajjiż terz li d-denominazzjoni għal kull unità tagħhom tkun inqas minn EUR 1 000 jew ta’ ishma li ma jkunux għadhom ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-emittent, iżda jkunu għadhom ammessi għal kummerċ fi Stat Membru ospitanti wieħed jew aktar.

(22)

Għandu jkun hemm konsistenza bejn id-Direttivi 2004/109/KE u 2003/71/KE rigward id-definizzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, sabiex tkun żgurata superviżjoni mill-aktar Stat Membru rilevanti, id-Direttiva 2003/71/KE għandha tiġi emendata biex tiġi prevista aktar flessibbiltà għal sitwazzjonijiet fejn it-titoli ta’ emittent inkorporat f’pajjiż terz ma jkunux għadhom ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu iżda, minflok, ikunu ammessi għal kummerċ fi Stat Membru ieħor jew aktar.

(23)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE ( 10 ) fiha b’mod partikolari regoli rigward in-notifika tal-għażla tal-Istat Membru ta’ oriġini mill-emittent. Dawk ir-regoli għandhom jiġu inkorporati fid-Direttiva 2004/109/KE. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti u tal-Istat Membru fejn l-emittent ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, fejn tali Stat Membru ma jkun la ta’ oriġini u lanqas Stat Membru ospitanti, ikunu informati dwar l-għażla tal-Istat Membru ta’ oriġini mill-emittent, l-emittenti kollha għandhom jintalbu jikkomunikaw l-għażla tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti kollha u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, jekk huwa jkun differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Ir-regoli rigward in-notifika tal-għażla tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom għalhekk jiġu emendati kif adatt.

(24)

Ir-rekwiżit taħt id-Direttiva 2004/109/KE rigward l-iżvelar ta’ ħruġ ta’ self ġdid wassal għal bosta problemi ta’ implimentazzjoni fil-prattika u l-applikazzjoni tiegħu hija kkunsidrata bħala kumplessa. Barra minn hekk, dak ir-rekwiżit jikkoinċidi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/71/KE u d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) ( 11 ) u ma jipprovdix wisq informazzjoni addizzjonali lis-suq. Għalhekk, u sabiex jitnaqqas piż amministrattiv mhux meħtieġ għall-emittenti, dak ir-rekwiżit għandu jiġi abolit.

(25)

Ir-rekwiżit sabiex kwalunkwe emenda fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni jew fl-istatuti ta’ emittent tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandu elementi komuni mar-rekwiżit simili taħt id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati ( 12 ) u jista’ jwassal għal konfużjoni rigward ir-rwol tal-awtorità kompetenti. Għalhekk, u sabiex jitnaqqas piż amministrattiv mhux meħtieġ għall-emittenti, dak ir-rekwiżit għandu jiġi abolit.

(26)

Format elettroniku armonizzat għar-rappurtar ikun ta’ benefiċċju kbir għall-emittenti, l-investituri u l-awtoritajiet kompetenti, billi dan jagħmel ir-rappurtar eħfef u jiffaċilita l-aċċessibbiltà, l-analiżi u l-komparabbiltà tar-rapporti finanzjari annwali. Għalhekk, it-tħejjija ta’ rapporti finanzjarji annwali f’format elottroniku uniku għar-rappurtar għandha tkun obbligatorja mill-1 ta’ Jannar 2020, sakemm tkun saret analiżi tal-kostbenefiċċju mill-ESMA. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għal adozzjoni mill-Kummissjoni, sabiex tispeċifika l-format elettroniku għar-rappurtar, b’referenza dovuta għall-għażliet teknoloġiċi kurrenti u futuri, bħall-eXtensible Busineses Reporting Language (XBRL). L-ESMA, meta tħejji l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, tagħmel valutazzjoni dettaljata tal-impatti potenzjali tal-adozzjoni tal-għażliet teknoloġiċi differenti, u twettaq testijiet xierqa fl-Istati Membri li dwarhom għandha tirrapporta lill-Kummissjoni meta tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji. Fl-iżvilupp tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-formati li għandhom jiġu applikati għall-banek u l-intermedjarji finanzjarji u għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni, l-ESMA għandha tikkoopera regolarment u mill-qrib mal-Awtorità Supervizorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ), u l-Awtorità Supervizorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ), sabiex tieħu kont tal-karatteristiċi partikolari ta’ dawn is-setturi, tiżgura l-konsistenza transsettorjali tal-ħidma u tilħaq pożizzjonijiet konġunti. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu jistgħu joġġezzjonaw għall-istandards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, f’liema każ, dawn l-istandards ma għandhomx jidħlu fis-seħħ.

(27)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 15 ) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data ( 16 ), huma applikabbli bis-sħiħ għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(28)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif iddikjarati fit-Trattat u għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(29)

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu armonizzati r-rekwiżiti ta’ trasparenza rigward informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(30)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni ( 17 ), l-Istati Membri ħadu l-impenn li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hi ġustifikata.

(31)

Id-Direttivi 2004/109/KE, 2003/71/KE u 2007/14/KE għalhekk għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2004/109/KE

Id-Direttiva 2004/109/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d) ‘emittent’ tfisser persuna fiżika, jew entità ġuridika regolata bid-dritt privat jew pubbliku, inkluż Stat, li t-titoli tagħha huma ammessi għal kummerċ f’suq regolat.

Fil-każ ta’ rċevuti ta’ depożiti ammessi għal kummerċ f’suq regolat, l-emittent ifisser l-emittent tat-titoli rappreżentati, kemm jekk dawk it-titoli jkunu ammessi għal kummerċ f’suq regolat kif ukoll jekk le;”;

(ii) il-punt (i) huwa emendat kif ġej:

(i) fil-punt (i), it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“— fejn l-emittent ikun inkorporat f’pajjiż terz, l-Istat Membru magħżul mill-emittent minn fost l-Istati Membri li fihom it-titoli tiegħu huma ammessi għal kummerċ f’suq regolat. L-għażla tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tibqa’ valida dment li l-emittent ma jkunx għażel Stat Membru ta’ oriġini ġdid taħt il-punt (iii) u jkun żvela l-għażla skont it-tieni paragrafu ta’ dan il-punt (i);”;

(ii) il-punt (ii) jinbidel b’dan li ġej:

“(ii) għal kull emittent li mhuwiex kopert mill-punt (i), l-Istat Membru magħżul mill-emittent minn fost l-Istat Membru li fih l-emittent ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, fejn applikabbli, u dawk l-Istati Membri fejn it-titoli tiegħu jkunu ammessi għal kummerċ f’suq regolat. L-emittent jista’ jagħżel Stat Membru wieħed biss bħala l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. L-għażla tiegħu għandha tibqa’ valida għal tal-inqas tliet snin dment li t-titoli tiegħu jkunu għadhom ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jew dment li l-emittent ma jibdiex ikun kopert mill-punti (i) jew (iii) matul il-perijodu ta’ tliet snin;”;

(iii) jiżdied il-punt li ġej:

“(iii) għal emittent li t-titoli tiegħu ma jibqgħux ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu kif definit fit-tieni inċiż tal-punt (i) jew fil-punt (ii) iżda minflok huma ammessi għal kummerċ fi Stat Membru ieħor wieħed jew aktar, ltali Stat Membru ta’ oriġini ġdid kif jista jagħżel l-emittent minn fost l-Istati Membri li fihom it-titoli tiegħu huma ammessi għal kummerċ f’suq regolat u, fejn applikabbli, l-Istat Membru fejn l-emittent ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;”;

(iv) jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Emittent għandu jiżvela l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu kif imsemmi fil-punti (i), (ii) jew (iii) f’konformità mal-Artikolu 20 u 21. Barra minn hekk, emittent għandu jiżvela l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti kollha.

Jekk l-emittent jonqos milli jiżvela l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu kif definit fit-tieni inċiż tal-punt (i) jew fil-punt (ii) fi żmien tliet xhur mid-data li fiha t-titoli tal-emittent jiġu ammessi għall-ewwel darba għal kummerċ f’suq regolat, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jkun l-Istat Membru fejn it-titoli tal-emittent huma ammessi għal kummerċ f’suq regolat. Fejm it-titoli tal-emittent huma ammessi għal kummerċ fi swieq regolati li jinsabu jew li qed joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, dawk l-Istati Membri għandhom ikunu l-Istati Membri ta’ oriġini tal-emittent sakemm l-emittent jagħmel l-għażla sussegwenti ta’ Stat Membru ta’ oriġini wieħed u jiżvelha.

Għal emittent li t-titoli tiegħu jkunu diġà ammessi għal kummerċ f’suq regolat u li l-għażla tiegħu ta’ Stat Membru ta’ oriġini kif imsemmi fil-punti (i), (ii) u (iii) ma ġiex żvelata qabel is-27 ta’ Novembru 2015, il-perijodu ta’ tliet xhur għandu jibqa’ mis-27 ta’ Novembru 2015.

Emittent li jkun għażel Stat Membru ta’ oriġini kif isemmi fil-punti (i), (ii) jew (iii) u li jkun ikkomunika dik l-għażla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini qabel is-27 ta’ Novembru 2015 għandu jiġi eżentat mir-rekwiżit taħt it-tieni paragrafu ta’ dan il-punt (i), ħlief jekk dan l-emittent jagħżel Stat Membru ta’ oriġini ieħor wara s-27 ta’ Novembru 2015.”;

(iii) jiżdied il-punt li ġej:

“(q) ‘ftehim formali’ tfisser ftehim li huwa vinkolanti skont il-liġi applikabbli.”;

(b) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.  Kwalunkwe referenza għal entitajiet ġuridiċi f’din id-Direttiva għandhom ikunu mifhumin bħala li tinkludi assoċjazzjonijiet ta’ negozju reġistrati mingħajr personalità ġuridika u fondi.”;

(2) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.  L-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jissoġġetta lill-emittent għal rekwiżiti aktar strinġenti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, ħlief li ma jistax jirrikjedi lill-emittenti li jippubblikaw informazzjoni finanzjarja perijodika fuq bażi aktar frekwenti mir-rapporti finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 4 u r-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur imsemmija fl-Artikolu 5.”;

(b) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.  B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri ta’ oriġini jistgħu jirrikjedu lill-emittenti biex jippubblikaw informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali fuq bażi aktar frekwenti mir-rapporti finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 4 u r-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur imsemmija fl-Artikolu 5, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

 l-informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali ma tikkostitwixxix piż finanzjarju sproporzjonat fl-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari għal emittenti żgħar u ta’ daqs medju kkonċernati; u

 il-kontenut tal-informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali mitluba tkun proporzjonata tal-fatturi li jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet ta’ investiment mill-investituri fl-Istat Membru kkonċernat.

Qabel jiddeċiedu li jirrikjedu lill-emittenti jippubblikaw informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw kemm jekk tali rekwiżiti addizzjonali jistgħux iwasslu għal li tingħata attenzjoni eċċessiva fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-emittenti għal terminu qasir kif ukoll jekk huma jistax ikollhom impatt negattiv fuq il-ħila ta’ emittenti żgħar u ta’ daqs medju li jkollhom aċċess għas-swieq regolati.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja perijodika addizzjonali minn emittenti li huma istituzzjonijiet finanzjarji.

L-Istat Membru ta’ oriġini ma jistax jissoġġetta detentur ta’ ishma, jew persuna fiżika jew entità ġuridika msemmija fl-Artikolu 10 jew 13, għal rekwiżiti aktar strinġenti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, ħlief meta:

(i) jistabbilixxi livelli limiti ta’ notifika addizzjonali jew aktar baxxi minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u li jirrikjedu notifiki ekwivalenti meta mqabbla ma’ livelli limiti bbażati fuq holdings kapitali;

(ii) japplika rekwiżiti aktar strinġenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 12; jew

(iii) japplika liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi adottati fir-rigward ta’ offerti ta’ xiri, transazzjonijiet ta’ merger u transazzjonijiet oħra li jaffettwaw is-sjieda jew il-kontroll ta’ kumpanniji, superviżati mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar offerti ta’ xiri ( 18 ).

(3) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.  L-emittent għandu jagħmel pubbliku r-rapport finanzjarju annwali tiegħu sa mhux aktar tard minn erba’ xhur mit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja u għandu jiżgura li dan jibqa’ disponibbli pubblikament għal tal-inqas 10 snin.”;

(b) jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.  B’effett mill-1 ta’ Jannar 2020 ir-rapporti finanzjarji annwali kollha għandhom jitħejjew f’format elettroniku uniku għar-rappurtar dment li tkun saret analiżi tal-kostbenefiċċju mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 ).

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-format elettroniku għar-rappurtar, b’referenza dovuta għall-għażliet teknoloġiċi attwali u futuri. Qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-EMSA għandha twettaq valutazzjoni adegwata ta’ formati elettroniċi għar-rappurtar possibbli u twettaq testijiet xierqa fuq il-post. L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(4) fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.  Kull sitt xhur l-emittent ta’ ishma jew titoli ta’ debitu għandu jagħmel pubbliku rapport finanzjarju li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja mill-aktar fis possibbli wara t-tmiem tal-perijodu rilevanti, iżda mhux aktar tard minn tliet xhur wara dan. L-emittent għandu jiżgura li r-rapport finanzjarju ta’ kull sitt xhur jibqa’ disponibbli għall-pubbliku għal tal-inqas 10 snin.”;

(5) L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Rapport dwar pagamenti lill-gvernijiet

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-emittenti attivi fl-industriji estrattivi jew tal-injam primarju, kif definiti fl-Artikolu 41(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE ( 20 ) biex iħejju fuq bażi annwali, f’konformità mal-Kapitolu 10 ta’ dik id-Direttiva, rapport dwar ħlasijiet li jsiru lill-gvernijiet. Ir-rapport għandu jsir pubbliku tal-inqas sitt xhur wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja u għandu jibqa’ disponibbli għall-pubbliku għal tal-inqas għaxar snin. Il-ħlasijiet lill-gvernijiet għandhom jiġu rrappurtati f’livell konsolidat.

(6) L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.  L-Artikoli 4 u 5 ma għandhomx japplikaw għall-emittenti li ġejjin:

(a) Stat, awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat, korp internazzjonali pubbliku li tiegħu huwa membru tal-inqas Stat Membru wieħed, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) stabbilita bil-Ftehim Qafas tal-EFSF u kwalunkwe mekkaniżmu ieħor stabbilit bl-għan li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-unjoni monetarja Ewropea billi jipprovdi assistenza finanzjarja temporanja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kemm jekk huma joħorġu ishma u titoli oħra kif ukoll jekk le; u

(b) emittent li joħroġ esklużivament titoli ta’ dejn ammessi għal kummerċ f’suq regolat, li d-denominazzjoni għal kull unità tagħhom tkun tal-inqas EUR 100 000 jew, fil-każ ta’ titoli ta’ dejn denominati f’munita oħra minbarra l-euro, meta l-valur ta’ tali denominazzjoni għal kull unità jkun, fid-data tal-ħruġ, ekwivalenti għal tal-inqas EUR 100 000 .”;

(b) il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.  B’deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 4 u 5 ma għandhomx japplikaw għal emittenti li joħorġu esklużivament titoli ta’ dejn li d-denominazzjoni għal kull unità tagħhom tkun tal-inqas EUR 50 000 jew, fil-każ ta’ titoli ta’ dejn denominati f’munita oħra minbarra l-euro, meta l-valur ta’ din id-denominazzjoni għal kull unità jkun, fid-data tal-ħruġ, ekwivalenti għal tal-inqas EUR 50 000 , li jkunu diġà ġew ammessi għal kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2010, għall-perijodu li dawn it-titoli ta’ dejn ikunu pendenti.”;

(7) L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“6.  Dan l-Artikolu ma għandux japplika għad-drittijiet għal vot miżmuma fil-portafoll tan-negozjar, kif definit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’ kumpanniji ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 21 ), ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ kumpannija ta’ investiment bil-kondizzjoni li:

(a) id-drittijiet għal vot miżmuma fil-portafoll tan-negozjar ma jaqbżux 5 %, u

(b) id-drittijiet għal vot marbuta ma’ ishma miżmuma fil-portafoll tan-negozjar ma jiġux eżerċitati jew użati mod ieħor għal intervent fil-ġestjoni tal-emittent.

(b) jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“6a.  Dan l-Artikolu ma għandux japplika għad-drittijiet għal vot marbuta ma’ ishma miksubin għal finijiet ta’ stabbilizzazzjoni f’konformità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003 tat-22 ta’ Diċembru 2003 li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji ( 22 ), dment li d-drittijiet għal vot marbutin ma’ dawk l-ishma mhumiex eżerċitati jew użati b’xi mod ieħor bħala intervent fil-ġestjoni tal-emittent.

6b.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodu ta’ kalkolu tal-livell limitu ta’ 5 % msemmi fil-paragrafi 5 u 6, inkluż fil-każ ta’ grupp ta’ kumpanniji, b’kont meħud tal-Artikolu 12(4) u (5).

L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Novembru 2014.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mat-termini tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(8) fl-Artikolu 12(2), il-kliem tal-bidu jinbidel b’dan li ġej:

“In-notifika lill-emittent għandha titwettaq fil-pront, iżda mhux aktar tard minn erbat ijiem ta’ negozjar wara d-data li fiha l-azzjonist, jew il-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika msemmija fl-Artikolu 10,”;

(9) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.  Ir-rekwiżiti ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 9 għandhom japplikaw ukoll għal persuna fiżika jew entità ġuridika li jkollha, direttament jew indirettament:

(a) strumenti finanzjarji li, mal-maturità, jagħtu lid-detentur, taħt ftehim formali, jew id-dritt mhux kondizzjonat ta’ akkwist jew id-diskrezzjoni fir-rigward tad-dritt tiegħu li jakkwista, ishma li magħhom ikun hemm marbuta drittijiet għal vot, diġà maħruġa, ta’ emittent li l-ishma tiegħu jkunu ammessi għal kummerċ f’suq regolat;

(b) strumenti finanzjarji li mhumiex inklużi fil-punt (a) iżda li jirreferu għall-ishma msemmija f’dak il-punt u li għandhom effett ekonomiku simili għal dak tal-istrumenti finanzjarji msemmija f’dak il-punt, kemm jekk jagħtu dritt għal saldu konkret kif ukoll jekk le.

In-notifika meħtieġa għandha tinkludi data disaggregata skont it-tip ta’ strumenti finanzjarji miżmuma skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u strumenti finanzjarji miżmuma skont il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu, li tagħmel distinzjoni bejn l-istrumenti finanzjarji li jagħtu dritt għal saldu konkret u l-istrumenti finanzjarji li jagħtu dritt għal ħlas bi flus kontanti.”;

(b) jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.  L-għadd ta’ drittijiet għal vot għandu jiġi kkalkulat b’referenza għall-ammont kunċettwali sħiħ ta’ ishma sottostanti għall-istrument finanzjarju ħlief fejn l-istrument finanzjarju jipprevedi esklużivament ħlas bi flus kontanti, f’liema każ l-għadd ta’ drittijiet għal vot għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ ‘aġġustament delta’, billi jiġi mmultiplikat l-ammont kunċettwali ta’ ishma sottostanti mad-delta tal-istrument. Għal dan il-fini, id-detentur għandu jiġbor flimkien u jinnotifika l-istrumenti finanzjarji kollha relatati mal-istess emittent sottostanti. Għall-kalkolu tad-drittijiet għal vot għandhom jiġu kkunsidrati biss il-pożizzjonijiet twal. Il-pożizzjonijiet twal ma għandhomx jingħataw bil-valur nett ma’ pożizzjonijiet bin-nieqes relatati mal-istess emittent sottostanti.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a) il-metodu biex jiġi kkalkulat l-għadd ta’ drittijiet għal vot imsemmi fl-ewwel subparagrafu fil-każ ta’ strumenti finanzjarji referenzati għal sett ta’ ishma jew indiċi; u

(b) il-metodi biex tiġi ddeterminata delta għall-fini li jiġu kkalkulati d-drittijiet għal vot relatati ma’ strumenti finanzjarji li jipprevedu esklużivament ħlas bi flus kontanti kif mitlub fl-ewwel subparagrafu.

L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Novembru 2014.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

1b.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala strumenti finanzjarji, dment li huma jissodisfaw kwalunkwe mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1:

(a) titoli trasferibbli;

(b) għażliet;

(c) futuri;

(d) tpartit;

(e) ftehimiet ta’ rata bil-quddiem;

(f) kuntratti għal differenzi; u

(g) kwalunkwe kuntratti jew ftehimiet oħra b’effetti ekonomiċi simili li jistgħu jiġu saldati fiżikament jew bi flus kontanti.

L-ESMA għandha tistabbilixxi u perijodikament taġġorna lista indikattiva ta’ strumenti finanzjarji li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ notifika skont il-paragrafu 1, b’kont meħud ta’ żviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji.”;

(c) il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 27(2a), (2b) u (2c), u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 27a u 27b, il-miżuri sabiex tispeċifika l-kontenuti tan-notifika li għandha ssir, il-perijodu tan-notifika u lil min għandha ssir in-notifika, kif imsemmi fil-paragrafu 1.”;

(d) jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.  L-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(4), (5) u (6) u fl-Artikolu 12(3), (4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rekwiżiti ta’ notifika taħt dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-każijiet li fihom l-eżenzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu japplikaw għal strumenti finanzjarji miżmuma minn persuna fiżika jew entità ġuridika li tkun qiegħda twettaq ordnijiet riċevuti minn klijenti jew tirrispondi għat-talbiet ta’ klijent għal kummerċ ħlief fuq bażi proprjetarja, jew pożizzjonijiet ta’ hedging li jirriżultaw minn tali negozjar.

L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Novembru 2014.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(10) jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Aggregazzjoni

1.  Ir-rekwiżiti ta’ notifika stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 13 għandhom japplikaw ukoll għal persuna fiżika jew entità ġuridika meta l-għadd ta’ drittijiet għal vot miżmuma direttament jew indirettament minn tali persuna jew entità skont l-Artikolu 9 u 10, aggregat mal-għadd ta’ drittijiet għal vot relatati ma’ strumenti finanzjarji miżmuma direttament jew indirettament skont l-Artikolu 13 jilħaq, jaqbeż jew jinżel taħt il-livelli limitu stabbiliti fl-Artikolu 9(1).

In-notifika meħtieġa taħt l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tinkludi analiżi tal-għadd ta’ drittijiet għal vot marbuta ma’ ishma miżmuma skont l-Artikoli 9 u 10 u tad-drittijiet għal vot marbuta ma’ strumenti finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 13.

2.  Id-drittijiet għal vot marbuta ma’ strumenti finanzjarji li diġà jkunu ġew notifikati skont l-Artikolu 13 għandhom jerġgħu jiġu notifikati meta l-persuna fiżika jew l-entità ġuridika tkun akkwistat l-ishma sottostanti u dik l-akkwiżizzjoni twassal biex l-għadd totali ta’ drittijiet għal vot marbuta mal-ishma maħruġa mill-istess emittent jilħaq jew jaqbeż il-livelli limitu stipulati fl-Artikolu 9(1).”;

(11) l-Artikolu 16(3) jitħassar;

(12) fl-Artikolu 19(1) jitħassar it-tieni subparagrafu;

(13) L-Artikolu 21(4) jinbidel b’dan li ġej:

“4.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 27(2a), (2b) u (2c), u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 27a u 27b, miżuri sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a) standards minimi għat-tixrid ta’ informazzjoni regolata, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b) standards minimi għall-mekkaniżmi ta’ ħżin ċentrali kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(c) regoli li jiżguraw l-interoperabilità tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni użati mill-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 2 u l-aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni, imsemmi hemmhekk.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tispeċifika u taġġorna lista ta’ mezzi għat-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku.”;

(14) Għandu jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew

1.  Portal web li jservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew (‘il-punt ta’ aċċess’) għandu jiġi stabbilit sal-1 ta’ Jannar 2018. L-ESMA għandha tiżviluppa u tħaddem il-punt ta’ aċċess.

2.  Is-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għandha tkun magħmula minn:

 il-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 21(2),

 il-portal li jservi bħala l-punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess għall-mekkaniżmi ta’ ħżin ċentrali tagħhom permezz tal-punt ta’ aċċess.”;

(15) L-Artikolu 22 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 22

Aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni

1.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu rekiwżiti tekniċi fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a) ir-rekwiżiti tekniċi rigward it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni użati mill-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 21(2);

(b) ir-rekwiżiti tekniċi għat-tħaddim tal-punt ta’ aċċess ċentrali għat-tfittxija għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni;

(c) ir-rekwiżiti tekniċi rigward l-użu ta’ identifikatur uniku għal kull emittent mill-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 21(2);

(d) il-format komuni għat-twassil ta’ informazzjoni regolata mill-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 21(2);

(e) il-klassifikazzjoni komuni ta’ informazzjoni regolata mill-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 21(2) u l-lista komuni ta’ tipi ta’ informazzjoni regolata.

2.  Fl-iżvilupp tal-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tieħu kont tar-rekwiżiti tekniċi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ta’ negozju stabbilita bid-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 23 ).

L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Novembru 2015.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(16) fl-Artikolu 23(1), jiżdied subparagrafu li ġej:

“L-informazzjoni koperta bir-rekwiżiti stabbiliti fil-pajjiż terz għandha tiġi depożitata f’konformità mal-Artikolu 19 u għandha tiġi żvelata f’konformità mal-Artikoli 20 u 21.”;

(17) fl-Artikolu 24 jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat investigattivi kollha neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mad-dritt nazzjonali.

4b.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat ta’ sanzjonar tagħhom, skont din id-Direttiva u d-dritt nazzjonali, bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

 direttament;

 f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

 taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil dawn l-awtoritajiet;

 b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.”;

(18) fl-Artikolu 25 (2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ sanzjonar u s-setgħat investigattivi tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw sabiex jiħguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri jipproduċu r-riżultati mixtieqa, u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.”;

(19) it-titolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 27b:

“KAPITOLU VIA

SANZJONIJIET U MIŻURI”;

(20) l-Artikolu 28 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi

1.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 24 U d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar miżuri u sanzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn ikunu japplikaw obbligazzjonijiet għal entitajiet ġuridiċi, f’każ ta’ ksur, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, għall-membri ta’ korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tal-entità ġuridika kkonċernata, u għal individwi oħra li jkunu responsabbli għall-ksur taħt id-dritt nazzjonali.”;

(21) Jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 28a

Ksur

L-Artikolu 28b għandu japplika tal-inqas għall-ksur li ġej:

(a) nuqqas min-naħa tal-emittent li jagħmel pubblika, fil-limitu ta’ żmien meħtieġ, l-informazzjoni meħtieġa taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tal-Artikoli 4, 5, 6, 14 u 16;

(b) nuqqas min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinnotifika, fil-limitu ta’ żmien meħtieġ, l-akkwiżizzjoni jew id-disponiment ta’ holding importanti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tal-Artikoli 9, 10, 12, 13 u 13a.

Artikolu 28b

Setgħat ta’ sanzjonar

1.  F’każ ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 28a, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu tal-inqas il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin:

(a) dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli u n-natura tal-ksur;

(b) ordni li tirrikjedi lill-persuna fiżika jew lill-entità ġuridika responsabbli twaqqaf l-imġiba li tkun tikkostitwixxi ksur u ma tirrepetix dik l-imġiba;

(c) sanzjonijiet pekunarji amministrattivi ta’;

(i) fil-każ ta’ entità ġuridika,

 sa EUR 10 000 000 jew sa 5 % tat-total tal-valur tal-bejgħ annwali skont l-aħħar kontijiet annwali disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; fejn l-entità ġuridika hija impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li għandha tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE, il-valur tal-bejgħ totali rilevanti għandu jkun it-total tal-valur tal-bejgħ annwali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mad-Direttivi rilevanti dwar il-kontabilità skont l-aħħar kontijiet annwali konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-aħħar impriża prinċipali; jew

 sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati,

liema minnhom ikun l-ogħla;

(ii) fil-każ ta’ persuna fiżika;

 sa EUR 2 000 000 ; jew

 sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati,

liema minnhom ikun l-ogħla.

Fl-Istati Membri fejn l-euro mhijiex il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti għall-euro fil-munita nazzjonali għandu jiġi kkalkulat b’kont meħud tar-rata ta’ kambju uffiċjali fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE ( 24 ).

2.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 24 u d-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom jipprevedu l-possibbiltà ta’ suspensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet għal vot marbuta mal-ishma f’każ tal-ksur kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 28a. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li s-suspensjoni tad-drittijiet għal vot għandha tapplika biss għall-aktar ksur serju.

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali u livelli ogħla ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi minn dawk previsti f’din id-Direttiva.

Artikolu 28c

Eżerċizzju tas-setgħat ta’ sanzjonar

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkunu qegħdin jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż fejn adatt:

(a) il-gravità u d-dewmien tal-ksur;

(b) il-livell ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli;

(c) is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli, pereżempju kif indikat mill-valur tal-bejgħ totali tal-entità ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d) l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli, safejn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(e) it-telf imġarrab minn partijiet terzi b’riżultat tal-ksur, safejn ikun jista’ jiġi determinat;

(f) il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g) ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli.

2.  L-ipproċessar ta’ data personali miġbura fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigattivi jew għalih f’konformità ma’ din id-Direttiva għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fejn rilevanti.

(22) it-titolu li ġej jiddaħħal qabel l-Artikolu 29:

“KAPITOLU VIB

PUBBLIKAZZJONI TA’ DEĊIŻJONIJIET”;

(23) L-Artikolu (29) jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 29

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw kull deċiżjoni dwar sanzjonijiet u miżuri imposti għall-ksur ta’ din id-Direttiva mingħajr dewmien bla bżonn, inkluż tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet ġuridiċi responsabbli għalih.

Madankollu l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jdewmu l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni, jew jistgħu jippubblikaw id-deċiżjoni fuq bażi anonima b’mod li jkun f’konformità mad-dritt nazzjonali, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) fejn, fil-każ li s-sanzjoni tiġi imposta fuq persuna fiżika, il-pubblikazzjoni tad-data personali tinstab li hi sproporzjonata meta ssir valutazzjoni obbligatorja minn qabel tal-proporzjonalità ta’ din il-pubblikazzjoni;

(b) fejn il-pubblikazjjoni thedded b’mod serju l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew investigazzjoni uffiċjali li għaddejja;

(c) fejn il-pubblikazzjoni tikkawża, dment li tista’ tiġi ddeterminata, ħsara sproporzjonata u serja għall-istituzzjonijiet jew il-persuni fiżiċi involuti.

2.  Jekk jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni ppubblikata taħt il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tkun obbligata tinkludi informazzjoni f’dak is-sens fil-pubblikazzjoni meta ssir il-pubblikazzjoni jew temenda l-pubblikazzjoni jekk l-appell jiġi ppreżentat wara l-pubblikazzjoni inizjali.”;

(24) L-Artikolu 31(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.  Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri skont l-Artikoli 3(1), 8(2) jew 8(3) jew l-Artikolu 30, huma għandhom jikkomunikaw immedjatament dawk il-miżuri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2003/71/KE

Id-Direttiva 2003/71/KE hija emendata kif ġej: Il-punt (iii) tal-punt (m) tal-Artikolu 2(1) jinbidel b’dan li ġej:

“(iii) għall-emittenti kollha ta’ titoli inkorporati f’pajjiż terz li mhumiex imsemmija fil-punt (ii), l-Istat Membru fejn it-titoli jkunu maħsuba li jiġu offruti lill-pubbliku għall-ewwel darba wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE.jew ( 25 ) fejn issir l-ewwel applikazzjoni għall-ammissjoni għal kummerċ f’suq regolat, skont l-għażla tal-emittent, ta’ min joffrihom jew tal-persuna li titlob l-ammissjoni, skont kif ikun il-każ, soġġett għal għażla sussigwenti mill-utenti inkorporati f’pajjiż terz fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

 fejn l-Istat Membru ta’ oriġini ma jkunx ġie determinat bl-għażla tagħhom; jew

 f’konformità mal-punt (iii) tal-punt (i) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Dicembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiziti ta’ trasparenza f’dak li ghandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli taghhom huma ammessi ghall-kummerc f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE ( 26 ).

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2007/14/KE

Id-Direttiva 2007/14/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 jitħassar;

(2) Fl-Artikolu 11, il-paragrafi 1 u 2 jitħassru;

(3) L-Artikolu 16 jitħassar.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għal konformità ma’ din id-Direttiva fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Rieżami

►C1  Sas-27 ta’ Novembru 2018 ◄ , il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar it-tħaddim ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż dwar l-impatt tagħha fuq emittenti żgħar u ta’ daqs medju, u dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, b’mod partikolari jekk humiex effettivi, proporzjonati u disswasivi, u għandhatagħmel rieżami tat-tħaddim u tiġi vvalutata l-effettività tal-metodu miżmum għall-kalkolu tal-għadd ta’ drittijiet għal vot relatati mal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1a) tad-Direttiva 2004/109/KE.

Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ proposta leġislattiva, jekk ikun adatt.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU C 93, 30.3.2012, p. 2.

( 2 ) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 78.

( 3 ) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhix ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2013.

( 4 ) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

( 5 ) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

( 6 ) ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

( 7 ) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.

( 8 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

( 9 ) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

( 10 ) ĠU L 69, 9.3.2007, p. 27.

( 11 ) ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

( 12 ) ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.

( 13 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

( 14 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

( 15 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

( 16 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

( 17 ) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

( 18 ) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.”;

( 19 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.”;

( 20 ) ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.”;

( 21 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.”;

( 22 ) ĠU L 336, 23.12.2003, p. 33.”;

( 23 ) ĠU L 156, 16.6.2012, p. 1.”;

( 24 ) ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13.”;

( 25 ) ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13.

( 26 ) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.”.