2013D0184 — MT — 15.04.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/184/PESK

tat-22 ta’ April 2013

dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK

(ĠU L 111, 23.4.2013, p.75)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/214/PESK tal-14 ta' April 2014

  L 111

84

15.4.2014




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/184/PESK

tat-22 ta’ April 2013

dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/232/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar ( 1 ).

(2)

Fid-dawl tal-iżviluppi fil-Mjanmar/Burma u bħala meżż ta' inkoraġġiment għall-issoktar ta' bidliet pożittivi, il-miżuri restrittivi kollha għandhom jiġu revokati bl-eċċezzjoni tal-embargo fuq l-armi u l-embargo fuq tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna.

(3)

Id-Deċiżjoni 2010/232/PESK għandha għalhekk titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  Għandhom jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir u partijiet ta' rikambju paramilitari għal dawk imsemmija hawn qabel, kif ukoll tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, lill-Mjanmar/Burma miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jużaw il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru irreġistrati bil-bandiera tagħhom, sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.

2.  Għandu jiġi pprojbit:

(a) il-forniment ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dawn imsemmija hawn qabel, kif ukoll għal tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, direttament jew indirettament fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(b) il-forniment ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, kif ukoll ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, jew għall-forniment ta' assistenza teknika, senserija u servizzi oħra relatati direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(c) il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b).

Artikolu 2

1.  L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:

(a) il-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir militari li mhux letali, jew ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi tan-NU u tal-UE għall-bini ta’ istituzzjonijiet, jew ta’ materjal maħsub għal operazzjonijiet tal-UE u n-NU għall-maniġġar ta’ kriżijiet;

(b) il-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzonijiet tat-tneħħija ta' mini;

(c) il-forniment ta' finanzjament u assistenza finanzjarja relatata ma' tali tagħmir jew ma' tali programmi u operazzjonijiet;

(d) il-forniment ta' assistenza teknika konnessa ma' tali tagħmir, jew ma' tali programmi u operazzjonijiet,

bil-kondizzjoni li tali esportazzjonijiet ikunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti.

2.  L-Artikolu 1 m'għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Mjanmar/Burma mill-persunal tan-NU, persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-medja u l-ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

▼M1

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' April 2015. Hija għandha tinżamm taħt rieżami regolari. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

▼B

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2010/232/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 105, 27.4.2010, p. 22.