02013D0010 — MT — 19.05.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ April 2013

dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

(riformulazzjoni)

(BĊE/2013/10)

(2013/211/UE)

(ĠU L 118 30.4.2013, p. 37)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2019/669 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-4 ta' April 2019

  L 113

6

29.4.2019




▼B

DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ April 2013

dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

(riformulazzjoni)

(BĊE/2013/10)

(2013/211/UE)



Artikolu 1

Denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet

▼M1

1.  Il-karti tal-flus tal-euro tal-ewwel serje għandhom jinkludu seba' denominazzjonijiet ta' karti tal-flus tal-euro fil-medda ta' 5 euro sa 500 euro. Il-karti tal-flus tal-euro tat-tieni serje għandhom jinkludu sitt denominazzjonijiet fil-medda ta' 5 sa 200 euro. Il-karti tal-flus tal-euro għandhom juru t-tema “Żminijiet u stili tal-Ewropa” bl-ispeċifikazzjonijiet bażiċi li ġejjin.



Valur fuq il-wiċċ (EUR)

Dimensjonijiet (l-ewwel serje)

Dimensjonijiet (it-tieni serje)

Kulur dominanti

Disinn

5

120 × 62 mm

120 × 62 mm

Griża

Klassiku

10

127 × 67 mm

127 × 67 mm

Ħamra

Romanesk

20

133 × 72 mm

133 × 72 mm

Blu

Gotiku

50

140 × 77 mm

140 × 77 mm

Oranġjo

Rinaxximent

100

147 × 82 mm

147 × 77 mm

Ħadra

Barokk u rococò

200

153 × 82 mm

153 × 77 mm

Isfar fil-kannella

Arkitettura tal-ħadid u l-ħġieġ

500

160 × 82 mm

mhux inkluża fit-tieni serje

Vjola

Arkitettura moderna tas-seklu 20

▼B

2.  Is-seba’ denominazzjonijiet fis-serje tal-karti tal-flus tal-euro għandhom juru xbihat ta’ entraturi u twieqi fuq in-naħa ta’ quddiem (recto) u pontijiet fuq in-naħa ta’ wara (verso). Is-seba’ denominazzjonijiet kollha għandhom ikunu tipiċi tad-diversi perijodi artistiċi Ewropej imsemmijin hawn fuq. Elementi oħrajn tad-disinji għandhom jinkludu:

(a) is-simbolu tal-Unjoni Ewropea;

(b) l-isem tal-valuta bl-alfabett Ruman u Grieg u, flimkien ma’ dan, għat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-isem tal-valuta bl-alfabett Ċirilliku;

▼M1

(c) l-inizjali tal-BĊE fil-varjanti uffiċjali tal-lingwa tal-Unjoni Ewropea:

(i) għall-ewwel serje ta' karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-ħames varjanti tal-lingwa uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, EZB, EKT u EKP;

(ii) għat-tieni serje ta' karti tal-flus euro: (1) għad-denominazzjonijiet ta' euro 5, euro 10 u euro 20, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għad-disa' varjanti tal-lingwi uffiċjali: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, EKB, BĊE u EBC; (2) għad-denominazzjonijiet ta' euro 50, euro 100 u euro 200, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-għaxar varjanti tal-lingwi uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, ESB, EKB, BĊE u EBC;

▼B

(d) is-simbolu © li jindika li d-dritt tal-awtur jappartjeni lill-BĊE; u

(e) il-firma tal-President tal-BĊE.

Artikolu 2

Regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

1.  ‘Riproduzzjoni’ għandha tfisser kull xbieha tanġibbli jew intanġibbli li tuża karta tal-flus tal-euro sħiħa jew parti minnha kif speċifikat fl-Artikolu 1, jew partijiet mill-elementi individwali tad-disinn tagħha, bħal, fost l-oħrajn, il-kulur, id-dimensjonijiet u l-użu ta’ ittri jew ta’ simboli, liema xbieha tista’ tixbah lil, jew tagħti l-impressjoni ġenerali ta’, karta tal-flus tal-euro ġenwina, irrispettivament minn:

(a) id-daqs tax-xbieha; jew

(b) il-materjal(i) jew it-teknika (tekniki) użati fil-produzzjoni tagħha; jew

(c) jekk żdidux jew inbidlux elementi tad-disinn tal-karta tal-flus tal-euro, bħall-ittri jew is-simboli.

2.  Ir-riproduzzjonijiet li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini għandhom jitqiesu bħala illegali.

3.  Ir-riproduzzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala legali peress li m’hemm l-ebda riskju li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini:

(a) ir-riproduzzjonijiet b’naħa waħda biss ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 125 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’, jew daqs jew inqas minn 75 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(b) ir-riproduzzjonijiet biż-żewġ naħat ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew iżjed minn 200 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ jew inqas minn 50 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(c) ir-riproduzzjonijiet ta’ elementi individwali tad-disinn ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba dak l-element tad-disinn ma jintweriex fuq sfond li jkun jixbah lil dak ta’ karta tal-flus; jew

(d) ir-riproduzzjonijiet fuq naħa waħda li juru parti min-naħa ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba dik il-parti tkun iżgħar minn terz tan-naħa oriġinali ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(e) ir-riproduzzjonijiet magħmulin minn materjal li jkun jidher b’mod ċar li hu differenti mill-karta, li tidher sew li hija differenti mill-materjal użat għall-karti tal-flus; jew

(f) ir-riproduzzjonijiet intanġibbli li jkunu disponibbli elettronikament f’websajts, permezz ta’ wajer jew mingħajr wajer jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-membri tal-pubbliku ġenerali li jkollhom aċċess għal dawn ir-riproduzzjonijiet intanġibbli minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, kemm-il darba:

 il-kelma SPECIMEN (kampjun) tkun stampata dijagonalment fuq ir-riproduzzjoni bit-tipa Arial jew b’tipa simili għat-tipa Arial; u

 ir-riżoluzzjoni tar-riproduzzjoni elettronika fid-daqs 100 % tagħha ma taqbiżx it-72 punt kull pulżier (dpi).

4.  Fil-każ ta’ riproduzzjonijiet skont il-paragrafu 3(f),

 it-tul tal-kelma SPEĊIMEN għandha tkun mill-inqas 75 % tat-tul tar-riproduzzjoni, u

 l-għoli tal-kelma SPEĊIMEN għandha tkun mill-inqas 15 % tal-wisa’ tar-riproduzzjoni, u

 il-kelma SPECIMEN għandha tidher f’kulur mhux trasparenti (opak) li jikkuntrasta mal-kulur dominanti tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1.

5.  Il-BĊE u l-BĊNi għandhom, meta jirċievu talba bil-miktub, jipprovdu konferma li r-riproduzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-paragrafu 3, sa fejn ma jistgħux jiġu mfixkla mill-pubbliku ġenerali ma’ karta tal-flus tal-euro ġenwina kif speċifikat fl-Artikolu 1, huma legali wkoll. Meta riproduzzjoni ssir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li l-munita tiegħu hija l-euro, talbiet kif imsemmi iktar ‘il fuq għandhom jiġu indirizzati lill-BĊN ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-BĊE.

6.  Ir-regoli tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro japplikaw ukoll għall-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew irtirati jew li jkunu tilfu l-istatus tagħhom ta’ valuta legali skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin

1.  Il-BĊNi għandhom, fuq talba, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u fid-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill Governattiv imsemmija fl-Artikolu 6, jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin meta:

(a) iktar minn 50 % tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata; jew

(b) meta 50 % jew anqas tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata jekk l-applikant jipprova li l-partijiet neqsin inqerdu.

2.  Flimkien mal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin għall-bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin:

(a) fejn ikun hemm dubju dwar it-titolu legali tal-applikant għall-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti identifikazzjoni, kif ukoll prova li l-applikant huwa s-sid jew inkella applikant awtorizzat;

(b) fejn ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti l-identifikazzjoni;

(c) fejn jiġu ppreżentati karti tal-flus tal-euro ġenwini mtebbgħin bil-linka, ikkontaminati jew imxappin: l-applikant għandu jagħti spjegazzjoni bil-miktub dwar it-tip ta’ tebgħa, kontaminazzjoni jew ta’ tixpip;

(d) fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq: l-applikant għandu jagħti stqarrija bil-miktub fuq il-kawża ta’ newtralizzazzjoni;

(e) fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq minħabba serq bi vjolenza jew serq, attwalment imwettaq jew tentattiv, jew attività kriminali oħra: il-karti tal-flus għandhom jinbidlu biss fuq talba tas-sid jew inkella tal-applikant awtorizzat li jkun il-vittma ta’ attività kriminali attwali jew tentattiv tagħha li twassal għall-ħsara fil-karti tal-flus;

(f) fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq u jiġu ppreżentati minn istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001: dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi għandhom jagħtu stqarrija bil-miktub fuq il-kawża tan-newtralizzazzjoni, ir-referenza u l-karatteristiċi ta’ apparat ta’ kontra s-serq, id-dettalji tal-parti li qed tippreżenta l-karti tal-flus imħassrin u d-data tal-preżentazzjoni tagħhom;

(g) fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru f’ammont kbir minħabba l-attivazzjoni ta’ apparat ta’ kontra s-serq: dawn kemm jista’ jkun possibbli u jekk meħtieġ mill-BĊNi għandhom jiġu ppreżentati f’settijiet ta’ 100 karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba l-ammont tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati jkun biżżejjed biex jiġu ffurmati dawn is-settijiet;

▼M1

(h) fejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 preżenti għal skambju, f'tranżazzjoni waħda jew aktar, karti tal-flus ewro ġenwini ddanneġġjati b'valur ta' mill-inqas EUR 10 000 , dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-karti tal-flus u l-identifikazzjoni tal-klijent jew, fejn applikabbli, tas-sid benefiċjarju kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), għandhom jiġu pprovduti minn dawk l-istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll fil-każ ta' dubju dwar jekk intlaħaqx il-valur limitu ta' EUR 10 000 . Ir-regoli stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti ta' identifikazzjoni u rappurtar aktar stretti adottati mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849.

▼B

3.  Minkejja dak imsemmi aktar ‘il fuq:

(a) Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini tħassru intenzjonalment, huma għandhom jirrifjutaw li jibdluhom u għandhom iżommu l-karti tal-flus tal-euro, biex jevitaw li dawn il-karti tal-flus tal-euro jerġgħu jiġu ċċirkulati jew biex jipprevjenu li l-applikant jippreżentahom lil xi BĊN ieħor għall-bdil. Madanakollu, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin jekk ikunu jafu jew jekk ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-applikanti għandhom il-bonafidi, jew jekk l-applikanti jistgħu jippruvaw li għandhom il-bonafidi. Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu mħassrin fi ġrad żgħir, eż. billi jkollhom annotazzjonijiet, numri jew sentenzi qosra miktubin fuqhom, m’għandhomx fil-prinċipju jitqiesu li huma karti tal-flus tal-euro li tħassru intenzjonalment; u

(b) Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li twettaq reat kriminali huma għandhom jirrifjutaw li jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin u għandhom iżommuhom, wara li tinħareġ riċevuta, bħala prova li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti biex jibdew jew jappoġġaw investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti, il-karti tal-flus tal-euro ġenwini fl-aħħar tal-investigazzjoni għandhom jikkwalifikaw għall-bdil skont kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

(c) Meta l-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin huma kkontaminati b’mod li jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin, jekk l-applikant jista’ jipprovdi valutazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà mill-awtoritajiet kompetenti.

▼M1

4.  Il-BĊNi jistgħu jwettqu l-iskambju billi jagħtu flus kontanti fil-valur tal-karti tal-flus fi kwalunkwe denominazzjoni, billi jittrasferixxu l-valur tal-karti tal-flus f'kont bankarju tal-applikant li jista' jiġi identifikat mingħajr ambigwità minn identifikatur tan-numru tal-kont tal-ħlas internazzjonali (IBAN) kif definiti fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), jew billi jikkreditaw il-valur tal-karti tal-flus f'kont tal-applikant mal-BĊN, kif jitqies xieraq mill-BĊN.

▼B

Artikolu 4

Twaqqif ta’ dritt għall-bdil tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin b’apparat ta’ kontra s-serq

▼M1

1.  BĊNi għandhom jitolbu ħlas lill-istituzzjonijiet u lill-aġenti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 meta jitolbu lill-BĊNi, skont l-Artikolu 3, jiskambjaw karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew iddanneġġjati minn apparat kontra s-serq. Dan il-ħlas għandu japplika wkoll irrispettivament minn jekk il-BĊN jesegwix l-iskambju fi flus kontanti jew billi jittrasferixxi jew jikkredita l-valur tal-karti tal-flus f'kont.

▼B

2.  Id-dritt għandu jammonta għal 10 ċenteżmi tal-euro għal kull karta tal-flus tal-euro mħassra.

3.  Id-dritt għandu jintalab biss jekk jinbidlu mill-inqas 100 karta tal-flus tal-euro mħassra. Id-dritt għandu jintalab għall-karti tal-flus tal-euro kollha mibdulin.

4.  L-ebda dritt m’għandu jintalab fejn karti tal-flus tal-euro jkunu tħassru minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra, jew tentattiv jew attwalment imwettqin.

Artikolu 5

Ikkreditar tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro mħassrin aċċidentalment b’apparat ta’ kontra s-serq u ppreżentati għall-bdil

1.  Il-BĊNi għandhom jikkreditaw lill-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 li jkollhom kont fil-BĊN rilevanti l-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew imħassrin aċċidentalment minn apparat ta’ kontra s-serq fil-jum ta’ meta jirċievu dawk il-karti tal-flus, kemm-il darba:

(a) il-karti tal-flus tal-euro ma tħassrux minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra attwali;

(b) il-BĊN jista’ jivverifika minnufih li l-ammont mitlub jikkorrispondi tal-inqas għal madwar il-valur tal-karti tal-flus ippreżentati; u

(c) tintbagħat l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa mill-BĊN.

2.  Kwalunkwe differenza żvelata wara l-ipproċessar bejn il-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment u ippreżentati għall-bdil u l-ammont ikkreditat qabel l-ipproċessar għandha tiġi ddebitata jew ikkreditata, skont il-każ, lill-istituzzjoni jew l-aġent ekonomiku li jippreżentawhom.

3.  Id-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 4 għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tan-numru effettiv tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment ipproċessati mill-BĊN.

Artikolu 6

Irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

L-irtirar ta’ tip jew serje ta’ karta tal-flus tal-euro għandu jiġi rregolat b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ippubblikata għall-informazzjoni ġenerali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’midja oħra. Din id-Deċiżjoni bħala minimu għandha tkopri, il-punti li ġejjin:

 it-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro li tkun ser tiġi rtirata miċ-ċirkulazzjoni; u

 it-tul ta’ żmien tal-perjodu tal-bdil; u

 id-data li fiha t-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro tkun ser titlef l-istatus tagħha bħala valuta legali; u

 it-trattament tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati ladarba jkun għadda l-perijodu tal-irtirar u/jew ikunu tilfu l-istatus tagħhom bħala valuta legali.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u tħassir

1.  Id-Deċiżjoni BĊE/2003/4 hija mħassra.

2.  Ir-referenzi għad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

3.  Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




ANNESS



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Deċiżjoni BĊE/2003/4

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7



( 1 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).