02012L0019 — MT — 04.07.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2012/19/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Lulju 2012

dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 197 24.7.2012, p. 38)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2018/849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’rilevanza għaż-ŻEE tat-30 ta’ Mejju 2018

  L 150

93

14.6.2018




▼B

DIRETTIVA 2012/19/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Lulju 2012

dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) u bit-tnaqqis tal-impatti ġenerali mill-użu ta’ riżorsi u t-titjib tal-effiċjenza f'dan it-tip ta’ użu skont l-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva 2008/98/KE, u b'hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 2

Ambitu

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għal tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) kif ġej:

(a) mit-13 ta’ Awwissu 2012 sal-14 ta’ Awwissu 2018 (perjodu tranżizzjonali), soġġett għall-paragrafu 3, għal EEE li jaqa' fil-kategoriji elenkati fl-Anness I. L-Anness II fih lista indikattiva ta’ EEE li jaqa' fil-kategoriji elenkati fl-Anness I;

(b) mill-15 ta’ Awwissu 2018, suġġett għall-paragrafi 3 u 4, għall-EEE kollu. L-EEE kollu għandu jkun ikklassifikat fi ħdan il-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. L-Anness IV fih lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li jaqa' fil-kategoriji elenkati fl-Anness III (ambitu mhux ristrett).

2.  Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa, dwar il-kimika, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ( 1 ), kif ukoll tal-leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika dwar il-ġestjoni tal-iskart jew id-disinn ta’ prodotti.

3.  Din id-Direttiva ma għandha tapplika għall-ebda wieħed mill-EEE li ġej:

(a) tagħmir li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri, inklużi armi, munizzjon u materjal tal-gwerra maħsuba għal għanijiet speċifikament militari;

(b) tagħmir li huwa ddisinjat u installat speċifikament bħala parti minn tip ieħor ta’ tagħmir li huwa eskluż jew ma jaqax taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva u li jista' jintuża biss jekk ikun jagħmel parti minn dak it-tagħmir;

(c) bozoz bil-filament.

4.  Flimkien mat-tagħmir speċifikat fil-paragrafu 3, mill-15 ta’ Awwissu 2018, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-EEE li ġej:

(a) tagħmir iddisinjat biex jintbagħat fl-ispazju;

(b) għodod industrijali fissi ta’ skala kbira;

(c) installazzjonijiet fissi ta’ skala kbira, minbarra kwalunkwe tagħmir li mhuwiex speċifikament iddisinjat u installat bħala parti minn dawk l-installazzjonijiet;

(d) mezzi tat-trasport għal persuni u merkanzija, esklużi vetturi elettriċi b'żewġ roti li mhumiex tat-tip approvat;

(e) makkinarju mobbli mhux tat-triq esklussivament disponibbli għall-użu professjonali;

(f) tagħmir iddisinjat speċifikament esklussivament għall-finijiet ta’ riċerka u żvilupp li huwa disponibbli biss fuq bażi minn negozju għal negozju ieħor;

(g) apparat mediku u apparat mediku djanjostiku in vitro, fejn dan l-apparat ikun mistenni li jkun infettiv qabel tmiem il-ħajja tiegħu, u apparat mediku attiv li jista' jiġi impjantat.

5.  Mhux aktar tard mill-14 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva stabbilit fil-punt (b) tal-paragrafu 1, inklużi l-parametri għad-distinzjoni bejn tagħmir kbir u żgħir fl-Anness III, u għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, jekk adatt.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.  Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “tagħmir elettriku u elettroniku” jew “EEE” tfisser tagħmir li huwa dipendenti fuq kurrenti tal-elettriku jew kampijiet elettromanjetiċi biex jaħdem b'mod adatt u tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ kurrenti u kampijiet ta’ dan it-tip u ddisinjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l-1 000 volt għal kurrent alternanti u 1 500 volt għal kurrent dirett;

(b) “għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira” tfisser montatura ta’ daqs kbir ta’ magni, tagħmir, u/jew komponenti, li jaħdmu flimkien għal applikazzjoni speċifika, installati permanentement u disinstallati minn nies professjonisti f'post partikolari, u użati minn nies professjonisti kif ukoll li fuqhom issir manutenzjoni minn nies professjonisti f'faċilità tal-manifattura industrijali jew faċilità għar-riċerka u l-iżvilupp;

(c) “installazzjonijiet fissi ta’ skala kbira” tfisser il-kombinazzjoni ta’ daqs kbir ta’ diversi tipi ta’ tagħmir u, fejn adatt, apparat ieħor, li:

(i) jiġi mmuntat, installat u disinstallat minn nies professjonisti;

(ii) huwa maħsub għall-użu permanenti bħala parti minn bini jew struttura f'post predefinit u apposta; u

(iii) jista' jiġi ssostitwit biss mill-istess tagħmir imfassal b'mod speċifiku;

(d) “makkinarju mobbli mhux tat-triq” tfisser makkinarju, attrezzat b'sors tal-enerġija, li t-tħaddim tiegħu jkun jeħtieġ jew mobbiltà jew moviment kontinwu jew semi-kontinwu bejn suċċessjoni ta’ postijiet ta’ ħidma fissi waqt li jkun qiegħed jaħdem;

(e) “skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku” jew “WEEE” tfisser tagħmir elettriku jew elettroniku li huwa skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, inklużi l-komponenti kollha, is-submontaturi u l-oġġetti tal-konsum li huma parti mill-prodott fil-waqt li jintrema;

(f) “produttur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, irrispettivament mill-metodu ta’ bejgħ użat, inkluż komunikazzjoni mill-bogħod fis-sens tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi rigward kuntratti li jsiru mill-bogħod ( 2 ):

(i) li hi stabbilita fi Stat Membru u li timmanifattura EEE f'isimha stess jew f'isem it-trademark tagħha, jew għandha EEE ddisinjat jew immanifatturat u tikkumerċjalizzah f'isimha jew f'isem it-trademark tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(ii) li hi stabbilita fi Stat Membru u li terġa' tbigħ fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, f'isimha jew f'isem it-trademark tagħha stess, tagħmir prodott minn fornituri oħrajn, fejn wieħed li jbigħ mill-ġdid ma jitqiesx bħala l-“produttur” jekk id-ditta tal-produttur tidher fuq it-tagħmir, kif stipulat fil-punt (i);

(iii) li hija stabbilita fi Stat Membru u li tqiegħed fis-suq ta’ dak l-Istat Membru, fuq bażi professjonali, EEE minn pajjiż terz jew minn Stat Membru ieħor; jew

(iv) li tbigħ EEE permezz ta’ komunikazzjoni minn distanza direttament lid-djar jew lill-utenti privati, minbarra d-djar privati, fi Stat Membru, u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor jew f'xi pajjiż terz.

Kull min jipprovdi esklussivament finanzjament fil-qafas ta’ jew skont kwalunkwe ftehim ta’ finanzjament ma għandux jitqies bħala “produttur” għajr jekk huwa wkoll jaġixxi bħala produttur fis-sens tal-punti (i) sa (iv);

(g) “distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, li jagħmel EEE disponibbli fis-suq. Din id-definizzjoni ta’ tipprevenix lil distributur milli jkun, fl-istess ħin, produttur fis-sens tal-punt (f);

(h) “WEEE minn djar privati” tfisser WEEE li jiġi minn djar privati u WEEE li jiġi minn sorsi kummerċjali, industrijali, istituzzjonali u sorsi oħra li, minħabba fin-natura u l-kwantità tagħhom, huma simili għal dawk minn djar privati. Skart minn EEE li x'aktarx jintuża kemm minn djar kif ukoll minn utenti privati minbarra djar privati għandu fi kwalunkwe każ jitqies bħala WEEE minn djar privati;

(i) “ftehim ta’ finanzjament” tfisser kull self, kiri b'self, kiri jew ftehim jew arranġament ta’ bejgħ iddiferit li għandu x'jaqsam ma’ kwalunkwe tagħmir kemm jekk it-termini ta’ dak il-ftehim jew l-arranġament, jew xi ftehim jew arranġament kollaterali, jipprovdu li trasferiment ta’ sjieda ta’ dak it-tagħmir se jseħħ jew jista' jseħħ, u kemm jekk le;

(j) “tagħmel disponibbli fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq ta’ Stat Membru tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(k) “tqiegħed fis-suq” tfisser l-ewwel darba li prodott ikun disponibbli fis-suq fit-territorju ta’ Stat Membru fuq bażi professjonali;

(l) “tneħħija” tfisser trattament manwali, mekkaniku, kimiku jew metallurġiku bir-riżultat li sustanzi, taħlitiet u komponenti perikolużi jkunu kontentuti fi fluss identifikabbli jew ikunu parti identifikabbli minn fluss fil-proċess ta’ trattament. Sustanza, taħlita jew komponent huma identifikabbli jekk jistgħu jiġu mmonitorjati biex jiġi vverifikat jekk it-trattament huwiex sikur għall-ambjent;

(m) “apparat mediku” tfisser apparat jew aċċessorju mediku fis-sens tal-punti (a) jew (b), tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi ( 3 ) li jikkostitwixxi EEE;

(n) “apparat mediku djanjostiku in vitro” tfisser apparat jew aċċessorju djanjostiku in vitro fis-sens ta', rispettivament, il-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro ( 4 ) li huwa EEE;

(o) “apparat mediku attiv li jista' jiġi impjantat” tfisser apparat mediku attiv li jista' jiġi impjantat fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/385/KEE tal- 20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f'xi parti tal-ġisem ( 5 ) u li huwa EEE.

2.  Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “skart perikoluż”, “ġbir”, “ġbir separat”, “prevenzjoni”, “użu mill-ġdid”, “trattament”, “irkupru”, “preparazzjoni għal użu mill-ġdid”, “riċiklaġġ” u “rimi”, u li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.

Artikolu 4

Id-disinn tal-prodott

L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-funzjonament korrett tas-suq intern u dwar id-disinn tal-prodott, inkluża d-Direttiva 2009/125/KE, jinkoraġġixxu kooperazzjoni bejn il-produtturi u dawk li jirriċiklaw u miżuri li jippromwovu d-disinn u l-produzzjoni ta’ EEE, notevolment fid-dawl li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u l-irkupru tal-WEEE, il-komponenti u l-materjali tagħhom. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex ir-rekwiżiti tal-ekodisinn li jiffaċiliaw l-użu mill-ġdid u t-trattament tal-WEEE stabbiliti fil-qafas tad-Direttiva 2009/125/KE jiġu applikati u produtturi ma jipprevenux, permezz ta’ karatteristiċi speċifiċi ta’ disinn jew proċessi ta’ manifattura, l-użu mill-ġdid tal-WEEE, għajr jekk karatteristiċi speċifiċi ta’ disinn jew proċessi ta’ manifattura ta’ dan it-tip jippreżentaw vantaġġi importanti, pereżempju, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u/jew ta’ sikurezza.

Artikolu 5

Ġbir separat

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jimminimizzaw ir-rimi tal-WEEE f'forma ta’ skart muniċipali mhux isseparat, biex jiġi żgurat it-trattament korrett tal-WEEE kollu miġbur u biex jinkiseb livell għoli ta’ ġbir separat tal-WEEE, notevolment, u bħala prijorità, għal tagħmir ta’ tkessiħ u ffriżar li fih sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu u gassijiet serra flworinati, għal bozoz li għandhom il-merkurju, pannelli fotovoltajċi u tagħmir żgħir kif imsemmi fil-kategoriji 5 u 6 tal-Anness III.

2.  Għall-WEEE minn djar privati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) jitwaqqfu sistemi li jippermettu li d-detenturi finali u distributuri jirritornaw skart ta’ dan it-tip għall-inqas mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-faċilitajiet meħtieġa għall-ġbir, filwaqt li jqisu b'mod partikolari d-densità tal-popolazzjoni;

(b) meta jipprovdu prodott ġdid, id-distributuri huma responsabbli li jiżguraw li skart ta’ dan it-tip jista' jiġi rritornat lid-distributur għall-inqas mingħajr ħlas fuq bażi ta’ wieħed għal wieħed sakemm it-tagħmir ikun ta’ tip ekwivalenti u jkollu l-istess funzjonijiet tat-tagħmir ipprovvdut. L-Istati Membru jistgħu jidderogaw minn din id-dispożizzjoni sakemm jiżguraw li r-ritorn tal-WEEE ma jsirx permezz ta’ dan aktar diffiċli għad-detentur finali u li jibqa' mingħajr ħlas għad-detentur finali. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan;

(c) id-distributuri jipprovdu għall-ġbir, fil-ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut b'żoni ta’ bejgħ relatati mal-EEE ta’ mill-inqas 400 m2, jew fil-prossimità immedjata tagħhom, ta’ WEEE żgħir ħafna (fejn id-dimensjoni esterna ma taqbiżx 25 cm) mingħajr ħlas għall-utenti finali u mingħajr obbligu li jixtru EEE ta’ tip ekwivalenti, sakemm valutazzjoni ma turix li skemi ta’ ġbir alternattivi eżistenti aktarx ikunu għall-inqas ugwalment effettivi. Valutazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. Il-WEEE miġbur għandu jiġi trattat b'mod xieraq f'konformità mal-Artikolu 8;

(d) mingħajr preġudizzju għall-punti (a), (b) u (c), il-produtturi huma permessi jistabbilixxu u joperaw sistemi ta’ teħid lura individwali u/jew kollettivi għall-WEEE minn djar privati sakemm dawn ikunu skont l-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

(e) b'kunsiderazzjoni għall-istandards ta’ saħħa u sikurezza nazzjonali u tal-Unjoni, il-WEEE li jippreżenta riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-persunal minħabba l-kontaminazzjoni jista' jiġi rrifjutat għar-ritorn skont (a), (b) u (c). L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti speċifiċi għal dan it-tip ta’ WEEE.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal arranġamenti speċifiċi għar-ritorn tal-WEEE skont il-punti (a), (b) u (c) għal każijiet fejn it-tagħmir ma jinkludix il-komponenti essenzjali tiegħu jew jekk it-tagħmir jinkludi skart ieħor għajr WEEE.

3.  L-Istati Membri jistgħu jinnominaw l-operaturi li jistgħu jiġbru l-WEEE minn djar privati kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li WEEE ddepożitat f'faċilitajiet ta’ ġbir kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jiġi mgħoddi lil produtturi jew partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom jew jiġi mgħoddi, għall-finijiet ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, lil stabbilimenti jew intrapriżi nnominati.

5.  Fil-każ ta’ WEEE ieħor għajr WEEE minn djar privati, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li produtturi jew partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom jipprovdu għall-ġbir ta’ skart ta’ dan it-tip.

Artikolu 6

Ir-rimi u t-trasport tal-WEEE miġbur

1.  L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu r-rimi ta’ WEEE miġbur b'mod separat li għadu m'għaddiex mit-trattament speċifikat fl-Artikolu 8.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġbir u t-trasport tal-WEEE miġbur b'mod separat jitwettaq b'tali mod li jippermetti kundizzjonijiet ottimali għall-preparazzjoni tal-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-restrizzjoni ta’ sustanzi perikolużi.

Sabiex jimmassimizzaw il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri għandhom jippromwovu li, qabel kull trasferiment ulterjuri, l-iskemi jew faċilitajiet ta’ ġbir, jipprovdu, fejn meħtieġ, għas-separazzjoni fil-punti ta’ ġbir tal-WEEE, li għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid minn WEEE ieħor miġbur separatament, partikolarment billi jingħata aċċess għal persunal miċ-ċentri tal-użu mill-ġdid.

Artikolu 7

Ir-rata ta’ ġbir

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), kull Stat Membru għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbilità tal-produttur u, fuq dik il-bażi, li annwalment tinkiseb rata minima ta’ ġbir. Minn 2016 ir-rata minima ta’ ġbir għandha tkun ta’ 45 % kkalkulata abbażi tal-piż totali tal-WEEE miġbur skont l-Artikoli 5 u 6 f'sena partikolari f'dak l-Istat Membru kkonċernat espressa bħala perċentwali tal-piż medju tal-EEE mqiegħed fis-suq f'dak l-Istat Membru fit-tliet snin ta’ qabel. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-volum ta’ WEEE miġbur jevolvi gradwalment waqt il-perjodu mill-2016 sal-2019, sakemm ir-rata ta’ ġbir stabbilita fit-tieni subparagrafu ma tkunx diġà ntlaħqet.

Mill-2019 ir-rata minima ta’ ġbir li għandha tintlaħaq annwalment għandha tkun ta’ 65 % tal-piż medju tal-EEE mqiegħed fis-suq fit-tliet snin preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat, jew alternattivament 85 % tal-WEEE ġġenerat bil-piż fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, għandha tibqa' tapplika rata ta’ ġbir separat ta’ mill-inqas medja ta’ erbgħa kilogrammi għal kull abitant fis-sena ta’ WEEE minn djar privati jew l-istess ammont ta’ piż ta’ WEEE kif inġabar f'dak l-Istat Membru medjament fit-tliet snin preċedenti, skont liema jkun l-akbar.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rati ta’ ġbir separat ta’ WEEE aktar ambizzjużi u f'tali każ għandhom jirrappurtaw dan lill-Kummissjoni.

2.  Sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rata minima ta’ ġbir intlaħqitx, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif dwar il-WEEE li jiġi miġbur separatament f'konformità mal-Artikolu 5 jiġi mibgħut lill-Istati Membri mingħajr ħlas, inkluż għall-inqas tagħrif dwar il-WEEE li ġie:

(a) riċevut mill-faċilitajiet ta’ ġbir u trattament;

(b) riċevut mid-distributuri;

(c) miġbur separatament mill-produtturi jew minn partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom.

3.  B'deroga mill-paragrafu 1, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja jistgħu, minħabba n-nuqqas ta’ infrastruttura meħtieġa u livell baxx ta’ konsum ta’ EEE, jiddeċiedu li:

(a) jiksbu, mill-14 ta’ Awwissu 2016, rata ta’ ġbir li hija inqas minn 45 % iżda ogħla minn 40 % tal-piż medju ta’ EEE kkummerċjalizzat fit-tliet snin preċedenti, u

(b) jipposponu l-kisba tar-rata tal-ġbir imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 sa data magħżula minnhom stess li ma għandhiex tkun aktar tard mill-14 ta’ Awwissu 2021.

4.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 fejn jiġu stabbiliti l-aġġustamenti tranżizzjonali meħtieġa sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri li jaderixxu mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.

5.  Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sal-14 ta’ Awwissu 2015, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-piż ta’ EEE mqiegħed fis-suq nazzjonali u metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kwantità ta’ WEEE ġenerat bil-piż f'kull Stat Membru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 21(2).

6.  Il-Kummissjoni għandha, sal-14 ta’ Awwissu 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tad-dati ta’ skadenza relatati mar-rati ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 u dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti rati ta’ ġbir individwali għal xi wieħed jew aktar mill-kategoriji li jinsabu fl-Anness III, b'mod partikolari għat-tagħmir li jibdel it-temperatura, għall-pannelli fotovoltajċi, tagħmir żgħir, inkluż tagħmir żgħit tal-IT u t-telekomunikazzkoni u lampi li fihom il-merkurju. Dan ir-rapport għandu, jekk ikun il-każ, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

7.  Jekk il-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi ta’ studju dwar l-impatt, li r-rata ta’ ġbir ibbażata fuq il-WEEE ġenerat teħtieġ li tiġi riveduta, għandha tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Trattament adatt

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-WEEE kollu miġbur separatament jiġi ttrattat korrettement.

2.  Trattament adatt, għajr il-preparazzjoni għal operazzjonijiet ta’ użu mill-ġdid, irkupru jew riċiklaġġ għandu, tal-anqas, jinkludi t-tneħħija tal-fluwidi kollha u t-trattament selettiv skont l-Anness VII.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li produtturi jew partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom jistabbilixxu sistemi biex jipprovdu għall-irkupru tal-WEEE bl-użu tal-aqwa teknika disponibbli. Is-sistemi jistgħu jitwaqqfu minn produtturi individwalment jew kollettivament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stabbiliment jew impriża li jwettaq/twettaq operazzjonijiet ta’ ġbir jew trattament, jaħżen/taħżen il-WEEE skont ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-Anness VIII.

4.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20, rigward l-emenda tal-Anness VII sabiex tintroduċi teknoloġiji oħra ta’ trattament li jiżguraw mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa bħala prijorità jekk l-entrati rigward bords stampati ta’ ċirkwiti għat-telefowns ċellulari u skrins tal-kristalli likwidi jeħtiġux jiġu emendati. Il-Kummissjoni hija mistiedna tevalwa jekk l-emendi għall-Anness VII humiex meħtieġa biex jiġu trattati n-nanomaterjali kontenuti f'EEE.

5.  Għall-għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jwaqqfu standards minimi ta’ kwalità għat-trattament tal-WEEE li jkun ġie miġbur.

L-Istati Membri li jagħżlu standards ta’ kwalità ta’ dan it-tip għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dawn l-istandards, u l-Kummissjoni għandha tippubblikahom.

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Frar 2013, titlob lill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jiżviluppaw standards minimi Ewropej għat-trattament, inkluż l-irkupru, ir-riċiklaġġ u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ta’ WEEE. Dawk l-istandards għandhom jirriflettu t-teknoloġija tal-mument.

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista'tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jistabilixxu standards minimi ta’ kwalità, ibbażati partikolarment fuq l-istandards żviluppati mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 21(2).

Referenza għall-istandards adottati mill-Kummissjoni għandha tiġi ppubblikata.

6.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu stabbilimenti jew impriżi li jwettqu operazzjonijiet ta’ trattament biex jintroduċu sistemi ċċertifikati ta’ ġestjoni ambjentali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) ( 6 ).

Artikolu 9

Permessi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stabbiliment jew impriża li jwettaq/twettaq operazzjonijiet ta’ trattament jikseb/tikseb permess mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/98/KE.

2.  L-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti għall-permessi, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet u r-reġistrazzjoni għandhom ikunu f'konformità mal-Artikoli 24, 25 u 26, rispettivament, tad-Direttiva 2008/98/KE.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess jew ir-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jinkludu l-kundizzjonijiet kollha li huma meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2), (3) u (5) u għall-ksib tal-miri ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11.

Artikolu 10

Vjeġġi ta’ WEEE

1.  L-operazzjoni ta’ trattament tista' ssir ukoll barra mill-Istat Membru rispettiv jew barra mill-Unjoni sakemm il-vjeġġ tal-WEEE ikun f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1418/2007 tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2007 li jikkonċerna l-esportazzjoni għall-irkupru ta’ ċerti tipi ta’ skart elenkati fl-Anness III jew IIIA tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lejn pajjiżi fejn id-Deċiżjoni tal-OECD dwar il-kontroll ta’ movimenti intrakonfinali tal-iskart ma tapplikax ( 7 ).

2.  Il-WEEE esportat barra mill-Unjoni għandu jgħodd biss lejn it-twettiq ta’ obbligi u miri stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva jekk, skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1013/2006 u (KE) Nru 1418/2007, l-esportatur ikun jista' jagħti prova li t-trattament ikun seħħ skont kundizzjonijiet li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

3.  Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Frar 2014, tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 20, li jistabbilixxi regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, b'mod partikolari l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti.

Artikolu 11

Il-miri tal-irkupru

1.  Fir-rigward tal-WEEE kollu miġbur separatament skont l-Artikolu 5 u mibgħut għat-trattament skont l-Artikoli 8, 9 u 10, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jilħqu l-miri minimi stabbiliti fl-Anness V.

2.  Għandu jsir kalkolu ta’ kemm intlaħqu l-miri, għal kull kategorija, billi jiġi diviż il-piż tal-WEEE li jidħol fil-faċilità tal-irkupru jew riċiklaġġ jew fil-faċilità tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, wara trattament adatt f'konformità mal-Artikolu 8(2) fir-rigward tal-irkupru jew riċiklaġġ, bil-piż tal-WEEE kollu miġbur separatament, għal kull kategorija, u dan jiġi espress bħala persentaġġ.

L-attivitajiet preliminari inkluż it-tqassim u l-ħżin qabel l-irkupru ma għandhomx jgħoddu għall-kisba ta’ dawn il-miri.

3.  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista', tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli addizzjonali dwar il-metodi ta’ kalkolu għall-applikazzjoni tal-miri minimi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 21(2).

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex jiġu kkalkulati dawn il-miri, il-produtturi jew il-partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom għandhom iżommu reġistri dwar il-piż tal-WEEE, il-komponenti, il-materjali jew is-sustanzi tagħhom meta jitilqu (output) mill-faċilità ta’ ġbir, jidħlu (input) u joħorġu (output) mill-faċilitijiet ta’ trattament u meta jidħlu (input) fil-faċilità ta’ rkupru jew riċiklaġġ/preparazzjoni għall-użu mill-ġdid.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, għall-finijiet tal-paragrafu 6, jinżammu rekords dwar il-piż ta’ prodotti u materjali meta jitilqu (output) mill-faċilità ta’ rkupru jew riċiklaġġ/preparazzjoni għall-faċilità tal-użu mill-ġdid.

5.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda ta’ rkupru, riċiklaġġ u trattament.

6.  Abbażi ta’ rapport tal-Kummissjoni akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposta leġiżlattiva, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, sal-14 ta’ Awwissu 2016, jeżaminaw mill-ġdid il-miri għall-irkupru msemmija fl-Anness V, Parti 3, jeżaminaw il-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri separati għall-WEEE li għandu jiġi ppreparat għall-użu mill-ġdid u jeżaminaw mill-ġdid il-metodu ta’ kalkolu msemmi fil-paragrafu 2 bil-ħsieb li tiġi analizzata il-fattibbiltà li jiġu stabbiliti miri abbażi ta’ prodotti u materjali li jirriżultaw (output) mill-proċessi tal-irkupru, riċiklaġġ u preparazzjoni għall-użu mill-ġdid.

Artikolu 12

Finanzjament tal-WEEE minn djar privati

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jipprovdu għall-inqas il-finanzjament tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati li ġew depożitati f'faċilitajiet ta’ ġbir imwaqqfa skont l-Artikolu 5(2).

2.  L-Istati Membri jistgħu, fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-produtturi jiffinanzjaw ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw għall-ġbir tal-WEEE mid-djar privati lejn faċilitajiet ta’ ġbir.

3.  Għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq aktar tard mit-13 ta’ Awissu 2005, kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li għandhom x'jaqsmu mal-iskart mill-prodotti tal-produttur stess. Il-produttur jista' jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur jipprovdi garanzija meta jqiegħed prodott fis-suq li tkun turi li l-ġestjoni tal-WEEE kollu se tiġi ffinanzjata u għandhom jiżguraw li l-produtturi jimmarkaw il-prodotti tagħhom b'mod ċar skont l-Artikolu 15(2). L-għan ta’ din il-garanzija huwa li tiżgura li l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li għandhom x'jaqsmu ma’ dan il-prodott jiġu ffinanzjati. Il-garanzija tista' tieħu l-forma ta’ parteċipazzjoni mill-produttur fi skemi xierqa għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-WEEE, assigurazzjoni ta’ riċiklaġġ jew kont tal-bank ibblokkat.

4.  Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-WEEE minn prodotti mqiegħda fis-suq fi jew qabel it-13 ta’ Awwissu 2005 (“skart storiku”) għandha tkun f'idejn sistema waħda jew aktar li l-produtturi kollha li jkunu jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż rispettivi, jikkontribwixxu għaliha/għalihom b'mod proporzjonali, pereżempju bi proporzjon għas-sehem rispettiv tagħhom fis-suq skont it-tip ta’ tagħmir.

5.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jiġu żviluppati mekkaniżmi adatti jew proċeduri ta’ rifużjoni għar-rimborż ta’ kontributi lill-produtturi fejn EEE jiġi trasferit għat-tqegħid fis-suq barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Dawn il-mekkaniżmi jew proċeduri jistgħu jiġu żviluppati minn produtturi jew partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom.

6.  Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta sal-14 ta’ Awwissu 2015 dwar il-possibbiltà li jiġu żviluppati kriterji biex jiġu inkorporati l-ispejjeż reali ta’ tmiem il-ħajja fil-finanzjament tal-WEEE mill-produtturi, u biex tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk ikun xieraq.

Artikolu 13

Finanzjament tal-WEEE minn utenti għajr djar privati

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005 jkun ipprovdut mill-produtturi.

Għal skart storiku li qed jinbidel bi prodotti ġodda ekwivalenti jew bi prodotti ġodda bl-istess funzjoni, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill-produtturi ta’ dawk il-prodotti meta jfornuhom. L-Istati Membri jistgħu, alternattivament, jistipulaw li utenti għajr djar privati jsiru wkoll responsabbli, parzjalment jew totalment, għal dan il-finanzjament.

Għal skart storiku ieħor, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill-utenti għajr djar privati.

2.  Produtturi u utenti għajr djar privati jistgħu, mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, jikkonkludu ftehimiet li jistipulaw metodi oħra ta’ finanzjament.

Artikolu 14

Tagħrif għall-utenti

1.  L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-produtturi juru lix-xerrejja, waqt il-bejgħ ta’ prodotti ġodda, l-ispejjeż tal-ġbir, it-trattament u r-rimi li jsiru b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. L-ispejjeż imsemmija ma għandhomx jaqbżu l-aħjar stima tal-ispejjeż imġarrba realment.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li utenti ta’ EEE fi djar privati jingħataw it-tagħrif meħtieġ dwar:

(a) ir-rekwiżit li l-WEEE ma jintremiex bħala skart muniċipali mhux isseparat u biex WEEE ta’ dan it-tip jinġabar separatament;

(b) is-sistemi ta’ ritorn u ġbir disponibbli għalihom, bl-inkoraġġiment tal-koordinazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ ġbir disponibbli, irrispettivament mill-produtturi jew operaturi oħra li waqqfuhom;

(c) ir-rwol tagħhom li jikkontribwixxu għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u tipi oħra ta’ rkupru tal-WEEE;

(d) l-effetti potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-preżenza ta’ sustanzi perikolużi f'EEE;

(e) it-tifsira tas-simbolu muri fl-Anness IX.

3.  L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex il-konsumaturi jipparteċipaw fil-ġbir tal-WEEE u jinkoraġġuhom sabiex jiffaċilitaw il-proċess ta’ użu mill-ġdid, trattament u rkupru.

4.  Bil-għan li jiġi minimizzat ir-rimi tal-WEEE bħala skart muniċipali mhux isseparat u biex jiġi ffaċilitat il-ġbir separat tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jimmarkaw b'mod xieraq — preferibbilment skont l-istandard Ewropew EN 50419 ( 8 ) — EEE li jitqiegħed fis-suq bis-simbolu muri fl-Anness IX. F'każijiet eċċezzjonali, fejn dan ikun meħtieġ minħabba d-daqs jew il-funzjoni tal-prodott, is-simbolu għandu jiġi stampat fuq l-imballaġġ, fuq l-istruzzjonijiet għall-użu u fuq il-garanzija ta’ EEE.

5.  L-Istati Membri jistgħu jesiġu li xi tagħrif jew it-tagħrif kollu msemmi fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandu jiġi pprovdut mill-produtturi u/jew id-distributuri, eż. fl-istruzzjonijiet għall-użu, fil-punt tal-bejgħ jew permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-pubbliku.

Artikolu 15

Tagħrif għall-faċilitajiet ta’ trattament

1.  Sabiex jiġu ffaċilitati l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u t-trattament korrett u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE, inklużi l-manutenzjoni, it-titjib, l-arranġament mill-ġdid u r-riċiklaġġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-produtturi jipprovdu tagħrif, mingħajr ħlas, dwar il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u trattament għal kull tip ġdid ta’ EEE li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba fi żmien sena wara li t-tagħmir jitqiegħed fis-suq. Dan it-tagħrif għandu jidentifika, safejn ikun meħtieġ minn ċentri ta’ użu mill-ġdid u faċilitajiet ta’ trattament u riċiklaġġ sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, il-komponenti u l-materjali tal-EEE differenti, kif ukoll fejn jinsabu sustanzi u taħlitiet perikolużi fl-EEE. Għandu jsir disponibbli għaċ-ċentri li jippreparaw għall-użu mill-ġdid u faċilitajiet ta’ trattament u riċiklaġġ minn produtturi tal-EEE bħala manwali jew permezz ta’ midja elettronika (eż. CD-ROM, servizzi online).

2.  Sabiex id-data li fiha l-EEE ikun tqiegħed fis-suq tkun tista' tiġi stabbilita mingħajr l-ebda dubju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li marka fuq l-EEE tispeċifika li dan tal-aħħar tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awissu 2005. Preferibbilment, l-Istandard Ewropew EN 50419 għandu jiġi applikat għal dan il-għan.

Artikolu 16

Reġistrazzjoni, tagħrif u rappurtar

1.  L-Istati Membri għandhom, skont il-paragrafu 2, iħejju reġistru ta’ produtturi, inklużi l-produtturi li jipprovdu EEE permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. Dak ir-reġistru għandu jservi ta’ monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Il-produtturi li jipprovdu EEE permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 3(1)(f)(iv) għandhom ikunu rreġistrati fl-Istat Membru fejn ibigħu. Fejn dawn il-produtturi ma jkunux reġistrati fl-Istat Membru li lilu jkunu qed ibigħu, għandhom ikunu rreġistrati permezz tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 17(2).

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) kull produttur, jew kull rappreżentant awtorizzat fejn appuntat taħt l-Artikolu 17 huwa rreġistrat kif meħtieġ u għandu l-possibbilta' li jdaħħal onlajn, fir-reġistru nazzjonali tagħhom, kull tagħrif rilevanti li jirrifletti l-attivitajiet ta’ dak il-produttur f'dak l-Istat Membru;

(b) meta jirreġistra, kull produttur jew kull rappreżentant awtorizzat fejn appuntat taħt l-Artikolu 17 jipprovdi t-tagħrif li jinsab fil-Parti A tal-Anness X, bl-impenn li jaġġornah kif adatt;

(c) kull produttur jew kull rappreżentant awtorizzat fejn appuntat taħt l-Artikolu 17 jipprovdi t-tagħrif li jinsab fil-parti B tal-Anness X;

(d) ir-reġistri nazzjonali jipprovdu links lejn reġistri nazzjonali oħra fuq is-sit tal-web tagħhom biex jiffaċilitaw, fl-Istati Membri kollha, ir-reġistrazzjoni tal-produtturi jew, fil-każ fejn appuntat taħt l-Artikolu 17, ir-rappreżentanti awtorizzati.

3.  Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għar-reġistrazzjoni u rrappurtar u l-frekwenza tar-rappurtar fir-reġistru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 21(2).

4.  L-Istati Membri għandhom jiġbru tagħrif, inklużi stimi ssostanzjati, fuq bażi annwali, dwar il-kwantitajiet u l-kategoriji ta’ EEE li jitqiegħed fis-swieq tagħhom, li jinġabar tul ir-rotot kollha, li jiġi irkuprat, ippreparat għall-użu mill-ġdid irriċiklat u rkuprat fl-Istat Membru, u dwar WEEE miġbur separatament li jiġi esportat, skont il-piż.

▼M1 —————

▼M1

6.  L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 4.

Huma għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 9.

L-ewwel perijodu ta’ rappurtar għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 9, u għandu jkopri d-data għal dak il-perjodu ta’ rappurtar.

7.  Id-data li jirrapportaw l-Istati Membri skont il-paragrafu 6 għandha tkun akkumpanjata b’rapport ta’ verifika tal-kwalità.

8.  Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-data rappurtata skont il-paragrafu 6, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-rieżami tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

9.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-data msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 16a

Inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart

Sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stipulati f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart bħal dawk imsemmija fl-Anness IVa għad-Direttiva 2008/98/KE jew instrumenti u miżuri oħra xierqa.

▼B

Artikolu 17

Ir-rappreżentant awtorizzat

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li produttur, kif definit fl-Artikolu 3(1)(f)(i) sa (iii) stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun permess, permezz ta’ eċċezzjoni għall-Artikolu 3(1)(f)(i) sa (iii), jaħtar persuna ġuridika jew fiżika stabbilita fit-territorju tiegħu bħala r-rappreżentant awtorizzat li jkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi ta’ dak il-produttur, skont din id-Direttiva, fit-territorju tiegħu.

2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li produttur kif definit fl-Artikolu 3(1)(f)(iv) u stabbilit fit-territorju tiegħu, li jbigħ EEE lil Stat Membru ieħor li mhuwiex stabbilit fih, jaħtar rappreżentant awtorizzat f'dak l-Istat Membru bħala l-persuna responsabbli biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ dak il-produttur, skont din id-Direttiva, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

3.  Il-ħatra ta’ rappreżentant awtorizzat għandha ssir b'mandat miktub.

Artikolu 18

Kooperazzjoni amministrattiva u skambju ta’ tagħrif

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jikkooperaw ma’ xulxin, b'mod partikolari biex jiġi stabbilit fluss adegwat ta’ tagħrif biex jiġi żgurat li l-produtturi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u, fejn adatt, jipprovdu tagħrif lil xulxin u lill-Kummissjoni sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni adatta ta’ din id-Direttiva. Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ tagħrif, partikolarment bejn reġistri nazzjonali, għandhom jinkludu mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi.

Il-kooperazzjoni għandha tinkludi, inter alia, l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti relevanti u informazzjoni inklużi r-riżultati ta’ kull ispezzjoni li ssir, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità li hija mitluba tikkoopera.

Artikolu 19

Adattament għall-progress xjentifiku u tekniku

▼M1

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva rigward l-emendi meħtieġa sabiex tadatta l-Annessi IV, VII, VIII u IX għal din id-Direttiva u għall-progress xjentifiku u tekniku. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull Anness li jrid jiġi emendat. Fl-emendar tal-Anness VII għal din id-Direttiva, l-eżenzjonijiet mogħtija skont id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) għandhom jiġu kkunsidrati.

▼B

Qabel ma jiġu emendati l-Annessi, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta, fost l-oħrajn, il-produtturi ta’ EEE, ir-riċiklaturi, l-operaturi tat-trattament u l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-għaqdiet tal-impjegati u l-konsumaturi.

Artikolu 20

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(4), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 19 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Awwissu 2012. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7(4), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 19 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta l-att idelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 21

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu jkun applikabbli t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 22

Penali

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-14 ta’ Frar 2014 dwar dawk id-dispożizzjonijiet u għandhom jinnotifikawha minnufih dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 23

Ispezzjoni u monitoraġġ

1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu ispezzjonijiet u monitoraġġ adegwati sabiex jivverifikaw l-implimentazzjoni kif suppost ta’ din id-Direttiva.

Dawk l-ispezzjonijiet għandhom tal-anqas ikopru:

(a) informazzjoni rappurtata fil-qafas tar-reġistru tal-produtturi;

(b) vjeġġi, b'mod partikolari l-esportazzjonijiet tal-WEEE lil hinn mill-Unjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1418/2007; u

(c) l-operazzjonijiet fil-faċilitajiet ta’ trattament skont id-Direttiva 2008/98/KE u l-Anness VII ta’ din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjeġġi ta’ EEE użat suspettat li hu WEEE jsiru skont ir-rekwiżiti minimi fl-Anness VI u għandhom jissorveljaw dawn il-vjeġġi kif meħtieġ.

3.  L-ispejjeż tal-analiżijiet u l-ispezzjonijiet adatti, inklużi l-ispejjeż tal-ħżin, ta’ EEE użat issuspettat li hu WEEE, jistgħu jintalbu mill-produttur, lil partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom jew lil persuni oħrajn li jagħmlu l-arranġamenti għall-vjeġġi ta’ EEE użat issuspettat li huwa WEEE.

4.  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u tal-Anness VI, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli addizzjonali dwar l-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ u b'mod partikolari kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Anness VI, punt 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 24

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-14 ta’ Frar 2014. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttivi mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza u kif għandha tiġi fformulata t-tali dikjarazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri jistgħu jittrasponu d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(6), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15 permezz ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-setturi ekonomiċi kkonċernati sakemm jinkisbu l-għanijiet stipulati b'din id-Direttiva. Dawn il-ftehimiet għandhom jilħqu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-ftehimiet għandhom ikunu infurzabbli;

(b) il-ftehimiet għandhom jispeċifikaw l-għanijiet bl-iskadenzi korrispondenti;

(c) il-ftehimiet għandhom jiġu ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali jew dokument uffiċjali li huwa aċċessibbli għall-pubbliku bl-istess mod u kkomunikati lill-Kummissjoni;

(d) ir-riżultati miksuba għandhom jiġu mmonitorjati regolarment, irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni u jsiru disponibbli għall-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim;

(e) l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-progress miksub skont il-ftehim jiġi eżaminat;

(f) fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-ftehim l-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi.

Artikolu 25

Tħassir

Id-Direttiva 2002/96/KE kif emendata bid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness XI hija mħassra b'effett mill-15 ta’ Frar 2014, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva stabbiliti fil-Parti B tal-Anness XI.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XII.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Kategoriji ta’ EEE koperti minn din id-Direttiva matul il-perjodu tranżizzjonali kif previst fl-Artikolu 2(1)(a)

1. Apparat domestiku kbir

2. Apparat domestiku żgħir

3. Tagħmir tal-IT u telekomunikazzjonijiet

4. Tagħmir tal-konsumatur u pannelli fotovoltajċi

5. Tagħmir li jagħti d-dawl

6. Għodod elettriċi u elettroniċi (ħlief għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira)

7. Ġugarelli, tagħmir għal waqt il-ħin ħieles u tal-isport

8. Mezzi mediċi (ħlief kull prodott impjantat u infettat)

9. Strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll

10. Apparat ta’ distribuzzjoni awtomatiku




ANNESS II

Lista indikattiva ta’ EEE li jaqgħu fil-kategoriji tal-Anness I

1.   APPARAT DOMESTIKU KBIR

Apparat kbir li jkessaħ

Refriġeraturi

Friżers

Apparat kbir ieħor użat għar-refriġerazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħażna tal-ikel

Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ

Magni li jnixxfu l-ħwejjeġ

Magni li jaħslu l-platti

Apparat għat-tisjir

Kenuri tal-elettriku

Hot plates tal-elettriku

Microwaves

Apparat kbir ieħor użat għat-tisjir u pproċessar ieħor tal-ikel

Apparat tal-elettriku li jsaħħan

Radiators tal-elettriku

Apparat kbir ieħor li jsaħħan il-kmamar, is-sodod, l-għamara fejn wieħed joqgħod bil-qiegħda

Fannijiet tal-elettriku

Apparat għall-arja kondizzjonata

Tagħmir ieħor b’effett ta’ fannijiet, ventilazzjoni u kondizzjonar

2.   APPARAT DOMESTIKU ŻGĦIR

Vacuum cleaners

Tagħmir li jiknes it-twapet

Apparat ieħor użat għat-tindif

Apparat użat għall-ħjata, xogħol tal-labar, insiġ u proċessar ieħor għat-tessuti

Ħdejjed u apparat ieħor għall-mogħdija, l-illixxar u kura oħra ta’ ħwejjeġ

Magni għax-xiwi tal-ħobż

Magni għall-qali

Imtieħen, magni tal-kafè u tagħmir biex jinfetħu jew jiġu siġillati kontenituri jew pakketti

Skieken tal-elettriku

Apparat biex jinqata’ x-xagħar, għat-tnixxif tax-xagħar, biex jinħaslu s-snien, biex titqaxxar il-leħja, għall-massaġġjar u apparat ieħor għall-kura tal-ġisem

Arloġġi kbar, arloġġi żgħar u tagħmir għall-għan tal-kejl, indikazzjoni jew reġistrazzjoni tal-ħin

Imwieżen

3.   TAGĦMIR TAL-IT U T-TELEKOMUNIKAZZJONI

Proċessar tad-data ċentralizzat

Mainframes

Minikompjuters

Unitajiet tal-printer

Personal computing:

Kompjuters għal użu personali (CPU, mouse, scrin u keyboard inklużi)

Kompjuters laptop (CPU, mouse, scrin u keyboard inklużi)

Kompjuters notebook

Kompjuters notepad

Printers

Tagħmir tal-fotokopji

Typewriters elettriċi u elettroniċi

Kalkolaturi tal-but jew tal-iskrivanija

u prodotti u tagħmir oħra għall-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar, il-preżentazzjoni jew il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi

User terminals u systems

Magna facsimile (fax)

Telex

Settijiet tat-telefown

Settijiet tat-telefown bil-ħlas

Settijiet tat-telefown mingħajr wajer

Telefowns ċellulari

Sistemi ta’ magni li jwieġbu t-telefown

u prodotti jew tagħmir oħra għat-trażmissjoni ta’ ħsejjes, immaġni jew informazzjoni oħra permezz tal-telekomunikazzjoni

4.   TAGĦMIR TAL-KONSUMATUR U PANNELLI FOTOVOLTAJĊI

Settijiet tar-radju

Settijiet tat-televiżjoni

Videocameras

Recorders tal-vidjo

Recorders hi-fi

Amplifikaturi tal-awdjo

Strumenti mużikali

u prodotti jew tagħmir oħra għall-fini tar-rekordjar jew ir-riproduzzjoni tal-ħsejjes jew l-immaġni, inklużi sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġni mhux permezz tat-telekomunikazzjoni

Pannelli fotovoltajċi

5.   TAGĦMIR LI JAGĦTI D-DAWL

Dwal għal-lampi florexxenti bl-eċċezzjoni ta’ dwal fid-djar

Lampi florexxenti dritti

Lampi florexxenti kompatti

Lampi ta’ skariku ta’ intensità għolja, inklużi lampi tas-sodju bi pressa u lampi alidi tal-metall

Lampi tas-sodju bi pressa baxxa

Dawl jew tagħmir ieħor li jagħti d-dawl għall-fini li jinfirex jew jiġi kkontrollat id-dawl bl-eċċezzjoni tal-bozoz bil-filament

6.   GĦODOD ELETTRIĊI U ELETTRONIĊI (BL-EĊĊEZZJONI TA’ GĦODOD INDUSTRIJALI FISSI TA’ SKALA KBIRA)

Apparat li jħaffer

Srieraq

Magni tal-ħjata

Tagħmir għal tidwir, xkatlar, tħin, tqattigħ, tħaffir, titqib, ippanċjar, tiwi, tgħawwiġ jew proċessar simili tal-injam, metall u materjali oħrajn

Għodod għall-irbuttar, it-tismir jew l-irbit bil-viti jew it-tneħħija ta’ rivets, imsiemer, viti jew użu simili

Għodod għall-iwweldjar, l-istanjar jew użu simili

Tagħmir għall-isprejjar, it-tifrix jew xi trattament ieħor ta’ sustanzi likwidi jew gassużi permezz ta’ mezzi oħra

Għodod għall-ħsad jew attivitajiet oħra ta’ xogħol fil-ġnien

7.   ĠUGARELLI, TAGĦMIR GĦAL WAQT IL-ĦIN LIBERU U TAL-ISPORT

Ferroviji jew settijiet tat-tiġirja tal-karozzi tal-elettriku

Game consoles tal-vidjo li jinżammu fl-idejn

Logħob tal-vidjo

Kompjuters għal ġiri bir-rota, għadis, ġiri, qdif, eċċ

Tagħmir tal-isport b’komponenti elettriċi jew elettroniċi

Coin slot machines

8.   APPARAT MEDIKU (BL-EĊĊEZZJONI TA’ KULL PRODOTT IMPJANTAT U INFETTAT)

Tagħmir għar-radjuterapija

Tagħmir għall-kardjoloġija

Tagħmir għad-dijalisi

Ventilaturi tal-pulmun

Tagħmir għall-mediċina nukleari

Tagħmir tal-laboratorju għad-dijanjosi in vitro

Analizzaturi

Friżers

Tagħmir għat-testijiet tal-fertilizzazzjoni

Apparat ieħor għad-detezjoni, il-prevenzjoni, il-monitoraġġ, it-trattament, it-taffija ta’ mard, korriment jew diżabbiltà

9.   STRUMENTI TA’ MONITORAĠĠ U KONTROLL

Apparat li jindika l-preżenza ta’ duħħan

Regolaturi tas-sħana

Termostati

Apparat li jkejjel, jiżen jew jaġġusta għad-djar jew bħala tagħmir tal-laboratorju

Strumenti oħra ta’ monitoraġġ u kontroll li jintużaw f’installazzjonijiet industrijali (eż. panelli ta’ kontroll)

10.   DISPENSERS AWTOMATIĊI

Dispensers awtomatiċi għal xorb jaħraq

Dispensers awtomatiċi għal fliexken jew bottijiet jaħarqu jew kesħin

Dispensers awtomatiċi għal prodotti solidi

Dispensers awtomatiċi għall-flus

Kull apparat li jipprovdi kull tipi ta’ prodott b’mod awtomatiku




ANNESS III

KATEGORIJI TA’ EEE KOPERTI MINN DIN ID-DIRETTIVA

1. Tagħmir li jibdel it-temperatura

2. Skrins, moniters, u tagħmir li fih skrins b’wiċċ akbar minn 100 cm2

3. Lampi

4. Tagħmir kbir (kwalunkwe dimensjoni esterna aktar minn 50 cm) inklużi, iżda mhux limitat għal:

Apparat domestiku; tagħmir ta’ IT u telekomunikazzjoni; tagħmir tal-konsumaturi; dwal; tagħmir li jirriproduċi ħsejjes jew immaġni, tagħmir mużikali; għodod elettriċi u elettroniċi; ġugarelli, tagħmir ta’ divertiment u sport; apparat mediku; strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll; dispensers awtomatiċi; tagħmir għall-ġenerazzjoni ta’ kurrenti elettriċi. Din il-kategorija ma tinkludix tagħmir inkluż fil-kategoriji minn 1 sa 3.

5. Tagħmir żgħir (bl-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50 cm) inklużi, iżda mhux limitat għal:

Apparat domestiku; tagħmir tal-konsumaturi; dwal; tagħmir li jirriproduċi ħsejjes jew immaġni, tagħmir mużikali; għodod elettriċi u elettroniċi; ġugarelli, tagħmir ta’ divertiment u sport; apparat mediku; strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll; dispensers awtomatiċi; tagħmir għall-ġenerazzjoni ta’ kurrenti elettriċi. Din il-kategorija ma tinkludix tagħmir inkluż fil-kategoriji minn 1 sa 3 u 6.

6. Apparat żgħir tal-IT u t-telekomunikazzjoni (bl-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50 cm).




ANNESS IV

Lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li jaqgħu fil-Kategoriji elenkati fl-Anness III

1.   Tagħmir li jibdel it-temperatura

Refriġeraturi, friżi, tagħmir li jipprovdi prodotti kesħin b’mod awtomatiku, tagħmir tal-klimatizzazzjoni tal-arja, tagħmir deumidifikanti, pompi tas-sħana, radjaturi li fihom żejt u tagħmir ieħor li jibdel it-temperatura li juża fluwidi għajr l-ilma għat-tibdil tat-temperatura.

2.   Skrins, moniters, u tagħmir li fih skrins b’wiċċ akbar minn 100 cm2

Skrins, televiżjonijiet, kwadri tar-ritratti LCD, moniters, laptops, notebooks.

3.   Lampi

Lampi florexxenti dritti, lampi florexxenti kumpatti, lampi florexxenti, lampi bi skariku elettriku ta’ intensità għolja — inkluż lampi tas-sodju bi pressa u lampi alidi tal-metall, lampi tas-sodju bi pressa baxxa, LED.

4.   Tagħmir kbir

Magni tal-ħasil ta’ ħwejjeġ, dryers tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti, cookers, stufi elettriċi, hot plates elettriċi, dwal, tagħmir li jirriproduċi ħsejjes jew immaġni, tagħmir mużikali (esklużi orgnijiet installati fi knejjes), apparat għall-ħdim tal-labar u l-insiġ, servers lokali kbar (mainframes), stampaturi kbar, tagħmir għall-ikkupjar, slot machines kbar, apparat mediku kbir, strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll kbar, apparat kbir li jipprovdi prodotti u flus b’mod awtomatiku, pannelli fotovoltajċi.

5.   Tagħmir żgħir

Vacuum cleaners, xkupi tat-twapet, apparat għall-ħjata, dwal, microwaves, tagħmir tal-ventilazzjoni, ħadid tal-mogħdija, towsters, skieken elettriċi, ktieli elettriċi, arloġġi u arloġġi tal-idejn, shavers elettriċi, imwieżen, apparat għall-kura tax-xagħar u l-kura tal-ġisem, kalkolaturi, settijiet tar-radju, vidjo kameras, vidjo rikorders, tagħmir hi-fi, strumenti tal-mużika, tagħmir li jirriproduċi ħsejjes jew immaġni, ġugarelli elettriċi u elettroniċi, tagħmir tal-isport, kompjuters għall-ġiri bir-rota, l-għadis, il-ġiri, il-qdif, eċċ., ditekters tad-duħħan, regolaturi tas-sħana, termostats, għodod elettriċi u elettroniċi żgħar, apparat mediku żgħir, strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll żgħar, apparat żgħir li jipprovdi prodotti b’mod awtomatiku, tagħmir żgħir b’pannelli fotovoltajċi integrati.

6.   Apparat żgħir tal-IT u t-telekomunikazzjoni (bl-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50 cm)

Telefowns ċellulari, GPS, kalkolaturi tal-but, routers, kompjuters personali, printers, telefowns.




ANNESS V

MIRI MINIMI GĦALL-IRKUPRU MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 11

Parti 1:   Miri minimi applikabbli skont il-kategorija mit-13 ta' Awwissu 2012 sal-14 ta' Awwissu 2015 b'referenza għall-kategoriji elenkati fl-Anness I.

(a) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 1 jew 10 tal-Anness I,

 80 % għandu jiġi rkuprat, u

 75 % għandu jiġi rriċiklat;

(b) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 3 jew 4 tal-Anness I,

 75 % għandu jiġi rkuprat, u

 65 % għandu jiġi rriċiklat;

(c) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 2, 5, 6, 7, 8 jew 9 tal-Anness I,

 70 % għandu jiġi rkuprat, u

 50 % għandu jiġi rriċiklat;

(d) għal lampi bi skariku tal-gass, 80 % għandu jiġi rriċiklat.

Parti 2:   Miri minimi applikabbli mill-15 ta' Awwissu 2015 sal-14 ta' Awwissu 2018, b'referenza għall-kategoriji elenkati fl-Anness I.

(a) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 1 jew 10 tal-Anness I,

 85 % għandu jiġi rkuprat, u

 80 % għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid u jiġi rriċiklat;

(b) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 3 jew 4 tal-Anness I,

 80 % għandu jiġi rkuprat, u

 70 % għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid u jiġi rriċiklat;

(c) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 2, 5, 6, 7, 8 jew 9 tal-Anness I,

 75 % għandu jiġi rkuprat, u

 55 % għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid u jiġi rriċiklat;

(d) għal lampi bi skariku tal-gass, 85 % għandu jiġi rriċiklat.

Parti 3:   Miri minimi applikabbli mill-15 ta' Awwissu 2018 b'referenza għall-kategoriji elenkati fl-Anness III.

(a) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 1 jew 4 tal-Anness III,

 85 % għandu jiġi rkuprat, u

 80 % għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid u jiġi rriċiklat;

(b) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 2 tal-Anness III,

 80 % għandu jiġi rkuprat, u

 70 % għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid u jiġi rriċiklat;

(c) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 5 jew 6 tal-Anness III,

 75 % għandu jiġi rkuprat, u

 55 % għandu jitħejja għall-użu mill-ġdid u jiġi rriċiklat;

(d) għall-WEEE li jaqa' fil-kategorija 3 tal-Anness III 80 % għandu jiġi rriċiklat.




ANNESS VI

IR-REKWIŻITI MINIMI GĦALL-VJEĠĠI

1. Sabiex issir distinzjoni bejn l-EEE u l-WEEE, fejn detentur ta’ oġġett jiddikjara li għandu l-intenzjoni li jġorr jew li qiegħed iġorr EEE użat iżda li mhux WEEE, L-Istati Membri għandhom jesiġu li d-detentur ikollu disponibbli dan li ġej biex isostni d-dikjarazzjoni:

(a) kopja tal-fattura u tal-kuntratt relatati mal-bejgħ u/jew mat-trasferiment tas-sjieda tal-EEE li jiddikjaraw li t-tagħmir huwa maħsub għal użu mill-ġdid dirett u li huwa kompletament funzjonali;

(b) evidenza tal-valutazzjoni jew l-ittestjar f'forma ta’ kopja tar-reġistri (ċertifikat tal-ittestjar, prova tal-funzjonalità) fuq kull oġġett fil-konsenja u protokoll li jkun fih it-tagħrif kollu tar-reġistri skont il-punt 3;

(c) dikjarazzjoni li tkun saret mid-detentur li jorganizza t-trasport tal-EEE li l-ebda materjal jew tagħmir fil-konsenja mhuwa skart kif iddefinit bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE; u

(d) protezzjoni adatta kontra ħsara waqt it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt b'mod partikolari permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija.

2. B'deroga, il-punt 1(a) u (b) u l-punt 3 ma japplikawx meta jkun iddokumentat bi provi konklużivi li l-vjeġġ ikun qiegħed isir fil-qafas ta’ ftehim ta’ trasferiment minn negozju għal ieħor u li:

(a) l-EEE jintbagħat lura lill-produttur jew lil parti terza li jaġixxu f'ismu bħala difettuż għat-tiswija taħt garanzija bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew

(b) l-EEE għal użu professjonali użat jintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li jaġixxu f'ismu jew faċilita' ta’ parti terza f'pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni C(2001)107/Finali tal-Kunsill OECD rigward ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, għall-manutenzjoni jew it-tiswija skont kuntratt validu bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew

(c) l-EEE għal użu professjonali difettuż użat, bħal apparat mediku jew il-partijiet tiegħu, jintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li jaġixxu f'ismu għall-analiżi tal-kawża prinċipali skont kuntratt validu, f'każijiet fejn tali analiżi tista' titwettaq biss mill-produttur jew partijiet terzi li jaġixxu f'ismu.

3. Sabiex jintwera li l-oġġetti li qegħdin jinġarru jikkonstitwixxu EEE użat u mhux WEEE, l-Istati Membri għandhom jesiġu li jitwettqu l-passi li ġejjin għall-ittestjar u ż-żamma ta’ reġistri għal EEE:

Stadju 1: Ittestjar

(a) Il-funzjonalità għandha tiġi ttestjata u l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi għandha tiġi vvalutata. It-testijiet li għandhom jitwettqu jiddependu mit-tip ta’ EEE. Għall-parti l-kbira tal-EEE test ta’ funzjonalità tal-funzjonijiet ewlenin huwa suffiċjenti.

(b) Ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-ittestjar għandhom jiġu rreġistrati.

Stadju 2: Reġistru

(a) Ir-reġistru għandu jitwaħħal b'mod sikur iżda mhux permanenti jew fuq EEE stess (jekk dan ma jkunx ippakkjat) jew fuq l-imballaġġ sabiex ikun jista' jinqara mingħajr ma jinfetaħ l-imballaġġ tat-tagħmir.

(b) Ir-reġistru għandu jinkludi t-tagħrif li ġej:

 isem l-oġġett (isem it-tagħmir jekk elenkat fl-Anness II jew l-Anness IV, skont il-każ, u l-kategorija elenkata fl-Anness I jew l-Anness III, skont il-każ),

 In-numru tal-identifikazzjoni tal-oġġett (Nru tat-tip) fejn applikabbli,

 is-sena tal-produzzjoni (jekk disponibbli),

 l-isem u l-indirizz tal-kumpanija responsabbli għall-evidenza tal-funzjonalità,

 ir-riżultati tat-testijiet kif deskritti fl-istadju 1 (inkluża d-data tat-test tal-funzjonalità),

 it-tip ta’ testijiet imwettqa.

4. Minbarra d-dokumentazzjoni mitluba fil-punti 1, 2 u 3, kull tagħbija (eż. kontenitur tal-ġarr, trakk) ta’ EEE użat għandha tkun akkumpanjata minn:

(a) dokument tat-trasport rilevanti, eż. CMR jew waybill;

(b) dikjarazzjoni tal-persuna responsabbli għaliha.

5. Fin-nuqqas ta’ prova li oġġett huwa tagħmir EEE użat u mhux WEEE permezz tad- dokumentazzjoni xierqa meħtieġa taħt il-punti 1, 2, 3 u 4 u fin-nuqqas ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara matul it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt b'mod partikolari permezz tal-imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija, li huma l-obbligi tad-detentur li jirranġa t-trasport, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jikkunsidraw li oġġett huwa WEEE u jippreżumu li t-tagħbija hija konsenja illegali. F'dawn iċ-ċirkostanzi t-tagħbija tiġi ttrattata skont l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.




ANNESS VII

Trattament selettiv għal materjali u komponenti ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku msemmi fl-Artikolu 8(2)

1. Bħala minimu, is-sustanzi, it-taħlitiet u l-komponenti li ġejjin għandhom jitneħħew minn kwalunkwe WEEE miġbur separatament:

 bifenili poliklorinati (PCB) li fihom capacitors skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE tas-16 ta’ Settembru 1996 dwar ir-rimi ta’ polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls [bifenili poliklorinati u terfenili poliklorinati] (PCB/PCT) ( 10 ),

 komponenti li fihom il-merkurju, bħal swiċċijiet jew bozoz tal-backlighting,

 batteriji,

 bords stampati ġeneralment ta’ ċirkwiti għat-telefowns ċellulari, u ta’ mezzi oħra jekk is-superfiċje tal-bord stampat taċ-ċirkwit tkun akbar minn 10 ċentimetri kwadri,

 toner cartridges, likwidi u paste, kif ukoll toner tal-kulur,

 plastik li fih retardanti brominati tan-nirien,

 skart tal-asbestos u komponenti li fihom l-asbestos,

 tubi tal-cathode-ray,

 klorofluworokarbonji (CFC), idroklorofluworokarbonji (HCFC) jew idrofluworokarbonji (HFC), idrokarbonji (HC),

 bozoz bi skariku tal-gass,

 skrins tal-kristalli likwidi (flimkien mal-casing tagħhom fejn ikun xieraq) ta’ superfiċje akbar minn 100 ċentrimetru kwadru u dawk back-lighted b'bozoz bi skariku tal-gass,

 kejbils esterni tal-elettriku,

 komponenti li fihom fibri taċ-ċeramika refrattorji kif deskritti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/69/KE tal-5 ta’ Diċembru 1997 li taddatta għall-progress tekniku għat-23 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi ( 11 ),

 komponenti li fihom sustanzi radjuattivi bl-eċċezzjoni ta’ komponenti li huma taħt il-limiti ta’ eżenzjoni stipulati fl-Artikolu 3 ta’ u l-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti ( 12 ),

 capacitators tal-elettroliti li fihom sustanzi preokkupanti (tul > 25 mm, dijametru > 25 mm jew volum proporzjonalment simili).

Dawn is-sustanzi, it-taħlitiet u l-komponenti għandhom jintremew jew jiġu rkuprati f'konformità mad-Direttiva 2008/98/KE.

2. Il-komponenti li ġejjin tal-WEEE li jinġabar separatament għandhom jiġu ttrattati kif indikat:

 tubi tal-cathode-ray: il-kisi florexxenti jrid jitneħħa,

 tagħmir li fih gassijiet li jnaqqsu s-saff tal-ożonu jew għandhom potenzjal ta’ tisħin globali (GWP) ogħla minn 15, bħal dawk li jkun hemm fil-fowm u ċ-ċirkwiti ta’ refriġerazzjoni: il-gassijiet għandhom jiġu estratti u ttrattati kif suppost. Il-gassijiet li jnaqqsu s-saff tal-ożonu għandhom jiġu ttrattati skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009,

 bozoz bi skariku tal-gass: il-merkurju għandu jitneħħa.

3. Filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u possibilment issir preparazzjoni għall- użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, il-punti 1 u 2 għandhom jiġu applikati b'mod li ma tkunx imfixkla l-preparazzjoni favorevoli għall-ambjent għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ komponenti jew tagħmir sħiħ.




ANNESS VIII

REKWIŻITI TEKNIĊI SKONT L-ARTIKOLU 8(3)

1. Siti għall-ħażna (inkluża l-ħażna temporanja) tal-WEEE qabel it-trattament tiegħu (mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f'terraferma) ( 13 ):

 superfiċji impermeabbli għal żoni xierqa bil-provvediment ta’ faċilitajiet ta’ ġbir ta’ tixrid u, fejn xieraq, reċipjenti tal-ħġieġ u oġġetti li jnaddfu u jneħħu ż-żejt,

 għata kontra l-elementi tat-temp għal żoni xierqa.

2. Siti għat-trattament tal-WEEE:

 imwieżen biex jitkejjel il-piż tal-iskart trattat,

 superfiċji impermeabbli u għatat kontra l-elementi tat-temp għal żoni xierqa bil-provvediment ta’ faċilitajiet ta’ ġbir ta’ tixrid u fejn xieraq, reċipjenti tal-ħġieġ u oġġetti li jnaddfu u jneħħu ż-żejt,

 ħżin xieraq għal spare parts żarmati,

 kontenituri xierqa għall-ħażna ta’ batteriji, PCBs/PCTs li jkun fihom capacitors u skart perikoluż ieħor bħal skart radjuattiv,

 tagħmir għat-trattament tal-ilma f'konformità mar-regolamenti tas-saħħa u tal-ambjent.




ANNESS IX

SIMBOLU GĦALL-IMMARKAR TA’ EEE

Is-simbolu li jindika ġbir separat għal EEE jikkonsisti minn landa taż-żibel fuq ir-roti maqtugħa b’salib, bħal ma huwa muri hawn taħt. Is-simbolu għandu jiġi stampat b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx.

image




ANNESS X

TAGĦRIF GĦAR-REĠISTRAZZJONI U R-RAPPURTAR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 16

A.    Tagħrif li għandu jiġi ppreżentat mar-reġistrazzjoni:

1. Isem u indirizz tal-produttur jew tar-rappreżentant awtorizzat fejn appuntat taħt l-Artikolu 17 (kodiċi postali u post, isem tat-triq u numru, il-pajjiż, in-numru tat-telefown u tal-fax, l-indirizz tal-posta elettronika, kif ukoll persuna ta’ kuntatt). Fil-każ ta’ rappreżentant awtorizzat kif definit fl-Artikolu 17, anki d-dettalji ta’ kuntatt tal-produttur li qed jiġi rrappreżentat.

2. Kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur, inkluż in-numru Ewropew tat-tassazzjoni jew in-numru nazzjonali tat-tassazzjoni tal-produttur.

3. Kategorija ta’ EEE elenkata fl-Anness I jew III, skont il-każ.

4. Tip ta’ EEE (domestiku jew għajr tagħmir domestiku).

5. Isem tal-marka ta’ EEE.

6. Tagħrif dwar kif il-produttur jirrispetta r-responsabbiltajiet tiegħu; skema individwali jew kollettiva, inkluż tagħrif dwar il-garanzija finanzjarja.

7. Teknika ta’ bejgħ użata (eż. bejgħ mill-bogħod).

8. Dikjarazzjoni li t-tagħrif ipprovdut huwa veru.

B.    Tagħrif li għandu jiġi ppreżentat għar-rappurtar:

1. Kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur.

2. Perjodu ta’ rappurtar.

3. Kategorija ta’ EEE elenkata fl-Anness I jew l-Anness III, skont il-każ.

4. Kwantità ta’ EEE li jitqiegħed fuq is-suq nazzjonali, skont il-piż.

5. Kwantità, skont il-piż, ta’ skart ta’ EEE miġbur separatament, riċiklat (inkluż dak preparat għall-użu mill-ġdid), irkuprat u mormi fl-Istat Membru jew li jinġarr ġewwa jew barra l-Unjoni.

Nota: it-tagħrif li jinsab fil-punti 4 u 5 għandu jingħata skont il-kategorija.




ANNESS XI

PARTI A



Direttiva mħassra bl-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 25)

Id-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24)

Id-Direttiva 2003/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106)

Id-Direttiva 2008/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 81, 20.3.2008, p. 65)

PARTI B



Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 25)

Id-Direttiva.

Id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni

2002/96/KE

13 ta’ Awwissu 2004

2003/108/KE

13 ta’ Awwissu 2004

2008/34/KE




ANNESS XII



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 2002/96/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(3)(a)

Artikolu 2(1) (parzjalment)

Artikolu 2(3)(b)

Anness IB, il-punt 5, l-aħħar element

Artikolu 2(3)(c)

Anness IB, il-punt 8

Artikolu 2(4)(g)

Artikoli 2(4)(a) sa (f) u 2(5)

Artikolu 3(a)

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 3(1)(b) sa (d)

Artikolu 3(b)

Artikolu 3(1)(e)

Artikolu 3(c) sa (h)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(i)

Artikolu 3(1)(f)

Artikolu 3(j)

Artikolu 3(1)(g)

Artikolu 3(k)

Artikolu 3(1)(h)

Artikolu 3(l)

Artikolu 3(m)

Artikolu 3(1)(i)

Artikolu 3(1)(j) sa (o)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5(1) sa (2)

Artikolu 5(1) sa (2)

Artikolu 5(3) sa (4)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(5)

Artikolu 6(1)

Artikolu 5(4)

Artikolu 6(2)

Artikolu 5(5)

Artikolu 7(1) u (2)

Artikolu 8(1)

Artikolu 6(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, u (3)

Artikolu 8(2), (3) u (4)

Anness II (4)

Artikolu 8(4), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(5)

Artikolu 6(6)

Artikolu 8(6)

Artikolu 6(2)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 6(4)

Artikolu 9(3)

Artikolu 6(5)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 10(3)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 11(1) u l-Anness V

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(3)

Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(4)

Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(4)

Artikolu 7(5)

Artikolu 11(5)

Artikolu 11(6)

Artikolu 8(1)

Artikolu 12(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 8(2), l-ewwel u it-tieni subparagrafi

Artikolu 12(3)

Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 14(1) (parzjalment)

Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 12(4)

Artikolu 12(5)

Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(1) (parzjalment)

Artikolu 8(4)

Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(1), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 13(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 9(2)

Artikolu 13(2)

Artikolu 10(1)

Artikolu 14(2)

Artikolu 10(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 14(4)

Artikolu 10(4)

Artikolu 14(5)

Artikolu 11

Artikolu 15

Artikolu 12(1) (parzjalment)

Artikolu 16(1) sa (3)

Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu (parzjalment)

Artikolu 16(4)

Artikolu 12(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 16(1) u (2) u Artikolu 17(2) u (3)

Artikolu 12(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 16(3) u (5)

Artikolu 17(1)

Artikolu 12(1), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 18

Artikolu 12(2)

Artikolu 16(5)

Artikolu 13

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 14

Artikolu 21

Artikolu 15

Artikolu 22

Artikolu 16

Artikolu 23(1)

Artikoli 23(2) sa (4)

Artikolu 17(1) sa (3)

Artikolu 24(1) sa (3)

Artikolu 17(4)

Artikolu 7(3)

Artikolu 17(5)

Artikolu 7(4) sa (7), Artikolu 11(6) u Artikolu 12(6)

Artikolu 25

Artikolu 18

Artikolu 26

Artikolu 19

Artikolu 27

Anness IA

Anness I

Anness IB

Anness II

Annessi III, IV u VI

Annessi II sa IV

Annessi VII sa IX

Anness X sa XI

Anness XII



( 1 ) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

( 2 ) ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

( 3 ) ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1.

( 4 ) ĠU L 331, 7.12.1998, p. 1.

( 5 ) ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17.

( 6 ) ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

( 7 ) ĠU L 316, 4.12.2007, p. 6.

( 8 ) Adottat mis-Cenelec f'Marzu 2006.

( 9 ) Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

( 10 ) ĠU L 243, 24.9.1996, p. 31.

( 11 ) ĠU L 343, 13.12.1997, p. 19.

( 12 ) ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

( 13 ) ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.