2011D0778 — MT — 18.06.2014 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tat-28 ta’ Novembru 2011 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri jipprevedu derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta’ patata għaż-żrigħ li toriġina minn ċerti provinċji tal-Kanada (notifikata bid-dokument numru C(2011) 8633) (It-testi bil-Grieg, bil-Malti, bil-Portugiż, bl-Ispanjol u bit-Taljan,biss huma awtentiċi) (ĠU L 317, 30.11.2011, p.37) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tas-16 ta' Ġunju 2014 |
L 178 |
27 |
18.6.2014 |
|
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta’ Novembru 2011
li tawtorizza lil ċerti Stati Membri jipprevedu derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta’ patata għaż-żrigħ li toriġina minn ċerti provinċji tal-Kanada
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8633)
(It-testi bil-Grieg, bil-Malti, bil-Portugiż, bl-Ispanjol u bit-Taljan,biss huma awtentiċi)
(2011/778/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,
Billi:|
(1) |
Skont id-Direttiva 2000/29/KE, il-patata għaż-żrigħ li toriġina mill-kontinent Amerikan m’għandhiex tiddaħħal fl-Unjoni. Madankollu, id-Direttiva tippermetti derogi minn dik ir-regola, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm ebda riskju ta’ tixrid ta’ organiżmi li jagħmlu l- ħsara. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/61/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tawtorizza ċerti Stati Membri jipprovdu għal derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta’ patata għaż-żrigħ li toriġina minn ċerti provinċji tal-Kanada ( 2 ) ġiet emendata sostanzjalment għadd ta’ drabi. Billi l-Portugall talab li jkun hemm estensjoni ulterjuri ta’ dawk id-derogi u jridu jsiru emendi oħrajn, dik id-Deċiżjoni għandha tinbidel. |
|
(3) |
Bħalissa, il-Kanada hija meqjusa bħala ħielsa mill-virojde tar-rukkell tat-tuberu tal-patata iżda mhix kompletament ħielsa mill-Clavibacter michiganensis (Smith) Davis et al. ssp. sepedonicus (Spieckermann et Kotthoff) Davis et al. (“Clavibacter michiganensis”) |
|
(4) |
L-informazzjoni mwassla mill-Kanada wriet li żviluppat programm biex teqred il-Clavibacter michiganensis fil-provinċji ta’ New Brunswick u Prince Edward Island u li jista’ jiġi preżunt b’mod raġjonevoli li l-programm ta’ qerda huwa effettiv f’ċerti żoni ta’ dawk il-provinċji. Għaldaqstant jista’ jiġi stabbilit li m’hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-Clavibacter michiganensis, sakemm ikun hemm konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet tekniċi. |
|
(5) |
Notifiki riċenti skont id-Direttiva 2000/29/KE wrew l-ewwel sejbiet ta’ Epitrix similaris fl-Unjoni, jiġifieri fil-Portugall u f’reġjun wieħed ta’ Spanja. Analiżi sussegwenti tar-riskju ta’ pesti fil-każ tal-Epitrix spp. uriet li xi speċijiet tal-Epitrix jikkawżaw ħsara lit-tuberi tal-patata (Epitrix cucumeris, Epitrix similaris, Epitrix subcrinita u Epitrix tuberis). Uriet ukoll li xi speċijiet tal-Epitrix huma magħrufa li jokkorru fil-Kanada. |
|
(6) |
Ladarba s-sitwazzjoni tal-virojde tar-rukkell tat-tuberu tal-patata u l-Clavibacter michiganensis ma nbidlitx u minkejja l-preżenza tal-Epitrix spp. fil-Kanada, l-awtorizzazzjoni li jiġu previsti derogi baqgħet ġustifikata. Għandhom madankollu jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar l-ispeċijiet tal-Epitrix li jagħmlu ħsara lit-tuberi tal-patata. |
|
(7) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall huma awtorizzati jipprevedu derogi mill-:
(a) Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fir-rigward tal-projbizzjoni msemmija fil-punt 10 tal-Parti A tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva;
(b) Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE u t-tielet inċiż tal-Artikolu 13(1)(i) ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward tar-rekwiżiti speċjali msemmija fil-punti 25.2 u 25.3 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV ta’ dik id-Direttiva.
2. L-awtorizzazzjoni li tipprevedi d-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika:
(a) għall-patata tal-varjetajiet “Atlantic”, “Donna”, “Kennebec”, “Russet Burbank”, “Sebago” u “Shepody”, li joriġinaw fil-provinji ta’ New Brunswick u Prince Edward Island fil-Kanada (“il-patata għaż-żrigħ”);
(b) għall-patata taż-żrigħ li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli minn 2 sa 13 flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I, II u IV tad-Direttiva 2000/29/KE;
(c) għall-istaġuni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-patata mill-1 ta' Diċembru sal-31 ta' Marzu ta' kull sena sal-31 ta' Marzu 2024.
Artikolu 2
1. Fil-provinċji ta’ New Brunswick jew Prince Edward Island, il-patata għaż-żrigħ għandha tkun ġiet prodotta f’raba’ li jinsab f’żona li, irrispettivament minn jekk ir-raba’ jitħaddimx minn produtturi tal-patata minn dik iż-żona jew le, tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 9.
2. Iż-żona għandha tkun ġiet iddikjarata uffiċjalment mill-Canadian Food Inspection Agency bħala ħielsa mill-virojde tar-rukkell tat-tuberu tal-patata u mill-Clavibacter michiganensis (Smith) Davis et al. ssp. sepedonicus (Spieckermann et Kotthoff) Davis et al. (“Clavibacter michiganensis”).
Fir-rigward tal-Epitrix cucumeris, Epitrix similaris, Epitrix subcrinita u Epitrix tuberis, il-patata għaż-żrigħ għandha tkun ġiet mimxuta biex dawk l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara, jekk ikunu hemm, jitneħħew fiżikament, u t-tuberi jsiru ħielsa mill-ħamrija.
3. Iż-żona għandha tkun jew,
(a) tikkonsisti f’raba’ li s-sidien jew l-inkwilini tiegħu jkunu talanqas tliet produtturi differenti tal-patata; jew
(b) tkopri wiċċ ta’ talanqas erba’ kilometri kwadri, imdawwar kollu kemm hu bl-ilma jew b’għelieqi fejn l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara msemmija fil-paragrafu 2 ma jkunux intlemħu tul it-tliet snin preċedenti.
4. Il-patata kollha prodotta fiż-żona għandha tkun l-ewwel proġenu dirett tal-patata taż-żrigħ tal-kategorija “Pre-elite”, “Elite I”, “Elite II”, “Elite III” jew “Elite IV” li tkun ġiet prodotta fi stabbilimenti kkwalifikati biex jipproduċu patata għaż-żrigħ tal-kategoriji “Pre-elite” jew “Elite” u li jew huma stabbilimenti uffiċjali jew inkella stabbilimenti maħtura uffiċjalment u kkontrollati għal dak il-għan.
5. Il-wiċċ allokat għall-produzzjoni tal-patata taż-żrigħ li ma tkunx iċċertifikata b’mod finali bħala patata għaż-żrigħ m’għandux jisboq wieħed minn kull ħamsa taż-żona totali allokata għaċ-ċertifikazzjoni.
6. Servejs annwali sistematiċi u rappreżentattivi għandhom ikunu saru mill-awtoritajiet uffiċjali rilevanti Kanadiżi tul talanqas il-ħames snin preċedenti skont kundizzjonijiet xierqa għad-ditezzjoni tal-virojde tar-rukkell tat-tuberu tal-patata u l-Clavibacter michiganensis, fuq ir-raba’ kollu tal-patata li jkun jinsab fiż-żona u fuq il-patata maħsuda hemmhekk, inkluż l-ittestjar xieraq fil-laboratorju, u ma jkunu ntwerew l-ebda sejbiet pożittivi, jew kwalunkwe elementi oħrajn li jafu jisfidaw id-dikjarazzjoni taż-żona bħala waħda ħielsa mill-pesti.
7. Immedjatament qabel l-esportazzjoni, matul l-eżaminazzjoni uffiċjali xierqa, il-patata għaż-żrigħ għandha tkun instabet ħielsa mill-Epitrix cucumeris, Epitrix similaris, Epitrix subcrinita u Epitrix tuberis u kull sintomi tagħhom u mill-ħamrija.
8. Għandhom ikunu saru arranġamenti leġiżlattivi, amministrattivi u oħrajn biex jiġi żgurat li:
(a) l-ebda patata miż-żoni fil-Kanada għajr dawk iddikjarati bħala ħielsa mill-virojde tar-rukkell tat-tuberu tal-patata u mill-Clavibacter michiganensis, jew minn pajjiżi fejn dawn l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara huwa magħruf li jokkorru, ma għandha tiġi introdotta fiż-żona;
(b) la patata li toriġini fiż-żona u lanqas kwalunkwe kontenituri, materjali tal-ippakkjar, vetturi u tagħmir tal-irfigħ, l-iggradar u t-tħejjjija użat f’dik iż-żona ma għandhom jinġiebu f’kuntatt ma’ patata li toriġina f’żoni għajr dawk iddikjarati ħielsa mill-pesti, jew kontenituri, materjal tal-ippakkjar, vetturi u tagħmir tal-irfigħ, tal-iggradar u t-tħejjija użat f’żoni oħrajn għajr dawk iddikjarati bħala ħielsa mill-pesti.
9. Qabel ma tiddaħħal il-patata għaż-żrigħ fl-Unjoni, il-Canadian Food Inspection Agency għandha tipprovdi lill-Kummissjoni lista sħiħa taż-żoni ddikjarati bħala ħielsa fir-rigward tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara msemmija fil-paragrafu 2, bl-evidenza ta’ rapport tekniku, li jiġi aġġornat kull sena, dwar l-istatus fitosanitarju tal-produzzjoni tal-patata għaż-żrigħ fis-sena preċedenti.
Artikolu 3
Il-patata għaż-żrigħ għandha tiġi ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet rilevanti Kanadiżi bħala patata għaż-żrigħ li tissodisfa talanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kategorija “Foundation”.
Artikolu 4
1. Għandhom jittieħdu uffiċjalment kampjuni ta’ talanqas 200 tuberu tal-patata għaż-żrigħ għal kull lott ta’ 25 tunnellata jew anqas fir-rigward ta’ kull lott maħsub għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.
2. Lott għandu jkun jikkonsisti biss f’tuberi tal-patata għaż-żrigħ ta’ varjetà jew klassi waħdanija li tkun ġiet prodotta fi stabbiliment singolu wieħed u li jkollha l-istess numru ta’ referenza.
3. Il-kampjuni għandhom jiġu eżaminati minn laboratorji uffiċjali biex tinqabad kwalunkwe preżenza tal-Clavibacter michiganensis. L-eżaminazzjonijiet għandhom jitwettqu fuq il-kampjun kollu, bl-użu tal-metodu għad-ditezzjoni u d-djanjosi tal-Clavibacter michiganensis f’lottijiet ta’ tuberi tal-patata għaż-żrigħ kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE ( 3 ).
Artikolu 5
Il-patata għaż-żrigħ maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għandha tkun ġiet suġġettata għal arranġamenti leġiżlattivi, amministrattivi jew oħrajn biex jiġi żgurat li:
(a) jkun hemm superviżjoni u kontroll diretti tal-Canadian Food Inspection Agency:
(i) tal-proċess tat-teħid tal-kampjuni, jiġifieri l-ġbir, l-ittaggjar u l-issiġillar;
(ii) tas-sistema tat-tikkettar permezz ta’ proċeduri xierqa dwar ir-responsabbiltà tat-tikkettar, sabiex għal kull lott tal-patata għaż-żrigħ f’kull kunsinna mibgħuta lejn l-Unjoni tintuża tikketta nnumerata li tkun meħjuta mal-boroż b’mod separat mit-tikketti taċ-ċertifikazzjoni;
(iii) tal-kodiċi tal-kulur rilevanti korrispondenti għal importatur speċifikat fl-Istat Membru importatur;
(b) fil-waqt tat-tagħbija fuq il-bastiment, żewġ boroż issiġillati ta’ patata għaż-żrigħ minn kull lott mibgħut lejn l-Unjoni jinżammu fil-ġemb u jinħażnu taħt is-superviżjoni u l-kontroll tal-Canadian Food Inspection Agency, talanqas sakemm ir-riżultati tal-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 10 jkunu tlestew;
(c) li l-lottijiet jinżammu iżolati fl-operazzjonijiet kollha inkluż it-trasport, talanqas sa ma jitwasslu fil-bini tal-importaturi msemmija fl-Artikolu 7.
Artikolu 6
1. Iċ-ċertifikat fitosanitarju rekwiżit għandu jsir b’mod separat għal kull kunsinna u biss jekk ikun ġie stabbilit mix-xjenzati involuti li l-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ma jkunux daħħlu xi suspetti jew sabu l-preżenza tal-Clavibacter michiganensis fil-kunsinna u li, b’mod partikolari, l-IFtesting ikun ta riżultati negattivi.
2. Iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja taħt “Dikjarazzjoni addizzjonali”:
(a) konferma tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4 inkluż, meta japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2), konferma espressa li l-patata għaż-żrigħ tkun imtaxtet skont dik id-dispożizzjoni;
(b) isem l-istabbilimenti jew l-istabbilimenti li jkunu pproduċew il-lottijiet tal-patata għaż-żrigħ;
(c) in-numri tal-lottijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-patata għaż-żrigħ rilevanti;
(d) isem iż-żona msemmija fl-Artikolu 2;
(e) isem l-istabbiliment imsemmi fl-Artikolu 2(4); kif ukoll
(f) l-għadd ta’ boroż.
3. Iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jsemmi, taħt “Marki ta’ distinzjoni”, il-kodiċi tal-kulur li jikkorrespondi ma’ importatur speċifikat fl-Istat Membru importatur, kif ukoll id-dettalji tat-tikketta nnumerata użata għal kull lott ta’ patata għaż-żrigħ f’kull kunsinna.
4. Id-dokumenti mehmuża maċ-ċertifikat fitosanitarju, bħala parti integrali miċ-ċertifikat, għandhom jirrelataw b’mod preċiż ma’ dak iċ-ċertifikat kemm fid-deskrizzjoni kif ukoll fir-rigward tal-kwantità tal-patata għaż-żrigħ.
Artikolu 7
1. Qabel l-introduzzjoni fl-Unjoni, l-importatur għandu jipprovdi notifika bil-quddiem ta’ kull introduzzjoni ta’ kunsinna bil-quddiem biżżejjed lill-entitajiet uffiċjali responsabbli fl-Istat Membru kkonċernat, kif jissemma fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2000/29/KE, li tkun tinkludi d-dettalji ta’ dan li ġej:
(a) il-varjetà tal-patata għaż-żrigħ;
(b) il-kwantità;
(c) id-data dikjarata tal-importazzjoni;
(d) l-ismijiet u l-indirizzi tal-bini tal-importaturi tal-patata għaż-żrigħ, tal-produtturi, tal-imħażen kollettivi, jew taċ-ċenri tad-dispaċċ elenkati skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 93/50/KEE ( 4 ).
L-Istat Membru kkonċernat għandu, bla dewmien, jgħaddi lill-Kummissjoni dawk id-dettalji u kwalunkwe modifiki sussegwenti tagħhom.
2. Fil-waqt tal-introduzzjoni, l-importatur għandu jipprovdi konferma tad-dettalji misjuba fin-notifika bil-quddiem imsemmija fil-paragrafu 1 lill-entitajiet uffiċjali responsabbli fl-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 8
Il-patata għaż-żrigħ tista’ tiġi introdotta fl-Unjoni minn dawn il-portijiet li ġejjin biss:
(a) Aveiro;
(b) Lisbona;
(c) Porto;
(d) Genoa;
(e) La Spezia;
(f) Livorno;
(g) Napli;
(h) Ravenna;
(i) Salerno;
(j) Savona;
(k) Lemesos;
(l) Larnaca;
(m) Marsaxlokk;
(n) Valletta;
(o) Sines;
(p) Piraeus
Artikolu 9
L-ispezzjonijiet rekwiżiti skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE għandhom isiru minn entitajiet uffiċjali responsabbli.
Il-Kummissjoni għandha tiddetermina sa liema punt l-ispezzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 21(3) ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu integrati fil-programm ta’ spezzjoni skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ dik id-Direttiva.
L-entitajiet uffiċjali responsabbbli u, kif jixraq, l-esperti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), għandhom jiċċekkjaw il-bini tal-importaturi biex jikkonfermaw id-dettalji tal-kwantitajiet tal-patata għaż-żrigħ importata mill-Kanada, il-kodiċi tal-kuluri, it-tikketti nnumerati u d-destinazzjonijiet għat-tħawwil fl-istabbilimenti elenkati skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/50/KEE.
Artikolu 10
1. L-entitajiet uffiċjali responsabbli tal-Istati Membri importaturi għandhom jieħdu kampjun ta’ talanqas 200 tuberu kull lott ta’ 25 tunnellata jew anqas minn kull wieħed mil-lottijiet mhux bil-bulk tal-patata għaż-żrigħ maħsuba għall-importazzjoni skont din id-Deċiżjoni għal eżaminazzjoni uffiċjali fir-rigward tal-Clavibacter michiganensis skont il-metodu għad-ditezzjoni u d-djanjosi tal-Clavibacter michiganensis kif tistabbilixxi d-Direttiva 93/85/KEE.
2. Il-lottijiet tal-patata għaż-żrigħ għandhom jibqgħu iżolati u taħt kontroll uffiċjali u ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw sakemm ikun ġie stabbilit li l-preżenza tal-Clavibacter michiganensis mhix suspetta jew misjuba fl-eżaminazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-kwantitajiet importati ma għandhomx jisbqu ammont li huwa adegwat għall-eżaminazzjonijiet, b’qies tal-faċilitajiet disponnibbli għal dak il-għan.
3. Il-kampjuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu disponibbli għal eżaminazzjoni sussegwenti minn Stati Membri oħra. L-entitajiet uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom, sal-15 ta’ April ta’ kull sena kalendarja li fiha sseħħ l-importazzjoni, jinfurmaw lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiġi organizzata dik l-eżaminazzjoni u d-dokumentazzjoni tagħha.
4. Fil-każ tal-Epitrix cucumeris, Epitrix similaris, Epitrix subcrinita u Epitrix tuberis, kull kunsinna għandha tiġi spezzjonata biex jiġi kkonfermat li l-patata għaż-żrigħ hija ħielsa minn dawk l-organiżmi ta’ ħsara, minn kwalunkwe sintomi tagħhom u mill-ħamrija.
Artikolu 11
Il-patata għaż-żrigħ għandha titħawwel biss fi stabbilimenti fl-Istati Membri tal-importazzjoni, u jrid ikun possibbli li jiġu ntraċċati l-ismijiet u l-indirizzi tal-istabbilimenti kkonċernati. Madankollu, din ir-ristrezzjoni ma għandiex tapplika fil-każ ta’ utenti finali li jħawlu l-patata għaż-żrigħ importata jew għal utenti li jbiegħu biss fis-suq lokali.
Fil-każ ta’ dawk l-istabbilimenti, il-patata mkabbra mit-tali patata għaż-żrigħ għandha tiġi ppakkjata u ttikkettata skont dan u għandu jkollha fuqha n-numru tal-istabbiliment elenkat skont id-Direttiva 93/50/KEE, kif ukoll l-oriġini Kanadiża tal-patata għaż-żrigħ użata. It-tali patata tista’ tinġarr fl-Istati Membri, wara biss li tkun ġiet approvata mill-entitajiet uffiċjali responsabbli li jkunu qiesu r-riżultati tal-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 12.
Artikolu 12
Fil-perjodu tat-tkabbir wara l-introduzzjoni, proporzjon xieraq tal-pjanti għandu jiġi spezzjonat mill-entitajiet uffiċjali responsabbli, fi żminijiet xierqa, fl-istabbilimenti elenkati skont id-Direttiva 93/50/KEE jew l-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 11.
Artikolu 13
Il-patata mkabbra minn patata għaż-żrigħ introdotta skont din id-Deċiżjoni:
(a) ma għandhiex tiġi ċċertifikata bħala patata għaż-żrigħ; kif ukoll
(b) għandha tintuża biss bħala patata għall-konsum.
Artikolu 14
L-Istati Membri tal-importazzjoni għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni permezz tan-notifika bil-quddiem imsemmija fl-Artikolu 7(1) dwar kull użu tal-awtorizzazzjoni li tipprovdi derogi skont din id-Deċiżjoni.
L-Istat Membru tal-importazzjoni għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja li fiha sseħħ l-importazzjoni, informazzjoni dwar l-ammonti (lottijiet ta’ patata għaż-żrigħ/kunsinni) importati skont din id-Deċiżjoni u rapport tekniku dettaljat dwar l-eżaminazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 10.
F’dawk il-każijiet ta’ Stati Membri li jkunu għamlu eżaminazzjonijiet uffiċjali tal-kampjuni msemmija fl-Artikolu 10, għandhom jiġu sottomessi rapporti tekniċi dettaljati tat-tali eżaminazzjonijiet lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja.
Kopji ta’ kull ċertifikat fitosanitarju għandhom jingħaddu lill-Kummissjoni.
L-Artikolu 15
L-awtorizzazzjoni dwar il-provvediment tad-derogi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 għandha tiġi revokata qabel il-31 ta' Marzu 2024 jekk:
(a) id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli minn 2 sa 13:
(i) jintwerew li huma insuffiċjenti biex l-Unjoni tiġi mħarsa mill-introduzzjoni tal-organiżmi ta' ħsara li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 jew
(ii) ma nżammitx konformità magħhom;
(b) ikun hemm elementi li jisfidaw l-iffunzjonar kif xieraq tal-kunċett ta' “żona ħielsa mill-pesti” fil-Kanada.
Artikolu 16
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika Portugiża.
( 1 ) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
( 2 ) ĠU L 23, 28.1.2003, p. 31.
( 3 ) ĠU L 259, 18.10.1993, p. 1.
( 4 ) ĠU L 205, 17.8.1993, p. 22.