02010R1016 — MT — 09.01.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1016/2010

tal-10 ta’ Novembru 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 293 11.11.2010, p. 31)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2282 tat-30 ta' Novembru 2016

  L 346

51

20.12.2016




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1016/2010

tal-10 ta’ Novembru 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq ta’ magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li joperaw permezz tal-elettriku u ta’ magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li joperaw permezz tal-elettriku li jistgħu joperaw ukoll permezz tal-batteriji, inkluż dawk li jinbigħu għal użu mhux domestiku u għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi ingastati (built-in).

Artikolu 2

Tifsiriet

Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

(1) “magna domestika tal-ħasil tal-platti” tfisser magna li tnaddaf, tlaħlaħ u tnixxef il-platti, oġġetti tal-ħġieġ, pożati u oġġetti tat-tisjir b’mezzi kimiċi, mekkaniċi, termali u elettriċi u li hija magħmula l-aktar biex tintuża għal skopijiet mhux professjonali;

(2) “magna domestika tal-ħasil tal-platti ingastata” tfisser magna domestika tal-ħasil tal-platti magħmula biex tiġi installata f’armarju, fi spazju vojt f’ħajt jew f’xi post simili, u li teħtieġ elementi oħra biex tkun kompleta;

(3) “sett individwali” tfisser sett definit ta’ reċipjenti tal-ikel taċ-ċaqquf, oġġetti tal-ħġieġ u pożati għall-użu ta’ persuna waħda;

(4) “kapaċità nominali” tfisser l-akbar numru ta’ settijiet individwali, flimkien mal-għadd ta’ oġġetti li jintużaw għas-servizz tal-mejda kif iddikkjarat mill-manifattur, li magna domestika tal-ħasil tal-platti tista’ taħsel u tnixxef bil-programm magħżul meta’ tiġi mimlija skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

(5) “programm” tfisser serje ta’ operazzjonijiet li jkunu definiti minn qabel u li l-manifattur jiddikkjarhom bħala adegwati għall-ħasil ta’ livelli speċifikati ta’ ħmieġ jew tipi ta’ tagħbija, jew tat-tnejn, u li flimkien jifformaw ċiklu sħiħ;

(6) “ħin tal-programm” tfisser il-ħin li jgħaddi mill-mument li l-programm jingħata bidu sal-mument li fih jintemm, għajr il-ħin ta’ ttardjar tal-programm, li jista’ jiġi pprogrammat mill-utent;

(7) “ċiklu” tfisser proċess sħiħ ta’ tindif, tlaħliħ u tnixxif, kif definit għall-programm magħżul;

(8) “modalità mitfija” tfisser il-kundizzjoni li fiha, il-magna domestika tal-ħasil tal-platti tkun mitfija permezz ta’ kontrolli jew swiċċijiet tat-tagħmir li jkunu aċċessibbli u magħmulin biex jintużaw mill-utent aħħari waqt l-użu normali tal-magna biex jinkiseb l-inqas konsum possibbli tal-enerġija li jista’ jibqa’ għaddej għal ħin indefinit waqt li l-magna domestika tal-ħasil tal-platti tkun imqabbda mas-sors tal-enerġija u tintuża skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur; meta l-magna ma jkollhiex kontrolli jew swiċċijiet li jkunu aċċessibbli għall-utent aħħari, “modalità mitfija” tfisser il-kundizzjoni li l-magna domestika tal-ħasil tal-platti tispiċċa fiha meta titħalla terġa’ lura waħidha għal stat kostanti ta’ konsum tal-enerġija;

(9) “modalità mixgħula u inattiva” tfisser il-modalità li fiha jseħħ l-inqas konsum tal-enerġija li jista’ jibqa’ għaddej għal ħin indefinit wara li l-programm ikun intemm u l-magna titbattal mingħajr ebda intervent ieħor mill-utent aħħari;

(10) “magna tal-ħasil tal-platti ekwivalenti” tfisser mudell ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti li titqiegħed fis-suq bl-istess kapaċità nominali, karatteristiki tekniċi u ta’ prestazzjoni, konsum tal-enerġija u tal-ilma u emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja bħal mudell ieħor ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti li titqiegħed fis-suq mill-istess manifattur iżda b’numru tal-kodiċi kummerċjali differenti.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti huma stipulati fil-Punt 1 tal-Anness I.

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti huma stipulati fil-Punt 2 tal-Anness I.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.  Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stabbilita fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

2.  Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għandu jinkludi r-riżultati tal-kalkolu stipulat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika ta’ mudell partikolari ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti tkun ir-riżultat ta’ kalkolu li jsir abbażi tad-disinn, jew ta’ estrapolazzjoni minn magni tal-ħasil tal-platti ekwivalenti oħra, jew abbażi tat-tnejn, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dettalji tat-tali kalkoli jew estrapolazzjonijiet, jew tat-tnejn, u ta’ testijiet li l-manifatturi jwettqu biex jivverifikaw il-preċiżjoni tal-kalkoli mwettqa. F’dawn il-każijiet, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha ta’ magni domestiċi tal-ħasil tal-platti ekwivalenti li l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika tagħhom tkun inkisbet bl-istess bażi ta’ kalkolu.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE għall-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Anness I għal dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura tal-verifika deskritta fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Punti ta’ riferiment

Il-punti ta’ riferiment indikattivi għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti bl-aħjar prestazzjoni disponibbli fis-suq meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ huma stipulati fl-Anness IV.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku mhux aktar tard minn erba’ snin wara li jidħol fis-seħħ u tippreżenta r-riżultat ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn. B’mod partikolari, din ir-reviżjoni għandha tivvaluta t-tolleranzi ta’ verifikazzjoni stipulati fl-Anness III, il-possibbiltajiet li jiġu ffissati rekwiżiti dwar il-konsum tal-ilma minn magni domestiċi tal-ħasil tal-platti u l-possibbiltà li jkollhom dħul għall-ilma sħun.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2011.

Madankollu, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn elenkati hawn taħt għandhom japplikaw skont din l-iskeda ta’ żmien:

(a) Ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 1(1) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2012.

(b) Ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 1(2) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2012;

(c) Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 2(2) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2013.

(d) Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 2(3) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   REKWIŻITI ĠENERIĊI TAL-EKODISINN

(1) Għall-kalkolu tal-konsum tal-enerġija u ta’ parametri oħra għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti, għandu jintuża ċ-ċiklu li jnaddaf l-oġġetti tal-mejda li jkollhom ħmieġ normali (minn hawn ‘il quddiem, ‘ċiklu standard tat-tindif’). Dan iċ-ċiklu għandu jkun identifikabbli b’mod ċar fuq l-apparat li jintuża għall-għażla tal-programm tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti jew fuq l-indikatur (display) tagħha, jekk ikollha, jew fuq it-tnejn, u jissejjaħ ‘programm standard‘, u għandu jiġi ssettjat bħala ċ-ċiklu normali (default) għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’tagħmir għall-għażla ta’ programmi awtomatiċi jew bi kwalunkwe funzjoni għall-għażla awtomatika ta’ programm ta’ tindif jew għaż-żamma tal-istess programm magħżul.

(2) Il-ktejjeb tal-istruzzjonijiet li jingħata mill-manifattur għandu jindika:

(a) iċ-ċiklu standard tat-tindif jissejjaħ ‘programm standard‘ u għandu jispeċifika li huwa adegwat għat-tindif ta’ oġġetti tal-mejda li jkollhom ħmieġ normali u li huwa l-aktar programm effiċjenti f’termini tal-konsum tal-ilma u tal-enerġija flimkien għal dak it-tip ta’ oġġetti tal-mejda;

(b) il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfija u fil-modalità mixgħula u inattiva;

(c) informazzjoni indikattiva dwar il-ħin tal-programm, il-konsum tal-enerġija u l-konsum tal-ilma għall-programmi prinċipali ta’ tindif.

2.   REKWIŻITI SPEĊIFIĊI TAL-EKODISINN

Il-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti għandhom jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti:

(1) Mill-1 ta’ Diċembru 2011:

(a) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti kollha, għajr għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 10 settijiet individwali u b’wisa’ ta’ 45 cm jew inqas, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) għandu jkun inqas minn 71;

(b) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 10 settijiet individwali u b’wisa’ ta’ 45 cm jew inqas, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) għandu jkun inqas minn 80;

(c) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti kollha, l-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tindif (IC ) għandu jkun ikbar minn 1,12.

(2) Mill-1 ta’ Diċembru 2013:

(a) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 11-il sett individwali u magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 10 settijiet individwali, u b’wisa’ aktar minn 45 cm, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) għandu jkun inqas minn 63;

(b) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 10 settijiet individwali u b’wisa’ ta’ 45 cm jew inqas, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) għandu jkun inqas minn 71;

(c) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 8 settijiet individwali jew ta’ aktar minn 8 settijiet, l-Indiċi tal-Effiċenzja tat-Tnixxif (ID ) għandu jkun ikbar minn 1,08;

(d) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 7 settijiet individwali jew ta’ inqas minn 7 settijiet, l-Indiċi tal-Effiċenzja tat-Tnixxif (ID ) għandu jkun ikbar minn 0,86.

(3) Mill-1 ta’ Diċembru 2016:

(a) għall-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 8 u 9 settijiet individwali u magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ 10 settijiet individwali, u b’wisa’ ta’ 45 cm jew inqas, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) għandu jkun inqas minn 63.

L-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI), l-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tindif (IC ) u l-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tnixxif (ID ) tal-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti jiġu kkalkolati kif indikat fl-Anness II.




ANNESS II

Metodu għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, l-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tindif u l-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tnixxif

1.   KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

Għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) ta’ mudell ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti, il-Konsum Annwali tal-Enerġija tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti jiġi mqabbel mal-Konsum tal-Enerġija Standard tagħha.

(a) L-Indiċi tal-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija (EEI) huwa kkalkulat u aġġustat sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali, permezz ta’ din il-formula:

image

fejn:

AEC

=

il-Konsum Annwali tal-Enerġija tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti;

SAEC

=

il-Konsum Annwali tal-Enerġija Standard tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti.

(b) Il-Konsum Annwali tal-Enerġija (AEc) jiġi kkalkulat, f’ kWh/sena u aġġustat sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali, permezz ta’ din il-formula:

(i) 
image

fejn:

Et

=

il-konsum tal-enerġija għaċ-ċiklu standard, li jiġi indikat f’kWh u aġġustat sa tliet ċifri wara l-punt deċimali;

Pl

=

l-enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva” għaċ-ċiklu standard tat-tindif, li tiġi indikata f’W u aġġustata sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali;

Po

=

l-enerġija fil-“modalità mitfija” għaċ-ċiklu standard tat-tindif, li tiġi indikata f’W u aġġustata sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali;

Tt

=

il-ħin tal-programm għaċ-ċiklu standard tat-tindif, li jiġi indikat f’minuti u aġġustat sal-eqreb minuta.

(ii) Meta l-magna domestika tal-ħasil tal-platti tkun mgħammra b’sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija, u, wara li jintemm il-programm, il-magna domestika tal-ħasil tal-platti tidħol awtomatikament fil-“modalità mitfija”, AE C jiġi kkalkulat b’qies għat-tul taż-żmien effettiv li fih il-magna tkun fil-“modalità mixgħula u inattiva”, permezz ta’ din il-formula:

image

fejn:

Tl

=

il-ħin imkejjel ta’ kemm il-magna ddum fil-‘modalità mixgħula u inattiva’ għaċ-ċiklu standard tat-tindif, li jiġi indikat f’minuti u aġġustat sal-eqreb minuta;

280

=

l-għadd totali ta’ ċikli standard tat-tindif kull sena.

(c) Il-Konsum Annwali tal-Enerġija standard SAEC jiġi kkalkulat, f’ kWh/sena u aġġustat sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali, skont din il-formula:

(i) għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta ps ≥ 10 u wisa’ ta’ > 50 cm:

image

(ii) għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ ps ≤ 9 u għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti li jkollhom kapaċità nominali ta’ ps > 9 u wisa’ ta’ ≤ 50 cm:

image

fejn:

ps

=

għadd ta’ settijiet individwali.

2.   KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA TAT-TINDIF

Għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tindif (IC ) ta’ mudell ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti, l-effiċjenza tat-tindif tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti tiġi mqabbla mal-effiċjenza tat-tindif ta’ magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza fejn din tal-aħħar jkollha l-karatteristiċi indikati fil-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(a) L-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tindif (IC ) jiġi kkalkolat u aġġustat sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali, skont din il-formula:

image

IC = exp(lnIC )

fejn:

CT,i

=

l-effiċjenza tat-tindif tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti li tkun qed tiġi ttestjata, għal ċiklu wieħed ta’ ttestjar (i)

CR,i

=

l-effiċjenza tat-tindif tal-magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza għal ċiklu wieħed ta’ ttestjar (i)

n

=

l-għadd ta’ ċikli ta’ ttestjar, n ≥ 5

(b) L-effiċjenza tat-tindif (C) hija l-medja tal-grad tal-ħmieġ ta’ kull oġġett li jiddaħħal fil-magna, wara li ċ-ċiklu standard tat-tindif ikun tlesta. Il-grad tal-ħmieġ jiġi kkalkolat kif muri fit-Tabella 1:



Tabella 1

L-għadd ta’ frak tal-ħmieġ f’għamla ta’ tikek żgħar (n)

l-erja totali imħammġa (AS ) f’ mm2

Grad tal-ħmieġ

n = 0

AS = 0

5 (l-aktar effiċjenti)

0 < n ≤ 4

0 < AS ≤ 4

4

4 < n ≤ 10

0 < AS ≤ 4

3

10 < n

4 < AS ≤ 50

2

Mhux applikabbli

50 < AS ≤ 200

1

Mhux applikabbli

200 < AS

0 (l-inqas effiċjenti)

3.   KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA TAT-TNIXXIF

Għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tnixxif (ID ) ta’ mudell ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti, l-effiċjenza tat-tnixxif tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti tiġi mqabbla mal-effiċjenza tat-tnixxif ta’ magna domestika tal-ħasil tal-platti ta’ referenza fejn din tal-aħħar ikollha l-karatteristiċi indikati fil-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(a) L-Indiċi tal-Effiċjenza tat-Tnixxif (ID ) jiġi kkalkolat u aġġustat sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali, skont din il-formula:

image

ID = exp(lnID )

fejn:

DT,i

=

l-effiċjenza tat-tnixxif tal-magna domestika tal-ħasil tal-platti li tkun qed tiġi ttestjata, għal ċiklu wieħed ta’ ttestjar (i)

DR,i

=

l-effiċjenza tat-tnixxif tal-magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza għal ċiklu wieħed ta’ ttestjar (i)

n

=

l-għadd ta’ ċikli ta’ ttestjar, n ≥ 5

(b) L-Effiċjenza tat-Tnixxif (D) hija l-medja tal-grad tat-tixrib ta’ kull oġġett li jiddaħħal fil-magna, wara li ċ-ċiklu standard tat-tindif ikun tlesta. Il-grad tat-tixrib jiġi kkalkulat kif muri fit-Tabella 2:



Tabella 2

L-għadd ta’ traċċi tal-ilma (WT ) jew ta’ linji mxarrbin (WS )

L-erja totali imxarrba (Aw) f’ mm2

Grad tat-tixrib

WT = 0 u WS = 0

Mhux applikabbli

2 (l-aktar effiċjenti)

1 < WT ≤ 2 jew WS = 1

Aw < 50

1

2 < WT jew WS = 2

jew WS = 1 u WT = 1

Aw > 50

0 (l-inqas effiċjenti)

▼M1




ANNESS III

Il-verifika tal-konformità tal-prodott mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq

It-tolleranzi tal-verifika ddefiniti f'dan l-Anness huma marbutin biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur jew mill-importatur bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew biex jiġu interpretati dawk il-valuri, bil-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar akkost ta' kollox.

Meta jivverifikaw il-konformità ta' mudell ta' prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f'dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura:

(1) L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità waħda tal-mudell.

(2) Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:

(a) il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri dikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta' dawn il-valuri ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur jew għall-importatur milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; kif ukoll

(b) il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, u kull informazzjoni fuq il-prodott meħtieġa li jippubblikaw il-manifattur jew l-importatur ma jkunx fiha valuri li jkunu aktar favorevoli għall-manifattur jew għall-importatur mill-valuri dikjarati; kif ukoll

(c) meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri stabbiliti (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) ikunu fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi kif turi t-Tabella 1.

(3) Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a) jew (b), il-mudell u kull mudell li ġie elenkat fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudell ta' magna domestika tal-ħasil tal-platti ekwivalenti, għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament.

(4) Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(c), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħra tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Inkella, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta' xi wieħed mill-mudelli jew aktar li tniżżlu fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudelli ekwivalenti.

(5) Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri stabbiliti tkun fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1.

(6) Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 5, il-mudell u kull mudell li ġie elenkat fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudell ta' magna domestika tal-ħasil tal-platti ekwivalenti, għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament.

(7) Meta tittieħed id-deċiżjoni tan-nuqqas ta' konformità tal-mudell skont il-punti 3 u 6, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri tal-kejl li jħaddmu metodi tal-kejl avvanzati, affidabbli, preċiżi, riproduċibbli, u li huma ġeneralment rikonoxxuti, fosthom il-metodi stabbiliti fid-dokumenti li r-referenza tagħhom ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal dak il-għan. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness II.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f'dan l-Anness. M'għandha tintuża l-ebda tolleranza oħra, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew f'xi metodi oħrajn tal-kejl.



Tabella 1

It-tolleranzi tal-verifika

Parametri

It-tolleranzi tal-verifika

Il-konsum annwali tal-enerġija (AEC)

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur AEC dikjarat b'iktar minn 10 %.

Indiċi tal-effiċjenza tat-tindif (IC)

Il-valur stabbilit m'għandux ikun inqas mill-valur IC dikjarat b'aktar minn 10 %.

Indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif (ID)

Il-valur stabbilit m'għandux ikun inqas mill-valur ID dikjarat b'aktar minn 19 %.

Il-konsum tal-enerġija (Et)

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur Et dikjarat b'iktar minn 10 %. Meta jkunu jridu jintgħażlu tliet unitajiet oħra, il-medja aritmetika tal-valuri stabbiliti ta' dawn it-tliet unitajiet m'għandhiex taqbeż il-valur E t dikjarat b'iktar minn 6 %.

Il-ħin tal-programm (Tt)

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur Tt dikjarat b'iktar minn 10 %.

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi u fil-modalità mixgħul u inattiv (P o u P l)

Il-valuri stabbiliti tal-konsum tal-enerġija P o u P l akbar minn 1,00 W, m'għandhomx jaqbżu l-valuri P o u P l dikjarati b'iktar minn 10 %. Il-valuri stabbiliti tal-konsum tal-enerġija P o u P l ta' 1,00 W jew inqas, m'għandhomx jaqbżu l-valuri P o u P l dikjarati b'iktar minn 0,10 W.

It-tul tal-modalità mixgħul u inattiv (Tl)

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur Tl dikjarat b'iktar minn 10 %.

▼B




ANNESS IV

Punti ta’ riferiment

Fiż-żmien li dan ir-Regolament daħal fis-seħħ, ġie ddeterminat li l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq tal-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti f’termini tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tal-konsum tal-enerġija u tal-ilma, tal-effiċjenza tat-tindif u tat-tnixxif u tal-emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja tagħhom kienet din li tidher hawn taħt:

(1) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 15 settijiet individwali (mudell ingastat):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,88 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 268,9 kWh/sena, li 246,4 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 10 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 2 800 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : ID > 1,08;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 45 dB(A) re 1pW;

(2) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 14-il sett individwali (mudell inkorporat mal-bank tal-kċina):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,83 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 244,9 kWh/sena, li 232,4 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 10 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 2 800 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : ID > 1,08;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 41 dB(A) re 1pW;

(3) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 13-il sett individwali (mudell inkorporat mal-bank tal-kċina):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,83 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 244,9 kWh/sena, li 232,4 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 10 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 2 800 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : ID > 1,08;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 42 dB(A) re 1pW;

(4) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 12-il sett individwali (mudell mhux inkorporat mal-bank tal-kċina):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,950 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 278,5 kWh/sena, li 266 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 9 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 2 520 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : ID > 1,08;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 41 dB(A) re 1pW;

(5) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 9 settijiet individwali (mudell ingastat):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,800 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 236,5 kWh/sena, li 224 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 9 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 2 520 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : ID > 1,08;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 44 dB(A) re 1pW;

(6) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 6 settijiet individwali (mudell ingastat):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,63 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 208,5 kWh/sena, li 196 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 7 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 1 960 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : 1,08 ≥ ID > 0,86;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 45 dB(A) re 1pW;

(7) Magni domestiċi tal-ħasil tal-platti b’kapaċità ta’ 4 settijiet individwali (mudell mhux inkorporat mal-bank tal-kċina):

(a)

konsum tal-enerġija : 0,51 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali tal-enerġija kumplessiv ta’ 155,3 kWh/sena, li 142,8 kWh/sena minnhom huma dovuti għal 280 ċiklu tal-ħasil u 12,5 kWh/sena dovuti għal tħaddim f’modalitajiet b’konsum baxx;

(b)

konsum tal-ilma : 9,5 litri/ċiklu, ekwivalenti għal 2 660 litru/sena għal 280 ċiklu;

(c)

indiċi tal-effiċjenza tat-tindif : IC > 1,12;

(d)

indiċi tal-effiċjenza tat-tnixxif : 1,08 ≥ ID > 0,86;

(e)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja : 53 dB(A) re 1pW.