02010L0013 — MT — 18.12.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2010/13/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Marzu 2010

dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 095 15.4.2010, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2018/1808 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Novembru 2018

  L 303

69

28.11.2018


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 263, 6.10.2010, p.  15 (2010/13/UE)




▼B

DIRETTIVA 2010/13/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Marzu 2010

dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

1.  Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

▼M1

(a) “servizz tal-media awdjoviżiva” tfisser:

(i) servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew taqsima separabbli tiegħu huwa ddedikat għall-forniment ta' programmi, taħt ir-responsabbiltà editorjali ta' fornitur ta' servizz tal-media, lill-pubbliku ġenerali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE; tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta' dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta' dan il-paragrafu;

(ii) komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;

▼M1

(aa) “servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing” tfisser servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew ta' taqsima separabbli tiegħu jew funzjonalità essenzjali tas-servizz huwa ddedikat għall-forniment ta' programmi, videos iġġenerati mill-utenti, jew it-tnejn, lill-pubbliku ġenerali, li għalihom il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing ma għandux responsabbiltà editorjali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE u li l-organizzazzjoni tiegħu hija ddeterminata mill-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing, inkluż b'mezzi awtomatiċi jew algoritmi, b'mod partikolari permezz ta' wiri, tagging u sekwenzjar;

▼M1

(b) “programm” tfisser sett ta' immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur tas-servizzi tal-media, inkluż films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

▼M1

(ba) “video ġġenerat mill-utent” tfisser sett ta' immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, li huwa maħluq minn utent u mtella' fuq pjattaforma ta' video-sharing minn dak l-utent jew kwalunkwe utent ieħor;

(bb) “deċiżjoni editorjali” tfisser deċiżjoni li tittieħed fuq bażi regolari għall-fini tal-eżerċitar tar-responsabbiltà editorjali u marbuta mat-tħaddim ta' kuljum tas-servizz tal-media awdjoviżiva;

▼B

(c) “responsabbiltà editorjali” tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew is-servizzi pprovduti;

(d) “fornitur ta’ servizzi tal-media” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;

▼M1

(da) “fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing;

▼B

(e) “xandir televiżiv” jew “xandira televiżiva” (i.e. servizz tal-media awdjoviżiva lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;

(f) “xandar” tfisser fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni;

(g) “servizz on-demand tal-media awdjoviżiva)” (i.e. servizz tal-media awdjoviżiv non-lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul mill-fornitur ta’ servizzi tal-media;

▼M1

(h) “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” tfisser immaġnijiet bil-ħoss jew mingħajru li huma ddisinjati biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta' persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika; tali immaġnijiet jakkumpanjaw, jew huma inklużi fi, programm jew f'video ġġenerat mill-utent bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta' promozzjoni tagħhom stess. Forom ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, fost l-oħrajn, reklamar televiżiv, sponsorizzazzjoni, telebejgħ u inklużjoni ta' prodotti kummerċjali;

▼B

(i) “reklamar televiżiv” tfisser kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar kemm jekk bi ħlas kemm jekk b’remunerazzjoni simili jew imxandar għal finijiet ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

(j) “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi” tfisser ir-rappreżentazzjoni fi kliem jew immaġini ta’ prodotti, servizzi, l-isem, il-marka tal-fabbrika jew l-attivitajiet ta’ produttur ta’ prodotti jew ta’ fornitur ta’ servizzi fi programmi fejn tali rappreżentazzjoni hija maħsuba mill-fornitur ta’ servizzi tal-media biex taqdi r-reklamar u tista’ tiżgwida lill-pubbliku dwar in-natura tagħha. Tali rappreżentazzjoni għandha, b’ mod partikolari tkun ikkunsidrata bħala intenzjonali jekk din issir bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili;

▼M1

(k) “sponsorizzazzjoni” tfisser kwalunkwe kontribut magħmul minn impriżi pubbliċi jew privati jew persuni fiżiċi li mhumiex involuti fil-provvista ta' servizzi tal-media awdjoviżiva jew servizzi tal-pjattaformi ta' video-sharing jew fil-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi għall-finanzjament tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, tas-servizzi tal-pjattaformi ta' video-sharing, tal-videos maħluqa mill-utenti jew tal-programmi bil-ħsieb li jippromwovu l-isem, it-trademark, l-immaġni, l-attivitajiet jew il-prodotti tagħhom;

▼B

(l) “teleshopping” tfisser offerti diretti mxandra lill-pubbliku bil-ħsieb tal-forniment ta’ prodotti jew servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

▼M1

(m) “inklużjoni ta' prodotti kummerċjali” tfisser kwalunkwe forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li tikkonsisti fl-inklużjoni ta', jew referenza għal, prodott, servizz jew it-trademark tagħhom sabiex dan jidher fi programm jew video maħluq mill-utenti, bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili;

▼B

(n) “Xogħlijiet Ewropej” tfisser dan li ġej:

(i) xogħlijiet li joriġinaw mill-Istati Membri;

(ii) xogħlijiet li joriġinaw minn Stati terzi Ewropej li huma parti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali tal-Kunsill tal-Ewropa u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3;

(iii) xogħlijiet ko-prodotti fil-qafas ta’ ftehim relatati mas-settur awdjoviżiv konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet definiti f’kull wieħed minn dawn il-ftehim.

2.  L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (n)(ii) u (iii) tal-paragrafu 1 ta’ hawn fuq għandha tkun bil-kondizzjoni li xogħlijiet li joriġinaw mill-Istati Membri ma jkunux is-suġġett ta’ miżuri diskriminatorji fil-pajjiż terz ikkonċernat;

3.  Ix-xogħlijiet imsemmija fil-punti (n)(i) u (ii) tal-paragrafu 1 huma xogħlijiet magħmula prinċipalment b’awturi u ħaddiema li jirrisjedu fi Stat wieħed jew aktar minn dawk imsemmijin f’dawk id-dispożizzjonijiet sakemm dawn ikunu konformi ma’ xi waħda mit-tliet kondizzjonijiet li ġejjin:

(i) ikunu mwettqa minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati;

(ii) il-produzzjoni tax-xogħlijiet tkun sorveljata u fil-fatt tkun ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati;

(iii) il-kontribuzzjoni tal-ko-produtturi ta’ dawk l-Istati għall-ispejjeż totali tal-ko-produzzjoni tkun preponderanti u l-ko-produzzjoni ma tkunx ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) barra minn dawk l-Istati.

4.  Xogħlijiet li m’humiex xogħlijiet Ewropej fis-sens tal-punt (n) tal-paragrafu 1 iżda li huma prodotti fil-qafas ta’ ftehimiet bilaterali ta’ ko-produzzjoni konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandhom jitqiesu bħala xogħlijiet Ewropej sakemm il-ko-produtturi mill-Unjoni jipprovdu sehem maġġoritarju mill-ispiża totali tal-produzzjoni u li l-produzzjoni ma tkunx ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) ‘il barra mit-territorju tal-Istati Membri.



KAPITOLU II

▼M1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦAS-SERVIZZI TAL-MEDIA AWDJOVIŻIVA

▼B

Artikolu 2

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha trasmessi minn fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkunu konformi mar-regoli fis-sistema tal-liġi applikabbli għal servizzi tal-media awdjoviżiva maħsuba għall-pubbliku f’dak l-Istat Membru.

2.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva il-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru huma dawn li ġejjin:

(a) dawk stabbiliti f’dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 3;

(b) dawk li għalihom japplika l-paragrafu 4.

3.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, fornitur ta’ servizzi tal-media għandu jitqies bħala stabbilit fi Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a) il-fornitur ta’ servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’dak l-Istat Membru u d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’dak l-Istat Membru;

▼M1

(b) jekk fornitur tas-servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru wieħed iżda d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiva jittieħdu fi Stat Membru ieħor, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn topera parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiva relatat mal-programm. Jekk parti sinifikanti tal-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiva relatat ma' programm topera f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li jkun stabbilit fl-Istat Membru fejn għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu. Jekk parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiva relatat ma' programm ma tkun topera fl-ebda wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li jkun stabbilit fl-Istat Membru fejn l-ewwel beda l-attivitajiet tiegħu skont is-sistema tal-liġi ta' dak l-Istat Membru, sakemm huwa jżomm rabta stabbli u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru;

▼B

(c) jekk fornitur ta’ servizzi tal-media jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru iżda d-deċiżjonijiet dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’pajjiż terz, jew viċe-versa, huwa għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv tkun topera f’dak l-Istat Membru.

4.  Fornituri ta’ servizzi tal-media li għalihom ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu li huma taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a) huma jużaw up-link satellitari li tinsab f’dak l-Istat Membru;

(b) għalkemm ma jużawx up-link satellitari li tinsab f’dak l-Istat Membru, huma jużaw kapaċità satellitari li tappartjeni għal dak l-Istat Membru;

5.  Jekk il-kwistjoni dwar liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi determinata skont il-paragrafi 3 u 4, l-Istat Membru kompetenti għandu jkun dak li fih il-fornitur ta’ servizzi tal-media huwa stabbilit fis-sens tal-Artikoli 49 sa 55 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

▼M1

5a.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media jinformaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali kompetenti dwar kwalunkwe bidla li tista' taffettwa id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

5b.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu lista aġġornata tal-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jindikaw fuq liema mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 hija bbażata l-ġurisdizzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dik il-lista, inkluż kwalunkwe aġġornament tagħha, lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali listi jsiru disponibbli f'bażi tad-data ċentralizzata. Fil-każ ta' inkonsistenzi bejn il-listi, il-Kummissjoni għandha tikkuntattja lill-Istati Membri kkonċernati sabiex tinstab soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom aċċess għal din il-bażi tad-data. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni fil-bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku.

5c.  Meta, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3 jew 4, l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux dwar liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni, huma għandhom iressqu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) biex jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3). L-ERGA għandu jagħti tali opinjoni fi żmien 15-il jum ta' ħidma minn meta tiġi ppreżentata t-talba tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt stabbilit mill-Artikolu 29 infurmat kif xieraq.

Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) jew (3), jew l-Artikolu 4(5), hija għandha tiddeċiedi wkoll liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni.

▼B

6.  Din id-Direttiva ma tapplikax għal servizzi tal-media awdjoviżiva maħsuba esklużivament għar-riċezzjoni f’pajjiżi terzi u li ma jinqabdux b’tagħmir standard tal-konsumatur direttament jew indirettament mill-pubbliku fi Stat Membru wieħed jew aktar.

▼M1

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u ma għandhomx jirrestrinġu t-trażmissjonijiet mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta' servizzi tal-media awdjoviżiva minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva.

2.  Stat Membru jista' proviżorjament jidderoga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fejn servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor manifestament, serjament u gravement jikser il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 6a(1) jew jippreġudika jew jippreżenta riskju ta' preġudizzju serju u gravi għas-saħħa pubblika.

Id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) matul it-12-il xahar preċedenti, il-fornitur ta' servizzi tal-media jkun mill-inqas f'żewġ okkażjonijiet preċedenti diġà aġixxa darba jew aktar kif deskritt fl-ewwel subparagrafu;

(b) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-fornitur tas-servizzi tal-media, lill-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq dak il-fornitur u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegat ksur u dwar il-miżuri proporzjonati li biħsiebu jadotta jekk jerġa' jseħħ kwalunkwe ksur bħal dan;

(c) l-Istat Membru kkonċernat ikun irrispetta d-dritt tad-difiża tal-fornitur tas-servizzi tal-media u, b'mod partikolari, ikun ta lil dak il-fornitur l-opportunità biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegat ksur; u

(d) il-konsultazzjonijiet mal-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tas-servizz tal-media u l-Kummissjoni ma wasslux għal riżoluzzjoni bonarja fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni rċeviet in-notifika msemmija fil-punt (b).

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat u wara li l-ERGA jkun intalab jagħti opinjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-miżuri mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha tirrikjedi li l-Istat Membru jtemm il-miżuri inkwistjoni b'urġenza.

3.  Stat Membru jista' proviżorjament jidderoga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu meta servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor manifestament, serjament u gravement jikser il-punt (b) tal-Artikolu 6(1) jew jippreġudika jew jippreżenta riskju ta' preġudizzju serju u gravi għas-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagwardja tas-sigurtà u d-difiża nazzjonali.

Id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) matul it-12-il xahar preċedenti l-aġir imsemmi fl-ewwel subparagrafu seħħ mill-inqas f'okkażjoni preċedenti waħda;

u

(b) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-fornitur tas-servizzi tal-media, lill-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq dak il-fornitur u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegat ksur u dwar il-miżuri li biħsiebu jadotta jekk jerġa' jseħħ kwalunkwe ksur allegat bħal dan.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrispetta d-drittijiet ta' difiża tal-fornitur tas-servizz tal-media kkonċernat u, b'mod partikolari, jagħti lil dak il-fornitur l-opportunità li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegat ksur.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika tal-miżuri meħuda minn Stat Membru kkonċernat u wara li tkun talbet lill-ERGA biex jagħti opinjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-miżuri mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha tirrikjedi li l-Istat Membru jtemm il-miżuri inkwistjoni b'urġenza.

4.  Il-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċedura, rimedju jew sanzjoni għall-ksur inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat.

5.  L-Istati Membri jistgħu, f'każijiet urġenti, sa mhux aktar tard minn xahar wara l-allegat ksur, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3. Fejn dan ikun il-każ, il-miżuri meħuda għandhom jiġu nnotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li l-fornitur ta' servizzi jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, b'indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri notifikati mal-liġi tal-Unjoni fl-iqsar żmien possibbli. Fejn tikkonkludi li l-miżuri mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi lill-Istat Membru inkwistjoni jtemm dawk il-miżuri b'mod urġenti.

6.  Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 2 jew 3, hija għandha, fi żmien xahar minn meta tasal in-notifika, titlob lill-Istati Membru kkonċernat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tasal għal dik id-deċiżjoni. Il-limitu ta' żmien li fih il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni għandu jiġi sospiż sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx ipprovda tali informazzjoni meħtieġa. Fi kwalunkwe każ, is-sospensjoni tal-limitu ta' żmien m'għandiex idum iktar minn xahar.

7.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom regolarment jikkondividu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar il-proċedura stabbilita f'dan l-artikolu fil-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt u l-ERGA.

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma' regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva, dment li tali regoli jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

2.  Fejn Stat Membru:

(a) ikun eżerċita l-libertà tiegħu taħt il-paragrafu 1 li jadotta regoli ta' interess pubbliku ġenerali aktar dettaljati jew aktar stretti, u

(b) jivvaluta li fornitur tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor jipprovdi servizz tal-media awdjoviżiva li huwa kompletament jew fil-biċċa l-kbira tiegħu dirett lejn it-territorju tiegħu,

huwa jista' jitlob lill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni biex jindirizza kwalunkwe problema identifikata fir-rigward ta' dan il-paragrafu. Iż-żewġ Stati Membri għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u rapidu bil-ħsieb li jiksbu soluzzjoni sodisfaċenti għat-tnejn li huma.

Meta jirċievi talba sostanzjata skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-media biex jikkonforma mar-regoli tal-interess pubbliku ġenerali inkwistjoni. L-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni għandu jinforma regolarment lill-Istat Membru li jagħmel talba dwar il-passi meħuda biex jiġu indirizzati dawk il-problemi identifikati. Fi żmien xahrejn mill-wasla tat-talba, l-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni għandu jinforma lill-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Kummissjoni dwar ir-riżultati miksuba u jispjega r-raġunijiet fejn ma tkunx instabet soluzzjoni.

Kull wieħed mill-Istati Membri jista' jistieden lill-Kumitat ta' Kuntatt biex jeżamina l-każ fi kwalunkwe ħin.

3.  L-Istat Membru kkonċernat jista' jadotta miżuri xierqa kontra l-fornitur tas-servizz tal-media kkonċernat fejn:

(a) jivvaluta li r-riżultati miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2 mhumiex sodisfaċenti; u

(b) ikun ippreżenta evidenza li turi li l-fornitur tas-servizzi tal-media inkwistjoni stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni sabiex jevita r-regoli aktar stretti, fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva, li jkunu applikabbli għalih li kieku kien stabbilit fl- Istat Membru kkonċernat; tali evidenza għandha tippermetti li din iċ-ċirkomvenzjoni tkun stabbilita b'mod raġonevoli, mingħajr il-ħtieġa li tiġi ppruvata l-intenzjoni tal-fornitur tas-servizz tal-media li jevita dawk ir-regoli stretti.

Tali miżuri għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa, applikati b'mod nondiskriminatorju u proporzjonati mal-objettivi li huma jfittxu li jwettqu.

4.  Stat Membru jista' biss jieħu miżuri skont il-paragrafu 3 meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a) huwa jkun innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi tal-media dwar l-intenzjoni tiegħu li jieħu tali miżuri filwaqt li jissostanzja r-raġunijiet li fuqhom jibbaża l-valutazzjoni tiegħu;

(b) huwa jkun irrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat u, b'mod partikolari, ikun ta lil dak il-fornitur tas-servizzi tal-media l-opportunità biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegata ċirkomvenzjoni u l-miżuri li l-Istat Membru notifikanti biħsiebu jieħu; u

(c) il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, wara li tkun talbet lill-ERGA jagħti opinjoni skont il-punt (d) tal-Artikolu 30b(3), li l-miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, u b'mod partikolari li l-valutazzjonijiet magħmula mill-Istat Membru li qed jieħu l-miżuri skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom bażi korretta; il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq.

5.  Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li mhumiex, hija għandha tirrikjedi lill-Istat Membru kkonċernat biex iżomm lura milli jieħu l-miżuri maħsuba.

Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tieħu d-deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu, hija għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika, titlob lill-Istat Membru kkonċernat, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tasal għal dik id-deċiżjoni. It-terminu ta' żmien li fih il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni għandu jiġi sospiż sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx ipprovda tali informazzjoni meħtieġa. Fi kwalunkwe każ, is-sospensjoni tal-limitu ta' żmien stipulat ma għandux idum iktar minn xahar.

6.  L-Istati Membri għandhom, b'mezzi xierqa, jiżguraw, fil-qafas tal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw b'mod effikaċi ma' din id-Direttiva.

7.  Id-Direttiva 2000/31/KE għandha tapplika dment li ma ġiex previst mod ieħor f'din id-Direttiva. Fil-każ ta' konflitt bejn id-Direttiva 2000/31/KE u din id-Direttiva, din id-Direttiva għandha tipprevali, dment li ma ġiex previst mod ieħor f'din id-Direttiva.

▼M1

Artikolu 4a

1.  L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta' koregolamentazzjoni u t-trawwim ta' awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta adottati fil-livell nazzjonali fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva sal-limitu permess mis-sistemi legali tagħhom. Dawn il-kodiċijiet għandhom:

(a) ikunu tali li jkunu aċċettati b'mod ġenerali mill-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri kkonċernati;

(b) jistabbilixxu l-objettivi tagħhom b'mod ċar u mingħajr ambigwità;

(c) jipprevedu monitoraġġ u evalwazzjoni regolari, trasparenti u indipendenti tal-ksib tal-objettivi mmirati; u

(d) jipprevedu għal infurzar effikaċi inkluż sanzjonijiet effikaċi u proporzjonati.

2.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni mfassla minn fornituri tas-servizzi tal-media, fornituri tas-servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, f'kooperazzjoni, kif meħtieġ, ma' setturi oħra bħas-settur tal- industrija, tal-kummerċ, ta' assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet professjonali u tal-konsumaturi. Dawk il-kodiċijiet għandhom ikunu tali li jiġu aċċettati b'mod ġenerali mill-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livell tal-Unjoni u għandhom jikkonformaw mal-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 1. Il-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kodiċijiet ta' kondotta nazzjonali.

F'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni, fejn xieraq, f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

Il-firmatarji tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni għandhom jippreżentaw l-abbozzi ta' dawk il-kodiċijiet u l-emendi għalihom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ta' Kuntatt dwar dak l-abbozz ta' kodiċijiet jew l-emendi għalihom.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tista' tirriklamahom kif xieraq.

3.  L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu lil fornituri ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma' regoli aktar dettaljati jew aktar stretti f'konformità ma' din id-Direttiva u mal-liġi tal-Unjoni, inkluż fejn l-awtoritajiet regolatorji jew il-korpi indipendenti nazzjonali tagħhom jikkonkludu li xi kodiċi ta' kondotta jew partijiet minnu taw prova li mhumiex effettivi biżżejjed. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw tali regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

▼B



KAPITOLU III

▼M1

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TAL-MEDIA AWDJOVIŻIVA

Artikolu 5

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jagħmel aċċessibbli faċilment, direttament u b'mod permanenti lir-riċevituri ta' servizz tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) ismu;

(b) l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit;

(c) id-dettalji, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika jew is-sit web tiegħu, li jippermettulu li jiġi kkuntattjat malajr b'mod dirett u effikaċi;

(d) l-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuqu u l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji kompetenti jew il-korpi superviżorji kompetenti.

2.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi li jipprevedu li, minbarra l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jagħtu aċċess għal informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda tagħhom, inkluż is-sidien benefiċjarji. Tali miżuri għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kkonċernati, bħall-ħajja privata u tal-familja tas-sidien benefiċjarji. Tali miżuri għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati u għandhom jippruvaw jiksbu objettiv ta' interess ġenerali.

Artikolu 6

1.  Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw u jħarsu d-dinjità umana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mezzi xierqa li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jinkludu l-ebda:

(a) inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta;

(b) provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541.

2.  Il-miżuri meħuda għall-finijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati u għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji mniżżla fil-Karta.

▼M1

Artikolu 6a

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva provduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni jkunu disponibbli biss b'tali mod li jkun żgurat li l-minorenni normalment ma jarawhomx jew ma jisimgħuhomx. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu l-għażla tal-ħin tax-xandira, l-għodod li jivverifikaw l-età jew miżuri tekniċi oħra. Huma għandhom ikunu proporzjonati għall-ħsara potenzjali tal-programm.

L-aktar kontenut ta' ħsara, bħal vjolenza u pornografija bla ħlas, għandhom ikunu soġġetti għall-aktar miżuri stretti.

2.  Data personali ta' minuri miġbura jew iġġenerata b'mod ieħor mill-fornituri tas-servizzi tal-media skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali, bħall-kummerċjalizzazzjoni diretta, it-tfassil ta' profili u r-reklamar immirat skont l-imġiba.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-media jipprovdu biżżejjed informazzjoni lit-telespettaturi dwar kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Għal dan il-għan, il-fornituri tas-servizzi tal-media għandhom jużaw sistema li tiddeskrivi n-natura potenzjalment ta' ħsara tal-kontenut tas-servizzi tal-media awdjoviżiva.

Għall-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-koregolamentazzjoni kif previst fl-Artikolu 4a(1).

4.  Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-media biex jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki dwar kodiċijiet ta' kondotta koregolatorji. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni, għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 4a(2).

▼M1

Artikolu 7

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, mingħajr dewmien żejjed, li s-servizzi pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom isiru kontinwament u progressivament aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà permezz ta' miżuri proporzjonati.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media jirrappurtaw fuq bażi regolari lill-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Sad-19 ta' Diċembru 2022 u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fornituri ta' servizzi tal-media biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni għall-aċċessibbiltà biex kontinwament u progressivament irendu s-servizzi tagħhom aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà. Kwalunkwe pjan ta' azzjoni bħal dan għandu jkun ikkomunikat lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali.

4.  Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt online uniku, li huwa faċilment aċċessibbli, inkluż minn persuni b'diżabbiltà, u disponibbli b'mod pubbliku, fejn tingħata informazzjoni u fejn jaslu lmenti fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni ta' aċċessibbiltà msemmija f'dan l-Artikolu.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ta' emerġenza, inkluż komunikazzjonijiet u tħabbir pubbliku f'sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali, li ssir disponibbli għall-pubbliku permezz ta' servizzi tal-media awdjoviżiva, tingħata b'mod li huwa aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà.

▼M1

Artikolu 7a

L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jiżguraw il-prominenza xierqa ta' servizzi tal-media awdjoviżiva ta' interess ġenerali.

Artikolu 7b

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-media ma jkunux, mingħajr il-kunsens espliċitu ta' dawk il-fornituri, sovrapposti għal skopijiet kummerċjali jew modifikati.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dettalji regolatorji, inkluż eċċezzjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-salvagwardja tal-interessi leġittimi tal-utenti filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi tal-fornituri ta' servizzi tal-media li oriġinarjament ipprovdew is-servizzi tal-media awdjoviżiva.

▼B

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jittrasmettux xogħlijiet ċinematografiċi barra mill-perijodi miftiehma mad-detenturi tad-drittijiet.

▼M1

Artikolu 9

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli bħala tali; għandha tiġi pprojbita l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi;

(b) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jużaw tekniki subliminali;

(c) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx:

(i) jippreġudikaw ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem;

(ii) jinkludu jew jippromwovu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, nazzjonalità, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;

(iii) jinkoraġġixxu mġiba ta' ħsara għas-saħħa jew għas-sigurtà;

(iv) jinkoraġġixxu mġiba li hija ta' ħsara kbira għall-ħarsien tal-ambjent;

(d) il-forom kollha ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll ta' sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikarika għandhom jiġu pprojbiti;

(e) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku ma għandhomx ikunu mmirati speċifikament lejn il-minorenni u ma għandhomx jinkoraġġixxu konsum mhux moderat ta' tali xorb;

(f) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal prodotti mediċinali u trattament mediku disponibbli biss b'riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li l-fornitur ta' servizzi tal-media jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu għandhom ikunu pprojbiti;

(g) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jikkaġunaw detriment fiżiku, mentali jew morali lill-minorenni; għalhekk huma ma għandhomx iħajru direttament lill-minorenni sabiex jixtru jew jikru prodott jew servizz billi jisfruttaw in-nuqqas ta' esperjenza jew il-kredulità tagħhom, jinkoraġġuhom direttament sabiex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew lil persuni oħra biex jixtru l-prodotti jew is-servizzi rriklamati, jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minorenni għandhom fil-ġenituri, l-għalliema jew persuni oħra, jew juru mingħajr raġuni lill-minorenni f'sitwazzjonijiet perikolużi.

2.  Il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku f'servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, bl-eċċezzjoni tal-isponsorizzazzjoni u l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali, għandhom jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 22.

3.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-koregolamentazzjoni u jrawmu l-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta kif previst fl-Artikolu 4a(1) fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa għal xorb alkoħoliku. Dawk il-kodiċijiet għandhom jimmiraw li jnaqqsu b'mod effikaċi l-esponiment tal-minorenni għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku.

4.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-koregolamentazzjoni u t-trawwim tal-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta kif previst fl-Artikolu 4a(1) fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa, li jakkumpanjaw programmi għat-tfal jew huma inklużi fihom, għal ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b'effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, b'mod partikolari xaħam, xaħam saturat, aċidi xaħmija trans, melħ jew sodju u zokkor, li t-teħid eċċessiv tagħhom fid-dieta ġenerali mhuwiex irrakkomandat.

Dawk il-kodiċijiet għandhom jimmiraw li jnaqqsu b'mod effikaċi l-esponiment tat-tfal għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal tali ikel u xorb. L-għan tagħhom huwa li tali komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma jenfasizzawx il-kwalità pożittiva tal-aspetti nutrizzjonali ta' tali ikel u xorb.

5.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni, għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4a(2).

▼B

Artikolu 10

1.  Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi li huma sponsorizzati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-kontenut tagħhom u, fil-każ ta’ xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom m’għandu fl-ebda ċirkostanza jkun influwenzat b’tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(b) huma m’għandhomx jinkoraġġixxu direttament ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew is-servizzi;

(c) it-telespettaturi għandhom jiġu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza ta’ ftehim ta’ sponsorizzazzjoni. Programmi sponsorizzati għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-isem, il-logo u/jew kwalunkwe simbolu ieħor tal-isponsor bħal referenza għall-prodott(i) jew s-servizz(i) tiegħu jew sinjal distintiv tiegħu b’mod xieraq għal programmi fil-bidu, matul u/jew fit-tmiem tal-programmi.

▼M1

2.  Is-servizzi jew il-programmi tal-media awdjoviżiva ma għandhomx jiġu sponsorizzati minn impriżi li l-attività ewlenija tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta' sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikariki.

▼B

3.  L-isponsorizzazzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi minn impriżi li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-manifattura jew il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali u trattament mediku jistgħu jippromwovu l-isem jew ix-xbiha tal-impriża iżda m’għandhomx jippromwovu prodotti mediċinali speċifiċi jew trattamenti mediċi disponibbli biss b’riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ l-fornitur ta’ servizzi tal-media.

▼M1

4.  L-aħbarijiet u l-programmi dwar ġrajjiet kurrenti ma għandhomx ikunu sponsorizzati. L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-isponsorizzazzjoni tal-programmi tat-tfal. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprojbixxu l-wiri ta' logo ta' sponsorizzazzjoni waqt programmi għat-tfal, dokumentarji u programmi reliġjużi.

Artikolu 11

1.  Dan l-Artikolu għandu japplika biss għal programmi prodotti wara d-19 ta' Diċembru 2009.

2.  L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandha tkun permessa fis-servizzi kollha tal-media awdjoviżiva, ħlief fl-aħbarijiet u fi programmi dwar ġrajjiet kurrenti, fil-programmi dwar affarijiet tal-konsumaturi, fil-programmi reliġjużi u fil-programmi għat-tfal.

3.  Il-programmi li fihom issir l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-kontenut u l-organizzazzjoni tagħhom fi skeda, fil-każ ta' xandir televiżiv, jew f'katalgu fil-każ tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, ma għandhom, fl-ebda ċirkostanza, jiġu influwenzati b'tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta' servizzi tal-media;

(b) huma ma għandhomx iħeġġu direttament ix-xiri jew il-kiri ta' prodotti jew servizzi, b'mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew servizzi;

(c) huma ma għandhomx jagħtu prominenza mhux dovuta lill-prodott inkwistjoni;

(d) it-telespettaturi għandhom ikunu mgħarrfa b'mod ċar bl-eżistenza tal-inklużjoni ta' prodott kummerċjali permezz ta' identifikazzjoni xierqa fil-bidu u fit-tmiem tal-programm, u meta programm jerġa' jibda wara waqfa għar-reklami, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tat-telespettatur.

L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (d) ħlief għall-programmi prodotti jew ikkummissjonati minn fornitur ta' servizzi tal-media jew minn kumpannija affiljata ma' dak il-fornitur tas-servizzi tal-media.

4.  Fi kwalunkwe każ, fil-programmi ma għandux ikun hemm l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali ta':

(a) sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikarika, jew l-inklużjoni ta' prodott kummerċjali minn impriżi li l-attività ewlenija tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta' dawk il-prodotti;

(b) prodotti mediċinali jew trattamenti mediċi speċifiċi disponibbli biss b'riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa' l-fornitur tas-servizzi tal-media.

▼B



KAPITOLU IV

▼M1 —————

▼M1

Artikolu 13

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media ta' servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jiżguraw li l-katalgi tagħhom ikollhom mill-inqas sehem ta' 30 % ta' xogħlijiet Ewropej u li dawk ix-xogħlijiet jingħataw prominenza.

2.  Meta l-Istati Membri jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkontribwixxu finanzjarjament għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, inkluż b'investiment dirett fil-kontenut u l-kontribuzzjoni għall-fondi nazzjonali, huma jistgħu wkoll jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media li jimmiraw udjenzi fit-territorji tagħhom, iżda stabbiliti fi Stati Membri oħra, biex jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji bħal dawn, li għandhom ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji.

3.  Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun ibbażata biss fuq dħul miksub fl-Istati Membri mmirati. Jekk l-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur jimponi kontribuzzjoni finanzjarja bħal din, dan għandu jqis kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja imposta mill-Istati Membri mmirati. Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 sad-19 ta' Diċembru 2021 u kull sentejn wara dan.

5.  Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u ta' studju indipendenti, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, b'kunsiderazzjoni tas-suq u tal-iżviluppi teknoloġiċi u tal-objettiv ta' diversità kulturali.

6.  L-obbligu impost skont il-paragrafu 1 u r-rekwiżit fuq fornituri tas-servizzi tal-media li jimmiraw udjenzi fi Stati Membri oħra stabbiliti fil-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għal fornituri tas-servizzi tal-media bi dħul baxx jew b'udjenza żgħira. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrinunzjaw obbligi jew rekwiżiti bħal dawn fejn ikun imprattikabbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura jew is-suġġett tas-servizzi tal-media awdjoviżiva.

7.  Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida rigward il-kalkolu tas-sehem ta' xogħlijiet Ewropej imsemmija fil-paragrafu 1 u rigward id-definizzjoni ta' udjenza żgħira u dħul baxx imsemmija fil-paragrafu 6 wara li tikkonsulta l-Kumitat ta' Kuntatt.

▼B



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR DRITTIJIET ESKLUSSIVI U RAPPORTI TA’ AĦBARIJIET FIL-QOSOR F’XANDIRIET TELEVIŻIVI

Artikolu 14

1.  Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skont il-liġi tal-Unjoni biex jiżgura li xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu lil proporzjon sostanzjali mill-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibbiltà li jsegwi tali avvenimenti permezz ta’ xandiriet diretti jew xandiriet differiti fuq televizjoni bla ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jfassal lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jikkunsidra bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà. Huwa għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fi żmien debitu u effettiv. Filwaqt li jagħmel dan l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina wkoll jekk dawn l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandiriet diretti sħaħ jew parzjali, jew, fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku, xandiriet differiti sħaħ jew parzjali.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li tittieħed jew li tkun ser tittieħed skont il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li tali miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħrajn. Hija għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat ta’ kuntatt stabbilit skont l-Artikolu 29. Hija għandha minnufih tippubblika l-miżuri meħuda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mill-anqas darba fis-sena l-lista konsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mezzi xierqa, fil-qafas tal-leġislazzjoni tagħhom ►C1  li xandara taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi li nxtraw minn dawk ix-xandara wara t-30 ta’ Lulju 1997 b’tali mod ◄ li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor ikun miċħud mill-possibbiltà li jsegwi avvenimenti li huma magħżula minn dak l-Istat Membru l-ieħor skont il-paragrafu 1 u 2 permezz ta’ xandiriet diretti sħaħ jew parzjali jew, fejn ikun meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandiriet differiti sħaħ jew parzjali fuq televiżjoni bla ħlas kif determinat minn dak l-Istat Membru l-ieħor skont il-paragrafu 1.

Artikolu 15

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-fini ta’ rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor, kwalunkwe xandar stabbilit fl-Unjoni jkollu aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja għal avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku li huma trasmessi fuq bażi esklussiva minn xandar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

2.  Jekk xandar ieħor stabbilit fl-istess Stat Membru bħax-xandar li jkun qed ifittex aċċess, ikun kiseb drittijiet esklussivi għall-avveniment ta’ interess kbir għall-pubbliku, dan għandu jfittex l-aċċess minn dak ix-xandar.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali aċċess ikun garantit billi x-xandara jitħallew jagħżlu liberament siltiet qosra mis-sinjal tax-xandar li jkun qed jittrasmetti b’mill-anqas, sakemm dan ma jkunx impossibbli għal raġunijiet ta’ prattiċità, l-identifikazzjoni tas-sors tagħhom.

4.  Bħala alternattiva għall-paragrafu 3, Stat Membru jista’ jistabbilixxi sistema ekwivalenti li tikseb aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja b’mezzi oħrajn.

5.  Siltiet qosra għandhom jintużaw biss għal programmi ta’ aħbarijiet ġenerali u jistgħu biss jintużaw f’servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jekk l-istess programm ikun offrut fuq bażi differita mill-istess fornitur ta’ servizzi tal-media.

6.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont is-sistemi legali u l-prattiċi tagħhom, li l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet rigward il-forniment ta’ tali siltiet qosra jkunu definiti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe arranġament għal kumpens, it-tul massimu ta’ siltiet qosra u l-limiti ta’ żmien rigward it-trasmissjoni tagħhom. Fejn hemm previżjoni għal kumpens, dan m’għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali li jsiru direttament biex jingħata l-aċċess.



KAPITOLU IV

PROMOZZJONI TAD-DISTRIBUZZJONI U L-PRODUZZJONI TA’ PROGRAMMI TAT-TELEVIŻJONI

Artikolu 16

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw għal xogħlijiet Ewropej, proporzjon ta’ maġġoranza tal-ħin ta’ trasmissjoni tagħhom, eskluż il-ħin allokat għal aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar 1 servizzi tat-teletext u t-teleshopping. Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandar dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jinkiseb progressivament, skont il-bażi ta’ kriterji xierqa.

2.  Meta l-proporzjon stabbilit fil-paragrafu 1 ma jistax jintlaħaq, m’għandux ikun aktar baxx mill-medja għall-1988 fl-Istat Membru kkonċernat.

Madanakollu, fir-rigward tal-Greċja u tal-Portugall, is-sena 1988 għandha tiġi sostitwita bis-sena 1990.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kull sentejn li jibdew mit-3 ta’ Ottubru 1991, b’rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 17.

Dak ir-rapport għandu b’mod partikolari jinkludi dikjarazzjoni statistika dwar il-kisba tal-proporzjon imsemmi f’dan l-Artikolu u l-Artikolu 17 għal kull wieħed mill-programmi tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ir-raġunijiet, f’kull każ, għan-nuqqas li jintlaħaq dak il-proporzjon u l-miżuri adottati jew previsti sabiex jinkiseb.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Parlament Ewropew bir-rapporti, li għandu jkollhom magħhom, meta approprjat, opinjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 17 skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tista’ tieħu kont fl-opinjoni tagħha, b’mod partikolari, tal-progress miksub meta mqabbel mas-snin ta’ qabel, is-sehem fl-ipprogrammar ta’ xogħlijiet imxandra għall-ewwel darba, iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ xandara ġodda tat-televiżjoni u s-sitwazzjoni speċifika ta’ pajjiżi b’kapaċità baxxa ta’ produzzjoni awdjoviżwali jew żona ristretta tal-lingwa.

Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw mill-inqas 10 % tal-ħin tat-trasmissjoni tagħhom eskluż il-ħin allokat għal aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar u 1 servizzi tat-teletext u teleshopping, jew alternattivament, għad-diskrezzjoni tal-Istat Membru, mill-inqas 10 % tal-baġit tal-ipprogrammar tagħhom, għal xogħlijiet Ewropej maħluqa minn produtturi li huma indipendenti minn xandara. Dan il-proporzjon, b’kont meħud tar-responsabbiltajiet tax-xandara dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jintlaħaq progressivament, skont il-bażi ta’ kriterji xierqa. Għandu jintlaħaq billi jiġi assenjat proporzjon adegwat għal xogħlijiet riċenti, jiġifieri xogħlijiet trasmessi fi żmien ħames snin mill-produzzjoni tagħhom.

Artikolu 18

Dan il-kapitolu m’għandux japplika għal xandiriet televiżivi li huma intenzjonati għal udjenzi lokali u li ma’ jifformawx parti minn sistema interkonnessa nazzjonali.



KAPITOLU VII

REKLAMAR TELEVIŻIV U TELESHOPPING

Artikolu 19

1.  Ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli u distinti minn kontenut editorjali. Mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ tekniki ta’ reklamar ġodda, ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping għandhom jinżammu separati sew minn partijiet oħra tal-programm b’mezzi ottiċi u/jew akustiċi u/jew spazjali.

▼M1

2.  Spots iżolati ta' reklamar televiżiv u ta' telebejgħ għandhom ikunu ammissibbli f'avvenimenti sportivi. Spots iżolati ta' reklamar televiżiv u ta' telebejgħ, li mhumiex trażmissjonijiet ta' avvenimenti sportivi, għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni.

▼B

Artikolu 20

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn ir-reklamar televiżiv jew it-teleshopping jiddaħħal waqt il-programmi, li l-integrità tal-programmi, b’kont meħud ta’ waqfien naturali fihom u tat-tul ta’ ħin u n-natura tal-programm ikkonċernat, u d-drittijiet tad-detenturi tad-dritt ma jkunux ippreġudikati.

▼M1

2.  It-trażmissjoni ta' films magħmula għat-televiżjoni (esklużi sensiliet, serje u dokumentarji), xogħlijiet ċinematografiċi u programmi tal-aħbarijiet tista' tiġi interrotta minn reklamar televiżiv, minn telebejgħ, jew mit-tnejn, darba waqt kull perijodu skedat ta' mill-inqas 30 minuta. It-trażmissjoni ta' programmi tat-tfal tista' tiġi interrotta minn reklamar televiżiv darba għal kull perijodu skedat ta' mill-inqas 30 minuta, dment li t-tul ta' ħin skedat tal-programm ikun aktar minn 30 minuta. It-trażmissjoni tat-telebejgħ għandha tkun ipprojbita matul il-programmi tat-tfal. Waqt servizzi reliġjużi ma għandu jiddaħħal l-ebda reklamar televiżiv jew telebejgħ.

▼B

Artikolu 21

It-teleshopping għal prodotti mediċinali li huma soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-bejgħ fis-sens tad-Direttiva 2001/83/KE, kif ukoll teleshopping għal kura medika, għandhom jiġu pprojbiti.

Artikolu 22

Ir-reklamar u t-teleshopping fuq it-televiżjoni għal xorb alkoħoliku għandu jkun konformi mal-kriterji li ġejjin:

(a) ma jistax ikun immirat speċifikament għall-minuri jew, b’mod partikolari, juri l-minuri waq li tjikkonsmaw dan ix-xorb;

(b) m’għandux jgħaqqad il-konsum tal-alkoħol ma l-eżekuzzjoni fiżika mtejba jew mas-sewqan;

(c) m’għandux joħloq l-impressjoni li l-konsum tal-alkoħol jikkontribwixxi għas-suċċess soċjali jew sesswali;

(d) m’għandux isostni li l-alkoħol għandu kwalitajiet terapewtiċi jew li huwa stimulant, kalmant jew mod biex wieħed isolvi l-konflitti personali;

(e) m’għandux jinkoraġġixxi konsum immoderat tal-alkoħol jew jippreżenta l-astinenza jew il-moderazzjoni f’dawl negattiv;

(f) m’għandux iqiegħed enfasi fuq il-kontenut alkoħoliku għoli bħala kwalità pożittiva tax-xorb.

▼M1

Artikolu 23

1.  Il-proporzjon ta' spots ta' reklamar televiżiv u spots ta' telebejgħ fil-perijodu bejn is-06.00 u s-18.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta' dak il-perijodu. Il-proporzjon ta' spots ta' reklamar televiżiv u spots ta' telebejgħ fil-perijodu bejn is-18.00 u 24.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta' dak il-perijodu.

2.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a) l-avviżi magħmula mix-xandar b'konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi jew ma' programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp tax-xandir;

(b) l-avviżi ta' sponsorizzazzjoni;

(c) l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali;

(d) il-frames newtrali bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar televiżiv jew l-ispots ta' telebejgħ, u bejn l-ispots individwali.

▼B

Artikolu 24

It-twieqi ta’ teleshopping għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali permezz ta’ mezzi ottiċi u akustiċi u għandhom ikunu ta’ tul ta’ mill-inqas 15-il minuta mingħajr interruzzjoni.

Artikolu 25

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kanali tat-televiżjoni ddedikati esklużivament għal reklamar u teleshopping kif ukoll għal kanali tat-televiżjoni dedikati esklużivament għall-promozzjoni tal-persuna nnifisha.

Madankollu, il-Kapitolu VI kif ukoll l-Artikolu 20 u l-Artikolu 23 m’għandhomx japplikaw għal dawn il-kanali.

Artikolu 26

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, l-Istati Membri jistgħu, bil-konsiderazzjoni dovuta għal-liġi tal-Unjoni, jistabbilixxu kondizzjonijiet minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 23 fir-rigward ta’ xandiriet televiżivi li huma intiżi biss għat-territorju nazzjonali li ma jistgħux jiġu riċevuti, direttament jew indirettament mill-pubbliku, fi Stat Membru wieħed ieħor jew aktar.

▼M1 —————

▼B



KAPITOLU IX

DRITT TA’ TWEĠIBA F’XANDIR TELEVIŻIV

Artikolu 28

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoniet adottati mill-Istati Membri taħt il-liġi ċivili, amministrattiva jew kriminali, kull persuna fiżika jew ġuridika, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha, li l-interessi leġittimi tagħha, partikolarment ir-reputazzjoni u l-isem tajjeb, ikunu ġew danneġġjati b’asserzjoni ta’ fatti mhux korretti waqt programm tat-televiżjoni għandu jkollha d-dritt għal risposta jew rimedji ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tar-risposta jew rimedji ekwivalenti ma jiġix imfixkel bl-impożizzjoni ta’ pattijiet u kondizzjonijiet li ma jkunux raġonevoli. Ir-risposta għandha tiġi trasmessa f’perijodu ta’ żmien raġonevoli wara li t-talba tkun ġiet sostanzjata u fħin u b’mod xieraq għax-xandira li għaliha t-talba tirreferi.

2.  Id-dritt għal tweġiba jew rimedji ekwivalenti għandu jeżisti fir-rigward tax-xandara kollha taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru.

3.  L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu d-dritt għal tweġiba jew ir-rimedji ekwivalenti u għandhom jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-eżerċizzju tagħhom. B’mod partikolari, għandhom jiżguraw li jitħalla jgħaddi biżżejjed żmien u li l-proċeduri jkunu tali li d-dritt jew rimedji ekwivalenti jistgħu jiġu eżerċitati b’mod approprjat minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

4.  Applikazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal tweġiba jew għar-rimedji ekwivalenti tista’tiġi miċħuda jekk din it-tweġiba ma tkunx iġġustifikata skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, kienet tinvolvi att punibbli, kienet tissoġġetta lix-xandar għal proċeduri legali ċivili jew kienet tikser l-istandards tad-diċenza pubblika.

5.  Għandha ssir dispożizzjoni għal proċeduri li permezz tagħhom disputazzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal tweġiba jew ir-rimedji ekwivalenti jistgħu ikunu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

▼M1



KAPITOLU IXA

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TA' PJATTAFORMA TA' VIDEO-SHARING

Artikolu 28a

1.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għandu jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru.

2.  Fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing li mhux stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru skont il-paragrafu 1 għandu jitqies li huwa stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru għall-finijiet ta' din id-Direttiva jekk dak il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing:

(a) ikollu impriża prinċipali jew impriża sussidjarja li tkun stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; jew

(b) huwa parti minn grupp u jkun hemm impriża oħra ta' dak il-grupp li hija stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:

(a) “impriża prinċipali” tfisser impriża li tikkontrolla impriża sussidjarja waħda jew aktar;

(b) “impriża sussidjarja” tfisser impriża li tkun ikkontrollata minn impriża prinċipali, inkluż kwalunkwe impriża sussidjarja ta' impriża prinċipali aħħarija;

(c) “grupp” tfisser impriża prinċipali, l-impriżi sussidjarji kollha tagħha u l-impriżi l-oħra kollha li għandhom rabtiet organizzattivi ekonomiċi u legali magħhom.

3.  Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2, fejn l-impriża prinċipali, l-impriża sussidjarja jew l-impriżi l-oħra tal-grupp huma kollha stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża prinċipali tiegħu jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża sussidjarja tiegħu jew, fin-nuqqas ta' stabbiliment bħal dan, fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża l-oħra tal-grupp.

4.  Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 3, meta jkun hemm diversi impriżi sussidjarji u kull waħda minnhom hija stabbilita fi Stat Membru differenti, il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn waħda mill-impriżi sussidjarji bdiet l-attività tagħha inizjalment, dment li hija żżomm rabta stabbli u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru.

Meta jkun hemm diversi impriżi oħra li huma parti mill-grupp u kull waħda hija stabbilita fi Stat Membru differenti, il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn waħda minn dawn l-impriżi bdiet l-attività tagħha inizjalment, dment li hija żżomm rabta stabbli u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru.

5.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Artikoli 3 u l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom japplikaw għall-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing meqjusa li huma stabbiliti fi Stat Membru skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

6.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu lista aġġornata tal-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom u jindikaw fuq liema mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 hija bbażata l-ġurisdizzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dik il-lista, inkluż kwalunkwe aġġornament tagħha, lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali listi jsiru disponibbli f'bażi tad-data ċentralizzata. Fil-każ ta' inkonsistenzi bejn il-listi, il-Kummissjoni għandha tikkuntattja lill-Istati Membri kkonċernati sabiex tinstab soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom aċċess għal dik il-bażi tad-data. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni fil-bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku.

7.  Meta, fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux dwar liema Stat Membru għandu ġurisdizzjoni, huma għandhom iressqu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-ERGA biex jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3). L-ERGA għandu jagħti tali opinjoni fi żmien 15-il jum ta' ħidma minn meta tiġi ppreżentata t-talba tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq.

Artikolu 28b

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu:

(a) lill-minorenni minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 6a(1);

(b) lill-pubbliku ġenerali minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li fihom inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta;

(c) lill-pubbliku ġenerali minn programmi, videos maħluqa mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li fihom kontenut li d-disseminazzjoni tiegħu tirrappreżenta attività li hija reat kriminali skont il-liġi tal-Unjoni, jiġifieri provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, reati li jikkonċernaw il-pedopornografija, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u reati li jikkonċernaw ir-razziżmu u l-ksenofobija kif stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jiġu kkummerċjalizzati, jinbiegħu jew jiġu organizzati minn dawk il-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li mhumiex ikkummerċjalizzati, mibjugħa jew organizzati minn dawk il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing, b'kont meħud tal-kontroll limitat eżerċitat minn dawk il-pjattaformi ta' video-sharing fuq dawk il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jinfurmaw b'mod ċar lill-utenti meta l-programmi u l-videos iġġenerati mill-utenti jkun fihom komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, dment li tali komunikazzjonijiet huma ddikjarati taħt il-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 jew il-fornitur jkun jaf dwar dan il-fatt.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-koregolamentazzjoni u t-trawwim tal-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta kif previst fl-Artikolu 4a(1) li għandhom l-għan li jnaqqsu effettivament l-esponiment ta' tfal għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal ikel u xorb li fihom nutrijenti, u sustanzi b'effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, b'mod partikolari xaħam, aċidi xaħmija trans, melħ jew sodju u zokkor, li t-teħid eċċessiv tagħhom fid-dieta ġenerali mhuwiex rakkomandat. L-għan ta' dawk il-kodiċijiet għandu jkun li tali komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma jenfasizzawx il-kwalità pożittiva tal-aspetti nutrizzjonali ta' tali ikel u xorb.

3.  Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-miżuri xierqa għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tan-natura tal-kontenut inkwistjoni, il-ħsara li jista' jikkawża, il-karatteristiċi tal-kategorija ta' persuni li għandhom jiġu protetti kif ukoll id-drittijiet u l-interessi leġittimi involuti, inkluż dawk tal-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing u l-utenti li jkunu ħolqu jew tellgħu l-kontenut, kif ukoll l-interess pubbliku ġenerali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri kollha ta' pjattaformi ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom japplikaw dawk il-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom ikunu prattikabbli u proporzjonati, b'kont meħud tad-daqs ta' servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing u n-natura tas-servizz li jiġi pprovdut. Dawk il-miżuri ma għandhom iwasslu għall-ebda miżura ta' kontroll ex ante jew filtraġġ tal-kontenut imtella' li ma jikkonformax mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31/KE. Għall-iskopijiet tal-protezzjoni tal-minuri, prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-aktar kontenut ta' ħsara għandu jkun soġġett għall-miżuri l-aktar stretti tal-kontroll tal-aċċess.

Dawk il-miżuri għandhom jikkonsistu minn, kif xieraq:

(a) l-inklużjoni u l-applikazzjoni, fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing, tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1;

(b) l-inklużjoni u l-applikazzjoni fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-servizzi tal-pjattaforma ta' video-sharing tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li ma jiġux ikkummerċjalizzati, ma jinbiegħux jew ma jiġux organizzati mill-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing;

(c) il-pussess ta' funzjonalità għal utenti li jtellgħu videos iġġenerati mill-utent biex jiddikjaraw jekk tali videos fihomx, sa fejn jafu huma jew sa fejn jista' jkun raġonevolment mistenni li jkunu jafu, komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi;

(d) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' mekkaniżmi trasparenti u b'użu faċli għall-utenti ta' pjattaforma ta' video-sharing biex jirrappurtaw jew jagħtu sinjal lill-fornitur tal-pjattaforma ta' video-sharing ikkonċernat bil-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1 provdut fil-pjattaforma tiegħu;

(e) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi li permezz tagħhom il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jispjegaw lill-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing x'effett ikun ingħata għar-rappurtar u l-għoti ta' sinjal imsemmija fil-punt (d);

(f) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi ta' verifika tal-età għall-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing fir-rigward ta' kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

(g) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi faċli biex jintużaw u li jippermettu lill-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jikklassifikaw il-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1;

(h) il-provvediment għal sistemi ta' kontroll mill-ġenituri li jkunu taħt il-kontroll tal-utent finali fir-rigward ta' kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

(i) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' proċeduri trasparenti, faċli li jintużaw u effikaċi għall-ġestjoni u għar-riżoluzzjoni ta' lmenti mill-utenti lill-fornitur tal-pjattaforma ta' video-sharing fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punti (d) sa (h);

(j) il-provvediment għal miżuri u għodod effikaċi ta' litteriżmu fil-media u s-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar dawk il-miżuri u l-għodod.

Data personali ta' minorenni miġbura jew iġġenerata b'mod ieħor mill-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing skont il-punti (f) u (h) tat-tielet subparagrafu ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali, bħall-kummerċjalizzazzjoni diretta, it-tfassil ta' profili u r-reklamar immirat skont l-imġiba.

4.  Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-koregolamentazzjoni kif previst fl-Artikolu 4a(1).

5.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 meħudin minn fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing. L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali bil-valutazzjoni ta' dawk il-miżuri.

6.  L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing miżuri li huma aktar dettaljati jew stretti mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Meta jadottaw tali miżuri, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni applikabbli, bħal pereżempju dawk stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE jew fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi ta' rimedju barra mill-qorti jkunu disponibbli għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-utenti u l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing b'rabta mal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3. Mekkaniżmi bħal dawn għandhom jagħmluha possibbli li t-tilwimiet jiġu solvuti b'mod imparzjali u m'għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom quddiem qorti fir-rigward ta' fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing skont il-paragrafi 1 u 3.

9.  Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kodiċijiet ta' kondotta koregolatorji msemmija fil-paragrafu 4.

10.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4a(2).

▼B



KAPITOLU X

IL-KUMITAT TA’ KUNTATT

Artikolu 29

1.  Kumitat ta’ kuntatt hu stabbilit taħt il-patronaġġ tal-Kummissjoni. Għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u jiltaqa fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru.

2.  Ix-xogħol ta’ kumitat ta’ kuntatt għandu jkun:

(a) li jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva ta din id-Direttiva permezz ta’ konsultazzjoni regolari dwar kull problemi prattiċi li jinqalgħu waqt l-applikazzjoni tiegħu, u b’mod partikolari waqt l-applikazzjoni ta l-Artikolu 2, kif ukoll dwar kull suġġett ieħor li dwaru jkun meqjus utili skambju ta ideat;

(b) li jagħti opinjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess jew opinjonijiet mitluba mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ din id-Direttiva;

(c) li jkun forum għall-iskambju ta’ ideat dwar liema kwistjonijiet għandhom jiġu ttrattati fir-rapporti li l-Istati Membri għandhom jissottomettu skont l-Artikolu 16(3) u dwar il-metodoloġiji tagħhom;

(d) li jiddiskuti l-eżitu tal-konsultazzjonijiet regolari li l-Kummissjoni jkollha ma rappreżentanti ta organizzazzjonijiet tax-xandara, produtturi, konsumaturi, manufatturi, dawk li jipprovdu servizz u trade unions u l-komunità kreattiva;

(e) li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp ta’ attivitajiet regolatorji rigward servizzi tal-media awdjoviżiva, b’kont meħud tal-politika awdjoviżiva tal-Unjoni, kif ukoll l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tekniku;

(f) li jeżamina kull żvilupp li jkun hemm fis-settur li dwaru l-iskambju tal-ideat ikun jidher utili.



KAPITOLU XI

▼M1

AWTORITAJIET UKORPI REGOLATORJI TAL-ISTATI MEMBRI

Artikolu 30

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità jew korp regolatorju nazzjonali wieħed jew aktar, jew it-tnejn. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma legalment distinti mill-gvern u funzjonalment indipendenti mill-gvernijiet rispettivi tagħhom u minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet regolatorji li jissorveljaw setturi differenti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti u skont l-objettivi ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u lingwistika, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċessibbiltà, in-nondiskriminazzjoni, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta.

L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali ma għandhomx ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet mill-ebda korp ieħor b'rabta mal-eżerċizzju tal-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Unjoni. Dan ma għandux jipprevjeni is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi u s-setgħat tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali, kif ukoll il-modi ta' kif jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom ikunu definiti b'mod ċar fil-liġi.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi finazjarji u umani u setgħat ta' infurzar adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effikaċi u jikkontribwixxu għall-ħidma tal-ERGA. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jingħataw il-baġits annwali tagħhom stess, li għandhom isiru pubbliċi.

5.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali tagħhom il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħatra u għat-tkeċċija tal-kapijiet ta' awtoritajiet u ta' korpi regolatorji nazzjonali jew tal-membri tal-korp kolleġġjali li jaqdu tali funzjoni, inkluż it-tul ta' żmien tal-mandat. Il-proċeduri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u jiggarantixxu l-grad rikjest ta' indipendenza. Il-kap ta' awtorità jew korp regolatorju nazzjonali jew il-membri tal-korp kolleġġjali li jissodisfaw dik il-funzjoni fi ħdan awtorità jew korp regolatorju nazzjonali, jistgħu jitkeċċew jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom li huma stabbiliti minn qabel fil-livell nazzjonali. Deċiżjoni ta' tkeċċija għandha tkun debitament ġustifikata, soġġetta għal notifika minn qabel u tkun disponibbli għall-pubbliku.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi ta' appell effikaċi fil-livell nazzjonali. Il-korp ta' appell, li jista' jkun qorti, għandu jkun indipendenti mill-partijiet involuti fl-appell.

Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, id-deċiżjoni tal-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali għandha tibqa' valida, sakemm ma jingħatawx miżuri interim skont il-liġi nazzjonali.

▼M1

Artikolu 30a

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jieħdu miżuri adegwati biex jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 4.

2.  Fil-kuntest tal-iskambju ta' informazzjoni skont il-paragrafu 1, meta l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jirċievu informazzjoni minn fornitur ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li ser jipprovdi servizz kompletament jew fil-biċċa l-kbira tiegħu dirett lejn l-udjenza ta' Stat Membru ieħor, l-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali fl-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jinforma lill-awtorità jew lill-korp regolatorju nazzjonali tal-Istat Membru fil-mira.

3.  Jekk l-awtorità jew il-korp regolatorju ta' Stat Membru li t-territorju tiegħu jinsab fil-mira ta' servizz ta' fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor jibgħat talba li tikkonċerna l-attivitajiet ta' dak il-fornitur lill-awtorità jew korp regolatorju tal-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni fuqu, l- awtorità jew il-korp regolatorju tal-aħħar għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jindirizza t-talba fi żmien xahrejn, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta' żmien aktar stretti applikabbli skont din id-Direttiva. Meta mitluba, l-awtorità jew il-korp regolatorju tal-Istat Membru fil-mira għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni lill-awtorità jew lill-korp regolatorju tal-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni li tista' tassistih biex jindirizza t-talba.

Artikolu 30b

1.  Il-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) huwa b'dan stabbilit.

2.  Huwa għandu jkunu magħmul minn rappreżentati ta' awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżiva bir-responsabbiltà primarja għas-sorveljanza tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, jew fejn m'hemmx awtorità jew korp regolatorju nazzjonali, minn rappreżentanti oħra kif magħżul permezz tal-proċeduri tagħhom. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-ERGA.

3.  L-ERGA għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a) jipprovdi l-għarfien tekniku espert lill-Kummissjoni:

 fil-kompitu tagħha li tiżgura implimentazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha,

 dwar kwistjonijiet relatati mas-servizzi tal-media awdjoviżiva fl-ambitu tal-kompetenza tagħha;

(b) jipprovdi skambju ta' esperjenza u l-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, inkluż dak dwar l-aċċessibbiltà u l-litteriżmu tal-media;

(c) jikkoopera u jipprovdi lill-membri tiegħu bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 3, 4 u 7;

(d) jagħti opinjonijiet, meta mitlub mill-Kummissjoni, dwar l-aspetti tekniċi u fattwali tal-kwistjonijiet skont l-Artikolu 2(5c), l-Artikolu 3(2) u (3), il-punt (c) tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 28a(7).

4.  L-ERGA għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

▼B



KAPITOLU XII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

F’oqsma fejn din id-Direttiva ma tikkoordinax, m’għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn konvenzjonijiet eżistenti li jittrattaw telekomunikazzjonijiet jew xandir.

Artikolu 32

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali, adottati fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

▼M1

Artikolu 33

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' din id-Direttiva.

Mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2022, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjata fejn xieraq minn proposti għar-rieżami tagħha, dwar l-impatt ta' din id-Direttiva u l-valur miżjud tagħha.

Il-Kummissjoni għandha żżomm il-Kumitat ta' Kuntatt u l-ERGA debitament infurmati dwar il-ħidma u l-attivitajiet ta' xulxin.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni li tasal mingħand l-Istati Membri dwar kwalunkwe miżura li jkunu ħadu fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva tiġi kkomunikata lill-Kumitat ta' Kuntatt u l-ERGA.

▼M1

Artikolu 33a

1.  L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jieħdu miżuri għall-iżvilupp ta' ħiliet fil-litteriżmu fil-media.

2.  Sad-19 ta' Diċembru 2022 u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.  Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Kumitat ta' Kuntatt, toħroġ linji gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali rapporti.

▼B

Artikolu 34

Id-Direttiva 89/552/KEE kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 35

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-publikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 34)



Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE

(ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23)

 

Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60)

 

Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27)

Artikolu 1 biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 34)



Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-transpożizzjoni

89/552/KEE

fit-3 ta’ Ottubru 1991.

97/36/KE

fil-31 ta’ Diċembru 1998.

2007/65/KE

fid-19 ta’ Diċembru 2009.




ANNESS II



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 89/552/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1, kliem tal-bidu

Artikolu 1(1), kliem tal-bidu

Artikolu 1(a), kliem tal-bidu

Artikolu 1(1)(a), kliem tal-bidu

Artikolu 1(a), l-ewwel inċiż

Artikolu 1(1)(a)(i)

Artikolu 1(a), it-tieni inċiż

Artikolu 1(1)(a)(ii)

Artikolu 1(b) sa (m)

Artikolu 1(1)(b) sa (m)

Artikolu 1(n)(i), kliem tal-bidu

Artikolu 1(1)(n), kliem tal-bidu

Artikolu 1(n)(i), l-ewwel inċiż

Artikolu 1(1)(n)(i)

Artikolu 1(n)(i), it-tieni inċiż

Artikolu 1(1)(n)(ii)

Artikolu 1(n)(i), it-tielet inċiż

Artikolu 1(1)(n)(iii)

Artikolu 1(n)(i), ir-raba’ inċiż

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(n)(ii), kliem tal-bidu

Artikolu 1(3), kliem tal-bidu

Artikolu 1(n)(ii), l-ewwel inċiż

Artikolu 1(3)(i)

Artikolu 1(n)(ii), it-tieni inċiż

Artikolu 1(3)(ii)

Artikolu 1(n)(ii), it-tielet inċiż

Artikolu 1(3)(iii)

Artikolu 1(n)(iii)

Artikolu 1(4)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 2a(1), (2) u (3)

Artikolu 3(1), (2) u (3)

Artikolu 2a(4), kliem tal-bidu

Artikolu 3(4), kliem tal-bidu

Artikolu 2a(4)(a)

Artikolu 3(4)(a)

Artikolu 2a(4)(b), kliem tal-bidu

Artikolu 3(4)(b), kliem tal-bidu

Artikolu 2a(4)(b), l-ewwel inċiż

Artikolu 3(4)(b)(i)

Artikolu 2a(4)(b), it-tieni inċiż

Artikolu 3(4)(b)(ii)

Artikolu 2a(5) u (6)

Artikolu 3(5) u (6)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 3a

Artikolu 5

Artikolu 3b

Artikolu 6

Artikolu 3c

Artikolu 7

Artikolu 3d

Artikolu 8

Artikolu 3e

Artikolu 9

Artikolu 3f

Artikolu 10

Artikolu 3 g(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 3 g(2), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu

Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu

Article 3 g(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Article 3 g(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Article 3 g(2), it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi

Artikolu 11(3), it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi

Artikolu 3 g(3)

Artikolu 11(4)

Artikolu 3 g(4)

Artikolu 11(1)

Artikolu 3h

Artikolu 12

Artikolu 3i

Artikolu 13

Artikolu 3j

Artikolu 14

Artikolu 3k

Artikolu 15

Artikolu 4(1), (2) u (3)

Artikolu 16(1), (2) u (3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 5

Artikolu 17

Artikolu 9

Artikolu 18

Artikolu 10

Artikolu 19

Artikolu 11

Artikolu 20

Artikolu 14

Artikolu 21

Artikolu 15

Artikolu 22

Artikolu 18

Artikolu 23

Artikolu 18a

Artikolu 24

Artikolu 19

Artikolu 25

Artikolu 20

Artikolu 26

Artikolu 22

Artikolu 27

Artikolu 23

Artikolu 28

Artikolu 23a

Artikolu 29

Artikolu 23b

Artikolu 30

Artikolu 24

Artikolu 31

Artikolu 32

Artikolu 26

Artikolu 33

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 27

Artikolu 36

Anness I

Anness II



( 1 ) Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).