02009R0906 — MT — 14.04.2020 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 906/2009 tat-28 ta’ Settembru 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (konsorzji) (ĠU L 256 29.9.2009, p. 31) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 697/2014 tal-24 ta' Ġunju 2014 |
L 184 |
3 |
25.6.2014 |
|
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/436 tal-24 ta’ Marzu 2020 |
L 90 |
1 |
25.3.2020 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 906/2009
tat-28 ta’ Settembru 2009
dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (konsorzji)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-konsorzji biss sa fejn huma jipprovdu servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali tal-linja minn jew lejn port wieħed jew aktar tal-Komunità.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:
“konsorzju” ifisser akkordju jew sensiela ta’ akkordji marbutin ma’ xulxin bejn żewġ trasportaturi li joperaw il-bastimenti jew aktar li jipprovdu servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali tal-linja esklużivament għall-ġarr ta’ merkanzija relatata ma’ rotta tal-kummerċ waħda jew aktar, bl-għan li sseħħ kooperazzjoni fl-operazzjoni konġunta ta’ servizz ta’ trasport marittimu, u li jtejjeb is-servizz li jiġi offrut individwalment minn kull wieħed mill-membri tiegħu fl-assenza tal-konsorzju, sabiex jiġu razzjonalizzati l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ arranġamenti tekniċi, operattivi u/jew kummerċjali;
“trasport marittimu tal-linja” ifisser it-trasport ta’ merkanzija fuq bażi regolari fuq rotta jew rotot partikolari bejn portijiet u f’konformità mal-iskedi u dati ta’ salpar reklamati minn qabel u disponibbli, anke fuq bażi okkażjonali, għal kull utent tat-trasport bi ħlas;
“l-utent tat-trasport” ifisser kull impriża (bħalma huma l-karikatur, il-kunsinnatarju jew min jibgħat il-merkanzija) li daħlet, jew għandha l-intenzjoni li tidħol, fi ftehim kuntrattwali ma’ membru ta’ konsorzju għat-trasport marittimu ta’ merkanzija;
“il-bidu tas-servizz” ifisser id-data li fiha l-ewwel bastiment isalpa biex jipprovdi s-servizz.
KAPITOLU II
EŻENZJONIJIET
Artikolu 3
Akkordji eżentati
Skont l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, huwa b’dan iddikjarat li l-Artikolu 81(1) tat-Trattat ma għandux japplika għall-attivitajiet segwenti ta’ konsorzju:
l-operazzjoni konġunta ta’ servizzi ta’ trasport marittimu tal-linja li tinkludi kwalunkwe attività segwenti:
il-koordinament u/jew iffissar konġunt ta’ skedi ta’ salpar u d-determinazzjoni tal-portijiet fejn ser jidħol il-bastiment;
it-tpartit, bejgħ jew noleġġ inkroċjat ta’ spazju jew slots fuq il-bastimenti;
l-iggruppar ta’ bastimenti u/jew stallazzjoniet tal-port;
l-użu ta’ uffiċċju wieħed jew aktar ta’ operazzjonijiet konġunti;
il-provvista ta’ kontejners, xażi u tagħmir ieħor u/jew il-kuntratti ta’ kiri, ta’ leasing jew ta’ xiri għal dan it-tagħmir;
l-aġġustament tal-kapaċità b’rispons għaċ-ċaqliq fl-offerta u d-domanda;
l-operazzjoni konġunta jew l-użu ta’ terminals ta’ portijiet u servizzi relatati (bħalma huma servizzi ta’ tagħbija jew ħatt bil-braken jew servizzi ta’ stivar);
kull attività oħra anċillari għal dawk li saret referenza għalihom fil-punti (1), (2) u (3) li hi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, bħal:
l-użu ta’ sistema komputerizzata għall-iskambju tad-dejta;
obbligu għall-membri tal-konsorzju biex jużaw fis-suq jew swieq rilevanti bastimenti allokati lill-konsorzju u li jżommu lura milli jinnoleġġaw spazju fuq bastimenti li huma proprjetà ta’ partijiet terzi;
obbligu għall-membri tal-konsorzju biex ma jassenjawx jew ma jinnoleġġawx spazju lil trasportaturi oħra li joperaw bastimenti fis-suq jew swieq rilevanti sakemm ma jkun hemmx il-kunsens minn qabel tal-membri l-oħra tal-konsorzju.
Artikolu 4
Restrizzjonijiet iebsa
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 m’għandhiex tapplika għal konsorzju li, direttament jew indirettament, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandu bħala oġġett:
l-iffissar ta’ prezzijiet meta s-servizzi ta’ trasport marittimu tal-linja jinbiegħu lil partijiet terzi;
il-limitazzjoni tal-kapaċità jew tal-bejgħ ħlief għall-aġġustament tal-kapaċità imsemmi fl-Artikolu 3(2);
l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti.
KAPITOLU III
KUNDIZZJONIJIET GĦALL-EŻENZJONI
Artikolu 5
Kundizzjonijiet relatati mas-sehem fis-suq
1. Sabiex il-konsorzju jikkwalifika għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3, is-sehem fis-suq ikkombinat tal-membri tal-konsorzju fis-suq rilevanti ma għandux jaqbeż 30 % ikkalkulat b’referenza għall-volum totali ta’ merkanzija ttrasportata f’tunnellati ta’ merkanzija jew units ekwivalenti ta’ 20 pied.
2. Għall-finijiet li jiġi stabbilit is-sehem fis-suq ta’ membru ta’ konsorzju l-volumi totali ta’ merkanzija ttrasportata minnu fis-suq rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni irrispettivament minn jekk dawn il-volumi jiġux ittrasportati:
fi ħdan il-konsorzju kkonċernat;
fi ħdan konsorzju ieħor li fih il-membru huwa parti; jew
barra minn konsorzju fuq il-bastimenti tal-membru jew ta’ partijiet terzi.
3. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 għandha tkompli tapplika jekk is-sehem fis-suq li saret referenza għalih fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinqabeż matul perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi b’mhux aktar minn wieħed minn għaxra.
4. Meta jinqabeż wieħed mil-limiti speċifikati fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jkun inqabeż. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż għal 12-il xahar jekk l-ammont li jkun jaqbeż il-limitu jkun dovut għall-irtirar mis-suq ta’ trasportatur li mhuwiex membru tal-konsorzju.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet oħra
Sabiex jikkwalifika għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3, konsorzju għandu jagħti lill-membri d-dritt li jirtiraw minnu mingħajr ebda penali finanzjarja jew penali oħra bħalma hu, b’mod partikolari, l-obbligu li jwaqqaf l-attività kollha ta’ trasport fis-suq jew swieq ikkonċernati, kemm jekk marbut mal-kundizzjoni li dik l-attività tista’ titkompla wara li jkun għadda perjodu stipulat u kemm jekk le. Dak id-dritt għandu jkun soġġett għal perjodu massimu ta’ preavviż ta’ sitt xhur. Madanakollu, il-konsorzju jista’ jistipula li tali preavviż jista’ jingħata biss wara perjodu inizjali ta’ massimu ta’ 24 xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-akkordju jew, jekk wara din id-data, mill-bidu tas-servizz.
Fil-każ ta’ konsorzju li jkun ferm integrat il-perjodu massimu ta’ preavviż jista’ jiġi estiż għal 12-il xahar u l-konsorzju jista’ jistipula li tali preavviż jista’ jingħata biss wara perjodu inizjali ta’ massimu ta’ 36 xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-akkordju jew, jekk wara din id-data, mill-bidu tas-servizz.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ April 2010.
Tapplika sal-25 ta’ April 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.