2009R0874 — MT — 22.09.2016 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 874/2009

tas-17 ta’ Settembru 2009

li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

(tfassil mill-ġdid)

(ĠU L 251 24.9.2009, p. 3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1448 tal-1 ta' Settembru 2016

  L 236

1

2.9.2016




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 874/2009

tas-17 ta’ Settembru 2009

li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

(tfassil mill-ġdid)



TITOLU I

IL-PARTIJIET FIL-PROĊEDIMENTI, L-UFFIĊĊJU U L-UFFIĊĊJI TAL-EŻAMI



KAPITOLU I

IL-Partijiet fil-Proċedimenti

Artikolu 1

Il-partijiet fil-proċedimenti

1.  Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu parti fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti, minn issa ’l quddiem magħruf bħala “l-Uffiċċju”:

(a) l-applikant għad-dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta;

(b) dak li joġġezzjona, imsemmi fl-Artikolu 59(2) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, minn issa ’l quddiem “ir-Regolament Bażiku”;

(ċ) id-detentur jew id-detenturi tad-dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta, minn issa ’l quddiem “id-detentur”;

(d) kull persuna li l-applikazzjoni jew it-talba tagħha jkunu meħtieġa bil-quddiem sabiex tittieħed deċiżjoni mill-Uffiċċju.

2.  L-Uffiċċju jista’ jippermetti l-parteċipazzjoni fil-proċedimenti ta’ kull persuna, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, li tkun direttament u individwalment ikkonċernata, fuq talba bil-miktub.

3.  Kull persuna naturali jew legali kif ukoll kull korp li jikkwalifika bħala persuna legali skont il-liġijiet li japplikaw għal dan il-korp għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuna fit-tifsira tal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 2

In-nomina tal-partijiet fil-proċedimenti

▼M1

1.  Il-partijiet għall-proċedimenti għandhom jiġu nnominati b'isimhom, l-indirizz u l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom, meta l-parti kkonċernata tuża indirizz elettroniku.

2.  Persuni naturali għandhom ikunu indikati bil-kunjom u bl-ismijiet tagħhom. Persuni legali kif ukoll kumpaniji jew ditti kummerċjali għandhom ikunu indikati bl-ismijiet uffiċjali tagħhom, kif irreġistrat fl-Istat Membru rispettiv jew fil-pajjiż terz.

▼B

3.  L-indirizzi għandu jkun fihom kull tagħrif amministrattiv rilevanti, inkluż l-isem tal-Istat li fih il-parti fil-proċedimenti tkun residenti jew fejn jinsab is-sede jew l-istabbiliment tagħha. Għandu preferibbilment jiġi indikat indirizz wieħed biss għal kull parti fil-proċedimenti; meta jiġu indikati diversi indirizzi, għandu jitqies biss l-indirizz imsemmi l-ewwel, għajr meta l-parti fil-proċedimenti tinnomina wieħed mill-indirizzi l-oħra bħala indirizz għan-notifika.

Il-President tal-Uffiċċju għandu jiddetermina d-dettalji li jikkonċernaw l-indirizz, inkluż kwalunkwe dettall rilevanti ta’ rabtiet ta’ komunikazzjoni tad-data oħra.

4.  Meta parti fil-proċedimenti tkun persuna legali, għandha wkoll tkun iddenominata bl-isem u l-indirizz tal-persuna naturali li tirrappreżenta legalment lill-parti fil-proċedimenti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal tali persuna naturali.

L-Uffiċċju jista’ jippermetti derogi mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu.

5.  Meta l-Kummissjoni jew Stat Membru jkunu parti fil-proċedimenti, għandhom jikkomunikaw rappreżentant għal kull seduta li fiha jieħdu parti.

Artikolu 3

L-ilsna tal-partijiet fil-proċedimenti

1.  Ilsien, li jkun ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, magħżul minn parti fil-proċedimenti għall-użu fid-dokument sottomess l-ewwel lill-Uffiċċju u ffirmat għall-iskop tas-sottomissjoni, għandu jintuża mill-parti fil-proċedimenti sakemm tingħata deċiżjoni finali mill-Uffiċċju.

▼M1

Suċċessur fit-titolu kif imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku jista' madankollu jitlob li fil-ġejjieni, matul il-proċedimenti, tintuża lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, sakemm din it-talba titressaq mad-dħul tat-trasferiment ta' dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità fir-Reġistru tad-Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità.

▼B

2.  Jekk parti fil-proċedimenti tippreżenta dokument iffirmat għal dan l-iskop minnha f’ilsien uffiċjali ieħor tal-Unjoni Ewropea għajr dak li jrid jintuża skont il-paragrafu 1, id-dokument għandu jitqies li jkun ġie rċevut meta l-Uffiċċju jkollu traduzzjoni tiegħu, ipprovvduta mis-servizzi l-oħra. L-Uffiċċju jista’ jippermetti derogi minn din il-ħtieġa.

3.  Jekk, fil-proċedimenti orali, parti tuża lsien li mhux l-ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea użat mill-membri kompetenti tal-persunal tal-Uffiċċju, mill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti, jew mit-tnejn, u dan ikun l-ilsien li jrid jintuża minnha, għandha tipprovdi għall-interpretazzjoni simultanja ta’ dan l-ilsien uffiċjali. Jekk ma tiġix ipprovduta tali interpretazzjoni, il-proċedimenti orali jistgħu jissoktaw fl-ilsna użati mill-membri kompetenti tal-persunal tal-Uffiċċju u mill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti.

Artikolu 4

L-ilsna fil-proċedimenti orali u fis-smigħ tax-xhieda

1.  Kull parti fil-proċedimenti u kull xhud jew espert li jagħti x-xhieda fil-proċedimenti orali jistgħu jużaw kull ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M1

2.  Jekk it-teħid tax-xhieda msemmija fil-paragrafu 1 ikun permess fuq talba ta' parti għall-proċedimenti, allura, jekk parti għall-proċedimenti, xhud jew espert ma jkunux jistgħu jesprimu ruħhom b'mod adegwat f'lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dawn jistgħu jinstemgħu biss jekk il-parti li tkun għamlet it-talba tipprovdi għall-interpretazzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea użata konġuntament mill-partijiet kollha għall-proċedimenti jew mill-membri tal-persunal tal-Uffiċċju.

Partijiet għall-proċedimenti, xhud jew espert, u l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju jew tal-Bord tal-Appell jistgħu jifthiemu li matul il-proċedimenti orali tintuża waħda biss mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropej.

L-Uffiċċju jista' jippermetti derogi mill-ewwel subparagrafu.

▼B

3.  Id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-membri tal-persunal tal-Uffiċċju, mill-partijiet fil-proċedimenti, mix-xhieda jew mill-esperti f’wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea matul il-proċedimenti orali jew matul it-teħid tax-xhieda, għandhom jitniżżlu fil-minuti fl-ilsien użat. Id-dikjarazzjonijiet magħmula f’kull ilsien ieħor għandhom jitniżżlu fl-ilsien użat mill-membri tal-persunal tal-Uffiċċju.

Artikolu 5

It-traduzzjoni tad-dokumenti tal-partijiet fil-proċedimenti

▼M1

1.  Fil-każ li parti għall-proċedimenti tippreżenta dokument f'lingwa li ma tkunx lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju jista' jitlob mingħand dik il-parti, traduzzjoni ta' dak id-dokument f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tintuża minn din il-parti jew mill-membri tal-persunal tal-Uffiċċju jew tal-Bord tal-Appell.

2.  Meta traduzzjoni ta' dokument tkun ġiet ippreżentata minn parti għall-proċedimenti, l-Uffiċċju jista' jeħtieġ is-sottomissjoni, fiż-żmien li jispeċifika hu, ta' ċertifikat li jiddikjara li t-traduzzjoni tikkorrispondi mat-test oriġinali. It-traduzzjonijiet ta' dokumenti twal, jistgħu jkunu limitati għal estratti jew sommarji. L-Uffiċċju jew il-Bord tal-Appell jista' madankollu, fuq mozzjoni tiegħu stess jew fuq talba ta' parti għall-proċedimenti, f'kwalunkwe ħin jesiġi traduzzjoni aktar estensiva jew kompleta ta' dawn id-dokumenti.

Il-partijiet għall-proċedimenti u l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju jew tal-Bord tal-Appell jistgħu jaqblu li jkollhom traduzzjoni ta' dokument f'waħda biss mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼B

3.  In-nuqqas li jiġu ppreżentati t-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jwassal sabiex id-dokument jitqies li ma ġiex irċevut.



KAPITOLU II

L-Uffiċċju



Taqsima 1

Il-Kumitati tal-Uffiċċju

Artikolu 6

Il-kwalifiki tal-membri tal-Kumitati

1.  Il-Kumitati msemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament Bażiku għandhom, fid-diskrezzjoni tal-President tal-Uffiċċju, ikunu komposti minn membri tekniċi jew ikkwalifikati fil-liġi, jew it-tnejn.

2.  Membru tekniku għandu jkollu grad universitarju, jew ikun ikkwalifikat b’esperjenza rrikonoxxuta, fil-qasam tax-xjenza tal-pjanti.

▼M1

3.  Membru kkwalifikat fil-liġi għandu jkun gradwat fil-liġi b'esperjenza rrikonoxxuta fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, fid-drittijiet tal-varjetà tal-pjanti jew fir-reġistrazzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti.

▼B

Artikolu 7

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat

1.  Kumitat, minbarra li jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament Bażiku, għandu jittratta:

 in-nuqqas tas-sospensjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Bażiku,

 ir-reviżjoni interlokutorja skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Bażiku,

 ir-restitutio in integrum skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Bażiku, u

 it-tqassim tal-ispejjeż skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 75 tar-Regolament preżenti.

2.  Deċiżjoni tal-Kumitat għandha tittieħed mill-maġġoranza tal-membri tiegħu.

Artikolu 8

Is-setgħa tal-membri individwali tal-Kumitati

1.  Il-Kumitat għandu jinnomina wieħed mill-membri tiegħu bħala rapporteur f’ismu.

2.  Ir-rapporteur jista’ b’mod partikolari:

(a) jaqdi d-dmirijiet skont l-Artikolu 25 u jimmonitorja r-rapporti sottomessi mill-Uffiċċji tal-Eżami, imsemmija fl-Artikoli 13 u 14;

(b) isegwi l-proċedura ġewwa l-Uffiċċju, inkluża l-komunikazzjoni ta’ kull nuqqas li jrid jiġi rrimedjat minn kull waħda mill-partijiet fil-proċedimenti u l-iffissar tal-limiti taż-żmien; u

(c) jiżgura l-konsultazzjoni mill-qrib u l-bdil tat-tagħrif mal-partijiet fil-proċedimenti.

Artikolu 9

Ir-Rwol tal-President

Il-President tal-Uffiċċju għandu jiżgura l-konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda taħt l-awtorità tiegħu. Għandu b’mod partikolari jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Bażiku, u wkoll id-deċiżjonijiet skont l-Artikoli 61, 62, 63 jew 66 ta’ dan ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 10

Il-konsultazzjonijiet

Il-membri tal-persunal tal-Uffiċċju jistgħu jużaw, mingħajr ħlas, l-istabbilimenti tal-aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament Bażiku, u dawk tal-Uffiċċji tal-Eżamijiet u tal-aġenziji msemmija fl-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 rispettivament ta' dan ir-Regolament, sabiex jiġu organizzati konsultazzjonijiet perjodiċi mal-partijiet għall-proċedimenti u ma' terzi persuni.

▼B



Taqsima 2

Il-Bordijiet tal-Appell

Artikolu 11

Il-Bordijiet tal-Appell

1.  Bil-għan li jiddeċiedi l-appelli mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament Bażiku, huwa stabbilit Bord tal-Appell. Jekk meħtieġ, il-Kunsill Amministrattiv jista’, fuq proposta mill-Uffiċċju, jistabbilixxi aktar Bordijiet tal-Appell. F’dan il-kaz, għandu jistabbilixxi l-allokazzjoni tax-xogħol bejn il-Bordijiet tal-Appell hekk stabbiliti.

2.  Kull Bord tal-Appell għandu jikkonsisti minn membri tekniċi u kkwalifikati fil-liġi. L-Artikolu 6(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis. Il-President għandu jkun membru kkwalifikat fil-liġi.

3.  L-eżami ta’ kull appell għandu jiġi assenjat mill-President tal-Bord tal-Appell lil wieħed mill-membri tiegħu bħala rapporteur. Din l-assenjazzjoni tista’ tinkludi, meta xieraq, it-teħid tax-xhieda.

4.  Id-deċiżjonijiet mill-Bord tal-Appell għandhom jittieħdu mill-maġġoranza tal-membri tagħhom.

▼M1

5.  Il-President u l-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jirċievu remunerazzjoni biex iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Din ir-remunerazzjoni għandha tkun iddeterminata mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju u tkun ibbażata fuq proposta mill-President tal-Uffiċċju.

▼B

Artikolu 12

Reġistru abbinat ma’ Bord tal-Appell

1.  Il-President tal-Uffiċċju għandu jistabbilixxi reġistru mal-Bord tal-Appell; il-membri tal-persunal tal-Uffiċċju għandhom ikunu esklużi mir-reġistru jekk ikunu pparteċipaw fil-proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mad-deċiżjonijiet taħt appell.

2.  L-impjegati tar-reġistru għandhom b’mod partikolari jkunu responsabbli minn:

 it-tfassil tal-minuti fil-proċedimenti orali u t-teħid tax-xhieda skont l-Artikolu 63 ta’ dan ir-Regolament,

 it-tqassim tal-ispejjeż skont l-Artikolu 85(5) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 76 ta’ dan ir-Regolament, u

 il-konferma ta’ kull ftehim dwar l-ispejjeż imsemmi fl-Artikolu 77 ta’ dan ir-Regolament.



KAPITOLU III

L-Uffiċċji tal-EŻAMI

Artikolu 13

In-nomina ta’ Uffiċċju tal-Eżami msemmi fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Bażiku

▼M1

1.  Meta l-Kunsill Amministrattiv jafda l-uffiċċju kompetenti fi Stat Membru bir-responsabbiltà tal-eżami tekniku għal ċerti ġeneri jew speċijiet, il-President tal-Uffiċċju għandu jinnotifika n-nomina lil dan l-uffiċċju, minn issa 'l quddiem “l-Uffiċċju tal-Eżamijiet”, b'dak il-fatt, minn issa 'l quddiem imsemmi bħala “n-nomina tal-Uffiċċju tal-Eżamijiet”. Din iin-nomina għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' dik in-notifika. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-emenda jew għall-kanċellament tan-nomina ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet, bla ħsara għall-Artikolu 15(6) ta' dan ir-Regolament.

▼M1

1a.  Il-Kunsill Amministrattiv jista' jagħmel in-nomina ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet, jew l-estensjoni tal-kamp tal-applikazzjoni ta' nomina eżistenti ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti, il-linji gwida u l-proċeduri rilevanti tal-Uffiċċju.

Jekk Uffiċċju tal-Eżamijiet juża korpi teknikament kwalifikati msemmija fl-Artikolu 56(3) tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju tal-Eżamijiet għandu jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti, mal-linji gwida u mal-proċeduri rilevanti tal-Uffiċċju.

L-Uffiċċju għandu jwettaq awditu biex jivverifika jekk l-Uffiċċju tal-Eżamijiet jikkonformax mar-rekwiżiti, il-linji gwida u l-proċeduri rilevanti tal-Uffiċċju. Wara li jkun sar awditu, l-Uffiċċju għandu jħejji rapport ta' awditjar.

Il-Kunsill Amministrattiv għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar in-nomina ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet fuq ir-rapport ta' awditjar mħejji mill-Uffiċċju.

1b.  Għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' nomina eżistenti ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet mibdija mill-Uffiċċju, il-Kunsill Amministrattiv jista', fin-nuqqas ta' rapport ta' awditjar, jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq rapport imħejji mill-Uffiċċju li fih tkun ġiet vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti, il-linji gwida u l-proċeduri rilevanti tal-Uffiċċju.

Għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' nomina eżistenti ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet mibdija minn Uffiċċju tal-Eżamijiet, il-Kunsill Amministrattiv għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq rapport ta' awditjar imħejji mill-Uffiċċju.

1c.  Abbażi ta' rapport ta' awditjar, il-Kunsill Amministrattiv jista' jiddeċiedi li jikkanċella jew inaqqas il-kamp ta' applikazzjoni ta' nomina eżistenti ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet.

Fuq talba minn Uffiċċju tal-Eżamijiet, li l-Uffiċċju jkun jaqbel magħha, jista' jitnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni ta' nomina eżistenti ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet. L-Uffiċċju għandu jimplimenta t-tnaqqis fil-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 15(1).

▼B

2.  Membru tal-persunal tal-Uffiċċju tal-Eżami li jieħu parti f’eżami tekniku ma għandu jitħalla jagħmel l-ebda użu mhux awtorizzat ta’, jew jiżvela lill-ebda persuna mhux awtorizzata, fatti, dokumenti u tagħrif li jsir jaf bihom matul l-eżami tekniku jew f’konnessjoni miegħu. Għandu jissokta jkun marbut b’dan l-obbligu wara t-tmiem tal-eżami tekniku kkonċernat, wara li jħalli s-servizz u wara l-kanċellament tan-nomina tal-Uffiċċju tal-Eżami kkonċernat.

3.  Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għall-materjal tal-varjetà tal-pjanta li jkun sar disponibbli lill-Uffiċċju tal-Eżami mill-applikant.

▼M1

L-Uffiċċju jista' jiżviluppa prinċipji ta' gwida dwar l-użu minn Uffiċċji tal-Eżamijiet ta' materjal tal-pjanti li jkun ġie sottomess għal testijiet ta' distintività, ta' uniformità u ta' stabbiltà fil-qafas tal-applikazzjonijiet għal dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità. Dawn il-prinċipji ta' gwida jistgħu jinkludu kundizzjonijiet li skonthom jista jiġi trasferit it-tali materjal tal-pjanti bejn l-Uffiċċji tal-Eżamijiet.

▼B

4.  L-Uffiċċju għandu jimmonitorja l-konformità mal-paragrafi 2 u 3 u għandu jiddeċiedi dwar l-esklużjoni tal-membri tal-persunal tal-Uffiċċji tal-Eżami jew l-oġġezzjonijiet imressqa kontra tagħhom skont l-Artikolu 81(2) tar-Regolament Bażiku.

▼M1

L-Artikolu 14

In-nomina ta' aġenzija jew l-istabbiliment ta' subuffiċċju msemmija fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament Bażiku

1.  Meta l-Uffiċċju jkun beħsiebu jafda aġenzija bir-responsabbiltà għall-eżami tekniku tal-varjetajiet skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament Bażiku, minn hawn 'il quddiem “in-nomina ta' aġenzija”, dan għandu jittrażmetti lill-Kunsill Amministrattiv għall-kunsens tiegħu dikjarazzjoni ta' spjega dwar kemm hija addattata teknikament dik l-aġenzija bħala Uffiċċju tal-Eżamijiet. L-Artikolu 13(1a), (1b) u (1c) għandu japplika mutatis mutandis.

▼B

2.  Meta l-Uffiċċju jkun beħsiebu jistabbilixxi s-subuffiċċju tiegħu nnifsu għall-eżami tekniku tal-varjetajiet skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament Bażiku, għandu jittrażmetti dikjarazzjoni ta’ spjega dwar kemm huwa teknikament u ekonomikament xieraq li jiġi stabbilit dan is-subuffiċċju għal dan il-għan u dwar is-sit ta’ dan is-subuffiċċju lill-Kunsill Amministrattiv għall-kunsens tiegħu.

▼M1

3.  Meta l-Kunsill Amministrattiv jagħti l-kunsens tiegħu għad-dikjarazzjonijiet ta' spjega msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-President tal-Uffiċċju għandu jinnotifika n-nomina ta' aġenzija lill-aġenzija kkonċernata, jew jista' jippubblika l-istabbiliment ta' subuffiċċju f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali nomina jew stabbiliment jistgħu jitħassru biss bil-kunsens tal-Kunsill Amministrattiv. L-Artikolu 13(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis għall-membri tal-persunal tal-aġenzija msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

▼B

Artikolu 15

Il-proċedura għan-nomina

▼M1

1.  In-nomina ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet jew aġenzija għandha ssir bi ftehim bil-miktub bejn l-Uffiċċju u l-Uffiċċju tal-Eżamijiet jew l-aġenzija, li jipprevedi t-twettiq mill-Uffiċċju tal-Eżamijiet jew l-Aġenzija tal-eżami tekniku tal-varjetajiet tal-pjanti għal ċerti ġeneri jew speċijiet u għall-ħlas tal-miżata minn naħa tal-Uffiċċju msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament Bażiku. Fil-każ ta' subuffiċċju msemmi fl-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament, l-istabbiliment għandu jsir skont ir-regoli interni dwar il-metodi tax-xogħol maħruġa mill-Uffiċċju.

2.  L-effett tal-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun tali li l-atti mwettqa wara l-iffirmar ta' dak il-ftehim jew li jridu jitwettqu mill-membri tal-persunal tal-Uffiċċju tal-Eżamijiet skont il-ftehim għandhom jiġu kkunsidrati, safejn u sakemm jinteressa lil partijiet terzi, bħala atti tal-Uffiċċju.

▼B

3.  Meta l-Uffiċċju tal-Eżami jkun beħsiebu juża s-servizzi ta’ korpi oħra teknikament ikkwalifikati skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament Bażiku, dawn il-korpi għandhom jissemmew fil-ftehim bil-miktub mal-Uffiċċju. L-Artikolu 81(2) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 13(2) u (3) ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-persunal ikkonċernati, li għandhom jiffirmaw impenn bil-miktub li jħarsu l-kunfidenzjalità.

4.  L-Uffiċċju għandu jħallas lill-Uffiċċju tal-Eżami tariffa talli jwettaq l-eżami tekniku, fuq il-bażi tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż imġarrba. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jistabbilixxi metodi uniformi għall-kalkolu tal-ispejjeż u elementi kostituttivi tal-ispejjeż uniformi, li għandhom japplikaw għall-Uffiċċji tal-Eżami nnominati kollha.

▼M1

5.  L-Uffiċċju tal-Eżamijiet, fuq talba, għandu jissottometti perjodikament lill-Uffiċċju rendikont tal-ispejjeż tal-eżamijiet tekniċi mwettqa u tal-manteniment tal-ġabriet ta' referenza meħtieġa. Fiċ-ċirkostanzi ddikjarati fil-paragrafu 3, għandu jiġi sottomess rapport separat ta' awditjar tal-korpi lill-Uffiċċju mill-Uffiċċju tal-Eżamijiet.

Fiċ-ċirkostanzi ddikjarati fil-paragrafu 3, l-Uffiċċju tal-Eżamijiet għandu jqis l-ispejjeż imġarrba minn korp bħal dan. L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi l-format tar-rendikont tal-ispejjeż. Jekk, wara żewġ talbiet mill-Uffiċċju, l-Uffiċċju tal-Eżamijiet jonqos milli jipprovdi lill-Uffiċċju r-rendikont tal-ispejjeż fit-terminu ta' żmien stabbilit mill-Uffiċċju, il-ħlas imsemmi fil-paragraph 4 jista' jitnaqqas b'20 %.

6.  Kull kanċellament jew emenda ta' nomina ta' Uffiċċju tal-Eżamijiet jew aġenzija ma għandux/għandhiex jidħol/tidħol fis-seħħ qabel il-jum meta tidħol fis-seħħ ir-revoka tal-ftehim bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1.

▼B



TITOLU II

IL-PROĊEDIMENTI SPEĊIFIĊI QUDDIEM L-UFFIĊĊJU



KAPITOLU I

L-Applikazzjoni għal dritt komunitarju għall-Varjetà ta’ Pjanta



Taqsima 1

L-azzjonijiet tal-applikant

Artikolu 16

It-tressiq tal-applikazzjoni

1.  L-applikazzjoni għal dritt Komunitarju għal varjetajiet ta’ pjanti għandha tiġi ppreżentata fl-Uffiċċju, fl-aġenziji nazzjonali nnominati jew fis-subuffiċċji stabbiliti skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Bażiku.

Fejn l-applikazzjoni tiġi ppreżentata fl-Uffiċċju, tista’ tiġi ppreżentata bħala karta jew elettronikament. Fejn tiġi ppreżentata fl-aġenziji nazzjonali jew fis-subuffiċċji, għandha tiġi ppreżentata bħala karta f’żewġ kopji.

2.  It-“tagħrif” mibgħut lill-Uffiċċju f’konformità ma l-Artikolu 49(1)(b) tar-Regolament Bażiku għandu jkun fih:

 il-partikolaritajiet sabiex jidentifikaw lill-applikant u, meta xieraq, ir-rappreżentant proċedurali tiegħu,

 l-aġenzija nazzjonali jew is-subuffiċċju li fihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta, u

 id-deskrizzjoni proviżorja tal-varjetà kkonċernata.

3.  L-Uffiċċju għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, il-formoli li ġejjin:

(a) formola tal-applikazzjoni u kwestjonarju tekniku, bil-għan li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju għal varjetajiet ta’ pjanti;

(b) formola sabiex jitwassal it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2, li tindika l-konsegwenzi ta’ kull nuqqas jekk dan ma jsirx.

4.  L-applikant għandu jimla u jiffirma l-formoli stipulati fil-paragrafu 3. Fejn l-applikazzjoni tkun sottomessa elettronikament, din għandha tkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(3) fir-rigward tal-firma.

Artikolu 17

L-irċevuta tal-applikazzjoni

▼M1

1.  Meta aġenzija nazzjonali jew subuffiċċju li jeżerċitaw funzjonijiet amministrattivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament bażiku jirċievu applikazzjoni, dawn għandhom, b'mezzi elettroniċi, jibagħtu lill-Uffiċċju konferma ta' riċevuta u jgħaddu l-applikazzjoni skont l-Artikolu 49(2) tar-Regolament Bażiku. Il-konferma tal-irċevuta għandha tinkludi n-numru tal-fajl tal-aġenzija nazzjonali jew tas-subuffiċċju, in-natura u n-numru tad-dokumenti mibgħuta u d-data ta' meta tkun waslet fl-aġenzija nazzjonali jew fis-subuffiċċju. L-aġenzija nazzjonali jew is-subuffiċċju għandu jibgħat lill-applikant kopja tal-konferma tar-riċevuta mibgħuta lill-Uffiċċju, b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra.

2.  Meta l-Uffiċċju jirċievi applikazzjoni mill-applikant direttament jew permezz ta' subuffiċċju jew aġenzija nazzjonali, għandu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra, jimmarka d-dokumenti li jagħmlu parti mill-applikazzjoni bin-numru tal-fajl u bid-data ta' meta tkun ġiet irċevuta fl-Uffiċċju, u għandu joħroġ irċevuta lill-applikant. L-irċevuta għandha tinkludi n-numru tal-fajl tal-Uffiċċju, in-natura u n-numru tad-dokumenti rċevuti, id-data ta' meta jkunu ġew irċevuti fl-Uffiċċju u d-data tal-applikazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 51 tar-Regolament Bażiku. Kopja tal-irċevuta għandha tiġi transmessa lill-aġenzija nazzjonali jew lis-subuffiċċju li permezz tagħhom l-Uffiċċju jkun irċieva l-applikazzjoni.

▼B

3.  Jekk l-Uffiċċju jirċievi applikazzjoni permezz ta’ subuffiċċju jew aġenzija nazzjonali aktar minn xahar wara li tkun ġiet ippreżentata mill-applikant, id-“data tal-applikazzjoni” fit-tifsira tal-Artikolu 51 tar-Regolament Bażiku ma għandhiex tkun aktar kmieni mid-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta fl-Uffiċċju, għajr jekk l-Uffiċċju jistabbilixxi fuq il-bażi ta’ provi dokumentali suffiċjenti illi l-applikant ikun għaddielu tagħrif skont l-Artikolu 49(1)(b) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 50(1) tar-Regolament Bażiku

1.  Jekk l-Uffiċċju jsib li l-applikazzjoni ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 50(1) tar-Regolament Bażiku, għandu jinnotifika lill-applikant bin-nuqqasijiet li jkun sab, fejn jiddikjara illi dik id-data biss li fiha jirċievi tagħrif biżżejjed li jirrimedja dawn id-defiċjenzi għandha tiġi ttrattata bħala d-data tal-applikazzjoni għall-għanijiet tal-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament.

2.  Applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 50(1)(i) tar-Regolament Bażiku biss sakemm jiġu indikati d-data u l-pajjiż ta’ kull l-ewwel dispożizzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-Regolament, jew jekk, fin-nuqqas ta’ dan, issir dikjarazzjoni illi ma tkun saret l-ebda dispożizzjoni bħal din.

▼M1

3.  Applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 50(1)(j) tar-Regolament Bażiku biss jekk id-data u l-pajjiż mogħtija fi kwalunke applikazzjoni li tkun saret aktar qabel għall-varjetà jkunu indikati, safejn ikun jaf l-applikant, fir-rigward ta':

(a) applikazzjoni għal dritt tal-propjetà rigward il-varjetà, fi Stat Membru jew f'Membru tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (“UPOV”); kif ukoll

(b) applikazzjoni għall-aċċettazzjoni uffiċjali tal-varjetà għaċ-ċertifikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni meta l-aċċettazzjoni uffiċjali tinkludi deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà.

▼B

Artikolu 19

Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament Bażiku

1.  Jekk l-Uffiċċju jsib illi l-applikazzjoni ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jew tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 17(2) tiegħu, imma jkun jeħtieġ li l-applikant jirrimedja n-nuqqasijiet li jkun sab f’dak il-limitu taż-żmien li jispeċifika. Meta dawn id-defiċjenzi ma jiġux irrimedjati fi żmien f’waqtu, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-applikazzjoni mingħajr dewmien, skont l-Artikolu 61(1)(a) tar-Regolament Bażiku.

▼M1

2.  L-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja fuq il-formola tal-applikazzjoni jew il-kwestjonarju tekniku msemmija fl-Artikolu 16(3)(a), fejn rilevanti:

(a) l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-applikant, u n-nomina tiegħu bħala parti għall-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 2, u fejn xieraq, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant proċedurali;

(b) fejn l-applikant ma jkunx dak li jnissel il-pjanti, l-isem u l-indirizz ta' min inissel u l-intitolament tiegħu għal dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità;

(c) l-isem xjentifiku tal-ġeneru, l-ispeċi jew is-subspeċi li għalihom tappartjeni l-varjetà, u l-isem komuni;

(d) id-denominazzjoni tal-varjetà jew, fin-nuqqas ta' din, id-denominazzjoni provviżorja;

(e) il-lokalità li fiha l-varjetà kienet imkabbra jew ġiet misjuba u żviluppata, kif ukoll iż-żamma u l-propagazzjoni tal-varjetà, inkluż tagħrif dwar il-karatteristiċi, u l-kultivazzjoni ta' kull varjetà jew varjetajiet oħra li l-materjal tagħhom irid jiġi użat ripetutament għall-produzzjoni tal-varjetà. Għal materjal li għandu jiġi użat ripetutament għall-produzzjoni tal-varjetà, l-applikant jista' jipprovdi informazzjoni dwar tali materjal, jekk huwa jitlob dan, fil-forma pprovduta mill-Uffiċċju skont l-Artikolu 86;

(f) il-karatteristiċi tal-varjetà, inkluż l-istat ta' espressjoni għal ċerti karatteristiċi bbażat fuq il-kwestjonarju tekniku msemmi fl-Artikolu 16(3)(a);

(g) fejn xieraq, varjetajiet simili u differenti minn dawk il-varjetajiet, li, fl-opinjoni tal-applikant, huma rilevanti għall-eżami tekniku;

(h) informazzjoni addizzjonali li tista' tgħin biex tiddistingwi l-varjetà, inklużi ritratti bil-kulur rappreżentattivi tal-varjetà u informazzjoni oħra dwar il-materjal tal-pjanti li għandu jiġi eżaminat matul l-eżami tekniku;

(i) meta jkun xieraq, il-karatteristiċi li jkunu ġew immodifikati ġenetikament, meta l-varjetà interessata tirrappreżenta organiżmu mmodifikat ġenetikament fit-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(j) id-data ta' kull bejgħ jew l-ewwel disponiment lil oħrajn, ta' konstitwenti varjetali jew ta' materjal maħsud tal-varjetà, biex tiġi sfruttata l-varjetà fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew f'pajjiż terz wieħed jew aktar, jew biex tiġi evalwata jekk hijiex varjetà ġdida skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku, jew dikjarazzjoni illi dan il-bejgħ jew l-ewwel disponiment għadu ma sarx;

(k) in-nomina tal-awtorità li għandha tkun saret l-applikazzjoni, u n-numru tal-fajl tal-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(3) ta' dan ir-Regolament;

(l) drittijiet tal-varjetà tal-pjanti eżistenti nazzjonali jew reġjonali li jkunu ngħataw lil din il-varjetà;

(m) jekk applikazzjoni għall-varjetà kkonċernata tkun ġiet sottomessa għal inklużjoni f'lista jew reġistrazzjoni jew tkun ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE ( 2 ), l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE ( 3 ), l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE ( 4 ) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/97/UE ( 5 ).

▼B

3.  L-Uffiċċju jista’ jitlob kull tagħrif jew dokumentazzjoni, u, jekk meħtieġ, tpinġijiet jew ritratti biżżejjed sabiex jitwettaq l-eżami tekniku fil-limitu taż-żmien li jispeċifika.

4.  Meta l-varjetà kkonċernata tirrappreżenta organiżmu modifikat ġenetikament fit-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Uffiċċju jista’ jitlob lill-applikant sabiex jittrażmetti kopja tal-attestazzjoni bil-miktub tal-awtoritajiet responsabbli li tiddikjara illi eżami tekniku tal-varjetà skont l-Artikoli 55 u 56 tar-Regolament Bażiku ma joħloqx riskji għall-ambjent skont id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 20

Il-pretensjoni għall-prijorità

Jekk l-applikant ikollu pretensjoni għal dritt ta’ prijorità rigward l-applikazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Bażiku, li ma tkunx l-aktar bikrija minn dawk indikati fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-Regolament, l-Uffiċċju għandu jiddikjara illi data ta’ prijorità tista’ tingħata biss lil dik l-applikazzjoni aktar bikrija. Meta l-Uffiċċju jkun ħareġ irċevuta li tinkludi d-data tat-tressiq ta’ applikazzjoni li ma tkunx l-aktar waħda bikrija minn dawk indikati, id-data ta’ prijorità nnotifikata għandha tkun meqjusa nulla.

Artikolu 21

L-intitolament għal dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta waqt il-proċedimenti

1.  Meta kawża mibdija kontra applikant rigward pretensjoni msemmija fl-Artikolu 98(4) tar-Regolament Bażiku tkun iddaħħlet fir-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti, l-Uffiċċju jista’ jissospendi l-proċedimenti tal-applikazzjoni. L-Uffiċċju jista’ jiffissa data li fiha jkun beħsiebu jissokta bil-proċedimenti pendenti quddiemu.

2.  Meta jiddaħħlu deċiżjoni finali tal-kawża msemmija fil-paragrafu 1, jew kull terminazzjoni oħra tagħha, fir-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti, l-Uffiċċju għandu jissokta bil-proċedimenti. Jista’ jibdihom mill-ġdid f’data aktar bikrija, imma mhux qabel id-data diġà ffissata skont il-paragrafu 1.

3.  Meta intitolament għal dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta jiġi ttrasferit b’mod validu lil persuna oħra għall-iskopijiet tal-Uffiċċju, din il-persuna tista’ tissokta bl-applikazzjoni tal-ewwel applikant daqslikieku kienet tagħha nfisha, sakemm tgħarraf b’dan lill-Uffiċċju fi żmien xahar mid-dħul tas-sentenza finali fir-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti. It-tariffi dovuti skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Bażiku u diġà mħallsa mill-ewwel applikant għandhom jitqiesu bħala mħallsa mill-applikant sussegwenti.



Taqsima 2

It-twettiq tal-eżami tekniku

Artikolu 22

Id-deċiżjoni fuq il-linji gwida tat-test

1.  Fuq proposta tal-President tal-Uffiċċju, il-Kunsill Amminstrattiv għandu jieħu deċiżjoni dwar il-linji gwida tat-test. Id-data tad-deċiżjoni u l-ispeċijiet ikkonċernati minnha għandhom jiġu ppubblikati fil Gazzetta Uffiċjali msemmija fl-Artikolu 87.

2.  Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kunsill Amministrattiv dwar il-linji gwida tat-test, il-President tal-Uffiċċju jista’ jagħti deċiżjoni proviżorja dwar dan. Id-deċiżjoni proviżorja għandha tiskadi fid-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv. Meta d-deċiżjoni proviżorja tal-President tal-Uffiċċju tiddevja mid-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv, ma għandux jiġi affettwat eżami tekniku mibdi qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv. Il-Kunsill Amministrattiv jista’ jiddeċiedi xorta oħra jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu dan.

▼M1

3.  Fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kunsill Amministrattiv jew deċiżjoni provviżorja tal-President tal-Uffiċċju kif imsemmi fil-paragrafu 2, dwar il-linji gwida tat-test stabbilit mill-Uffiċċju, għandhom japplikaw il-linji gwida għal kull ġeneru u speċi tal-UPOV. Fin-nuqqas ta' tali linji gwida, jistgħu jintużaw linji gwida nazzjonali żviluppati minn awtorità kompetenti li tkun responsabbli għall-eżami tekniku ta' varjetà ta' pjanta, sakemm il-President tal-Uffiċċju jaqbel ma' dan. L-awtorità kompetenti għandha tissottometti dawk il-linji gwida lill-Uffiċċju, u l-Uffiċċju għandu jippubblikahom fuq il-websajt tiegħu.

▼B

Artikolu 23

Is-setgħat mogħtija lill-President tal-Uffiċċju

1.  Meta l-Kunsill Amministrattiv jieħu deċiżjoni fuq il-linji gwida tat-test, għandu jinkludi setgħa li biha l-President tal-Uffiċċju jista’ jdaħħal karatteristiċi addizzjonali u l-espressjonijiet tagħhom rigward varjetà.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 24

In-notifika mill-Uffiċċju lill-Uffiċċju tal-Eżami

▼M1

Skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju għandu jittrażmetti lill-Uffiċċju tal-Eżamijiet d-dokumenti li ġejjin li għandhom x'jaqsmu mal-varjetà, f'format elettroniku:

▼B

(a) il-formola tal-applikazzjoni, il-kwestjonarju tekniku u kull dokument addizzjonali sottomess mill-applikant li jkun fih it-tagħrif meħtieġ għat-twettiq tal-eżami tekniku;

(b) il-formoli mimlija mill-applikant skont l-Artikolu 86 ta’ dan ir-Regolament;

(c) id-dokumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ oġġezzjoni msejsa fuq l-argument illi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 tar-Regolament Bażiku ma ġewx sodisfatti.

Artikolu 25

Il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-Uffiċċju tal-Eżami

Il-persunal tal-Uffiċċju tal-Eżami responsabbli mill-eżami tekniku u r-rapporteur innominat skont l-Artikolu 8(1) għandhom jikkooperaw f’kull fażi ta’ eżami tekniku. Il-kooperazzjoni għandha tkopri mill-anqas l-aspetti li ġejjin:

(a) il-monitoraġġ tat-twettiq tal-eżami tekniku, inkluż l-ispezzjoni tal-postijiet tal-plottijiet tat-test u l-metodi użati għat-testijiet mir-rapporteur;

(b) mingħajr preġudizzju għal investigazzjonijiet oħra mill-Uffiċċju, tagħrif mill-Uffiċċju tal-Eżami dwar dettalji kull disponiment preċedenti tal-varjetà; u

(c) is-sottomissjoni mill-Uffiċċju tal-Eżami ta’ rapporti interim dwar kull perjodu taż-żmien tat-tkabbir.

Artikolu 26

L-għamla tar-rapporti tal-eżami

1.  Ir-rapport tal-eżami msemmi fl-Artikolu 57 tar-Regolament Bażiku għandu jkun iffirmat mill-membru responsabbli tal-persunal tal-Uffiċċju tal-Eżami u għandu jirrikonoxxi espressament id-drittijiet esklużivi ta’ disponiment tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 57(4) ta’ dak ir-Regolament.

2.  Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kull rapport interim li jrid jiġi ssottomess lill-Uffiċċju. L-Uffiċċju tal-Eżami għandu joħroġ kopja ta’ kull rapport interim direttament lill-applikant.

Artikolu 27

Rapporti tal-eżami oħra

1.  Rapport tal-eżami fuq ir-riżultati ta’ eżamijiet tekniċi li jkunu saru jew li jkunu qed isiru għal skopijiet uffiċjali fi Stat Membru minn wieħed mill-uffiċċji responsabbli għall-ispeċijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Bażiku jista’ jkun ikkunsidrat mill-Uffiċċju li jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jekk:

(a) il-materjal sottomess għat-test tekniku jkun ikkonforma, fil-kwantità u fil-kwalità, ma’ kull standard stabbilit skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Bażiku;

▼M1

(b) l-eżami tekniku jkun sar b'mod konsistenti mn-nomina tal-Kunsill Amministrattiv skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Bażiku u mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament, u jkun sar skont il-linji gwida maħruġa għat-testijiet u skont kwalunkwe struzzjonijiet ġenerali mogħtija, skont l-Artikolu 56(2) ta' dak ir-Regolament bażiku u l-Artikoli 22 u 23 ta' dan ir-Regolament;

▼B

(c) l-Uffiċċju kellu l-opportunità jimmonitorja l-mod kif ikun tmexxa l-eżami tekniku kkonċernat; u

(d) fejn ir-rapport finali mhuwiex immedjatament disponibbli, ir-rapporti temporanji dwar kull perjodu ta’ tkabbir ikunu sottomessi lill-Uffiċċju qabel ir-rapport tal-eżami.

2.  Fejn l-Uffiċċju ma jikkunsidrax li r-rapport tal-eżami msemmi fil-paragrafu 1 jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jista’ jsegwi l-proċedura stipulata f l-Artikolu 55 tar-Regolament Bażiku, wara li jikkonsulta mal-applikant u mal-Uffiċċju tal-Eżami kkonċernat.

3.  L-Uffiċċju u kull uffiċċju nazzjonali kompetenti tal-varjetajiet tal-pjanti fi Stat Membru għandu jagħti għajnuna amministrattiva lill-ieħor billi jqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu, jekk ikun mitlub, kwalunkwe rapport tal-eżami fuq varjetà, bl-iskop li jiġu stmati n-natura distintiva, l-uniformità u l-istabilità ta’ dik il-varjetà. Ammont speċifiku għandu jkun mitlub bħala ħlas mill-Uffiċċju jew uffiċċju nazzjonali kompetenti tal-varjetajiet tal-pjanti għas-sottomissjoni ta’ tali rapport, liema ammont ikun miftiehem bejn l-uffiċcji kkonċernati.

▼M1

4.  Rapport tal-eżami fuq ir-riżultati ta' eżamijiet li jkunu saru jew li jkunu qed isiru għal skopijiet uffiċjali f'pajjiż terz jew f'territorju ta' organizzazzjoni reġjonali li jkunu Membru tal-UPOV (Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti) jew li jkunu parti għall-Ftehim dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“TRIPS”), jista' jkun ikkunsidrat mill-Uffiċċju li jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, sakemm l-ezami tekniku jikkonforma mal-kundizzjonijiet imniżżla fi ftehim bil-miktub bejn l-Uffiċċju u l-awtorità kompetenti ta' tali pajjiż terz jew organizzazzjoni reġjonali. Tal-inqas, kundizzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu:

(a) il-kundizzjonijiet irrelatati mal-materjal, kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b) il-kundizzjoni li l-eżami tekniku jkun sar skont il-linji gwida maħruġa għat-testijiet, jew struzzjonijiet ġenerali mogħtija, skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament;

(c) il-kundizzjoni li l-Uffiċċju kellu l-opportunità jistma kemm kienu adattati l-faċilitajiet biex jitwettaq eżami tekniku għall-ispeċijiet ikkonċernati f'dak il-pajjiż terz jew fit-territorju ta' dik l-organizzazzjoni reġjonali;

(d) kundizzjonijiet irrelatati mad-disponibbilità ta' rapporti, kif imniżżel fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

(e) il-kundizzjoni li l-pajjiż terz ikollu esperjenza adegwata f'testijiet tal-ġeneri jew tal-ispeċijiet ikkonċernati; kif ukoll

(f) il-kundizzjoni li jiġi konkluż ftehim bil-miktub bil-kunsens tal-Kunsill Amministrattiv.

▼M1

5.  L-Uffiċċju jista' jitlob awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew ta' organizzazzjoni reġjonali li tkun membru tal-UPOV, jew tkun parti għal TRIPS sabiex twettaq l-eżami tekniku, sakemm ikun ġie ffirmat ftehim bil-miktub bejn l-Uffiċċju u l-awtorità kompetenti u sakemm tkun tapplika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) ma hemm l-ebda possibbiltà li jitwettaq l-eżami tekniku għal speċijiet speċifiċi f'Uffiċċju tal-Eżamijiet fl-Unjoni Ewropea, u rapport ta' eżami dwar ir-riżultati ta' eżami tekniku msemmi fil-paragrafu 4 ma jkunx disponibbli jew ma jkunx mistenni li jsir disponibbli;

(b) rapport ta' eżami dwar ir-riżultati ta' eżami tekniku msemmi fil-paragrafu 4 huwa mistenni li jkun disponibbli iżda l-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-paragrafu 4 sabiex isir l-eżami tekniku ma jkunux issodisfati.

6.  Il-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jiġi konkluż bil-kunsens tal-Kunsill Amministrattiv, ibbażat fuq il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kundizzjonijiet irrelatati mal-materjal, kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b) il-kundizzjoni li l-eżami tekniku jitmexxa skont il-linji gwida maħruġa għat-testijiet, jew struzzjonijiet ġenerali mogħtija, skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament;

(c) il-kundizzjoni li l-Uffiċċju kellu l-opportunità jistma kemm kienu adattati l-faċilitajiet biex jitwettaq eżami tekniku għall-ispeċijiet kkonċernati f'dak il-pajjiż terz jew fit-territorju tal-organizzazzjoni reġjonali u biex jiġi mmonitorjat l-eżami tekniku kkonċernat;

(d) kundizzjonijiet irrelatati mad-disponibbilità ta' rapporti, kif imniżżel fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

(e) il kundizzjoni li l-pajjiż terz ikollu esperjenza adegwata fit-testijiet tal-ġeneri jew tal-ispeċijiet ikkonċernati.

▼B



Taqsima 3

Denominazzjoni tal-varjetajiet

Artikolu 28

Il-proposta għal denominazzjoni ta’ varjetà

Il-proposta għal denominazzjoni ta’ varjetà għandha tkun iffirmata u ppreżentata fl-Uffiċċju, ►M1  ————— ◄ .

L-Uffiċċju għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, formola għall-għanijiet ta’ proposta għal denominazzjoni ta’ varjetà.

Fejn l-applikazzjoni għal denominazzjoni ta’ varjetà tkun sottomessa elettronikament, din għandha tkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(3) ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-firma.

Artikolu 29

L-eżami ta’ proposta

1.  Meta l-proposta ma takkumpanjax l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta, jew fejn id-denominazzjoni ta’ varjetà proposta ma tistax tiġi approvata mill-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jikkomunika dan mingħajr dewmien lill-applikant, għandu jeħtieġlu jissottometti proposta jew proposta ġdida u għandu jindika l-konsegwenzi tan-nuqqas li jagħmel dan.

2.  Meta l-Uffiċċju jistabbilixxi fil-mument meta jirċievi r-riżultati tal-eżami tekniku skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Bażiku illi l-applikant ma ssottometta l-ebda proposta għal denominazzjoni ta’ varjetà, għandu mingħajr dewmien jirrifjuta l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta skont l-Artikolu 61(1)(c) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 30

Il-linji gwida għad-denominazzjoni tal-varjetajiet

Il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta linji gwida li jistabbilixxu kriterji uniformi u definittivi sabiex jiġu stabbiliti l-impedimenti għad-deskrizzjoni ġenerika ta’ denominazzjoni ta’ varjetà msemmija fl-Artikolu 63(3) u (4) tar-Regolament Bażiku.



KAPITOLU II

L-Oġġezzjoniiet

Artikolu 31

It-tressiq tal-oġġezzjonijiet

1.  L-oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament Bażiku għandu jkun fihom:

(a) l-isem tal-applikant u n-numru tal-fajl tal-applikazzjoni li għaliha tiġi ppreżentata l-oġġezzjoni;

(b) in-nomina ta’ min joġġezzjona bħala parti fil-proċedimenti kif iddikjarat fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(c) jekk min joġġezzjona jkun ħatar rappreżentant proċedurali, ismu u l-indirizz tiegħu;

(d) dikjarazzjoni dwar il-kontestazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(3) tar-Regolament Bażiku li fuqha l-oġġezzjoni tkun ibbażata, u dwar id-dettalji, il-provi u l-argumenti ppreżentati sabiex isostnu l-oġġezzjoni.

2.  Jekk jitressqu diversi oġġezzjonijiet dwar l-istess applikazzjoni għal dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta, l-Uffiċċju jista’ jittratta dawn l-oġġezzjonijiet f’sett wieħed ta’ proċedimenti.

Artikolu 32

Ir-rifjut tal-oġġezzjonijiet

1.  Jekk l-Uffiċċju jsib illi l-oġġezzjoni ma tħarisx l-Artikolu 59(1) u (3) tar-Regolament Bażiku jew l-Artikolu 31(1)(d) ta’ dan ir-Regolament jew li ma tipprovdix identifikazzjoni biżżejjed dwar l-applikazzjoni li kontra tagħha tkun ġiet ippreżentata l-oġġezzjoni, għandu jirrifjuta l-oġġezzjoni bħala inammissibbli għajr jekk dawn in-nuqqasijiet ikunu ġew irrimedjati f’dak il-limitu taż-żmien li jista’ jispeċifika.

2.  Jekk l-Uffiċċju jinnota illi l-oġġezzjoni ma tħarisx id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Bażiku jew ta’ dan ir-Regolament, għandu jirrifjuta l-oġġezzjoni bħala inammissibbli għajr jekk dawn in-nuqqasijiet ikunu ġew irrimedjati qabel l-iskadenza tal-perjodi taż-żmien tal-oġġezzjoni.



KAPITOLU III

Iż-Żamma Tad-Drittijiet Komunitarji Għal Varjetajiet Tal-Pjanti

Artikolu 33

L-obbligi tad-detentur skont l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Bażiku

1.  Id-detentur għandu jippermetti l-ispezzjoni tal-materjal tal-varjetà kkonċernata u tal-post fejn tkun ippriservata l-identità tal-varjetà, sabiex iforni t-tagħrif meħtieġ għall-istima tal-kontinwazzjoni tal-varjetà fl-istat mhux mibdul tagħha, skont l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Bażiku.

2.  Id-detentur għandu jkun meħtieġ li jżomm reġistri bil-miktub sabiex jiffaċilta l-verifika tal-miżuri xierqa msemmija fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament Bażiku.

Artikolu 34

Il-verifika teknika tal-varjetà protetta

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 87(4) tar-Regolament Bażiku, verifika teknika tal-varjetà protetta għandha titwettaq skont il-linji gwida tat-test debitament applikati meta d-dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta kien konċess rigward din il-varjetà. Għandom japplikaw l-Artikoli 22 u minn 24 sa 27 ta’ dan ir-Regolament mutatis mutandis għall-Uffiċċju, l-Uffiċċju tal-Eżami u d-detentur.

Artikolu 35

Materjal ieħor li jrid jintuża għal verifika teknika

Meta d-detentur ikun issottometta l-materjal tal-varjetà skont l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju tal-Eżami jista’, bil-kunsens tal-Uffiċċju, jivverifika l-materjal sottomess billi jispezzjona materjal ieħor li jkun ittieħed minn azjendi fejn il-materjal ikun prodott mid-detentur, jew bil-kunsens tiegħu, jew meħud minn materjal imqiegħed fis-suq minnu, jew bil-kunsens tiegħu, jew meħud minn korpi uffiċjali fi Stat Membru bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilhom.

Artikolu 36

L-emendi għad-denominazzjonijiet ta’ varjetà

1.  Meta d-denominazzjoni ta’ varjetà jkollha tiġi emendata skont l-Artikolu 66 tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju għandu jikkomunika r-raġunijiet għal dan lid-detentur, għandu jistabbilixxi limitu taż-żmien li fih id-detentur irid jissottometti proposta xierqa għal denominazzjoni ta’ varjetà emendata, u jiddikjara illi, jekk jonqos milli jagħmel dan, id-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta jista’ jiġi kkanċellat skont l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament.

2.  Meta l-proposta għal denominazzjoni ta’ varjetà emendata ma tistax tiġi approvata mill-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jgħarraf lid-detentur mingħajr dewmien, għandu jerġa’ jiffissa limitu taż-żmien li fih id-detentur irid jissottometti proposta xierqa, u għandu jiddikjara illi, jekk jonqos milli jikkonforma ruħu, id-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta jista jiġi kkanċellat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Bażiku.

3.  L-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għal oġġezzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament Bażiku.

4.  Fejn il-proposta għal emenda ta’ denominazzjoni ta’ varjetà tkun sottomessa elettronikament, din għandha tkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(3) fir-rigward tal-firma.



KAPITOLU IV

Liċenzji Komunitarji Li Għandhom Jingħataw Mill-Uffiċċju



Taqsima 1

Liċenzji obbligatorji skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Bażiku

Artikolu 37

Applikazzjonijiet għal liċenzja obbligatorja

1.  L-applikazzjoni għal liċenzja obbligatorja skont l-Artikolu 29(1), (2) u (5) tar-Regolament Bażiku għandha tinkludi:

(a) id-deżinjazzjoni bħala partijiet fil-proċedimenti tal-applikant u tad-detentur tal-varjetà kkonċernata ta’ kontrih;

(b) id-denominazzjoni ta’ varjetà u l-ispeċi tal-pjanti tal-varjetà jew varjetajiet ikkonċernati;

(c) proposta għat-tip ta’ atti li għandhom ikunu koperti bil-liċenzja obbligatorja;

(d) dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-interess pubbliku kkonċernat, inklużi d-dettalji tal-fatti, provi u argumenti ppreżentati biex isostnu l-interess pubbliku invokat;

(e) fil-każ tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Bażiku, proposta għall-kategorija ta’ persuni li ser jingħataw il-liċenzja obbligatorja, inkluż, skont il-każ, ir-rekwiżiti speċifiċi marbuta ma’ dik il-kategorija ta’ persuni;

(f) proposta għal rimunerazzjoni ġusta u l-bażi li fuqha għandha tiġi kkalkulata din ir-rimunerazzjoni.

2.  L-applikazzjoni għal liċenzja obbligatorja msemmija fl-Artikolu 29(5a) tar-Regolament Bażiku għandha tinkludi:

(a) id-deżinjazzjoni bħala partijiet fil-proċedimenti tal-applikant li għandu d-dritt għal privattiva u tad-detentur tal-varjetà kkonċernata ta’ kontrih;

(b) id-denominazzjoni ta’ varjetà u l-ispeċi tal-pjanti tal-varjetà jew varjetajiet ikkonċernati;

▼M1

(c) kopja elettronika tal-privattiva/i li turi n-numru u t-talbiet ta' privattiva għal invenzjoni bijoteknoloġika u l-awtorità jew l-awtoritajiet li ħarġet/ħarġu l-privattiva;

▼B

(d) proposta għat-tip ta’ atti li għandhom ikunu koperti bil-liċenzja obbligatorja;

(e) proposta għal rimunerazzjoni ġusta u l-bażi li fuqha għandha tiġi ikkalkulata din ir-rimunerazzjoni;

(f) dikjarazzjoni li tistabbilixxi għaliex l-invenzjoni bijoteknoloġika tikkostitwixxi progress tekniku sinifikanti ta’ interess ekonomiku konsiderevoli meta mqabbla mal-varjetà protetta, inklużi dettalji ta’ fatti, provi u argumenti b’appoġġ għat-talba;

(g) proposta għall-firxa territorjali tal-liċenzja, li ma tistax tkun akbar mill-firxa territorjali tal-privattiva msemmija fil-punt (c).

3.  L-applikazzjoni għal liċenzja dipendenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Arikolu 29(5a) tar-Regolament Bażiku għandha tinkludi:

(a) id-deżinjazzjoni bħala partijiet fil-proċedimenti tal-applikant li għandu d-dritt għal privattiva u tad-detentur tal-varjetà kkonċernata ta’ kontrih;

(b) id-denominazzjoni ta’ varjetà u l-ispeċi tal-pjanti tal-varjetà jew varjetajiet ikkonċernati;

▼M1

(c) kopja ċċertifikata tal-privattiva/i li turi n-numru u t-talbiet ta' privattiva għal invenzjoni bijoteknoloġika u l-awtorità jew l-awtoritajiet li ħarġet/ħarġu l-privattiva;

▼B

(d) dokument uffiċjali li juri li d-detentur tad-dritt għall-varjetà tal-pjanti ngħata liċenzja obbligatorja għal invenzjoni bijoteknoloġika koperta bi privattiva;

(e) proposta għat-tip ta’ atti li għandhom ikunu koperti bil-liċenzja dipendenti;

(f) proposta għal rimunerazzjoni ġusta u l-bażi li fuqha għandha tiġi kkalkulata din ir-rimunerazzjoni;

(g) proposta għall-firxa territorjali tal-liċenzja dipendenti, li ma tistax tkun akbar mill-firxa territorjali tal-privattiva msemmija fil-punt (c).

4.  Mal-applikazzjoni għal liċenzja obbligatorja għandu jkun hemm mehmuża dokumenti li jixhdu li l-applikant ma rnexxilux jikseb liċenzja kuntrattwali mingħand id-detentur tad-dritt għall-varjetà tal-pjanti. Jekk l-applikant għal liċenzja obbligatorja skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Bażiku jkun jew il-Kummissjoni jew xi Stat Membru, l-Uffiċċju jista’ jwaqqa’ din il-kundizzjoni f’każ ta’ force majeure.

5.  Talba għal liċenzja kuntrattwali titqies li ma rnexxietx skont it-tifsira tal-paragrafu 4 jekk:

(a) id-detentur li qed jopponi ma jkunx ta risposta finali lill-applikant fi żmien raġonevoli, jew

(b) id-detentur li qed jopponi rrifjuta li jagħti liċenzja kuntrattwali lill-applikant, jew

(c) id-detentur li qed jopponi offra liċenzja lill-applikant, taħt kundizzjonijiet li biċ-ċar ma jkunux raġonevoli, inklużi dawk marbuta mas-somma li trid titħallas mill-applikant, jew taħt kundizzjonijiet li, kollox ma’ kollox, huwa ovvju li mhumiex raġonevoli.

Artikolu 38

Eżami tal-applikazzjoni għal liċenzja obbligatorja

1.  Fil-prinċipju, il-proċedimenti orali u t-teħid tax-xhieda għandhom iseħħu f’seduta waħda.

2.  Mhux ser jitħallew isiru talbiet għal aktar seduti ħlief għal dawk it-talbiet ibbażati fuq ċirkustanzi li nbidlu waqt jew wara s-seduta.

3.  Qabel ma jieħu deċiżjoni, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex jaslu għal ftehim dwar il-liċenzja kuntrattwali. Jekk ikun f’loku, l-Uffiċċju jagħmel proposta għal dan il-ftehim.

Artikolu 39

Iż-żamma ta’ dritt Komunitarju għall-varjetajiet tal-pjanti matul il-proċedimenti

1.  Jekk azzjoni mibdija kontra d-detentur fir-rigward ta’ talba msemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament Bażiku tiddaħħal fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti, l-Uffiċċju jista’ jissospendi l-proċedimenti dwar l-għoti ta’ liċenzja obbligatorja. Huwa ma għandux jissokta bil-proċedimenti qabel ma fl-istess Reġistru tiddaħħal id-deċiżjoni finali dwar, jew it-terminazzjoni ta’, din l-azzjoni.

2.  Jekk trasferiment tad-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanti jorbot lill-Uffiċċju, id-detentur il-ġdid jidħol fil-proċedimenti bħala parti fihom, fuq talba tal-applikant, jekk dan l-applikant talab mingħajr ma rnexxielu lid-detentur il-ġdid għal liċenzja fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-komunikazzjoni mill-Uffiċċju li l-isem tad-detentur il-ġdid iddaħħal fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti. Talba mill-applikant għandha jkollha magħha biżżejjed provi dokumentali tal-isforzi tiegħu għal xejn u, jekk ikun f’loku, tal-imġiba tad-detentur il-ġdid.

3.  Fil-każ ta’ applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Bażiku, id-detentur il-ġdid għandu jidħol fil-proċedimenti bħala parti fihom. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma japplikax.

Artikolu 40

Il-kontenut tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

Id-deċiżjoni bil-miktub trid tkun iffirmata mill-President tal-Uffiċċju. Id-deċiżjoni għandha tinkludi:

(a) dikjarazzjoni li d-deċiżjoni ngħatat mill-Uffiċċju;

(b) id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni;

(c) l-ismijiet tal-membri tal-kumitat li ħadu sehem fil-proċedimenti;

(d) l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedimenti u tar-rappreżentanti proċedurali tagħhom;

(e) ir-referenza għall-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv;

(f) dikjarazzjoni tal-kwistjonijiet li riedu jiġu deċiżi;

(g) sommarju tal-fatti;

(h) ir-raġunijiet li fuqhom hija msejsa d-deċiżjoni;

(i) l-ordni tal-Uffiċċju; jekk hemm bżonn, l-ordni għandha tinkludi l-atti stipulati koperti mil-liċenzja obbligatorja, il-kundizzjonijiet speċifiċi marbuta magħhom u l-kategorija ta’ persuni, inkluż, fejn hu f’loku, il-kriterji speċifiċi marbuta ma’ dik il-kategorija.

Artikolu 41

L-għotja ta’ liċenzja obbligatorja

1.  Id-deċiżjoni li tingħata liċenzja obbligatorja skont l-Artikolu 29(1), (2) u (5) tar-Regolament Bażiku għandha tinkludi dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-interess pubbliku involut.

2.  Dawn b’mod partikolari jistgħu jikkostitwixxu interess pubbliku:

(a) il-protezzjoni tal-ħajja jew tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti;

(b) il-bżonn li s-suq jiġi pprovdut b’materjal li joffri kwalitajiet speċifiċi;

(c) il-bżonn li tinżamm l-inċentiva għat-trobbija kontinwa ta’ varjetajiet imtejba.

3.  Id-deċizjoni li tingħata liċenzja obbligatorja skont l-Artikolu 29(5a) tar-Regolament Bażiku għandha tinkludi fiha dikjarazzjoni li tistabbilixxi r-raġunijet għaliex l-invenzjoni tikkostitwixxi progress tekniku sinifikanti ta’ interess ekonomiku konsiderevoli. Dawn l-argumenti, b’mod partikolari, jistgħu jkunu raġunijiet għaliex l-invenzjoni tikkostitwixxi progress tekniku sinifikanti ta’ interess ekonomiku konsiderevoli meta mqabbla mal-varjetà tal-pjanta protetta:

(a) titjib ta’ tekniki tal-kultivazzjoni;

(b) titjib tal-ambjent;

(c) titjib ta’ tekniki li jiffaċilitaw l-użu tal-bijodiversità ġenetika;

(d) titjib fil-kwalità;

(e) titjib fil-produzzjoni;

(f) titjib fir-reżistenza;

(g) titjib fl-adattament għal kundizzjonijiet klimatoloġiċi u/jew ambjentali speċifiċi.

4.  Il-liċenzja obbligatorja ma għandhiex tkun esklużiva.

5.  Il-liċenzja obbligatorja ma tistax tiġi trasferita, sakemm mhux flimkien ma’ dik il-parti tal-intrapriża li tagħmel użu mil-liċenzja obbligatorja, jew, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament Bażiku, flimkien mal-għoti tad-drittijiet fuq varjetà li hija essenzjalment imnissla.

Artikolu 42

Il-kundizzjonijiet għall-persuna li tingħata liċenzja obbligatorja

1.  Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament Bażiku, il-persuna li tingħata l-liċenzja obbligatorja għandha jkollha l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi xierqa sabiex tagħmel użu mil-liċenzja obbligatorja.

2.  Il-konformità mal-kundizzjonijiet li jagħmlu parti mil-liċenzja obbligatorja u stabbiliti fid-deċiżjoni dwarha titqies bħala waħda miċ-“ċirkostanzi” skont it-tifsira ta l-Artikolu 29(4) tar-Regolament Bażiku.

3.  Il-Uffiċċju għandu jara li l-persuna li ngħatat liċenzja obbligatorja ma tistax tiftaħ azzjoni legali għall-ksur ta’ dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanti sakemm id-detentur ma rrifjutax jew ma ttraskurax li jagħmel dan fi żmien xahrejn wara li ntalab jagħmel dan.

Artikolu 43

Il-kategorija ta’ persuni li jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Bażiku

1.  Kull persuna bl-intenzjoni li tagħmel użu mil-liċenzja obbligatorja li taqa’ taħt il-kategorija ta’ persuni li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Bażiku, għandha tiddikjara l-intenzjoni tagħha lill-Uffiċċju u lid-detentur permezz ta’ ittra rreġistrata b’avviż tal-wasla. Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz ta’ dik il-persuna kif previst għall-partijiet fil-proċedimenti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(b) dikjarazzjoni dwar il-fatti li jissodisfaw ir-rekwiżiti;

(c) dikjarazzjoni li ssemmi l-atti li għandhom jitwettqu; u

(d) garanzija li dik il-persuna għandha r-riżorsi finanzjarji xierqa kif ukoll informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tekniċi tagħha sabiex tkun tista’ tagħmel użu mil-liċenzja obbligatorja.

2.  Fuq talba għal dan, l-Uffiċċju għandu jdaħħal persuna fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti jekk din il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Din il-persuna mhix se jkollha dritt tagħmel użu mil-liċenzja obbligatorja qabel ma tiġi rreġistrata. Ir-reġistrazzjoni ta’ isimha għandha tiġi komunikata lil dik il-persuna u lid-detentur.

3.  L-Artikolu 42(3) japplika mutatis mutandis għall-persuna mdaħħla fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Kull deċiżjoni, jew terminazzjoni oħra, tal-azzjoni legali dwar l-att ta’ ksur għandha tapplika għall-persuni l-oħra rreġistrati jew li ser ikunu rreġistrati.

4.  Ir-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista’ titħassar biss jekk il-ħtiġijiet speċifiċi preskritti fid-deċiżjoni dwar l-għoti tal-liċenzja obbligatorja jew il-kapaċitajiet finanzjarji jew tekniċi stabbiliti skont il-paragrafu 2, għaddew minn bidliet aktar minn sena wara li ngħatat il-liċenzja obbligatorja u fi żmien stipulat f’dik l-għotja. It-tħassir tar-reġistrazzjoni għandu jiġi komunikat lil dik il-persuna li ġiet reġistrata u lid-detentur.



Taqsima 2

Id-drittijiet ta’ skont l-Artikolu 100(2) tar-regolament bażiku

Artikolu 44

Id-drittijiet ta’ sfruttament skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Bażiku

1.  Talba għal dritt kuntrattwali mhux esklużiv minn detentur ġdid, kif imsemmi fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Bażiku, għandha ssir, fil-każ tad-detentur ta’ qabel, fi żmien xahrejn, jew fil-każ ta’ persuna li kellha d-dritt ta’ fi żmien erba’ xhur, mill-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċċju li l-isem tad-detentur il-ġdid iddaħħal fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti.

2.  Applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt ta’ skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Bażiku għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti li sostnew it-talba li ma rnexxietx imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1)(a), (b), (c) u (5), tal-Artikolu 38, tal-Artikolu 39(3), tal-Artikolu 40 ħlief l-ittra (f), tal-Artikolu 41(3) u (4) u tal-Artikolu 42 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.



TITOLU III

IL-PROĊEDIMENTI QUDDIEM IL-BORD TAL-APPELL

Artikolu 45

Il-kontenut tal-avviż tal-appell

L-avviż tal-appell għandu jkun fih:

▼M1

(a) in-nomina tal-appellant bħala parti għall-proċedimenti tal-appell skont l-Artikolu 2, u, fejn l-appellant ikun ħatar rappreżentant proċedurali, l-isem u indirizz tar-rappreżentant;

▼B

(b) in-numru tal-fajl u d-deċiżjoni li kontra tagħha l-appell qiegħed jiġi ppreżentat u dikjarazzjoni dwar sa fejn tkun qiegħda tintalab l-emenda jew il-kanċellazzjoni tad-deċiżjoni.

Artikolu 46

L-irċevuta tal-avviż tal-appell

Meta l-Uffiċċju jirċievi avviż ta’ appell, għandu jimmarkah bin-numru tal-fajl tal-proċedimenti tal-appell u bid-data tal-wasla tiegħu fl-Uffiċċju u għandu jinnotifika lill-appellant dwar il-limitu taż-żmien sabiex jiġu ddikjarati r-raġunijiet għall-appell; l-ommissjoni ta’ dan l-avviż ma tistax tiġi eċċepita.

Artikolu 47

Il-parteċipazzjoni bħala parti fil-proċedimenti tal-appell

1.  L-Uffiċċju għandu jittrażmetti mill-aktar fis kopja tal-avviż tal-appell immarkata bin-numru tal-fajl u bid-data tal-kunsinna tiegħu lill-partijiet fil-proċedimenti li pparteċipaw fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju.

2.  Il-partijiet fil-proċedimenti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintervjenu bħala partijiet fil-proċedimenti tal-appell fi żmien xahrejn mit-trażmissjoni ta’ kopja tal-avviż tal-appell.

Artikolu 48

Ir-rwol tal-Uffiċċju

1.  Il-korp tal-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Bażiku u l-President tal-Bord tal-Appell għandhom jiżguraw b’miżuri preparatorji interni illi l-Bord tal-Appell ikun jista’ jeżamina l-każ immedjatament wara li jintbagħat; il-President għandu b’mod partikolari jagħżel liż-żewġ membri l-oħra skont l-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament u għandu jinnomina rapporteur, qabel ma jintbagħat il-każ.

2.  Qabel ma jintbagħat il-każ, il-korp tal-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Bażiku għandu jittrażmetti minnufih kopja tad-dokumenti rċevuti minn parti fil-proċedimenti tal-appell lill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti tal-appell.

3.  Il-President tal-Uffiċċju għandu jipprovdi għall-pubblikazzjoni tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 89, qabel ma jintbagħat il-każ.

Artikolu 49

Ir-rifjut tal-appell bħala inammissibbli

1.  Jekk l-Appell ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku u b’mod partikolari mal-Artikoli 67, 68 u 69 tiegħu u ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari l-Artikolu 45 tiegħu, il-Bord tal-Appell għandu jgħarraf b’dan lill-appellant u għandu jeħtieġlu jirrimedja n-nuqqasijiet misjuba, jekk possibbli, f’dak il-perjodu taż-żmien li jista’ jispeċifika. Jekk l-appell ma jiġix irrettifikat fi żmien raġjonevoli, il-Bord tal-Appell għandu jirrifjutah bħala inammissibbli.

2.  Meta jiġi ppreżentat appell kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju li kontra tagħha tiġi ppreżentata wkoll azzjoni skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Bażiku, il-Bord tal-Appell għandu minnufih jissottometti l-appell bħala kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, bil-kunsens tal-appellant; jekk l-appellant ma jagħtix il-kunsens tiegħu, il-Qorti għandha tirrifjuta l-appell bħala inammissibbli. Fil-każ tas-sottomissjoni ta’ appell lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-appell għandu jitqies li jkun ġie ppreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-data ta’ meta ġie rċevut fl-Uffiċċju skont l-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 50

Proċedimenti orali

1.  Wara li jintbagħat il-każ, il-President tal-Bord tal-Appell għandu, mingħajr dewmien, isejjaħ lill-partijiet fil-proċedimenti tal-appell għall-proċedimenti orali kif ipprovvdut fl-Artikolu 77 tar-Regolament Bażiku u għandu jiġbed l-attenzjoni tagħhom għall-kontenut tal-Artikolu 59(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.  Il-proċedimenti orali u għandhom fil-prinċipju jinżammu f’seduta waħda.

3.  Ma għandhomx ikunu ammissibbli talbiet għal aktar seduti għajr għal talbiet imsejsa fuq ċirkostanzi li jkunu ġarrbu tibdil matul jew wara s-seduta.

Artikolu 51

L-eżami tal-appelli

Għajr jekk ipprovvdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għandhom japplikaw għall-proċedimenti tal-appell mutatis mutandis; il-partijiet fil-proċedimenti għandhom f’dan ir-rigward jiġu ttrattati bħala partijiet fil-proċedimenti tal-appell.

▼M1

Artikolu 51a

Diversi appelli

1.  Fil-każ li jiġu ppreżentati diversi appelli kontra xi deċiżjoni, dawn l-appelli jistgħu jitqiesu fl-istess proċedimenti legali.

2.  Jekk l-appelli mressqa kontra deċiżjonijiet ikunu se jiġu eżaminati mill-Bord li jkollu l-istess kompożizzjoni, dan il-Bord jista' jittratta dawn l-appelli fi proċedimenti legali konġunti.

▼B

Artikolu 52

Deċiżjoni dwar l-appell

1.  Fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tal-proċedimenti orali, id-deċiżjoni dwar l-appell għandha tiġi mgħoddija bil-miktub, bi kwalunkwe mezz stipulat fl-Artikolu 64(3), lill-partijiet fil-proċedimenti tal-appell.

2.  Id-deċiżjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Bord tal-Appell u mir-rapporteur innominat skont l-Artikolu 48(1). Id-deċiżjoni għandha tinkludi:

(a) dikjarazzjoni li d-deċiżjoni ġiet mogħtija mill-Bord tal-Appell;

(b) id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni;

(c) l-ismijiet tal-President u tal-membri l-oħra tal-Bord tal-Appell li jkunu ħadu sehem fil-proċedimenti tal-appell;

(d) l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedimenti tal-appell u tar-rappreżentanti proċedurali tagħhom;

(e) dikjarazzjoni dwar il-kwistjonijiet li riedu jiġu deċiżi;

(f) sommarju tal-fatti;

(g) ir-raġunijiet li fuqhom hija msejsa d-deċiżjoni;

(h) l-ordni tal-Bord tal-Appell, inkluż, fejn meħtieġ, deċiżjoni dwar it-tqassim tal-ispejjeż jew ir-rifużjoni tat-tariffi.

3.  Id-deċiżjoni bil-miktub tal-Bord tal-Appell għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni illi huwa possibbli appell ieħor, flimkien mal-limitu taż-żmien sabiex jiġi ppreżentat dan l-appell ieħor. Il-partijiet fil-proċedimenti tal-appell ma jistgħux jeċċepixxu l-ommissjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni.



TITOLU IV

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAL-PROĊEDIMENTI



KAPITOLU I

Id-Deċiżjonijiet, Il-Komunikazzjonijiet U D-Dokumenti

Artikolu 53

Id-deċiżjonijiet

1.  Kull deċiżjoni tal-Uffiċċju trid tiġi ffirmata minn membru tal-persunal awtorizzat kif suppost mill-President tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Bażiku u tiddikjara ismu.

2.  Meta l-proċedimenti orali jsiru quddiem l-Uffiċċju, id-deċiżjonijiet jistgħu jingħataw bil-fomm. Sussegwentement, id-deċiżjoni bil-miktub għandha tiġi notifikata lill-partijiet fil-proċedimenti skont l-Artikolu 64.

3.  Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju li jkunu miftuħa għal appell skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Bażiku jew għal azzjoni diretta skont l-Artikolu 74 ta’ dan, għandhom ikunu akkumpanjati b’dikjarazzjoni ta’ dan l-appell jew tal-azzjoni diretta jekk possibbli, flimkien mal-limiti ta’ żmien ipprovvduti sabiex jiġi ppreżentat dan l-appell jew l-azzjoni diretta. Il-partijiet fil-proċedimenti ma jistgħux jeċċepixxu l-ommissjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni.

4.  L-iżbalji lingwistiċi, l-iżbalji fit-traskrizzjoni u l-iżbalji manifesti fid-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandhom jiġu korretti.

▼M1

5.  L-Uffiċċju għandu jħassar annotazzjoni fir-Reġistru tad-Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità jew jirrevoka deċiżjoni li jkun fiha żball proċedurali ovvju attribwibbli għan-negliġenza.

Artikolu 53a

Proċedimenti legali għal nullità u kanċellazzjoni

1.  Il-proċedimenti fir-rigward tan-nullità u tal-kanċellazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikoli 20 u 21, rispettivament, tar-Regolament Bażiku jistgħu jinfetħu mill-Uffiċċju meta jkun hemm dubji serji dwar il-validità tat-titolu. Tali proċedimenti jistgħu jinbdew mill-Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba.

2.  Talba lill-Uffiċċju biex jinfetħu l-proċedimenti dwar in-nullità jew it-tħassir, kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21, rispettivament, tar-Regolament Bażiku, għandha tkun akkumpanjata b'evidenza u fatti li jqajmu dubji serji dwar il-validità tat-titolu u għandu jkun fiha:

(a) fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' liema n-nullità jew il-kanċellazzjoni hija mitluba:

(i) in-numru ta' reġistrazzjoni tad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità;

(ii) l-isem u l-indirizz tad-detentur tad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità;

(b) fir-rigward tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata r-rikjesta:

(i) stqarrija bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba biex jinfetħu l-proċedimenti f'dak li jikkonċerna n-nullità jew l-annullament;

(ii) indikazzjoni tal-fatti, provi u argumenti preżentati biex isaħħu dawk ir-raġunijiet;

(c) l-isem u l-indirizz tal-persuna li tagħmel it-talba u, fejn ikun ħatar rappreżentant, l-isem u l-indirizz ta' dan ir-rappreżentant.

3.  Kull deċiżjoni tal-Uffiċċju li jiċħad talba kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tiġi kkomunikata lill-persuna li tkun għamlet it-talba u d-detentur tad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità.

4.  L-Uffiċċju ma jqisx sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma jkunux intbagħtu fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Uffiċċju.

5.  Kull deċiżjoni tal-Uffiċċju li tiddikjara null u bla effett jew tħassar dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità għandha tiġi ppubblikata f'Il-Gazzetta Uffiċjali msemmija fl-Artikolu 87.

▼B

Artikolu 54

Iċ-ċertifikat għal dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta

1.  Meta l-Uffiċċju jikkonċedi dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta, għandu joħroġ, flimkien mad-deċiżjoni dwar dan, ċertifikat għad-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta bħala prova tal-konċessjoni.

▼M1

Dan iċ-ċertifikat għandu jintbagħat mill-Uffiċċju, fil-forma ta' dokument diġitali, lid-detentur tad-dritt jew tar-rappreżentant proċedurali tiegħu.

▼B

2.  L-Uffiċċju għandu joħroġ iċ-ċertifikat għad-dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanta fl-ilsien jew l-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu liema jkunu, li jitlob id-detentur.

3.  Fuq talba, l-Uffiċċju jista’ joħroġ kopja lill-persuna intitolata jekk jistabbilixxi li ċ-ċertifikat oriġinali ntilef jew ġie meqrud.

Artikolu 55

Il-komunikazzjonijiet

Għajr jekk ipprovvdut xorta oħra, kull komunikazzjoni mill-Uffiċċju jew minn Uffiċċju tal-Eżami għandha tinkludi l-isem tal-membru kompetenti tal-persunal.

Artikolu 56

Id-dritt ta’ udjenza

1.  Jekk l-Uffiċċju jsib illi deċiżjoni tista’ ma tiġix adottata skont il-kundizzjonijiet mitluba, għandu jikkomunika n-nuqqasijiet innotati lill-parti fil-proċedimenti u għandu jeħtiġilha li tirrimedja dawn in-nuqqasijiet f’dak il-limitu taż-żmien li jista’ jispeċifika. Jekk in-nuqqasijiet innotati u kkomunikati ma jiġux irrimedjati fi żmien xieraq, l-Uffiċċju għandu jipproċedi sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

2.  Jekk l-Uffiċċju jirċievi osservazzjonijiet minn parti fil-proċedimenti, għandu jikkomunika dawn l-osservazzjonijiet lill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti u jitlobhom, jekk iqis li jkun meħtieġ, li jwieġbu fil-limitu taż-żmien li jista’ jispeċifika. Jekk ma tasalx tweġiba fi żmien xieraq, l-Uffiċċju għandu jinjora kull dokument li jasal wara.

Artikolu 57

Id-dokumenti ppreżentati minn partijiet fil-proċedimenti

1.  Id-dokumenti kollha li jiġu ppreżentati minn xi parti fil-proċedimenti għandhom jiġu sottomessi bil-posta, imwassla personalment jew b’mezzi elettroniċi.

Id-dettalji li jikkonċernaw is-sottomissjonijiet elettroniċi għandhom ikunu stabbiliti mill-President tal-Uffiċċju.

2.  Id-data tal-wasla ta’ kull dokument ippreżentat minn partijiet fil-proċedimenti għandha tittieħed bħala dik id-data meta d-dokument jasal fil-post jew, fil-każ ta’ dokument ippreżentat b’mezzi elettroniċi, meta d-dokument jasal fl-Uffiċċju elettronikament.

3.  Bl-eċċezzjoni tad-dokumenti annessi, kull dokument ippreżentat minn partijiet fil-proċedimenti jrid ikun iffirmat minnhom jew mir-rappreżentant proċedurali tagħhom.

▼M1

Meta dokument ikun sottomess lill-Uffiċċju b'mezzi elettroniċi, l-indikazzjoni tal-isem ta' min bagħtu u l-awtentikazzjoni elettronika, li tikkonsisti minn sottomissjoni b'suċċess ta' login u password, għandha titqies ekwivalenti għall-firma.

▼B

4.  Jekk dokument ma jkunx ġie ffirmat, jew fejn dokument irċevut ma jkunx komplet jew inkella ma jkunx jista’ jinqara, jew fejn l-Uffiċċju jkollu dubji dwar ir-reqqa tad-dokument, l-Uffiċċju għandu jinforma b’dan lil min ikun bagħtu u għandu jistiednu jissottometti l-oriġinal tad-dokument iffirmat skont il-paragrafu 3 jew li jerġa’ jibgħat kopja tal-oriġinal. Dan għandu jsir fi żmien xahar.

Fejn it-talba tiġi sodisfatta fil-perjodu speċifikat, id-data tal-wasla tad-dokument iffirmat jew tas-sottomissjoni mill-ġdid għandha tittieħed bħala dik id-data meta jkun wasal l-ewwel dokument. Fejn it-talba ma tiġix sodisfatta fil-perjodu speċifikat, id-dokument għandu jittieħed li ma wasalx.

▼M1

5.  Tali dokument sottomess minn parti għal proċedimenti għandu jiġi kkomunikat b'mezzi elettroniċi jew f'dokument stampat lill-partijiet l-oħra u lill-Uffiċċju tal-Eżamijiet kkonċernat.

Fil-każ ta' sottomissjonijiet stampati, id-dokumenti relatati mal-proċedimenti, għal żewġ applikazzjonijiet jew aktar għal dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità jew għal dritt ta' sfruttament, iridu jiġu ffajljati f'numru ta' kopji suffiċjenti. Il-kopji nieqsa għandhom jiġu pprovduti għas-spejjeż tal-parti kkonċernata.

▼B

Artikolu 58

Provi dokumentali

▼M1

1.  Prova tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet finali, apparti minn dawk tal-Uffiċċju, jew provi dokumentali oħra li jkunu jridu jiġu sottomessi minn parti għall-proċedimenti, jistgħu jiġu pprovduti billi jiġu sottomessi dokument diġitali jew kopja li mhix iċċertifikata.

▼B

2.  Fejn l-Uffiċċju jkollu dubji dwar l-awtentiċità tal-provi msemmija fil-paragrafu 1, dan jista’ jitlob is-sottomissjoni tal-oriġinal jew ta’ kopja ċertifikata.



KAPITOLU II

Il-Proċedimenti Orali U T-Teħid Ta’ Evidenza

Artikolu 59

It-taħrika għall-proċedimenti orali

1.  Il-partijiet fil-proċedimenti għandhom jiġu mħarrka għall-proċedimenti orali kif ipprovvdut fl-Artikolu 77 tar-Regolament Bażiku u għandha tiġi miġbuda l-attenzjoni tagħhom għall-paragrafu 2 tiegħu. Għandu jingħata mill-anqas xahar żmien min-notifika tat-taħrika mibgħuta lill-partijiet fil-proċedimenti għajr jekk il-partijiet fil-proċedimenti u l-Uffiċċju jiftiehmu dwar perjodu inqas taż-żmien.

2.  Jekk parti fil-proċedimenti li tkun ġiet imħarrka għall-proċedimenti orali quddiem l-Uffiċċju ma tidhirx kif imħarrka, il-proċedimenti jistgħu jissoktaw mingħajrha.

Artikolu 60

It-teħid ta’ evidenza mill-Uffiċċju

1.  Meta l-Uffiċċju jikkunsidra meħtieġ li jisma’ x-xhieda orali tal-partijiet fil-proċedimenti jew ta’ xhud jew ta’ esperti, jew li jwettaq spezzjoni, għandu jieħu deċiżjoni b’dan l-effett, fejn jiddikjara l-mezzi li bihom ikun beħsiebu jinkiseb ix-xhieda, il-fatti rilevanti li jridu jiġu ppruvati u d-data, il-ħin u l-post tas-seduta jew tal-ispezzjoni. Jekk parti fil-proċedimenti titlob xhieda orali mix-xhieda u mill-esperti, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju għandha tistabbilixxi l-perjodu taż-żmien li fih il-parti fil-proċedimenti li tagħmel it-talba għandha tgħarraf lill-Ufficcju bl-ismijiet u l-indirizzi tax-xhieda u tal-esperti li l-parti fil-proċedimenti tixtieq li jinstemgħu.

2.  Għandu jingħata mill-anqas xahar żmien għall-avviż tat-taħrika mibgħuta lil parti fil-proċedimenti, lix-xhud jew lill-espert sabiex jagħtu xhieda għajr jekk l-Uffiċċju u huma jiftiehmu dwar perjodu iqsar taż-żmien. It-taħrika għandu jkun fiha:

(a) estratt mid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, li jindika b’mod partikolari d-data, il-ħin u l-post tal-investigazzjoni ordnata u li jiddikjara l-fatti rigward liema partijiet fil-proċedimenti, xhieda u esperti jridu jinstemgħu;

(b) l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedimenti u d-dettalji tad-drittijiet li x-xhieda jew esperti jistgħu jinvokaw skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(2), (3) u (4);

(c) dikjarazzjoni illi l-parti fil-proċedimenti, ix-xhud jew l-espert jistgħu jitolbu li jiġu mismugħa mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew minn awtorità kompetenti oħra fil-pajjiż tad-domiċilju tagħhom u talba illi tali persuna tgħarraf lill-Uffiċċju, f’limitu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-Uffiċċju, jekk tkunx lesta li tidher quddiemu.

3.  Qabel ma parti fil-proċedimenti, xhud jew espert jistgħu jinstemgħu, għandhom ikunu mgħarrfa illi l-Uffiċċju jista’ jitlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew lil awtorità kompetenti oħra fil-pajjiż tad-domiċilju tagħhom li jeżaminaw mill-ġdid ix-xhieda tagħhom taħt ġurament jew f’kull għamla oħra li torbot.

4.  Il-partijiet fil-proċedimenti għandhom jiġu mgħarrfa dwar is-smigħ ta’ xhud jew ta’ espert quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti jew awtorità kompetenti oħra. Għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti u li jagħmlu mistoqsijiet lill-partijiet li jkunu qegħdin jixhdu fil-proċedimenti, lix-xhieda u lill-esperti, jew permezz tal-intermedjarju tal-awtorità jew direttament.

Artikolu 61

Kif jiġu kkummissjonati l-esperti

1.  L-Uffiċċju għandu jiddeċiedi f’liema għamla għandu jiġi sottomess ir-rapport li jrid isir minn espert li jaħtar.

2.  Il-mandat tal-espert għandu jkun fih:

(a) deskrizzjoni preċiża tal-kompitu tiegħu;

(b) il-limitu taż-żmien stabbilit għas-sottomissjoni tar-rapport;

(c) l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedimenti;

(d) id-dettalji dwar id-drittijiet li jista’ jinvoka taħt l-Artikolu 62(2), (3) u (4).

3.  Għall-għanijiet tar-rapport tal-espert, l-Uffiċċju jista’ jeħtieġ lill-Uffiċċju tal-Eżami wara li jkun wettaq l-eżami tekniku tal-varjetà kkonċernata sabiex jagħmel disponibbli materjal skont l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk meħtieġ, l-Uffiċċju jista’ jeħtieġ ukoll materjal mill-partijiet fil-proċedimenti jew minn terzi persuni.

4.  Il-partijiet fil-proċedimenti għandhom jiġu pprovvduti b’kopja u, meta xieraq, bi traduzzjoni ta’ kull rapport bil-miktub.

5.  Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu joġġezzjonaw għal espert. L-Artikoli 48(3) u 81(2) tar-Regolament Bażiku għandhom japplikaw mutatis mutandis.

6.  L-Artikolu 13(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis għall-espert maħtur mill-Uffiċċju. Meta jaħtar l-espert, l-Uffiċċju għandu jgħarrfu bil-ħtieġa tal-kunfidenzjalità.

Artikolu 62

L-ispejjeż għat-teħid tax-xhieda

1.  It-teħid tax-xhieda jista’ jkun ikkundizzjonat mid-depożitu mal-Uffiċċju, mill-parti fil-proċedimenti li tkun talbet li tittieħed din ix-xhieda, ta’ somma li għandha tiġi kkwantifikata mill-Uffiċċju b’referenza għal stima tal-ispejjeż.

▼M1

2.  Ix-xhieda u l-esperti li jiġu mħarrka mill-Uffiċċju u li jidhru quddiemu għandhom ikunu intitolati għal rifużjoni xierqa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-manteniment. Jista' jiġi konċess lilhom ħlas bil-quddiem mill-Uffiċċju.

▼B

3.  Ix-xhieda intitolati għal rifużjoni skont il-paragrafu 2 għandhom ikunu wkoll intitolati għal kumpens xieraq għan-nuqqas ta’ introjtu, u l-esperti, għajr il-membri tal-persunal tal-Uffiċċji tal-Eżami, għad-drittijiet għal xogħolhom. Dawn il-pagamenti għandhom isiru lix-xhieda wara t-teħid tax-xhieda u lill-esperti wara li jkunu wettqu d-dmirijiet jew il-kompiti tagħhom.

4.  Il-ħlasijiet tal-ammonti mistħoqqa skont il-paragrafi 2 u 3 u skont id-dettalji u l-iskali stabbiliti fl-Anness I għandhom isiru mill-Uffiċċju.

▼M1

Il-parti li titlob xhieda orali mix-xhieda jew esperti għandha tħallas lura l-ispejjeż ta' dik l-evidenza lill-Uffiċċju, bla ħsara għad-deċiżjoni ta' qsim u ffissar ta' spejjeż skont l-Artikolu 52.

▼B

Artikolu 63

Il-minuti tal-proċedimenti orali u tat-teħid tax-xhieda

1.  Il-minuti tal-proċedimenti orali u tat-teħid tax-xhieda għandhom iniżżlu l-elementi essenzjali tal-proċedimenti orali jew tat-teħid tax-xhieda, id-dikjarazzjonijiet rilevanti magħmula mill-partijiet fil-proċedimenti, ix-xhieda tal-partijiet fil-proċedimenti, tax-xhieda jew tal-esperti u r-riżultat ta’ kull spezzjoni. ►M1  Għandhom jinkludu wkoll l-ismijiet tal-uffiċjali tal-Uffiċċju, il-partijiet, ir-rappreżentanti proċedurali tagħhom, u x-xhud u l-esperti li kienu preżenti. ◄

2.  Il-minuti tax-xhieda ta’ xhud, espert jew ta’ parti fil-proċedimenti għandhom jinqraw jew jiġu sottomessi lilhom sabiex ikunu jistgħu jeżaminawhom. Għandu jiġi nnotat fil-minuti illi din il-formalità tkun saret u li l-persuna li tkun tat ix-xhieda tapprova l-minuti. Meta l-approvazzjoni tagħha ma tingħatax, l-oġġezzjonijet tagħha jiġu nnotati.

▼M1

3.  Il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-persuna li tkun fasslithom u mill-persuna li tkun mexxiet il-proċedimenti orali jew it-teħid tax-xhieda.

▼B

4.  Il-partijiet fil-proċedimenti għandhom jiġu pprovvduti b’kopja u, meta xieraq, bi traduzzjoni tal-minuti.



KAPITOLU III

Notifika

Artikolu 64

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar in-notifika

▼M1

1.  Fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, kull notifika ta' dokumenti li ssir mill-Uffiċċju lil parti għall-proċedimenti għandha tieħu l-għamla ta' dokument diġitali, ta' kopja tiegħu li mhix ċertifikata, ta' kopja stampata bil-kompjuter jew tad-dokument oriġinali. Dokumenti li joħorġu minn partijiet oħra għall-proċedimenti jistgħu jiġu nnotifikati f'għamla ta' kopji li mhumiex ċertifikati.

▼B

2.  Jekk rappreżentant proċedurali jkun ġie maħtur minn parti waħda jew iktar fil-proċedimenti, in-notifika għandha ssirlu skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

▼M1

3.  In-notifika għandha tingħata permezz ta' waħda jew aktar minn dawn il-mezzi li ġejjin:

(a) b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi tekniċi oħra skont l-Artikolu 64a;

(b) bil-posta skont l-Artikolu 65;

(c) bit-twassil bl-idejn skont l-Artikolu 66;

(d) permezz ta' notifika pubblika skont l-Artikolu 67.

4.  Id-dokumenti jew il-kopji tagħhom li jkun fihom l-azzjonijiet li għalihom in-notifika hija prevista fl-Artikolu 79 tar-Regolament Bażiku għandhom jiġu nnotifikati b'mezzi elettroniċi li għandhom ikunu stabbiliti mill-President tal-Uffiċċju jew bil-posta permezz ta' ittra reġistrata b'konferma ta' irċevuta nnotifikata.

▼M1

Artikolu 64a

Notifika b'mezzi elettroniċi jew mezzi oħra tekniċi

1.  Għandha ssir notifika b'mezzi elettroniċi permezz ta' trażmissjoni ta' kopja diġitali tad-dokument li jrid jiġi notifikat. In-notifika titqies li tkun saret fid-data li fiha l-komunikazzjoni tkun waslet għand ir-riċevitur. Il-President tal-Uffiċċju għandu jistabbilixxi d-dettalji tan-notifiki permezz ta' mezzi elettroniċi.

2.  Meta notifika ssir permezz ta' mezzi elettroniċi, il-parti għall-proċedimenti, inkluż ir-rappreżentant proċedurali tiegħu, għandu jipprovdi indirizz elettroniku lill-Uffiċċju għal kull komunikazzjoni uffiċjali.

3.  Il-President tal-Uffiċċju għandu jistabbilixxi d-dettalji tan-notifiki b'mezzi oħra tekniċi ta' komunikazzjoni.

▼B

Artikolu 65

In-notifika bil-posta

1.  In-notifika lil destinatarji li ma jkollhomx id-domiċilju tagħhom jew is-sede jew l-istabbiliment tagħhom ġewwa l-Komunità u li ma jkunux ħatru rappreżentant proċedurali skont l-Artikolu 82 tar-Regolament Bażiku għandha tkun effettwata bil-pustaġġ tad-dokumenti, li jridu jiġu nnotifikati b’ittra ordinarja fl-aħħar indirizz tad-destinatarju magħruf mill-Uffiċċju. In-notifika għandha titqies li tkun ġiet effettwata bil-posta saħansitra jekk l-ittra tiġi lura għax ma setgħetx tiġi kkunsinnata.

2.  Meta n-notifika tiġi effettwata b’ittra rreġistrata, sewwa jekk b’nota tal-kunsinna u sewwa jekk mingħajrha, din għandha titiqies li tkun ġiet ikkunsinnata lid-destinatarju fl-għaxar jum wara li tkun ġiet impustata, għajr jekk l-ittra ma jkunx irnexxielha tasal għand id-destinatarju jew tkun waslitlu f’jum iktar tard; fil-każ ta’ kull tilwima, għandu jkun id-dmir tal-Uffiċċju li jistabbilixxi illi l-ittra tkun waslet fid-destinazzjoni tagħha jew li jistabbilixxi d-data li fiha l-ittra tkun ġiet ikkunsinnata lid-destinatarju, skont kif ikun il-każ.

3.  In-notifika b’ittra rreġistrata, sewwa jekk b’nota tal-kunsinna u sewwa jekk mingħajrha, għandha titqies li tkun ġiet effettwata saħansitra jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta l-ittra jew li jirrikonoxxi li jkun irċevieha.

4.  Meta n-notifika bil-posta ma tkunx koperta bil-paragrafi minn 1, 2 u 3, għandhom japplikaw il-liġijiet tal-Istat li fit-territorju tiegħu ssir in-notifika.

Artikolu 66

In-notifika b’kunsinna bl-idejn

Fil-bini tal-Uffiċċju, in-notifika ta’ dokument tista’ tiġi effettwata b’kunsinna bl-idejn lid-destinatarju, li mal-kunsinna għandu jirrikonoxxi li jkun irċevieha. In-notifika għandha titqies li tkun saret saħansitra jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jew li jirrikonoxxi li jkun irċevieh.

▼M1

Artikolu 66a

Notifika lir-rappreżentanti proċedurali

1.  Fil-każ li jkun inħatar rappreżentant proċedurali, jew fil-każ li l-applikant li jissemmal-ewwel f'applikazzjoni konġunta skont l-Artikolu 73(5) jitqies bħala r-rappreżentant proċedurali, in-notifiki għandhom ikunu indirizzati lir-rappreżentant proċedurali.

2.  Meta għadd ta' rappreżentanti jkunu ġew appuntati għal parti waħda, avviż lil kwalunkwe wieħed minn dawn ir-rappreżentanti jkun suffiċjenti, ħlief jekk ikun ġie indikat indirizz speċifiku għan-notifika.

3.  Meta jkun hemm diversi partijiet li jkunu ħatru rappreżentant proċedurali komuni, in-notifika tad-dokumenti rilevanti għal dan ir-rappreżentant għandha tkun biżżejjed.

▼B

Artikolu 67

L-avviż pubbliku

Jekk l-indirizz tad-destinatarju ma jistax jiġi stabbilit, jew jekk in-notifika skont l-Artikolu 64(4) tirriżulta li tkun impossibbli saħansitra wara t-tieni tentattiv mill-Uffiċċju, in-notifika għandha tiġi effettwata b’avviż pubbliku, li jrid jinħareġ fil-pubblikazzjoni perjodika msemmija fl-Artikolu 89 tar-Regolament Bażiku. ►M1  Il-President tal-Uffiċċju għandu jistabbilixxi d-dettalji għall-ħruġ ta' notifika pubblika u għandu jiddetermina l-perjodu li fih id-dokument rilevanti għandu jitqies li jkun ġie nnotifikat. ◄

Artikolu 68

L-irregolaritajiet fin-notifika

Jekk l-Uffiċċju ma jkunx kapaċi jipprova illi d-dokument li jkun wasal għand id-destinatarju ikun ġie nnotifikat kif mistħoqq, jew jekk ma jkunux ġew osservati d-dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu man-notifika tiegħu, id-dokument għandu jitqies li jkun ġie nnotifikat fid-data stabbilita mill-Uffiċċju bħala d-data ta’ meta jkun ġie rċevut.



KAPITOLU IV

Il-Limiti Taż-Żmien U L-Interruzzjoni Tal-Proċedimenti

Artikolu 69

Il-komputazzjoni tal-limiti taż-żmien

1.  Il-limiti taż-żmien għandhom jiġu stabbiliti f’termini ta’ snin, xhur, ġimgħat jew ġranet sħaħ.

2.  Il-limiti taż-żmien għandhom jibdew mill-jum ta’ wara dak li fih tkun seħħet il-ġrajja rilevanti, bil-ġrajja tkun jew azzjoni jew l-iskadenza ta’ limitu ieħor taż-żmien. Għajr jekk ipprovvdut xorta oħra, il-ġrajja kkunsidrata għandha tkun dik ta’ meta jiġi rċevut id-dokument notifikat, meta l-azzjoni tikkonsisti f’notifika.

3.  Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-limiti taż-żmien għandhom jibdew minn ħmistax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ azzjoni rilevanti, meta l-azzjoni tkun jew l-avviż pubbliku msemmi fl-Artikolu 67, deċiżjoni tal-Uffiċċju għajr jekk notifikata lill-persuna rilevanti, jew kull azzjoni ta’ parti fil-proċedimenti li trid tiġi ppubblikata.

4.  Meta limitu taż-żmien jiġi espress bħala sena jew ċertu numru ta’ snin, għandu jiskadi fis-sena rilevanti sussegwenti fix-xahar li jkollu l-istess isem u fil-jum li jkollu l-istess numru bħax-xahar u l-jum li fihom tkun seħħet l-imsemmija ġrajja; meta x-xahar rilevanti sussegwenti ma jkollu l-ebda jum bl-istess numru, il-limitu taż-żmien għandu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dan ix-xahar.

5.  Meta limitu taż-żmien jiġi espress bħala xahar jew ċertu numru ta’ xhur, għandu jiskadi fix-xahar rilevanti sussegwenti fil-jum li jkollu l-istess numru bħall-jum li fih tkun seħħet l-imsemmija ġrajja; meta x-xahar rilevanti sussegwenti ma jkollux jum bl-istess numru, il-limitu taż-żmien għandu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dan ix-xahar.

6.  Meta limitu taż-żmien jiġi espress bħala ġimgħa jew ċertu numru ta’ ġimgħat, għandu jiskadi fil-ġimgħa rilevanti sussegwenti fil-jum li jkollu l-istess isem bħall-jum li fih tkun seħħet l-imsemmija ġrajja.

Artikolu 70

It-tul tal-limiti taż-żmien

Meta jew ir-Regolament Bażiku jew dan ir-Regolament jispeċifikaw limitu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-Uffiċċju, dan il-limitu taż-żmien ma għandux ikun anqas minn xahar u mhux aktar minn tliet xhur. F’ċerti każijiet speċjali, il-limitu taż-żmien jista’ jiġi mtawwal sa sitt xhur fuq talba ppreżentata qabel l-iskadenza ta’ dan il-limitu taż-żmien.

Artikolu 71

L-estensjoni tal-limiti taż-żmien

1.  Jekk limitu taż-żmien jiskadi f’jum li fih l-Uffiċċju ma jkunx miftuħ sabiex jirċievi d-dokumenti jew li fih, għal raġunijiet li mhux dawk imsemmija fil-paragrafu 2, il-posta ordinarja ma tasalx fil-lokalità li fiha l-Uffiċċju jkun jinsab, il-limitu taż-żmien għandu jiġi mtawwal sal-ewwel jum sussegwenti li fih l-uffiċċju jkun miftuħ sabiex jirċievi d-dokumenti u li fih tasal il-posta ordinarja. ►M1  Il-jiem imsemmija fl-ewwel sentenza għandhom ikunu kif iddikjarati mill-President tal-Uffiċċju qabel il-bidu ta' kull sena kalendarja u għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Gazzetta Uffiċjali msemmija fl-Artikolu 87. ◄

2.  Jekk limitu taż-żmien jiskadi f’jum li fih ikun hemm interruzzjoni ġenerali jew dislokazzjoni sussegwenti fit-twassil tal-posta fi Stat Membru jew bejn Stat Membru u l-Uffiċċju, il-limitu taż-żmien għandu jiġi mtawwal sal-ewwel jum wara t-tmiem tal-perjodu taż-żmien ta’ dislokazzjoni jew ta’ interruzzjoni fit-twassil tal-posta għal partijiet fil-proċedimenti li għandhom id-domiċilju jew is-sede jew l-istabbiliment tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, jew li jkunu ħatru rappreżentanti proċedurali b’sede f’dan l-Istat. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun l-Istat li fih ikun jinsab l-Ufiċċju, din id-dispożizzjoni għandha tapplika għall-partijiet kollha fil-proċedimenti. It-tul tal-perjodu taż-żmien ta’ interruzzjoni jew ta’ dislokazzjoni għandu jkun kif iddikjarat u kkomunikat mill-President tal-Uffiċċju.

▼M1

Fir-rigward ta' dokumenti sottomessi b'mezzi elettroniċi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika mutatis mutandis f'każijiet fejn hemm interruzzjoni tal-konnessjoni tal-Uffiċċju jew ta' waħda mill-partijiet għall-proċedimenti mal-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni. Il-partijiet għall-proċedimenti għandhom juru l-interruzzjoni tal-konnessjoni tal-fornitur elettroniku.

▼B

3.  Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aġenziji nazzjonali, jew għas-subuffiċċji nnominati, skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Bażiku kif ukoll għall-Uffiċċji tal-Eżami.

Artikolu 72

L-interruzzjoni tal-proċedimenti

1.  Il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għandhom jiġu interrotti:

(a) fil-każ tal-mewt jew tal-inkapaċità legali tal-applikant, jew tad-detentur ta’ dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta jew tal-applikant għal dritt ta’ sfruttament li jrid jiġi konċess mill-Uffiċċju jew tal-persuna intitolata sabiex tgawdi dan id-dritt ta’ sfruttament, jew tar-rappreżentant proċedurali ta’ kull wieħed minn dawn il-partijiet; jew

(b) fil-każ ta’ impediment legali li jinterrompi l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti ta’ din il-persuna quddiem l-Uffiċċju, minħabba kawża mressqa kontra l-proprjetà tagħha.

2.  Meta l-partikolaritajiet meħtieġa rigward l-identità tal-persuna awtorizzata sabiex tissokta l-proċedimenti bħala parti fihom jew rappreżentant proċedurali jkunu ddaħħlu fir-reġistru rilevanti, l-Uffiċċju għandu jgħarraf lil din il-persuna u lill-partijiet l-oħra illi l-proċedimenti għandhom jerġgħu jibdew mid-data li trid tiġi stabbilita mill-Uffiċċju.

3.  Il-limiti taż-żmien fis-seħħ għandhom jibdew mill-ġdid mill-jum li fih jibdew mill-ġdid il-proċedimenti.

4.  L-interruzzjoni tal-proċedimenti ma għandhiex taffettwa t-tkomplija tal-eżami tekniku jew tal-verifika tal-varjetà kkonċernata mill-Uffiċċju tal-Eżami meta t-tariffi rilevanti jkunu diġà tħallsu lill-Uffiċċju.



KAPITOLU V

Ir-Pappreżentanti Proċedurali

Artikolu 73

In-nomina ta’ rappreżentant proċedurali

1.  Kull nomina ta’ rappreżentant proċedurali għandha tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju. Il-komunikazzjoni għandu jkollha l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant proċedurali; l-Artikolu 2(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4), il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll tidentifika bħala tali kull impjegat tal-parti fil-proċedimenti. Impjegat ma jistax jiġi nnominat bħala rappreżentant proċedurali fit-tifsira tal-Artikolu 82 tar-Regolament Bażiku.

3.  In-nuqqas tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandu jwassal sabiex il-komunikazzjoni titqies li ma tkunx ġiet irċevuta.

4.  Rappreżentant proċedurali li l-mandat tiegħu jkun intemm għandu jissokta jiġi kkunsidrat bħala rappreżentant proċedurali sakemm it-tmiem tal-mandat tiegħu jkun ġie kkomunikat lill-Uffiċċju. Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja li tinsab fih, mandat għandu madankollu jintemm fil-konfront tal-Uffiċċju mal-mewt tal-persuna li tkun ikkonferietu.

▼M1

5.  Żewġ partijiet jew iktar għall-proċedimenti li jaġixxu b'mod konġunt, għandhom jaħtru rappreżentant proċedurali u jinnotifikaw l-Uffiċċju tiegħu. Meta ma jkunux innotifikaw rappreżentant proċedurali lill-Uffiċċju, il-parti għall-proċedimenti imsemmija l-ewwel f'applikazzjoni għal dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità jew għal dritt ta' sfruttament li jridu jiġu konċessi mill-Uffiċċju jew f'oġġezzjoni, għandha titqies li tkun ġiet maħtura bħala r-rappreżentant proċedurali tal-parti jew tal-partijiet l-oħra għall-proċedimenti.

▼M1

6.  Il-paragrafu 5 għandu japplika meta, waqt li jkunu għaddejjin il-proċedimenti, isir trasferiment ta'dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità għal aktar minn persuna waħda u meta tali persuni jkunu ħatru aktar minn rappreżentant proċedurali wieħed.

▼B

Artikolu 74

Il-kredenzjali tar-rappreżentanti proċedurali

1.  Meta l-ħatra ta’ rappreżentant proċedurali tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju, għandhom jiġu ppreżentati l-kredenzjali meħtieġa ffirmati sabiex jiġu inklużi fil-fajls fiż-żmien li l-Uffiċċju jista’ jispeċifika għajr jekk iprovvdut xorta oħra. Jekk il-kredenzjali ma jiġux ippreżentati fil-ħin, kull pass proċedurali meħud mir-rappreżentant proċedurali għandu jitqies li ma tteħidx.

▼M1

2.  Il-kredenzjali jistgħu jkopru proċediment wieħed jew aktar. Jistgħu jiġu ppreżentati kredenzjali ġenerali li jagħtu l-poter lil rappreżentant proċedurali li jaġixxi fil-proċedimenti kollha tal-parti li tagħti l-kredenzjali. Għandu jkun biżżejjed dokument waħdieni li jkopri l-kredenzjali ġenerali.

▼B

3.  Il-President tal-Uffiċċju jista’ jistabbilixxi, u jagħmel disponibbli, il-kontenut tal-formoli għall-kredenzjali, inklużi l-kredenzjali ġenerali msemmija fil-paragrafu 2, mingħajr ħlas.

▼M1

4.  L-annotazzjoni ta' rappreżentant proċedurali fir-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità għandha titħassar:

(a) fil-każ tal-mewt jew inkapaċità legali tar-rappreżentant proċedurali;

(b) meta rappreżentant proċedurali ma jibqax iktar domiċiljat jew ma jkollux aktar is-sede jew l-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni Ewropea;

(c) meta rappreżentant proċedurali ma jibqax maħtur mill-parti għall-proċedimenti u l-parti tkun informat lill-Uffiċċju b'dan.

▼B



KAPITOLU VI

Kif Jitqassmu U Jiġu Stabbilitil-Ispejjeż

Artikolu 75

It-tqassim tal-ispejjeż

1.  Deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tiġi ttrattata mad-deċiżjoni dwar ir-revoka jew il-kanċellament ta’ dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta, jew mad-deċiżjoni dwar l-appell.

2.  Fil-każ tat-tqassim tal-ispejjeż skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju għandu jfassal dan it-tqassim f’dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deċiżjoni dwar ir-revoka jew il-kanċellament ta’ dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti, jew għad-deċiżjoni dwar l-appell. Il-partijiet fil-proċedimenti ma jistgħux jeċċepixxu l-ommissjoni ta’ dik l-indikazzjoni.

Artikolu 76

Kif jiġu stabbiliti l-ispejjeż

1.  Talba għall-iffissar tal-ispejjeż għandha tkun ammissibbli biss jekk tkun ittieħdet id-deċiżjoni li fir-rigward tagħha jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-ispejjeż u jekk, fil-każ ta’ appell kontra din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikun iddeċieda dwar dan l-appell. Ghandu jinthemeż kont tal-ispejjeż, bid-dokumenti ta’ appoġġ, mat-talba.

2.  L-ispejjeż jistgħu jiġu stabbiliti ġaladarba tiġi stabbilita l-kredibbiltà tagħhom.

3.  Meta parti fil-proċedimenti teħel l-ispejjeż ta’ parti l-oħra fil-proċedimenti, ma għandhiex tkun meħtieġa tirrimborsa spejjeż oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 4. Meta l-parti rebbieħa fil-proċedimenti tkun irrappreżentata minn iktar minn aġent, konsulent jew avukat wieħed, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 4 għal waħda minn dawn il-persuni biss.

4.  L-ispejjeż essenzjali fil-proċedimenti għandhom ikopru:

(a) l-ispejjeż tax-xhieda u tal-esperti mħallsa mill-Uffiċċju lix-xhud jew lill-espert ikkonċernat;

(b) l-ispejjeż tal-vjaġġ u tal-manteniment ta’ parti fil-proċedimenti u ta’ aġent, konsulent jew avukat debitament innominati bħala rappreżentanti proċedurali quddiem l-Uffiċċju, skont l-iskali rilevanti li japplikaw għax-xhieda u l-esperti stabbiliti fl-Anness I;

(c) ir-rimunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat debitament innominati bħala r-rappreżentanti proċedurali ta’ parti fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, skont l-iskali stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 77

Il-ftehim dwar l-ispejjeż

Fil-każ ta’ ftehim dwar il-ħlas tal-ispejjeż imsemmi fl-Artikolu 85(4) tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju għandu jikonferma dan il-ftehim f’komunikazzjoni lill-partijiet fil-proċedimenti. Meta din il-komunikazzjoni tikkonferma wkoll ftehim dwar l-ammont tal-ispejjeż li jridu jitħallsu, ma għandhiex tkun ammissibbli talba sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż.



IT-TITOLU V

IT-TAGĦRIF MOGĦTI LILL-PUBBLIKU



KAPITOLU I

Ir-Reġistri, L-Ispezzjonijiet Pubbliċi U L-Pubblikazzjonijiet



Taqsima 1

Ir-Reġistri

Artikolu 78

Id-dħul ta’ informazzjoni li għandha x’taqsam mal-proċedimenti u mad-drittijiet Komunitarji għall-varjetajiet tal-pjanti, sabiex tiddaħħal fir-Reġistri

1.  Il-“partikolaritajiet l-oħra” li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 87(3) tar-Regolament Bażiku għandhom jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti:

(a) id-data tal-pubblikazzjoni meta din il-pubblikazzjoni tkun ġrajja rilevanti għall-komputazzjoni tal-limiti taż-żmien;

(b) kull oġġezzjoni, flimkien mad-data tagħha, l-isem u l-indirizz tal-persuna li toġġezzjona u dawk tar-rappreżentant proċedurali tagħha;

▼M1

(c) talba partikolari fir-rigward ta' prijorità skont l-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament (data u post tal-applikazzjoni ta' qabel);

▼B

(d) kull istituzzjoni ta’ kawża rigward il-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 98(4) u fl-Artikolu 99 tar-Regolament Bażiku dwar intitolament għal dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti, u d-deċiżjoni finali f’kawża bħal din jew kull terminazzjoni oħra tagħha;

▼M1

(e) l-għoti ta' dritt ġej minn applikazzjoni għal dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità bħala garanzija jew bħala l-oġġett ta' kull dritt ieħor in rem.

▼B

2.  Il-“partikolaritajiet oħra” li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 87(3) tar-Regolament Bażiku għandhom jiddaħħlu fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti, fuq talba:

(a) l-għoti ta’ dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti bħala garanzija jew bħala l-oġġett ta’ kull dritt ieħor in rem; jew

(b) kull istituzzjoni ta’ kawża rigward il-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 98(1) u (2) u fl-Artikolu 99 tar-Regolament Bażiku u li jkollhom x’jaqsmu mad-dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti, u d-deċiżjoni finali f’kawża bħal din jew kull terminazzjoni oħra tagħha.

3.  Il-President tal-Uffiċċju għandu jiddeċiedi dwar id-dettalji ta u jista’ jiddeċiedi dwar aktar partikolaritajiet li jkunu jridu jiddaħħlu fir-Reġistri bil-għan tal-ġestjoni tal-Uffiċċju.

Il-President tal-Uffiċċju għandu jiddetermina l-għamla tar-Reġistri. Ir-Reġistri jistgħu jinżammu fl-għamla ta’ database elettronika.

Artikolu 79

Id-dħul ta’ trasferiment ta’ dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti

1.  Kull trasferiment ta’ drittijiet Komunitarji għal varjetajiet ta’ pjanti għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti fuq il-produzzjoni ta’ prova dokumentali tat-trasferiment, jew ta’ dokumenti uffiċjali li jikkonfermaw it-trasferiment, jew ta’ estratti minn dawn id-dokumenti li jkunu biżżejjed biex jistabbilixxu t-trasferiment. L-Uffiċċju għandu jżomm kopja ta’ dawn l-elementi ta’ prova dokumentali fil-fajls tiegħu.

Il-President tal-Uffiċċju għandu jiddetermina l-għamla li fiha, flimkien mal-kundizzjonijiet li fuqhom, għandhom jinżammu dawk l-elementi ta’ prova dokumentali fil-fajls tal-Uffiċċju.

2.  Id-dħul ta’ trasferiment jista’ jiġi rrifjutat biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Bażiku.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għal kull trasferiment ta’ intitolament għal dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti li għaliha applikazzjoni tkun iddaħħlet fir-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti. Ir-referenza għar-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti għandu jiġi mifhum bħala referenza għar-Reġistru tal-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti.

Artikolu 80

Il-kundizzjonijiet għad-dħul fir-Reġistri

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Bażiku jew ta’ dan ir-Regolament, talba għal dħul jew għat-tħassir ta’ dħul fir-Reġistri tista’ ssir minn kull persuna interessata. It-talba għandha ssir bil-miktub, akkumpanjata b’dokumenti ta’ appoġġ.

Artikolu 81

Il-kundizzjonijiet għal dħul speċifiku fir-Reġistri

1.  Meta dritt Komunitarju għal varjetà tal-pjanti li għalih tkun saret applikazzjoni jew li jkun ġie konċess ikun ikkonċernat minn proċedimenti ta’ falliment jew proċedimenti simili, għanda ssir entratura ta’ dan il-fatt, mingħajr ħlas, fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet ta’ Pjanti fuq talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Dan id-dħul għandu jitħassar ukoll fuq talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti, mingħajr ħlas.

▼M1

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-istituzzjoni ta' kawżi fir-rigward tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikoli 98 u 99 tar-Regolament Bażiku u d-deċiżjoni finali mhix suġġetta għal kwalunkwe appell f'kawża bħal din jew kull terminazzjoni oħra tagħha.

3.  Meta l-varjetajiet jiġu identifikati bħala varjetajiet inizjali jew varjetajiet essenzjalment idderivati, tista' ssir talba għad-dħul mill-partijiet kollha għall-proċedimenti b'mod konġunt jew separatament. Talba minn parti waħda biss għall-proċedimenti għandha tkun akkumpanjata minn provi dokumentali suffiċjenti tal-elementi msemmija fl-Artikolu 87(2)(h) tar-Regolament Bażiku sabiex tissostitwixxi t-talba tal-parti l-oħra. Evidenza dokumentata bħal din għandha tinkludi l-identifikazzjoni tal-varjetajiet ikkonċernati bħala varjetajiet inizjali jew varjetajiet essenzjalment idderivati, u l-konferma mhux kontenzjuża mill-parti l-oħra jew is-sentenza finali.

▼B

4.  Meta jiġi mitlub id-dħul ta’ dritt ta’ sfruttament kuntrattwali esklużiv jew ta’ dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta mogħti bħala garanzija jew bħala s-suġġett ta’ drittijiet in rem, dawn it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati bi provi dokumentali suffiċjenti.

Artikolu 82

Spezzjoni Pubblika tar-Reġistri

1.  Ir-reġistri għandhom ikunu miftuħa għal spezzjoni pubblika fil-bini tal-Uffiċċju.

Aċċess għar-Reġistri u għad-dokumenti miżmuma hemm ġew jingħata taħt l-istess termini u kundizzjonijiet li japplikaw għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Uffiċċju skont it-tifsira tal-Artikolu 84.

2.  Spezzjoni fuq il-post tar-Reġistri hija b’xejn.

Il-produzzjoni u t-tqassim ta’ estratti mir-Reġistri f’kull forma li titlob l-ipproċessar jew il-manipulazzjoni ta’ data barra minn sempliċi riproduzzjoni ta’ dokument jew partijiet minnu għandu jkun suġġett għall-ħlas ta’ tariffa.

▼M1

3.  Il-President tal-Uffiċċju jista' jipprovdi għal spezzjoni pubblika tar-Reġistri fil-bini tal-aġenziji nazzjonali jew tas-subuffiċċji involuti fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet amministrattivi speċifiċi, skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Bażiku.

▼B



Taqsima 2

Iż-żamma tad-dokumenti, l-ispezzjoni pubblika tad-dokumenti u l-varjetajiet imkabbra

Artikolu 83

Iż-żamma tal-fajls

▼M1

1.  Id-dokumenti relatati mal-proċedimenti għandhom jinżammu f'format elettroniku f'fajls elettroniċi, bin-numru tal-fajl mehmuz ma' dawn il-proċedimenti, għajr għal dawk id-dokumenti li jkollhom x'jaqsmu mal-esklużjoni tal-membri tal-Bord tal-Appell, jew tal-persunal tal-Uffiċċju jew tal-Uffiċċju tal-Eżamijiet interessati, jew ma' oġġezzjoni għalihom, li għandhom jinżammu separatament.

2.  L-Uffiċċju għandu jżomm kopja elettronika tal-fajl imsemmi fil-paragrafu 1 (“il-kopja tal-fajl”) li għandha titqies bħala l-kopja vera u kompleta tal-fajl. L-Uffiċċju tal-Eżamijiet għandu jżomm kopja tad-dokumenti addizzjonali relatati ma' dawn il-proċedimenti (kopja tal-eżami).

▼B

3.  Id-dokumenti oriġinali ppreżentati mill-partijiet fil-proċedimenti li jservu ta’ bażi għad-dokumenti kollha elettroniċi jistgħu jintremew wara perjodu ta’ żmien minn meta jirċevihom l-Uffiċċju.

4.  Il-President tal-Uffiċċju għandu jiddetermina d-dettalji dwar l-għamla li fiha jridu jinżammu d-dokumenti, il-perjodu li tulu jridu jinżammu d-dokumenti u l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 84

L-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Uffiċċju

1.  Il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Uffiċċju, inklużi r-Reġistri.

2.  Il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta l-kategoriji ta’ dokumenti tal-Uffiċċju li jridu jkunu aċċessibbli direttament mill-pubbliku permezz ta’ pubblikazzjoni, inkluża pubblikazzjoni b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 85

L-ispezzjoni tat-tkabbir tal-varjetajiet

1.  Talba għal spezzjoni tat-tkabbir tal-varjetajiet għandha tkun indirizzata bil-miktub lill-Uffiċċju. Bil-kunsens tal-Uffiċċju, l-aċċess għall-plottijiet tat-test jista’ jiġi rranġat mill-Uffiċċju tal-Eżami.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 88(3) tar-Regolament Bażiku, l-aċċess ġenerali għall-plottijiet tat-test minn viżitaturi ma għandux ikun affettwat bid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, sakemm il-varjetajiet kollha mkabbra jkunu kkodifikati, sakemm l-Uffiċċju tal-Eżami fdat bix-xogħol jieħu l-miżuri xierqa kontra kull tneħħija tal-materjal u dawn jiġu approvati mill-Uffiċċju, u sakemm jittieħed kull pass meħtieġ sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-applikant għal, jew tad-detentur ta’, dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanti.

3.  Il-President tal-Uffiċċju jista’ jistabbilixxi d-dettalji tal-proċedura għall-ispezzjoni tat-tkabbir tal-varjetajiet, u jista’ jirrevedi s-salvagwardji li jridu jiġu pprovvduti skont il-paragrafu 2.

Artikolu 86

It-tagħrif kunfidenzjali

Bil-għan li t-tagħrif jinżamm kunfidenzjali, l-Uffiċċju għandu jagħmel disponibbli, mingħajr ħlas, il-formoli li jridu jintużaw mill-applikant għal dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanti sabiex jitlob li tinżamm milli tiġi spezzjonata kull informazzjoni relatata mal-komponenti kif imsemmi fl-Artikolu 88(3) tar-Regolament Bażiku.



Taqsima 3

Pubblikazzjonijiet

Artikolu 87

Il-Gazzetta Uffiċjali

1.  Il-pubblikazzjoni li trid tinħareġ mill-anqas kull xahrejn skont l-Artikolu 89 tar-Regolament Bażiku għandha tissejjaħ il-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (minn issa ’l quddiem “il-Gazzetta Uffiċjali”).

2.  Il-Gazzetta Uffiċjali għandu jkun fiha wkoll it-tagħrif imdaħħal fir-Reġistri skont l-Artikolu 78(1)(c) u (d), l-Artikolu 78(2) u l-Artikolu 79.

3.  Il-President tal-Uffiċċju għandu jiddetermina l-mod li bih tiġi ppubblikata l-Gazzetta Uffiċjali.

Artikolu 88

Il-pubblikazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għad-drittijiet ta’ sfruttament li jridu jiġu konċessi mill-Uffiċċju u deċiżjonijiet dwarhom

Id-dati ta’ meta tiġi rċevuta applikazzjoni għal dritt ta’ sfruttament li jrid jiġi konċess mill-Uffiċċju u tat-twassil tad-deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni, l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet fil-proċedimenti u l-għamla tad-deċiżjoni mitluba jew mogħtija għandhom jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali. Fil-każ ta’ deċiżjoni għall-konċessjoni ta’ liċenzja obbligatorja, il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi ppubblikat bl-istess mod.

Artikolu 89

Il-pubblikazzjonijiet tal-appelli u tad-deċiżjonijiet tagħhom

Għandhom jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali d-data ta’ meta jiġi rċevut avviż ta’ appell u dik tal-għoti tad-deċiżjoni fuq dan l-appell, l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet fil-proċedimenti tal-appell u l-għamla tad-deċiżjoni mitluba jew mogħtija.



KAPITOLU II

Il-Kooperazzjoni Amministrattiva U Legali

Artikolu 90

Il-komunikazzjoni tat-tagħrif

1.  It-tagħrif li jrid jiġi skambjat skont l-Artikolu 90 tar-Regolament Bażiku għandu jiġi kkomunikat direttament bejn l-awtoritajiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni.

2.  Il-komunikazzjoni tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Bażiku minn jew lill-Uffiċċju tista’ tiġi effettwata permezz tal-uffiċċji kompetenti tal-varjetajiet tal-pjanti tal-Istati Membri, mingħajr ħlas.

3.  Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għall-komunikazzjoni tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Bażiku effettwata lill-Uffiċċju tal-Eżami jew minnu. L-Uffiċċju għandu jirċievi kopja ta’ din il-komunikazzjoni.

Artikolu 91

L-ispezzjoni mill-qrati jew l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Membri jew permezz tagħhom

1.  L-ispezzjoni tal-fajls skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolament Bażiku għandha ssir fuq kopji tal-fajls maħruġa mill-Uffiċċju esklużivament għal dan il-għan.

2.  Il-qrati jew l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Membri jistgħu, fil-kors tal-proċedimenti quddiemhom, jiftħu d-dokumenti trażmessi mill-Uffiċċju għall-ispezzjoni minn partijiet terzi. Din l-ispezzjoni għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 88 tar-Regolament Bażiku; l-Uffiċċju ma għandux jitlob ħlas għal dan.

▼M1

3.  L-Uffiċċju għandu jindika, fiż-żmien tat-trażmissjoni tal-fajls, lill-qrati jew lill-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Membri, ir-restrizzjonijiet li għalihom tkun soġġetta l-ispezzjoni tad-dokumenti li jkunu relatati mal-applikazzjonijiet għad-drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità, jew mal-konċessjoni tagħhom, skont l-Artikolu 33a u 88 tar-Regolament Bażiku.

▼B

Artikolu 92

Il-proċedura tal-ittri rogatorji

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità ċentrali li tieħu l-inkarigu li tirċievi l-ittri rogatorji maħruġa mill-Uffiċċju u tittrażmettihom lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti sabiex iwettquhom.

2.  L-Uffiċċju għandu jfassal l-ittri rogatorji fl-ilsien tal-qorti kompetenti jew tal-awtorità kompetenti jew jehmeż traduzzjoni f’dan l-ilsien ma’ dawn l-ittri.

3.  Bla ħsara għall-paragrafi 4 u 5, il-qorti kompetenti jew l-awtorità kompetenti għandhom japplikaw il-liġijiet tagħhom għall-proċeduri li jridu jiġu segwiti fl-eżekuzzjoni ta’ dawn it-talbiet. B’mod partikolari, għandhom japplikaw miżuri kostrinġenti xierqa, skont il-liġijiet tagħhom.

4.  L-Uffiċċju għandu jiġi mgħarraf biż-żmien meta, u bil-post fejn, iridu jsiru l-inkjesta jew il-miżuri legali l-oħra u għandu jgħarraf lill-partijiet fil-proċedimenti, lix-xhieda u lill-esperti kkonċernati.

5.  Jekk hekk mitluba mill-Uffiċċju, il-qorti kompetenti jew l-awtorità kompetenti għandhom jippermettu l-attendenza tal-membri tal-persunal tal-Uffiċċju kkonċernati u jħalluhom jagħmlu mistoqsijiet lil kull persuna li tkun qiegħda tixhed, jew direttament jew permezz tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti.

6.  L-eżekuzzjoni tal-ittri rogatorji ma għandha tagħti lok għall-ħlas tal-ebda tip ta’ tariffa jew spiża. Madankollu, l-Istat Membru li fih jiġu eżegwiti l-ittri rogatorji għandu jkollu d-dritt li jeħtieġ lill-Uffiċċju li jirrifondi kull tariffa mħallsa lill-esperti u lill-interpreti u l-ispejjeż li joħorġu mill-proċedura skont il-paragrafu 5.



IT-TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 93

Ir-Regolament (KE) Nru 1239/95 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 94

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

1. Il-kumpens li jrid jitħallas lix-xhieda u lill-esperti għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-manteniment ipprovvdut fl-Artikolu 62(2) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

1.1. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar:

Għall-vjaġġ lejn il-post u tar-ritorn bejn id-domiċilju jew is-sede u l-post fejn isiru l-proċedimenti orali jew fejn tittieħed ix-xhieda:

(a) l-ispiża tat-trasport bil-ferrovija fl-ewwel klassi inklużi s-supplimenti normali tat-trasport għandhom jitħallsu meta d-distanza totali bl-iqsar rotta ma taqbiżx it-800 km;

(b) l-ispiża tat-trasport bl-ajru fil-klassi turistika għandha titħallas meta d-distanza bl-iqsar rotta bil-ferrovija taqbeż it-800 km jew meta l-iqsar rotta teħtieġ it-traġitt bil-baħar.

1.2. L-ispejjeż tal-manteniment għandhom jitħallsu b'mod ekwivalenti għall-benefiċċju tal-għajxien ta' kuljum tal-uffiċjali kif stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

1.3. Meta jiġi mħarrek xhud jew espert għall-proċedimenti fl-Uffiċċju għandu jirċievi mat-taħrika ordni għall-vjaġġ li jkun fiha d-dettalji ta' dawk l-ammonti li jridu jitħallsu skont il-punti 1.1 u 1.2, flimkien ma' formola ta' talba għall-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem. Qabel ma jista’ jsir ħlas bil-quddiem lil xhud jew lil espert, l-intitolament tiegħu irid jiġi ċċertifikat minn membru tal-persunal tal-Uffiċċju li jkun ordna li tittieħed ix-xhieda jew, fil-każ ta’ proċedimenti ta’ appell, mill-President tal-Bord tal-Appell responsabbli. Il-formola tat-talba trid għalhekk tiġi rritornata lill-Uffiċċju għaċ-ċertifikazzjoni.

2. Il-kumpens li jrid jitħallas lix-xhieda rigward it-telf mill-introjtu tagħhom previst fl-Artikolu 62(3) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

2.1. Jekk xhud ikun meħtieġ li jkun assenti għal perjodu totali taż-żmien ta' 12-il siegħa jew anqas, il-kumpens għat-telf mill-introjtu tiegħu għandu jkun ugwali għal wieħed minn sittin tas-salarju bażiku ta' kull xahar ta' impjegat fl-Uffiċċju fl-iskala l-aktar baxxa tal-grad ta' AD12.

2.2. Jekk xhud ikun meħtieġ li jkun assenti għal perjodu totali taż-żmien ta' aktar minn 12-il siegħa, għandu jkun intitolat għall-kumpens ulterjuri, ugwali għal wieħed minn sittin tas-salarju bażiku imsemmi fil-punt 2.1 għal kull perjodu ulterjuri taż-żmien ta' 12-il siegħa li jkun inbeda.

3. Id-drittijiet li jridu jitħallsu lill-esperti kif previst fl-Artikolu 62(3) għandhom ikunu stabbiliti, każ każ, filwaqt li titqies proposta mill-espert kkonċernat. L-Uffiċċju jista' jiddeċiedi li jistieden lill-partijiet fil-proċedimenti sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-ammont propost. ►M1  Id-drittijiet jistgħu jitħallsu lill-espert biss jekk jippreżenta xiehda b'dokumenti ta' appoġġ li juru li huwa mhux membru fl-impieg tal-Uffiċċju tal-Eżamijiet jew ta' entità teknika kkwalifikata. ◄

4. Il-ħlasijiet lix-xhieda jew lill-esperti għat-telf mill-introjtu tagħhom jew id-drittijiet skont il-punti 2 u 3 jridu jsiru wara ċ-ċertifikazzjoni tal-intitolament tax-xhud jew tal-espert ikkonċernat mill-membru tal-persunal tal-Uffiċċju li jkun ordna li tittieħed ix-xhieda jew, fil-każ tal-proċedimenti ta' appell, mill-President tal-Bordijiet tal-Appell responsabbli.

5. Ir-rimunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat li jaġixxu bħala rappreżentanti ta’ parti fil-proċedimenti kif previst fl-Artikolu 76(3) u fl-Artikolu 76(4)(c) għandha titħallas mill-parti l-oħra fil-proċedimenti fuq il-bażi tar-rati massimi li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ proċedimenti ta’ appell għajr għat-teħid ta’ xhieda li jinvolvi l-eżami ta' xhieda, l-opinjonijiet mill-esperti jew spezzjoni: EUR ►M1  550 ◄ ;

(b) fil-każ tat-teħid ta’ xhieda fi proċedimenti ta’ appell li jinvolvi l-eżami ta' xhieda, l-opinjonijiet mill-esperti jew spezzjoni: EUR ►M1  400 ◄ ;

▼M1

(c) fil-każ ta' proċedimenti għar-revoka jew il-kanċellazzjoni ta' dritt Komunitarju għal varjetà ta' pjanta: EUR 450.

▼B




ANNESS II



Ir-Regolament revokat b’lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95

(ĠU L 121, 1.6.1995, p. 37)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/96

(ĠU L 62, 13.3.1996, p. 3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2181/2002

(ĠU L 331, 7.12.2002, p. 14)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1002/2005

(ĠU L 170, 1.7.2005, p. 7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 355/2008

(ĠU L 110, 22.4.2008, p. 3)




ANNESS III



Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1239/95

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 14

Artikoli 1 sa 14

Artikolu 15(1), (2) u (3)

Artikolu 15(1), (2) u (3)

Artikolu 15(4)

Artikolu 15(5) u (6)

Artikolu 15(5) u (6)

Artikoli 16 sa 26

Artikoli 16 sa 26

Artikolu 27(1), l-ewwel sar-raba’ inċiżi

Artikolu 27(1)(a) sa (d)

Artikolu 27(2) u (3)

Artikolu 27(2) u (3)

Artikolu 27(4), l-ewwel sar-raba’ inċiżi

Artikolu 27(4)(a) sa (d)

Artikoli 28 sa 40

Artikoli 28 sa 40

Artikolu 41, l-ewwel sentenza

Artikolu 41(1)

Artikolu 41(1) sa (4)

Artikolu 41(2) sa (5)

Artikoli 42 sa 64

Artikoli 42 sa 64

Artikolu 65(2) sa (5)

Artikolu 65(1) sa (4)

Artikoli 66 sa 92

Artikoli 66 sa 92

Artikolu 93(1)

Artikolu 15(4)

Artikolu 93(2) u (3)

Artikolu 94

Artikolu 93

Artikolu 95

Artikolu 94

Anness

Anness I

Annessi II u III



( 1 ) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE tad-9 ta' April 1968 dwar il-marketing [it-tqegħid fis-suq] ta' materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (ĠU L 93, 17.4.1968, p. 15).

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta' katalgi ta' speċi ta' pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

( 4 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-marketing ta' żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

( 5 ) Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/97/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' fornituri u ta' varjetajiet u l-lista komuni ta' varjetajiet (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 16).