2009R0664 — MT — 20.08.2009 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 664/2009

tas-7 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji matrimonjali, materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment, u l-liġi applikabbli f’materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment

(ĠU L 200, 31.7.2009, p.46)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 241, 17.9.2011, p. 35  (664/2009)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 664/2009

tas-7 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji matrimonjali, materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment, u l-liġi applikabbli f’materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 61(c), 65, 67(2) u 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 ),

Billi:

(1)

It-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat jipprevedi l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.

(2)

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kienet tradizzjonalment irregolata minn ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dawn il-ftehimiet, li minnhom hemm numru kbir, spiss jirriflettu rabtiet speċjali bejn Stat Membru u pajjiż terz u huma intenzjonati biex jipprovdu qafas legali adegwat biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi tal-partijiet ikkonċernati.

(3)

L-Artikolu 307 tat-Trattat jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha xierqa biex tiġi eliminata kwalunkwe inkompatibbiltà bejn l-acquis tal-Komunità u l-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dan jista’ jinvolvi l-ħtieġa għan-negozjar mill-ġdid ta’ dawn il-ftehimiet.

(4)

Sabiex ikun ipprovdut qafas legali adegwat biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Stat Membru partikolari fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ pajjiż terz, jista’ jkun hemm ukoll ħtieġa ċara għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda ma’ pajjiżi terzi relatati mal-oqsma tal-ġustizzja ċivili li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat.

(5)

Fl-Opinjoni 1/03 tagħha tas-7 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikkonfermat li l-Komunità akkwistat kompetenza esklussiva biex tikkonkludi ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta’ Lugano ma’ pajjiżi terzi dwar materji li jaffettwaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ) (“Brussell I”).

(6)

Hija l-Komunità li għandha tikkonkludi, skont l-Artikolu 300 tat-Trattat, ftehimiet bejn il-Komunità u pajjiż terz dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

(7)

L-Artikolu 10 tat-Trattat jobbliga lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-ksib tal-kompiti tal-Komunità u biex jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat. Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix fuq jekk il-kompetenza tal-Komunità hijiex esklussiva jew le.

(8)

Fir-rigward tal-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ ġustizzja ċivili li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità, għandha tiġi stabbilita proċedura koerenti u trasparenti li tawtorizza Stat Membru li jemenda ftehim eżistenti jew li jinnegozja u jikkonkludi ftehim ġdid, b’mod partikolari meta l-Komunità nnifisha ma tkunx indikat l-intenzjoni tagħha li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha biex tikkonkludi ftehim permezz ta’ mandat għan-negozjar diġà eżistenti jew mandat għan-negozjar previst. Din il-proċedura għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Komunità u għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 300 u 307 tat-Trattat. Din għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali u għandha tkun limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien.

(9)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-istess suġġett. Żewġ ftehimiet għandhom jitqiesu li jikkonċernaw l-istess suġġett biss jekk, u sakemm, ikunu jirregolaw fis-sustanza l-istess kwistjonijiet legali speċifiċi. Dispożizzjonijiet li jiddikjaraw sempliċiment intenzjoni ġenerali li ssir kooperazzjoni f’kwistjonijiet bħal dawn m’għandhomx jitqiesu li jikkonċernaw l-istess suġġett.

(10)

Ċerti ftehimiet reġjonali msemmija fl-atti legali Komunitarji eżistenti għandhom ikunu koperti wkoll minn dan ir-Regolament.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li ftehim previst minn Stat Membru ma jirrendix il-liġi Komunitarja ineffettiva, ma jikkompromettix il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minn dik il-liġi jew ma jikkompromettix il-politika Komunitarja dwar ir-relazzjonijiet esterni kif deċiża mill-Komunità, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun meħtieġ jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jinfetħu jew jitkomplew in-negozjati formali dwar ftehim kif ukoll biex jiġi konkluż ftehim. Tali notifika għandha tingħata b’ittra jew b’mezzi elettroniċi. Din għandu jkun fiha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha rilevanti li tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt mistenni fuq il-liġi Komunitarja tal-eżitu tan-negozjati.

(12)

Għandu jkun evalwat jekk hemmx biżżejjed interess Komunitarju fil-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat jew, fejn ikun xieraq, fis-sostituzzjoni ta’ ftehim bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz bi ftehim Komunitarju. Għal dak il-għan l-Istati Membri kollha għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe notifika riċevuta mill-Kummissjoni dwar ftehim previst minn Stat Membru sabiex huma jkunu jistgħu juru l-interess tagħhom li jissieħbu fl-inizjattiva tal-Istat Membru li jkun bagħat in-notifika. Jekk, minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni, jirriżulta li jkun hemm interess Komunitarju suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi mandat għan-negozjar bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat.

(13)

Jekk il-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali minn Stat Membru b’rabta mal-valutazzjoni tiegħu dwar jekk dak l-Istat Membru għandux jiġi awtorizzat li jiftaħ negozjati ma’ pajjiż terz, tali talba m’għandhiex taffettwa l-limiti ta’ żmien li fihom il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

(14)

Meta tkun qed tagħti l-awtorizazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali, il-Kummissjoni għandha tkun tista’, jekk ikun meħtieġ, tipproponi linji gwida għan-negozjar jew titlob li jiddaħħlu klawsoli partikolari fil-ftehim previst. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bis-sħiħ matul l-istadji differenti tan-negozjati safejn għandhom x’jaqsmu l-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha titħalla tipparteċipa bħala osservatriċi fin-negozjati fir-rigward ta’ dawk il-materji.

(15)

Meta jkunu qed jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jibdew negozjati ma’ pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa biss li jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-elementi li huma ta’ rilevanza għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni. L-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni u kwalunkwe linja gwida għan-negozjar possibbli jew, skont il-każ, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni għandha tikkonċerna biss materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(16)

L-Istati Membri kollha għandhom jiġu infurmati bi kwalunkwe notifika lill-Kummissjoni dwar ftehimiet previsti jew innegozjati u dwar kwalunkwe deċiżjoni motivata mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament. Informazzjoni bħal din, madankollu, għandha tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm.

(17)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 3 ).

(18)

Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni tagħha, ikollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati formali jew il-konklużjoni ta’ ftehim innegozjat, hija għandha, qabel ma tagħti d-deċiżjoni motivata tagħha, tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ta’ ċaħda ta’ awtorizzazzjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim innegozjat l-opinjoni għandha tiġi ppreżentata wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-ftehim innegozjat ma jkunx jikkostitwixxi ostakolu għall-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Komunità dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, il-ftehim għandu jipprevedi jew għad-denunzja totali jew parzjali tiegħu, fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett, jew sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim bid-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim sussegwenti.

(20)

Għandhom jiġu previsti miżuri transitorji li jkopru sitwazzjonijiet fejn, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà beda l-proċess li jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz, jew ikun lesta n-negozjati iżda ma jkunx għadu esprima l-kunsens tiegħu li jintrabat bil-ftehim.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li nkisbet esperjenza biżżejjed dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar din l-applikazzjoni mhux qabel tmien snin wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. F’dak ir-rapport, il-Kumissjoni, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha, għandha tikkonferma n-natura temporanja ta’ dan ir-Regolament jew teżamina jekk dan ir-Regolament għandux jiġi sostitwit b’Regolament ġdid li jkopri l-istess suġġett jew li jinkludi wkoll materji oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità u rregolati minn strumenti Komunitarji oħrajn.

(22)

Jekk ir-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni jikkonferma n-natura temporanja ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom xorta jkunu jistgħu, wara l-preżentazzjoni tar-rapport, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar negozjati li għaddejjin jew li diġà tħabbru bil-ħsieb li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati formali.

(23)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(24)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda taw in-notifika tax-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tawtorizza lil Stat Membru jemenda ftehim eżistenti, jew jinnegozja u jikkonkludi ftehim ġdid ma’ pajjiż terz soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Din il-proċedura hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Istati Membri.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ftehimiet li jikkonċernaw materji li jaqgħu, kompletament jew parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri ( 4 ) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( 5 ) safejn dawk il-materji jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

3.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-istess suġġett.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “ftehim” għandu jfisser:

(a) ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz;

(b) il-ftehimiet reġjonali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 59(2) u għall-Artikolu 59(3) ta’ dak ir-Regolament, u fl-Artikolu 69(3) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009.

2.  Fil-kuntest ta’ ftehimiet reġjonali kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, kwalunkwe referenza f’dan ir-Regolament għal Stat Membru jew pajjiż terz għandha tinqara bħala referenza għall-Istati Membri jew pajjiżi terzi kkonċernati, rispettivament.

Artikolu 3

Notifika lill-Kummissjoni

1.  Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jidħol f’negozjati sabiex jemenda ftehim eżistenti jew biex jikkonkludi ftehim ġdid li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub bl-intenzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli qabel il-ftuħ previst tan-negozjati formali.

2.  In-notifika għandha tinkludi, kif ikun xieraq, kopja tal-ftehim eżistenti, l-abbozz tal-ftehim jew l-abbozz tal-proposta, u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra. L-Istat Membru għandu jiddeskrivi s-suġġett tan-negozjati u jispeċifika l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-ftehim previst, jew id-dispożizzjonijiet tal-ftehim eżistenti li għandhom jiġu emendati. L-Istat Membru jista’ jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali oħra.

Artikolu 4

Valutazzjoni mill-Kummissjoni

1.  Mal-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Istat Membru jistax jiftaħ negozjati formali.

2.  Meta tagħmel dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivverifika jekk huwiex speċifikament previst xi mandat għan-negozjar rilevanti bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim Komunitarju mal-pajjiż terz ikkonċernat fl-24 xahar li jsegwu. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunux ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda l-informazzjoni li turi li għandu interess speċifiku fil-konklużjoni tal-ftehim minħabba rabtiet ekonomiċi, ġeografiċi, kulturali, storiċi, soċjali jew politiċi bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz ikkonċernat;

(b) abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istat Membru, il-ftehim previst ma jidhirx li jirrendi ineffettiva l-liġi Komunitarja u li jimmina l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita b’dik il-liġi; u

(c) il-ftehim previst m’għandux jimmina s-suġġett u l-fini tal-politika Komunitarja dwar ir-relazzjonijiet esterni kif deċiż mill-Komunità.

3.  Jekk l-informazzjoni provduta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed għall-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 5

Awtorizzazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati formali

1.  Jekk il-ftehim previst jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 3, tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru li tawtorizzah jiftaħ negozjati formali dwar dak il-ftehim.

Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjar u tista’ titlob li jiġu inklużi klawsoli partikolari fil-ftehim previst.

2.  Il-ftehim previst jinkludi klawsola li tipprevedi jew:

(a) denunzja sħiħa jew parzjali tal-ftehim fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra dwar l-istess suġġett; jew

(b) sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim bid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett.

Il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi formulata fuq il-mudell li ġej: “(l-isem/ismijiet tal-Istat(i) Membru/i) għandu jiddenunzja dan il-Ftehim, parzjalment jew bis-sħiħ, jekk u meta l-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu Ftehim ma’ (l-isem/ismijiet tal-pajjiż(i) terz(i)) dwar l-istess materji ta’ ġustizzja ċivili bħal dawk irregolati minn dan il-Ftehim”.

Il-klawsola msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi formulata fuq il-mudell li ġej: “Dan il-ftehim jew ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jibqgħu applikabbli fil-jum li fih ikun daħal fis-seħħ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u (l-isem/ismijiet tal-pajjiż(i) terz(i)), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-materji rregolati mill-ftehim tal-aħħar”.

Artikolu 6

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali

1.  Jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 4, il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati formali dwar il-ftehim previst, hija għandha tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.

2.  Fi żmien 30 jum mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.

3.  Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 130 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.

4.  Fil-każ tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 30 jum mill-għeluq tad-diskussjonijiet.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati

Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa bħala osservatriċi fin-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni ma tipparteċipax bħala osservatriċi, hija għandha tinżamm infurmata dwar il-progress u r-riżultati matul l-istadji differenti tan-negozjati.

Artikolu 8

Awtorizzazzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim

1.  Qabel l-iffirmar ta’ ftehim innegozjat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika l-eżitu tan-negozjati lill-Kummissjoni u għandu jitrasmettilha t-test tal-ftehim.

2.  Mal-wasla ta’ din in-notifika l-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-ftehim innegozjat:

(a) jirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2);

(b) jirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 4(2), sakemm ikun hemm ċirkostanzi ġodda u eċċezzjonali fir-rigward ta’ dik il-kondizzjoni; u

(c) jissodisfax ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 5(2).

3.  Jekk il-ftehim innegozjat jirrispetta l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru li tawtorizzah jikkonkludi dak il-ftehim.

Artikolu 9

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim

1.  Jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-konklużjoni tal-ftehim innegozjat, hija għandha tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.  Fi żmien 30 jum mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.

3.  Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 130 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1).

4.  Fil-każ tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 30 jum mill-għeluq tad-diskussjonijiet.

5.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni tagħha fi żmien 30 jum mid-deċiżjoni.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

Meta jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 3, 4(3) u 8, l-Istat Membru jista’ jindika jekk xi informazzjoni għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni provduta tistax tinqasam ma’ Stati Membri oħra.

Artikolu 11

Għoti ta’ informazzjoni lill-Istati Membri

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri n-notifiki kollha li jkunu waslu skont l-Artikoli 3 u 8 u, jekk ikun meħtieġ, id-dokumenti supplimentari, kif ukoll id-deċiżjonijiet motivati kollha tagħha taħt l-Artikoli 5, 6, 8 u 9, soġġett għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet transitorji

1.  Fejn, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà beda l-proċess li jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz, għandhom japplikaw l-Artikolu 3 sa 11.

Fejn l-istadju tan-negozjati jippermetti dan, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjati jew titlob l-inklużjoni ta’ klawsoli partikolari, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2) rispettivament.

▼C1

2.  Fejn, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà kkonkluda n-negozjati iżda ma jkunx għadu kkonkluda l-ftehim, għandhom japplikaw l-Artikolu 3, l-Artikolu 8(2) u (3) u l-Artikolu 9.

▼B

Artikolu 13

Reviżjoni

1.  Mhux qabel is-7 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.  Dak ir-rapport għandu jew:

(a) jikkonferma li jkun xieraq li dan ir-Regolament jiskadi fid-data stabbilita skont l-Artikolu 14(1); jew

(b) jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi sostitwit minn dik id-data b’Regolament ġdid.

3.  Jekk ir-rapport jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi sostitwit kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, miegħu għandu jkun hemm proposta leġislattiva adatta.

Artikolu 14

Skadenza

1.  Dan ir-Regolament għandu jiskadi tliet snin wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 13.

Il-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jibda jiddekorri mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-aħħar preżentazzjoni tar-rapport jew lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill, skont liema jiġi wara.

2.  Minkejja l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament fid-data stabbilita skont il-Paragrafu 1, in-negozjati kollha li jkunu għaddejjin f’dik id-data li Stat Membru jkun daħal fihom skont dan ir-Regolament għandhom jitħallew jissuktaw u jiġu kkompletati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



( 1 ) L-Opinjoni tas-7 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 2 ) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

( 3 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

( 4 ) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

( 5 ) ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.