2009R0443 — MT — 27.01.2015 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 443/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' April 2009

li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 140, 5.6.2009, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 397/2013 tat-30 ta’ April 2013

  L 120

4

1.5.2013

►M2

REGOLAMENT (UE) Nru 333/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Marzu 2014

  L 103

15

5.4.2014

►M3

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/6 tal-31 ta' Ottubru 2014

  L 3

1

7.1.2015




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 443/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' April 2009

li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri reġistrati fil-Komunità, għan li jifforma parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(2)

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li ġiet approvata f'isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE tal-15 ta’ Diċembru 1993 ( 3 ), tesiġi li l-partijiet kollha jifformulaw u jimplimentaw programmi nazzjonali, u fejn xieraq reġjonali, li fihom miżuri li jimmitigaw it-tibdil tal-klima. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni f’Jannar 2007 pproponiet li, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali, l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi l-għan ta' tnaqqis ta' 30 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-pajjiżi żviluppati sal-2020 (meta mqabbel mal-livelli tal-1990) u li l-Unjoni stess għandha tieħu impenn indipendenti sod biex tilħaq tnaqqis ta' mhux inqas minn 20 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra sal-2020 (meta mqabbel mal-livelli tal-1990), irrispettivament mit-tnaqqis miksub minn pajjiżi żviluppati oħra. Dan l-għan kien approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

(3)

Waħda mill-implikazzjoni ta’ dawk l-impenji hija li l-Istati Membri kollha se jkollhom inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-karozzi tal-passiġġieri. Għandhom jiġu implimentati politiki u miżuri fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-Komunità fis-setturi kollha tal-ekonomija Komunitarja, u mhux biss fis-setturi tal-industrija u tal-enerġija, sabiex jiġi ġġenerat it-tnaqqis sostanzjali meħtieġ fl-emissjonijiet. It-trasport bit-triq huwa t-tieni l-akbar settur f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-Unjoni, u l-emissjonijiet minn dan is-settur qed ikomplu jiżdiedu. Jekk l-impatt tat-trasport bit-triq fuq it-tibdil tal-klima jkompli jiżdied, se jhedded b'mod sinifikanti it-tnaqqis li jagħmlu setturi oħra biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

(4)

Il-miri Komunitarji għall-karozzi tal-passiġġieri jipprovdu lill-manifatturi b’aktar ċertezza fl-ippjanar u aktar flessibbiltà biex jilħqu r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ CO2 milli kieku permezz ta’ miri nazzjonali separati tat-tnaqqis. Fl-istabbiliment ta’ standards ta' prestazzjoni għall-emissjonijiet huwa importanti li jitqiesu l-implikazzjonijiet għas-swieq u l-kompetittività tal-manifatturi, l-ispejjeż diretti u indiretti imposti fuq in-negozju u l-benefiċċji li jakkumulaw f’dak li jirrigwarda l-istimulazzjoni tal-innovazzjoni u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija.

(5)

Dan ir-Regolament jibni fuq il-proċess stabbilit ferm ta' tkejjil u monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-vetturi reġistrati fil-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 1753/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi skema biex timmonitorja l-medja tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri ġodda ( 4 ). Huwa importanti li d-determinazzjoni ta’ rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijet ta’ CO2 tibqa’ tipprovdi prevedibbiltà u sigurtà tal-ippjanar fil-Komunità kollha għall-manifatturi tal-vetturi fil-flotta kollha tal-vetturi tagħhom fil-Komunità.

(6)

Il-Kummissjoni adottat Strateġija Komunitarja biex jitnaqqsu l-emissjonijet ta’ CO2 mill-karozzi fl-1995. L-istrateġija kienet ibbażata fuq tliet prinċipji: impenji volontarji mill-industrija tal-karozzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, titjib fl-informazzjoni lill-konsumaturi u t-trawwim ta' karozzi effiċjenti mil-lat tal-karburant permezz ta' miżuri fiskali.

(7)

Fl-1998, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (ACEA) daħlet f'impenn għat-tnaqqis fil-medja tal-emissjonijiet mill-karozzi l-ġodda mibjugħa għal 140g ta' CO2/km u, fl-1999, l-Assoċjazzjoni ta' Manifatturi tal-Karozzi Ġappuniżi (JAMA) u l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Karozzi Koreani (KAMA) daħlu f'impenn li jnaqqsu l-medja tal-emissjonijiet mill-karozzi l-ġodda mibjugħa għal 140g CO2/km sal-2009. Dawn l-impenji ġew rikonoxxuti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1999/125/KE tal-5 ta' Frar 1999 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri ( 5 ) (ACEA), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2000/303/KE tat-13 ta’ April 2000 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri (KAMA) ( 6 ) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2000/304/KE tat-13 ta’ April 2000 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri (JAMA) ( 7 ).

(8)

Fis-7 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni adottat żewġ Komunikazzjonijiet paralleli: Komunikazzjoni dwar ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief u Komunikazzjoni dwar Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 (CARS 21). Il-Komunikazzjonijiet enfasizzaw li filwaqt li sar progress lejn il-ksib tal-mira ta' 140 g CO2/km sal-2008/2009, il-mira Komunitarja ta' medja ta' 120 g emissjonijiet ta' CO2/km ma kenitx se tintlaħaq jekk ma jittiħdux miżuri addizzjonali.

(9)

Il-Komunikazzjonijiet ipproponew approċċ integrat sabiex tintlaħaq il-mira Komunitarja ta' 120g CO2/km sal-2012 u ħabbru li l-Kummissjoni kienet se tipproponi qafas leġiżlattiv biex tilħaq l-għan Komunitarju billi tiffoka fuq it-tnaqqis mandatorju tal-emissjonijiet ta’ CO2. B'hekk tintlaħaq il-mira ta' 130 g CO2/km għall-medja tal-flotta ta' karozzi ġodda permezz ta' titjib fit-teknoloġija ta’ vetturi motorizzati. B’konsistenza mal-approċċ taħt l-impenji volontarji adottati mill-manifatturi, dan ikopri dawk l-elementi li jitqiesu fil-kejl tal-emissjonijiiet ta’ CO2 tal-karozzi tal-passiġġieri taħt ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi ( 8 ). Tnaqqis ulterjuri ta’ 10 g CO2/km, jew ekwivalenti jekk teknikament meħtieġ, se jirriżulta minn titjib teknoloġiku ieħor u minn użu akbar tal-bijokarburanti sostenibbli.

(10)

Il-qafas leġiżlattiv għall-implimentazzjoni tal-mira għall-medja tal-flotta ta' karozzi ġodda għandu jassigura miri ta' tnaqqis sostenibbli li huma kompetittivament newtrali u soċjalment ġusti li jkunu ġusti għad-diversità tal-manifatturi tal-karozzi Ewropej u jevitaw kwalunkwe distorzjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni bejniethom. Il-qafas leġiżlattiv għandu jkun kompatibbli mal-għan globali, jiġifieri li jintlaħqu l-miri Komunitarji rigward Kjoto, u għandu jiġi appoġġat minn strumenti oħra aktar relatati mal-użu bħad-differenzjazzjoni tat-taxxi fuq il-karozzi u fuq l-enerġija.

(11)

Għandu jiġi żgurat finanzjament adegwat fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta' teknoloġiji maħsuba għat-tnaqqis b'mod radikali tal-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi tat-triq.

(12)

Sabiex tinżamm id-diversità tas-suq tal-karozzi u l-kapaċità tiegħu li jindirizza ħtiġijiet ta' konsumaturi diversi, il-miri ta’ CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri għandhom ikunu ddefiniti abbażi tal-utilità tal-karozzi fuq bażi lineari. Biex niddeskrivu din l-utilità, il-massa parametru tajjeb li tipprovdi korrelazzjoni sodisfaċenti mal-emissjonijiet attwali u għalhekk tirriżulta f'miri aktar realistiċi u kompetittivament newtrali. Addizzjonalment, id-data dwar il-massa hija aktar faċilment disponibbli. Id-data dwar parametri ta' utilità alternattivi bħad-“daqs tal-footprint” (wisa' bejn rota u oħra mmoltiplikat bejn it-tul bejn rota u oħra) għandha tinġabar sabiex jiġu faċilitati evalwazzjonijiet aktar fit-tul tal-approċċ ibbażat fuq l-utilità. Sal-2014, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-disponibbiltà tad-data u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex tadatta l-parametru tal-utilità.

(13)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jinħolqu inċentivi biex l-industrija tal-karozzi tinvesti f’teknoloġiji ġodda. Dan ir-Regolament jippromwovi attivament l-eko-innovazzjoni u jqis l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ propulsjoni innovattiva għandu jitħeġġeġ b’mod partikolari, billi dawn jirriżultaw f'emissjonijiet aktar baxxi b’mod sinifikanti, meta mqabbla mal-karozzi tradizzjonali tal-passiġġieri. B’dan il-mod, il-kompetittività fuq żmien twil tal-Industrija Ewropea titħeġġeġ u jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li tinkludi miżuri ta’ eko-innovazzjoni fir-reviżjoni tal-proċeduri tal-ittestjar konformement mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, filwaqt li tqis l-impatti tekniċi u ekonomiċi ta' tali inklużjoni.

(14)

Bl-għarfien tal-ispejjeż għoljin ħafna għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-produzzjoni għal kull unità ta’ ġenerazzjonijiet bikrija ta’ teknoloġiji tal-vetturi b’emissjonijiet baxxi ħafna tal-karbonju biex jiġu introdotti fis-suq wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, dan ir-Regolament jimmira li jaċċelera u jiffaċilita, fuq bażi temporanja, il-proċess tal-introduzzjoni fis-suq Komunitarju ta' vetturi b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi ferm fl-istadji bikrija tal-kummerċjalizzazzjoni.

(15)

L-użu ta’ ċerti karburanti alternattivi jista’ joffri tnaqqis sinifikanti fis-CO2, mill-estrazzjoni sal-użu. Għalhekk dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jippromwovu t-tqegħid ta’ ċerti vetturi b'karburant alternattiv fis-suq Komunitarju.

(16)

Għall-konsistenza mal-approċċ adottat fil-kuntest tal-istrateġija tal-Kummissjoni rigward is-CO2 u l-karozzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-impenji li għamlu l-assoċjazzjonijiet tal-manifatturi, il-mira għandha tiġi applikata għal karozzi ġodda tal-passiġġieri reġistrati fil-Komunità għall-ewwel darba u li qatt ma kienu reġistrati barra l-Komunità, ħlief għal perjodu limitat sabiex jiġu evitati l-abbużi.

(17)

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( 9 ) tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi l-ġodda kollha fl-ambitu tagħha. L-entità responsabbli għall-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun l-istess entità responsabbli għall-aspetti kollha tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip taħt din id-Direttiva u għall-assigurazzjoni tal-konformità tal-produzzjoni.

(18)

Għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip, japplikaw rekwiżiti speċifiċi għal vetturi għal użi speċjali, kif ġie definit fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE, u għalhekk huma għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-vetturi li huma klassifikati bħala kategorija M1 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li huma mibnija speċifikament għal għanijiet kummerċjali biex jakkomodaw l-użu tas-siġġu tar-roti ġol-vettura u li jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ vetturi għal għanijiet speċjali fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE għandhom ukoll jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament konformement mal-politika tal-Komunità favur l-għajnuna lill-persuni b'diżabbiltà.

(19)

Il-manifatturi għandhom ikollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu kif se jilħqu l-miri tagħhom taħt dan ir-Regolament, u għandhom jitħallew iqassmu l-emissjonijiet fuq il-flotta tal-karozzi l-ġodda aktar milli jkollhom jirrispettaw il-miri ta’ CO2 għal kull karozza individwali. Il-manifatturi għalhekk għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li l-emissjoni speċifika medja għall-karozzi l-ġodda kollha reġistrati fil-Komunità li huma responsabbli għalihom ma teċċedix il-medja tal-miri tal-emissjonijiet għal dawk il-karozzi. Dan ir-rekwiżit għandu jiddaħħal gradwalment bejn l-2012 u l-2015 sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni.

(20)

Mhuwiex xieraq li wieħed juża l-istess metodu biex jiddetermina l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal prodotturi ta' volumi kbar u għal manifatturi ta’ volum żgħir meqjusa bħala indipendenti fuq il-bażi tal-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament. Dawn il-manifatturi ta’ volumi żgħar għandhom ikollhom miri alternattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet marbuta mal-potenzjal teknoloġiku tal-vetturi ta’ produttur partikolari biex inaqqsu l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 u li jkunu konsistenti mal-karatteristiċi tal-oqmsa tas-suq ikkonċernati. Din id-deroga għandha tkun koperta bir-reviżjoni tal-miri speċifiċi ta' emissjonijiet fl-Anness I li għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2013.

(21)

Il-manifatturi li jipproduċu għal suq ristrett għandhom ikunu permessi jibbenefikaw minn mira alternattiva li tkun ta' 25 % anqas mill-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tagħhom fl-2007. Għandha tiġi determinata mira ekwivalenti fejn ma tkunx teżisti informazzjoni dwar il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tal-produttur għall-2007. Din id-deroga għandha tkun koperta mir-reviżjoni tal-miri għall-emissjonijiet speċifiċi fl-Anness I li għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2013.

(22)

Fid-determinazzjoni tal-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għall-karozzi l-ġodda kollha reġistrati fil-Komunità li għalihom il-manifatturi huma responsabbli, għandhom jitqiesu l-karozzi kollha irrispettivament mill-massa tagħhom jew minn kwalunkwe karatteristika oħra. Għalkemm ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 ma jkoprix karozzi tal-passiġġieri b'referenza ta' massa li teċċedi l-2 610 kg u li għalihom l-approvazzjoni tat-tip ma ġietx estiża taħt l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (EC) Nru 715/2007, l-emissjonijiet għal dawn il-karozzi għandhom jitkejlu konformement mal-istess proċedura ta' kejl speċifikata għall-karozzi tal-passiġġieri fir-Regolament (KE) Nru 692/2008 ( 10 ). Il-valuri ta' emissjonijiet ta' CO2 li jirriżultaw minn dan il-kejl għandhom jiddaħlu fiċ-ċertifikat ta' konformità tal-vetturi sabiex ikun possibbli li dawn jiġu inklużi fl-iskema tal-monitoraġġ.

(23)

Sabiex ikollhom il-flessibbiltà, il-manifatturi jistgħu, sabiex jilħqu flimkien il-miri tagħhom taħt dan ir-Regolament, jaqblu bejniethom biex jingħaqdu f’konsorzju miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju. Il-ftehim biex jiġi ffurmat konsorzju m’għandux jaqbeż il-ħames snin, iżda jista’ jiġġedded. Fejn il-manifatturi jingħaqdu, għandhom jitqiesu li jkunu laħqu l-mira tagħhom jekk il-medja tal-emissjonijiet mill-konsorzju komplessivament li jiffurmaw ma taqbiżx l-emissjonijiet fil-mira għall-konsorzju.

(24)

Huwa meħtieġ mekkaniżmu robust ta' konformità sabiex jiġi żgurat li l-miri f'dan ir-Regolament jintlaħqu.

(25)

L-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 dijossidu tal-karbonju minn karozzi ġodda tal-passiġġieri jitkejlu fuq bażi armonizzata fil-Komunità konformement mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Sabiex il-piż amministrattiv taħt dan ir-Regolament jitnaqqas kemm jista' jkun, il-konformità miegħu għandha titkejjel permezz ta' referenza għad-data dwar ir-reġistrazzjoni ta' karozzi ġodda fil-Komunità miġbura mill-Istati Membri u rrapurtata lill-Kummissjoni. Biex tiġi żgurata l-konsistenza tad-data li tintuża għall-valutazzjoni tal-konformità, ir-regoli għall-ġbir u r-rappurtar ta' din id-data għandhom jiġu armonizzati kemm jista' jkun.

(26)

Id-Direttiva 2007/46/KE tipprevedi li l-manifatturi għandhom joħorġu ċertifikat tal-konformità li għandu jakkumpanja kull karozza tal-passiġġieri ġdida u li l-Istati Membri għandhom jippermettu r-reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz ta' karozza tal-passiġġieri ġdida biss jekk din ikollha magħha ċertifikat validu tal-konformità. Id-data miġbura mill-Istati Membri għandha tkun konsistenti maċ-ċertifikat tal-konformità maħruġ mill-manifattur għall-karozza tal-passiġġieri u għandha tkun ibbażata biss fuq din ir-referenza. Jekk l-Istati Membri, għal raġunijiet ġustifikati, ma jużawx iċ-ċertifikat ta’ konformità sabiex itemmu l-proċess ta’ reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz ta’ karozza tal-passiġġieri ġdida, huma għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-preċiżjoni li tixraq fil-proċedura ta' monitoraġġ. Għandu jkun hemm database standard Komunitarja għaċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tad-data. Din għandha tintuża bħala referenza unika li tippermetti li l-Istati Membri jżommu d-data ta’ reġistrazzjoni b’mod aktar faċli meta vetturi ġodda jiġu reġistrati.

(27)

Il-konformità tal-manifatturi mal-miri f'dan ir-Regolament għandha tiġi valutata fil-livell Komunitarju. Il-manifatturi li l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 tagħhom jeċċedu dawk permessi f'dan ir-Regolament għandhom iħallsu premium għall-eċċess ta' emissjonijiet fir-rigward ta’ kull sena kalendarja mill-2012 ‘il quddiem. Il-premium għandu jiġi aġġustat abbażi ta' kemm il-manifatturi jkunu naqsu milli jilħqu l-mira tagħhom. Għandu jiżdied biż-żmien. Sabiex ikun ta' inċentiv biżżejjed biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri, il-premium għandu jirrifletti l-ispejjeż teknoloġiċi. L-ammonti tal-premium fuq l-eċċessi ta' emissjonijiet għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(28)

Kwalunkwe miżura nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu taħt l-Artikolu 176 tat-Trattat ma għandhiex, b'kont meħud tal-għan u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, timponi penali addizzjonali jew aktar ebsin fuq manifatturi li jonqsu milli jikkonformaw mal-miri li għandhom jilħqu taħt dan ir-Regolament.

(29)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

(30)

Il-Kummissjoni għandha tqis modalitajiet ġodda biex tinkiseb il-mira fuq żmien twil, b’mod partikolari l-grad ta’ nżul tal-kurva, il-parametru ta’ utilità u l-iskema tal-premium għall-eċċess ta' emissjonijiet.

(31)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni ( 11 ).

(32)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar fid-dawl tal-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex tistabbilixxi metodi għall-ġbir ta’ premiums fuq l-eċċessi ta' emissjonijiet u biex tadotta dispożizzjonijiet dettaljati dwar id-deroga speċjali għal ċerti manifatturi indipendenti ta’ volumi żgħar, u biex tadatta l-Anness I biex iqis l-evoluzzjoni tal-massa ta' karozzi ġodda reġistrati fil-Komunità u biex jirriflettu kwalunkwe bidla fil-proċedura tat-test regolatorju għall-kejl ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u ġew imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(33)

Id-Deċiżjoni Nru 1753/2000/KE għandha titħassar għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u ċarezza legali.

(34)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' rendiment għall-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern u sabiex tintlaħaq il-mira ġenerali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Suġġett u għanijiet

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti ta' rendiment għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern u sabiex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta' 120g CO2/km bħala emissjonijiet medji ta’ CO2 għall-flotta ta’ karozzi ġodda. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-emissjonijiet medji ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri fil-livell ta’ 130g CO2/km, permezz ta’ titjib fit-teknoloġija tal-vetturi motorizzati, kif imkejla konformement mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u mal-miżuri implimentattivi tiegħu, u permezz ta' teknoloġiji innovattivi.

▼M2

Mill-2020 ‘il quddiem, dan ir-Regolament jistabbilixxi mira ta’ 95 g CO2/km bħala emissjonijiet medji tal-flotta tal-karozzi ġodda kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, u t-teknoloġiji innovattivi.

▼B

Dan ir-Regolament ser jiġi komplementat minn miżuri addizzjonali li jikkorrispondu għal tnaqqis ta' 10g CO2/km bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal vetturi bil-mutur tal-kategorija M1 kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE (“karozzi tal-passiġġieri”) li huma reġistrati fil-Komunità għall-ewwel darba u li qatt ma kienu reġistrati barra l-Komunità (“karozzi ġodda tal-passiġġieri”).

2.  Ir-reġistrazzjoni preċedenti li ssir barra mill-Komunità ta’ inqas minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fil-Komunità m’għandhiex titqies.

3.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal vetturi bi skopijiet speċjali kif definiti fil-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE.

▼M2

4.  B’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(4)(b) u (c), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(a) u (c) ma għandhomx japplikaw għal manifattur li jkun responsabbli, flimkien mal-impriżi konnessi kollha tiegħu, għal inqas minn 1 000 karozza ġdida tal-passiġġieri rreġistrata fl-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti.

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2” tfisser, relattivament għal manifattur, il-medja ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 mill-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri, prodotti minn dak il-manifattur;

(b) “ċertifikat tal-konformità” tfisser iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(c) “manifattur” tfisser il-persuna jew il-korp responsabbli lejn l-awtorità ta' approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE taħt id-Direttiva 2007/46/KE u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni;

(d) “massa” tfisser il-massa tal-karozza bil-karrozzerija, f'kundizzjoni li taħdem, kif dikjarata fiċ-ċertifikat tal-konformità u kif definita fis-Sezzjoni 2.6 tal-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE;

(e) “footprint” tfisser il-wisa' bejn ir-roti (track width) mmultiplikata bit-tul bejn il-fusien (wheelbase), kif mistqarr fiċ-ċertifikat ta' konformità u ddefinit fit-taqsimiet 2,1 u 2.3 tal-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE;

(f) “emissjonijiet speċifiċi ta' CO2” tfisser l-emissjonijiet CO2 minn karozza tal-passiġġieri mkejla konformement mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u speċifikati bħala l-massa ta' emissjonijiet (kombinati) ta' CO2 fiċ-ċertifikat ta' konformità. Għal karozzi tal-passiġġieri li m'għandhomx approvazzjoni tat-tip konformement mar-Regolament (KE) Nru 715/2007, “emissjonijiet speċifiċi ta' CO2” tfisser li l-emissjonijiet ta' CO2 mkejla konformement mal-istess proċedura ta' kejl kif speċifikata għall-karozzi tal-passiġġieri fir-Regolament (KE) Nru 692/2008, jew konformement mal-proċeduri adottati mill-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti l-emissjonijiet ta' CO2 għal dawn il-karozzi tal-passiġġieri;

(g) “mira ta' emissjonijiet speċifiċi” tfisser, fir-rigward ta' manifattur, il-medja ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 permessi taħt l-Anness I fir-rigward ta' kull karozza ġdida tal-passiġġieri, prodotta minn dak il-manifattur, jew fejn il-manifattur ngħata deroga taħt l-Artikolu 11, il-mira ta' emissjonijiet speċifiċi determinata taħt dik id-deroga.

2.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: (a) “grupp ta' manifatturi konnessi” tfisser manifattur u l-impriżi konnessi tiegħu. Fir-rigward ta' manifattur, “grupp ta' manifatturi konnessi” tfisser:jaqgħu taħt waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a) impriżi li fihom il-manifattur ikollu, direttament jew indirettament:

▼M2

 is-setgħa li jeżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot; jew

▼B

 is-setgħa li jaħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, tal-bord ta’ ġestjoni jew tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impriża ġuridikament; jew

 id-dritt ta’ ġestjoni tal-affarijiet tal-impriża;

(b) impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew setgħat elenkati fil-punt (a) fuq il-manifattur;

(c) impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew setgħat elenkati fil-punt (a);

(d) impriżi li fihom il-manifattur flimkien ma’ impriża waħda jew aktar imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew setgħat elenkati fil-punt (a);

(e) impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament mill-manifattur jew waħda jew aktar mill-impriżi konnessi tiegħu msemmija fil-punti (a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 4

Miri speċifiċi ta' emissjonijiet

Għas-sena kalendarja li tibda mill-1 ta' Jannar 2012 u kull sena kalendarja sussegwenti, kull manifattur tal-karozzi tal-passiġġieri għandu jassigura li l-emissjonijiet speċifiċi medji tiegħu ta' CO2 ma jeċċedux il-mira tiegħu ta' emissjonijiet speċifiċi determinata taħt l-Anness I jew, fejn manifattur ngħata deroga taħt l-Artikolu 11, taħt dik id-deroga.

▼M2

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ kull manifattur, għandu jittieħed kont tal-perċentwali, li ġejjin, għall-karozzi tal-passiġġieri ġodda, ta’ kull manifattur, li jiġu reġistrati fis-sena rilevanti:

 65 % fl-2012,

 75 % fl-2013,

 80 % fl-2014,

 100 % mill-2015 sal-2019,

 95 % fl-2020,

 100 % sa tmiem l-2020 u ‘l quddiem.

▼B

Artikolu 5

Superkrediti

Fil-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2, kull karozza tal-passiġġieri ġdida b'emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' anqas minn 50 g CO2/km għandha titqies bħala:

 3,5 karozzi fl-2012;

 3,5 karozzi fl-2013;

 2,5 karozzi fl-2014;

 1,5 karozzi fl-2015;

 karozza waħda mill-2016 ‘il quddiem.

▼M2

Artikolu 5a

Super krediti għall-mira ta’ 95 g CO2/km

Meta jiġu kkalkulati l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, kull vettura ġdida tal-passiġġieri b’livell ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 inqas minn 50 g CO2/km għandha titqies bħala:

 2 karozzi tal-passiġġieri fl-2020,

 1,67 karozzi tal-passiġġieri fl-2021,

 1,33 karozzi tal-passiġġieri fl-2022,

 karozza waħda tal-passiġġieri mill-2023,

għas-sena li fiha tiġi rreġistrata fil-perijodu mill-2020 sal-2022, soġġett għal limitu massimu ta’ 7,5 g CO2/km matul dak il-perijodu għal kull manifattur.

▼B

Artikolu 6

Mira ta' emissjonijiet speċifiċi għal vetturi li jaħdmu b'karburant alternattiv

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-konformità, min-naħa ta' manifattur, mal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4, l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2, ta' kull vettura maħsuba biex taħdem fuq taħlita ta' petrol b'85 % etanol (“E85”) li tissodisfa l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti jew l-istandards tekniċi Ewropej, għandhom jitnaqqsu b'5 % sal-31 ta' Diċembru 2015 b'rikonoxximent tal-kapaċità teknoloġika akbar u taż-żieda fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-bijokarburanti. Dan it-tnaqqis għandu japplika biss fejn talanqas 30 % tal-pompi tal-karburant fl-Istat Membru li fih tkun reġistrata l-vettura jipprovdu dan it-tip ta' karburant alternattiv u jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.

Artikolu 7

Konsorzju

1.  Il-manifatturi, minbarra dawk il-manifatturi li ngħataw deroga taħt l-Artikolu 11, jistgħu jiffurmaw konsorzju bil-għan li jilħqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 4.

2.  Il-ftehim dwar l-iffurmar ta’ konsorzju jista’ jirrigwarda sena kalendarja waħda jew aktar bil-kundizzjoni li l-perjodu kumplessiv ta’ kull ftehim ma jaqbiżx il-ħames snin kalendarji u għandu jibda’ fi jew qabel il-31 ta' Diċembru fl-ewwel sena kalendarja li fiha jkunu se jingħaqdu l-emissjonijiet. Il-manifatturi li jiffurmaw konsorzju għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għand il-Kummissjoni:

(a) il-manifatturi li jkunu inklużi fil-konsorzju;

(b) il-manifattur nominat bħala l-amministratur tal-konsorzju u li jkun il-punt ta' kuntatt għall-konsorzju filwaqt li jkun responsabbli għall-ħlas ta' kwalunkwe premium għall-eċċessi ta' emissjonijiet li jiġi impost fuq il-konsorzju taħt l-Artikolu 9; u

(c) prova li l-amministratur tal-konsorzju jkun kapaċi jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt il-punt (b).

3.  Fejn l-amministratur propost tal-konsorzju jonqos milli jissodisfa r-rekwiżit li jħallas kull premium għall-eċċessi ta' emissjonijiet li jkun impost fuq il-konsorzju taħt l-Artikolu 9, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-manifatturi.

4.  Il-manifatturi inklużi f'konsorzju għandhom konġuntement jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla tal-amministratur tal-konsorzju jew tal-istatus finanzjarju tiegħu sa fejn dan jista' jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa r-rekwiżit li jħallas kull premium għall-eċċessi ta' emissjonijiet li jkun impost fuq il-konsorzju taħt l-Artikolu 9, u dwar kwalunkwe bidla fil-membri tal-konsorzju jew ix-xoljiment tal-konsorzju.

5.  Il-manifatturi jistgħu jidħlu f'arranġamenti ta’ konsorzju bil-kundizzjoni li kull ftehim tagħhom ikun konformi mal-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat u jippermetti l-parteċipazzjoni miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja f’termini kummerċjalment raġonevoli minn kwalunkwe manifattur li jitlob li jsir membru tal-konsorzju. Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ġenerali tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għal konsorzji bħal dawn, il-membri kollha ta’ konsorzju għandhom partikolarment jiżguraw li l-ebda kondiviżjoni ta’ data jew skambju ta’ informazzjoni ma jista’ jsir fil-kuntest tal-arranġament tagħhom ta' konsorzju, ħlief għal dan li ġej:

(a) l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2;

(b) il-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi;

(c) l-għadd totali ta’ vetturi reġistrati.

6.  Il-paragrafu 5 m’għandux japplika fejn il-manifatturi kollha inklużi fil-konsorzju ikunu parti mill-istess grupp ta' manifatturi konnessi.

7.  Ħlief fejn tingħata notifika taħt il-paragrafu 3, il-manifatturi f’konsorzju li fir-rigward tiegħu tiġi reġistrata l-informazzjoni mal-Kummissjoni għandhom jitqiesu bħala manifattur wieħed għall-finijiet tat-twettiq minnhom tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 4. L-informazzjoni dwar monitoraġġ u rappurtaġġ fir-rigward kemm ta' manifatturi individwali kif ukoll ta' konsorzji għandha tiġi reġistrata, rappurtata u disponibbli fir-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 8

Monitoraġġ u rappurtar tal-emissjonijiet medji

1.  Għas-sena kalendarja li tibda mill-1 ta' Jannar 2010 u kull sena kalendarja sussegwenti, kull Stat Membru għandu jirreġistra informazzjoni għal kull karozza ġdida tal-passiġġieri li tkun reġistrata fit-territorju tiegħu konformement mal-Parti A tal-Anness II. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-manifatturi u għall -importaturi jew ir-rappreżentanti nominati minnhom f'kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-korpi ta' rappurtar jaħdmu b'mod trasparenti. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-karozzi tal-passiġġieri li ma jkollhomx l-approvazzjonitat-tip konformement mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 jitkejlu u jiġu reġistrati fiċ-ċertifikat tal-konformità.

2.  Sat-28 ta' Frar ta' kull sena, mill-2011 'il quddiem, kull Stat Membru għandu jiddetermina u jittrasferixxi lill-Kummissjoni l-informazzjoni elenkata fil-Parti B tal-Anness II fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti. Id-data għandha tintbagħat taħt il-format speċifikat fil-Parti C tal-Anness II.

3.  Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jibgħatu s-sett sħiħ ta' data miġbura taħt il-paragrafu 1.

4.  Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru ċentrali tad-data rrapurtata mill-Istati Membri taħt dan l-Artikolu, u sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, mill-2011 'il quddiem, għandha tikkalkula għal kull manifattur fuq bażi proviżorja:

(a) l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 fis-sena kalendarja preċedenti;

(b) il-mira tal-emissjonijiet speċifiċi fis-sena kalendarja preċedenti; u

(c) id-differenza bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 fis-sena kalendarja preċedenti u l-mira tiegħu ta' emissjonijiet speċifiċi għal dik is-sena.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika kull manifattur bil-kalkolu proviżorju għal dak il-manifattur. In-notifika għandha tinkludi data għal kull Istat Membru dwar l-għadd ta' karozzi ġodda reġistrati u l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2.

Ir-reġistru għandu jkun disponibbli pubblikament.

5.  Il-manifatturi jistgħu, fi żmien tliet xhur minn meta jiġu nnotifikati dwar il-kalkolu proviżorju taħt il-paragrafu 4, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe żbalji fid-data, fejn jispeċifikaw l-Istat Membru li fih iqisu li jkun seħħ l-iżball.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe notifiki mill-manifatturi u għandha, sal-31 ta' Ottubru, tikkonferma jew temenda l-kalkoli proviżorji taħt il-paragrafu 4.

6.  Fejn, fuq il-bażi tal-kalkoli taħt il-paragrafu 5, fir-rigward tas-sena kalendarja 2010 jew 2011, il-Kummissjoni jidhrilha li l-medja ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' manifattur f'dik is-sena jkunu qabżu l-mira ta' emissjonijiet speċifiċi għal dik is-sena, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-manifattur.

7.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti għall-ġbir u l-komunikazzjoni tad-data ta' monitoraġġ taħt dan ir-Regolament u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjon dwar l-awtorità kompetenti nominata sa mhux aktar tard minn 8 ta’ Diċembru 2009. Il-Kummissjoni sussegwentement għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

8.  Għal kull sena kalendarja li fiha japplika l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-proporzjon tal-pompi tal-petrol u l-kriterji ta' sostenibbiltà fir-rigward tal-karburant E85 imsemmija f'dak l-Artikolu.

▼M2

9.  Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-proċeduri għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data taħt dan l-Artikolu u dwar l-applikazzjoni tal-Anness II permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex temenda r-rekwiżiti tad-data u l-parametri tad-data stabbiliti fl-Anness II.

▼B

Artikolu 9

Premium għall-eċċess ta' emissjonijiet

1.  Fir-rigward ta’ kull sena kalendarja mill-2012 ‘il quddiem li għaliha l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 ta' manifattur jeċċedu l-mira ta' emissjonijiet speċifiċi f'dik is-sena, il-Kummissjoni għandha timponi premium għall-eċċess ta' emissjonijiet fuq il-manifattur, jew fil-każ ta' konsorzju, l-amministratur tal-konsorzju.

2.  Il-premium għall-eċċess ta' emissjonijiet taħt il-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat bil-formulae li ġejjin:

(a) Mill-2012 sal-2018:

(i) Fejn l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur ta' CO2 jeċċedu l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tiegħu b'aktar minn 3 g CO2/km:

((Eċċess ta' emissjonijiet — 3 g CO2/km) × 95 EUR/g CO2/km + 1 g CO2/km × 25 EUR/g CO2/km + 1 g CO2/km × 15 EUR/g CO2/km + 1 g CO2/km × 5 EUR/g CO2/km) × l-għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri.

(ii) Fejn l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur ta' CO2 jeċċedu l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tiegħu b'aktar minn 2 g CO2/km iżda mhux b'aktar minn 3 g CO2/km:

((Eċċess ta' emissjonijiet — 2 g CO2km) × 25 EUR/g CO2/km + 1 g CO2/km × 15 EUR/g CO2/km + 1 g CO2/kmx 5 EUR/g CO2/km) × l-għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri.

(iii) Fejn l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur ta' CO2 jeċċedu l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tiegħu b'aktar minn 1 g CO2/km iżda mhux b'aktar minn 2 g CO2/km:

((Eċċess ta' emissjonijiet — 1g CO2/km) × 15 EUR/g CO2/km + 1 g CO2/km × 5 EUR/g CO2/km) ×l-għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri.

(iv) Fejn l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur ta' CO2 jeċċedu l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tiegħu b'aktar minn 1 g CO2/km:

(Eċċess ta' emissjonijiet × 5 EUR/g CO2/km) × l-għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri.

(b) Mill-2019 'il quddiem:

(Eċċess ta' emissjonijiet × 95 EUR/g CO2/km) × l-għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-'eċċess ta' emissjonijiet, determinat kif stipulat fl-Artikolu 4, ifisser in-numru pożittiv ta' grammi kull kilometru li bih l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur — b'kont meħud tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minħabba t-teknoloġiji innovattivi approvati — ikunu eċċedu l-mira tiegħu ta' emissjonijiet speċifiċi fis-sena kalendarja, arrotondat għall-eqreb tliet punti deċimali; u l-“għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri” ifisser l-għadd ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri magħmula mill-manifattur u li ġew ireġistrati dik is-sena konformement mal-kriterji tal-introduzzjoni gradwali stabbiliti fl-Artikolu 4.

▼M2

3.  Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-modi għall-ġbir ta’ primjums għall-eċċess ta’ emissjonijiet taħt il-paragrafu 1 permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

▼B

4.  L-ammonti tal-premium fuq l-eċċessi ta' emissjonijiet għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Il-pubblikazzjoni tar-rendiment tal-manifatturi

1.  Sal-31 ta' Ottubru ta' kull sena, mill-2011, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista fejn tindika għal kull manifattur:

(a) il-mira tiegħu tal-emissjonijiet speċifiċi fis-sena kalendarja preċedenti;

(b) il-medja tiegħu tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 fis-sena kalendarja preċedenti;

(c) id-differenza bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 fis-sena kalendarja preċedenti u l-mira speċifika tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena;

(d) l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 għall-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri fis-sena kalendarja preċedenti fil-Komunità; kif ukoll

(e) il-massa medja għall-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri fil-Komunità fis-sena kalendarja preċedenti.

2.  Mill-31 ta' Ottubru 2013, il-lista ppubblikata taħt il-paragrafu 1 għandha tindika wkoll jekk il-manifattur ikunx ikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 11

Derogi għal ċerti manifatturi

1.  Tista' ssir applikazzjoni għal deroga mill-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi kkalkulata taħt l-Anness I minn manifattur li jkun responsabbli għal inqas minn 10 000 karozzi ġodda tal-passiġġieri reġistrati fil-Komunità kull sena kalendarja; kif ukoll

(a) li ma jkunx parti minn grupp ta' manifatturi konnessi; jew

(b) li jkun parti minn grupp ta' impriżi konnessi ikun responsabbli in toto għal anqas minn 10 000 karozza ġdida tal-passiġġieri reġistrata fil-Komunità kull sena kalendarja; jew

(c) ikun parti minn grupp konness ma' manifattur ieħor iżda jħaddem il-faċilitajiet ta' produzzjoni u ċ-ċentru ta' disinn tiegħu stess.

2.  Deroga li għaliha ssir applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 tista’ tingħata għal massimu ta’ ħames snin kalendarji. Għandha ssir applikazzjoni lill-Kummissjoni u din għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-persuna ta' kuntatt għall-manifattur;

(b) provi li l-manifattur ikun eliġibbli għal deroga konformement mal-paragrafu 1;

(c) dettalji tal-karozzi tal-passiġġieri li jimmanifattura, fosthom il-massa u l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' dawk il-karozzi tal-passiġġieri; u

(d) mira ta' emissjonijiet speċifiċi li tkun konsistenti mal-potenzjal tat-tnaqqis, inkluż il-potenzjal ekonomiku u teknoloġiku biex inaqqas l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 u b'kont meħud tal-karatteristiċi tas-suq għat-tip ta' karozza mmanifatturata.

3.  Fejn il-Kummissjoni tqis li manifattur ikun eliġibbli għal deroga li għaliha saret applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 u tkun sodisfatta li l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 proposta mill-manifattur hija konsistenti mal-potenzjal għat-tnaqqis tiegħu, li l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 proposta mill-manifattur hija konsistenti mal-potenzjal għat-tnaqqis tiegħu, inkluż il-potenzjal ekonomiku u teknoloġiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tiegħu u b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tas-suq għat-tip ta’ karozza manifatturata, il-Kummisjoni għandha tagħti deroga lill-manifattur. ►M2  ————— ◄

4.  Tista’ ssir applikazzjoni għal deroga mill-mira tal-emissjonijiet speċifiċi kkalkulata taħt l-Anness I minn manifattur li jkun responsabbli flimkien mal-impriżi kollha assoċjati tiegħu għal bejn 10 000 u 300 000 karozza tal-passiġġieri reġistrati kull sena kalendarja fil-Komunità.

Applikazzjoni bħal din tista’ ssir minn manifattur għalih innifsu jew għalih flimkien ma’ kwalunkwe impriża assoċjata miegħu. L-applikazzjoni għandha ssir lill-Kummissjoni u għandha tinkludi:

(a) l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafi 2(a) u (c), inkluż, fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar kull impriża konnessa;

▼M2

(b) jekk l-applikazzjoni hija fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-punt 1 tal-Anness I, mira li hija tnaqqis ta’ 25 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta’ għadd ta’ impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 25 % fuq il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ dawk l-impriżi fl-2007;

▼M2

(c) jekk l-applikazzjoni hija fir-rigward tal-punt (c) tal-Anness I, il-punt 1, mira li hija tnaqqis ta’ 45 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta’ għadd ta’ impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 45 % fuq il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ dawk l-impriżi fl-2007.

▼B

Fejn ma teżistix informazzjoni dwar il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tas- CO2 ta' manifattur fl-2007, il-Kummissjoni għandha tiddetermina mira ta’ tnaqqis ekwivalenti bbażata fuq l-aħjar teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas- CO2 disponibbli li jintużaw f’karozzi tal-passiġġieri ta’ massa komparabbli u b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tas-suq għat-tip ta’ karozza mmanifatturata.

Din il-mira għandha tintuża mill-applikant għall-finijiet tal-punt (b).

5.  Manifattur li jkun suġġett għal deroga taħt dan l-Artikolu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni immedjatament dwar kwalunkwe tibdil li jaffettwa jew li jista' jaffettwa l-eliġibbiltà tiegħu għal deroga.

6.  Jekk, fuq il-bażi ta' notifika taħt il-paragrafu 5 jew mod ieħor, il-Kummissjoni tqis li manifattur ma jkunx għadu eliġibbli għad-deroga, għandha tirrevoka d-deroga b'effett mill-1 ta' Jannar fis-sena kalendarja ta' wara u għandha tinnotifika b'dan lill-manifattur.

7.  Fejn il-manifattur ma jilħaqx il-mira tiegħu għall-emissjonijiet speċifiċi, il-Kummissjoni għandha timponi l-premium għal emissjonijiet eċċessivi fuq il-manifattur, kif stipulat fl-Artikolu 9.

▼M2

8.  Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a li jistabbilixxu regoli li jissupplimentaw il-paragrafi 1 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal derogi, tal-kontenut tal-applikazzjonijiet, u tal-kontenut u l-valutazzjoni tal-programmi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2.

▼B

9.  L-applikazzjonijiet għal deroga, inkluża l-informazzjoni li tappoġġaha, in-notifiki taħt il-paragrafu 5, ir-revoki taħt il-paragrafu 6 u kwalunkwe impożizzjoni ta' premium għal emissjonijiet eċċessivi taħt il-paragrafu 7, u l-miżuri adottati konformement mal-paragrafu 8, għandhom ikunu disponibbli pubblikament, suġġett għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 12 ).

Artikolu 12

Eko-innovazzjoni

▼M2

1.  Fuq applikazzjoni minn fornitur jew manifattur, għandu jiġi kkunsidrat l-iffrankar ta’ CO2 miksub permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi jew taħlita ta’ teknoloġiji innovattivi (“pakkett ta’ teknoloġija innovattiva”).

Tali teknoloġiji għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk il-metodoloġija użata biex tivvalutahom tkun kapaċi tipproduċi riżultati verifikabbli, ripetibbli u komparabbli.

Il-kontribut totali ta’ dawk it-teknoloġiji għat-tnaqqis tal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur jista’ jkun sa 7 g CO2/km.

▼B

2.   ►M2  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, dispożizzjonijiet dettaljati għal proċedura biex jiġu approvati t-teknoloġiji innovattivi jew pakketti ta’ teknoloġija innovattiva msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament. ◄ Dawn id-dispożizzjonijiet dettaljati għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji, li ġejjin, għal teknoloġiji innovattivi:

(a) il-fornitur jew manifattur għandu jkun responsabbli għall-iffrankar tas-CO2 miksub permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi;

(b) it-teknoloġiji innovattivi għandhom jagħtu kontribut ta’ tnaqqis tas-CO2 li jkun verifikat;

(c) it-teknoloġiji innovattivi m'għandhomx ikunu koperti miċ-ċiklu tal-eżami standard għall-kejl tas-CO2 jew minn dispożizzjonijiet obbligatorji minħabba miżuri addizzjonali kumplimentari li jikkonformaw mat-tnaqqis ta' 10 g CO2/km imsemmija fl-Artikolu 1 jew ikunu obbligatorji taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja.

▼M2

3.  Fornitur jew manifattur li japplika għall-approvazzjoni ta’ xi miżura bħala teknoloġija innovattiva jew pakkett ta’ teknoloġija innovattiva għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni, li jinkludi rapport ta’ verifika mwettaq minn entità indipendenti u ċertifikata. F’każ ta’ interazzjoni possibbli tal-miżura ma’ teknoloġija innovattiva oħra jew ma’ pakkett ta’ teknoloġija innovattiva diġa’ approvat, ir-rapport għandu jsemmi dik l-interazzjoni u ur-rapport ta’ verifika għand jivvaluta sa liema punt dik l-interazzjoni tbiddel it-tnaqqis miksub minn kull miżura.

▼B

4.  Il-Kummissjoni għanda tikkonferma t-tnaqqis miksub, fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 13

Reviżjoni u rapport

1.  Fl-2010, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-approċċ integrat tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-vetturi ħfief.

2.  Sa Ottubru 2014 u kull tliet snin wara dan, għandhom jiġu adottati miżuri li jemendaw l-Anness I sabiex tiġi aġġustata il-figura ta’ M0 imsemmija fih għal medja tal-massa medja tal-karozzi tal-passiġġieri l-ġodda fit-tliet snin kalendarji ta’ qabel.

Dawk il-miżuri għandhom ikollhom effett għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2016 u kull tliet snin wara dan.

▼M2

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti delegati, dawk il-miżuri f’konformità mal-Artikolu 14a.

▼B

3.  Mill-2012, il-Kummissjoni għandha twettaq stima tal-impatt sabiex sal-2014 tirrivedi, kif stipulat fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, il-proċeduri għall-kejl tal-emissjonijiet CO2 kif stipulati minn dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tagħmel proposti xierqa biex tadatta l-proċeduri biex jirriflettu b’mod adegwat ir-rendiment reali tal-emissjonijiet CO2 tal-karozzi u b’mod partikolari, proposti li jinkludu t-teknoloġiji innovattivi approvati kif definit fl-Artikolu 12 li jistgħu jkunu riflessi fiċ-ċiklu tal-eżami. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li sussegwentement dawk il-proċeduri jiġu riveduti b’mod regolari.

▼M2 —————

▼B

4.  Sal-2010, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-Direttiva 2007/46/KE sabiex kull tip/varjant/verżjoni ikunu jikkorrispondu għal sett uniku ta’ teknoloġiji innovattivi.

▼M2

5.  Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-miri għall-emissjonijiet speċifiċi, il-modalitajiet u aspetti oħra ta’ dan ir-Regolament, inkluż jekk parametru ta’ utilità jkunx għadu meħtieġ u jekk il-massa jew il-marka tal-karbonju hijiex l-aktar parametru ta’ utilità sostenibbli, sabiex tistabbilixxi l-miri għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri għall-perijodu ta’ wara l-2020. Il-valutazzjoni tar-rata meħtieġa ta’ tnaqqis għandha tkun konformi mal-miri tal-Unjoni fit-tul relatati mal-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ teknoloġija kosteffettiva li tnaqqas is-CO2 għall-karozzi. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta’ dik ir-reviżjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi kwalunkwe proposta li temenda dan ir-Regolament, inkluż l-istabbiliment possibbli ta’ mira realistika u li tista’ tinkiseb, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt li ser tikkunsidra l-kompetittività kontinwa tal-industrija tal-karozzi u l-industriji li jiddipendu minnha. Meta telabora tali proposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn ikunu kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni u jkunu soċjalment ġusti u sostenibbli.

▼B

6.  Sal-2014, u wara stima tal-impatt, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar id-disponibbiltà ta' data tal-footprint u l-użu tagħha bħala parametru tal-utilità biex ikunu stabbiliti miri ta' emissjonijiet speċifiċi u, jekk xieraq, għandha tressaq rapport lill-Paralament Ewropew u lill-Kunsill biex ikun emendat l-Anness I.

▼M2

7.  Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-parametri ta’ korrelazzjoni meħtieġa sabiex tkun riflessa kwalunkwe bidla fil-proċedura tal-ittestjar regolatorja għall-kejl tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 msemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r-Regolament (KE) Nru 692/2008. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14a sabiex tadatta l-formoli li jinsabu fl-Anness I, billi tuża l-metodoloġija adottata skont l-ewwel subparagrafu, filwaqt li tiżgura li r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ restrizzjoni komparabbli għall-manifatturi u vetturi ta’ utilità differenti jkunu meħtieġa taħt il-proċeduri ta’ ttestjar il-qodma u l-ġodda.

Artikolu 14

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M2

Artikolu 14a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(7) għal perijodu ta’ ħames snin mit-8 ta’ April 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames-snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża impliċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 15

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 1753/2000/KE hija b'dan imħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2010.

Madankollu, l-Artikoli 4, 9 u 10 ta' dik id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu japplikaw sa meta l-Kummissjoni tkun ressqet quddiem il-Parlament Ewropew rapport dwar id-data ta' monitoraġġ għas-sena kalendarja 2009.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

MIRI SPEĊIFIĊI TA’ EMISSJONIJIET

1.

L-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 għal kull karozza tal-passiġġieri ġdida, imkejla fi grammi kull kilometru għall-finijiet tal-kalkoli f'dan l-Anness għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-formula li ġejja:

(a) Mill-2012 sal-2015:

L-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 = 130 + a × (M – M0)

Fejn:

M

=

il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0

=

1 372,0

a

=

0,0457

▼M3

(b) Mill-2016:

L-emissjoni speċifika ta' CO2 = 130 + a × (M – M0)

Fejn:

M = il-massa tal-vettura f'kilogrammi (kg)

M0 = 1 392,4

a = 0,0457

▼M2

(c) Mill-2020:

image

fejn:

M = il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0 = il-valur adottat skont l-Artikolu 13(2).

a = 0,0333

▼B

2.

Il-mira ta' emissjonijiet speċifiċi għal manifattur f'sena kalendarja għandha tiġi kkalkulata bħala medja tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' kull karozza ġdida, reġistrata f'dik is-sena kalendarja, tal-passiġġieri li tagħha huwa jkun il-manifattur.

▼M1




ANNESS II

IL-MONITORAĠĠ U R-RAPPURTAR TAL-EMISSJONIJIET

IL-PARTI A –    Il-ġbir tad-dejta dwar il-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri u l-istabbiliment tat-tagħrif dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2

1. Għal kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-dejta ddettaljata li ġejja għal kull karozza ġdida tal-passiġġieri rreġistrata fit-territorju tagħhom:

(a) il-manifattur;

(b) in-numru tal-approvazzjoni tat-tip u l-estensjoni tiegħu;

(c) it-tip, il-varjant u l-verżjoni;

(d) l-għamla u l-isem kummerċjali;

(e) il-kategorija tal-vettura li jkollha approvazzjoni tat-tip;

(f) l-għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda;

(g) il-massa;

(h) l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2;

(i) l-impronta: it-tul bejn il-fusien u l-wisa’ bejn rota u oħra tal-fus tat-tidwir u tal-fusien l-oħrajn;

(j) it-tip ta’ fjuwil u l-modalità tal-fjuwil;

(k) il-kapaċità tal-magna;

(l) il-konsum tal-enerġija elettrika;

(m) il-kodiċi għat-teknoloġija innovattiva jew għall-grupp ta’ teknoloġiji innovattivi u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 li ġej minn dik it-teknoloġija innovattiva;

▼M2

(n) qawwa massima netta.

▼M1

2. Id-dejta ddettaljata msemmija fil-punt 1 għandha tittieħed miċ-ċertifikat tal-konformità tal-karozza tal-passiġġieri rilevanti, jew għandha tkun konsistenti maċ-ċertifikat tal-konformità maħruġ mill-manifattur tal-karozza tal-passiġġieri rilevanti. F’każ li ma jintużax iċ-ċertifikat tal-konformità, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex tkun żgurata l-preċiżjoni adegwata fil-proċedura ta’ monitoraġġ. F’każ li, għal karozza tal-passiġġieri, jiġu speċifikati kemm valur minimu kif ukoll valur massimu għall-valuri tal-massa u tal-impronta msemmijin fil-punt 1(i), l-Istati Membri għandhom jużaw biss iċ-ċifra massima għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Fil-każ ta’ vetturi li jużaw żewġ tipi ta’ fjuwil (kemm il-petrol u kemm il-gass), li jkollhom ċertifikati tal-konformità li juru ċ-ċifri għall-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għaż-żewġ tipi ta’ fjuwil, l-Istati Membri għandhom jużaw biss iċ-ċifra mkejla għall-gass.

3. Għal kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu:

(a) is-sorsi użati għall-ġbir tad-dejta ddettaljata msemmija fil-punt 1;

(b) l-għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri li huma suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE;

(c) l-għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandhom approvazzjoni individwali;

(d) l-għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandhom approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ serje żgħira;

(e) il-perċentwali tal-pompi tal-fjuwil kollha fit-territorju tagħhom li jipprovdu l-fjuwil tat-tip E85.

IL-PARTI B –    Il-metodu biex jiġi stabbilit it-tagħrif dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri

It-tagħrif dwar il-monitoraġġ li l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu skont il-punti 1 u 3 tal-Parti A għandu jiġi stabbilit skont il-metodu mogħti f’din il-Parti.

1. L-għadd ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-għadd ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fit-territorju tagħhom fis-sena ta’ monitoraġġ rispettiva, imqassam fi tliet kategoriji – dik tal-vetturi li huma suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE, dik tal-vetturi li huma suġġetti għal approvazzjoni individwali, u dik tal-vetturi li huma suġġetti għal approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ serje żgħira.

2. It-tqassim tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri skont il-verżjoni tagħhom

Għal kull verżjoni ta’ kull varjant ta’ kull tip ta’ karozza ġdida tal-passiġġieri, għandhom jiġu rreġistrati l-għadd ta’ karozzi tal-passiġġieri li jkun għadhom kemm ġew irreġistrati u d-dejta ddettaljata msemmija fil-punt 1 tal-Parti A.

3. L-Istati Membri għandhom jindikaw il-pompi tal-fjuwil fit-territorju tagħhom li jipprovdu l-fjuwil tat-tip E85 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 ( 15 ).

IL-PARTI C –    Il-format għat-trażmissjoni tad-dejta

Għal kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw it-tagħrif speċifikat fil-punti 1 u 3 tal-Parti A fil-formati li ġejjin:

Id-dejta aggregata, inkluż it-tagħrif ġenerali speċifikat fil-punt 3 tal-Parti A:



Stat Membru (1)

 

Sena

 

Sors tad-dejta

 

Għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri li huma suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE

 

Għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandhom approvazzjoni individwali

 

Għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandhom approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ serje żgħira

 

Perċentwali tal-pompi tal-fjuwil kollha li jipprovdu l-fjuwil tat-tip E85, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1014/2010

 

Għadd totali ta’ pompi tal-fjuwil li jipprovdu l-fjuwil tat-tip E85, f’każ li l-proporzjon ta’ dawn il-pompi jaqbeż it-30 % tal-pompi tal-fjuwil kollha, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1014/2010

 

(1)   Il-kodiċijiet tal-alfa-2 mogħtija fl-istandard tal-ISO bin-numru 3166, ħlief għall-Greċja u r-Renju Unit, li għalihom għandhom jintużaw il-kodiċijiet “EL” u “UK” rispettivament.

Id-dejta ddettaljata speċifikata fil-punt 1 tal-Parti A



Sena

Isem il-manifattur

- denominazzjoni standard tal-UE

Isem il-manifattur

- denominazzjoni tal-manifattur

Isem il-manifattur

- denominazzjoni fir-reġistru nazzjonali

In-numru tal-approvazzjoni tat-tip u l-estensjoni tiegħu

It-tip

Il-varjant

Il-verżjoni

L-għamla

L-isem kummerċjali

Il-kategorija tal-vettura li jkollha approvazzjoni tat-tip

L-għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda

Il-massa (f’kg)

L-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 (fi g/km)

It-tul bejn il-fusien (f’mm)

Il-wisa’ bejn rota u oħra tal-fus tat-tidwir (f’mm)

Il-wisa’ bejn rota u oħra tal-fusien l-oħrajn (f’mm)

It-tip ta’ fjuwil (1)

Il-modalità tal-fjuwil (1)

Il-kapaċità tal-magna (f’ċm3)

Il-konsum tal-enerġija elettrika (f’Wh/km)

Il-kodiċi tat-teknoloġija innovattiva jew tal-grupp ta’ teknoloġiji innovattivi (2)

It-tnaqqis fl-emissjonijiet permezz tat-teknoloġiji innovattivi (fi g/km) (2)

►M2  Qawwa massima netta (kW) ◄

Sena 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Numru tal-approvazzjoni tat-tip 1

It-tip nru 1

Il-varjanti nru 1

Il-verżjoni nru 1

Sena 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Numru tal-approvazzjoni tat-tip 1

It-tip nru 1

Il-varjanti nru 1

Il-verżjoni nru 2

Sena 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Numru tal-approvazzjoni tat-tip 1

It-tip nru 1

Il-varjanti nru 2

Il-verżjoni nru 1

Sena 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Manifattur 1

Numru tal-approvazzjoni tat-tip 1

It-tip nru 1

Il-varjanti nru 2

Il-verżjoni nru 2

(1)   Skont l-Artikolu 6.

(2)   Skont l-Artikolu 12.



( 1 ) ĠU C 77. 31.3.2009, p. 1.

( 2 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' April 2009.

( 3 ) ĠU L 33, 7.2.1994, p. 11.

( 4 ) ĠU L 202, 10.8.2000, p. 1.

( 5 ) ĠU L 40, 13.2.1999, p. 49.

( 6 ) ĠU L 100, 20.4.2000, p. 55.

( 7 ) ĠU L 100, 20.4.2000, p. 57.

( 8 ) ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

( 9 ) ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tal-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjoniijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

( 11 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

( 12 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

( 13 ) Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1).

( 14 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( 15 ) ĠU L 293, 11.11.2010, p. 15.