2009R0390 — MT — 05.04.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 390/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet dilomatiċi u l-uffiċċji konsulari fir-rigward tal-introduzzjoni tal-bijometrika inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċezzjoni l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża

(ĠU L 131, 28.5.2009, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 810/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Lulju 2009

  L 243

1

15.9.2009




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 390/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet dilomatiċi u l-uffiċċji konsulari fir-rigward tal-introduzzjoni tal-bijometrika inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċezzjoni l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (2) b) ii) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

Biex ikunu żgurati l-verifika u l-identifikazzjoni affidabbli tal-applikanti huwa meħtieġ li d-data bijometrika tiġi pproċessata fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE ( 3 ) u li jiġi pprovdut qafas legali għall-ġbir ta’ dawn l-identifikaturi bijometriċi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-VIS teħtieġ forom ġodda ta’ organizzazzjoni għar-riċezzjoni ta’ applikazzjonijiet għal viżi.

(2)

L-integrazzjoni tal-identifikaturi bijometriċi fil-VIS hija pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda, li jistabbilixxu rabta aktar affidabbli bejn id-detentur tal-viża u l-passaport sabiex jiġi evitat l-użu ta’ identitajiet foloz. Għalhekk, il-preżentazzjoni personali tal-applikant –mill-inqas għall-ewwel applikazzjoni– għandha tkun waħda mir-rekwiżiti bażiċi għall-ħruġ ta’ viża bir-reġistrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi fil-VIS.

(3)

L-għażla tal-identifikaturi bijometriċi ssir fir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-“Regolament VIS”) ( 4 ).

(4)

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-istandards għall-ġbir ta’ dawn l-identifikaturi bijometriċi billi jirreferi għad-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). M’humiex meħtieġa aktar speċifikazzjonijiet tekniċi sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà.

(5)

Kull dokument, data jew identifikatur bijometriku rċevut minn Stat Membru waqt li tkun għaddejja applikazzjoni għal viża għandu jitqies bħala dokument konsulari taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24 ta’ April 1963 u għandu jiġi ttrattat b’mod adegwat.

(6)

Sabiex tkun iffaċilitata r-reġistrazzjoni tal-applikanti u biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri, jeħtieġ li jiġu previsti possibbiltajiet organizzattivi ġodda minbarra l-qafas eżistenti ta’ rappreżentanza. L-ewwel nett għandu jiżdied tip speċifiku ta’ rappreżentanza limitat għall-ġbir ta’ applikazzjonijiet u r-reġistrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi mal-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari ( 5 ).

(7)

Għandhom jiddaħħlu għażliet oħra bħalma huma l-kolokazzjoni, iċ-ċentri komuni għall-applikazzjonijiet, konsli onorarji u koperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi. Għandu jiġi stabbilit qafas legali adatt għal dawn l-għażliet, filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari ta’ kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-qafas legali, għandhom jiddeterminaw it-tip ta’ struttura organizzattiva li ser jużaw f’kull wieħed mill-pajjizi terzi. Id-dettalji dwar dawk l-istrutturi għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

(8)

Meta jkunu qed jorganizzaw il-koperazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jiġu ggwidati lejn l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom.

(9)

Huwa meħtieġ li jsiru provvedimenti għal sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jiddeċiedu li, sabiex jiffaċilitaw il-proċedura, jikkoperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi għall-ġbir ta’ applikazzjonijiet. Tali deċiżjoni tista’ tittieħed jekk, f’ċirkostanzi partikolari jew għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni lokali, il-koperazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn fil-forma ta’ rappreżentanza limitata, kolokazzjoni jew Ċentru Komuni għall-Applikazzjonijiet ma tkunx adatta għall-Istat Membru konċernat. Tali arranġamenti għandhom jiġu stabbiliti konformement mal-prinċipji ġenerali għall-ħruġ ta’ viżi, u b’rispett lejn ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ( 6 ). Barra dan, għandu jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi evitat il-visa shopping waqt l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ tali arranġamenti.

(10)

L-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ fornituri esterni tas-servizzi abbażi ta’ strument legali li għandu jkun fih dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet preċiżi tagħhom, dwar l-aċċess dirett u totali għall-kwartieri tagħhom, l-informazzjoni għall-applikanti, il-kunfidenzjalità u dwar iċ-ċirkostanzi, kondizzjonijiet u proċeduri għas-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-koperazzjoni.

(11)

Dan ir-Regolament, billi jippermetti lill-Istati Membri jikkoperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi għall-ġbir tal-applikazzjonijiet filwaqt li jistabbilixxi l-prinċipju “waqfa waħda” għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, joħloq deroga mir-regola ġenerali dwar il-preżenza personali (kif previst fil-Parti III, punt 4, tal-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-applikant jissejjaħ għal intervista personali u huwa wkoll mingħajr preġudizzju għal strumenti legali futuri li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet.

(12)

Sabiex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, ġie konsultat il-Grupp ta’ Ħidma stabbilit permezz tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE.

(13)

Id-Direttiva 95/46/KE tapplika għall-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali konformement ma’ dan ir-Regolament.

(14)

L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet direttament fil-missjonijiet diplomatiċi jew fl-uffiċċji konsulari tagħhom.

(15)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura ta’ kwalunkwe applikazzjoni sussegwenti, għandu jkun possibbli li jiġu kkopjati marki tas-swaba’ mill-ewwel inseriment fil-VIS fi żmien 59 xahar. Ladarba dan il-perijodu ta’ żmien ikun għadda, il-marki tas-swaba’ għandhom jerġgħu jinġabru.

(16)

Minħabba r-rekwiżit li jinġabru identifikaturi bijometriċi, intermedjarji kummerċjali bħal aġenziji tal-ivvjaġġar m’għandhomx jibqgħu jintużaw aktar għall-ewwel applikazzjoni iżda għall-dawk sussegwenti biss.

(17)

L-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tliet snin wara li l-VIS tibda topera u kull erba’ snin minn hemm ‘il quddiem.

(19)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolment, jiġifieri l-organizzazzjoni tar-riċezzjoni u l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet fir-rigward tal-inseriment ta’ data bijometrika fil-VIS u l-introduzzjoni ta’ standards komuni u identifikaturi bijometriċi interoperabbli huwa meħtieġ u xieraq li jiġu stabbiliti regoli għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-politika komuni Komunitarja dwar il-viżi, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(20)

Taħt l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, konformement mal-Artikolu 5 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perijodu ta’ sitt xhur wara l-jum tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(21)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen ( 7 ) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE ( 8 ) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(22)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen ( 9 ). Għalhekk ir-Renju Unit m’huwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u m’huwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(23)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irland biex tieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen ( 10 ). Għalhekk l-Irlanda m’hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u m’hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(24)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen ( 11 ), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE ( 12 ).

(25)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE ( 13 ).

(26)

Rigward Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor fit-tifisra tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(27)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jkompli jiżviluppa l-acquis ta’ Schengen jew li huwa diversament relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Emendi lill-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni

L-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari huma b’dan emendati kif ġej:

(1) Il-Parti II tiġi emendata kif ġej:

(a) Fil-punt 1.2(b), jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Stat Membru jista’ wkoll jirrappreżenta Stat Membru wieħed jew aktar b’mod limitat biss għall-ġbir tal-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ 1.2 (c) u (e). Il-ġbir u t-trasmissjoni ta’ fajls u data lill-Istat Membru rappreżentat għandhom jitwettqu b’rispett tar-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data u regoli tas-sigurtà.

L-Istat jew Stati Membri rappreżentati għandhom jiżguraw li d-data tkun kompletament kriptata, kemm jekk ittrasferita elettronikament jew ittrasferita fiżikament fuq mezz ta’ ħzin elettroniku mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li qed jirrappreżenta lejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru rappreżentat.

F’pajjiżi terzi li jipprojbixxu kriptaġġ ta’ data li għandha tiġi ttrasferita elettronikament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li qed jirrappreżenta lejn l-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri rappreżentati, dan jew dawn tal-aħħar m’għandhomx jippermettu li l-Istat Membru li qed jirrappreżenta jittrasferixxi data elettronikament.

F’dan il-każ, l-Istat jew Stati Membri rappreżentati konċernati għandhom jiżguraw li d-data elettronika tiġi ttrasferita fiżikament f’forma kompletament kriptata fuq mezz ta’ ħzin elettroniku mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li qed jirrappreżenta lejn l-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri rappreżentati minn uffiċjal konsulari ta’ Stat Membru jew, fejn trasferiment bħal dan ikun jirrikjedi li jittieħdu miżuri sproporzjonati jew mhux raġonevoli, b’mod sigur ieħor, pereżempju bl-użu ta’ operaturi stabbiliti li għandhom esperjenza fit-trasport ta’ dokumenti u data sensittiva fil-pajjiż terz konċernat.

Fil-każijiet kollha l-livell ta’ sigurtà għat-trasferiment għandu jiġi adattat għan-natura sensittiva tad-data.

L-Istati Membri jew il-Komunità għandhom jippruvaw jilħqu ftehim mal-pajjiżi terzi konċernati bl-għan li titneħħa l-projbizzjoni kontra l-kriptaġġ ta’ data li għandha tiġi ttrasferita elettronikament bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri konċernati.”.

(b) Il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d) Meta jinħarġu viżi uniformi taħt (a) u (b), ir-rappreżentanza u r-rappreżentanza limitata għandhom ikunu riflessi fit-tabella tar-rappreżentanza għall-ħruġ tal-viżi uniformi kif stabbilit fl-Anness 18.”.

(2) Il-Parti III tiġi emendata kif ġej:

(a) Il-punt 1 jiġi sostitiwit b’dan li ġej:

“1.    Applikazzjonijiet għal viża

1.1.    Formoli ta’ applikazzjoni għal viża - numru ta’ formoli ta’ applikazzjoni

L-applikanti għandhom ukoll ikunu meħtieġa jimlew il-formola ta’ applikazzjoni għal viża uniformi. L-applikazzjonijiet għal viża uniformi għandhom isiru billi tintuża l-formola armonizzata li kampjun tagħha jingħata fl-Anness 16.

Għandha timtela mill-inqas kopja waħda tal-formola ta’ applikazzjoni sabiex din tkun tista’ tintuża waqt il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali. L-Istati Membri jistgħu, sa fejn il-proċeduri amministrattivi nazzjonali jeħtieġu dan, jitolbu diversi kopji tal-applikazzjoni.

1.2.    Identifikaturi bijometriċi

(a)

L-Istati Membri għandhom jiġbru mingħand l-applikant l-identifikaturi bijometriċi li jkunu jikkonsistu fix-xbieha tal-wiċċ u għaxar marki tas-swaba’ konformement mas-salvagwardji stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Fil-mument ta’ preżentazzjoni tal-ewwel applikazzjoni, l-applikant għandu jkun meħtieġ jidher personalment. F’dak il-ħin għandhom jinġabru l-identifikaturi bijometriċi li ġejjin:

 ritratt, skannjat jew meħud fi żmien l-applikazzjoni u

 għaxar marki tas-swaba’ meħudin ċatti u miġbura b’mod diġitali.

Fejn marki tas-swaba’ miġbura mill-applikant dwar applikazzjoni aktar bikrija jkunu ddaħħlu għall-ewwel darba fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) anqas minn 59 xahar qabel id-data tal-applikazzjoni l-ġdida, huma għandhom jiġu kkopjati għall-applikazzjoni sussegwenti.

Madankollu, f’każ ta’ dubji raġonevoli dwar l-identità tal-applikanti, il-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari għandhom jiġbru l-marki tas-swaba’ fil-perijodu speċifikat hawn fuq.

Barra minn hekk, jekk fil-waqt li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, ma tistax tiġi kkonfermata minnufih li marki tas-swaba’ ttieħdu fiż-żmien speċifikat hawn fuq, l-applikant jista’ jitlob li dawn jittieħdu.

Konformement mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament VIS, ir-ritratt mehmuż ma’ kull applikazzjoni għandu jiddaħħal fil-VIS. L-applikant m’għandux ikun meħtieġ li jidher in persuna għal dan l-għan.

Ir-rekwiżiti tekniċi għar-ritratt għandhom ikunu konformi mal-istandards internazzjonali kif stabbiliti fid-Dok 9303 tal-ICAO, il-parti 1, is-sitt edizzjoni.

Il-marki tas-swaba’ għandhom jittieħdu konformement mal-istandards ICAO u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/648/KE tat-22 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-istandards għall-karatteristiċi bijometriċi relatati mal-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża ( 14 ).

L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru minn staff kwalifikat u debitament awtorizzat tal-missjoni diplomatika jew post konsulari u awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-viżi fil-fruntieri. Taħt is-superviżjoni tal-missjonijiet diplomatiċi jew uffiċċji konsulari, l-identifikaturi bijometriċi jistgħu wkoll jinġabru minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat ta’ konslu onorarju jew ta’ fornitur estern tas-servizzi msemmi fil-Parti VII, il-punti 1.3 u 1.4.

Id-data għandha tiddaħħal fil-VIS biss minn persunal konsulari debitament awtorizzat konformement mal-Artikoli 6(1), 7, 9(5) u 9(6) tar-Regolament VIS.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir użu sħiħ tal-kriterji kollha tar-riċerka taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-VIS sabiex jiġi evitat li jsiru ċaħdiet u identifikazzjonijiet foloz.

(b)

Eċċezzjonijiet

L-applikanti li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’:

 Tfal taħt l-età ta’ 12-il sena;

 Persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jittieħdulhom il-marki tasswaba’. Jekk ikun possibbli li jittieħdu l-marki ta’ inqas minn għaxar swaba’, għandu jittieħed in-numru rispettiv ta’ marki tas-swaba’; Madankollu, jekk l-impossibbiltà tkun temporanja, l-applikant għandu jkun meħtieġ li jagħti l-marki tas-swaba’ fl-applikazzjoni li jmiss. Missjonijiet diplomatiċi jew uffiċċji konsulari u awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ viżi fil-fruntieri għandhom ikunu intitolati għal aktar ċarezza fuq raġunijiet ta’ impossibbiltà temporanja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ proċeduri adatti li jiggarantixxu d-dinjità tal-applikant f’każ li jkun hemm diffikultajiet fir-reġistrazzjoni. Il-fatt li t-teħid tal-marki tas-swaba’ huwa fiżikament impossibbli m’għandux jinfluwenza l-għoti jew iċ-ċaħda ta’ viża.

 Kapijiet ta’ Stati jew ta’ gvernijiet u membri tal-gvern nazzjonali akkumpanjati minn żwieġhom jew marthom, u l-membri tad-delegazzjoni uffiċjali tagħhom meta jkunu mistiedna minn gvernijiet tal-Istati Membri jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal għan uffiċjali.

 Sovrani u membri għolja oħrajn tal-familja rjali, meta jkunu mistiedna minn gvernijiet ta’ Stati Membri jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal għan uffiċjali.

F’kull wieħed minn dawn il-każijiet għandha tiddaħħal ‘hux applikabbli’fil-VIS.

(b) Jiżdied il-punt 1 li ġej:

“5.    Imġiba tal-persunal

Il-missjonijiet diplomatiċi jew l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jintlaqgħu bil-korteżija.

Il-persunal konsulari għandu, fit-twettiq ta’ dmirijietu, jirrispetta b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Kwalunkwe miżura meħuda għandha tkun proporzjonata għall-objettivi segwiti minn dik il-miżura.

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-persunal konsulari m’għandux jiddiskrimina kontra persuni fuq il-bażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.”

(3) Il-punt 1 tal-Parti VII jiġi emendat kif ġej:

“1.    Organizzazzjoni ta’ sezzjonijiet tal-viżi

1.1.    Organizzazzjoni tar-riċezzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża

Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tar-riċezzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet. Fil-prinċipju, l-applikazzjonijiet għandhom jiġi ppreżentati fil-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari tal-Istat Membru.

L-Istati Membri għandhom:

 jattrezzaw il-missjonijiet diplomatiċi jew l-uffiċċji konsulari u l-awtoritajiet responsabbli tagħhom għall-ħruġ tal-viżi fil-fruntieri bil-materjal meħtieġ għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, kif ukoll l-uffiċċji tal-konsli onorarji tagħhom kull meta huma jagħmlu użu minnhom biex jiġbru identifikaturi bijometriċi taħt il-punt 1.3., u/jew

 jikkoperaw ma’ Stat Membru wieħed jew aktar, fil-qafas ta’ koperazzjoni konsulari lokali jew permezz ta’ kuntatti adatti oħrajn, fil-forma ta’ rappreżentanza limitata, kolokazzjoni jew Ċentru Komuni għall-Applikazzjonijiet, taħt il-punt 1.2.

F’ċirkostanzi partikolari jew għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni lokali, bħal meta:

 l-għadd kbir ta’ applikanti ma jippermettix l-organizzazzjoni b’xi mod ieħor tal-ġbir tal-applikazzjonijiet u tad-data b’mod f’waqtu u f’kondizzjonijiet deċenti, jew

 ma jkunx possibbli li tiġi żgurata kopertura territorjali tajba tal-pajjiż terz konċernat b’xi mod ieħor;

u fejn il-forom ta’ koperazzjoni msemmijin hawn fuq jirriżultaw mhux adatti għall-Istat Membru konċernat, Stat Membru jista’ jikkopera ma’ fornitur estern tas-servizzi, bħala l-aħħar soluzzjoni possibbli, taħt il-punt 1.4.

Mingħajr preġudizzju għad-dritt li l-applikant jissejjaħ għal intervista personali (kif previst fil-Parti III, punt 4), l-għażla ta’ forma ta’ organizzazzjoni m’għandhiex tirriżulta fil-ħtieġa li l-applikant jidher personalment f’aktar minn post wieħed għal preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

1.2.    Forom ta’ koperazzjoni bejn l-Istati Membri

(a) Fejn tingħażel il-‘olokazzjoni’ il-persunal tal-missjonijiet diplomatiċi jew l-uffiċċji konsulari ta’ wieħed jew aktar Stati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet (inklużi l-identifikaturi bijometriċi) indirizzati lilhom fil-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari ta’ Stat Membru ieħor u jikkondividi t-tagħmir ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri konċernati għandhom jaqblu dwar it-tul ta’ żmien u l-kondizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kolokazzjoni kif ukoll dwar il-proporzjon tal-miżata għall-viża li għandu jirċievi l-Istat Membru li tiegħu jkun qed jintuża l-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari.

(b) Fejn ikunu stabbiliti ‘entri Komuni għall-Applikazzjonijiet’ il-persunal tal-missjonijiet diplomatiċi jew uffiċċji konsulari ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għandu jinġabar f’bini wieħed sabiex jirċievi l-applikazzjonijiet (inklużi l-identifikaturi bijometriċi) indirizzati lilhom. L-applikanti għandhom jiġu ggwidati lejn l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni. L-Istat Membri għandhom jiftiehmu dwar il-tul ta’żmien u l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-waqfien ta’ din il-koperazzjoni kif ukoll dwar kif ikunu se jinqasmu l-ispejjeż bejn l-Istati Membri parteċipanti. Stat Membru wieħed għandu jkun responsabbli mill-kuntratti f’relazzjoni mal-loġistika u r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-pajjiż ospitanti.

1.3.    Rikors għand konsli onorarji

Konsli onorarji jistgħu wkoll ikunu awtorizzati li jwettqu xi kompiti jew il-kompiti kollha msemmijin fil-punt 1.5. Għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex ikunu garantiti s-sigurtà u l-protezzjoni tad-data.

Fejn il-konslu onorarju ma jkunx impjegat taċ-ċivil ta’ Stat Membru, it-twettiq ta’ dawk il-kompiti għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 19 ħlief għad-dispożizzjonijiet fil-punt C (c) ta’ dak l-Anness.

Fejn il-konslu onorarju ma jkunx impjegat taċ-ċivil ta’ Stat Membru, l-Istat Membru konċernat għandu jiżgura li jiġu applikati r-rekwiżiti komparabbli ma’ dawk li jkunu japplikaw kieku l-kompiti jitwettqu mill-missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari.

1.4.    Koperazzjoni mal-fornituri esterni tas-servizzi

L-Istati Membri għandhom jippruvaw jikkoperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi flimkien ma’ Stat Membru wieħed jew aktar mingħajr preġudizzju għall-akkwist pubbliku u r-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-koperazzjoni mal-fornitur estern tas-servizzi għandha tkun ibbażata fuq strument legali li għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 19.

L-Istati Membri għandhom, fil-qafas tal-koperazzjoni konsulari lokali, jiskambjaw informazzjoni dwar l-għażla ta’ fornituri esterni tas-servizzi u l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-istrumenti legali rispettivi.

1.5.    Tipi ta’ koperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi

Jista’ jiġi fdat fornitur estern tas-servizzi sabiex iwettaq kompitu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar ir-rekwiżiti tal-viża u formuli tal-applikazzjoni;

(b) jinforma lill-applikant dwar id-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa abbażi ta’ lista ta’ verifika;

(c) jiġbor data u applikazzjonijiet (inkluż ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi) u jittrasmetti l-applikazzjoni lill-missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari;

(d) jiġbor il-miżata li għandha tintalab;

(e) jiġġestixxi l-appuntamenti biex jidhru personalment fil-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari jew għand il-fornitur estern tas-servizzi;

(f) jiġbor d-dokumenti tal-ivvjaġġar (inkluża notifika ta’ rifjut jekk applikabbli) mill-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari u jgħaddihom lura lill-applikant.

1.6.    Obbligi tal-Istati Membri

Fl-għażla tal-fornituri esterni tas-servizzi, l-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom jiflu s-solvenza u l-kredibbiltà tal-kumpannija (inklużi l-liċenzji meħtieġa, ir-reġistrazzjoni kummerċjali, l-istatuti tal-kumpannija, il-kuntratti bankarji) u għandhom jiżguraw li m’hemm l-ebda konflitt ta’ interessi.

L-Istat jew Stati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur estern tas-servizzi jikkonforma mat-termini u l-kondizzjonijiet assenjati lilhom fl-istrument legali msemmi fil-punt 1.4.

L-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom jibqgħu responsabbli għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u għandhom jiġu ssorveljati konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ( 15 ).

Il-koperazzjoni ma’ fornitur estern tas-servizzi m’għandhiex tillimita jew teskludi kwalunkwe responsabbiltà li tirriżulta taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat jew Stati Membri konċernati għal ksur ta’ obbligi fir-rigward tad-data personali ta’ applikanti jew l-ipproċessar ta’ viżi. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni diretta li tista’ tittieħed direttament kontra l-fornitur estern tas-servizzi taħt il-liġi nazzjonali tal-pajjiż terz konċernat.

L-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom jiżguraw li d-data tkun kompletament kriptata, kemm jekk ittrasferita elettronikament jew ittrasferita fiżikament fuq mezz ta’ ħzin elettroniku mill-fornitur estern tas-servizzi lejn l-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri konċernati.

F’pajjiżi terzi li jipprojbixxu l-kriptaġġ ta’ data li għandha tiġi ttrasferita elettronikament mill-fornitur estern tas-servizzi għall-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri konċernati, dan jew dawn tal-aħħar m’għandhomx jippermettu li l-fornitur estern tas-servizzi jittrasferixxi data elettronikament.

F’dan il-każ, l-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom jiżguraw li d-data elettronika tiġi ttrasferita fiżikament f’forma kompletament kriptata fuq mezz ta’ ħzin elettroniku mill-fornitur estern tas-servizzi lejn l-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri konċernati minn uffiċjal konsulari ta’ Stat Membru, jew fejn trasferiment bħal dan ikun jirrikjedi li jittieħdu miżuri sproporzjonati jew mhux raġonevoli, b’mod sigur ieħor, pereżempju bl-użu ta’ operaturi stabbiliti li għandhom esperjenza fit-trasport ta’ dokumenti u data sensittiva fil-pajjiż terz konċernat.

Fil-każijiet kollha l-livell ta’ sigurtà għat-trasferiment għandu jiġi adattat għan-natura sensittiva tad-data.

L-Istati Membri jew il-Komunità għandhom jippruvaw jilħqu ftehim mal-pajjiżi terzi konċernati bl-għan li titneħħa l-projbizzjoni kontra l-kriptaġġ ta’ data li għandha tiġi ttrasferita elettronikament mill-fornitur estern tas-servizzi lejn l-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri konċernati.

L-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom jagħtu taħriġ lill-fornitur estern tas-servizzi, li jkun jikkorrispondi għall-għarfien meħtieġ biex jiġi offrut servizz adatt u informazzjoni suffiċjenti lill-applikanti.

L-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom jipprevedu l-possibbiltà ta’ verifika tal-marki tas-swaba’ fil-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari f’każijiet ta’ dubji fejn ittieħdu marki tas-swaba’ mill-fornitur estern tas-servizzi.

L-eżami ta’ applikazzjonijiet, intervisti fejn adatt, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni u l-istampar u t-twaħħil tal-istikers tal-viża għandhom jitwettqu biss mill-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari.

Il-fornituri esterni tas-servizzi m’għandux ikollhom aċċess għall-VIS għal kwalunkwe għan. L-aċċess għall-VIS għandu jkun riżervat esklużivament għal persunal tal-missjonijiet diplomatiċi jew l-uffiċċji konsulari li jkun awtorizzat debitament.

L-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-istrument legali, inklużi:

(a) l-informazzjoni ġenerali dwar rekwiżiti tal-viża u formoli ta’ applikazzjoni pprovduti mill-fornitur estern tas-servizzi lill-applikanti;

(b) il-miżuri tekniċi u organizzattivi tas-sigurtà kollha meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali jew telfien aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari fejn il-koperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta’ fajls u data lill-missjoni diplomatika jew lill-uffiċċju konsulari tal-Istat jew Stati Membri konċernati, u l-forom illegali l-oħrajn kollha ta’ pproċessar tad-data personali;

(c) il-ġbir u t-trasmissjoni tal-identifikaturi bijometriċi;

(d) il-miżuri meħudin biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

Għal dan il-għan, il-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari tal-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom iwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fil-kwartieri tal-fornitur estern tas-servizzi.

1.7.    Miżata għas-Servizzi

Il-fornituri esterni tas-servizzi jistgħu jitolbu miżata għas-servizz barra mill-miżata li għandha tintalab kif stabbilit fl-anness 12. Il-miżata għas-servizzi għandha tkun proporzjonata għall-ispejjeż imġarrba mill-fornitur estern tas-servizzi waqt li jkun qed iwettaq kompitu wieħed jew aktar imsemmijin fil-punt 1.5.

Din il-miżata għas-servizzi għandha tkun speċifikata fl-istrument legali msemmi fil-punt 1.4.

Fil-qafas ta’ koperazzjoni konsulari lokali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżata għas-servizz li tintalab lill-applikant tirrifletti b’mod debitu s-servizzi offruti mill-fornitur estern tas-servizzi u tkun adattata għaċ-ċirkostanzi lokali. Barra minn hekk, huma għandu jkollhom l-għan li jarmonizzaw il-miżata applikata għas-servizzi.

Il-miżata għas-servizzi m’għandhiex taqbeż nofs l-ammont tal-miżata għall-viża stabbilita fl-Anness 12, irrispettivament mill-eżenzjonijiet possibbli mill-miżata għall-viża kif previst mill-Anness 12.

L-Istat jew Stati Membri konċernati għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet direttament fil-missjonijiet diplomatiċi jew l-uffiċċji konsulari tagħhom.

1.8.    Informazzjoni

Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri għandhom juru lill-pubbliku ġenerali informazzjoni preċiża dwar il-mezzi kif jinkiseb appuntament u kif tiġi ppreżentata applikazzjoni.

1.9.    Kontinwità ta’ servizz

Fil-każ ta’ terminazzjoni tal-koperazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn jew kwalunkwe tip ta’ fornitur estern tas-servizzi, l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kontinwità ta’ servizz sħiħ.

1.10.    Deċiżjoni u pubblikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kif bi ħsiebhom jorganizzaw ir-riċezzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet f’kull rappreżentanza konsulari. Il-Kummissjoni ser tiżgura pubblikazzjoni xierqa.

L-Istati Membru għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’kopja tal-istrument legali msemmi fil-punt 1.4.

(4) Il-Punt 5.2 tal-Parti VIII jiġi emendata kif ġej:

(a) it-titolu jiġi mibdul b’ dan li ġej:

koperazzjoni tal-missjonijiet diplomatiċi u tal-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri mal-intermedjarji kummerċjali”;

(b) is-sentenza li ġejja tiġi mdaħħla bejn it-titolu u l-punt 5.2 (a):

“Għal applikazzjonijiet sussegwenti fis-sens tal-Parti III, punt 1.2, l-Istati Membri jistgħu jħallu lill-missjonijiet diplomatiċi jew l-uffiċċji konsulari tagħhom jikkoperaw ma’ intermedjarji kummerċjali (jiġifieri aġenziji amministrattivi privati, aġenziji tat-trasport jew tal-ivvjaġġar (operaturi turistiċi jew il-bejjiegħa))”.

(5) Jiżdied l-Anness li ġej:




“ANNESS 19

Lista ta’ rekwiżiti minimi li għandhom ikunu inklużi fl-istrument legali fil-każ ta’ koperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi

A) Relattivament għat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data:

(a) jipprevjeni fil-ħinijiet kollha kwalunkwe qari, ikkopjar, modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta’ data, b’mod partikolari matul it-trasmissjoni tagħha lill-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari tal-Istat jew Stati Membri responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni;

(b) jittrasmetti d-data konformement mal-istruzzjonijiet tal-Istat jew Stati Membri konċernati,

 elettronikament. f’forma kriptata, jew

 fiżikament, b’mod sigur;

(c) jittrasmetti d-data malajr kemm jista’ jkun

 fil-każ ta’ trasferiment fiżiku ta’ data mill-anqas darba fil-ġimgħa

 fil-każ ta’ trasferiment elettroniku ta’ data kriptata, mill-anqas fi tmiem il-jum tal-ġbir tagħha;

(d) iħassar id-data immedjatament wara t-trasmissjoni tagħha u jiżgura li l-unika data li tkun tista’ tinżamm għandha tkun l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant għall-finijiet tal-arranġamenti ta’ appuntamenti, kif ukoll in-numru tal-passaport sar-ritorn tal-passaport lill-applikant, fejn ikun applikabbli;

(e) jiżgura l-miżuri tekniċi u organizzattivi tas-sigurtà kollha meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali jew telfien aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari fejn il-koperazzjoni tinvolvi t-trasmissjoni ta’ fajls u data lill-missjoni diplomatika jew lill-uffiċċju konsulari tal-Istat jew Stati Membri konċernati u l-forom illegali l-oħra kollha ta’ pproċessar tad-data personali;

(f) jipproċessa d-data biss għall-finijiet ta’ pproċessar ta’ data personali ta’ applikanti f’isem l-Istat jew Stati Membri konċernati;

(g) japplika standards ta’ protezzjoni ta’ data mill-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE;

(h) jipprovdi lill-applikanti bl-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 37 tar-Regolament VIS;

B) Relattivament għat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, fir-rigward tal-imġiba tal-persunal:

(a) jiżgura li l-persunal tiegħu jkun imħarreġ b’mod adatt;

(b) jiżgura li l-persunal tiegħu fit-twettiq tal-obbligi tiegħu:

 jirċievi lill-applikanti bil-korteżija;

 jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u l-integrità tal-applikant;

 ma jiddiskriminax kontra persuni fuq raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali; u

 jirrispetta r-regoli ta’ kunfidenzjalità li għandhom japplikaw ukoll ladarba l-persunal ikun telaq ix-xogħol tiegħu jew wara s-sospensjoni jew it-tmiem tal-istrument legali;

(c) jipprovdi identifikazzjoni tal-persunal li jaħdem fil-kumpannija fil-ħinijiet kollha;

(d) juri li l-persunal tiegħu m’għandux rekord kriminali u li għandu l-kompetenza rekwiżita;

C) Relattivament għall-verifika tat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:

(a) jipprevedi aċċess minn persunal intitolat mill-Istat jew Stati Membri konċernati għall-kwartieri tagħhom fil-ħinijiet kollha mingħajr avviż preċedenti, b’mod partikolari għal finijiet ta’ spezzjoni;

(b) jiżgura l-possibbiltà ta’ aċċess mill-bogħod għas-sistema tiegħu ta’ appuntamenti għal finijiet ta’ spezzjoni;

(c) jiżgura l-użu ta’ metodi ta’ monitoraġġ rilevanti (eż. eżami tal-applikanti; Webam);

(d) jiżgura aċċess għal prova ta’ konformità mal-protezzjoni tad-data, inklużi obbligi ta’ rappurtar, verifiki esterni u verifiki regolari fuq il-post;

(e) jirrapporta lill-Istat jew Stati Membri konċernati mingħajr dewmien kwalunkwe ksur ta’ sigurtà jew kwalunkwe lment mill-applikanti dwar użu ħażin ta’ data jew aċċess mhux awtorizzat, u jikkoordina mal-Istat jew Stati Membri konċernati sabiex tinstab soluzzjoni u jingħataw spjegazzjonijiet fil-pront lill-applikanti li jilmentaw;

D) Relattivament għar-rekwiżiti ġenerali, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:

(a) jaġixxi konformement mal-istruzzjonijiet tal-Istat jew Stati Membri responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni;

(b) jadotta miżuri adatti kontra l-korruzzjoni (eż. dispożizzjonijiet dwar rimunerazzjoni tal-persunal; koperazzjoni fl-għażla ta’ membri tal-persunal assenjat għal tali kompitu; two-man-rule; prinċipju ta’ rotazzjoni);

(c) jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-istrument legali, li għandu jkun fih klawsola ta’ sospensjoni jew terminazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tar-regoli stabbiliti, kif ukoll klawsola ta’ reviżjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istrument legali jirrifletti l-aħjar prattika.”

▼M1 —————

▼B

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri konformement mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



( 1 ) ĠU C 321, 29.12.2006, p. 38.

( 2 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5.

( 4 ) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

( 5 ) ĠU C 326, 22.12.2005, p. 1.

( 6 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

( 7 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

( 8 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

( 9 ) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

( 10 ) ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

( 11 ) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

( 12 ) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

( 13 ) ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

( 14 ) ĠU L 267, 27.9.2006, p. 41.”.

( 15 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.”