2009R0041 — MT — 10.02.2009 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 41/2009

tal-20 ta' Jannar 2009

li jikkonċerna l-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta’ oġġetti tal-ikel għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 016, 21.1.2009, p.3)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 171, 1.7.2009, p. 48  (41/09)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 41/2009

tal-20 ta' Jannar 2009

li jikkonċerna l-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta’ oġġetti tal-ikel għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mal-oġġetti tal-ikel intenzjonati għal użu ta’ nutriment partikolari ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 (3) u l-Artikolu 4a tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 89/398/KEE tikkonċerna oġġetti tal-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari li minħabba l-kompożizzjoni speċjali jew proċess ta’ manifattura tagħhom huma maħsuba biex jilħqu l-ħtiġijiet ta’ nutriment partikolari ta’ kategoriji speċifiċi tal-popolazzjoni. Nies li għandhom il-marda coeliac huma wieħed minn dawn il-grupp speċifiċi tal-popolazzjoni li jbatu minħabba li ma taqbilx magħhom il-glutina b’mod permanenti.

(2)

L-industrija tal-ikel żviluppat għażla ta’ prodotti ppreżentati bħala “ħieles mill-glutina” (“gluten-free”) jew termini ekwivalenti simili. Differenzi bejn dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-deskrizzjonijiet tal-prodott jistgħu jfixklu l-moviment ħieles tal-prodotti kkonċernati u jistgħu jonqsu milli jassiguraw l-istess livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi. Biex kollox ikun ċar u l-ebda konsumatur ma jiġi konfuż minħabba tipi differenti ta’ deskrizzjonijiet tal-prodott fuq livell nazzjonali, il-kundizzjonijiet għall-użu tat-termini relatati mal-assenza ta’ glutina għandhom jiġu mniżżla f’livell tal-Komunità.

(3)

Il-qamħ (jiġifieri kull speċi ta’ Triticum, bħal qamħ durum, spelt, u kamut), is-segala u x-xgħir, ġew identifikati u rrappurtati xjentifikament bħala tipi ta’ qmuħ li fihom il-glutina. Il-glutina preżenti f’dawn it-tipi ta’ qmuħ tista’ tikkawża effetti negattivi fuq is-saħħa ta’ persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina u għaldaqstant għandhom jevitawhom.

(4)

It-tneħħija tal-glutina minn dawn it-tipi ta’ qmuħ li fihom il-glutina hija problema teknika konsiderevoli u tinvolvi spejjeż kbar, għalhekk il-manifattura ta’ ikel ħieles mill-glutina hija diffiċli. Konsegwentament, ħafna mill-oġġetti tal-ikel għal dan l-użu ta’ nutriment partikolari li qegħdin fis-suq jista’ jkun għad fihom ammont baxx ta’ glutina.

(5)

Ħafna min-nies li ma taqbilx magħhom il-glutina, għalkemm mhux kulħadd, jistgħu jinkludu l-ħafur fid-dieta tagħhom mingħajr ma jkollhom effetti negattivi fuq saħħithom. Dan huwa suġġett li għadu qiegħed jiġi studjat u investigat mill-komunita xjentifika. Madankollu, hemm tħassib serju dwar il-kontaminazzjoni tal-ħafur mal-qamħ, mas-segala u max-xgħir, li tista’ sseħħ waqt il-ħsad, it-trasport, il-ħażna u l-ipproċessar taż-żrieragħ. Għalhekk, ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-glutina f’dawn il-prodotti li fihom il-ħafur għandha tittieħed inkonsiderazzjoni fir-rigward l-ittikkettjar ta’ dawn il-prodotti.

(6)

Nies differenti li ma taqbilx magħhom il-glutina jistgħu jittolleraw ammonti varji żgħar ta’ glutina f’firxa ristretta ta’ possibbiltajiet. Sabiex individwi jkunu jistgħu jsibu varjetà ta’ oġġetti tal-ikel fis-suq kif xieraq għall-bżonnijiet u l-livell ta’ sensittività tagħhom, għażla ta’ prodotti għandha tkun possibbli f’livelli baxxi differenti ta’ glutina f’din il-firxa ristretta ta’ possibbiltajiet. Madankollu, huwa importanti li l-prodotti differenti għandhom ikunu ttikkettjati kif suppost u jiġu appoġġjati b’kampanji ta’ informazzjoni mill-Istati Membri sabiex jiġi assigurat l-użu kif suppost ta’ dawn il-prodotti min-nies li ma taqbilx magħhom il-glutina.

(7)

Oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari li ġew ifformulati, ipproċessati jew ippreparati speċifikament biex jilħqu l-bżonnijiet ta’ dieta ta’ nies li ma taqbilx magħhom il-glutina u li ġew rriklamati b’dan il-mod, għandhom jiġu ttikkettjati jew bħala “glutina vera baxxa” (“very low gluten”) jew “ħieles mill-glutina” (“gluten-free”) skont id-dispożizzjonijiet imniżżla f’dan ir-Regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jintlaħqu bl-użu ta’ oġġetti tal-ikel li ġew ipproċessati b’mod speċjali biex inaqqsu l-kontenut ta’ glutina ta’ wieħed jew aktar mill-ingredjenti li fihom il-glutina u/jew ta’ oġġetti tal-ikel fejn l-ingredjenti li fihom il-glutina ġew mibdula b’ingredjenti oħra li huma naturalment ħielsa mill-glutina.

(8)

L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/393/KEE jipprovdi għall-possibbiltà ta’ oġġetti tal-ikel għal konsum normali li huma adattati għal użu ta’ nutriment partikolari biex tiġi indikata din l-adattabilità. Għalhekk, għandu jkun possibbli għal ikel normali li huwa adattat għal dieta ħielsa mill-glutina minħabba li ma jkunx fih ingredjenti li ġejjin minn żrieragħ jew ħafur li jkollu termini mniżżla li jindikaw li l-prodott ma fihx glutina. Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ oġġetti tal-ikel ( 2 ), tirrikjedi li dikjarazzjoni bħal din ma tfixkilx lill-konsumatur billi tissuġġerixxi li l-ikel fih karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-oġġetti tal-ikel kollha simili fihom dawn il-karatteristiċi.

(9)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli ta’ prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE ( 3 ), tipprojbixxi l-użu ta’ ingredjenti li fihom il-glutina fil-manifattura ta’ dawn l-oġġetti tal-ikel. Għaldaqstant, l-użu tat-termini “glutina vera baxxa” jew “ħieles mill-glutina” fuq it-tikketti ta’ dawn il-prodotti għandu jkun ipprojbit billi skont ir-Regolament preżenti, dan l-ittikkettjar huwa użat biex jiġi indikat rispettivament kontenut ta’ glutina li ma jaqbiżx il-100 mg/kg u l-20 mg/kg.

(10)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar l-ikel ipproċessat li għandu bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għal trabi u tfal żgħar ( 4 ) tirrikjedi l-indikazzjoni tal-preżenza jew l-assenza tal-glutina meta l-prodott huwa intiż għal trabi taħt is-sitt xhur. In-nuqqas ta’ glutina f’dawn il-prodotti għandu jiġi indikat skont ir-rekwiżiti mniżżla f’dan ir-Regolament.

(11)

L-Istandard tal-Codex għal Ikel maħsub għall-Użu Dietetiku Speċjali għal Persuni li Ma Taqbilx Magħhom il-Glutina ġie adottat mis-sezzjoni 31 tal-Kummissjoni Codex Alimentarius f’Lulju 2008 ( 5 ), bl-iskop li dawk il-persuni jkunu jistgħu jsibu varjetà ta’ ikel fis-suq adattat għall-bżonnijiet u l-livell ta’ sensittività tagħhom għal glutina. Dak l-istandard għandu jittieħed inkonsiderazzjoni kif suppost għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw il-proċess tal-produzzjoni tagħhom, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolamnet preżenti għandha tippermetti l-perjodu ta’ tranżizzjoni neċessarju. Madankollu, prodotti li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament diġà jkunu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu rriklamati fil-Komunità minn dakinhar tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

L-Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika fuq oġġetti tal-ikel apparti l-formuli tat-trabi u l-formuli ta’ prosegwiment koperti bid-Direttiva 2006/141/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) “oġġetti tal-ikel għal nies li ma taqbilx magħhom il-glutina” tfisser oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari li huma prodotti, ippreparati u/jew ipproċessati b’mod speċjali biex jilħqu l-bżonnijiet speċjali ta’ dieta ta’ nies li ma taqbilx magħhom il-glutina;

(b)  ►C1  “glutina” tfisser frazzjoni ta’ proteini minn qamħ, segala, xgħir, ħafur jew il-varjetajiet imħallta tagħhom u dawk derivati minnha (mill-frazzjoni), li ċerti ◄ persuni ma taqbilx magħhom u li ma tinħallx fl-ilma u f’0.5 M ta’ soluzzjoni tal-klorur tas-sodju;

(c) “qamħ” tfisser kull speċi ta’ Triticum.

Artikolu 3

Il-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta’ oġġetti tal-ikel għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina

1.  Oġġetti tal-ikel għal nies li ma taqbilx magħhom il-glutina, li huma magħmula minn jew fihom ingredjent jew aktar magħmul mill-qamħ, segala, xgħir, ħafur jew il-varjetajiet imħallta tagħhom li ġew ipproċessati b’mod speċjali biex titnaqqas il-glutina, ma għandhomx ikollhom livell ta’ glutina li taqbeż il-100 mg/kg fl-ikel kif mibjugħ lill-konsumatur finali.

2.  L-ittikkettjar, ir-reklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jinkludi t-terminu “glutina vera baxxa”. Dawn jista’ jkollhom imniżżel “ħieles mill-glutina” diment li l-ammont ta’ glutina fl-ikel kif mibjugħ lill-konsumatur finali ma jaqbiżx l-20 mg/kg.

3.  Ħafur li jinsab f’oġġetti tal-ikel għal persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina għandhom jiġu prodotti, ippreparati u/jew ipproċessati b’mod speċjali b’mod li tiġi evitata l-kontaminazzjoni ma’ qamħ, segala, xgħir, jew il-varjetajiet imħallta tagħhom u l-kontenut ta’ glutina ta’ dan il-ħafur ma għandux jaqbeż l-20 mg/kg.

4.  Oġġetti tal-ikel għal nies li ma taqbilx magħhom il-glutina, li huma magħmula minn jew fihom ingredjent jew aktar li jissostitwixxi l-qamħ, is-segala, ix-xgħir, il-ħafur jew il-varjetajiet imħallta tagħhom ma għandhomx ikollhom livell ta’ glutina li taqbeż l-20 mg/kg fl-ikel kif mibjugħ lill-konsumatur finali. L-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ dawk il-prodotti għandhom ikollhom imniżżel it-terminu “ħieles mill-glutina”.

5.  Fejn oġġetti tal-ikel għal persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina jkun fihom kemm ingredjenti li jissostitwixxu l-qamħ, is-segala, ix-xgħir, il-ħafur jew il-varjetajiet imħallta tagħhom u kemm ingredjenti magħmula minn qamħ, segala, xgħir, ħafur jew il-varjetajiet imħallta tagħhom li ġew ipproċessati b’mod speċjali biex titnaqqas il-glutina, il-paragrafi 1, 2, u 3 għandhom japplikaw u l-paragrafu 4 ma għandux japplika.

6.  It-termini “glutina vera baxxa” jew “ħieles mill-glutina” riferuti f’paragrafi 2 u 4 għandhom jidhru viċin l-isem li bih qed jinbigħ l-ikel.

Artikolu 4

Il-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta’ oġġetti tal-ikel oħra li huma tajbin għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina

1.  Bla ħsara għall-Artikolu 2(1)(a)(iii) tad-Direttiva 2000/13/KE, l-ittikkettjar, ir-reklamar u l-preżentazzjoni ta’ dawn l-oġġetti tal-ikel li ġejjin jista’ jkollhom it-terminu “ħieles mill-glutina” diment li l-ammont ta’ glutina fl-ikel kif mibjugħ lill-konsumatur finali ma jaqbiżx l-20 mg/kg.

(a) oġġetti tal-ikel għal konsum normali;

(b) oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari li huma fformulati, ipproċessati jew ippreparati b’mod speċjali biex jilħqu l-bżonnijiet speċjali ta’ dieta apparti ta’ dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina iżda li huma xorta waħda tajbin, minħabba l-kompożizzjoni tagħhom, biex jilħqu l-bżonnijiet speċjali ta’ dieta ta’ nies li ma taqbilx magħhom il-glutina.

2.  L-ittikkettjar, ir-reklamar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinkludu t-terminu “glutina vera baxxa”.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Madankollu, oġġetti tal-ikel li fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti diġà jkunu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament jistgħu jidħlu fis-suq tal-Komunità.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.

( 2 ) ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

( 3 ) ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 314 M, 1.12.2007, p. 739.

( 4 ) ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16.

( 5 ) http://www.codexalimentarius.net/download/standards/291/cxs_118e.pdf