02009R0029 — MT — 08.03.2020 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 29/2009

tas-16 ta’ Jannar 2009

li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta’ kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 013 17.1.2009, p. 3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 441/2014 tat-30 ta' April 2014

  L 130

37

1.5.2014

►M2

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/310 tas-26 ta' Frar 2015

  L 56

30

27.2.2015

►M3

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1170 tat-8 ta' Lulju 2019

  L 183

6

9.7.2019

►M4

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/208 tal-14 ta’ Frar 2020

  L 43

72

17.2.2020


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 104, 24.4.2009, p.  58 (29/2009)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 29/2009

tas-16 ta’ Jannar 2009

li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta’ kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-introduzzjoni kkoordinata tas-servizzi ta’ kollegament tad-dejta bbażati fuq komunikazzjonijiet tad-dejta mill-ajru għall-art minn punt għall-ieħor (“point-to-point”) kif iddefiniti fl-Artikolu 2, punt 5.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a) 

sistemi li jipproċessaw id-dejta tat-titjiriet, il-kostitwenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati magħhom, u sistemi ta’ interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni, il-kostitwenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati magħhom li jaqdu l-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li jipprovdu servizz lit-traffiku tal-ajru ġenerali;

(b) 

kostitwenti tas-sistemi ta’ interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni li jinġarru fl-ajru u l-proceduri assoċjati magħhom;

(ċ) 

sistemi ta’ komunikazzjoni mill-ajru għall-art, il-kostitwenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati magħhom.

▼M2

3.  Dan ir-Regolament għandu japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti fl-ispazju tal-ajru 'l fuq minn FL285 definit fil-partijiet A u B tal-Anness I.

▼B

4.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (minn hawn ’il quddiem imsejħa “fornituri ATS”) li jipprovdu servizzi lit-traffiku tal-ajru ġenerali fi ħdan l-ispazju tal-ajru msemmi fil-paragrafu 3 u b’konformità mad-dati ta’ applikazzjoni rilevanti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Għandhom japplikaw ukoll it-tifsiriet li ġejjin:

(1) 

“servizz ta’ kollegament tad-dejta” tfisser sett ta’ tranżazzjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li huma relatati, li huma appoġġjati minn komunikazzjonijiet ta’ kollegament tad-dejta mill-ajru għall-art, u li għandhom għan operattiv imfisser b’mod ċar u li jibdew u jintemmu ma’ avveniment operattiv;

(2) 

“operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew impriża involuta f’operazzjoni tal-inġenji tal-ajru jew li toffri li tkun involuta fiha;

(3) 

“unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru” (minn hawn ’il quddiem imsejħa unità tal-“ATS”) tfisser unità ċivili jew militari responsabbli għall-forniment tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(4) 

“ftehim dwar il-livell tas-servizz” tfisser dik il-parti ta’ kuntratt tas-servizz bejn organizzazzjonijiet fejn jintlaħaq ftehim dwar ċertu livell ta’ servizz, b’mod partikulari b’rabta mal-kwalità u mal-prestazzjoni tas-servizz tal-komunikazzjoni tad-dejta;

(5) 

“komunikazzjoni mill-ajru għall-art minn punt għall-ieħor” tfisser komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn inġenju tal-ajru u entità ta’ komunikazzjoni fuq l-art li sserraħ fuq sett ta’ funzjonijiet imqassma biex tikseb:

(a) 

it-trażmissjoni u r-riċeviment ta’ “bit frames” axxendentali (“uplink”) u dixxendentali (“downlink”) permezz ta’ kollegament mobbli tad-dejta bejn is-sistemi ta’ komunikazzjoni fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru;

(b) 

it-trażmissjoni u r-riċeviment ta’ unitajiet tad-dejta bejn sistemi fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru li jkollhom fihom l-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art:

(i) 

bit-trażmissjoni ta’ unitajiet tad-dejta mar-rotot kollha ta’ komunikazzjoni fuq l-art u mal-kollegamenti kollha mobbli tad-dejta;

(ii) 

bil-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni taż-żewġt itruf għat-trasport tal-unitajiet tad-dejta.

(6) 

“inġenji tal-ajru Statali” tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru użat mill-militar, mid-dwana u mill-pulizija;

(7) 

“inġenji tal-ajru Statali tat-trasport” tfisser inġenji tal-ajru Statali bil-ġwienaħ fissi li huma ddisinjati għall-ġarr ta’ persuni u/jew ta’ merkanzija;

(8) 

“applikazzjoni mill-ajru għall-art” tfisser sett ta’ funzjonijiet ta’ kooperazzjoni mill-ajru għall-art li jappoġġjaw lis-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(9) 

“komunikazzjoni minn tarf għall-ieħor” tfisser it-trasferiment ta’ informazzjoni bejn applikazzjonijiet mill-ajru għall-art korrispondenti;

(10) 

“komunikazzjoni mill-ajru għall-art” tfisser komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn is-sistemi ta’ komunikazzjoni tal-inġenji tal-ajru u dawk fuq l-art;

(11) 

“politika ta’ sigurtà” tfisser sett ta’ objettivi, regoli dwar l-imġiba għall-utenti u l-amministraturi, u rekwiżiti għall-konfigurazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi li b’mod kollettiv huma maħsuba biex jissalvagwardjaw sistemi u riżorsi ta’ komunikazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-forniment ta’ servizzi ta’ kollegament tad-dejta minn atti ta’ interferenza illegali;

(12) 

“informazzjoni tal-indirizzar” tfisser informazzjoni relatata mas-sistema jew mal-indirizz tan-netwerk ta’ xi entità li tkun qed tipparteċipa f’komunikazzjoni ta’ kollegament tad-dejta mill-ajru għall-art, u li tippermetti ukoll li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità fejn tinsab l-entità;

(13) 

“sistema integrata għall-ipproċessar tal-pjan iniżjali tat-titjira” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “IFPS”) tfisser sistema fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru li permezz tagħha jiġi pprovdut servizz iċċentralizzat ta’ pproċessar u tqassim tal-ippjanar tat-titjiriet, li jittratta r-riċeviment, il-validazzjoni u t-tqassim tal-pjanijiet tat-titjiriet, fi ħdan l-ispazju tal-ajru kopert minn dan ir-Regolament;

(14) 

“mhux operattiv” għal kostitwent li jinġarr fl-ajru tfisser li l-kostitwent ma jwettaqx il-funzjoni li għaliha jkun maħsub jew li b’mod konsistenti ma jkunx qed jaħdem fi ħdan il-limiti operattivi jew il-kriterji tat-tolleranza tiegħu.

Artikolu 3

Is-servizzi ta’ kollegament tad-dejta

1.  Il-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li l-unitajiet tal-ATS li jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru fi ħdan l-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) ikollhom il-kapaċità li jipprovdu u jħaddmu s-servizzi ta’ kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II.

▼M2

2.  Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom il-kapaċità joperaw is-servizzi ta' kollegament tad-dejta definiti fl-Anness II mill-5 ta' Frar 2020.

▼M3

3.  Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal:

(a) 

inġenji tal-ajru li għandhom ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà li nħareġ għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 1995;

(b) 

inġenji tal-ajru li għandhom ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà individwali li nħareġ għall-ewwel darba qabel il-31 ta' Diċembru 2003 u li jkunu se jieqfu joperaw fl-ispazju tal-ajru msemmi fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 qabel il-31 ta' Diċembru 2022;

(c) 

inġenji tal-ajru li għandhom ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà individwali li nħareġ għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 2018 u li qabel dik id-data ġew mgħammra b'tagħmir ta' kollegament tad-data konformi mar-rekwiżiti ta' wieħed mid-dokumenti Eurocae speċifikati fil-punt 10 tal-Anness III;

(d) 

inġenji tal-ajru b'kapaċità massima ċċertifikata ta' postijiet bilqiegħda ta' 19-il passiġġier jew inqas u b'massa massima waqt it-tlugħ ta' 45 359  kg (100 000 lbs) jew inqas, li għandhom ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà individwali li jkun inħareġ għall-ewwel darba qabel il-5 ta' Frar 2020;

(e) 

Inġenji tal-ajru tal-Istat;

(f) 

inġenji tal-ajru li jtiru fl-ispazju tal-ajru msemmi fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 għal għanijiet ta' ttestjar, ta' konsenja jew ta' manutenzjoni jew b'kostitwenti ta' kollegament tad-data li jkunu temporanjament mhux operattivi skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-lista applikabbli dwar it-tagħmir minimu meħtieġ skont il-punt 1 tal-Anness III.

▼M2

4.  L-Istati Membri li jiddeċiedu li jattrezzaw inġenji tal-ajru tat-tip ta' trasport tal-Istat ġodda li jibdew joffru servizz wara l-1 ta' Jannar 2019, b'kapaċità ta' kollegament tad-dejta li tiddependi minn standards li ma humiex speċifiċi għar-rekwiżiti operattivi tal-militar, għandhom jiżguraw li dawk l-inġenji tal-ajru għandhom il-kapaċità joperaw is-servizzi ta' kollegament tad-dejta definiti fl-Anness II.

▼B

Artikolu 4

Il-proċeduri assoċjati

Il-fornituri tal-ATS li jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-operaturi li jużaw servizzi tat-traffiku tal-ajru appoġġjati mis-servizzi ta’ kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II għandhom japplikaw proċeduri komuni standardizzati li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Civili (ICAO) għal:

(a) 

it-twaqqif ta’ komunikazzjonijiet ta’ kollegament tad-dejta bejn il-kontrollur u l-bdot (minn hawn ’il quddiem imsejħin is-CPDLC);

(b) 

l-iskambju ta’ messaġġi operattivi tas-CPDLC;

(ċ) 

it-trasferiment tas-CPDLC;

(d) 

il-waqfien temporanju mill-użu ta’ talbiet tas-CPDLC mill-bdot;

(e) 

il-falliment u l-għeluq tas-CPDLC;

(f) 

l-iffajljar ta’ pjanijiet tat-titjira li jirrigwardaw informazzjoni dwar il-kapaċità tal-kollegament tad-dejta.

Artikolu 5

L-obbligi tal-fornituri tal-ATS f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-dejta

1.  Il-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ fuq l-art imsemmija fl-Artikolu 1(2) u l-kostitwenti tagħhom jappoġġjaw l-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

2.  Il-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ fuq l-art imsemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u l-kostitwenti tagħhom japplikaw komunikazzjonijiet minn tarf għall-iehor f’konformità mar-rekwiżiti tal-Parti A tal-Anness IV għall-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

3.  Il-fornituri tal-ATS li jiddependu fuq organizzazzjonijiet oħrajn għall-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-iskambji tad-dejta mal-inġenji tal-ajru li huma meħtieġa għall-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III għandhom jiżguraw li dawn is-servizzi jiġu pprovduti skont it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ftehim dwar il-livell tas-servizz li jinkludi b’mod partikulari:

(a) 

id-deskrizzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni skont ir-rekwiżiti tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II;

(b) 

id-deskrizzjoni tal-polza tas-sigurtà implimentata biex tiżgura skambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art li huma ddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III;

(ċ) 

il-materjal rilevanti li għandu jiġi pprovdut għall-monitoraġġ tal-kwalità tas-servizz u tal-prestazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni.

4.  Il-fornituri tal-ATS għandhom jagħmlu arranġamenti adattati biex jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti skambji tad-dejta mal-ingenji tal-ajru kollha li jittajru fl-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom u li jkollhom il-kapaċità tal-kollegament tad-dejta f’konformita mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, waqt li jitqiesu b’mod xieraq il-limitazzjonijiet ta’ kopertura possibbli li jkunu inerenti ghat-teknoloġija tal-komunikazzjoni użata.

5.  Il-fornituri tal-ATS għandhom jimplimentaw, fis-sistemi għall-ipproċessar tad-dejta dwar it-titjira tagħhom, il-proċessi ta’ identifikazzjoni bil-quddiem (“log on forward”) u tan-notifikazzjoni tal-awtorità li jkun imiss (“next authority notification”) bejn l-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 ( 1 ) f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti għas-sistemi awtomatiċi għall-iskambju tad-dejta dwar it-titjir li jappoġġjaw is-servizzi ta’ kollegament tad-dejta.

6.  Il-fornituri tal-ATS għandhom iwettqu monitoraġġ tal-kwalità tas-servizz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni u jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ għall-ambjent operattiv taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 6

L-obbligi tal-operaturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-dejta

1.  L-operaturi għandhom jiżguraw li s-sistemi li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u l-kostitwenti tagħhom installati abbord l-inġenji tal-ajru msemmija fl- ►M3  Artikolu 3(2) ◄ jappoġġjaw l-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

2.  L-operaturi għandhom jiżguraw li s-sistemi li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u l-kostitwenti tagħhom installati abbord l-inġenji tal-ajru msemmija fl- ►M3  Artikolu 3(2) ◄ japplikaw komunikazzjonijiet minn tarf għall-iehor f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti A tal-Anness IV għall-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

3.  L-operaturi għandhom jiżguraw li s-sistemi li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u l-kostitwenti tagħhom installati abbord l-inġenji tal-ajru msemmija fl- ►M3  Artikolu 3(2) ◄ japplikaw komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art f’konformità mar-rekwiżiti tal-Parti B jew tal-Parti Ċ tal-Anness IV għall-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO specifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

4.  L-operaturi msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jagħmlu l-arranġamenti adattati biex jiżguraw li l-iskambji tad-dejta jkunu jistgħu jiġu stabbiliti bejn l-inġenji tal-ajru tagħhom li għandhom il-kapaċità ta’ kollegament tad-dejta u l-unitajiet kollha tal-ATS li jistgħu jikkontrollaw it-titjiriet li huma joperaw fl-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3), waqt li jitqiesu b’mod xieraq il-limitazzjonijiet ta’ kopertura possibbli li jkunu inerenti għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni użata.

Artikolu 7

L-obbligi ġenerali tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-dejta

1.  L-Istati Membri li jkunu ħatru fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru ddefinit fl-Artikolu 1(3) għandhom jiżguraw li servizzi ta’ komunikazzjoni mill-ajru għall-art li japplikaw ir-rekwiżiti tal-Parti B tal-Anness IV jkunu disponibbli għall-operaturi għal inġenji tal-ajru li jittajru ġewwa dan l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom għal skambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III, waqt li jitqiesu b’mod xieraq il-limitazzjonijiet ta’ kopertura possibbli li jkunu inerenti għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni użata.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u entitajiet oħra li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni jimplimentaw polza tas-sigurtà adegwata għall-iskambji tad-dejta tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II, b’mod partikulari billi japplikaw regoli komuni tas-sigurtà biex jipproteġu r-riżorsi fiżiċi mqassmin li jappoġġjaw dawn l-iskambji tad-dejta.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu japplikaw proċeduri armonizzati għall-ġestjoni tal-indirizzar tal-informazzjoni sabiex jiġu identifikati mingħajr ambigwità s-sistemi ta’ komunikazzjoni fl-ajru u fuq l-art li jappoġġjaw l-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

Artikolu 8

Il-komunikazzjoni tal-kollegament tad-dejta għall-inġenji tal-ajru Statali tat-trasport

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u l-kostitwenti tagħhom installati abbord inġenji tal-ajru Statali tat-trasport imsemmija fl- ►M3  Artikolu 3(4) ◄ ikunu jappoġġjaw l-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) u l-kostitwenti tagħhom installati abbord inġenji tal-ajru Statali tat-trasport imsemmija fl- ►M3  Artikolu 3(4) ◄ japplikaw komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor f’konformità mar-rekwiżiti tal-Parti A tal-Anness IV għall-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(c) u l-kostitwenti tagħhom installati abbord inġenji tal-ajru Statali tat-trasport imsemmija fl- ►M3  Artikolu 3(4) ◄ japplikaw komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art f’konformità mar-rekwiżiti speċifikati fil-Parti B jew fil-Parti Ċ tal-Anness IV għall-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III.

Artikolu 9

L-obbligi tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u ta’ entitajiet oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-dejta

Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u entitajiet oħra li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni għall-iskambji tad-dejta tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ fuq l-art imsemmija fl-Artikolu 1(2)(c) japplikaw komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art f’konformità mar-rekwiżiti tal-Parti B jew tal-Parti Ċ tal-Anness IV.

Artikolu 10

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe tibdiliet fis-sistemi eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(2) jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda jsiru wara li l-partijiet ikkonċernati jkunu wettqu valutazzjoni tas-sikurezza, li tkun tinkludi l-identifikazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju.

Artikolu 11

Il-konformità jew l-adattament għall-użu tal-kostitwenti

Qabel ma joħorġu dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità jew dwar l-adattament għall-użu tal-kostitwenti, imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, il-manifatturi tal-kostitwenti tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fil-Komunità, għandhom jivvalutaw il-konformità jew l-adattament għall-użu ta’ dawn il-kostitwenti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.

Il-proċessi taċ-ċertifikazzjoni tan-navigabbiltà li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta jkunu applikati għall-kostitwenti li jinġarru fl-ajru msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) u (c) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala proċeduri aċċettabbli għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ dawn il-kostitwenti jekk dawn ikunu jinkludu t-turija ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-interoperabbiltà, tal-prestazzjoni u tas-sikurezza ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Il-verifika tas-sistemi

1.  Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li juru jew li wrew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI għandhom iwettqu l-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (c) f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII.

2.  Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li ma jistgħux juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI għandhom jagħtu b’sottokuntratt il-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (c) lil korp innotifikat. Din il-verifika għandha titwettaq skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B tal-Anness VII.

Artikolu 13

Rekwiżiti addizzjonali

1.  Il-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li l-iskambji tad-dejta mill-ajru għall-art tal-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III jkunu rreġistrati f’konformità mal-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (6), (7) u (8) tal-Anness III sakemm huma relatati mal-funzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-komunikazzjonijiet ta’ kollegament tad-dejta bbażata fuq l-art.

2.  Id-dokument tal-Eurocae speċifikat fil-punt 9 tal-Anness III għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità fir-rigward tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni tal-iskambji tad-dejta mill-ajru għall-art imsemmija fl-ewwel subparagrafu u identfikati fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (6), (7) u (8) tal-Anness III.

3.  Il-fornituri tal-ATS għandhom:

(a) 

jiżviluppaw u jżommu manwali tal-operazzjonijiet li jkun fihom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu lill-persunal ikkonċernat kollu japplika dan ir-Regolament;

(b) 

jiżguraw li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u miżmuma aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal ġestjoni adegwata tal-kwalità u tal-konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;

(ċ) 

jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri operattivi jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

4.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-servizz iċċentralizzat ta’ pproċessar u tqassim tal-ippjanar tat-titjiriet:

(a) 

jiżviluppa u jżomm manwali tal-operazzjonijiet li jkun fihom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu lill-persunal ikkonċernat kollu japplika dan ir-Regolament;

(b) 

jiżgura li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u miżmuma aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni jkunu suġġetti għal ġestjoni adegwata tal-kwalità u tal-konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;

(ċ) 

jiżgura li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri operattivi jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

5.  Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li l-persunal ikkonċernat kollu jiġi mgħarraf dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan ir-Regolament fi żmien xieraq u li jitħarreġ b’mod adegwat għall-funzjonijiet tal-impjieg tiegħu.

6.  L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persunal li jħaddem it-tagħmir tal-kollegament tad-dejta jiġi mgħarraf dwar dan ir-Regolament fi żmien xieraq u li jitħarreġ b’mod adegwat għall-funzjonijiet tal-impjieg tiegħu, u li fejn ikun vijabbli jkunu disponibbli fil-kabina tal-bdot struzzjonijiet dwar kif għandu jintuża t-tagħmir tal-kollegament tad-dejta.

7.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persunal involut fl-ippjanar tat-titjira li jopera l-IFPS jiġi mgħarraf dwar ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament fi żmien xieraq u li jitħarreġ b’mod adegwat għall-funzjonijiet tal-impjieg tiegħu.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti dwar l-użu tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta tiġi ppubblikata fil-pubblikazzjonijiet nazzjonali ta’ informazzjoni dwar l-ajrunawtika.

Artikolu 14

Eżenzjonijiet

1.  Meta ċirkustanzi partikulari, ibbażati fuq il-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 3, iżommu inġenji tal-ajru ta’ tipi speċifiċi milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Dicembru 2012, informazzjoni ddettaljata li tiġġustifika l-ħtieġa għall-għoti ta’ eżenzjonijiet lil dawn it-tipi ta’ inġenji tal-ajru.

2.  Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rikjesti għall-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandha wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tadotta deċiżjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fl- ►M3  Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2018/1139 ◄ .

▼M3

3.  Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) 

kombinamenti ta' tipi/mudelli ta' inġenji tal-ajru, li jkunu waslu biex jilħqu tmiem il-ħajja tal-produzzjoni tagħhom u li jiġu prodotti f'numri limitati; u

(b) 

kombinamenti ta' tipi/mudelli ta' inġenji tal-ajru li l-kostijiet meħtieġa biex dawn jerġgħu jitfasslu mill-ġdid tkun sproporzjonata minħabba li d-disinn ikun antik.

▼B

Artikolu 15

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika ►M2  mill-5 ta' Frar 2018 ◄ .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

L-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3)

IL-PARTI A

L-ispazju tal-ajru msemmi ►C1  l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(3) ◄ għandu jinkludi l-ispazju tal-ajru ‘l fuq minn FL 285 fir-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir (l-FIR) u fir-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir ta’ aktar ‘il fuq (l-UIR) li ġejjin:

— 
Amsterdam FIR,
— 
Wien FIR,
— 
Barcelona UIR,
— 
Brindisi UIR,
— 
Brussels UIR,
— 
Canarias UIR,
— 
France UIR,
— 
Hannover UIR,
— 
Lisboa UIR,
— 
London UIR,
— 
Madrid UIR,
— 
Milano UIR,
— 
Rhein UIR,
— 
Roma UIR,
— 
Scottish UIR,
— 
Shannon UIR.

IL-PARTI B

L-ispazju tal-ajru msemmi ►C1  it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(3) ◄ għandu jinkludi l-ispazju tal-ajru ‘l fuq minn FL 285 iddefinit fil-parti A kif ukoll ir-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir (l-FIR) u r-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir ta’ aktar ‘il fuq (l-UIR) li ġejjin:

— 
Bratislava FIR,
— 
Bucuresti FIR,
— 
Budapest FIR,
— 
Kobenhavn FIR,
— 
Ljubljana FIR,
— 
Nicosia FIR,
— 
Praha FIR,
— 
Sofia FIR,
— 
Warszawa FIR,

▼M2

— 
Zagreb FIR,

▼B

— 
Finland UIR fin-nofsinhar ta’ 61°30′,
— 
Hellas UIR,
— 
Malta UIR,
— 
Riga UIR,
— 
Sweden UIR fin-nofsinhar ta’ 61°30′,
— 
Tallinn UIR,
— 
Vilnius UIR.




ANNESS II

Definizzjoni tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta msemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 7 u fl-Anness IV

1.   Definizzjoni tal-Kapaċità li jinbdew komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-dejta (id-DLIC)

Is-servizz tad-DLIC għandu jippermetti l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għat-twaqqif ta’ komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-dejta bejn is-sistemi tal-kollegament tad-dejta fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru.

Is-servizz tad-DLIC għandu jkun disponibbli biex jappoġġja:

— 
l-assoċjazzjoni mingħajr ambigwità tad-dejta dwar it-titjira mill-inġenju tal-ajru mad-dejta dwar il-pjan tat-titjira użata minn unità tal-ATS;
— 
l-iskambju tal-informazzjoni dwar it-tip u l-verżjoni tal-applikazzjoni mill-ajru għall-art li tkun appoġġjata;
— 
u l-l-kunsinna tal-informazzjoni tal-indirizzar tal-entità li jkollha fiha l-applikazzjoni.

L-iskambji bejn is-sistemi tal-kollegament tad-dejta li jinġarru fl-ajru u dawk ta’ fuq l-art għat-twettiq tas-servizz tad-DLIC għandhom jikkonformaw:

— 
mal-metodi operattivi, mal-figuri tas-sekwenza skont il-ħin u mal-messaġġi għall-bidu tad-DLIC u għall-funzjonijiet ta’ kuntatt tad-DLIC speċifikati fis-sezzjoni 4.1 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
mar-rekwiżiti tas-sikurezza speċifikati fis-sezzjoni 4.2.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni speċifikati fis-sezzjoni 4.3.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III.

2.   Definizzjoni tas-servizz tal-Ġestjoni tal-Komunikazzjonijiet tal-ATC (l-ACM)

Is-servizz tal-ACM għandu jipprovdi assistenza awtomatizzata lill-ekwipaġġ tat-titjira u lill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru biex iwettqu t-trasferiment tal-komunikazzjonijiet tal-ATC (bil-vuċi u tad-dejta) li jinkludu:

— 
it-twaqqif fil-bidu tas-CPDLC ma’ unità tal-ATS;
— 
it-trasferiment tas-CPDLC u tal-vuċi għal xi titjira minn unità waħda tal-ATS għall-unità tal-ATS li jkun imiss, jew l-istruzzjoni biex issir bidla fil-frekwenza tal-komunikazzjoni bil-vuċi fi ħdan unità jew settur tal-ATS;
— 
it-tmiem normali tas-CPDLC ma’ unità tal-ATS.

L-iskambji bejn is-sistemi tal-kollegament tad-dejta li jinġarru fl-ajru u dawk ta’ fuq l-art għat-twettiq tas-servizz tal-ACM għandhom jikkonformaw:

— 
mal-metodi operattivi u mal-figuri tas-sekwenza skont il-ħin speċifikati fis-sezzjonijiet 5.1.1.1.1 sa 5.1.1.1.7 u 5.1.1.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
mar-rekwiżiti tas-sikurezza speċifikati fis-sezzjoni 5.1.2.3 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III, ħlief għar-rekwiżiti relatati mal-awtorizzazzjoni dixxendentali;
— 
mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni għall-fażi ta’ waqt ir-rotta speċifikati fis-sezzjoni 5.1.3.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III.

3.   Definizzjoni tas-servizz ta’ awtorizzazzjoni u ta’ informazzjoni tal-ATC (l-ACL)

Is-servizz tal-ACL għandu jipprovdi lill-ekwipaġġi u lill-kontrolluri tat-titjira l-ħila li jwettqu skambji operattivi li jinkludu:

— 
t-talbiet u r-rapporti mill-ekwipaġġi tat-titjiriet lill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru;
— 
l-awtorizzazzjonijiet, l-istruzzjonijiet u n-notifiki maħruġin mill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru lill-ekwipaġġi tat-titjiriet.

L-iskambji bejn sistemi ta’ kollegament tad-dejta li jinġarru fl-ajru u dawk ta’ fuq l-art għat-twettiq tas-servizz tal-ACL għandhom jikkonformaw:

— 
mal-metodi operattivi u mal-figuri tas-sekwenza skont il-ħin speċifikati fis-sezzjonijiet 5.2.1.1.1 sa 5.2.1.1.4 u 5.2.1.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
ma’ subsett komuni tal-elementi tal-messaġġ speċifikati fis-sezzjoni 5.2.1.1.5 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III kif adegwat għall-ambjent operattiv ta’ waqt ir-rotta;
— 
mar-rekwiżiti tas-sikurezza speċifikati fis-sezzjoni 5.2.2.3 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni għall-fażi ta’ waqt ir-rotta speċifikati fis-sezzjoni 5.2.3.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III.

4.   Definizzjoni tas-servizz ta’ ċċekkjar tal-mikrofonu tal-ATC (l-AMC)

Is-servizz tal-AMC għandu jipprovdi lill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru l-kapaċità li jibagħtu, fl-istess waqt, istruzzjoni lil diversi inġenji tal-ajru mgħammra b’tagħmir għall-kollegament tad-dejta, sabiex jordnaw lill-ekwipaġġi tat-titjiriet jivverifikaw li t-tagħmir ta’ komunikazzjoni bil-vuċi tagħhom ma jkunx qed jimblokka xi frekwenza ta’ komunikazzjoni bil-vuċi partikulari.

Din l-istruzzjoni għandha tinħareġ biss lil dawk l-inġenji tal-ajru ntunati fuq il-frekwenza li tkun imblukkata.

L-iskambji bejn sistemi tal-kollegament tad-dejta li jinġarru fl-ajru u dawk ta’ fuq l-art għat-twettiq tas-servizz tal-AMC għandhom jikkonformaw:

— 
mal-metodi operattivi u mal-figuri tas-sekwenza skont il-ħin speċifikati fis-sezzjonijiet 5.3.1.1.1 sa 5.3.1.1.2 u 5.3.1.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
mar-rekwiżiti tas-sikurezza speċifikati fis-sezzjoni 5.3.2.3 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III;
— 
mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni speċifikati fis-sezzjoni 5.3.3.2 tad-dokument tal-Eurocae identifikat fil-punt (11) tal-Anness III.

▼M3




ANNESS III

1. Il-punt ORO.MLR.105 tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru, jew l-Anness 6 tal-ICAO — Operazzjoni ta' inġenji tal-ajru, Parti I, (Trasport Kummerċjali Internazzjonali bl-Ajru – Ajruplani) (Il-11-il edizzjoni, Lulju 2018, li tinkorpora l-emenda 43), jew l-Anness 6 tal-ICAO — Operazzjoni ta' inġenji tal-ajru, Parti II (Avjazzjoni Ġenerali Internazzjonali – Ajruplani) (L-10 Edizzjoni, Lulju 2018, li tinkorpora l-emenda 36).

2. Kapitolu 3 — Netwerk tat-Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, Taqsima 3.5.1.1 “Ġestjoni tal-Kuntest” (CM) punti ta' applikazzjoni (a) u (b) tal-Anness 10 tal-ICAO — Telekomunikazzjonijiet Ajrunawtiċi — Volum III, Parti I (Sistemi ta' Komunikazzjoni ta' Data Diġitali) (It-tieni edizzjoni, Lulju 2007, li tinkorpora l-emendi 70-82).

3. Kapitolu 3 — Netwerk tat-Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, Taqsima 3.5.2.2 “Komunikazzjonijiet b'Kollegament tad-Data bejn il-Kontrollur u l-Bdot” (CPDLC) il-punti ta' applikazzjoni (a) u (b) tal-Anness 10 tal-ICAO — Telekomunikazzjonijiet Ajrunawtiċi — Volum III, Parti I (Sistemi ta' Komunikazzjoni ta' Data Diġitali) (It-tieni edizzjoni, Lulju 2007, li tinkorpora l-emendi 70-82).

4. Kapitolu 3 — Netwerk tat-Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, Taqsimiet 3.3, 3.4 u 3.6 tal-Anness 10 tal-ICAO — Telekomunikazzjonijiet Ajrunawtiċi — Volum III, Parti I (Sistemi ta' Komunikazzjoni ta' Data Diġitali) (It-tieni edizzjoni, Lulju 2007, li tinkorpora l-emendi 70-82).

5. Kapitolu 6 — Kollegament diġitali VHF mill-ajru għall-art (VDL) tal-Anness 10 tal-ICAO — Telekomunikazzjonijiet Ajrunawtiċi — Volum III, Parti I (Sistemi ta' Komunikazzjoni ta' Data Diġitali) (It-tieni edizzjoni, Lulju 2007, li tinkorpora l-emenda 90).

6. Kapitolu 3 — Proċeduri ġenerali għas-servizz internazzjonali tat-telekomunikazzjoni ajrunawtika, Taqsima 3.5.1.5 tal-Anness 10 tal-ICAO — Telekomunikazzjonijiet Ajrunawtiċi — Volum II (Proċeduri ta' Komunikazzjoni inklużi dawk bi status ta' PANS) (Is-Seba' edizzjoni, Lulju 2016, li tinkorpora l-emendi 40-90).

7. Kapitolu 2 — Ġenerali — Taqsima 2.26.3 tal-Anness 11 tal-ICAO — Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (L-14-il edizzjoni, Lulju 2016, li tinkorpora l-emenda 50-A).

8. Kapitolu 6 — Rekwiżiti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-komunikazzjonijiet — Taqsima 6.1.1.2, tal-Anness 11 tal-ICAO — Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (L-14-il edizzjoni, Lulju 2016, li tinkorpora l-emenda 50-A).

9. Eurocae ED-111, Speċifikazzjonijiet funzjonali għar-reġistrazzjoni fuq l-art CNS/ATM, Lulju 2002, inkluża l-Emenda 1 (30.7.2003).

10. Eurocae ED-100 (Settembru 2000) u ED-100A (April 2005), Rekwiżiti ta' Interoperabbiltà għal applikazzjonijiet ATS li jużaw Komunikazzjonijiet tad-Data ARINC 622.

▼M4

11. L-istandard Eurocae ED-120 “Standard tar-Rekwiżiti tas-Sikurezza u tal-Prestazzjoni għas-Servizzi ta’ Kollegament tad-data tat-Traffiku tal-Ajru fl-Ispazju tal-Ajru Kontinentali”, ippubblikat f’Mejju 2004, inkluż:

(a) 

għall-operaturi:

— 
il-Bidla 1, ippubblikata f’April 2007, u l-Bidla 2, ippubblikata f’Ottubru 2007, jew
— 
il-Bidla 1, ippubblikata f’April 2007, il-Bidla 2, ippubblikata f’Ottubru 2007, u l-Bidla 3, ippubblikata f’Settembru 2019.
(b) 

għall-fornituri tal-ATS:

— 
il-Bidla 1, ippubblikata f’April 2007, il-Bidla 2, ippubblikata f’Ottubru 2007, u l-Bidla 3, ippubblikata f’Settembru 2019.

▼B




ANNESS IV

Ir-rekwiżiti msemmijin fl-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9

Il-Parti A:   Ir-rekwiżiti tal-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor

1. Il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor għandhom jiżguraw il-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni mingħajr problemi fl-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3).

2. Il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor għandhom jappoġġaw l-iskambju ta’ messaġġi b’appoġġ għas-servizzi ta’ kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II, f’konformità ma’ sett komuni ta’ messaġġi standardizzati.

3. Il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor għandhom jappoġġaw mekkaniżmu komuni u standardizzat ta’ protezzjoni minn tarf għall-ieħor biex jiżguraw l-integrità tal-messaġġi riċevuti b’konsistenza mar-rekwiżiti tas-sikurezza tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II.

Il-Parti B:   Ir-rekwiżiti tal-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art ibbażati fuq l-ATN u l-VDL Mode 2

1. Il-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandhom ikunu ddisinjati biex jappoġġaw il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor u biex jiżguraw il-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni mingħajr problemi għall-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III fl-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3).

2. Il-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-prestazzjoni tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II.

3. Il-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandhom ikunu bbażati fuq skema komuni ta’ indirizzar.

4. It-trażmissjoni u r-riċeviment ta’ unitajiet tad-dejta bejn is-sistemi ta’ fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru li jkollhom fihom l-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III għandhom ikunu bbażati fuq protokolli tal-komunikazzjoni li jkunu konformi mal-istandards tal-ICAO li jiddefinixxu n-Netwerk għat-Telekomunikazzjoni Ajrunawtika li hemm referenza għalih fil-punt (4) tal-Anness III.

5. Il-karatteristiċi tas-sistemi ta’ komunikazzjoni ta’ fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru u t-trażmissjoni u r-riċeviment ta’ “bit frames” bejn is-sistemi ta’ komunikazzjoni ta’ fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru għandhom ikunu konformi mal-istandards tal-ICAO li jiddefinixxu l-kollegament diġitali ta’ frekwenza għolja ħafna, il-VDL Mode 2, li hemm referenza għalih fil-punt (5) tal-Anness III.

Il-Parti Ċ:   Ir-rekwiżiti tal-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art ibbażati fuq protokolli oħrajn tal-komunikazzjoni

1. Il-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandhom ikunu ddisinjati biex jappoġġaw il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor u biex jiżguraw il-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni mingħajr problemi għall-applikazzjonijiet mill-ajru għall-art iddefiniti fl-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punti (2) u (3) tal-Anness III fl-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3).

2. Il-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-prestazzjoni tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II.

3. Il-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandhom ikunu bbażati fuq skema komuni ta’ indirizzar.

4. It-trażmissjoni u r-riċeviment ta’ “bit frames” bejn is-sistemi ta’ komunikazzjoni ta’ fuq l-art u dawk fl-inġenji tal-ajru għandhom ikunu bbażati fuq protokolli tal-komunikazzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-parti D.

Il-Parti D:   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-Parti Ċ

1. Il-protokolli tal-komunikazzjoni jridu jappoġġaw il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor.

2. Il-protokolli tal-komunikazzjoni jridu jkunu suġġetti għal każ tas-sikurezza biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-prestazzjoni tas-servizzi tal-kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II.

3. Il-protokolli tal-komunikazzjoni jridu jappoġġaw il-komunikazzjonijiet minn punt għall-ieħor u fiż-żewġ direzzjonijiet bl-użu ta’ dawk il-partijiet tal-ispettru tal-frekwenzi tar-radju identifikati mill-ICAO bħala adegwati għall-komunikazzjonijiet tad-dejta mill-ajru għall-art b’appoġġ għas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.

4. Il-protokolli tal-komunikazzjoni jridu jinkludu mekkaniżmu biex il-konnettività mobbli bejn l-istazzjonijiet ta’ fuq l-art u dawk li jinġarru fl-ajru tkun amministrata b’mod trasparenti.

5. Il-protokolli tal-komunikazzjoni jridu jkunu speċifikati u vvalidati fir-rigward tar-regolamenti dwar in-navigabbiltà u r-regolamenti dwar l-approvazzjoni tal-operat li huma applikabbli għat-tagħmir tal-komunikazzjoni tal-inġenji tal-ajru.

6. Is-sistemi tal-komunikazzjoni li jappoġġaw dawn il-protokolli ma jridux joħolqu effetti negattivi fuq l-istallazzjonijiet li jinġarru fl-ajru jew dawk ta’ fuq l-art li jappoġġaw il-VDL 2.




ANNESS V

Ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni mseemmija fl-Artikolu 11 tal-konformità jew tal-addattament għall-użu tal-kostitwenti

1. L-attivitajiet ta’ verifika għandhom juru l-konformità jew l-addattament għall-użu tal-kostitwenti li jimplimentaw is-servizzi tal-kollegament tad-dejta, il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor u l-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament waqt li dawn il-kostitwenti jkunu qed jitħaddmu fl-ambjent ta’ ttestjar.

2. Il-manifattur għandu jamministra l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità u b’mod partikulari għandu:

— 
jiddetermina l-ambjent ta’ ttestjar adattat;
— 
jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jiddeskrivi l-kostitwenti fl-ambjent ta’ ttestjar;
— 
jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli;
— 
jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan ta’ ttestjar;
— 
jippjana l-organizzazzjoni tat-test, tal-persunal, tal-istallazzjoni u tal-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-testijiet;
— 
iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan ta’ ttestjar;
— 
jikteb ir-rapport bir-riżultati tal-ispezzjonijiet u tat-testijiet.

3. Il-manifattur għandu jiżgura li l-kostitwenti li jimplimentaw is-servizzi tal-kollegament tad-dejta, il-komunikazzjonijiet minn tarf għall-ieħor u l-komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art li jkunu integrati fl-ambjent ta’ ttestjar jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

4. Wara li jkun issodisfa t-tlestija tal-verifika tal-konformità jew tal-addattament għall-użu, il-manifattur għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jimla d-dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità jew l-addattament għall-użu, li tispeċifika b’mod partikulari r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament li jkunu ġew issodisfati mill-kostitwent u l-kundizzjonijiet tal-użu assoċjati miegħu f’konformità mal-punt (3) tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.




ANNESS VI

Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12

1. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jkollu implimentati metodi ta’ rrappurtar fi ħdan l-organizzazzjoni li jiżguraw u juru l-imparzjalità u l-indipendenza tal-ġudizzju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ verifika.

2. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jrid jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jwettaq il-kontrolli bl-ikbar inetgrità professjonali possibbli u bl-iktar kompetenza teknika possibbli u li dan ikun ħieles minn kwalunkwe pressjoni jew inċentiv, b’mod partikulari ta’ tip finanzjarju, li jista’ jaffettwa l-ġudizzju tiegħu jew ir-riżultati tal-kontrolli tiegħu, b’mod partikulari minn persuni jew minn gruppi ta’ persuni milquta mir-riżultati tal-kontrolli.

3. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jrid jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jkollu aċċess għat-tagħmir li jippermettilu li jwettaq sew il-kontrolli meħtieġa.

4. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jrid jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jkollu taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb, għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-verifiki li jrid iwettaq, esperjenza adegwata tat-tali ħidmiet, u l-ħila meħtieġa biex iħejji d-dikjarazzjonijiet, ir-reġistri u r-rapporti biex juri li l-verifiki jkunu twettqu.

5. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jrid jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jkun kapaċi jwettaq il-kontrolli tiegħu b’imparzjalità. Il-ħlas tiegħu m’għandux jiddependi fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa, jew fuq ir-riżultati tat-tali kontrolli.




ANNESS VII

Il-Parti A:   Ir-rekwiżiti tal-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 12(1)

1. Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawn is-sistemi.

2. Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq f’konformità ma’ prattiki ta’ ttestjar adattati u rrikonoxxuti.

3. L-għodod ta’ ttestjar użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandu jkollhom funzjonalitajiet adattati.

4. Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku mitlub mill-punt (3) tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:

— 
deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;
— 
ir-rapport tal-ispezzjonijiet u tat-testijiet magħmula qabel id-dħul tas-sistema fis-servizz.

5. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jamministra l-attivitajiet tal-verifika u b’mod partikulari għandu:

— 
jiddetermina l-ambjent adattat operattiv u tekniku tal-valutazzjoni li jirrifletti l-ambjent operattiv;
— 
jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) f’ambjent operattiv u tekniku ta’ valutazzjoni;
— 
jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti tal-interoperabbiltà u tal-prestazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
— 
jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan ta’ ttestjar;
— 
jippjana l-organizzazzjoni tat-test, tal-persunal, tal-istallazzjoni u tal-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-testijiet;
— 
iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan ta’ ttestjar;
— 
jikteb ir-rapport bir-riżultati tal-ispezzjonijiet u tat-testijiet.

6. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) li jitħaddmu f’ambjent operattiv ta’ valutazzjoni jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

7. Wara li lesta b’suċċess il-verifika tal-konformità, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tal-KE dwar il-verifika tas-sistema u jibagħtuha lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza flimkien mal-fajl tekniku kif mitlub mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

Il-Parti B:   Ir-rekwiżiti tal-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 12(2)

1. Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawn is-sistemi.

2. Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq f’konformità ma’ prattiki ta’ ttestjar adattati u rrikonoxxuti.

3. L-għodod ta’ ttestjar użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandu jkollhom funzjonalitajiet adattati.

4. Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku mitlub mill-punt (3) tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:

— 
deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;
— 
ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet li jkunu saru qabel id-dħul tas-sistema fis-servizz.

5. Il-fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiddetermina l-ambjent adattat operattiv u tekniku ta’ valutazzjoni li jkun jirrifletti l-ambjent operattiv ta’ dawn is-sistemi u għandu jkollu l-attivitajiet ta’ verifika mwettqa minn korp innotifikat.

6. Il-korp innotifikat għandu jamministra l-attivitajiet ta’ verifika u b’mod partikulari għandu:

— 
jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) f’ambjent operattiv u tekniku ta’ valutazzjoni;
— 
jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;
— 
jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan ta’ ttestjar;
— 
jippjana l-organizzazzjoni tat-test, tal-persunal, tal-istallazzjoni u tal-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-testijiet;
— 
iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan ta’ ttestjar;
— 
jikteb ir-rapport bir-riżultati tal-ispezzjonijiet u tat-testijiet.

7. Il-korp innotifikat għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) li jitħaddmu f’ambjent operattiv ta’ valutazzjoni jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

8. Wara li jkun lesta b’suċċess il-ħidmiet tal-verifika, il-korp innotifikat għandu jħejji ċertifikat ta’ konformità fir-rigward tal-kompiti li jkun wettaq.

9. Imbagħad, il-fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jimla d-dikjarazzjoni tal-KE dwar il-verifika tas-sistema u jibgħatha lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza flimkien mal-fajl tekniku kif mitlub mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.



( 1 ) ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27. ĠU L 322 M, 2.12.2008, p. 228.