02009L0126 — MT — 26.07.2019 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2009/126/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 285 31.10.2009, p. 36) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/99/UE tal-21 ta' Ottubru 2014 |
L 304 |
89 |
23.10.2014 |
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
DIRETTIVA 2009/126/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2009
dwar il-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri bl-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera waqt ir-riforniment tal-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
1. “petrol” tfisser petrol kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 94/63/KE;
2. “fwar tal-petrol” tfisser kwalunkwe kompost gassuż li jevaporaw mill-petrol;
3. “stazzjon ta’ servizz” tfisser stazzjon ta’ servizz kif definit fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 94/63/KE;
4. “stazzjon ta’ servizz eżistenti” tfisser stazzjon ta’ servizz mibni jew li għalih ingħata jew permess individwali għall-ippjanar, jew liċenzja għall-kostruzzjoni jew liċenzja għall-operat qabel l-1 ta’ Jannar 2012;
5. “stazzjon ta’ servizz ġdid” tfisser stazzjon ta’ servizz mibni jew li għalih ingħata jew permess individwali għall-ippjanar, jew liċenzja għall-kostruzzjoni jew liċenzja għall-operat fl-1 ta’ Jannar 2012 jew wara;
6. “Sistema għall-irkupru tal-fwar tat-tip Fażi II” tfisser tagħmir immirat għall-irkupru tal-fwar tal-petrol li jintilef mit-tank tal-karburant ta’ vettura waqt ir-riforniment tal-karburant fi stazzjon ta’ servizz u li jittrasferixxi dak il-fwar tal-petrol f’tank għall-ħżin fi stazzjon ta’ servizz jew lura fid-distributur tal-petrol biex jerġa’ jinbiegħ;
7. “l-effiċjenza fil-qbid tal-fwar tal-petrol” tfisser l-ammont ta’ fwar tal-petrol maqbud mis-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II paragunat mal-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera fin-nuqqas ta’ sistema bħal din u espress f’perċentwal;
8. “il-proporzjon fwar/petrol” tfisser il-proporzjon bejn il-volum fi pressjoni atmosferika tal-fwar tal-petrol li jgħaddi mis-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II u l-volum ta’ petrol li jkun ħareġ;
9. “il-fluss” tfisser it-total tal-kwantità annwali ta’ petrol li jinħatt mill-kontejners mobbli għal ġo stazzjon ta’ servizz.
Artikolu 3
Stazzjonijiet ta’ servizz
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz ġdid għandu jkun mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II jekk:
(a) il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 500 m3 fis-sena; jew
(b) il-fluss reali jew maħsub tiegħu ikun akbar minn 100 m3 fis-sena u jkun jinsab f’bini użat b’mod permanenti bħala post ta’ residenza jew ta’ xogħol.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li jkun ser isir xogħol estensiv ta’ rinnovament fuqu għandu jiġi mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II waqt il-proċess ta’ rinnovament jekk:
(a) il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 500 m3 fis-sena; jew
(b) il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 100 m3 fis-sena u jkun jinsab f’bini użat b’mod permanenti bħala post ta’ residenza jew ta’ xogħol.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss li jaqbeż it-3 000 m3 fis-sena għandu jiġi mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għall-istazzjonijiet ta’ servizz użati esklussivament b’rabta mal-bini u l-kunsinna ta’ vetturi ġodda bil-mutur.
Artikolu 4
Livell minimu għall-irkupru tal-fwar tal-petrol
1. B'effett mid-data meta s-sistemi tal-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol isiru obbligatorji skont l-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol ta' dawn is-sistemi tkun 85 % jew aktar bħalma jiċċertifika l-manifattur skont l-Istandard EN 16321-1:2013.
2. B’effett mid-data li fiha s-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II isiru obbligatorji skont l-Artikolu 3, fejn il-fwar irkuprat tal-petrol jiġi trasferit għal tank tal-ħżin fi stazzjon ta’ servizz, il-proporzjon tal-fwar/petrol għandu jkun daqs jew akbar minn 0,95 iżda inqas jew daqs 1,05.
Artikolu 5
Kontrolli perjodiċi u informazzjoni lill-konsumatur
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol waqt it-tħaddim tas-sistemi tal-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol tiġi ttestjata mill-inqas darba kull sena skont l-Istandard EN 16321-2:2013.
2. Fejn ikun hemm sistema awtomatika ta’ monitoraġġ installata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol tiġi ttestjata mill-inqas darba kull tliet snin. Kull sistema awtomatika ta’ monitoraġġ bħal din għandha tirreġistra awtomatikament difetti fil-funzjonament xieraq tas-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II u fis-sistema awtomatika tal-monitoraġġ innifisha, tindika n-nuqqasijiet lill-operatur tal-istazzjon ta’ servizz u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mill-pompa difettuża jekk id-difett ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem.
3. Meta stazzjon ta’ servizz ikun installa sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan juri tabella, stiker jew avviż ieħor qrib il-pompa tal-petrol jew fuqu, li jinforma lill-konsumaturi dwar dan il-fatt.
Artikolu 6
Pieni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk id-dispożizzjonijiet sal-1 ta’ Jannar 2012 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 7
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2014, twettaq reviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari:
(a) il-limitu ta’ 100 m3 fis-sena msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) u (2)(b) ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 94/63/KE;
(b) ir-rekord ta’ konformità waqt it-tħaddim tas-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II; u
(c) il-ħtieġa ta’ tagħmir awtomatiku ta’ monitoraġġ.
Għandha tirrapporta r-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tinkludi magħhom, jekk ikun xieraq, proposta leġiżlattiva.
Artikolu 8
Adattamenti tekniċi
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 8a li jemendaw l-Artikoli 4 u 5 sabiex jiġu adattati għall-progress tekniku, fejn meħtieġ, sabiex tiżgura l-konsistenza ma’ kwalunkwe standard rilevanti mħejji mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-ewwel paragrafu ma għandhiex tapplika għall-effikaċja tal-qbid tal-fwar tal-petrol u l-proporzjon ta’ fwar/petrol speċifikati fl-Artikolu 4 u għall-perijodi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 5.
Artikolu 8a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 8 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
▼M2 —————
Artikolu 10
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2012. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 12
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.