02009L0110 — MT — 13.01.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2009/110/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 267 10.10.2009, p. 7)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2015/2366 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-25 ta’ Novembru 2015

  L 337

35

23.12.2015




▼B

DIRETTIVA 2009/110/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar l-eżerċizzju tal-attività tal-ħruġ tal-flus elettroniċi li skonthom l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kategoriji li ġejjin ta’ emittenti ta’ flus elettroniċi:

(a) l-istituzzjonijiet tal-kreditu, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi, skont il-liġi nazzjonali, fergħa tagħhom fi ħdan it-tifsira tal-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, fejn fergħa tinsab fil-Komunità u li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab barra l-Komunità skont l-Artikolu 38 ta’ dik id-Direttiva;

(b) l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, inklużi, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u l-liġi nazzjonali, fergħa tagħhom li tinsab fil-Komunità u li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab barra l-Komunità;

(c) l-istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji postali li jkunu intitolati, skont il-liġi nazzjonali, li joħorġu flus elettroniċi;

(d) il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta ma jkunux qed jaġixxu bħala awtorità monetarja jew awtoritajiet pubbliċi oħra;

(e) l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom meta jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi.

2.  It-Titolu II ta’ din id-Direttiva jistipula r-regoli għall-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

3.  L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Titolu II ta’ din id-Direttiva, jew ta’ parti minnhom, għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE, bl-eċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ dak l-Artikolu.

4.  Din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju maħżun fi strumenti eżentati kif speċifikat fil-punt (k) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.

5.  Din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju li jintużaw sabiex ikunu eżentati tranżazzjonijiet monetarji kif speċifikat fil-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) ‘istituzzjoni tal-flus elettroniċi’ tfisser persuna ġuridika li ngħatat awtorizzazzjoni skont it-Titolu II biex toħroġ il-flus elettroniċi;

(2) ‘flus elettroniċi’ tfisser valur monetarju maħżun elettronikament, anke b’mod manjetiku, kif rappreżentat minn pretensjoni fuq l-emittent li tinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif definiti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u li huwa aċċettat minn persuna ġuridika għajr l-emittent tal-flus elettroniċi;

(3) ‘emittent tal-flus elettroniċi’ tfisser l-entitajiet msemmija fl-Artikolu 1(1), l-istituzzjonijiet li jibbenefikaw mir-revoka skont l-Artikolu 1(3) u l-persuni ġuridiċi li jibbenefikaw mir-revoka skont l-Artikolu 9;

(4) ‘medja ta’ flus elettroniċi pendenti’ tfisser l-ammont totali medju ta’ passivi finanzjarji marbuta mal-flus elettroniċi maħruġa fi tmiem kull jum kalendarju matul is-sitt xhur kalendarji preċedenti, ikkalkulat fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar kalendarju u applikat għal dak ix-xahar kalendarju.



TITOLU II

REKWIŻITI GĦALL-BIDU, GĦALL-EŻERĊIZZJU U GĦAS-SUPERVIŻJONI PRUDENZJALI TAN-NEGOZJU TAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-FLUS ELETTRONIĊI

Artikolu 3

Regoli prudenzjali ġenerali

▼M1

1.  Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, l-Artikolu 5, l-Artikoli 11 sa 17, l-Artikolu 19(5) u (6) u l-Artikoli 20 sa 31 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), inlużi l-atti delegati adottati taħt l-Artikolu 15(4), l-Artikolu 28(5) u l-Artikolu 29(7) tagħha, għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mutatis mutandis.

▼B

2.  L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti minn qabel dwar kull bidla materjali fil-miżuri li ttieħdu għas-salvagwardja tal-fondi li jkunu rċevew minflok il-flus elettroniċi li nħarġu.

3.  Kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li takkwista jew tbigħ, b’mod dirett jew indirett, sehem kwalifikat skont it-tifsira tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE f’istituzzjoni tal-flus elettroniċi, jew li żżid jew tnaqqas aktar, b’mod dirett jew indirett, tali sehem kwalifikat li minħabba f’hekk il-proporzjon tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot miżmum jilħaq, jaqbeż jew jaqa’ taħt l-20 %, it-30 % jew il-50 %, jew li minħabba f’hekk l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi ssir jew ma tibqax tkun is-sussidjarja tagħha, għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti minn qabel dwar l-intenzjoni tagħha ta’ tali akkwist, bejgħ, żieda jew tnaqqis.

L-akkwirent propost għandu jagħti lill-awtorità kompetenti informazzjoni li tindika d-daqs tas-sehem li jrid ikollu kif ukoll l-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 19a(4) tad-Direttiva 2006/48/KE.

Fejn l-influwenza eżerċitata mill-persuni msemmija fit-tieni subparagrafu x’aktarx li taħdem għad-detriment tal-amministrazzjoni prudenti u tajba tal-istituzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifissru l-oppożizzjoni tagħhom jew jieħdu miżuri xierqa oħra sabiex tintemm dik is-sitwazzjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu inġunzjonijiet, sanzjonijiet kontra diretturi jew maniġers, jew is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma miżmuma mill-partijiet interessati jew mill-membri konċernati.

Miżuri simili għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu informazzjoni minn qabel, kif stipulat f’dan il-paragrafu.

Jekk sehem jinxtara minkejja l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, dawk l-awtoritajiet, irrispettivament minn xi sanzjonijiet oħra li se jkunu adottati, għandhom jipprevedu li jkun sospiż l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot ta’ min ikun kiseb is-sehem, li l-voti mitfugħa jitqiesu nulli jew il-possibbiltà li jitqiesu nulli.

L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jirrinunzjaw l-applikazzjoni tal-obbligi kollha jew ta’ parti minnhom skont dan il-paragrafu fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jwettqu waħda mill-attivitajiet elenkati fil-punt (e) tal-Artikolu 6(1).

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jqassmu u jifdu flus elettroniċi permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaġixxu f’isimhom. Jekk l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tqassam flus elettroniċi fi Stat Membru ieħor billi tqabbad lil tali persuna fiżika jew ġuridika, l-Artikoli 27 sa 31, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 29(4) u (5), tad-Direttiva (UE) 2015/2366, inklużi l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 28(5) u l-Artikolu 29(7) tagħha, għandhom japplikaw mutatis mutandis għal tali istituzzjoni ta’ flus elettroniċi.

5.  Minkejja l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ma għandhomx joħorġu flus elettroniċi permezz ta’ aġenti. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom jitħallew jipprovdu s-servizzi ta’ pagament imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva permezz ta’ aġenti, soġġetti għal kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

▼B

Artikolu 4

Kapital inizjali

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkollhom, fil-mument tal-awtorizzazzjoni, kapital inizjali, li jkun magħmul mill-elementi stipulati fl-Artikolu 57(a) u (b) tad-Direttiva 2006/48/KE, ta’ mhux inqas minn EUR 350 000 .

Artikolu 5

Fondi proprji

1.  Il-fondi proprji tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, kif stipulat fl-Artikoli 57 sa 61, 63, 64 u 66 tad-Direttiva 2006/48/KE ma jistgħux ikunu anqas mill-ammont meħtieġ skont il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, skont liema minnhom ikun l-ogħla.

2.  Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li mhumiex marbuta mal-ħruġ tal-flus elettroniċi, ir-rekwiżiti dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont wieħed minn tliet metodi (A, B jew C) stipulati fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Il-metodu x-xieraq għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Għall-attività tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, ir-rekwiżit dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont il-Metodu D stipulat fil-paragrafu 3.

L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi dejjem għandu jkollhom fondi proprji li jkunu mill-inqas ugwali għas-somma ta’ rekwiżiti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew daqshom.

3.  Metodu D: Il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għall-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi għandhom jammontaw għal mill-anqas 2 % tal-medja ta’ flus elettroniċi pendenti.

4.  Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda mill-attivitajiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li ma tkunx marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi jew twettaq xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 6(1) u l-ammont ta’ flus elettroniċi pendenti ma jkunx magħruf minn qabel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu li dik l-istituzzjoni ta’ flus elettroniċi tikkalkula r-rekwiżiti dwar fondi proprji tagħha abbażi ta’ porzjon rappreżentattiv mifhum li huwa użat għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi, sakemm dan il-porzjon rappreżentattiv ikun jista’ jiġi stmat b’mod raġonevoli fuq il-bażi ta’ data storika u b’mod li jkun sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti. Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi ma tkunx ikkompletat perijodu suffiċjenti ta’ negozju, ir-rekwiżiti dwar fondi proprji tagħha għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-flus elettroniċi pendenti mbassra mill-pjan kummerċjali tagħha bil-kondizzjoni li kull aġġustament għal dak il-pjan ikun rikjest mill-awtoritajiet kompetenti.

5.  Abbażi ta’ evalwazzjoni tal-proċessi tal-ġestjoni tar-riksju, tad-databases tat-telf tar-riskju u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi jkollha ammont ta’ fondi proprji li jkun sa 20 % ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu rilevanti skont il-paragrafu 2, jew iħallu lill-istituzzjoni tal-flus elettroniċi jkollha ammont ta’ fondi proprji li jkun sa 20 % aktar baxx mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu rilevanti skont il-paragrafu 2.

6.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-użu multiplu ta’ elementi eliġibbli għall-fondi proprji:

(a) fejn l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tappartjeni għall-istess grupp bħal istituzzjoni oħra tal-flus elettroniċi, istituzzjoni tal-kreditu, istituzzjoni tal-ħlas, ditta tal-investiment, kumpannija għall-ġestjoni tal-assi jew impriża tal-assigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni mill-ġdid;

(b) fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq attivitajiet oħra għajr il-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

7.  Fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2006/48/KE ikunu ssodisfatti, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għal istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu inklużi fis-superviżjoni konsolidata tal-istituzzjonijiet ewlenin ta’ kreditu skont id-Direttiva 2006/48/KE.

Artikolu 6

Attivitajiet

1.  Apparti mill-ħruġ tal-flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu intitolati jidħlu għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(a) il-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas elenkati fl-Anness għad-Direttiva 2007/64/KE;

(b) l-għoti ta’ kreditu marbut mas-servizzi ta’ ħlas imsemmija fil-punti 4, 5 jew 7 tal-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE, meta jinkisbu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 16(3) u (5) tad-Direttiva;

(c) il-forniment ta’ servizzi operattivi u anċillari marbuta mill-qrib fir-rigward tal-ħruġ tal-flus elettroniċi jew mal-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas imsemmija fil-punt (a);

(d) l-operazzjoni ta’ sistemi ta’ ħlas kif definiti fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u bla ħsara għall-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva;

(e) attivitajiet ta’ negozju minbarra l-ħruġ ta’ flus elettroniċi, li jqisu l-liġi Komunitarja u nazzjonali applikabbli.

Il-kreditu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu m’għandux jingħata mill-fondi li jidħlu bi skambju ma’ flus elettroniċi u li jinżammu skont l-Artikolu 7(1).

2.  L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ma għandhomx jitħallew jieħdu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48/KE.

3.  Kull fond li jasal għand istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mid-detentur tal-flus elettroniċi għandu jinbidel bla dewmien għal flus elettroniċi. Tali fondi m’għandhomx jikkostitwixxu depożitu jew fondi ripagabbli oħrajn li jaslu mill-pubbliku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48/KE.

4.  L-Artikolu 16(2) u (4) tad-Direttiva 2007/64/KE għandu japplika għal fondi li jaslu għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li mhumiex marbuta mal-attività tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta’ salvagwardja

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lil istituzzjoni tal-flus elettroniċi tissalvagwardja l-fondi li ġew irċevuti b’kontrakambju għal flus elettroniċi li ġew emessi, skont l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Il-fondi riċevuti fil-forma ta’ pagament permezz ta’ strument ta’ pagament ma jeħtieġux li jkunu salvagwardjati sakemm ma jkunux akkreditati għal kont ta’ pagament ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi jew xort’ oħra magħmulin disponibbli għall-istituzzjoni ta’ flus elettroniċi skont ir-rekwiżiti ta’ termini taż-żmien għall-eżekuzzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2007/64/KE, skont fejn ikun applikabbli. F’kull każ, tali fondi għandhom ikunu ssalvagwardati għal mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol, kif definit fil-punt 27 tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, wara l-emissjoni tal-flus elettroniċi.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, beni sikuri, likwidi, ta’ riskju baxx huma beni li jidħlu f’waħda mill-kategoriji tat-Tabella 1 tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adekwatezza tal-kapital ma ditti ta’ investiment u istituzjonijiet ta’ kreditu ( 2 ) li għalihom il-ħlas kapitali ta’ riskju speċifiku ma huwiex ogħla minn 1.6 % imma jeskludi l-beni kwalifikanti l-oħrajn kif definit fil-punt 15 ta’ dak l-Anness.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-beni sikuri, ta’ riskju baxx huma wkoll unitajiet f’impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li tinvesti biss f’beni kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali u b’ġustifikazzjoni adegwata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, a bażi ta’ valutazzjoni tas-sigurtà, il-maturità, il-valur jew element ieħor ta’ riskju tal-beni kif speċifikat fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, jiddeterminaw liema minn dawk il-beni ma jikkostitwixxux beni sikuri, ta’ riskju baxx għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.  L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2007/64/KE għandu japplika għall-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva li ma humiex marbutin mal-attività tal-emissjoni tal-flus elettroniċi.

4.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 3, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jiddeterminaw, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, liema metodu għandu jintuża mill-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi biex jissalvagwardjaw il-fondi.

Artikolu 8

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

1.  L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw għall-fergħat tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkollhom is-sede prinċipali tagħhom barra mill-Komunità, meta jibdew jew jissoktaw bl-attività tagħhom, provvediment li jirriżultaw fi trattament aktar favorevoli minn dak mogħti lill-fergħa ta’ istituzzjoni ta’ flus elettroniċi li għandha s-sede prinċipali tagħha fil-Komunità.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet kollha għall-fergħat ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li għandhom is-sede prinċipali tagħhom barra mill-Komunità.

3.  Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, il-Komunità tista’, permezz ta’ ftehmiet konklużi ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, taqbel li tapplika l-provvediment li jiżguraw li l-fergħat ta’ istituzzjoni ta’ flus elettroniċi li jkollha s-sede prinċipali barra mill-Komunità jkunu ttrattati b’mod identiku mal-Komunità kollha.

Artikolu 9

Eżenzjonijiet opzjonali

1.  L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetneti tagħhom li jirrinunzjaw l-applikazzjoni ta’ kull jew parti mill-proċeduri u mill-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3, 4, 5 u 7 ta’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 20, 22, 23 u 24 tad-Direttiva 2007/64/KE, u jippermettu lill-persuni ġuridiċi jitniżżlu f’reġistru għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jekk iż-żewġ rekwiżiti li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) l-attivitajiet totali jiġġeneraw medja pendenti ta’ flus elettroniċi li ma taqbiżx il-limitu mqiegħed mill-Istat Membru li iżda, f’kull każ, ma jkunx ogħla minn EUR 5 000 000 ; u

(b) ħadd mill-persuni fiżiċi responsbbli mill-ġestjoni jew mit-tħaddim tan-negozju ma jkun ġie kkundannat għal reati relatati ma’ riċiklaġġ ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu jew reati finanzjarji oħra.

Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda mill-attivitajiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li ma tkunx marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi jew iwettqu xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 6(1) u l-ammont ta’ flus elettroniċi pendenti ma jkunx magħruf minn qabel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu lil dik l-istituzzjoni ta’ flus elettroniċi sabiex tapplika l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu abbażi ta’ porzjon rappreżentattiv mifhum li huwa użat għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi, sakemm dan il-porzjon rappreżentattiv ikun jista’ jiġi stmat b’mod raġonevoli fuq il-bażi ta’ data storika u b’mod li jkun sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti. Fejn istituzzjoni tal-flus elettroniċi ma tkunx ikkompletat perijodu suffiċjenti ta’ negozju, dak ir-rekwiżit għandu jiġi valutat abbażi tal-flus elettroniċi pendenti mbassra mill-pjan kummerċjali tagħha bil-kondizzjoni li kull aġġustament għal dak il-pjan ikun rikjest mill-awtoritajiet kompetenti.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddisponi għall-għoti ta’ eżenzjonijiet opzjonali skont dan l-Artikolu li jkunu suġġetti għal rekwiżit addizzjonali tal-ammont ta’ ħżin massimu fuq l-istrument ta’ pagament jew kont ta’ pagament tal-konsumatur fejn jinħażnu l-flus elettroniċi.

Persuna ġuridika reġistrata skont dan il-paragrafu tista’ trendi servizzi ta’ pagament mhux marbutin mal-flus elettroniċi emessi skont dan l-Artikolu biss jekk kemm-il darba l-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/64/KE ikunu ġew sodisfatti.

2.  Persuna ġuridika iskritta skont il-paragrafu 1 għandha tkun meħtieġa jkollha s-sede prinċipali tagħha fl-Istat Membru li fih realment tmexxi l-attivitajiet tagħha.

3.  Persuna ġuridika reġistrata skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu ttrattati bħala istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Madankollu, l-Artikoli 10(9) u 25 tad-Direttiva 2007/64/KE m’għandhomx japplikaw għalihom.

4.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li kwalunkwe persuna ġuridika iskritta skont il-paragrafu 1 tista’ tinvolvi ruħha biss f’xi wħud mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 6(1).

5.  Il-persuni ġuridiċi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom:

(a) jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe bidla fil-qagħda tagħhom li tkun relevanti għall-kondizzjonijiet speċifikat fil-paragrafu 1; u

(b) mill-anqas darba kull sena f’data speċifikata mill-awtoritajiet kompetenti tirrapporta dwar il-medja ta’ flus elettroniċi pendenti.

6.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li fejn il-kondizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 ma jiġux sodisfatti aktar, il-persuni ġuridiċi għandhom ifittxu l-awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum kalendarju skont l-Artikolu 3. Kwalunkwe minn dawn il-persuni li ma fittxewx l-awtorizzazzjoni fiż-żmien imsemmi għandhom jiġi pprojbit lilhom, skont l-Artikolu 10, li jemettu flus elettroniċi.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu mogħtijin setgħa biżżejjed biex jivverifikaw l-ottemperanza kontinwa mar-rekwiżiti skont dan l-Artikolu.

8.  Dan l-Artikolu m’għandux japplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60/KE jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

9.  Jekk Stat Membru javvalixxi ruħu mill-eżoneru dispost fil-paragrafu 1, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sat-30 ta’ April 2011. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe bidla sussegwenti. Inoltre, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-għadd ta’ persuni ġuridiċi kkonċernati u, fuq bażi annwa, bl-ammont totali ta’ flus elettroniċi pendenti emessi mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja, kif imsemmi fil-paragrafu 1.



TITOLU III

EMESSJONI U RIMBORŻABBILTÀ TA’ FLUS ELETTRONIĊI

Artikolu 10

Projbizzjoni tal-emissjoni ta’ flus elettroniċi

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-persuni naturali jew legali li ma humiex emittenti ta’ flus elettroniċi milli jemettu flus elettroniċi.

Artikolu 11

Ħruġ u rimborżabbiltà

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jemettu l-flus elettroniċi bil-parità kontabbli bħalma jkun hemm fuq l-irċevuta tal-fondi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin u bil-parità kontabbli, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma.

3.  Il-kuntratt bejn l-emittenti tal-flus elettroniċi u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu b’mod ċar u prominenti jiddikjara l-kondizzjonijiet tar-rimborż, inklużi l-ħlasijiet marbutin mar-rimborż, u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu jkun mgħarraf b’dawn il-kondizzjonijiet qabelma jkun marbut bi kwalunkwe kuntratt jew offerta.

4.  Ir-rimborż għandu jkun suġġett għal ħlas biss jekk ikun hekk iddikjarat fil-kuntratt skont il-paragrafu 3 u biss f’wieħed mis-segwenti każijiet:

(a) fejn ir-rimborż ikun rikjest qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt;

(b) fejn il-kuntratt jipprovdi għal data ta’ terminazzjoni u d-detentur tal-flus elettroniċi jkun ittermina l-kuntratt qabel dik id-data; jew

(c) fejn ir-rimborż ikun mitlub aktar minn sena wara d-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt.

Kull ħlas bħal dan għandu jkun proporzjonat u jipparaguna mal-ispejjeż attwali magħmula mill-emittenti tal-flus elettroniċi.

5.  Fejn ir-rimborż ikun rikjest qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt, id-detentur tal-flus elettroniċi jista’ jitlob li l-flus elettroniċi jiġu mifdija kollha jew parzjalment.

6.  Fejn ir-rimborż ikun rikjest mid-detentur tal-flus elettroniċi ma’ għeluq sena, jew matulha, mid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt:

(a) il-valur monetarju totali tal-flus elettroniċi għandu jkun rimborżat; jew

(b) fejn l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda jew iżjed mill-attivitajiet elenkati fil-punt 6 tal-Artikolu 6(1) u ma jkunx magħruf minn qabel liema proporzjon mill-fond għandha tintuża bħala flus elettroniċi, il-fondi kollha mitluba mid-detentur tal-flus elettroniċi għandhom jiġu mifdijin.

7.  Minkejja l-paragrafi 4, 5 u 6, id-drittijiet ta’ rimborż ta’ persuna, li ma tkunx konsumatur, li taċċetta flus elettroniċi għandhom ikunu suġġetti għall-ftehim kontrattwali bejn l-emittent tal-flus elettroniċi u dik il-persuna.

Artikolu 12

Projbizzjoni ta’ mgħaxijiet

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxa l-għoti ta’ mgħax jew ta’ xi benefiċċju ieħor marbut mat-tul ta’ żmien li matulu d-detentur tal-flus elettroniċi jżomm il-flus elettroniċi.

Artikolu 13

Proċeduri ta’ ilmenti extraġudizzjarji u rmedji għar-riżoluzzjoni tad-disputi

Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, il-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tad-Direttiva 2007/64/KE għandu japplika mutatis mutandis għall-emittenti tal-flus elettroniċi fir-rigward tad-doveri tagħhom skont dan it-Titolu.



TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U MIŻURI IMPLIMENTATTIVI

Artikolu 14

Miżuri implimentattivi

1.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri li jkunu neċessarji għall-aġġornament tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex tieħu kont tal-inflazzjoni jew tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Dawk il-miżuri, imfasslin biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jiżguraw l-applikazzjoni konverġenti tal-eżenzjonijiet riferiti fl-Artikolu 1(4) u (5). Dawk il-miżuri, imfasslin biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(2).

Artikolu 15

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Ħlasijiet stabbilit skont l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2007/64/KE.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 16

Armonizzazzjoni sħiħa

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet armonizzanti ta’ din id-Direttiva fl-Artikolu 1(3), is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 5(7), l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 18(2), u safejn din id-Direttiva tipprovdi għall-armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet oħra għajr dawk imsemmijin f’din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti tal-flus elettroniċi ma jidderogawx, għad-detriment tad-detentur tal-flus elettroniċi, mid-dispożizzjonijiet tad-Dritt nazzzjonali li jimplimenta jew ikun jikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skont fejn ikun espliċitament dispost fiha.

Artikolu 17

Reviżjoni

Sa l-1 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva, partikolarment dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposta għar-reviżjoni tagħha.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-ħlas li jkunu bdew qabel it-30 ta’ April 2011, attivitajiet skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2000/46/KE fl-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju ewlieni, li jkomplu l-attivitajiet tagħhom f’dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor skont il-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku fid-Direttiva 2000/46/KE mingħajr ma tinħtieġ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, hew mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva, jew imsemmijin fih.

L-Istati Membri għandhom jesiġu minn dawk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li jissottomettu l-informazzjoni relevanti kollha lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jivvalutw, sat-30 ta’ Ottubru 2011, jekk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ikunux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u, jekk le, liema miżuri jkun meħtieġ li jittieħdu sabiex tkun assigurata l-konformità, jew jekk it-tneħħija tal-awtorizzazzjoni tkunx xierqa. Istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu ottemperaw ruħhom għandhom jingħataw l-awtorizzazzjoni u jiddaħħlu fir-reġistru u għandhom jkunu meħtieġa li jottemperaw mar-rekwiżiti fit-Titolu II. Fejn l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ma jikkonformawx mal-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva sat-30 ta’ Ottubru 2011, għandhom ikunu pprojbiti milli jemettu flus elettroniċi.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandha tingħata awtomatikament l-awtorizzazzjoni u tiddaħħal fir-reġistru previst fl-Artikolu 3 jekk l-awtoritajiet kompetenti diġà jkollhom evidenza li l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi inkwistjoni qabel tingħata l-awtorizzazzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jkunu bdew qabel it-30 ta’ April 2011 attivitajiet konformement mal-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/46/KE, li jkomplu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat skont id-Direttiva 2000/46/KE sat-30 ta’ April 2012, mingħajr ma tinħtieġ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva u mingħajr ma tkun meħtieġa konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu II ta’ din id-Direttiva. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li, waqt dak il-perijodu, ma jkunu la ġew awtorizzati u lanqas mogħtija deroga fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu pprojbiti milli joħorġu flus elettroniċi.

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li, jkunu bdew iwettqu attivitajiet skont din id-Direttiva u d-Direttiva 2007/64/KE fl-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħhom qabel it-13 ta’ Jannar 2018, biex ikomplu b’dawk l-attivitajiet f’dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollhom għalfejn jiksbu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva jew jikkonformaw ma’ rekwiżiti oħra stipulati jew imsemmija fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva sat-13 ta’ Lulju 2018.

L-Istati Membri għandhom jesiġu li istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti kollha lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jivvalutaw, sat-13 ta’ Lulju 2018, jekk dawk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi humiex konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva u, jekk le, liema miżuri jeħtieġ jittieħdu sabiex tkun żgurata l-konformità, jew jekk it-tneħħija tal-awtorizzazzjoni tkunx xierqa.

Istituzzjonijiet ta’ flus elettorniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu li wara verifika mill-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu II għandhom jingħataw l-awtorizzazzjoni u jiddaħħlu fir-reġistru. Meta dawk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettorniċi ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu II sat-13 ta’ Lulju 2018, dawn għandhom ikunu projbiti milli joħorġu flus elettroniċi.

▼B

Artikolu 19

Emendament tad-Direttiva 2005/60/KE

Id-Direttiva 2005/60/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1) il-punt (a) fl-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) impriża oħra li ma tkunx istituzzjoni tal-kreditu li twettaq xi waħda jew aktar mill-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti 2 sa 12 u l-punti 14 sa 15 tal-Anness I mad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-attivitajiet ta’ uffiċċji tal-kambju (bureaux de change);”;

(2) il-punt (d) fl-Artikolu 11(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) flus elettroniċi, kif definiti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ( *1 ), fejn, jekk l-istrument ma jistax jiġi rikarigat, l-ammont massimu miżmum fl-istrument ma jkunx aktar minn EUR 250, jew fejn, jekk l-istrument jista’ jiġi rikarigat, ikun impost limitu ta’ EUR 2 500 fuq l-ammont totali tat-tranżazzjoni f’sena kalendarja, għajr meta ammont ta’ EUR 1 000 jew aktar jinfeda f’dik l-istess sema kalendarja fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/110/KE. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-pagamenti nazzjonali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jżidu l-ammont ta’ EUR 250 msemmi f’dan il-punt sa limitu massimu ta’ EUR 500.

Artikolu 20

Emendament tad-Direttiva 2006/48/KE

Id-Direttiva 2006/48/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1) l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1) ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha huwa li tirċievi depositi jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u li tikkonċedi krediti għaliha nnifisha;”;

(b) il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5) ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser impriża apparti minn istituzzjoni ta’ kreditu, li l-attività ewlenija tagħha hija li takkwista holdings jew li twettaq xi waħda jew aktar mill-attivitajiet elenkati fil-punti 2 sa 12 u 15 tal-Anness I.”.

(2) il-punt 15 li ġej huwa miżjud mal-Anness I:

“15. Il-ħruġ ta’ flus elettroniċi.”.

Artikolu 21

Tħassir

Id-Direttiva 2000/46/KE hija b’dan imħassra b’effett mit-30 ta’ April 2011, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(1) u (3) ta’ din id-Direttiva.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 22

Trażpożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk il-miżuri.

Huma ħandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-30 ta’ April 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE, 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

( 2 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

( *1 ) ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7”.