02009L0073 — MT — 23.05.2019 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2009/73/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 211 14.8.2009, p. 94)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/1999 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2018

  L 328

1

21.12.2018

►M2

DIRETTIVA (UE) 2019/692 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-17 ta' April 2019

  L 117

1

3.5.2019




▼B

DIRETTIVA 2009/73/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.

2.  Ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva għall-gass naturali, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), għandhom japplikaw ukoll b’mod mhux diskriminatorju għall-biogass u gass minn biomassi jew tipi oħrajn ta’ gass sa fejn dawn il-gassijiet jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati fi, u trasportati mis-sistema tal-gass naturali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “impriża tal-gass naturali” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li twettaq għall-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: produzzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni, fornitura, xiri jew ħżin tal-gass naturali, inkluż LNG, li hija responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi u/jew tal-manutenzjoni relatati għal dawk il-funzjonijiet, iżda m’għandhomx jinkludu l-klijenti finali;

(2) “upstream pipeline networks” tfisser kwalunkwe pipeline jew network ta’ pipelines imħaddma u/jew mibnija bħala parti minn proġett tal-prodzzjoni taż-żejt jew tal-gass, jew użata biex jinġarr il-gass naturali minn proġett wieħed jew aktar għal pjanta tal-ipproċessar jew terminali jew destinazzjoni kostali finali;

(3) “trasmissjoni” tfisser it-trasport tal-gass naturali minn network li fiha prinċipalment pipelines ta’ pressa għolja li mhix upstream pipeline network u li mhix il-parti tal-pipelines bi pressa għolja użati primarjament fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali tal-gass naturali, bi skop li jiġi konsenjat lill-klijent, iżda li ma jinkludix il-fornitura;

(4) “operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” tfisser il-persuna naturali jew legali li twettaq il-funzjoni tat-trasmissjoni u li hija responsabbli għall-operazzjoni, bl-aċċertazzjoni tal-manutenzjoni ta’, u fejn meħtieġ, tal-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni f’żona definita u, fejn japplika, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħrajn, u li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tilħaq talbiet raġonevoli għat-trasportazzjoni tal-gass;

(5) “distribuzzjoni” tfisser it-trasport tal-gass naturali minn pipeline networks lokali jew reġjonali bi skop tal-konsenja tiegħu lill-klijent, iżda li ma tinkludix il-fornitura;

(6) “operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser il-persuna naturali jew legali li twettaq il-funzjoni tad-distribuzzjoni u li hija responsabbli għall-operat, bl-aċċertazzjoni tal-manutenzjoni, u fejn meħtieġ, tal-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni f’żona definita u, fejn japplika, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħrajn, u li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tilħaq talbiet raġonevoli għat-trasportazzjoni tal-gass;

(7) “fornitura” tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-gass naturali, inkluż LNG, lill-klijenti;

(8) “impriża tal-fornitura” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li twettaq il-funzjoni tal-fornitura;

(9) “faċilità tal-ħżin” tfisser faċilità użata għall-ħżin tal-gass naturali u proprjetà ta’ u/jew operata minn impriża tal-gass naturali, inkluża l-parti tal-faċilitajiet tal-LNG użati għall-ħżin iżda eskluż is-sehem użat għall-produzzjoni, u esklużi l-faċilitajiet riservati esklussivament għall-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;

(10) “operatur tas-sistema tal-ħżin” tfisser il-persuna naturali jew legali li twettaq il-funzjoni tal-ħżin u li hija responsabbli għall-operazzjoni ta’ faċilita’ tal-ħżin;

(11) “faċilità tal-LNG” tfisser terminali li tintuża għal-likwifikazzjoni tal-gass naturali jew l-importazzjoni, ħatt u gassifikazzjoni mill-ġdid tal-LNG, u għandha tinkludi servizzi anċillari u ħażna temporanja meħtieġa għall-proċess tal-gassifikazzjoni mill-ġdid u l-konsenja sussegwenti sas-sistema ta’ trasmissjoni, iżda m’għandha tinkludi ebda parti minn terminali ta’ LNG użati għall-ħżin;

(12) “operatur tas-sistema tal-LNG” tfisser persuna naturali jew legali li twettaq il-funzjoni tal-likwifikazzjoni tal-gass naturali, jew l-importazzjoni, ħatt u gassifikazzjoni mill-ġdid tal-LNG u li hija responsabbli li topera faċilità tal-LNG;

(13) “sistema” tfisser networks tat-trasmissjoni, networks tad-distribuzzjoni, faċilitajiet tal-LNG u/jew faċilitajiet tal-ħżin proprjetà ta’ jew imħaddma minn impriża tal-gass naturali, inkluż linepack u l-faċilitajiet tal-fornitura ta’ servizzi anċillari u dawk ta’ impriżi relatati meħtieġa biex jingħata aċċess għat-trasmissjoni, distribuzzjoni u LNG;

(14) “servizzi anċillari” tfisser is-servizzi kollha meħtieġa għall-aċċess lil u operazzjoni tan-newtorks tat-trasmissjoni u/jew distribuzzjoni u/jew faċilitajiet tal-LNG u/jew faċilitajiet tal-ħżin inklużi bilanċjar, taħlit tat-tagħbijiet u injezzjoni ta’ gassijiet inerti, iżda mhux inklużi faċilitajiet riservati esklussivament għal operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(15) “linepack” tfisser il-ħżin tal-gass bil-kompressjoni fis-sistemi ta’ trasmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-gass, iżda mhux inklużi l-faċilitajiet riservati għall-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(16) “sistema interkonnessa” tfisser numru ta’ sistemi li huma konnessi ma’ xulxin;

▼M2

(17) “interkonnettur” tfisser linja ta' trasmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn l-Istati Membri għall-finijiet li tgħaqqad is-sistema ta' trasmissjoni nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri jew linja ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta' dak l-Istat Membru;

▼B

(18) “linja diretta” tfisser pipeline tal-gass naturali li hija komplimentarja mas-sistema interkonnessa;

(19) “impriża integrata tal-gass naturali integrata” tfisser impriża integrata vertikalment jew orizzontalment;

(20) “impriża integrata vertikalment” tfisser impriża tal-gass naturali jew grupp ta’ impriżi tal-gass naturali fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi jwettqu tal-inqas waħda mill-funzjonijiet ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, LNG jew ħżin, u mill-inqas waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew il-provvista tal-gass;

(21) “impriża integrata orizzontalment” tfisser impriża li twettaq għall-inqas waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni, fornitura jew ħżin tal-gass naturali, u attivita’ mhux relatata mal-gass;

(22) “impriża relatata” tfisser impriża affiljata, fis-sens tal-Artikolu 41 tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 abbażi tal-Artikolu 44(2)(g) ( *1 ) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati ( 1 ), u/jew impriża assoċjata, fis-sens tal-Artikolu 33(1) ta’ dik id-Direttiva, u/jew impriża tal-istess azzjonisti;

(23) “utent tas-sistema” tfisser persuna naturali jew legali li qed tforni jew li qed tiġi fornita mis-sistema;

(24) “klijent” tfisser klijent bl-ingrossa jew finali tal-gass naturali jew impriża tal-gass naturali li jixtru l-gass naturali;

(25) “klijent tad-dar” tfisser klijent li jixtri l-gass naturali għall-konsum tiegħu fid-dar;

(26) “klijent mhux tad-dar” tfisser klijent li jixtri l-gass naturali li mhuwiex għall-użu tiegħu fid-dar;

(27) “klijent finali” tfisser klijent li jixtri l-gass naturali għall-konsum tiegħu;

(28) “klijent eliġibbli” tfisser klijent li jkun liberu li jixtru l-gass mill-provditur tal-għażla tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 37;

(29) “klijent bl-ingrossa” tfisser persuna naturali jew legali minbarra l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni li tixtri l-gass naturali għall-iskop ta’ bejgħ mill-ġdid fis-sistema jew barra mis-sistema fejn tkun stabbilita;

(30) “ippjanar fit-tul” tfisser ippjanar tal-kapaċità tal-fornitura u tat-trasport tal-impriża tal-gass naturali għal terminu twil bi skop li jintlaħqu t-talbiet għall-gass naturali tas-sistema, diversifikazzjoni tal-għejun u l-aċċertar tal-provvisti lill-klijent;

(31) “suq emerġenti” tfisser Stat Membru li fih l-ewwel fornitura kummerċjali tal-ewwel kuntratt tal-fornitura tal-gass naturali tiegħu sar mhux aktar minn 10 snin ilu;

(32) “sigurtà” tfisser kemm is-sigurtà tal-fornitura tal-gass naturali kif ukoll sigurtà teknika;

(33) “infrastruttura gdida” tfisser infrastruttura li tkun għadha mhux lesta sal-4 ta' Awwwissu 2003;

(34) “kuntratt għal forniment tal-gass” tfisser kuntratt għall-forniment tal-gass naturali, iżda ma tinkludix derivattiva tal-gass;

(35) “derivattiva tal-gass” tfisser strument finanzjarju speċifikat fil-punti 5, 6, jew 7 fit-Taqsima C tal-Anness I mad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar swieq fi strumenti finanzjarji ( 2 ), fejn dak l-istrument għandu x’jaqsam ma’ gass naturali;

(36) “kontroll” tfisser kwalunkwe drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezzi oħra li, sew separatament jew flimkien, u filwaqt li jitqiesu l-fatti u l-liġijiet involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a) il-proprjetà jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża, jew parti minnhom;

(b) drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża.



KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI GĦALL-ORGANIZZAZZJONI TAS-SETTUR

Artikolu 3

Obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti

1.  L-Istati Membri għandhom jaċċertaw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-gass naturali jigu operati konformement mal-principji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

2.  Tenut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-kumpaniji tal-gass tal-Kommunita’ għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda u għall-ksib tal-għanijiet ambjentali u għanijiet għall-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għall-perijodu fit-tul, b’kont meħud tal-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.

3.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adegwati biex iħarsu l-klijenti finali, u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli. F’dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi l-kunċett ta’ konsumaturi vulnerabbli li jista’ jirreferi għall-faqar tal-enerġija u, inter alia, għall-projbizzjoni tal-iskonnessjoni tal-gass ta’ konsumaturi bħal dawn fi żminijiet kritiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi marbuta ma’ konsumaturi vulnerabbli jkunu applikati. B’mod partikolari, għandhom jieħdu l-passi adegwati biex iħarsu l-klijenti finali f’żoni remoti li huma mqabbda mas-sistema tal-gass. L-Istati Membri jistgħu jaħtru provditur tal-aħħar riżort għall-klijenti mqabbdin mas-sistema tal-gass. Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet tal-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta’ disputi. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ jaqleb faċilment għal fornitur ġdid. Rigward klijenti tad-dar, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.

4.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, bħat-tħejjija ta’ pjani nazzjonali ta’ azzjoni għall-enerġija, jagħtu benefiċċji tas-sigurtà soċjali, biex tiġi żgurata l-provvista meħtieġa tal-gass lill-konsumaturi vulnerabbli jew jagħtu appoġġ għal titjib biex l-enerġija tintuża b’mod aktar effiċjenti, biex jiġi indirizzat il-faqar tal-enerġija fejn ikun identifikat, inkluż fil-kuntest usa’ tal-faqar. Miżuri bħal dawn m’għandhomx ifixklu l-ftuħ effettiv tas-suq stipulat fl-Artikolu 37 u t-tħaddim tas-suq u għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, fejn ikun rilevanti, skont il-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu. Din in-notifika m’għandhiex tinkludi miżuri fis-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi kollha mqabbda man-netwerk tal-gass ikunu intitolati li jkollhom il-gass tagħhom ipprovdut minn fornitur, bil-kundizzjoni li jaqbel il-fornitur, irrispettivament mill-Istat Membru li fih huwa rreġistrat il-fornitur, sakemm il-fornitur jikkonforma mar-regoli kummerċjali u tal-ibbilanċjar applikabbli u bla ħsara għar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-provvista. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ta’ ostakolu għall-impriżi tal-forniment diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) meta konsumatur, filwaqt li josserva l-kundizzjonijiet kuntrattwali, jixtieq jibdel il-fornitur, il-bidla ssir mill-operatur(i) ikkonċernat(i) fi żmien tliet ġimgħat u

(b) il-konsumaturi jkunu intitolati li jirċievu d-data kollha dwar il-konsum.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu jingħataw lill-konsumaturi b’mod li ma jkunx diskriminatorju fir-rigward tal-ispiża, l-isforz jew il-ħin.

7.  L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri adegwati biex jiksbu l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u ekonomika u, il-protezzjoni tal-ambjent, li tista’ tinkludi mezzi biex jiġi megħlub tibdil fil-klima, u s-sigurtà tal-fornitura. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-forniment ta’ inċentivi ekonomiċi adegwati, bl-użu, meta jkun xieraq, tal-għodod nazzjonali u Komunitarji eżistenti kollha, għall-manutenzjoni u l-bini tal-infrastruttura meħtieġa ta’ networks, inkluża l-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

8.  Sabiex jiġi promoss l-użu effiċjenti tal-enerġija, l-Istati Membri jew, fejn l-Istat Membru jkun stipula hekk, l-awtorità regolatorja, għandhom jirrakkomandaw b’mod qawwi li l-impriżi tal-gass naturali jtejbu kemm jistgħu l-użu tal-gass, pereżempju billi jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-enerġija, jiżviluppaw formuli innovattivi tal-prezzijiet jew jintroduċu sistemi ta’ mijters intelliġenti jew netwerks intelliġenti fejn ikun jixraq.

9.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli punti waħdiena ta’ kuntatt sabiex il-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward tad-drittijiet tagħhom, tal-leġiżlazzjoni attwali u tal-mezzi ta’ soluzzjoni tat-tilwimiet disponibbli għalihom f’każ ta’ tilwim. Punti ta’ kuntatt bħal dawn jistgħu jkunu parti minn punti ta’ informazzjoni generali ghall-konsumaturi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun qed jitħaddem mekkaniżmu indipendenti bħal ombudsman tal-enerġija jew korp tal-konsumaturi għat-trattament effiċjenti tat-tilwimiet u għas-soluzzjoni tat-tilwimiet barra l-qrati.

10.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 rigward id-distribuzzjoni sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ixxekkel, fil-liġi jew fil-fatt, il-prestazzjoni tal-obbligazzjonijiet imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali fl-interess ekonomiku ġenerali u sa fejn l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat sal-punt li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità. L-interessi tal-Komunità jinkludu, fost l-oħrajn, il-kompetizzjoni rigward il-klijenti eliġibbli taħt din id-Direttiva u l-Artikolu 86 tat-Trattat.

11.  L-Istati Membri għandhom, mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex iwettqu l-obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, inklużi l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, u l-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk dawn il-miżuri jeħtieġu deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew le. Għandhom javżaw lill-Kummissjoni sussegwentament kull sentejn dwar kwalunkwe tibdil għal dawn il-miżuri, kemm jekk jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva jew le.

12.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-għaqdiet tal-konsumaturi u l-impriżi tal-gass naturali, Lista tal-Konsumatur tal-Enerġija li tkun ċara u konċiża rigward informazzjoni prattika relatata mad-drittijiet tal-konsumaturi tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-gass jew l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, f’koperazzjoni mal-awtorità regolatorja, jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprovdu lill-konsumaturi kollha tagħhom kopja tal-lista tal-konsumatur tal-enerġija u jiżguraw li ssir disponibbli pubblikament.

Artikolu 4

Proċedura għall-awtorizzazzjoni

1.  F’ċirkostanzi fejn awtorizzazzjoni (eż., liċenzja, permess, konċessjoni, kunsens jew approvazzjoni) tkun meħtieġa għall-kostruzzjoni jew operazzjoni ta’ faċilitajiet tal-gass naturali, l-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li jinnominaw għandhom jagħtu awtorizzazzjonijiet li jinbnew u/jew jiġu operati tali faċilitajiet, pipelines u tagħmir assoċjat, konformement mal-paragrafi 2 sa 4. L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li jinnominaw jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjonijiet fuq l-istess bażi għall-provvista tal-gass naturali u għall-klijenti bl-ingrossa.

2.  Fejn l-Istati Membri għandhom sistema ta’ awtorizzazzjoni, għandhom jistabbilixxu kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li għandhom jintlaħqu minn impriża li tapplika għal awtorizzazzjoni biex tibni u/jew topera faċilitajiet tal-gass naturali jew li tapplika għal awtorizzazzjoni biex tipprovdi l-gass naturali. Il-kriterji u l-proċeduri mhux diskriminatorji għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal faċilitajiet, pipelines u tagħmir assoċjat iqisu l-importanza tal-proġett għas-suq intern tal-gass naturali fejn ikun xieraq.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għal kull ċaħda ta’ għotja ta’ xi awtorizzazzjoni huma oġġettivi u non-diskriminatorji u li jingħataw lill-applikant. Ir-raġunijiet għal ċaħdiet bħal dawn għandhom jiġu notifikati fil-pront lill-Kummissjoni bħala informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura li tippermetti lill-applikant li jappella fuq ċaħdiet bħal dawk.

4.  Għall-iżvilupp ta’ żoni ġodda tal-provvista u operat effiċjenti ġeneralment, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, l-Istati Membri jistgħu jiċħdu li jagħtu aktar awtorizzazzjonijiet għall-bini u l-operazzjoni ta’ sistemi tad-distribuzzjoni tal-pipeline f’żona partikolari ladarba tali sistemi tal-pipeline inbnew jew ġew proposti li jinbnew f’dik iż-żona u jekk il-kapaċità eżistenti jew proposta ma ġietx eżawrita.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 6

Solidarjetà reġjonali

1.  Sabiex tiġi ssalvagwardata provvista sikura fis-suq intern tal-gass naturali, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jippromwovu s-solidarjetà reġjonali u bilaterali.

2.  Tali koperazzjoni għandha tkopri sitwazzjonijiet li jirriżultaw fi, jew li x’aktarx jirriżultaw, f’perijodu qasir ta’ żmien, fi xkiel serju għall-provvista b’effett fuq l-Istat Membru. Din għandha tinkludi:

(a) koordinazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ emerġenza imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tas-26 ta’ April, 2004 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista ta’ gas naturali ( 3 );

(b) identifikazzjoni u, fejn meħtieġ, żvilupp jew tiġdid ta’ interkonnessjonijiet ta’ elettriku u ta’ gass naturali; u

(c) kondizzjonijiet u modalitajiet prattiċi għall-assistenza reċiproka.

3.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jinżammu informati dwar tali koperazzjoni.

4.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida għall-koperazzjoni reġjonali fi spirtu ta’ solidarjetà. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

Artikolu 7

Promozzjoni ta’ koperazzjoni reġjonali

1.  L-Istati Membri kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw bejniethom bil-għan li jintegraw is-swieq nazzjonali tagħhom fuq livell reġjonali wieħed jew aktar, bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ suq intern kompletament liberalizzat. B’mod partikolari, l-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri, għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw il-koperazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni fil-livell reġjonali, inkluż dwar kwistjonijiet transkonfinali bl-għan li jinħoloq suq intern kompetittiv tal-gass naturali, irawmu l-konsistenza tal-qafas legali, regolatorju u tekniku tagħhom u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-sistemi iżolati li jiffurmaw gżejjer tal-gass li għadhom jeżistu fil-Komunità. Iż-żoni ġeografiċi koperti minn din il-koperazzjoni reġjonali għandhom jinkludu l-koperazzjoni fiż-żoni ġeografiċi definiti taħt l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Din il-koperazzjoni tista’ tkopri żoni ġeografiċi oħra.

2.  L-Aġenzija għandha tikkopera mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni biex tiżgura l-kompatibilità tal-oqsfa regolatorji bejn ir-reġjuni bl-għan li jinħoloq suq intern kompetittiv tal-gass naturali. Fejn l-Aġenzija tqis li huma meħtieġa regoli li jorbtu għal koperazzjoni bħal din, għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom sistema/i integrata/i waħda jew aktar fil-livell reġjonali li tkopri żewġ Stati Membri jew aktar għall-allokazzjoni tal-kapaċità u għall-kontroll tas-sigurtà tan-network.

4.  F’każ li operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni integrata vertikalment jieħdu sehem f’impriża konġunta stabbilita għall-implimentazzjoni tal-koperazzjoni, l-impriża konġunta għandha tistabbilixxi u timplimenta programm ta’ konformità li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi aċċertat li kull aġir diskriminatorju u li jmur kontra l-kompetizzjoni jiġi eskluż. Dak il-programm ta’ konformita’ għandu jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet speċifiċi tal-impjegati li jilħqu l-għan li jiġi eskluż l-aġir diskriminatorju u li jmur kontra l-kompetizzjoni. Huwa għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni mill-Aġenzija. Il-konformità mal-programm għandha tiġi ssorveljata indipendentement minn uffiċjali għall-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni integrata vertikalment.

Artikolu 8

Regoli tekniċi

L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-kriterji tas-sigurtà teknika jiġu definiti u li r-regoli tekniċi li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi tad-diżinn tekniku u dawk operattivi għat-tqabbid mas-sistema tal-faċilitajiet tal-LNG, faċilitajiet tal-ħżin, sistemi oħrajn tat-trasmissjoni jew tad-distribuzzjoni, u linji diretti, jiġu żviluppati u ppubblikati. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom jaċċertaw l-interoperabbiltà tas-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji. L-Aġenzija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li tintlaħaq il-kompatibilità ta’ dawn ir-regoli, fejn ikun jixraq. Dawk ir-regoli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-fornitura tal-informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi u ta’ regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni ( 4 ).



KAPITOLU III

TRASMISSJONI, ĦŻIN U LNG

Artikolu 9

Separazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit-3 ta' marzu 2012 ‘il quddiem:

(a) kull impriża li tipposjedi sistema ta’ trasmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(b) l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati:

(i) li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista, u li direttament jew indirettament jezerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni; jew

(ii) li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista;

(c) l-istess persuna jew l-istess persuni mhumiex intitolati jaħtru membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li legalment jirrappreżentaw l-impriża, ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew ta’ provvista; u

(d) l-istess persuna jew l-istess persuni mhumiex intitolati li jkunu membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li legalment jirrappreżentaw l-impriża, kemm ta’ impriża li twettaq kwalunkwe mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew ta’ forniment kif ukoll ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni.

2.  Id-drittijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a) is-setgħa għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ votazzjoni;

(b) is-setgħa li jiġu maħtura membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li legalment jirrappreżentaw lill-impriżi; jew

(c) is-sjieda ta’ sehem maġġoritarju.

3.  Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, il-kunċett ta’ “impriża li taqdi kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-forniment” għandu jinkludi “impriża li taqdi kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni u l-forniment” fl-ambitu tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku ( 5 ), u t-termini “operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” u “sistema ta’ trasmissjoni” għandhom jinkludu “operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” u “sistema ta’ trasmissjoni” fl-ambitu ta’ dik id-Direttiva.

4.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mill-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 sat-3 ta' Marzu 2013, sakemm l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jkunux jiffurmaw parti minn impriża integrata vertikalment.

5.  L-obbligu stipulat fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jitqies sodisfatt f’sitwazzjoni fejn żewġ impriżi jew aktar li jkunu proprjetarji ta’ sistemi ta’ trasmissjoni joħolqu impriża konġunta li taġixxi ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni f’żewġ Stati Membri jew aktar għas-sistemi ta’ trasmissjoni konċernati. L-ebda impriża oħra ma tista’ tkun parti mill-impriża konġunta, sakemm ma tkunx ġiet approvata taħt l-Artikolu 14 bħala operatur indipendenti tas-sistema jew bħala operaturi indipendenti tat-trasmissjoni għall-finijiet tal-Kapitolu IV.

6.  Għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, fejn il-persuna msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 hija l-Istat Membru jew entità pubblika oħra, żewġ entitajiet pubbliċi separati li jeżerċitaw kontroll, minn naħa waħda, fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista, għandhom jitqiesu bħala l-istess persuna jew l-istess persuni.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva msemmija fl-Artikolu 16 miżmuma minn operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li kienet tagħmel parti minn impriża integrata vertikalment u lanqas il-persunal ta’ tali operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jiġu trasferiti lil impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista.

▼M2

8.  Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta' trasmissjoni kienet il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1. Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta' trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma' pajjiż terz bejn il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk ta' dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta' Mejju 2019 is-sistema ta' trasmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1.

▼B

F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

(a) jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 14, jew

(b) jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV.

▼M2

9.  Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta' trasmissjoni kienet il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta' trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma' pajjiż terz bejn il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk ta' dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta' Mejju 2019, is-sistema ta' trasmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

▼B

10.  Qabel ma impriża tiġi approvata u magħżula bħala operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni taħt il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiġi ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 10(4), (5) u (6) ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, li konformement magħhom il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-arranġamenti eżistenti jiggarantixxu b’mod ċar indipendenza aktar effettiva tal-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV.

11.  Impriżi integrati vertikalment li huma proprjetarji tas-sistema ta’ trasmissjoni fl-ebda każ m’għandhom jiġu mċaħħda milli jieħdu passi biex jikkonformaw mal-paragrafu 1.

12.  L-impriżi li jwettqu kwalunkwe mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista m’għandhom fl-ebda każ ikunu jistgħu jieħdu kontroll ta’ jew jeżerċitaw direttament jew indirettament kwalunkwe dritt fuq operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni sseparata fl-Istati Membri li japplikaw il-paragrafu 1.

Artikolu 10

Ħatra u ċertifikazzjoni ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni

1.  Qabel ma impriża tkun approvata u maħtura bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, hija għandha tkun ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

2.  Impriżi proprjetarji tas-sistema ta’ trasmissjoni u li ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9, konformement mal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni aktar ‘l isfel, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-Istati Membri. L-għażla tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.  L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja kwalunkwe transazzjoni ppjanata li tkun tista’ teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9.

4.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissorveljaw il-konformità kontinwa tal-operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9. Għandhom jibdew proċedura ta’ ċertifikazzjoni sabiex jiżguraw tali konformità:

(a) man-notifika mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni taħt il-paragrafu 3;

(b) fuq inizjattiva tagħhom stess fejn ikollhom tagħrif li bidla ppjanata fid-drittijiet jew fl-influwenza fuq proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni tista’ twassal għal ksur tal-Artikolu 9, jew fejn ikollhom raġuni sabiex jemmnu li seta’ seħħ tali ksur; jew

(c) fuq talba motivata tal-Kummissjoni.

5.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom jadottaw deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema tat-trasmissjoni f’perijodu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew mid-data tat-talba tal-Kummissjoni. Wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, iċ-ċertifikazzjoni għandha titqies bħala mogħtija. Id-deċiżjoni espliċita jew taċita tal-awtorità regolatorja għandha ssir effettiva biss wara l-konklużjoni tal-proċedura prevista fil-paragrafu 6.

6.  Id-deċiżjoni espliċta jew taċita dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandha tkun notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni mill-awtorità regolatorja, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha taġixxi konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

7.  L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni jistgħu jesiġu mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u mill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew ta’ forniment kwalunkwe tagħrif relevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom konformement ma’ dan l-Artikolu.

8.  L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 11

Ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi

1.  Fejn tintalab ċertifikazzjoni minn proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u li jkun kontrollat minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew pajjiżi terzi, l-awtorità regolatorja għanda tinnotifika lill-Kummissjoni.

L-awtorità regolatorja għandha wkoll tinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe ċirkostanza li tirriżulta f’persuna jew persuni minn pajjiż terz jew pajjiżi terzi li jieħdu kontroll tas-sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

2.  L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe ċirkostanza li tirriżulta f’persuna jew persuni minn pajjiż terz jew pajjiżi terzi li jieħdu kontroll tas-sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

3.  L-awtorità regolatorja għandha tadotta abbozz ta’ deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni. Hi għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni jekk ikun għadu ma ġiex muri:

(a) li l-entità konċernata tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9; u

(b) lill-awtorità regolatorja jew lil awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru li l-għoti ta’ ċertifikazzjoni mhux ser ipoġġi f’riskju s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tal-Istat Membru u l-Komunità. Fil-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni, l-awtorità regolatorja jew l-awtorità kompetenti oħra maħtura għalhekk għandhom jieħdu kont ta’ dawn li ġejjin:

(i) id-drittijiet u l-obbligi tal-Komunità fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz li joħorġu taħt il-liġi internazzjoni, inkluż ftehim konkluż ma’ pajjiż terz jew aktar li għalih il-Komunità hija parti u li indirizza l-kwistjonijiet ta’ sigurtà u forniment tal-enerġija;

(ii) id-drittijiet u l-obbligi tal-Istat Membru fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz li joħorġu taħt ftehim konklużi ma’ dawn il-pajjiżi terzi, sakemm ikunu konformement mal-liġi Komunitarja; u

(iii) fatti speċifiċi oħra u ċirkostanzi tal-każ u tal-pajjiż terz konċernat.

4.  Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni mill-awtorità regolatorja, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni.

5.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex l-awtorità regolatorja u/jew l-awtorità kompetenti maħtura msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, qabel ma l-awtorità regolatorja tadotta deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni, jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar jekk:

(a) l-entità konċernata tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9; u

(b) l-għoti ta’ ċertifikazzjoni hux ser iqiegħed f’riskju jew le s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija għall-Komunità.

6.  Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba msemmija fil-paragrafu 5 malli tirċeviha. Fi żmien xahrejn wara li tirċievi t-talba, hi għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali jew, jekk it-talba tkun saret mill-awtorità maħtura kompetenti, lil dik l-awtorità.

Fit-tħejjija tal-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob l-opinjonijiet tal-Aġenzija, l-Istat Membru konċernat, u l-partijiet interessati. Fil-każ li l-Kummissjoni tagħmel din it-talba, il-perijodu ta’ xahrejn għandu jiġu estiż b’xahrejn.

Fl-assenza ta’ opinjoni mill-Kummissjoni fi żmien il-perijodu msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li mhijiex tqajjem oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

7.  Meta tkun qed tivvaluta jekk il-kontroll minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew pajjiżi terzi ser ipoġġix f’riskju s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija lill-Komunità, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ dawn li ġejjin:

(a) il-fatti speċifiċi tal-każ u l-pajjiż terz jew pajjiżi terzi konċernati; u

(b) id-drittijiet u l-obbligi tal-Komunità, li jkunu jeżistu taħt il-liġi internazzjoni, fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz jew pajjiżi terzi, inkluż ftehim konkluż ma’ pajjiż terz jew aktar li għalih il-Komunità hija parti u li indirizza l-kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-enerġija.

8.  L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, f’perijodu ta’ xahrejn wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 6, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha dwar iċ-ċertifikazzjoni. Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu kont massimu tal-opinjoni tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ l-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt li jirrifjutaw iċ-ċertifikazzjoni fejn l-għoti ta’ ċertifikazzjoni jpoġġi f’riskju s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tal-Istat Membru jew is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija ta’ Stat Membru ieħor. Fejn l-Istat Membru jkun ħatar awtorità regolatorja oħra biex tivvaluta l-punt (b) tal-paragrafu 3, dan jista’ jesiġi li l-awtorità regolatorja nazzjonali tadotta d-deċiżjoni finali tagħha konformement mal-valutazzjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti. Id-deċiżjoni finali tal-awtorita regolartorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati flimkien. Meta d-deċiżjoni finali ma tkunx taqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi u jippubblika, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni, ir-raġunament għal dik id-deċiżjoni.

9.  Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jeżerċitaw, konformement mal-liġi Komunitarja, kontrolli legali nazzjonali biex jipproteġu interessi ta’ sigurtà pubblika leġittimi.

10.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

11.  Dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika wkoll għall-Istati Membri li huma suġġetti għal derogi taħt l-Artikolu 49.

Artikolu 12

Ħatra ta’ operaturi tal-ħżin u tas-sistema tal-LNG

L-Istati Membri għandhom jaħtru, jew jesiġu li, impriżi tal-gass naturali li jkunu proprjetarji ta’ faċilitajiet tal-ħżin jew tal-LNG li jaħtru, għal perijodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri b’kont meħud tal-kwistjonijiet ta’ effiċjenza u bilanċ ekonomiku, operatur, jew aktar, tas-sistema tal-ħżin jew tal-LNG.

Artikolu 13

Kompiti tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, tal-ħżin u/jew tal-LNG

1.  Kull operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, tal-ħżin u/jew tal-LNG għandu:

(a) jopera, jagħti manutenzjoni u jiżviluppa taħt kondizzjonijiet ekonomiċi, it-trasmissjoni, il-ħżin u/jew il-faċilitajiet tal-LNG sikuri, affidabbli u effiċjenti biex jiġi żgurat suq miftuħ, b’kont dovut għall-ambjent, u jiżgura li jkun hemm mezzi adegwati biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-servizz;

(b) iżomm lura milli jiddiskrimina bejn utenti tas-sistema jew klassijiet ta’ utenti tas-sistema, b’mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu;

(c) jagħti lil kull operatur ieħor tas-sistema ta’ trasmissjoni, operatur ieħor tas-sistema tal-ħżin, operatur ieħor tas-sistema tal-LNG u/jew kull operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, biżżejjed informazzjoni sabiex jaċċerta li t-trasport u l-ħżin tal-gass naturali jistgħu jsiru b’mod kompatibbli mal-operat sikur u effiċjenti tas-sistema interkonnessa; u

(d) jagħti lill-utenti tas-sistema l-informazzjoni li jeħtieġu għall-aċċess effiċjenti għas-sistema.

2.  Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandu jibni l-kapaċità transkonfinali suffiċjenti biex tiġi integrata l-infrastruttura ta’ trasmissjoni Ewropea li takkomoda t-talbiet kollha għall-kapaċità li jkunu ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli u filwaqt li titqies is-sigurtà tal-provvista tal-gass.

3.  Ir-regoli adottati mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni biex jibbilanċjaw is-sistemi ta’ trasmissjoni tal-gass għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi regoli għat-tariffi għall-utenti tas-sistema tan-networks tagħhom għall-iskwilibrju tal-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi regoli u tariffi, għall-fornitura ta’ dawn is-servizzi minn operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni għandhom jiġu stabbiliti skont metodoloġija kompatibbli mal-Artikolu 41(6) b’mod mhux diskriminatorju u li jirrefletti l-ispejjeż u għandhom jiġu ppubblikati.

4.  L-awtoritajiet regolatorji, fejn l-Istati Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni josservaw standards minimi għall-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni, inkluża l-kapaċità tal-interkonnessjoni.

5.  Operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jipprokuraw l-energija li jużaw għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont proċeduri bbażati fuq is-suq li huma trasparenti u mhux diskriminatorji.

Artikolu 14

Operaturi ta’ sistemi indipendenti

▼M2

1.  Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta' trasmissjoni kienet il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 9(1) u li jaħtar operatur tas-sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trasmissjoni:

Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta' trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma'pajjiż terz, bejn il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk ta' dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta' Mejju 2019 is-sistema ta' trasmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 9(1) u li jaħtar operatur tas-sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trasmissjoni.

Il-ħatra ta' operatur tas-sistema indipendenti għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

▼B

2.  L-Istat Membru jista’ japprova u jaħtar biss operatur indipendenti tas-sistema, meta:

(a) l-operatur kandidat wera li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1)(b), (c) u (d);

(b) l-operatur kandidat ikun wera li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi finanzjarji, tekniċi, fiżiċi u umani meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu taħt l-Artikolu 13;

(c) l-operatur kandidat ikun intrabat li jikkonforma ma’ pjan, għall-operatur indipendenti tas-sistema, ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network b’sorveljanza mill-awtorità regolatorja;

(d) il-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni jkun wera l-kapaċità tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt il-paragrafu 5. Għal dan il-għan, għandu jipprovdi abbozz tal-arranġamenti kuntrattwali kollha mal-impriża kandidata u ma’ kwalunkwe entità oħra relevanti; u

(e) l-operatur kandidat ikun wera l-abbiltà tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 inkluża l-koperazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni fil-livell Ewropew u reġjonali.

3.  L-impriżi li jkunu ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 u tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema indipendenti mill-Istati Membri. Għandha tkun applikabbli l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew dik fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva.

4.  Kull operatur indipendenti tas-sistema, għandu jkun responsabbli għall-għoti u l-ġestjoni tal-aċċess għal partijiet terzi, inkluż il-ġbir ta’ ħlasijiet ta’ aċċess u ta’ konġestjoni, għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni, kif ukoll għall-iżgurar tal-kapaċità fit-tul tas-sistema li tilqa’ domanda raġonevoli permezz ta’ ppjanar ta’ investiment. Fl-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni, l-operatur tas-sistema indipendenti għandu jkun responsabbli għall-ippjanar (inkluża l-proċedura tal-awtorizzazzjoni), il-bini, u l-kuntrattar tal-infrastruttura l-ġdida. Għal dan il-għan, l-operatur tas-sistema indipendenti għandu jaġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni konformement ma’ dan il-Kapitolu. Il-proprjetarji ta’ sistemi ta’ trasmissjoni m’għandhomx ikunu responsabbli għall-approvazzjoni u l-ġestjoni ta’ aċċess mill-partijiet terzi, u lanqas għall-ippjanar tal-investiment.

5.  Meta jinħatar operatur tas-sistema indipendenti, il-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu:

(a) jipprovdi l-koperazzjoni u l-appoġġ kollha relevanti lill-operatur tas-sistema indipendenti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż b’mod partikolari t-tagħrif kollu relevanti;

(b) jiffinanzja l-investimenti deċiżi mill-operatur tas-sistema indipendenti u approvati mill-awtorità regolatorja, jew jaċċetta li jiġu ffinanzjati minn kwalunkwe parti interessata, inkluż l-operatur tas-sistema indipendenti. L-arranġamenti ta’ finanzjament relevanti għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Qabel din l-approvazzjoni, l-Awtorità Regolatorja għandha tikkonsulta lill-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni flimkien mal-partijiet interessati l-oħrajn;

(c) jipprovdi għall-kopertura ta’ responsabbiltà relatata mal-assi tan-network, bl-esklużjoni tar-responsabbiltà marbuta mal-kompiti tal-operatur indipendenti tas-sistema; u

(d) jipprovdi garanziji biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta’ kwalunkwe espansjonijiet tan-network bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-investimenti fejn, taħt il-punt (b), jkun ta l-approvazzjoni tiegħu għal finanzjament minn kwalunkwe parti interessata, inkluż l-operatur tas-sistema indipendenti.

6.  F’koperazzjoni mill-qrib mal-awtorità regolatorja, l-awtorità nazzjonali relevanti fuq il-kompetizzjoni għandha tingħata s-setgħat kollha relevanti sabiex tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni mal-obbligi tiegħu taħt il-paragrafu 5.

Artikolu 15

Separazzjoni tal-proprjetarji tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistema ta’ ħżin

1.  Il-proprjetarju ta’ sistema ta’ trasmissjoni, meta jkun inħatar operatur indipendenti tas-sistema, u l-operatur ta’ sistema ta’ ħżin li jiffurmaw parti minn impriżi integrati vertikalment, għandhom ikunu indipendenti, għall-anqas f’termini tal-forma ġuridika tagħhom, tal-organizzazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, minn attivitajiet oħrajn li ma jkunux relatati mat-trasmissjoni, distribuzzjoni u ħżin.

Dan l-Artikolu għandu japplika biss għall-faċilitajiet tal-ħżin li huma teknikament u/jew ekonomikament meħtieġa għall-aċċess effiċjenti fis-sistema għall-forniment ta’ klijenti taħt l-Artikolu 33.

2.  Sabiex tiġi aċċertata l-indipendenza tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operatur tas-sistema ta’ ħżin imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kriterji minimi li ġejjin:

(a) dawk il-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-operatur tas-sistema ta’ ħżin ma jistgħux jieħdu sehem fl-istrutturi korporattivi tal-impriża integrata tal-gass naturali li hija responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operat ta’ kuljum tal-produzzjoni u l-forniment tal-gass naturali;

(b) għandhom jittieħdu miżuri adegwati biex jiġi aċċertat illi l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-operatur tas-sistema ta’ ħżin jitqiesu b’mod li jiżgura li huma kapaċi li jaġixxu b’mod indipendenti;

(c) l-operatur tas-sistema ta’ ħżin għandu jkollu drittijiet effettivi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, indipendentement mill-impriża integrata tal-gass naturali, rigward l-assi meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp tal-faċilitajiet tal-ħżin. Dan m’għandux jeskludi l-eżistenza ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ koordinazzjoni biex jiġi aċċertat li jiġu protetti d-drittijiet ta’ sorveljanza ekonomika u ta’ amministrazzjoni tal-kumpanija prinċipali rigward prospetti fuq assi regolati indirettament taħt l-Artikolu 41(6) f’kumpanija sussidjarja. B’mod partikolari, dan għandu jippermetti lill-kumpanija prinċipali tapprova l-pjan finanzjarju ta’ kull sena, jew kwalunkwe strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema ta’ ħżin kif ukoll li tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta’ dejn tas-sussidjarja tagħha. Dan m’għandux jippermetti lill-kumpanija prinċipali tagħti xi struzzjonijiet dwar l-operazzjoni ta’ kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali marbuta mal-bini jew mat-tiġdid tal-faċilitajiet tal-ħżin, li ma jkunux jeċċedu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti ieħor; u

(d) il-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-operatur tas-sistema ta’ ħżin għandhom ifasslu programm ta’ konformità, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda biex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda kondotta diskriminatorja, u biex ikun żgurat li l-osservanza tiegħu tkun sorveljata tajjeb. Il-programm ta’ konformita’ għandu jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet speċifiċi tal-impjegati li jiksbu dawk l-għanijiet. Rapport annwali, li jindika l-miżuri meħuda, għandu jiġi ppreżentat mill-persuna jew l-entità responsabbli għas-sorveljanza tal-programm ta’ konformità lill-awtorità regolatorja u għandu jiġi ppubblikat.

3.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida biex taċċerta l-konformità sħiħa u effettiva mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operatur tas-sistema tal-ħażna. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

Artikolu 16

Kunfidenzjalità għall-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u proprjetarji tas-sistemi ta’ trasmissjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 jew kwalunkwe obbligu legali ieħor għall-iżvelar ta’ informazzjoni, kull operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, ħżin u/jew LNG, u proprjetarji tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba matul it-twettiq tal-attivitajiet tagħhom, u għandhom jipprevjenu li informazzjoni dwar l-attivitajiet proprji tagħhom li tista’ tkun kummerċjalment vantaġġuża tiġi żvelata b’mod diskriminatorju, u b’mod partikolari m’għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-partijiet li jkun baqa’ tal-impriża, ħlief jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ transazzjoni ta’ negozju. Sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mar-regoli dwar is-separazzjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarju tas-sistema tat-trasmissjoni, anke fil-każ ta’ operatur magħqud, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni, u l-parti l-oħra li jifdal tal-impriża ma jużax servizzi konġunti, bħas-servizzi legali konġunti, minbarra funzjonijiet purament amministrattivi jew tal-IT.

2.  L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, tal-ħżin u/jew tal-LNG m’għandhomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri tal-gass naturali minn impriża relatata, jużaw skorrettament informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba minn terzi fil-kuntest tal-għoti jew tan-negozjar tal-aċċess għas-sistema.

3.  L-informazzjoni meħtieġa għall-kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq għandha ssir pubblika. Dan l-obbligu huwa bla ħsara għall-ħarsien ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.



KAPITOLU IV

OOPERATUR TA’ TRASMISSJONI INDIPENDENTI

Artikolu 17

Assi, tagħmir, persunal u identità

1.  L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u jwettqu l-attività ta’ trasmissjoni tal-gass, partikolarment:

(a) assi li huma meħtieġa għall-attività ta’ trasmissjoni tal-gass, inkluża s-sistema ta’ trasmissjoni, għandhom ikunu l-proprjetà tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(b) persunal meħtieġ għan-negozju ta’ trasmissjoni tal-gass, inkluża l-prestazzjoni tal-kompiti korporattivi, għandhom jiġu impjegati mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(c) it-twellija ta’ persunal u l-għoti ta’ servizzi, lil u minn kwalunkwe parti oħra tal-impriża integrata vertikalment għandha tiġi projbita. L-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni jista’ madankollu jagħti servizzi lill-impriża integrata vertikalment sakemm:

(i) l-għoti ta’ dawn is-servizzi ma jiddiskriminax kontra utenti tas-sistema, huwa disponibbli lil utenti kollha tas-sistema taħt l-istess termini u kondizzjonijiet u ma jirrestinġix, jgħawweġ jew jipprevjeni kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-forniment, u

(ii) it-termini u l-kondizzjonijiet tal-għoti ta’ dawn is-servizzi jkunu approvati mill-awtorità regolatorja;

(d) mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Sorveljanza taħt l-Artikolu 20, riżorsi finanzjarji xierqa għal proġetti futuri ta’ investiment u/jew għas-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti għandhom ikunu disponibbli għall-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni fiż-żmien dovut mill-impriża integrata vertikalment wara talba adatta mill-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

2.  L-attività tat-trasmissjoni tal-gass għandha għall-anqas tinkludi l-kompiti li ġejjin flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 13:

(a) rappreżentanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u kuntatti lil partijiet terzi u l-awtoritajiet regolatorji;

(b) rappreżentanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fin-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trasmissjoni tal-Gass (European Network of Transmission System Operators) (ENTSO tal-Gass);

(c) l-għoti ta’ aċċess lil partijiet terzi u l-ġestjoni tiegħu fuq bażi mhux diskriminatorja bejn l-utenti tas-sistema jew il-klassijiet tal-utenti tas-sistema;

(d) il-ġbir tal-ispejjeż kollha relatati mas-sistema ta’ trasmissjoni inklużi l-ispejjeż ta’ aċċess, l-ispejjeż ta’ kumpens għal servizzi anċillari bħat-trattament tal-gass, ix-xiri ta’ servizzi (l-ispejjeż ta’ bilanċ, enerġija għal telf);

(e) l-operazzjoni, manutenzjoni u żvilupp tas-sistema sikura, effikaċi u ekonomika ta’ trasmissjoni;

(f) ippjanar fl-investiment li jiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq mad-domanda raġonevoli u tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista;

(g) l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti adegwati, anke ma’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni wieħed jew aktar, skambji tal-gass, u attivitajiet oħra relevanti bil-għan tal-iżvilupp tal-ħolqien tas-swieq reġjonali jew jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ liberalizzazzjoni; u

(h) is-servizzi korporattivi kollha, inklużi s-servizzi legali, il-kontabbiltà u s-servizzi tal-IT.

3.  L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom ikunu organizzati f’forma legali kif imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE ( 6 ).

4.  L-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni m’għandux, fl-identità, il-komunikazzjonijiet u l-użu tal-marka (branding) u l-lokazzjoni korporattiva tiegħu, joħloq konfużjoni fir-rigward tal-identità separata tal-impriża integrata vertikalment jew kwalunkwe parti tagħha.

5.  L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni m’għandux jikkondividi sistemi tal-IT jew tagħmir, bini u sistemi ta’ aċċess ta’ sigurtà ma’ kwalunkwe parti tal-impriża integrata vertikalment, u lanqas juża l-istess konsulenti jew kuntratturi esterni għal sistemi jew tagħmir tal-IT, u s-sistemi ta’ aċċess tas-sigurtà.

6.  Il-kontijiet tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jiġu vverifikati minn awditur li ma huwiex dak li jivverifika l-impriża integrata vertikalment jew xi parti minnha.

Artikolu 18

Indipendenza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-membri tal-Korp ta’ Sorveljanza taħt l-Artikolu 20, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkollu:

(a) drittijiet deċiżjonali reali, indipendenti mill-impriża integrata vertikalment, fejn għandhom x’jaqsmu l-assi meħtieġa biex jopera, iżomm jew jiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni; u

(b) is-setgħa li jsib fondi fis-suq kapitali b’mod partikolari billi jissellef u permezz ta’ żieda kapitali.

2.  L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu fi kwalunkwe ħin jaġixxi biex jiżgura li huwa jkollu r-riżorsi li jeħtieġ sabiex iwettaq korrettament u b’mod effiċjenti l-attività ta’ trasmissjoni u jiżviluppa u jżomm sistema ta’ trasmissjoni li tkun effiċjenti, sikura u ekonomika.

3.  Is-sussidjarji tal-impriża integrata vertikalment li twettaq funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista m’għandu jkollhom ebda sehem dirett jew indirett fl-ishma fl-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni m’għandu jkollu la sehem dirett u lanqas indirett fl-ishma ta’ xi sussidjarja tal-impriża integrata vertikalment li twettaq funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista, u lanqas jirċievi dividendi jew xi benefiċċju finanzjarju ieħor min dik is-sussidjarja.

4.  L-istruttura ġenerali tal-ġestjoni u l-istatuti korporattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jiżguraw l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni konformement ma’ dan il-Kapitolu. L-impriża integrata vertikalment m’għandhiex tiddetermina direttament jew indirettament l-imġiba kompetittiva tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-ġestjoni tan-network, jew fir-rigward tal-attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin żviluppat taħt l-Artikolu 22.

5.  Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-Direttiva, u konformement mal-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(1)(a), l-Artikolu 16(2), (3) u (5), l-Artikolu 18(6) u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni jew entitajiet differenti u m’għandhomx jirrestrinġu, joħolqu distorsjonijiet jew jipprevjenu l-kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-provvista.

6.  Kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, inkluż is-self mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni lill-impriża integrata vertikalment, għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet tas-suq. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jżomm rekords iddettaljati ta’ dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji u jagħmilhom disponibbli lill-awtorità regolatorja hekk kif issirlu t-talba.

7.  L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jippreżenta għall-apporvazzjoni mill-awtorità regolatorja kull ftehim kummerċjali u finanzjarju mal-impriża integrata vertikalment.

8.  L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jinforma lill-awtorità regolatorja bir-riżorsi finanzjarji, imsemmija fl-Artikolu 17(1)(d), disponibbli għal proġetti futuri ta’ investiment u/jew għas-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti.

9.  L-impriża integrata vertikalment għandha tastjeni minn kwalunkwe azzjoni li timpedixxi jew tippreġudika l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu f’dan il-Kapitolu u m’għandhiex tesiġi li l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jitlob il-permess mill-impriża integrata vertikalment biex jikkonforma ma’ dawn l-obbligi.

10.  Impriża li tkun ġiet ċertifikata mill-awtorità regolatorja bħala konformi mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu għandha tkun approvata u nnominata bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-Istat Membru konċernat. Għandha tapplika l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew dik fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 19

Indipendenza tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni

1.  Id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ħatriet u tiġdid, kondizzjonijiet ta’ xogħol inkluża r-remunerazzjoni u t-terminazzjoni tal-kariga tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jittieħdu mill-Korp ta’ Sorveljanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni maħtur taħt l-Artikolu 20.

2.  L-identità u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mandat, it-tul ta’ żmien u t-terminazzjoni tal-kariga tal-persuni nnominati mill-Korp ta’ Sorveljanza għall-ħatra jew tiġdid bħala persuni responsabbli mill-ġestjoni eżekuttiva u/jew bħala membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, u r-raġunijiet għal kull deċiżjoni proposta li tittermina tali kariga, għandhom jiġi nnotifikati lill-awtorità regolatorja. Dawn il-kondizzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jorbtu biss jekk, fi żmien tliet ġimgħat wara n-notifika, l-awtorità regolatorja ma tkunx oġġezzjonat għalihom.

L-awtorità regolatorja tista’ toġġezzjona għad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1:

(a) jekk iqumu dubji dwar l-indipendenza professjonali ta’ persuna nnominata responsabbli mill-ġestjoni u/jew membru tal-korpi amministrattivi; jew

(b) fil-każ ta’ terminazzjoni prematura ta’ kariga, jekk jeżistu dubji rigward il-ġustifikazzjoni ta’ tali terminazzjoni prematura.

3.  L-ebda pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew ta’ negozju, direttament jew indirettament, mal-impriża integrata vertikalment jew kwalunkwe parti jew l-azzjonisti li jikkontrollawha għajr l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, m’għandha tiġi eżerċitata għal perijodu ta’ tliet snin qabel il-ħatra tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew il-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li huma suġġetti għal dan il-paragrafu.

4.  Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jridx ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew negozju, direttament jew indirettament, ma’ xi parti oħra tal-impriża integrata vertikalment jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha.

5.  Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jridx ikollhom xi interess fi jew jirċievu xi benefiċċju finanzjarju, direttament jew indirettament, minn xi parti tal-impriża integrata vertikalment li mhuwiex l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni. Ir-remunerazzjoni tagħhom m’għandhiex tiddependi mill-attivitajiet jew mir-riżultati tal-impriża integrata vertikalment jekk mhux dawk tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

6.  Id-drittijiet effettivi għal appell lill-awtorità regolatorja għandhom ikunu ggarantiti għal kwalunkwe lment mill-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni kontra terminazzjonijiet prematuri tal-kariga tagħhom.

7.  Wara t-terminazzjoni tal-kariga fl-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tiegħu u/jew membri tal-korpi amministrattivi tiegħu ma jridx ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew negozju ma’ xi parti tal-impriża integrata vertikalment jew xi parti minnha jekk mhux l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għal perijodu ta’ mhux anqas minn erba’ snin.

8.  Il-paragrafu 3 għandu japplika għall-maġġoranza tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

Il-persuni responsabbli għall-ġestjoni u/jew il-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li mhumiex suġġetti għall-paragrafu 3, ma għandhomx ikunu eżerċitaw l-ebda attività ta’ ġestjoni jew attività relevanti oħra fl-impriża integrata vertikalment għal perjodu ta’ mill-anqas sitt xhur qabel il-ħatra tagħhom.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafi 4 sa 7 għandhom ikunu applikabbli għall-persuni kollha li jappartjenu għall-ġestjoni eżekuttiva u għal dawk kollha li jirrappurtaw għalihom direttament dwar materji relatati għall-operat, il-ġestjoni jew l-iżvilupp tan-network.

Artikolu 20

Korp ta’ Sorveljanza

1.  L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkollu Korp ta’ Sorveljanza li jkun inkarigat mit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikattiv fuq il-valur tal-assi tal-azzjonisti fl-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, partikolarment deċiżjonijiet rigward l-approvazzjoni tal-pjanijiet finanzjarju annwali u dawk fuq perijodu itwal, il-livell ta’ djun tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-ammont ta’ dividendi mqassma lill-azzjonisti. Id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Korp ta’ Sorveljanza għandhom jeskludu lil dawk li huma relatati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-ġestjoni tan-network, u fir-rigward tal-attivitajiet neċessarji għat-tħejjija tal-pjan ta’ ħidma ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network żviluppat taħt l-Artikolu 22.

2.  Il-Korp ta’ Sorveljanza għandu jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw l-impriża integrata vertikalment, membri li jirrappreżentaw l-azzjonisti li huma parti terza u, fejn il-leġislazzjoni relevanti ta’ Stat Membru tipprevedi hekk, membri li jirrappreżentaw partijiet oħra interessati bħal impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

3.  L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 19(3) sa (7) għandhom japplikaw għall-anqas għal nofs il-membri tal-Korp ta’ Sorveljanza barra wieħed.

Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) għandu japplika għall-membri kollha tal-Korp ta’ Sorveljanza.

Artikolu 21

Programm ta’ konformità u uffiċjal għall-konformità

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni jistabbilixxu programm ta’ konformità li jistabbilixxi l-miżuri meħudin biex jiġi żgurat li kull aġir diskriminatorju jiġi eskluż, u jaċċerta li l-konformità ma’ dan il-programm hija ssorveljata b’mod xieraq. Il-programm ta’ konformita’ għandu jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet speċifiċi tal-impjegati li jiksbu dawk l-għanijiet. Huwa għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-regolatur nazzjonali, il-konformità mal-programm għandha tiġi ssorveljata indipendentement minn uffiċjal għall-konformità.

2.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jinħatar mill-Korp ta’ Sorveljanza, suġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. L-awtorità regolatorja tista’ tirrifjuta l-approvazzjoni tal-uffiċjal għall-konformità biss għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ indipendenza jew ħila professjonali. L-uffiċjal għall-konformità jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika. L-Artikolu 19(2) sa (8) għandu japplika għall-uffiċjal għall-konformità.

3.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jkun inkarigat milli:

(a) jissorvelja l-implimentazzjoni tal-programm ta’ konformità;

(b) jelabora rapport annwali, li juri l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ konformità u jippreżentah lill-awtorità regolatorja;

(c) jirrapporta lill-Korp ta’ Sorveljanza u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-programm ta’ konformità u l-implimentazzjoni tiegħu;

(d) jinnotifika lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe ksur sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ konformità; u

(e) jirrapporta lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

4.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jippreżenta d-deċiżjonijiet proposti dwar il-pjan ta’ investiment jew dwar investimenti individwali fin-network lill-awtorità regolatorja. Dan għandu jseħħ l-aktar tard meta t-tmexxija u/jew il-korp amministrattivi kompetenti tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jippreżentahom lill-Korp ta’ Sorveljanza.

5.  Meta l-impriża integrata vertikalment, fl-assemblea ġenerali jew permezz tal-vot tal-membri tal-Korp ta’ Superviżjoni li hija tkun ħatret, tkun evitat l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bl-effett li ma jitħallewx isiru jew jiġu ttardjati investimenti fin-network, li skont il-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-networkkellu jitwettaq fit-tliet snin ta’ wara, l-uffiċjal għall-konformita għandu jirrapporta dan lill-awtorita regolatorja, li mbagħad għandha taġixxi b’konformità mal-Artikolu 22.

6.  Il-kondizzjonijiet li jiggvernaw il-mandat jew il-kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-uffiċjal għall-konformità, inkluż id-dewmien tal-mandat tiegħu, għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-uffiċjali għall-konformità, anke billi jingħata r-riżorsi kollha meħtieġa biex jaqdi dmirijietu. Matul il-mandat tiegħu, l-uffiċjal għall-konformità m’ għandu jkollu l-ebda pożizzjoni, responsabilità jew interess professjonali, b’mod dirett jew indirett, f’kumpanija integrata vertikalment jew f’xi parti minnha jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha.

7.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jirrapporta regolarment, bil-fomm jew bil-kitba, lill-awtorità regolatorja u għandu jkollu d-dritt li jirrapporta regolarment, bil-fomm jew bil-kitba, lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

8.  L-uffiċjal għall-konformità jista’ jattendi għal-laqgħat kollha tat-tmexxija jew tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, u dawk tal-Korp ta’ Sorveljanza u l-assemblea ġenerali. L-uffiċjal għall-konformità għandu jattendi l-laqgħat kollha li jindirizzaw il-materji li ġejjin:

(a) il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għan-network, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 715/2009, partikolarment fir-rigward tat-tariffi, is-servizzi ta’ aċċess għal partijiet terzi, l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, it-trasparenza, l-ibbilanċjar u s-swieq sekondarji;

(b) proġetti mibdija sabiex tiġi operata, tiġi mantenuta u żviluppata s-sistema ta’ trasmissjoni, inkluż investimenti f’konnessjonijiet ta’ trasport ġodda, fl-espansjoni tal-kapaċità u l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità eżistenti;

(c) xiri jew bejgħ tal-enerġija meħtieġa biex tiġi operata s-sistema ta’ trasmissjoni.

9.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jissorvelja l-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni mal-Artikolu 16.

10.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jkollu aċċess għad-data kollha relevanti u għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex jaqdi l-kompiti tiegħu.

11.  Wara l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità regolatorja, il-Korp ta’ Sorveljanza jista’ jneħħi mill-kariga lill-uffiċjal għall-konformità. Huwa għandu jneħħi lill-uffiċjali għall-konformità għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ indipendenza jew kapaċità professjonali fuq talba tal-awtorità regolatorja.

12.  L-uffiċjal għall-konformità għandu jkollu aċċess għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mingħajr avviż minn qabel.

Artikolu 22

Żvilupp fin-netwerk u setgħat sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment

1.  Kull sena, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jippreżentaw lill-awtorità regolatorja pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin ibbażat fuq il-provvista u d-domanda eżistenti u previsti wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha relevanti. Dak il-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għandu jkun fih miżuri effiċjenti sabiex jiggarantixxu l-adegwatezza tas-sistema u s-sigurtà tal-provvista.

2.  Il-pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin għandu, b’mod partikolari:

(a) jindika lill-parteċipanti fis-suq l-infrastruttura ewlenija ta’ trasmissjoni li jeħtieġ li tinbena jew tiġi mmodernizzata matul l-għaxar snin li ġejjin;

(b) ikun fih l-investimenti kollha diġà deċiżi u jidentifika investimenti ġodda li jridu jiġu eżegwiti fit-tliet snin li ġejjin; u

(c) jipprovdi skeda ta’ żmien għall-proġetti kollha ta’ investiment.

3.  Waqt l-elaborazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jagħmel suppożizzjonijiet raġjonevoli dwar l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, il-provvista, il-konsum u l-iskambji ma’ pajjiżi oħrajn, b’kont meħud tal-pjani ta’ investiment għan-networks reġjonali u fil-Komunità kollha, kif ukoll għall-pjani ta’ investiment għall-ħżin u l-faċilitajiet ta’ gassifikazzjoni mill-ġdid ta’ LNG.

4.  L-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta mal-utenti kollha effettivi u potenzjali tan-network dwar il-pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin b’mod miftuħ u trasparenti. Il-persuni jew impriżi li jiddikjaraw li huma utenti potenzjali tas-sistema jistgħu jintalbu jissostanzjaw tali pretensjonijiet. L-awtorità regolatorja għandha tippubblika r-riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni, partikolarment il-ħtiġijiet possibbli għal investimenti.

5.  L-awtorità regolatorja għandha teżamina jekk il-pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin ikoprix il-ħtiġijiet kollha tal-investimenti identifikati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, u jekk hux konformi mal-pjan mhux vinkolanti ta’ żvilupp tan-network (Pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunità kollha) fuq għaxar snin għall-Komunità kollha msemmi fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-koformità mal-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunità kollha, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta mal-Aġenzija. L-awtorità regolatorja tista’ titlob lill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni sabiex jemenda l-pjan ta’ għaxar snin ta’ żvilupp tan-network tiegħu.

6.  L-awtorità regolatorja għandha tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp tan- network fuq għaxar snin.

7.  F’ċirkostanzi fejn l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, jekk mhux għal raġunijiet imperattivi mhux fil-kontroll tiegħu, ma jeżegwixxix investiment, li, konformement mal-pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin, suppost kellu jiġi eżegwit fis-snin ta’ wara, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja għandha l-obbligu li tieħu għall-anqas waħda mill- miżuri li ġejjin biex tiżgura li l-investiment in kwistjoni jseħħ jekk tali investiment ikun għadu relevanti abbażi tal- pjan l-aktar reċenti ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin:

(a) tesiġi mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li jeżegwixxi l-investimenti in kwistjoni;

(b) torganizza proċedura għal sejħa ta’ offerti miftuħa għal kull investitur għall-investiment in kwistjoni; jew

(c) tobbliga lill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jaċċetta żieda fil-kapital biex jiffinanzja l-investimenti meħtieġa u jippermetti l-investituri indipendenti jipparteċipaw fil-kapital.

Fejn l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha taħt il-punt (b) tal-paragrafu 7, hija tista’ tobbliga lill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jaqbel ma’ element wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a) il-finanzjament minn xi parti terza;

(b) il-kostruzzjoni minn xi parti terza;

(c) il-bini minnu stess tal-assi koncernati, jew

(d) l-operazzjoni minnu istess tal-ass koncernat.

L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprovdi lill-investituri bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu l-investiment, għandu jikkollega l-assi l-ġodda man-network ta’ trasmissjoni u għandu jagħmel l-aħjar li jista’ biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment.

L-arranġamenti finanzjarji relevanti għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja.

8.  Fejn l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha taħt l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 7, ir-regolamenti tariffarji relevanti għandhom ikopru l-ispejjeż tal-investimenti in kwistjoni.

Artikolu 23

Setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-konnessjoni ta’ faċilitajiet ta’ ħżin, faċilitajiet ta’ gassifikazzjoni mill-ġdid ta’ LNG u kljienti industrijali mas-sistema ta’ trasmissjoni

1.  L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw proċeduri u tariffi trasparenti u effiċjenti għall-konnessjoni mhux diskriminatorja tal-faċilitajiet ta’ ħżin, tal-faċilitajiet għall-konverżjoni mill-ġdid f’gass tal-LNG, u tal-konsumaturi industrijali man-network ta’ trażmissjoni. Il-proċeduri għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja.

2.  L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni m’għandhomx ikunu intitolati li jirrifjutaw il-konnessjoni ta’ faċilità ġdida ta’ ħżin, faċilità ta’ gassifikazzjoni mill-ġdid ta’ LNG jew klijent industrijali għal raġunijiet ta’ limitazzjonijiet possibbli futuri fil-kapaċitajiet tan-network disponibbli jew spejjeż addizzjonali relatati maż-żieda neċessarja tal-kapaċità. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun obbligat jiżgura biżżejjed kapaċità ta’ dħul u ħruġ għall-konnessjoni l-ġdida.



KAPITOLU V

DISTRIBUZZJONI U FORNIMENT

Artikolu 24

Il-ħatra tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni

L-Istati Membri għandhom jinnominaw, jew jesiġ li l-impriżi li għandhom jew li huma responsabbli għal sistemi ta’ distribuzzjoni jinnominaw, għal perijodu li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri, wara li jkunu kkunsidraw kwistjonijiet ta’ effikaċja u bilanċ ekonomiku, operatur tas-sistemi ta’ trasmissjoni wieħed jew aktar, u għandhom jaċċertaw li dawk l-operaturi jaġixxu taħt l-Artikoli 25, 26 u 27.

Artikolu 25

Il-kompiti tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni

1.  Kull operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni għandu jkun responsabbli sabiex jara li s-sistema tibqa’ għal żmien twil kapaċi tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli tad-distribuzzjoni tal-gass, u biex jibqa’ jħaddem, imantni u jiżviluppa, taħt kundizzjonijiet ekonomiċi, sistema tad-distribuzzjoni sikura, dipendibbli u effiċjenti fiż-żona tiegħu filwaqt li jitqiesu l-ambjent u l-effiċjenza rigward l-enerġija.

2.  F’kull każ l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni m’għandux jiddiskrimina bejn utenti tas-sistema jew klassijiet ta’ utenti, b’mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu.

3.  Kull operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jipprovdi kull operatur ieħor tas-sistema tad-distribuzzjoni u/jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tal-LNG, u/jew operatur tas-sistema tal-ħżin b’informazzjoni biżżejjed biex jiġi aċċertat li t-trasport u l-ħażna tal-gass naturali jsiru b’mod kompatibbli mal-operazzjoni sikura u effiċjenti tas-sistema interkonnessa.

4.  Kull operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni għandu jipprovdi lill-utenti tas-sistema bl-informazzjoni li jeħtieġu għall-aċċess effiċjenti għas-sistema, anke għall-użu tagħha.

5.  Fejn l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni huma responsabbli għall-bilanċjar tas-sistema tad-distribuzzjoni, ir-regoli adottati minnhom għal dak l-iskop għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi regoli għat-tariffi imposti lill-utenti tas-sistema għall-iskwilibrju tal-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi r-regoli u t-tariffi, għall-proviżjoni ta’ tali servizzi minn operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont metodoloġija kompatibbli mal-Artikolu 41(6) b’mod mhux diskriminatorju u li jirrefletti l-ispejjeż u għandhom jiġu ppubblikati.

Artikolu 26

Is-separazzjoni tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni

1.  Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni mill-inqas f’termini tal-forma legali tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawk ir-regoli m’għandhomx jikkreaw obbligazzjoni li l-proprjetà tal-assi tas-sistema tad-distribuzzjoni tiġi sseparata mill-impriża integrata vertikalment.

2.  Minbarra r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

(a) dawk il-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni ma jistgħux jieħdu sehem fl-istrutturi tad-distribuzzjoni tal-impriża integrata tal-gass naturali responsabbli, direttament jew direttament, għall-operazzjoni ta’ kuljum tal-produzzjoni, trasmissjoni u fornitura tal-gass naturali;

(b) għandhom jittieħdu miżuri adegwati biex jiġi aċċertat illi l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jitqiesu b’mod li jaċċerta li huma kapaċi li jaġixxu b’mod indipendenti;

(c) l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi, indipendentement mill-impriża integrata tal-gass naturali, rigward l-assi meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni jew żviluppar tan-networks. Sabiex jitwettqu dawn il-kompiti, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa, inklużi r-riżorsi umani, tekniċi, finanzjarji u fiżiċi. Dan m’għandux jipprevjeni l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni adatti biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ superviżjoni ekonomiċi u amministrattiv tal-kumpanija ewlenija fir-rigward tal-qliegħ mill-assi, regolati indirettament taħt l-Artikolu 41(6), f’sussidjara jiġu protetti. B’mod partikolari, dan għandu jippermetti lill-kumpanija ewlenija tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta’ dejn tas-sussidjarja tagħha. Dan m’għandux jippermetti l-kumpanija ewlenija biex tagħti struzzjonijiet dwar il-ħidma ta’ kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali dwar il-bini jew l-immodernizzar tal-linji ta’ distribuzzjoni, li ma jkunux jaqbżu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti; u

(d) l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ konformità, li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li tkun eskluża mġiba diskriminatorja, u jiżgura li l-osservanza tiegħu tkun adegwatament sorveljata. Il-programm ta’ konformita’ għandu jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet speċifiċi tal-impjegati li jiksbu dak il-għan. Għandu jiġi ppreżentat rapport annwali, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda, mill-persuna jew l-entità responsabbli għas-sorveljanza tal-programm ta’ konformità, l-uffiċjal għall-konformità tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, lill-awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u għandu jiġi ppubblikat. L-uffiċjal għall-konformità tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkun kompletament indipendenti u għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u dwar kwalunkwe impriża affiljata sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu.

3.  Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jifforma parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jiġi sorveljat minn awtoritajiet regolatorji jew minn korpi kompetenti oħra sabiex ma jkunx jista’ japprofitta ruħu mill-integrazzjoni vertikali tiegħu biex ixekkel il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni li huma integrati vertikalment m’għandhomx, fil-komunikazzjoni u l-branding, joħolqu konfużjoni fir-rigward tal-identità separata tal-fergħa ta’ provvista tal-impriża integrata vertikalment.

4.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1, 2 u 3 lil impriżi integrati tal-gass naturali li jservu inqas minn 100 000 klijent imqabbad.

Artikolu 27

Obbligi ta’ kunfidenzjalità għall-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 jew kwalunkwe dmir legali biex l-informazzjoni tiġi żvelata, kull operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba fil-kors tat-twettiq tal-kummerċ tiegħu, u għandu jipprevjeni informazzjoni dwar l-attivitajiet proprji li tista’ tkun kummerċjalment vantaġġuża milli tiġi żvelata b’mod diskriminatorju.

2.  L-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni m’għandhomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri tal-gass naturali minn impriżi relatati, jabbużaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba minn terzi fil-kuntest tal-fornitura jew negozjar tal-aċċess għas-sistema.

Artikolu 28

Sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa

1.  L-Istati Membri jistgħu jieħdu dispożizzjonijiet sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra jikklassifikaw sistema li tiddistribwixxi l-gass fi ħdan sit geografikament magħluq industrijali, kummerċjali jew ta’ servizzi komuni u li, bla ħsara għall-paragrafu 4, ma tfornix lill-klijenti fid-djar, bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa jekk:

(a) għal raġunijiet speċifiċi tekniċi jew ta’ sikurezza, l-operat jew il-proċess tal-utenti ta’ dik is-sistema jkunu integrati; jew

(b) dik is-sistema tiddistribwixxi l-gass primarjament lis-sid jew lill-operatur tas-sistema jew lill-impriżi konnessi tagħhom.

2.  L-Istati Membri jistgħu jieħdu dispożizzjonijiet sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżentaw lill-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa mir-rekwiżiit fl-Artikolu 32(1) li t-tariffi, jew il-metodoloġiji li jsejsu l-kalkolu tagħhom, ikunu approvati qabel ma jidħlu fis-seħħ b’konformità mal-Artikolu 41.

3.  Meta tingħata eżenzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 it-tariffi applikabbli, jew il-metodoloġiji li jsejsu l-kalkolu tagħhom, għandhom ikunu riveduti u approvati b’konformità mal-Artikolu 41 fuq talba minn utent tas-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa.

4.  L-użu aċċidentali minn għadd żgħir ta’ djar b’impjieg jew konnessjonijiet simili mas-sid tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li jinsabu fl-inħawi fornuti minn sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa m’għandux jeskludi li jingħataw eżenzjonijiet taħt il-paragrafu 2.

Artikolu 29

Operatur kombinat

L-Artikolu 26(1) m’għandux jipprevjeni l-ħidma ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, LNG, ħżin u ta’ distribuzzjoni kombinati sakemm dan l-operatur jikkonforma mal-Artikoli 9(1) jew, 14 u15 jew mal-Kapitolu IV jew jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(6).



KAPITOLU VI

SEPARAZZJONI U TRASPARENZA TAL-KONTIJIET

Artikolu 30

Id-dritt ta’ aċċess għall-kontijiet

1.  L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li huma jaħtru, inklużi l-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 39(1) u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni ta’ disputi msemmija fl-Artikolu 34(3), għandhom, sa fejn meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, ikollhom dritt ta’ aċċess għall-kontijiet tal-impriżi tal-gass naturali kif stabbilit fl-Artikolu 31.

2.  L-Istati Membri u kwalunkwe awtorità kompetenti nominata, inklużi awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 39(1) u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni ta’ disputi, għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni fejn dan huwa meħtieġ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 31

Separazzjoni tal-kontijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jaċċertaw li l-kontijiet tal-impriżi tal-gass naturali jinżammu taħt il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu. Fejn l-impriżi tal-gass naturali jibbenifikaw minn deroga minn din id-dispożizzjoni abbażi tal-Artikolu 49(2) u (4), għandhom għall-inqas iżommu l-kontijiet interni tagħhom konformement ma’ dan l-Artikolu.

2.  L-impriżi tal-gass naturali, irrispettivament mis-sistema ta’ proprjetà jew forma legali tagħhom, għandhom ifasslu, jissottomettu għall-verifika u jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom konformement mar-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kontijiet annwali ta’ kumpaniji b’respondabbiltà limitata adottata konformement mar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 44(2)(g) ( *2 ) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji ( 7 ).

L-impriżi li mhumiex legalment obbligati li jippubblikaw il-kontijiet ta’ kull sena tagħhom għandhom iżommu kopja tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-uffiċċju ewlieni tagħhom.

3.  L-impriżi tal-gass naturali għandhom, fil-kontijiet interni tagħhom, iżommu kontijiet separati għal kull waħda mill-attivitajiet tagħhom tat-trasmissjoni, tad-distribuzzjoni, tal-LNG u tal-ħżin kif ikunu meħtieġa li jagħmlu kieku l-attivitajiet in kwistjoni kellhom jitwettqu minn impriżi separati, bl-iskop li jiġu evitati d-diskriminazzjoni, is-sussidji inkroċati u distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għandhom ukoll iżommu kontijiet, li jistgħu jkunu konsolidati, għal attivitajiet oħrajn tal-gass li ma jirrelatawx għat-trasmissjoni, distribuzzjoni, LNG u ħżin. Sal-1 ta’ Lulju 2007, għandhom iżommu kontijiet separati għall-attivitajiet tal-fornitura għall-klijenti eliġibbli u għall-attivitajiet tal-fornitura tal-klijenti mhux eliġibbli. L-introjtu minn proprjetà tan-network tat-trasmissjoni/tad-distribuzzjoni għandu jiġi speċifikat fil-kontijiet. Fejn xieraq, għandhom iżommu kontijiet konsolidati għal attivitajiet oħrajn mhux tal-gass. Il-kontijiet interni għandhom jinkludi balance sheet u kont ta’ qligħ u telf għal kull attività.

4.  Il-verifika, imsemmija fil-paragrafu 2, għandha, b’mod partikolari, tivverifika li l-obbligazzjoni li jiġu evitati d-diskriminazzjoni u s-sussidji inkroċati imsemmija fil-paragrafu 3, hija mħarsa.

5.  L-impriżi għandhom jispeċifikaw fil-kontijiet interni tagħhom ir-regoli għall-allokazzjoni ta’ assi u djun, spejjeż u introjtu kif ukoll għad-deprezzament, mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali applikabbli dwar il-kontijiet, li jsegwi fl-għamla tal-kontijiet separati msemmija fil-paragrafu 3. Dawn ir-regoli interni jistgħu jiġu emendati biss f’każijiet eċċezzjonali. Dawn l-emendi għandhom jissemmew u jiġu debitament sostanzjati.

6.  Il-kontijiet ta’ kull sena għandhom jindikaw fin-noti kwalunkwe transazzjoni ta’ ċertu daqs effettwata ma’ impriżi relatati.



KAPITOLU VII

ORGANIZZAZZJONI TA’ AĊĊESS GĦAS-SISTEMA

Artikolu 32

L-aċċess għal partijiet terzi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għal parti terza għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u faċilitajiet tal-LNG abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha, inklużi l-impriżi ta’ forniment u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.  L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikollhom aċċess għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom inkluż f’relazzjoni ma’ trasmissjoni transkonfinali.

3.  Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprevjenu l-konklużjoni ta’ appalti fit-tul sa fejn dawn iħarsu r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

Artikolu 33

L-aċċess għall-ħżin

1.  Għall-organizzazzjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin u linepack fejn teknikament u/jew ekonomikament meħtieġa għall-provvediemnt ta’ aċċess effiċjenti għas-sistema għall-fornitura tal-klijenti, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-aċċess għas-servizzi anċillari, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu waħda mill-proċeduri msemmija fil-paragrafi 3 u 4 jew it-tnejn li huma. Dawn il-proċeduri għandhom joperaw skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istat Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri, għandhom jiddefinixxu u jippubblikaw il-kriterji skont liema jista’ jiġi ddeterminat liema sistema ta’ aċċess għandha tapplika għall-faċilitajiet tal-ħżin u l-linepack. Għandhom joħorġu fil-pubbliku, jew inkella jobbligaw lill-operaturi tas-sistema ta’ ħżin u lill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni li jagħmlu pubbliku, liema faċilitajiet tal-ħżin u liema linepack huma offruti konformement mal-proċeduri differenti msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

Dawk l-obbligazzjonijiet għandhom ikunu bla ħsara għad-dritt tal-għażla mogħti lill-Istati Membri fl-ewwel subparagrafu.

2.  Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw għal servizzi anċillari u ħażna temporanja relatati ma’ faċilitajiet tal-LNG u huma meħtiepa għall-proċess tal-gassifikazzjoni mill-ġdid u konsenja sussegwenti għas-sistema tat-trasmissjoni.

3.  Fil-każ ta’ aċċess negozjat, l-Istati Membri, jew meta l-Istati Membri hekk ikunu stipulaw, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-impriżi tal-gass naturali u l-klijenti eliġibbli kollha kemm ġewwa jew barra mit-territorju kopert mis-sistema interkonnessa biex ikunu jistgħu jinnegozjaw aċċess għall-faċilitajiet ta’ ħażna u l-linepack, meta teknikament u/jew ekonomikament meħtieġa għall-provvediment ta’ aċċess effiċjenti għas-sistema, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-aċċess għal servizzi oħrajn anċillari. Il-partijiet għandhom jiġu obbligati li jinnegozjaw, bona fide, l-aċċess għall-ħażna, linepack u servizzi oħrajn anċillari.

Appalti għall-aċċess għall-ħażna, linepack u servizzi oħrajn anċillari għandhom jiġu negozjati mal-operatur relevanti tas-sistema tal-ħżin jew mal-impriża relevanti tal-gass naturali. L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri, għandhom jesiġu li l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin u l-impriżi tal-gass naturali jippubblikaw il-kondizzjonijiet kummerċjali ewlenin għall-użu tal-ħażna, linepack u servizzi oħrajn anċillari mill-1 ta' Jannar 2005 u fuq bażi annwali kull sena wara.

Meta jfasslu l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, l-operaturi tal-ħżin u l-impriżi tal-gass naturali għandhom jikkonsultaw lill-utenti tas-sistema.

4.  Fil-każ ta’ aċċess regolat, l-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istat Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jagħtu lill-impriżi tal-gass naturali u lill-klijenti eliġibbli kemm ġewwa kif ukoll barra mit-territorju kopert mis-sistema interkonnessa dritt għall-aċċess għall-ħażniet, linepack u servizzi oħrajn anċillari, a bażi ta’ tariffi u/jew termini u obbligazzjonijiet oħrajn pubblikati għall-użu ta’ dawk il-ħażniet u l-linepack, fejn teknikament u/jew ekonomikament meħtieġa biex jingħata aċċess effiċjenti għas-sistema, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-aċċess għal servizzi oħrajn anċillari. L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istat Membri hekk jistipulaw, jew l-Istati Membri, għandhom jikkonsultaw lill-utenti tas-sistema meta jfasslu dawn it-tariffi jew il-metodoloġiji għall-kalkolu ta’ dawn it-tariffi. Dan id-dritt ta’ aċċess għall-klijenti eliġibbli jista’ jingħata billi jiġu permessi li jdħlu fkuntratti ta forniment ma impriżi tal-gass naturali li huma kompetituri minbarra l-proprjetarju u/jew l-operatur tas-sistema u/jew impriża relatata.

Artikolu 34

Aċċess għall-upstream pipeline networks

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jaċċertaw illi l-impriżi tal-gass naturali u l-klijenti eliġibbli, kull fejn jinsabu, jistgħu jiksbu aċċess għall-upstream pipeline networks, li jinkludu faċilitajiet li jipprovdu servizzi tekniċi inċidentali għal tali aċċess, konformement ma’ dan l-Artikolu, ħlief għall-partijiet ta’ dawn in-networks u l-faċilitajiet li jintużaw għall-operazzjonijiet ta’ produzzjoni lokali fil-post ta’ kamp fejn il-gass jiġi prodott. Il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54.

2.  L-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata b’mod determinat mill-Istat Membru konformement mal-istrumenti legali relevanti. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-għanijiet ta’ aċċess imparzjali u miftuħ, il-kisba ta’ suq kompetittiv fil-gass naturali u l-evitar ta’ kwalunkwe abbuż minn pożizzjoni dominanti, filwaqt li jqisu is-sigurtà u r-regolarità tal-provvisti, il-kapaċità li raġonevolment tista’ tkun disponibbli u l-protezzjoni tal-ambjent. Dawn li ġejjin jistgħu jiġu meqjusa:

(a) il-ħtieġa li jiġi rrifjutat l-aċċess fejn hemm inkompatibilità ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li ma jistgħux jiġu megħluba b’mod raġonevoli;

(b) il-ħtieġa li jiġu evitati diffikultajiet li ma jistgħux jiġu megħluba b’mod raġonevoli u jistgħu jippreġudikaw il-produzzjoni effiċjenti, preżenti u ppjanata fil-futur tal-hydrocarbons, inklużi dawk minn oqsma ta’ vijabbiltà ekonomika marġinali;

(c) il-ħtieġa li tirrispetta l-ħtiġijiet raġjonevoli u debitament sostanzjati tal-proprjetarju jew operatur tan-network ta’ linji ta’ pajpijiet upstream għat-trasport u l-pproċessar ta’ gass u l-interessi tal-utenti l-oħra kollha tar-retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet upstream jew faċilitajiet relevanti ta’ proċessar jew maniġġjar li jistgħu jiġu effettwati; u

(d) il-ħtieġa li japplikaw il-liġijiet u l-proċeduri amministrattivi tagħhom, konformement mal-liġi Komunitarja, għall-għotja ta’ awtorizzazzjoni għall-produzzjoni jew għall-iżvilupp upstream.

3.  L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi għandhom arranġamenti għar-riżoluzzjoni ta’ disputi, li jinkludu awtorità indipendenti mill-partijiet li għandha aċċess għall-informazzjoni relevanti kollha, biex id-disputi rigward l-aċċess għall-upstream pipeline networks jistgħu jiġu riżolti malajr, filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji fil-paragrafu 2 u n-numru ta’ partijiet li jistgħu jkunu involuti fin-negozjar tal-aċċess għal dawn in-networks.

▼M2

4.  F'każ ta' disputi transkonfinali, għandhom jiġu applikati l-arranġamenti ta' riżoluzzjoni ta' disputi għall-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni fuq fuq in-netwerk ta' pipeline upstream li jirrifjuta l-aċċess. Fejn, f'disputi transkonfinali, aktar minn Stat Membru wieħed ikopri n-network konċernat, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jiġu applikati b'mod konsistenti Fejn in-netwerk ta' pipeline upstream joriġina minn pajjiż terz u jingħaqad ma' mill-anqas Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin, u l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta' dħul fin-netwerk tal-Istati Membri għandu jikkonsulta lill-pajjiż terz ikkonċernat fejn joriġina in-netwerk ta' pipeline upstream, bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tan-netwerk ikkonċernat, li din id-Direttiva tiġi applikata konsistentement fit-territorju tal-Istati Membri.

▼B

Artikolu 35

Rifjut tal-aċċess

1.  L-impriżi tal-gass naturali jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għas-sistema abbażi ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew fejn l-aċċess għas-sistema ma tħallihomx iwettqu l-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku msemmija fl-Artikolu 3(2) li ġew assenjati lilhom jew a bażi ta’ diffikultajiet gravi ekonomiċi u finanzjarji b’kuntratti “take-or-pay” wara li jkunu kkunsidraw il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 48 u l-alternattiva magħżula mill-Istat Membru taħt il-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu. Għandhom jingħataw raġunijiet debitament sostanzjati għal tali rifjut.

2.  L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriża tal-gass naturali li tiċħad l-aċċess għas-sistema fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni tagħmel it-titjib meħtieġ, sakemm dan ikun vijabbli ekonomikament, jew meta klijent potenzjali huwa lest li jħallas għalih. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jaċċertaw illi l-impriża tal-gass naturali li tirrifjuta l-aċċess għas-sistema abbażi ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni tagħmel it-titjib meħtieġ sa fejn huwa ekonomiku li tagħmel dan jew fejn klijent potenzjali huwa lest li jħallas għalihom. F’ċirkostanzi fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 4(4), l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri.

Artikolu 36

Infrastruttura ġdida

1.  Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 32, 33 u 34, u l-Artikoli 41(6), (8) u (10) taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura;

(b) il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax eżenzjoni;

(c) l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna naturali jew legali li hija separata għall-inqas f’termini tal-forma legali tagħha, mill-operatur tas-sistema li fis-sistemi tiegħu sejra tinbena dik l-infrastruttura;

(d) id-drittjiet jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura; u

▼M2

(e) l-eżenzjoni ma għandhiex tkun ta' ħsara għall-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, li aktarx jiġu affettwati mill-investiment, għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali, għall-funzjonament effiċjenti tas-sistemi regolati kkonċernati, jew għas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fl-Unjoni.

▼B

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika ukoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta’ infrastrutturi eżistenti u għal modifiki ta’ tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda tal-fornitura tal-gass.

▼M2

3.  L-awtorità regolatorja msemmija fil-Kapitolu VIII tista', skont il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali, jew, fejn xieraq, awtorità kompetenti oħra ta' dak l-Istat Membru, għandhom jikkonsultaw:

(a) lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri li s-swieq tagħhom x'aktarx jiġu affettwati mill-infrastruttura l-ġdida; u

(b) lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, fejn l-infrastruttura konċernata tkun magħquda man-netwerk tal-Unjoni taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, u toriġina minn jew tintemm f'pajjiż terz wieħed jew aktar.

Fejn l-awtoritajiet ta' pajjiż terz ikkonsultati ma jagħtux tweġiba għall-konsultazzjoni fi żmien raġonevoli jew fi żmien l-iskadenza stabbilita li ma taqbiżx tliet xhur, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tista' tadotta d-deċiżjoni meħtieġa.

▼B

4.  Fejn l-infrastruttura konċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Aġenzija tista’ tressaq opijoni konsultattiva quddiem l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati, li tista’ tintuża bħala sies għad-deċiżjoni tagħhom, fi żmien xahrejn mid-data li fiħa ġiet irċevuta t-talba għal eżenzjoni mill-aħħar minn fost dawk l-awtoritajiet regolatorji.

▼M2

Fejn l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha jkunu laħqu ftehim dwar it-talba għal eżenzjoni fi żmien sitt xhur mid-data li fiha hija ġiet riċevuta mill-aħħar fost l-awtoritajiet regolatorji, huma għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar id-deċiżjoni tagħhom. Fejn l-infrastruttura konċernata tkun linja ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn adatt, awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri, jistgħu jikkonsultaw lill-awtorità rilevanti ta' dak il-pajjiż terz bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tal-infrastruttura konċernata, li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti fit-territorju u, fejn applikabbli, fil-baħar territorjali ta' dak l-Istat Membru. Fejn l-awtorità kkonsultata tal-pajjiż terz ma tweġibx għall-konsultazzjoni fi żmien raġonevoli jew fi żmien l-iskadenza stabbilita li ma taqbiżx tliet xhur, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tista' tadotta d-deċiżjoni meħtieġa.

▼B

L-Aġenzija għandha teżerċita l-kompiti konferiti lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati minn dan l-Artikolu:

(a) meta l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha ma jkunx irnexxiehom jilħqu ftehim fi żmien perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiħa ġiet irċevuta t-talba għal eżenzjoni mill-aħħar minn fost dawk l-awtoritajiet regolatorji; jew

(b) fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji konċernati.

L-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha jistgħu jitolbu konġuntament li l-perijodu msemmi fit-tielet subparagrafu jkun estiż b’perijodu massimu ta’ tliet xhur.

5.  Qabel ma tieħu deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-applikanti.

6.  Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida, jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tittieħed deċiżjoni rigward dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità żejda li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-medda ta’ żmien prevista għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel tagħti eżenzjoni l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Ir-regoli għandhom jesiġu li l-utenti kollha potenzjali tal-infrastruttura jkunu mistidnin jindikaw l-interess tagħhom fil-kapaċità tal-kuntrattar qabel ma tiġi allokata l-kapaċità għall-infrastruttura l-ġdida, inkluż għall-użu proprju. L-awtorità regolatorja għandha tesiġi li r-regoli għall-ġestjoni tal-konġestjoni jinkludu l-obbligu li tinbiegħ kapaċità ġdida fis-suq, u għandha tesiġi li l-utenti tal-infrastruttura jkunu intitolati jikkummerċjalizzaw il-kapaċitjiet kuntrattati tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fl-analiżi tagħha tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (e) tal-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja għandha tqis ir-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta’ kapaċità.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kondizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

7.  Minkejja l-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jipprovedu li l-awtorità regolatorja jew l-Aġenzija, fejn ikun il-każ, għandha tissottometti, għal deċiżjoni formali, lill-korp relevanti fl-Istat Membru l-opinjoni tagħhom dwar it-talba għal eżenzjoni. Din l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

8.  L-awtorità regolatorja għandha tibgħat lill-Kummissjoni minnufih kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha:

(a) ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, taw jew irrifjutaw eżenzjoni flimkien ma’ referenza għall-paragrafu 1 inklużi l-punt jew punti relevanti ta’ dak il-paragrafu li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

(b) l-analiżi li tikun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-operat effettiv tas-suq intern tal-gass li jirriżultaw mill-għotja tal-eżenzjoni;

(c) ir-raġunijiet għall-perijodu ta’ żmien u s-sehem tal-kapaċità totali tal-infrastruttura tal-gass in kwistjoni li għaliha ngħatat l-eżenzjoni;

(d) f’każ li l-eżenzjoni tirrigwarda interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati; u

(e) il-kontribut tal-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-gass.

9.  Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada tar-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja.

Meta l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet provvduta fil-perijodu stipulat fit-talba, in-notifika għandha titqies li ġiet irtirata jekk, sakemm qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, dan ma jkunx ġie estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja, u sakemm l-awtorità regolatorja, fi stqarrija debitament raġunata, ma tkunx informat lill-Kummissjoni li tikkunsidra li n-notifika hija kompluta.

L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni fi żmien xahar, u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif ikun meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjalment.

L-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar eżenzjoni m’għandhiex tibqa’ fis-seħħ sentejn wara l-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, il-bini tal-infrastruttura ma jkunx għadu beda, u ħames snin wara l-adozzjoni tagħha jekk, l-infrastruttura ma tkunx saret operattiva sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix li xi dewmien ikun kawża ta’ ostakli kbar li ma jkunux fil-kontroll tal-persuna li tkun ingħatat l-eżenzjoni.

10.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida għall-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tistipula l-proċedura li għandha tkun segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 3, 6, 8 u 9 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

Artikolu 37

Ftuħ tas-suq u reċiproċità

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli huma:

(a) sal-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti eliġibbli kif speċifikat fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali ( 8 ). L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar kull sena il-kriterji għad-definizzjoni ta’ dawn il-klijenti eliġibbli;

(b) mill-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti mhux domestiċi kollha;

(c) mill-1 ta’ Lulju 2007, il-klijenti kollha.

2.  Biex jiġi evitat l-iskwilibrju fil-ftuħ tas-swieq tal-gass:

(a) appalti għall-fornitura ma’ klijent eliġibbli f’sistema ta’ Stat Membru ieħor m’għandhomx jiġu pprojbiti jekk il-klijent huwa eliġibbli fiż-żewġ sistemi involuti; u

(b) fejn it-transazzjonijiet kif deskritti fil-punt (a) jiġu rifjutati minħabba li l-klijent huwa eliġibbli biss f’waħda miż-żewġ sistemi, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni fis-suq u l-interess komuni, tobbliga lill-parti li qed jirrifujta li tesegwwixxi t-talba għall-fornitura, fuq it-talba ta’ wieħed mill-Istati Membri taż-żewġ sistemi.

Artikolu 38

Linji diretti

1.  l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu:

(a) lill-impriżi tal-gass naturali stabbiliti fit-territorji tagħhom li jipprovdu lill-klijenti eliġibbli permezz ta’ linja diretta; u

(b) kwalunkwe minn dawn il-klijenti eliġibbli fit-territorju tagħhom li jiġi pprovdut permezz ta’ linja diretta minn impriżi tal-gass naturali.

2.  F’ċirkostanzi fejn hija meħtieġa awtorizzazzjoni (eż. liċenzja, permess, konċessjoni, kunsens jew approvazzjoni) għall-kostruzzjoni jew l-operazzjoni ta’ linji diretti, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti li jinnominaw għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni jew l-operazzjoni ta’ tali linji fit-territorju tagħhom. Dawn il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

3.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni, għall-kostruzzjoni ta’ linja diretta, li tkun suġġetta għar-rifjut tal-aċċess għas-sistema abbażi tal-Artikolu 35 jew għall-ftuħ ta’ proċedura għar-riżoluzzjoni ta’ disputi taħt l-Artikolu 41.



KAPITOLU VIII

AWTORITAJIET REGOLATORJI NAZZJONALI

Artikolu 39

Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja nazzjonali waħda fil-livell nazzjonali.

2.  Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta’ awtoritajiet regolatorji oħrajn fil-livell reġjonali fl-Istati Membri, sakemm ikun hemm rappreżentant għall-finijiet ta’ rappreżentanza u kuntatt fil-livell Komunitarju fil-Bord tar-Regolaturi tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

3.  B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jaħtar awtoritajiet regolatorji għal sistemi żgħar fuq reġjun ġeografikament separat li fis-sena 2008 jkollu konsum ta’ anqas minn 3 % tal-konsum totali tal-Istat Membru li minnu jagħmel parti. Din id-deroga għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta’rappreżentant wieħed għall-finijiet ta’ rappreżentanza u kuntatt fil-livell Komunitarju fil-Bord tar-Regolaturi tal-Aġenzija konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

4.  L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji u jiżguraw li dawn jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-twettiq tal-kompiti regolatorji mogħtija lilha minn din id-Direttiva u mil-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

(a) tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

(b) tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

(i) jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

(ii) ma jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-koperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra relevanti jew għal linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 41.

5.  Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a) l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika, u jkollhom allokazzjonijiet annwali baġitarji separati, b’awtonomija fl-implimentazzjoni tal-baġit allokat, u riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom, u

(b) il-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-maniġers ewlenin tal-awtorità regolatorja, jinħatru għal perjodu fiss ta’ ħames sa seba’ snin, li jiġġedded darba.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw skema ta’ rotazzjoni xierqa għall-bord jew għall-maniġers ewlenin. Il-membri tal-bord jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-maniġers ewlenin jistgħu jitneħħew mill-inkarigu tagħhom matul il-mandat tagħhom biss jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jew jekk kienu ħatja ta’ kondotta ħażina taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 40

Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 41, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

(a) il-promozzjoni, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzij, l-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, ta’ suq intern tal-gass naturali li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fi ħdan il-Komunità, u ftuħ effettiv tas-suq għall-konsumaturi u l-fornituri kollha tal-Komunità, u li jiġu żgurati kundizzjonijiet xierqa biex in-netwerks tal-gass joperaw b’mod effettiv u ta’ min joqgħod fuqhom, filwaqt li jitqiesu l-objettivi għall-futur imbiegħed;

(b) l-iżvilupp ta’ swieq reġjonali kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb fil-Komunità sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fil-punt (a);

(c) l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-gass naturali bejn l-Istati Membri, inkluż l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet adatti ta’ trasmissjoni transkonfini biex tiġi sodisfatta d-domanda u tittejjeb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali li jistgħu jiffaċilitaw il-flussi tal-gass naturali fil-Komunità;

(d) li jgħinu biex jintlaħaq, bl-aktar mod effettiv fejn jidħlu spejjeż, l-iżvilupp ta’ sistemi mhux diskriminatorji li jkunu sikuri, affidabbli u effiċjenti li jkunu orjentati lejn il-konsumatur, r, u tippromwovi l-adegwatezza tas-sistema u, f’konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-integrazzjoni tal-produzzjoni fuq skala kbira u fuq skala żgħira ta’ gass minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u produzzjoni mqassma kemm fin-networks ta’ trasmissjoni u kif ukoll ta’ distribuzzjoni;

(e) il-faċilitazzjoni tal-aċċess għan-netwerk għall-kapaċità ta’ produzzjoni ġdida, b’mod partikolari t-tneħħija ta’ ostakoli li jistgħu jipprevjenu l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u tal-gass minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu;

(f) li jiġi żgurat li l-operaturi u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi adegwati, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tas-sistemau titrawwem l-integrazzjoni tas-suq;

(g) li jiżguraw li l-klijenti jibbenefikaw permezz tal-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, u li tiġi promossa kompetizzjoni effettiva kif ukoll li jgħinu biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;

(h) li jgħinu fil-kisba ta’ standards għoljin tas-servizz pubbliku għall-gass naturali, jagħtu kontribut favur il-protezzjoni ta’ klijenti vulnerabbli u jikkontribwixxu għall-kompatibilità tal-proċessi ta’ skambju ta’ data neċessarja għall-qlib tal-klijenti bejn il-fornituri.

Artikolu 41

Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja

1.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a) li jiffissaw jew japprovaw, b’konformità ma’ kriterji trasparenti, tariffi ta’ trasmissjoni regolata jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom;

(b) li jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, u, meta dan ikun relevanti, il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-gass naturali, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u taħt leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet transkonfinali;

▼M2

(c) li jikkooperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet transkonfinali mal-awtorità regolatorja jew mal-awtoritajiet tal-Istati Membri konċernati u mal-Aġenzija. Fir-rigward tal-infrastruttura lejn u minn pajjiż terz, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri tista' tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji ta' Stati Membri oħrajn konċernati, bil-għan, fir-rigward ta' din l-infrastruttura, tal-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fit-territorju tal-Istati Membri;

▼B

(d) jikkonformaw ma’, u jimplimentaw, kwalunkwe deċiżjoni legalment obbligatorja relevanti tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni;

(e) jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni dwar l-attività tagħhom u dwar il-qadi ta’ dmirijiethom. Dan ir-rapport għandu jkopri l-passi kollha li ttieħdu u r-riżultati li nkisbu fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kompiti elenkati f’dan l-Artikolu;

(f) jiżguraw li ma jkunx hemm sussidji inkroċati bejn it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin, l-LNG u l-attivitajiet tal-forniment;

(g) jissorveljaw il-pjanijiet ta’ investiment tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni, u jipprovdu fir-rapport annwali tagħhom valutazzjoni tal-pjan ta’ investiment tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mal-pjan għall-iżvilupp fil-Komunità kollha tan-network taħt l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009; evalwazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati dawn il-pjanijiet ta’ investiment;

(h) jissorveljaw il-konformità u jivverifikaw il-prestazzjoni tal-imgħoddi tar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network kif ukoll jistabbilixxu jew japprovaw l-istandards u r-rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz u tal-provvista u jagħtu kontribut għal dan flimkien ma’ awtoritajiet kompetenti oħra;

(i) jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inklużi l-prezzijiet bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-gass naturali;

(j) jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-gass naturali, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inklużi sistemi ta’ ħlas minn qabel, ir-rati għall-bdil, ir-rati ta’ skonnessjoni, il-ħlas u l-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u lmenti ta’ klijenti domestiċi, kif ukoll kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu kull informazzjoni relevanti, filwaqt li jgħaddu kwalunkwe każ relevanti lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kompetizzjoni;

(k) jimmonitorjaw l-okkorrenza tal-prattiki kontrattwali restrittivi, inklużi l-klawżoli ta’ esklussività li jistgħu jipprevjenu klijenti kbar mhux domestiċi milli jagħmlu kuntratt simultanju ma’ aktar minn fornitur wiehed jew jillimitaw l-għażla tagħhom biex jagħmlu dan, u, fejn xieraq għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar prattiki ta’ dan it-tip;

(l) jirrispettaw il-libertà kuntrattwali fir-rigward ta’ kuntratti ta’ provvista interrompibbli kif ukoll fir-rigward ta’ kuntratti fit-tul sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja u konformi mal-politika tal-Komunità;

(m) jissorveljaw iż-żmien li jittieħed mill-operaturi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex isiru konnessjonijiet u tiswijiet;

(n) tissorvelja u tirrevedi l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-ħżin, linepack u servizzi oħrajn anċillari kif previst fl-Artikolu 33. F’każ li r-reġim ta’ aċċess għall-ħażna jiġi definit taħt l-Artikolu 33(3), dan il-kompitu għandu jinkludi l-modifika tat-tariffi;

(o) jgħin biex jiġi żgurat, flimkien ma’ awtoritajiet rilevanti oħra, li l-miżuri tal-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi dawk stabbiliti fl-Anness I, huma effettivi u infurzati;

(p) jippubblikaw rakkomandazzjonijiet, għall-anqas kull sena, dwar il-konformità tal-prezzijiet tal-provvista mal-Artikolu 3, u jgħadduhom lill-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni, fejn xieraq;

(q) jiżguraw l-aċċess għad-data dwar il-konsum tal-klijent, il-forniment għal użu fakultattiv, ta’ format armonizzat li jiftiehem faċilment fil-livell nazzjonali għad-data dwar il-konsum u l-aċċess pront għall-klijenti kollha għad-data ta’ dan it-tip taħt il-punt (h) tal-Anness I;

(r) jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-regoli marbuta mar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni, tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, il-fornituri u l-klijenti u ta’ partijiet oħrajn fis-suq konformement mar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

(s) jissorveljaw l-applikazzjoni tajba tal-kriterji li jiddeterminaw jekk faċilità ta’ ħżin taqax taħt l-Artikolu 33(3) jew (4); u

(t) jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 46;

(u) jikkontribwixxu għall-kompatibilità tal-proċessi għall-iskambju ta’ data għall-aktar proċessi importanti tas-suq fuq livell reġjonali.

2.  Meta Stat Membru jagħmel provvediment għal dan, id-dmirijiet ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn awtoritajiet oħra diversi mill-awtorità regolatorja. F’tali każ, l-informazzjoni li tirriżulta minn din is-sorveljanza għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità regolatorja kemm jista’ jkun malajr.

Filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom stess u b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fejn ikun il-każ, jikkonsultaw mal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u, fejn ikun il-każ, jikkoperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

Kwalunkwe approvazzjoni mogħtija minn awtorità regolatorja jew mill-Aġenzija taħt din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe użu futur debitament ġustifikat tas-setgħat tagħhom mill-awtoritajiet regolatorji taħt dan l-Artikolu jew għal kwalunkwe penali imposta minn awtoritajiet relevanti oħra jew mill-Kummissjoni.

3.  Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija lilhom taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta operatur ta’ sistema indipendenti jkun ġie maħtur taħt l-Artikolu 14, l-awtoritajiet regolatorji għandhom:

(a) jissorveljaw il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tagħhom taħt dan l-Artikolu, u jimponu penali għan-nuqqas ta’ konformità taħt il-punt (d) tal-paragrafu 4;

(b) jissorveljaw ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tiegħu, u b’mod partikolari għandhom japprovaw kuntratti u jaġixxu bħala l-awtorità għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe wieħed minnhom taħt il-paragrafu 11;

(c) mingħajr preġudizzju għall-proċedura taħt l-Artikolu 14(2)(c), għall-ewwel pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, japprovaw l-ippjanar tal-investimenti u l-pjan pluriennali għall-iżvilupp tan-network preżentati fuq bażi annwali mill-operatur tas-sistema indipendenti;

(d) jiżguraw li t-tariffi tal-aċċess għan-network miġbura minn operaturi tas-sistema indipendenti jkunu jinkludu remunerazzjoni għall-proprjetarju jew proprjetarji tan-network li jipprevedu remunerazzjoni adegwata tal-użu tal-assi tan-network u ta’ kwalunkwe investiment ġdid fihom, sakemm ikunu magħmula ekonomikament u b’mod effiċjenti; u

(e) ikollhom s-setgħat li jwettqu ispezzjonijiet, inklużi uħud mhux imħabbra fil-bini tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

(a) li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-gass naturali;

(b) li jwettqu investigazzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq tal-gass, u li jiddeċiedu u jimponu kwalunkwe miżura neċessarja u proporzjonata għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq. Fejn ikun opportun, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jikkoperaw mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u r-regolaturi tas-suq finanzjarju jew mal-Kummissjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni;

(c) li jitolbu għal kwalunkwe informazzjoni mill-impriżi tal-gass naturali li tkun rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet tagħhom, inkluża l-ġustifikazzjoni għal kwalunkwe rifjut li jingħata aċċess għal partijiet terzi, u kwalunkwe informazzjoni dwar miżuri meħtieġa għat-tisħiħ tan-netwerk;

(d) li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-gass naturali li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe deċiżjoni relevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu lil qorti kompetenti li timponi dawn is-sanzjonijiet. Dan għandu jinkludi s-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta’ penali sa 10 % tal-fatturat annwali tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fuq l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sa 10 % tat-turnover annwali tal-impriża integrata vertikalment fuq l-impriża integrata vertikalment, fejn ikun il-każ, għal non-konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva; u

(e) drittijiet xierqa ta’ investigazzjonijiet u setgħat relevanti ta’ istruzzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim taħt il-paragrafi 11 u 12.

5.  Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija u s-setgħat konferiti lilhom taħt il-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, meta operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jkun inħatar taħt il-Kapitolu V, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jingħataw għall-anqas id-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a) li jimponu penali taħt il-punt (d) tal-paragrafu 4 għal kondotta diskriminatorja favur l-impriża integrata vertikalment;

(b) jissorveljaw il-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-impriża integrata vertikalment sabiex tkun żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mal-obbligi tiegħu;

(c) jaġixxu bħala awtoritajiet għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward ta’ kull ilment preżentat taħt il-paragrafu 11;

(d) jissorveljaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji inkluż is-self bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(e) japprovaw kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni bil-kondizzjoni li dawn jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tas-suq;

(f) jesiġu ġustifikazzjoni mill-impriża integrata vertikalment meta jiġu notifikati mill-uffiċjal għall-konformità taħt l-Artikolu 21(4). Din il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi partikolarment l-evidenza li ma seħħet ebda kondotta diskriminatorja għall-vantaġġ tal-impriża integrata vertikalment;

(g) iwettqu ispezzjonijiet, inklużi dawk mhux imħabbra, fuq il-post tal-impriża integrata vertikalment u tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni; u

(h) jassenjaw il-kompiti kollha jew dawk speċifiċi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni lil operatur tas-sistema indipendenti maħtur taħt l-Artikolu 14 f’każ ta’ ksur persistenti mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni tal-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva, partikolarment fil-każ ta’ kondotta diskriminatroja ripetuta għall-benefiċċju tal-impriża integrata vertikalment.

6.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jistipulaw jew japprovaw biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet għal:

(a) il-konnessjoni u l-aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi tariffi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni, u pattijiet, kondizzjonijiet u tariffi għall-aċċess għall-faċilitajiet LNG. Dawk it-tariffi, jew metodoloġiji għandhom jippermettu l-investimenti meħtieġa fin-networks u faċilitajiet LNG li jsiru b’mod li jippermetti lil dawn l-investimenti li jaċċertaw il-vijabbiltà tan-networks u tal-faċilitajiet LNG;

(b) il-forniment ta’ servizzi ta’ bilanċjar li għandhom jitwettqu bl-iktar mod ekonomiku possibbli u jipprovdi inċentivi xierqa għall-utenti tan-network biex jibbilanċjaw il-l-għoti u t-teħid tagħhom. Is-servizzi ta’ bbilanċjar għandhom ikunu pprovduti b’mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi; u

(c) l-aċċess għal infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità u tal-konġestjoni.

7.  Il-metodoloġiji jew it-pattijiet u l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragraafu 6 għandhom ikunu ppubblikati.

8.  Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi tal-ibbilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jingħataw inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati.

9.  L-awtoritajiet regolatorji għandjom jissorveljaw il-ġestjoni tal-konġestjoni tan-networks nazzjonali tat-trasmissjoni tal-gass inklużi l-interkonnetturi, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jew l-operaturi tas-suq għandhom iressqu r-regoli tagħhom dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni, inkluża l-allokazzjoni tal-kapaċità, quddiem l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jitolbu emendi għal dawn ir-regoli.

10.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom l-awtorità li jesiġu li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, tal-ħżin, tal-LNG, jekk hekk ikun meħtieġ, jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoloġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jiżguraw li jkunu proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. F’każ li r-reġim ta’ aċċess għall-ħażna jiġi definit taħt l-Artikolu 33(3), dan il-kompitu għandu jinkludi l-modifika tat-tariffi. Fil-każ ta’ dewmien fl-iffissar ta’ tariffi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jiffissaw jew japprovaw tariffi jew metodoloġiji proviżorji ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni u jiddeċiedu dwar il-miżuri ta’ kumpens xieraq jekk it-tariffi jew metodoloġiji finali jiddevjaw minn dawn it-tariffi jew metodoloġiji provviżorji.

11.  Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, ħżin, LNG jew distribuzzjoni fir-rigward tal-obbligi tal-operatur taħt din id-Direttiva imsemmija tista’ tirriferi l-ilment lill-awtoritajiet regolatorji li, waqt li jaġixxu bħala l-awtoritajiet għar-riżoluzzjoni tad-disputi, għandhom jagħtu deċiżjoni fi żmien xahrejn wara li jkunu rċevew l-ilment. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn fejn tintalab aktar informazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż bil-ftehim tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorita’ regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b’appell.

12.  Kwalunkwe parti li tintlaqat u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq metodoloġiji meħuda konformement ma’ dan l-Artikolu jew, fejn l-awtoritajiet regolatorji jkollhom l-obbligu li jikkonsultaw dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti, tista’, minn għall-anqas fi żmien xahrejn, jew f’perijodu iqsar kif deċiż mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew il-proposta għad-deċiżjoni, tressaq ilment għar-reviżjoni. Tali lment m’għandux ikollu effett sospensiv.

13.  L-Istati Membri għandhom joħolqu mekkaniżmi xieraq u effiċjenti għar-regolament, kontroll u trasparenza sabiex jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari bi żvantaġġ għall-konsumaturi, u kwalunkwe aġir predatorju. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikolu 82 tiegħu.

14.  L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li jittieħdu l-passi adegwati, inklużi azzjoni amministrativa jew proċeduri kriminali b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni naturali jew legali responsabbli fejn ir-regoli tal-kunfidenzjalità imposti minn din id-Direttiva ma jkunux ġew rispettati.

15.  L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 11 u 12 għandhom ikunu bla ħsara għall-eżerċitu tad-drittijiet tal-appell taħt il-liġi Komunitarja u/jew il-liġi nazzjonali.

16.  Id-Deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati b’mod sħiħ u ġustifikati sabiex jippermettu reviżjoni ġudizzjarja. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li jippreservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

17.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adegwati fuq livell nazzjonali li bihom parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt għall-appell lil entità indipendenti mill-partijiet involuti u ta’ kwalunkwe gvern.

Artikolu 42

Reġim regolatorju għal kwistjonijiet transkonfinali

1.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw mill-qrib u jikkonsultaw ma’ xulxin, u għandhom jipprovdu lil xulxin u lill-Aġenzija bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt id-Direttiva. Fir-rigward tal-informazzjoni skambjata, l-awtorità li tirċievi għandha tiżgura l-istess livell ta’ kunfidenzjalità bħal dak rikjest mill-awtorità li tibgħat l-informazzjoni.

2.  L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw mill-inqas fuq livell reġjonali biex:

(a) irawmu l-ħolqien ta’ arranġamenti operattivi sabiex tkun possibbli l-aħjar ġestjoni tan-netwerk, jiġu promossi skambji tal-gass konġunti u l-allokazzjoni ta’ kapaċità transkonfini, u sabiex ikun possibbli livell xieraq ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni, inkluż permezz ta’ interkonnessjonijiet ġodda, fir-reġjun u bejn ir-reġjuni sabiex jitħalla lok għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva u titjib tas-sigurtà tal-provvista bla ma ssir diskriminazzjoni bejn l-impriżi tal-forniment fl-Istati Membri differenti;

(b) jikkoordinaw l-iżvilupp tal-kodiċijiet kollha tan-netwerk għall-operaturi relevanti tas-sistema ta’ trażmissjoni u atturi oħra fis-suq; u

(c) jikkoordinaw l-iżvilupp tar-regoli li jirregolaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni;

3.  L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom id-dritt jidħlu f’arranġamenti koperattivi ma’ xulxin biex jippromwovu l-koperazzjoni regolatorja.

4.  L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu, fejn ikun il-każ, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom.

5.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar il-limitu tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji biex jikkoperaw flimkien u mal-Aġenzija. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

▼M2

6.  L-awtoritajiet regolatorji, jew fejn adatt awtoritajiet kompetenti oħra, jistgħu jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-operazzjoni tal-infrastruttura tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tal-infrastruttura konċernata, li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti fit-territorju u l-baħar territorjali ta' Stat Membru.

▼B

Artikolu 43

Konformità mal-Linji gwida

1.  Kwalunkwe awtorità regolatorja u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Aġenzija dwar il-konformità ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-Linji gwida msemmija f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (KE) Nru 715/2009.

2.  L-Aġenzija għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja li tkun talbitha jew lill-Kummissjoni, rispettivament, u lill-awtorità regolatorja li tkun ħadet id-deċiżjoni konċernata fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni tat-talba.

3.  Meta l-awtorità regolatorja li tkun ħadet deċiżjoni ma tikkonformax mal-opinjoni tal-Aġenzija fi żmien erba’ xhur mid-data tal-irċevuta ta’ dik l-opinjoni, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b’ dan.

4.  Kwalunkwe awtorità regolatorja tista’ tinforma lill-Kummissjoni fejn tqis li deċiżjoni relevanti għall-kummerċ transkonfini meħuda minn awtorità regolatorja ma tikkonformax mal-Linji gwida msemmija f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (KE) Nru 715/2009 fi żmien xahrejn mid-data ta’ dik id-deċiżjoni.

5.  Meta l-Kummissjoni, fi żmien xahrejn minn meta tkun ġiet infurmata mill-Aġenzija taħt il-paragrafu 3 jew minn awtorità regolatorja taħt il-paragrafu 4, u fuq l-inzjattiva tagħha stess fi żmien tliet xhur mid-data tad-deċiżjoni, issib li d-deċizjoni ta’ awtorità regolatorja tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-Linji gwida msemmija f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teżamina l-każ aktar. F’każ bħal dan, hija għandha tistieden lill- awtorità regolatorja u lill-partijiet għall-proċedimenti quddiem l-awtorità regolatorja biex jagħmlu osservazzjonijiet.

6.  Meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li teżamina l-każ aktar, hija għandha, fi żmien mhux aktar minn erba’ xhur mid-data ta’ tali deċiżjoni, tagħti deċiżjoni finali:

(a) li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja; jew

(b) li tesiġi li l-awtorità regolatorja konċernata tirtira d-deċiżjoni tagħha jekk tqis li ma kienx hemm konformità mal-Linji gwida.

7.  Meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni biex teżamina l-każ aktar jew deċiżjoni finali fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 rispettivament, għandu jitqies li ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

8.  L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tirtira d-deċiżjoni tagħha fi żmien perijodu ta’ xahrejn u għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan.

9.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida li jistipulaw id-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet regolatorji, l-Aġenzija u l-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità ta’ deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet regolatorji mal-Linji gwida msemmijin f’dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

Artikolu 44

Żamma ta’ rekords

1.  L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-impriżi tal-forniment iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, inkluża l-awtorità regolatorja, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, għal għall-anqas ħames snin, id-data relevanti relatata mat-transazzjonijiet kollha fil-forniment tal-gass u d-derivattivi tal-gass ma’ klijenti bl-ingrossa u operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni kif ukoll l-operaturi tal-ħżin u tal-LNG.

2.  Id-data għandha tinkludi d-dettalji dwar karatteristiċi tat-transazzjonijiet relevanti, bħad-dewmien, it-twassil u r-regoli ta ħlas, il-kwantità, id-dati u l-ħinijiet ta’ eżekuzzjoni u l-prezzijiet tat-transazzjoni, u l-mezzi għall-identifikazzjoni tal-klijent bl-ingrossa konċernat, kif ukoll dettalji speċifiċi dwar il-kuntratti kollha miftuħin fil-kuntratti tal-forniment tal-gass u tad-derivattivi tal-gass.

3.  L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli lill-parteċipanti fis-suq l-elementi ta’ din l-informazzjoni, sakemm ma tiġix rilaxxata xi informazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva dwar atturi individwali fis-suq jew dwar transazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu m’għandux japplika għal informazzjoni dwar strumenti finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2004/39/KE.

4.  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida li jiddefinixxu l-metodu u l-arranġamenti għaż-żamma tar-reġistri kif ukoll il-forma u l-kontenut tad-data li għandha tinżamm. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).

5.  Fir-rigward tat-transazzjonijiet fid-derivattivi tal-gass ta’ impriżi ta’ forniment ma’ klijenti bl-ingrossa u ma’ operaturi ta’ sistemi tat-trasmissjoni kif ukoll operaturi tal-ħżin u tal-LNG, dan l-Artikolu japplika biss biss ladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-Linji gwida msemmija fil-paragrafu 4.

6.  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx joħolqu obbligi addizzjonali lejn l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għall-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2004/39/KE.

7.  Fil-każ li l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jeħtieġu aċċess għad-data miżmuma mill-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2004/39/KE, l-awtoritajiet responsabbli taħt dik id-Direttiva għandhom jipprovdu dawk l-awtoritajiet bid-data meħtieġa.



KAPITOLU IX

SWIEQ TA’ BEJGĦ BL-IMNUT

Artikolu 45

Swieq ta’ bejgħ bl-imnut

Sabiex tiġi ffaċilitata l-emerġenza ta’ swieq ta’ bejgħ bl-imnut li jkunu trasparenti u li jaħdmu tajjeb fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-impriżi ta’ forniment u l-klijenti u jekk meħtieġ parteċipanti oħra tas-suq ikunu definiti fir-rigward ta’ arranġamenti kuntrattwali, impenji bejn il-konsumatur, skambju ta’ data u regoli ta’ riżoluzzjoni, pussess ta’ data u responsabbiltà għall-metraġġ.

Dawn ir-regoli għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, għandhom jitfasslu bl-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi u l-fornituri għan-networks u għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet nazzjonali relevanti oħrajn.



KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 46

Miżuri ta’ salvagwardja

1.  Fil-każ ta’ kriżi f’daqqa fis-suq tal-enerġija jew fejn is-sigurtà fiżika jew is-sigurtà tal-persuni, tal-apparat jew tal-istallazzjonijiet jew tal-integrità tas-sistema jiġu mhedda, l-Istat Membru jista’ temporanjament jieħu s-salvagwadji meħtieġa.

2.  Dawn il-miżuri għandhom jikkawżaw l-inqas disturb possibbli għall-funzjonament tas-suq intern u m’għandux ikollhom skop usa’ milli strettament meħtieġ biex id-diffikultajiet imprevisti li jkunu qamu jiġu rimedjati.

3.  L-Istat Membru in kwistjoni għandu mingħajr dewmien jinnotifika dawn il-miżuri lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, li tista’ tiddeċiedi li l-Istat Membru in kwistjoni għandu jemenda jew iħassar dawn il-miżuri, sa fejn għandhom effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw b’mod avvers il-Kummerċ f’tali mod li ma jaqbilx mal-interess komuni.

Artikolu 47

Kundizzjonijiet indaqs

1.  Il-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jieħdu taħt din id-Direttiva sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ugwali għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat KE, speċjalment mal-Artikolu 30 tiegħu, u mal-liġi Komunitarja.

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati, non-diskriminatorji u trasparenti. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss wara n-notifika u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha taġixxi fuq in-notifika msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahrejn mir-riċevuta ta’ din in-notifika. Dak il-perijodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta tal-informazzjoni sħiħa. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet f’dan il-perijodu ta’ żmien, il-Kummissjoni għandha titqies li mhijiex toġġezzjona għall-miżuri notifikati.

Artikolu 48

Derogi rigward rabtiet “take-or-pay”

1.  Jekk impriża tal-gass naturali tiltaqa’ ma’, jew tikkunsidra li ser tiltaqa’ ma’, diffikultajiet serji ekonomiċi u finanzjarji minħabba r-rabtiet “take-or-pay” aċċettata f’kuntratt tax-xiri tal-gass wieħed jew aktar, tista’ tintbagħat applikazzjoni għal deroga temporanja mill-Artikolu 32 lill-Istat Membru in kwistjoni jew lill-awtorità kompetenti nominata. L-applikazzjonijiet għandom, abbażi tal-għażla tal-Istati Membri, jiġu ppreżentati fuq każ individwali jew qabel jew wara ċ-ċaħda tal-aċċess għas-sistema. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lill-impriża tal-gass naturali l-għażla li tippreżenta applikazzjoni jew qabel jew wara ċ-ċaħda tal-aċċess għas-sistema. Fejn impriża tal-gass naturali tkun irrifjutat l-aċċess, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata mingħajr dewmien. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu akkumpanjati bl-informazzjoni kollha relevanti dwar in-natura u l-estent tal-probkema u dwar l-isforzi magħmula mill-impriża tal-gass naturali biex issolvi l-problemi.

Jekk mhumiex disponibbli soluzzjonijiet alternattivi, filwaqt li jiġu meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti nnominata jistgħu jiddeċiedu li jagħtu deroga.

2.  L-Istat Membru, jew l-awtorità kompetenti nominanta, għandhom javżaw lill-Kummisjoni mingħajr dewmien dwar id-deċiżjoni li jagħtu deroga, flimkien mal-informazzjoni kollha relevanti rigward id-deroga. Din l-inforazzjoni tista’ tingħata lill-Kummmissjoni fil-forma aggregata, li tippermetti lill-Kummissjoni li tilħaq deċiżjoni fuq bażi tajba. Fi żmien tmien ġimgħat minn meta tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti nnominata in kwistjoni temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tagħti deroga.

Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti nnominata in kwistjoni ma tikkonformax ma’ din it-talba fi żmien erba’ ġimgħat, għandha tittieħed deċiżjoni finali malajr konformement mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 51(2).

Il-Kummissjoni għandha tippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjalment.

3.  Meta tittieħed deċiżjoni fuq id-derogi msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti nominata in kwistjoni, u l-Kummissjoni għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

(a) l-għan li jinkiseb suq tal-gass kompetittiv;

(b) il-ħtieġa li jintlaħqu obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku u li tiġi aċċertata s-sigurtà tal-fornitura;

(c) il-pożizzjoni ta’ impriżi tal-gass naturali fis-suq tal-gass u l-istat attwali tal-kompetizzjoni f’dan is-suq;

(d) is-serjetà tad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li jiffaċċjaw l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi tat-trasmissjoni jew il-klijenti eliġibbli;

(e) id-dati tal-firma u t-termini tal-appalt jew appalti in kwistjoni, inkluż l-estent sa fejn jippermettu għal tibdil fis-suq;

(f) l-isforzi li saru biex tinsab soluzzjoni għall-problema;

(g) l-estent sa fejn, meta jiġu aċċettati r-rabtiet “take-or-pay” in kwistjoni, l-impriża setgħet raġonevolment ipprevediet, filwaqt li qieset id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li x’aktarx iqumu diffikultajiet serji;

(h) il-livell tal-konnessjoni tas-sistema ma’ sistemi oħrajn u l-grad ta’ interoperabilità ta’ dawn is-sistemi; u

(i) l-effetti li jkollha l-għotja ta’ deroga fuq l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva rigward il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-gass naturali.

Deċiżjoni fuq talba għal deroga li tirrigwarda kuntratti tat-tip ħu jew ħallas konklużi qabel l-4 ta' Awwissu 2003 m’għandhiex twassal għal sitwazzjoni li fiha huwa impossibbli li jinstabu sorsi alternattivi ekonomikament vijabbli. Diffikultajiet serji għandhom f’kull każ jitqiesu bħala li ma jeżistux meta l-bejgħ ta’ gass naturali ma jaqax taħt il-livell ta’ garanziji minimi kontenuti f’kuntratti ħu jew ħallas ta’ xiri ta’ gass jew sa fejn il-kuntratt ħu jew ħallas relevanti ta’ xiri ta’ gass jista’ jiġi adattat jew kemm l-impriża ta’ gass naturali għandha ħila li ssib sorsi alternattivi.

4.  L-impriżi tal-gass naturali li ma ngħatawx deroga msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx jirrifjutaw, jew għandhom jieqfu milli jirrifjutaw, aċċess għas-sistema minħabba rabtiet “take-or-pay” aċċettati f’appalti tax-xiri tal-gass. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 32 sa 44.

5.  Kwalunkwe deroga mogħtija taħt id-dispożizzjonijiet hawn fuq għandha tkun debitament sostanzjata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.  Il-Kummissjoni għandha, fi żmien l-4 ta' Awwissu 2008, jissottomettu rapport ta’ reviżjoni dwar l-esperjenza akkwistata mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jikkunsidraw il-ħtieġa li jaġġustawh maż-żmien.

▼M2

Artikolu 48a

Ftehimiet tekniċi rigward l-operazzjoni tal-linji ta' trasmissjoni

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew ta' operaturi ekonomiċi oħra biex iżommu fis-seħħ jew jikkonkludu ftehimiet tekniċi dwar kwistjonijiet rigward l-operazzjoni tal-linji ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, sa fejn dawk il-ftehimiet ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u deċiżjonijiet rilevanti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri konċernati. Għandha tingħata notifika dwar tali ftehimiet lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati.

▼B

Artikolu 49

Swieq emerġenti u iżolati

1.  L-Istati Membri mhux direttament imqabbda mas-sistema interkonnessa ta’ ebda Stat Membru ieħor u li għandhom biss provditur ewlieni barrani wieħed biss jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 4, 9, 37 u/jew 38 ta’ din id-Direttiva. Impriża tal-fornitura li għandha sehem tas-suq ta’ aktar minn 75 % għandha titqies li tkun provditur ewlieni. Kull deroga bħal din għandha tiskadi awtomatikament mill-mument meta għall-inqas wieħed mill-kondizzjonijiet msemmij ma tibqax tapplika. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

Ċipru jista’ jidderoga mill-Artikoli 4, 9, 37 u/jew 38. Din id-deroga għandha tiskadi mill-mument li Ċipru ma jikkwalifikax bħala suq iżolat.

L-Artikoli 4, 9, 37 u/jew 38 m’għandhomx japplikaw għall-Estonja, il-Latvja, u/jew il-Finlandja sakemm kwalunkwe wieħed minn dawn l-Istati Membri huwa konness direttament mas-sistema interkonnessa ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor minbarra l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Finlandja. Dan is-subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għal kull derogazzjoni taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.  Stat Membru li jikkwalifika bħala suq emerġenti, li minħabba l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jesperjenza problemi sostanzjali jista’ jidderoga mill-Artikoli 4 u 9, mill-Artikolu 13(1) u (3), mill-Artikoli 14 u 24, mill-Artikolu 25(5), mill-Artikoli 26, 31 u 32, mill-Artikolu 37(1) u/jew mill-Artikolu 38. Din id-deroga għandha tiskadi awtomatikament mill-mument meta l-Istat Membru ma jibqax jikkwalifika bħala suq emerġenti. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

Ċipru jista’ jidderoga mill-Artikoli 4 u 9, mill-Artikolu 13(1) u (3), mill-Artikoli 14 u 24, mill-Artikolu 25(5), mill-Artikoli 26, 31 u 32, mill-Artikolu 37(1) u/jew mill-Artikolu 38. Din id-deroga għandha tiskadi mill-mument li Ċipru ma jikkwalifikax bħala suq emerġenti.

3.  Fid-data meta tiskadi d-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, id-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli għandha tirriżulta fi ftuħ tas-suq ugwali għall-inqas għal 33 % tat-total tal-konsum tal-gass annwali fis-suq nazzjonali tal-gass. Sentejn wara dan, għandu japplika l-Artikolu 37(1)(b), u tliet snin wara, l-Artikolu 37(1)(c). Sa meta jsir applikabbli l-Artikolu 37(1)(b), l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 32 sa fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi anċillari u ħażna temporanja għall-proċess tal-gassifikazzjoni mill-ġdid u l-konsenja sussegwenti tiegħu lis-sistema tat-trasmissjoni.

4.  Fejn l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva x’aktarx tikkawża problemi sostanzjali f’żona ġeografika limitata ta’ Stat Membru, b’mod partikolari rigward l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni maġġuri, u bl-iskop tal-inkoraġġiment tal-investimenti, l-Istat Membru jista’ japplika lill-Kummissjoni għal deroga temporanja mill-Artikoli 4 u 9, mill-Artikolu 13(1) u (3), mill-Artikolu 14, mill-Artikolu 24, mill-Artikolu 25(5), mill-Artikoli 26, 31 u 32, mill-Artikolu 37(1) u/jew mill-Artikolu 38 għall-iżviluppi f’din iż-żona.

5.  Il-Kummissjoni tista’ tagħti d-deroga msemmija fil-paragrafu 4, filwaqt li tqis, b’mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

 il-bżonn għall-investimenti fl-infrastruttura, li ma jkunux ekonomiċi sabiex wieħed jaħdem f’ambjent ta’ suq kommpettiv,

 il-livell u l-prospetti ta’ ħlas lura meħtieġa ta’ investimenti,

 id-daqs u l-maturità tas-sistema ta’ gass fiz-zona konċernata,

 il-prospetti għas-suq tal-gass in kwistjoni,

 id-daqs ġeografiku u l-karatteristiċi taż-żona jew reġjun in kwistjoni, u l-fatturi soċjo-ekonomiċi u demografiċi.

Għall-infrastruttura tal-gass għajr infrastruttura tad-distribuzzjoni, tista’ tingħata deroga biss jekk ma tkun ġiet stabbilita ebda infrastruttura tal-gass f’din iż-żona, jew ilha stabbilita hemm għal inqas minn 10 snin. Id-deroga temporanja ma tistax teċċedi 10 snin miż-żmien meta l-gass l-ewwel ġie provdut f’dik iż-żona.

Għall-infrastruttura tad-distribuzzjoni tista’ tingħata deroga għal perijodu ta’ żmien li ma jistax jeċċedi 20 sena għall-infrastruttura tad-distribuzzjoni miż-żmien meta l-gass l-ewwel ġie provdut mill-imsemmijainfrastruttura fiż-żona.

6.  L-Artikolu 9 m’għandux japplika għal Ċipru, il-Lussemburgu u/jew Malta.

7.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar applikazzjonijiet li jkunu saru taħt il-paragrafu 4 qabel ma tieħu deċiżjoni taħt il-paragrafu 5, filwaqt li tqis ir-rispett għall-kunfidenzjalità. Din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deroga msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.  Il-Greċja tista’ tidderoga mill-Artikoli 4, 24, 25, 26, 32, 37 u/jew 38 ta’ din id-Direttiva għaż-żoni ġeografiċi u għaż-żmien imsemmi fil-liċenzji maħruġa minnha, qabel il-15 ta’ Marzu 2002 u taħt id-Direttiva 98/30/KE, għall-iżvilupp u l-esplojtazzjoni esklussiva ta’ networks tad-distribuzzjoni f’xi żoni ġeografiċi.

▼M2

Artikolu 49a

Derogi fir-rigward ta' linji ta' trasmissjoni lejn u minn pajjiżi terzi

1.  Fir-rigward ta' linji ta' trasmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it-23 ta' Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta' konnessjoni ta' tali linja ta' trasmissjoni man-netwerk ta' Stat Membru jista' jiddeċiedi li jidderoga mill-Artikoli 9, 10, 11 u 32 u l-Artikolu 41(6), (8) u (10) għat-taqsimiet ta' tali linja ta' trasmissjoni tal-gass li jinsabu fit-territorju u l-baħar territorjali tiegħu, għal raġunijiet oġġettivi, bħall-possibbiltà tal-irkupru tal-investiment imwettaq jew minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-provvista, dment li d-deroga ma tkunx ta' ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass naturali jew għall-funzjonament effettiv tiegħu, jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.

Id-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien sa 20 sena fuq il-bażi ta' ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista' tiġġedded jekk ikun hemm ġustifikazzjoni u tista' tkun soġġetta għal kondizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kondizzjonijiet ta' hawn fuq.

Tali derogi m'għandhomx japplikaw għal-linji ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz li jkollu l-obbligu li jittrasponi din id-Direttiva u li effettivament jimplimenta din id-Direttiva fis-sistema legali tiegħu taħt ftehim konkluż mal-Unjoni.

2.  Fejn il-linja ta' trasmissjoni konċernata tinsab fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun jinsab l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri għandu jiddeċiedi jekk jagħtix deroga għal dik il-linja ta' trasmissjoni wara li jikkonsulta mal-Istati Membri kollha konċernati.

Fuq talba mill-Istati Membri konċernati, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li taġixxi bħala osservatur fil-konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-ewwel punt ta' konnessjoni u l-pajjiż terz dwar l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fit-territorju u l-baħar territorjali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni inkluż l-għoti ta' derogi għal linji ta' trasmissjoni bħal dawn.

3.  Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adotttati sal-24 ta' Mejju 2020. L-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwar kwalunkwe tali deċiżjoni lill-Kummissjoni u għandhom jippubblikawha.

Artikolu 49b

Proċedura ta' awtorizzazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra skont il-liġi tal-Unjoni, u għall-allokazzjoni ta' kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, il-ftehimiet eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz dwar l-operazzjoni ta' linja ta' trasmissjoni jew netwerk ta' pipelines upstream jistgħu jinżammu fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ ta' ftehim sussegwenti bejn l-Unjoni u l-istess pajjiż terz jew sa meta tapplika il-proċedura taħt il-paragrafi 2 sa 15 ta' dan l-Artikolu.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fejn Stat Membru biħsiebu jidħol f'negozjati ma' pajjiż terz sabiex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim dwar l-operazzjoni ta' linja ta' trasmissjoni ma' pajjiż terz rigward kwistjonijiet li jaqgħu, totalment jew parzjalment, fl-ambitu ta' din id-Direttiva, huwa għandu jinnotifika bil-miktub lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu.

Tali notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti u indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fin-negozjati jew li għandhom jiġu nnegozjati mill-ġdid, l-objettivi tan-negozjati u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti u għandha tintbagħat lill-Kummissjoni tal-anqas ħames xhur qabel il-bidu intenzjonat tan-negozjati.

3.  B'segwitu għal kwalunkwe notifika skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru konċernat jidħol f'negozjati formali ma' pajjiż terz għall-parti li tista' taffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni dment li ma tikkunsidrax li l-ftuħ ta' tali negozjati:

(a) ikun f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni barra l-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

(b) ikun ta' ħsara għall-funzjonament tas-suq intern tal-gass naturali, għall-kompetizzjoni jew għas-sigurtà tal-provvista fi Stat Membru jew fl-Unjoni;

(c) jimmina l-objettivi tan-negozjati pendenti ta' ftehimiet intergovernattivi mill-Unjoni ma' pajjiż terz;

(d) ikun diskriminatorju.

4.  Meta twettaq il-valutazzjoni taħt il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis jekk il-ftehim maħsub jikkonċernax linja ta' trasmissjoni jew pipeline upstream li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-provvisti u l-fornituri tal-gass naturali permezz ta' sorsi ġodda tal-gass naturali.

5.  Fi żmien 90 jum mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jidħol f'negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tiġi adottata deċiżjoni, il-perijodu ta' 90 jum għandu jibda jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni ta' tali informazzjoni addizzjonali.

6.  Fil-każ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jidħol f'negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat kif xieraq u għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.

7.  Id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni lil Stat Membru jidħol f'negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz għandhom jiġu adottati, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 51(2).

8.  Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida u tista' titlob l-inklużjoni ta' klawsoli partikolari fil-ftehim previst sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ).

9.  Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata dwar il-progress u r-riżultati ta' tali negozjati biex jiġi emendat, estiż, adattat jew imġedded jew konkluż ftehim matul l-istadji differenti ta' tali negozjati u tista' titlob li tipparteċipa f'tali negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz f'konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/684.

10.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 5.

11.  Qabel ma jiffirma ftehim ma' pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test tal-ftehim negozjat lill-Kummissjoni.

12.  Man-notifika skont il-paragrafu 11, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ftehim innegozjat skont il-paragrafu 3. Fejn il-Kummissjoni ssib li n-negozjati rriżultaw fi ftehim li jikkonforma mal-paragrafu 3, hija għandha tawtorizza lill-Istat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim.

13.  Fi żmien 90 jum mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 11, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma' pajjiż terz. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tiġi adottata deċiżjoni, il-perijodu ta' 90 jum għandu jibda jibda jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni ta' tali informazzjoni addizzjonali.

14.  Fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 13, li tawtorizza lil Stat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma' pajjiż terz, l-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta' dak il-ftehim.

15.  Fil-każ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma' pajjiż terz skont il-paragrafu 13, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat kif xieraq u għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.

▼B

Artikolu 50

Proċedura ta’ Reviżjoni

Fil-każ li r-rapport imsemmi fl-Artikolu 52(6) jasal għall-konklużjoni fejn, minħabba l-mod effettiv li bih l-aċċess għan-network ikun sar fi Stat Membru — li jwassal għal aċċess kompletament effettiv, non-diskriminatorju u mingħajr xkiel għan-network, il-Kummissjoni tikkonkludi li ċerti obbligi imposti minn din id-Direttiva fuq l-impriżi (inklużi dawk rigward is-separazzjoni legali għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni) mhumiex proporzjonati mal-objettiv mixtieq, l-Istat Membru in kwistjoni jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għal eżenzjoni mill-ħtieġa in kwistjoni.

It-talba għandha tiġi nnotifikata, mingħajr dewmien, mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa biex jintwera li l-konklużjoni milħuqa fir-rapport dwar l-aċċess effettiv għan-networks milħuq ser jinżamm.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi notifika, il-Kummissjoni għandha tadotta opinjoni rigward it-talba mill-Istat Membru in kwistjoni, u fejn xieraq, tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw id-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi, fil-proposti biex tiġi emendata d-Direttiva, li l-Istat Membru in kwistjoni jiġi eżentat minn rekwiżiti speċifiċi, b’kondizzjoni li dak l-Istat Membru jimplimenta miżuri ugwalment effettivi kif xieraq.

Artikolu 51

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.  Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-diżpożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼M1

Artikolu 52

Rapportar

Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ u rieżami tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tibgħat rapport ġenerali ta' progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala anness tar-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

▼B

Artikolu 53

Tħassir

Id-Direttiva 2003/55/KE għandha titħassar mit-3 ta' Marzu 2011 mingħajr preġudizzju għall-obbliazzjonijiet tal-Istati Membri rigwrd it-termini perentorji għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Ir-riferenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiemu li qed isiru għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw konformement mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 54

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-3 ta' Marzu 2011. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwarhom.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta' Marzu 2011 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 11 li għandhom japplikaw mit-3 ta' Marzu 2013

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 55

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 56

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

MIŻURI DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

1.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod ( 11 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 12 ), il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

(a) għandhom dritt għal appalt mal-provditur tas-servizz tal-gass tagħhom li jispeċifika:

 l-identità u l-indirizz tal-provditur;

 is-servizzi provduti, il-livell tal-kwalità tas-servizzi offruti kif ukoll iż-żmien għall-ewwel konnessjoni;

 it-tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni offruti;

 il-mezzi kif tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-ħlasijiet għall-manutenzjoni applikabbli kollha;

 it-tul tal-kuntratt, il-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-tmiem tas-servizzi u tal-kuntratt, u jekk huwiex permess l-irtirar mill-kuntratt mingħajr ħlas;

 kwalunkwe kumpens u l-arranġamenti għar-rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizzi appaltati ma jintlaħqux, inklużi n-nuqqas ta’ eżattezza u d-dewmien fil-kontijiet;

 il-metodu biex jinbdew proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ disputi taħt il-punt (f); u

 tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumatur, anke dwar il-ġestjoni tal-ilmenti u l-informazzjoni kollha msemmija f’dan il-punt, ikkomunikati b’mod ċar permezz tal-kontijiet jew tas-siti elettroniċi tal-impriżi tal-gass naturali.

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. Meta xi kuntratti jkunu konklużi permezz ta’ intermedjarji, l-informazzjoni relatata mal-kwistjonijiet imsemmija f’ dan il-punt għandha wkoll tkun provduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt;

(b) jingħataw avviż adegwat dwar kwalunkwe intenzjoni li l-kondizzjonijiet kuntrattwali jiġu modifikati u jiġu informati dwar id-dritt tagħhom ta’ rtirar meta jingħata l-avviż. Il-provdituri tas-servizzi għandhom javżaw lis-sottoskritti tagħhom direttament dwar kwalunkwe żieda fil-piżijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perijodu wieħed fejn isir il-kont, wara li ż-żieda tkun daħlet fis-seħħ b’mod trasparenti u li jiftiehem. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijenti huma liberi li jirtiraw mill-kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet ġodda, notifikati lilhom mill-provditur tagħhom tas-servizzi tal-gass;

(c) jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli u dwar it-termini u l-kondizzjonijiet standard, fir-rigward tal-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-gass;

(d) jiġu offruti għażla wiesgħa ta’ metodi tal-ħlas, li ma tiddiskriminax b’mod mhux xieraq bejn il-klijenti. Is-sistemi ta’ ħlas minn qabel għandhom ikunu ġusti u jirriflettu kif xieraq il-konsum probabbli. Kwalunkwe differenza fit-termini u l-kondizzjonijiet għandha tirrefletti l-ispejjeż lill-provditur tas-sistemi differenti tal-ħlas. It-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għandhom ikunu ġusti u trasparenti. Għandhom jingħataw f’lingwaġġ ċara u li tinftiehem u m’għandhomx jinkludu ostakoli mhux kuntrattwali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-klijenti, pereżempju dokumentazzjoni kuntrattwali eċċessiva. Il-klijenti għandhom jiġu mħarsa kontra l-metodi tal-bejgħ mhux imparzjali u qarriqin;

(e) m’għandhomx iħallsu talli jibdlu l-fornitur;

(f) jibbenefikaw minn proċeduri trasparenti, sempliċi u effettivi biex jiġu ttrattati l-ilmenti tagħhom. B’mod partikolari, il-konsumaturi kollha għandu jkollhom id-dritt għal livell għoli ta’ servizz u ta’ ġestjoni tal-ilmenti mill-fornitur tas-servizz tal-gass tagħhom. Dawn il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti għandhom jippermettu li kwalunkwe disputa tiġi solvuta b’mod ġust u minnufih, kemm jista’ jkun fi żmien tliet xhur, bi provvediment, fejn ikun meħtieġ, għal sistema ta’ rifużjoni u/jew kumpens. Għandhom ikunu konformi, kull fejn possibbli, mal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra-ġudizzjarja ta’ disputi konsumeristiċi ( 13 );

(g) imqabbda mas-sistema tal-gass jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu forniti, taħt il-liġi nazzjonali li tapplika, bil-gass naturali ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet raġonevoli;

(h) ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data dwar il-konsum tagħhom, u għandhom ikunu jistgħu, bi ftehim espliċitu u mingħajr ħlas, jagħtu lil kwalunkwe impriża ta’ provvista reġistrata aċċess għad-data tagħha dwar il-kejl. Il-parti responsabbli għall-ġestjoni tad-data għandu jkollha l-obbligu li tgħaddi din id-data lill-impriża. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu format għad-data kif ukoll proċedura għall-fornituri u għall-konsumaturi biex ikollhom aċċess għad-data. L-ebda spiża addizzjonali ma tista’ tiġi imposta fuq il-konsumatur għal dan is-servizz;

(i) għandhom ikunu infurmati tajjeb dwar l-konsum u l-ispejjeż attwali tal-gass ta’ spiss biżżejjed biex ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tal-gass tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tingħata bl-użu ta’ qafas ta’ żmien suffiċjenti, b’ kont meħud tal-kapaċità tat-tagħmir tal-metraġġ tal-klijent. Għandu jittieħed debitament kont tal-effiċjenza ta’ tali miżuri fir-rigward tal-ispiża tagħhom. L-ebda spiża addizzjonali ma tista’ tiġi imposta fuq il-konsumatur għal dan is-servizz;

(j) jirċievu kont tal-għeluq aħħari wara kull bidla tal-fornitur tal-gass naturali mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li tkun saret il-bidla tal-fornitur.

2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti li għandhom jgħinu l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-suq tal-provvista tal-gass. L-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ metraġġ tista’ tkun suġġetta għal evalwazzjoni ekonomika tal-ispejjeż u l-benefiċċji kollha fuq żmien twil għas-suq u għall-konsumatur individwali jew liema forma ta’ metraġġ intelliġenti hija raġonevoli ekonomikament u effettiva meta mqabbla mal-infiq u liema perjodu ta’ żmien ikun fattibbli għad-distribuzzjoni tagħhom.

Evalwazzjoni ta’ dan it-tip għandha sseħħ sat-3 ta' settembru 2012.

Skont din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri jew kull awtorità kompetenti li jaħtru, għandhom iħejju kalendarju għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti.

L-Istati Membri jew kull awtorità kompetenti li jaħtru, għandhom jiżguraw l-interoperabilità ta’ dawk is-sistemi ta’ metraġġ li għandhom jiġu implimentati fit-territorji tagħhom u għandhom iqisu kif xieraq l-użu tal-istandards xierqa u l-aħjar prattikia kif ukoll l-importanza tal-iżvilupp tas-suq intern tal-gass naturali.




ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI



Id-Direttiva 2003/55/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 7

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 7

Artikolu 12

Artikolu 8

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 10

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 11

Artikolu 24

Artikolu 12

Artikolu 25

Artikolu 13

Artikolu 26

Artikolu 14

Artikolu 27

Artikolu 15

Artikolu 29

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 17

Artikolu 31

Artikolu 18

Artikolu 32

Artikolu 19

Artikolu 33

Artikolu 20

Artikolu 34

Artikolu 21

Artikolu 35

Artikolu 22

Artikolu 36

Artikolu 23

Artikolu 37

Artikolu 24

Artikolu 38

Artikolu 25(1) (l-ewwel sentenza u t-tieni sentenza)

Artikolu 39

Artikolu 40

Artikolu 25 (il-bqija)

Artikolu 41

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 44

Artikolu 45

Artikolu 26

Artikolu 46

Artikolu 47

Artikolu 27

Artikolu 48

Artikolu 28

Artikolu 49

Artikolu 29

Artikolu 50

Artikolu 30

Artikolu 51

Artikolu 31

Artikolu 52

Artikolu 32

Artikolu 53

Artikolu 33

Artikolu 54

Artikolu 34

Artikolu 55

Artikolu 35

Artikolu 56

Anness A

Anness I



( *1 ) It-titolu tad-Direttiva 83/349/KEE ġie aġġustat biex jittieħed kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunita’ Ewropea taħt l-Artikolu 12 tat-Trattat ta’ Amsterdam; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikolu 54(3)(g).

( 1 ) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

( 2 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

( 3 ) ĠU L 127, 29.4.2004, p. 92.

( 4 ) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

( 5 ) Ara paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 6 ) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinament ta’ salvagwardji li, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri mingħand kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li dawn is-salvagwardji jsiru ekwivalenti mal-Komunità kollha (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8).

( *2 ) It-Titolu tad-Direttiva 78/660/KEE ġie aġġustat biex jikkunsidra n-numerazzjoni mill-ġdid tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 12 tat-Trattat ta’ Amsterdam; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikolu 54(3).

( 7 ) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

( 8 ) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 1.

( 9 ) Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE (ĠU L 99, 12.4.2017, p. 1).

( 10 ) Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

( 11 ) ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

( 12 ) ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

( 13 ) ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.