2008R1165 — MT — 10.01.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 1165/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Novembru 2008

li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 321, 1.12.2008, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 1350/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2013

  L 351

1

21.12.2013




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 1165/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Novembru 2008

li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 1 ),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/23/KEE ta' l-1 ta Ġunju 1993 dwar stħarriġ ta' statistika li trid tkun imwettqa dwar il-produzzjoni tal-majjal ( 2 ), id-Direttiva tal-Kunsill 93/24/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar stħarriġ ta' statistika li għandhom isiru fuq il-produzzjoni ta' annimali bovini ( 3 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/25/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar stħarriġ ta' statistika li għandhom isiru fuq merħliet ta' nagħaġ u mogħoż ( 4 ), ġew emendati diversi drabi. Billi issa huma meħtieġa aktar emendi u simplifikazzjonijiet, dawn l-atti għandhom, għall-finijiet ta' ċarezza, jiġu sostitwiti, b'att wieħed.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-politika agrikola komuni tiġi amministrata sew, partikolarment fejn huma kkonċernati s-swieq taċ-ċanga, tal-vitella, tal-laħam tal-majjal, tal-laħam tan-nagħaġ, tal-laħam tal-mogħoż u tal-laħam tat-tjur, il-Kummissjoni teħtieġ data regolari dwar ix-xejriet fil-bhejjem u fil-produzzjoni tal-laħam.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88 tad-29 ta' Frar 1988 dwar l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ Komunitarju dwar l-istruttura ta' l-impriżi agrikoli ( 5 ) jipprevedi programm ta' stħarriġ tal-Komunità biex jiġu prodotti statistiċi dwar l-istruttura ta' l-impriżi agrikoli sa l-2007.

(4)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) ( 6 ), l-istatistika kollha mill-Istati Membri mibgħuta lill-Kummissjoni li hija mqassma skond l-unitajiet territorjali għandha tuża l-klassifikazzjoni NUTS. Konsegwentement, biex tiġi stabbilita statistika reġjonali komparabbli, l-unitajiet territorjali għandhom jiġu definiti skond il-klassifikazzjoni NUTS.

(5)

Biex jiġi limitat il-piż fuq l-Istati Membri, il-ħtiġiet tad-data reġjonali m'għandhomx jeċċedu l-ħtiġiet stabbiliti bil-leġislazzjoni preċedenti (dment li sadanittant ikunu dehru livelli reġjonali ġodda) u d-data reġjonali għandha tkun fakultattiva meta n-numri tal-bhejjem reġjonali jkunu taħt ċerti limiti.

(6)

Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u din tista' tintlaħaq partikolarment bl-assistenza tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika Agrikola stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 72/279/KEE ( 7 ).

(7)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-reġim applikabbli skond id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE, dan ir-Regolament għandu jippermetti l-għoti ta' deroga għal perijodu sa sena u fil-każ tan-nagħaġ u tal-mogħoż, sa sentejn, li għandu jingħata lill-Istati Membri fejn l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sistemi statistiċi nazzjonali tagħhom tkun teħtieġ adattamenti maġġuri u jkun hemm il-possibbiltà li tikkawżaproblemi prattiċi sinifikanti.

(8)

Il-miżuri għall-produzzjoni ta' l-istatistika previsti f'dan ir-Regolament huma meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajiet tal-Komunità. Billi l-objettiv ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika Komunitarja dwar il-bhejjem u l-laħam fl-Istati Membri, ma jistax jinkiseb suffiċjentament mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(9)

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar statistika Komunitarja ( 8 ) li jipprevedi qafas ta' referenza għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-ġbir ta' l-istatistika jikkonforma mal-prinċipju ta' imparzjalità, jiġifieri b'mod partikolari oġġettività u indipendenza xjentifika, kif ukoll trasparenza, affidabilita’, rilevanza, kost-effettività u konfidenzjalità ta' l-statistika.

(10)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni ( 9 ).

(11)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda l-Annessi I, II, IV u V. Billi tali miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju skond l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(12)

Id-Direttivi 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE għandhom għalhekk jiġu mħassra.

(13)

Il-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola ġie kkonsultat.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta' l-istatistika tal-Komunità dwar il-bhejjem u l-produzzjoni ta' laħam, b'mod partikolari

(a) Statistika dwar annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż;

(b) Statistika dwar il-qtil ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ, mogħoż u tjur; u

(ċ) Tbassir ta' produzzjoni taċ-ċanga, tal-vitella, tal-laħam tal-majjal„ tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “Impriża agrikola” tfisser impriża agrikola kif definita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1166/2008 ta’... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar stħarriġ dwar strutturi tal-impriżi agrikoli u stħarriġ dwar metodi ta' produzzjoni agrikola ( 10 );

2. “Stħarriġ fuq kampjun” tfisser stħarriġ fuq kampjun kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1166/2008;

3. It-terminu “annimal bovin” ifisser annimali domestiċi ta' l-ispeċi Bos TaurusBubalus bubalis, inklużi ibridi bħall-Beefalo;

4. It-terminu “majjal” ifisser annimali domestiċi ta' l-ispeċi Sus scrofa domestica;

5. It-terminu “nagħġa” jfisser annimali domestiċi ta' l-ispeċi Ovis aries;

6. It-terminu “mogħża” jfisser annimali domestiċi tas-subspeċi Capra aegagrus hircus;

7. It-terminu “tjur” ifisser għasafar domestiċi ta' l-ispeċi Gallus gallus (tiġieġ), Meleagris spp. (dundjani), Anas spp. u Cairina moschata (papri) u Anser anser dom. (wiżż). Għasafar domestiċi ta' l-ispeċi Coturnix spp. (summien), Phasianus spp. (faġani), Numida meleagris dom. (fargħun), Columbinae spp. (ħamiem), u Struthio camelus (nagħam) huma inklużi. Madankollu jeskludi għasafar imrobbijin ikkonfinati għal skopijiet ta' kaċċa u mhux għall-produzzjoni tal-laħam;

8. It-terminu “biċċerija” jfisser stabbiliment reġistrat u approvat uffiċjalment użat għall-qtil u t-tlestija ta' l-annimali li l-laħam tagħhom huwa intenzjonat għall-konsum mill-bniedem.

Definizzjonijiet oħrajn għall-għan tar-Regolament preżenti huma mniżżlin fl-Anness I.



TAQSIMA I

STATISTIKA DWAR IL-BHEJJEM

Artikolu 3

Kopertura

1.  Kull Stat Membru għandu jipproduċi statistika dwar in-numru ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż miżmumin fl-impriżi agrikoli fit-territorju tiegħu.

2.  L-Istati Membri li jwettqu stħarriġ fuq kampjun għandhom ikopru biżżejjed impriżi agrikoli biex jagħmlu tajjeb għal mill-inqas 95 % tal-popolazzjoni kollha, kif stabbilit mill-aħħar stħarriġ dwar l-istruttura ta' l-impriżi agrikoli.

Artikolu 4

Frekwenza u perijodu ta' referenza

1.  L-istatistika dwar il-bhejjem bovini għandha ssir darbtejn fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f'Mejju/Ġunju u jum stabbilit f'Novembru/Diċembru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom tal-bovini hija inqas minn 1 500 000 ras jistgħu jipproduċu din l-istatistika darba fis-sena biss, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/Diċembru.

2.  L-istatistika dwar il-majjali għandha ssir darbtejn fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f' Mejju/Ġunju u jum stabbilit f'Novembru/Diċembru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-majjali tagħhom hija anqas minn 3 000 000 ras jistgħu jipproduċu din l-istatistika darba fis-sena biss, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/Diċembru.

3.  L-istatistika dwar in-nagħaġ għandha ssir darba fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/f'Diċembru, minn dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom ta' nagħaġ hija ta' 500 000 ras jew aktar.

4.  L-istatistika dwar il-mogħoż għandha ssir darba fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/Diċembru, minn dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni ta' mogħoż hija ta' 500 000 ras jew aktar.

Artikolu 5

Kategoriji

L-istatistika dwar il-bhejjem għandha tiġi prodotta għall-kategoriji mniżżlin fl-Anness II.

Artikolu 6

Preċiżjoni

1.  L-Istati Membri li jwettqu l-istħarriġ għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex ir-riżultati ta' l-istħarriġ nazzjonali li jiġu estrapolati jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ta' preċiżjoni stipolati fl-Anness III.

2.  Stat Membru li jiddeċiedi li juża sors amministrattiv, għandu jinforma lill-Kummissjoni minn qabel u għandu jipprovdi d-dettalji dwar il-metodu li ser jintuża u l-kwalità tad-data minn dak is-sors amministrattiv.

3.  Stat Membru li jiddeċiedi li juża sorsi li mhumiex stħarriġ, għandu jiżgura li l-informazzjoni miksuba minn tali sorsi hi ta' l-anqas ta' l-istess kwalità bħall-informazzjoni miksuba mill-istħarriġ ta' l-istatisitika.

Artikolu 7

Skadenzi għat-trasmissjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-istatistika proviżorja dwar il-bhejjem qabel:

(a) il-15 ta' Settembru ta' l-istess sena għall-istatistika ta' Mejju/Ġunju;

(b) il-15 ta' Frar tas-sena ta' wara għall-istatistika ta' Novembru/Diċembru.

2.  L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-istatistika definittiva dwar il-bhejjem qabel:

(a) il-15 ta' Ottubru ta' l-istess sena għall-istatistika ta' Mejju/Ġunju;

(b) il-15 ta' Mejju tas-sena ta' wara għall-istatistika ta' Novembru/Diċembru.

Artikolu 8

Statistika reġjonali

L-istatistika ta' Novembru/Diċembru għandha titqassam skond l-unitajiet territorjali NUTS 1 u NUTS 2 definiti fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003. B'eċċezzjoni dawn jistgħu jiġu pprovduti biss mill-unitajiet territorjali NUTS 1 għall-Ġermanja u r-Renju Unit. Huma fakultattivi għall-unitajiet territorjali li għandhom anqas minn 75 000 annimal bovin, 150 000 majjal, 100 000 nagħġa u 25 000 mogħża jekk dawn l-unitajiet territorjali flimkien jikkostitwixxu 5 % jew anqas tal-popolazzjoni nazzjonali ta' l-annimali rilevanti.



TAQSIMA II

STATISTIKA DWAR IL-QTIL TAL-BHEJJEM

Artikolu 9

Kopertura

Kull Stat Membru għandu jipproduċi statistika relatata man-numru u l-piż tal-karkassi ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ, mogħoż u tjur maqtulin fil-biċċeriji fit-territorju tiegħu, li l-laħam tagħhom hu meqjus bħala tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Għandu wkoll jipprovdi stimi dwar kemm hu wiesa’ l-qtil li ma jsirx fil-biċċeriji, sabiex l-istatistika tinkludi, l-annimali bovini, l-majjali, in-nagħaġ u l-mogħoż kollha maqtulin fit-territorju tiegħu.

Artikolu 10

Frekwenza u perijodu ta' referenza

1.  L-istatistika dwar qtil fil-biċċeriji għandha tiġi prodotta kull xahar minn kull Stat Membru. Il-perijodu ta' referenza għandu jkun ix-xahar kalendarju.

2.  L-istatistika dwar qtil li ma jsirx fil-biċċeriji għandha tiġi prodotta kull sena minn kull Stat Membru. Il-perijodu ta' referenza għandu jkun is-sena kalendarja.

Artikolu 11

Kategoriji

L-istatistika dwar il-qtil għandha tiġi pprovduta għall-kategoriji mniżżlin fl-Anness IV.

Artikolu 12

Skadenzi għat-trasmissjoni

L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-istatistika:

(a) dwar il-qtil fil-biċċeriji fi żmien 60 jum wara l-perijodu ta' referenza;

(b) dwar il-qtil li ma jsirx fil-biċċeriji qabel it-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara.



TAQSIMA III

TBASSIR DWAR IL-PRODUZZJONI TAL-LAĦAM

Artikolu 13

Kopertura

L-Istati Membri għandhom jużaw l-istatistika msemmija fit-Taqsimiet I u II, u informazzjoni oħra disponibbli, biex jipproduċu tbassir dwar il-provvista tagħhom ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż. Din il-provvista għandha tkunespressa bħala l-produzzjoni indiġena grossa, li tikkorrispondi għan-numru ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż maqtulin, miżjud mal-bilanċ tal-kummerċ intra-Komunitarju u estern ta' l-annimali ħajjin ta' dawn l-ispeċi.

Artikolu 14

Frekwenza u perijodu ta' referenza

1.  It-tbassir għall-annimali bovini għandu jiġi pprovdut darbtejn fis-sena minn kull Stat Membru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni bovina tagħhom hija anqas minn 1 500 000 ras jistgħu jipproduċu dan it-tbassir darba fis-sena biss.

2.  It-tbassir għall-majjali għandu jiġi pprovdut darbtejn fis-sena minn kull Stat Membru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-majjali tagħhom hija inqas minn 3 000 000 ras jistgħu jipproduċu dawn il-previżjonijiet darba fis-sena biss.

3.  It-tbassir għan-nagħaġ għandu jiġi pprovdut darba fis-sena mill-Istati Membri li l-popolazzjoni tan-nagħaġ tagħhom hija ta' 500 000 ras jew aktar.

4.  It-tbassir għall-mogħoż għandu jiġi pprovdut darba fis-sena mill-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-mogħoż tagħhom hija ta' 500 000 ras jew aktar.

5.  It-tbassir għandu jkopri:

(a) tliet semestri għall-annimali bovini u erba' trimestri għall-majjali għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darbtejn fis-sena;

(b) erba' semestri għall-annimali bovini u sitt trimestri għall-majjali għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darba fis-sena;

(ċ) żewġ semestri għan-nagħaġ u l-mogħoż.

Artikolu 15

Kategoriji

It-tbassir għandu jiġi pprovdut għall-kategoriji mniżżlin fl-Anness V.

Artikolu 16

Skadenzi għat-trasmissjoni

L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni it-tbassir tal-produzzjoni tal-laħam:

(a) qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-annimali bovini mill-bidu ta' l-ewwel semestru tas-sena attwali sat-tmiem ta' l-ewwel semestru tas-sena ta' wara u qabel il-15 ta' Settembru għat-tbassir mill-bidu tat-tieni semestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni semestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darbtejn fis-sena;

(b) qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-annimali bovini mill-bidu ta' l-ewwel semestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni semestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darba fis-sena;

(ċ) qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-majjali mill-bidu ta' l-ewwel trimestru sat-tmiem ta' l-aħħar trimestru tas-sena attwali u qabel il-15 ta' Settembru għat-tbassir mill-bidu tat-tielet trimestru tas-sena attwali sa tmiem it-tieni trimestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darbtejn fis-sena;

(d) qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-majjali mill-bidu ta' l-ewwel trimestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni trimestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darba fis-sena;

(e) qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għan-nagħaġ u l-mogħoż mill-bidu ta' l-ewwel semestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni semestru tas-sena attwali għan-nagħaġ u l-mogħoż.



TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 17

Valutazzjoni tal-kwalità u rapporti

1.  Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dimensjonijiet li ġejjin ta' valutazzjoni tal-kwalità għall-istatistika li għandha tiġi mgħoddija:

(a) “ir-rilevanza” tirreferi għall-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali ta' l-utenti;

(b) “il-preċizjoni” tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

(ċ) “il-wasla fil-ħin” tirreferi għad-dewmien ta' żmien bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

(d) “il-puntwalità” tirreferi għad-dewmien ta' żmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data mmirata meta suppost kellha tintbagħat;

(e) “l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

(f) “il-komparabilità” tirreferi għall-kejl ta' l-impatt tad-differenzi fil-kunċetti statistiċi u għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew fuqq medda ta' żmien; u

(g) “il-koerenza” tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

2.  Kull tliet snin, u għall-ewwel darba sa l-1 ta' Lulju 2011, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapport dwar il-kwalità tad-data mibgħuta.

3.  Ir-rapporti tal-kwalità għandhom jiddeskrivu:

(a) l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ kopert b'dan ir-Regolament u l-metodoloġija applikata;

(b) il-livelli ta' preċiżjoni miksuba għall-kampjuni ta' l-istħarriġ msemmija f'dan ir-Regolament;

(ċ) il-kwalità tas-sorsi utilizzati minbarra l-istħarriġ, u

(d) il-kwalità tat-tbassir imsemmija f'dan ir-Regolament.

4.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla metodoloġika jew bidla oħra li għandha effett konsiderevolifuq l-istatistika. Dan għandu jsir mhux aktar tard minn tliet xhur wara li din il-bidla tidħol fis-seħħ.

5.  Il-prinċipju li l-ispejjeż addizzjonali u l-piżijiet jinżammu f'limiti raġonevoli għandu jittieħed f'konsiderazzjoni.

▼M1

Artikolu 18

Emendi għall-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu19, fir-rigward tal-emendi għall-Annessi I, II, IV u V.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati biss fejn ikunu meħtieġa sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi, m'għandhomx ibiddlu n-natura fakoltattiva tat-tagħrif rikjest u ma jimponux piżijiet addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-respondenti.

Il-Kummissjoni għandha tiġġustifika kif xieraq l-azzjonijiet statistiċi pprovduti f'dawk l-atti delegati, bl-użu, fejn xieraq, ta' input mill-esperti rilevanti abbażi ta' analiżi tal-effikaċita' meta mqabbla mal-ispiża, inkluża evalwazzjoni tal-piż fuq ir-rispondenti u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ).

Artikolu 19

Eżerċizju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 18 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn fl-10 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 18 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 18 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’ xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 20

Deroga

1.  Fejn l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sistema statistika nazzjonali ta' Stat Membru teħtieġ adattamenti maġġuri u x'aktarx tikkawża problemi prattiċi sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga mill-applikazzjoni tiegħu sa l-1 ta' Jannar 2010 u fil-każ ta' statistiċi dwar in-nagħaġ u l-mogħoż, sa l-1 ta' Jannar 2011.

2.  Tali Stati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan mhux aktar tard mill-21 ta' Marzu 2009.

Artikolu 21

Revoka

1.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE għandhom jiġu mħassra.

2.  Ir-referenzi magħmula għal Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

3.  B'deroga mill-Artikolu 22(2), Stat Membru li jkun ingħata deroga skond l-Artikolu 20 għandu jkompli japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE (KEE) għat-tul taż-żmien tal-perijodu tad-deroga.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

DEFINIZZJONIJIET

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1.   il-kategoriji ta' annimali bovini



 

Anness II

Annessi IV u V

Għoġġiela

 

Annimali bovini li għandhom 8 xhur jew inqas

Bhejjem ta' l-ifrat żgħar

 

Annimali bovini li għandhom aktar minn 8 xhur imma mhux aktar minn 12-il xahar

Għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

Għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar ta' mhux aktar minn 12-il xahar għall-qatla

 

Barrin

 

Annimali bovini maskili mhux kastrati li mhux inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

Barrin kastrati

 

Annimali bovini maskili kastrati li mhux inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

Erħiet

Annimali bovini femminili li għad ma welldux għoġġiela u li mhumiex inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat.

Annimali bovini femminili li għad ma welldux għoġġiela u li mhumiex inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat

Erħiet għall-qatla

Erħiet imrawma għall-produzzjoni tal-laħam

 

Erħiet oħrajn

Erħiet imrawma għar-riproduzzjoni u maħsuba biex jissostitwixxu l-baqar tal-ħalib u baqar oħrajn

 

Baqar

Annimali bovini femminili li kellhom għoġġiela (inklużi dawk li huma ta' età inqas minn sentejn)

Bovini femminili li kellhom għoġġiela

Baqar tal-ħalib:

Baqar imrawma esklussivament jew prinċipalment għall-produzzjoni ta' ħalib għall-konsum mill-bniedem u/jew għall-ipproċessar ta' prodotti tal-ħalib, inklużi l-baqar għall-qatla (irispettivament minn jekk ġewx imsemmna jew le bejn l-aħħar darba li ġew maħluba u l-qatla tagħhom)

 

Baqar oħrajn

Baqar li mhumiex baqar tal-ħalib, possibilment li jinkludu kull xorta ta' baqar tal-ġarr

 

2.    kategoriji ta' nagħaġ

Nagħaġ femminili u ħrief femminili mqegħdin mal-muntun: membri femminili ta' l-ispeċi ovina li diġà welldu ħrief ta' l-inqas darba kif ukoll dawk li tqiegħdu mal-muntun għall-ewwel darba.

Nagħaġ tal-ħalib: nagħaġ miżmumin esklużivament jew prinċipalment għall-produzzjoni tal-ħalib għall-konsum mill-bniedem u/jew għall-ipproċessar ta' prodotti tal-ħalib, inklużi nagħaġ imħarfa tal-ħalib (kemm jekk huma imħaxxna kemm jekk mhumiex bejn l-aħħar ħalba u l-qatla).

Nagħaġ femminili oħrajn: nagħaġ femminili oħrajn minbarra nagħaġ tal-ħalib.

Ħrief: nagħaġ maskili jew femminili ta' inqas minn 12-il xahar.

3.   it-terminu “karkassa”

(a) għall-annimali bovini ifisser il-ġisem sħiħ ta' l-annimal maqtul kif preżentat wara li jiġi żvinat, jitneħħewlu l-imsaren u jiġi mqaxxar, ippreżentat mingħajr ir-ras (separata mill-karkassa fil-ġog atloido-okkipitali); mingħajr is-saqajn (li għandhom jinqatgħu mill-ġog karpametakarpal jew tarsometatarsali); mingħajr l-organi li jinsabu fil-kavita torċika u abdominali, bil-kliewi jew mingħajrhom, ix-xaħam tal-kliewi u x-xaħam pelviku; u mingħajr l-organi sesswali u l-muskoli ta' magħhom u mingħajr il-bżieżel jew ix-xaħam tal-glandola mammarja.

(b) għall-majjali ifisser il-ġisem ta' majjal maqtul, żvinat u li tneħħewlu l-imsaren, sħiħ jew maqsum matul il-linja tan-nofs, mingħajr ilsien, lanżit, dwiefer, organi sesswali, xaħam “flare”, kliewi u dijaframma.

(ċ) għan-nagħaġ u l-mogħoż ifisser il-ġisem kollu ta' l-annimal maqtul kif ippreżentat wara li jiġi żvinat, jitneħħewlu l-imsaren u jiġi mqaxxar, ippreżentat mingħajr ir-ras (separata mill-ġog atloido-okkipitali); mingħajr is-saqajn (maqtugħin mill-ġogi karpametakarpali jew tersometatarsali); mingħajr id-denb (maqtugħ bejn is-sitt u s-seba’ verterbrae kaudali); mingħajr l-organi li jinstabu fil-vojt toraċiku u abdominali (ħlief għall-kliewi u x-xaħam tal-kliewi); u mingħajr il-bżieżel u l-organi sesswali; il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi huma parti mill-karkassa;

(d) għat-tjur tfisser imnittfa u mnaddfa, mingħajr ras u riġljen u mingħajr l-għonq, il-qalb, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala “65 % tiġieġ”, jew ippreżentati mod ieħor.

4. It-terminu “piż tal-karkassa” ifisser il-piż tal-karkassa kiesħa, li għall-majjali, notevolment, jinkiseb billi jitnaqqas 2 % mill-piż rreġistrat sħun ta' l-anqas 45 minuta wara li l-majjal jiġi svinat, u li għall-bhejjem ta' l-ifrat jinkiseb billi jitnaqqas 2 % mill-piż rreġistrat sħun sa mhux aktar tard minn 60 minuta wara li l-annimal ikun ġie żvinat.




ANNESS II

KATEGORIJI TA' STATISTIKA DWAR IL-BHEJJEM

Annimali bovini:

 annimali bovini ta' mhux aktar minn sena:

 

 għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar għall-qatla

 oħrajn:

 

 maskili

 femminili

 annimali bovini ta' aktar minn sena imma ta' anqas minn sentejn (ħlief in-nisa li jkunu welldu):

 

 maskili

 femminili (erħiet; annimali li għadhom ma welldux):

 

 annimali għall-qatla

 oħrajn

 annimali bovini ta' sentejn jew aktar:

 

 maskili

 femminili:

 

 erħiet:

 

 erħiet għall-qatla

 oħrajn

 baqar (annimali bovini li jkunu welldu, inklużi dawk li għandhom inqas minn sentejn):

 

 baqar tal-ħalib

 oħrajn

 bufli:

 

 bufli femminili għat-trobbija

 bufli oħrajn

Ħnieżer:

 ħnienes b'piż ta' anqas minn 20 kg ħajjin

 majjali b'piż ta' 20 kg jew aktar iżda anqas minn 50 kg ħajjin

 majjali tas-simna, li jinkludu majjali maskili u femminili għall-qatla b'piż ħajjin:

 

 ta' 50 kg jew aktar iżda anqas minn 80 kg

 ta' 80 kg jew aktar iżda anqas minn 110 kg

 ta' 110 kg jew aktar

 majjali għat-tnissil b'piż ta' 50 kg jew aktar ħajjin:

 

 majjali maskili

 majjali femminili, li minnhom:

 

 majjali femminili mgħammrin għall-ewwel darba

 majjali femminili oħra, li minnhom:

 

 majjali femminili żgħar li għad mhux mgħammrin

Nagħaġ:

 nagħaġ femminili u ħrief femminili mqegħdin mal-muntun:

 

 nagħaġ femminili tal-ħalib u ħrief femminili tal-ħalib mqegħdin mal-muntun

 nagħaġ femminili u ħrief femminili oħrajn imqegħdin mal-muntun

 nagħaġ oħra

Mogħoż

 mogħoż li diġà welldu gidien u mogħoż li ġew mgħammra:

 

 mogħoż li diġà welldu gidien

 mogħoż mgħammrin għall-ewwel darba

 mogħoż oħrajn.




ANNESS III

ĦTIĠIET DWAR PREĊIŻJONI

Fil-każ ta' stħarriġ dwar il-bhejjem, l-iżbalji tat-teħid tal-kampjuni għal kull Stat Membru m'għandhomx ikunu ogħla minn (b'intervall ta' konfidenza ta' 68 %):

(a) 1 % tan-numru totali ta' annimali bovini (5 % fejn il-popolazzjoni tal-annimali bovini hija inqas minn 1 000 000 ras);

(b) 1,5 % tan-numru totali ta' baqar (5 % fejn il-popolazzjoni tal-baqar hija inqas minn 500 000 ras);

(ċ) 2 % tan-numru totali ta' majjali (5 % fejn il-popolazzjoni tal-majjali hija inqas minn 1 000 000 ras);

(d) 2 % tan-numru totali ta' nagħaġ u ta' mogħoż (5 % fejn il-popolazzjoni tal-mogħoż u tan-nagħaġ hija inqas minn 1 000 000 ras).




ANNESS IV

KATEGORIJI TA' STATISTIKA DWAR IL-QTIL

Annimali bovini

 għoġġiela

 bhejjem ta' l-ifrat żgħar

 erħiet

 baqar

 barrin

 barrin kastrati

Ħnieżer

l-ebda tqassim

Nagħaġ

 ħrief

 oħrajn

Mogħoż

l-ebda tqassim

Tajr

 tiġieġ

 dundjani

 papri

 oħrajn




ANNESS V

KATEGORIJI TA' TBASSIR TAL-PRODUZZJONI TAL-LAĦAM

Annimali bovini:

 Għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

 erħiet

 baqar

 barrin u barrin kastrati

Hnieżer:

l-ebda tqassim

Nagħaġ:

l-ebda tqassim

Mogħoż:

l-ebda tqassim.



( 1 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2008.

( 2 ) ĠU L 149, 21.6.1993, p. 1.

( 3 ) ĠU L 149, 21.6.1993, p. 5.

( 4 ) ĠU L 149, 21.6.1993, p. 10.

( 5 ) ĠU L 56, 2.3.1988, p. 1.

( 6 ) ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1.

( 7 ) ĠU L 179, 7.8.1972, p. 1.

( 8 ) ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

( 9 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

( 10 ) Ara paġna 14 ta' dan Il-Ġurnal Uffiċjali.

( 11 ) Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistiċi tal-Komunità u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).