02008L0096 — MT — 16.12.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2008/96/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Novembru 2008

dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq

(ĠU L 319 29.11.2008, p. 59)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2019/1936 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-23 ta’ Ottubru 2019

  L 305

1

26.11.2019




▼B

DIRETTIVA 2008/96/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Novembru 2008

dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq



▼M1

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tesiġi l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri marbutin ma’ valutazzjonijiet tal-impatt tas-sikurezza tat-toroq, awditi tas-sikurezza tat-toroq, spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq u valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu mill-Istati Membri.

2.  Din id-Direttiva għandha tapplika għal toroq li huma parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropew, għall-awtostradi u għal toroq primarji oħra, kemm jekk ikunu fl-istadju tad-disinn, kif ukoll jekk qed jinbnew inkella jkunu qed joperaw.

3.  Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal toroq u proġetti ta’ infrastruttura tat-toroq li mhumiex koperti mill-paragrafu 2, li jinsabu ’l barra miż-żoni urbani, li ma jwasslu għal proprjetajiet li jmissu magħhom u li jitlestew bl-użu ta’ finanzjament tal-Unjoni bl-eċċezzjoni ta’ toroq li mhumiex miftuħa għal traffiku ta’ vetturi ġenerali bil-mutur, bħall-passaġġi għar-roti, jew toroq li mhumiex iddisinjati għal traffiku ġenerali, bħat-toroq ta’ aċċess għal siti industrijali, agrikoli jew forestali.

4.  L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva toroq primarji li għandhom riskju baxx għas-sikurezza, abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati marbuta mal-volumi tat-traffiku u l-istatistika tal-aċċidenti.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva toroq mhux imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, sas-17 ta' Diċembru 2021, il-lista ta’ awtostradi u ta’ toroq primarji fit-territorju tiegħu u, wara dan, kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-lista tat-toroq eżentati f’konformità ma’ dan il-paragrafu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew inklużi fiha, u, minn hemm ’il quddiem, kwalunkwe bidla sussegwenti fihom.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tat-toroq notifikati skont dan l-Artikolu.

5.  Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal toroq f’mini koperti mid-Direttiva 2004/54/KE.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

▼M1

(1) “netwerk tat-toroq trans-Ewropew” tfisser in-netwerk tat-toroq identifikat fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

▼M1

(1a) “awtostrada” tfisser triq, iddisinjata u mibnija apposta għat-traffiku ta’ vetturi bil-mutur, li ma twassalx għal proprjetajiet mal-ġnub tagħha, u li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a) tkun mgħammra, għajr f’punti speċjali jew b’mod temporanju, b’karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, separati minn xulxin jew bi strixxa diviżorja mhux intenzjonata għat-traffiku jew, b’mod eċċezzjonali, b’mezzi oħra;

(b) li fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew tat-tramm, passaġġ għar-roti jew passaġġ għall-mixi;

(c) tkun iddeżinjata speċifikament bħala awtostrada;

(1b) “triq primarja” tfisser triq barra ż-żoni urbani li tgħaqqad bliet kbar jew reġjuni, jew it-tnejn, u li tappartjeni għall-ogħla kategorija ta’ toroq taħt il-kategorija “awtostrada” fil-klassifikazzjoni tat-toroq nazzjonali li tkun fil-post fis-26 ta’ Novembru 2019;

▼B

(2) “entità kompetenti” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata mwaqqfa f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, involuta fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva minħabba l-kompetenzi tagħha inklużi l-korpi innominati bħala entitajiet kompetenti li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sa fejn dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(3) “evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza fit-toroq” tfisser analiżi strateġika komparattiva ta’ l-impatt li jkollhom triq ġdida jew modifika sostanzjali għan-netwerk eżistenti fuq il-livell tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq;

(4) “awditjar tas-sikurezza fit-toroq” ifisser verifika indipendenti, dettaljata, sistematika u teknika tas-sikurezza tal-karatteristiċi tad-disinn ta’ proġett ta’ infrastruttura tat-toroq, li jkopri kull stadju mill-ippjanar sal-bidu ta’ l-operat;

▼M1 —————

▼M1

(6) “klassifikazzjoni tas-sikurezza” tfisser klassifikazzjoni ta’ partijiet min-netwerk ta’ toroq eżistenti f’kategoriji skont is-sikurezza intrinsika tagħhom imkejla oġġettivament;

(7) “spezzjoni mmirata tas-sikurezza tat-toroq” tfisser investigazzjoni mmirata biex tidentifika kundizzjonijiet perikolużi, difetti u problemi li jżidu r-riskju ta’ aċċidenti u korrimenti, abbażi ta’ spezzjoni fuq il-post ta’ triq eżistenti jew ta’ sezzjoni minn triq;

▼M1

(7a) “spezzjoni perjodika tas-sikurezza tat-toroq” tfisser verifika perjodika ordinarja tal-karatteristiċi u d-difetti li jirrikjedu xogħol ta’ manutenzjoni għal-raġunijiet ta’ sikurezza;

▼B

(8) “linji gwida” huma miżuri adottati mill-Istati Membri, li jistabbilixxu l-passi li għandhom jiġu segwiti, kif ukoll l-elementi li għandhom jitqiesu fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ sikurezza stabbiliti f’din id-Direttiva;

(9) “proġett ta’ infrastruttura” ifisser proġett għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-toroq, jew modifikazzjoni sostanzjali għan-netwerk eżistenti li jaffettwa il-fluss tat-traffiku;

▼M1

(10) “utent vulnerabbli tat-triq” tfisser utenti tat-triq mingħajr vettura bil-mutur, inklużi, b’mod partikolari, il-persuni bir-roti u l-persuni bil-mixi, kif ukoll l-utenti ta’ vetturi motorizzati b’żewġ roti.

▼B

Artikolu 3

L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għal proġetti ta’ infrastruttura

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għall-proġett kollha ta’ infrastruttura.

2.  L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għandha ssir fl-istadju inizjali ta’ l-ippjanar, qabel ma jiġi approvat il-proġett ta’ infrastruttura. B’rabta ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I.

3.  L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għandha tindika l-konsiderazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq li jikkontribwixxu għall-għażla tas-soluzzjoni proposta. Għandha tipprovdi wkoll kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għal analiżi dwar ir-relazzjoni bejn in-nefqa u l-benefiċċju tal-għażliet differenti li ġew evalwati.

Artikolu 4

L-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għal proġetti ta’ infrastruttura

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq isir għal kull proġett ta’ infrastruttura.

2.  Meta jagħmlu l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħatar awditur biex jivverifika l-karatteristiċi tad-disinn ta’ proġett ta’ infrastruttura.

L-awditur għandu jinħatar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9, paragrafu 4 u għandu jkollu l-kompetenza u t-taħriġ meħtieġa kif provdut fl-Artikolu 9. Fejn l-awditjar isir minn gruppi ta’ spezzjoni, mill-anqas membru wieħed mill-grupp għandu jkollu ċertifikat ta’ kompetenza kif previst fl-Artikolu 9(3).

3.  L-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għandu jifforma parti integrali mill-proċess tad-disinn tal-proġett ta’ infrastruttura fl-istadji ta’ l-abbozz tad-disinn, tad-disinn dettaljat, tal-ftuħ minn qabel u ta’ l-operazzjoni bikrija.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditur jistabbilixxi elementi ta’ disinn li jikkompromettu s-sikurezza fir-rapport ta’ l-awditjar għal kull stadju tal-proġett ta’ l-infrastruttura. Kull fejn jiġu identifikati karatteristiċi mhux sikuri waqt il-proċess ta’ l-awditjar mingħajr ma jitranġa d-disinn qabel it-tmiem ta’ l-istadju xieraq kif imsemmi fl-Anness II, ir-raġunijiet għandhom ikunu ddikjarati mill-entità kompetenti f’anness ma’ dak ir-rapport.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 iwassal għal rakkomandazzjonijiet relevanti mill-perspettiva ta’ sikurezza.

▼M1

6.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida għad-disinn ta’ “ġnub tat-toroq li jaħfru” u toroq “awtoevidenti” (self-explaining) u “self-enforcing” (li jgħinu lis-sewwieq awtomatikament fis-sikurezza tat-toroq) fl-awditu inizjali tal-fażi tad-disinn, kif ukoll gwida dwar ir-rekwiżiti tal-kwalità rigward l-utenti vulnerabbli tat-toroq. Tali gwida għandha tiġi żviluppata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti tal-Istati Membri.

▼M1

Artikolu 5

Valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu li joperaw u li huma koperti b’din id-Direttiva.

2.  Il-valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu għandhom jeżaminaw ir-riskju tal-gravità tal-aċċidenti u tal-gravità tal-impatt, abbażi ta’:

(a) primarjament, eżami viżiv, fuq il-post jew b’mezzi elettroniċi, tal-karatteristiċi tad-disinn tat-triq (sikurezza intrinsika); u

(b) analiżi tas-sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq li ilhom jintużaw għal aktar minn tliet snin u li fuqhom seħħ għadd kbir ta’ inċidenti serji fi proporzjon mal-fluss tat-traffiku.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ewwel valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu ssir sa mhux aktar tard mill-2024. Valutazzjonijiet sussegwenti tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu għandhom ikunu frekwenti biżżejjed biex jiġu żgurati livelli adegwati ta’ sikurezza, iżda fi kwalunkwe każ għandhom isiru mill-inqas kull ħames snin.

4.  Fit-twettiq tal-valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-elementi indikattivi stabbiliti fl-Anness III.

5.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-metodoloġija għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet sistematiċi tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu u l-klassifikazzjonijiet tas-sikurezza.

6.  Fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u għall-fini ta’ prijoritizzazzjoni tal-ħtiġijiet għal azzjoni ulterjuri, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw is-sezzjonijiet kollha tan-netwerk tat-toroq f’mhux inqas minn tliet kategoriji skont il-livell ta’ sikurezza tagħhom.

Artikolu 6

Spezzjonijiet perjodiċi tas-sikurezza tat-toroq

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru spezzjonijiet perjodiċi tas-sikurezza tat-toroq frekwenti biżżejjed sabiex jissalvagwardaw il-livelli ta’ sikurezza adatti għall-infrastruttura tat-toroq ikkonċernata.

▼M1 —————

▼M1

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sikurezza tas-sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq li jmissu ma’ mini tat-triq koperti mid-Direttiva 2004/54/KE, permezz ta’ spezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq li jinvolvu entitajiet kompetenti involuti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u d-Direttiva 2004/54/KE. L-ispezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq għandhom ikunu biżżejjed frekwenti biex jiżguraw livelli xierqa ta’ sikurezza, iżda fi kwalunkwe każ isiru mill-inqas darba kull sitt snin.

▼B

4.  Bla ħsara għal-linji gwida adottati skond l-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jadottaw linji gwida dwar miżuri temporanji ta’ sikurezza li japplikaw għax-xogħlijiet fit-toroq. Għandhom jimplimentaw ukoll skema adegwata ta’ spezzjoni biex jiżguraw li tali linji gwida jiġu applikati sewwa.

▼M1

Artikolu 6a

Segwitu tal-proċeduri għal toroq li qed joperaw

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati ta’ valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu mwettqa skont l-Artikolu 5 jkunu segwiti jew bi spezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq jew b’azzjoni ta’ rimedju diretta.

2.  Meta jwettqu spezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-elementi indikattivi stabbiliti fl-Anness IIa.

3.  L-ispezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq għandhom jitwettqu minn timijiet ta’ esperti. Tal-inqas membru wieħed tal-grupp ta’ esperti għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 9(4).

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tal-ispezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq jiġu segwiti minn deċiżjonijiet motivati li jiddeterminaw jekk hiex meħtieġa azzjoni ta’ rimedju. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw is-sezzjonijiet tat-toroq fejn hemm bżonn ta’ titjib fis-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq u jiddefinixxu azzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità biex titjieb is-sikurezza ta’ dawk is-sezzjonijiet tat-toroq.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjoni ta’ rimedju tkun immirata primarjament lejn is-sezzjonijiet tat-toroq b’livelli baxxi ta’ sikurezza u li joffru l-opportunità għall-implimentazzjoni ta’ miżuri b’potenzjal għoli għall-iżvilupp tas-sikurezza u l-iffrankar tal-ispejjeż relatati mal-aċċidenti.

6.  L-Istati Membri għandhom iħejju u jaġġornaw regolarment il-pjan ta’ azzjoni bi prijoritizzazzjoni bbażat fuq ir-riskji biex isegwu l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta’ rimedju identifikata.

Artikolu 6b

Protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-implimentazzjoni tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6a jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-triq.

Artikolu 6c

Il-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku

1.  L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċifika, fil-proċeduri tagħhom eżistenti u futuri għall-marki tat-toroq u għas-sinjali tat-traffiku, għal-leġġibbiltà u d-detezzjoni għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. Proċeduri bħal dawn għandhom iqisu speċifikazzjonijiet komuni fejn speċifikazzjonijiet komuni bħal dawn ikunu ġew stabbiliti skont il-paragrafu 3.

2.  Grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni għandu, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2021, jivvaluta l-opportunità li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet komuni li jinkludu elementi differenti li għandhom l-għan li jiżguraw l-użu operattiv tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku sabiex isaħħu l-leġġibbiltà u d-detezzjoni effettivi tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. Dak il-grupp għandu jkun iffurmat minn esperti ddeżinjati mill-Istati Membri. Il-valutazzjoni għandha tinkludi konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-valutazzjoni għandha tqis b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:

(a) l-interazzjoni bejn id-diversi teknoloġiji ta’ assistenza għas-sewwieq u l-infrastruttura;

(b) l-effett tat-temp u ta’ fenomeni atmosferiċi kif ukoll tat-traffiku fuq il-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku preżenti fit-territorju tal-Unjoni;

(c) it-tip u l-frekwenza tal-isforzi ta’ manutenzjoni meħtieġa għal diversi teknoloġiji, inkluża stima tal-ispejjeż.

3.  Filwaqt li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni, relatati mal-proċeduri tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom l-għan li jiżguraw l-użu operattiv tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku tagħhom, fir-rigward tal-leġġibbiltà effettiva u tad-detezzjoni tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rigward l-istandards għall-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku.

Artikolu 6d

Informazzjoni u trasparenza

Il-Kummissjoni għandha tippubblika mappa Ewropea tan-netwerk tat-toroq fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, aċċessibbli online, filwaqt li tenfasizza kategoriji differenti kif imsemmi fl-Artikolu 5(6).

Artikolu 6e

Rappurtar volontarju

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu sistema nazzjonali għall-iskop ta’ rappurtar volontarju, aċċessibbli online għall-utenti kollha tat-toroq, biex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ dettalji tal-okkorrenzi trażmessi mill-utenti tat-toroq u l-vetturi, u ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza meqjusa minn min jagħmel ir-rapport bħala ta’ periklu reali jew potenzjali għas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq.

▼B

Artikolu 7

Ġestjoni tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal kull inċident fatali li jseħħ fi triq imsemmija fl-Artikolu 1(2), jinkiteb rapport ta’ inċident komplet mill-entità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex f’dak ir-rapport jinkludu kull element li jinsab elenkat fl-Anness IV.

▼M1

1a.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tipprovdi gwida li abbażi tagħha l-gravità ta’ aċċident, inkluż in-numru ta’ fatalitajiet u persuni korruti, għandha tiġi rrappurtata. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw l-ispiża soċjali medja ta’ inċident fatali u l-ispiża soċjali medja ta’ inċident gravi li jsir fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jkomplu jiddifferenzjaw ir-rati ta’ l-ispejjeż, li għandhom jiġu aġġornati mill-anqas kull ħames snin.

Artikolu 8

L-adozzjoni u l-komunikazzjoni tal-linji gwida

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk ma jkunux diġa jeżistu, jiġu adottati linji gwida sad-19 ta’ Diċembru 2011, biex jappoġġjaw lill-entitajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn il-linji gwida lill-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni jew l-emendar tagħhom.

3.  Il-Kummissjoni għandha tagħmilhom disponibbli fuq sit web pubbliku.

Artikolu 9

Il-ħatra u t-taħriġ ta’ awdituri

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk ma jkunux diġà jeżistu għandhom ikunu adottati kurrikuli ta’ taħriġ għal awdituri tas-sikurezza tat-toroq sad-19 ta’ Diċembru 2011.

▼M1

1a.  Għal awdituri tas-sikurezza tat-toroq li jieħdu t-taħriġ tagħhom mis-17 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kurrikuli ta’ taħriġ għall-awdituri tas-sikurezza tat-toroq jinkludu aspetti relatati ma’ utenti vulnerabbli tat-triq u l-infrastruttura għal tali utenti.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull fejn awditur tas-sikurezza tat-toroq jeżerċita funzjoni taħt din id-Direttiva, l-awditur isegwi taħriġ inizjali li jwassal għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ kompetenza u għandu jipparteċipa f’korsijiet regolari ta’ taħriġ ulterjuri.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri tas-sikurezza tat-toroq ikollhom ċertifikat ta’ kompetenza. Iċ-ċertifikati li jkunu ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu rikonoxxuti.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri jkunu maħtura konformement mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) l-awditur għandu jkollu esperjenza rilevanti jew taħriġ fid-disinn tat-toroq, fl-inġinerija tas-sikurezza tat-toroq u fl-analiżi ta’ l-inċidenti;

(b) minn sentejn wara l-adozzjoni mill-Istati Membri tal-linji gwida skond l-Artikolu 8, l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għandu jsir biss minn awdituri jew gruppi li jkun fihom awdituri li jissodisfaw ir-rekwiżiti provduti fil-paragrafi 2 u 3;

(c) għall-għan tal-proġett ta’ infrastruttura li jkun qed jiġi awditjat, l-awditur m’għandux ikun involut, fil-mument ta’ l-awditjar, fil-ħolqien jew fl-operazzjoni tal-proġett ta’ infrastruttura kkonċernat.

▼M1

Artikolu 10

Skambju tal-aħjar prattiki

Sabiex tiżdied is-sikurezza tat-toroq fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, li jkopru, fost l-oħrajn, kurrikula ta’ taħriġ għas-sikurezza tat-toroq, proġetti ta’ sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq eżistenti, u teknoloġija ppruvata ta’ sikurezza tat-toroq.

▼B

Artikolu 11

Titjib kontinwu ta’ prattika ta’ ġestjoni ta’ sikurezza

1.  Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tistruttura l-iskambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri, u tagħmel użu mill-esperjenza miksuba f’fora attwali rilevanti internazzjonali, bil-ħsieb li jinkiseb titjib kontinwu tal-prattika ta’ ġestjoni ta’ sikurezza rigward infrastrutturi tat-toroq fl-Unjoni Ewropea.

▼M1 —————

▼B

3.  Fejn xieraq, organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, attivi fil-qasam tas-sikurezza u fil-ġestjoni ta’ infrastrutturi tat-triq, jistgħu jiġu konsultati dwar kwistjonijiet relatati ma’ aspetti tekniċi ta’ sikurezza.

▼M1

Artikolu 11a

Rappurtar

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2025 dwar il-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk kollu vvalutat f’konformità mal-Artikolu 5. Fejn possibbli, ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq metodoloġija komuni. Jekk applikabbli, ir-rapport għandu jkopri wkoll il-lista tad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida nazzjonali aġġornati, inkluż b’mod partikolari t-titjib f’termini ta’ progress teknoloġiku u ta’ protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq. Mill-31 ta’ Ottubru 2025, tali rapporti għandhom jiġu pprovduti kull ħames snin.

2.  Abbażi ta’ analiżi tar-rapporti nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, fl-ewwel stadju sal-31 ta’ Ottubru 2027 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tfassal u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi msemmija fil-paragrafu 1, u dwar miżuri ulterjuri possibbli, inkluża reviżjoni ta’ din id-Direttiva u adattamenti possibbli għall-progress tekniku.

▼M1

Artikolu 12

Emenda tal-Annessi

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12a li jemenda l-Annessi sabiex tadattahom għall-progress tekniku.

▼M1

Artikolu 12a

Eżerċitar tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-16 ta’ Diċembru 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 2 ).

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼M1

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼B

Artikolu 14

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




▼M1

ANNESS I

ELEMENTI INDIKATTIVI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ

▼B

1. Elementi ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq:

(a) definizzjoni tal-problema;

(b) is-sitwazzjoni attwali u x-xenarju li fih “ma jsir xejn”;

(ċ) l-għanijiet tas-sikurezza fit-toroq;

(d) l-analiżi ta’ l-impatti fuq is-sikurezza tat-toroq ta’ l-alternattivi proposti;

(e) il-paragun ta’ l-alternattivi, li jinkludi l-analiżi dwar ir-relazzjoni bejn in-nefqa u l-benefiċċju;

(f) il-preżentazzjoni tal-firxa ta’ soluzzjonijiet possibbli.

2. Elementi li għandhom jitqiesu:

(a) fatalitajiet u inċidenti, il-miri ta’ tnaqqis imqabbel max-xenarju li fih “ma jsir xejn”;

(b) ix-xejriet fl-għażla tar-rotta u tat-traffiku;

(ċ) effetti possibbli fuq netwerks eżistenti (eż. ħruġ, intersezzjonijiet, passaġġi invelli);

(d) utenti tat-triq, inklużi persuni vulnerabbli li jużaw it-toroq (eż. il-persuni li jkunu mixjin, iċ-ċiklisti, is-sewwieqa tal-muturi);

▼M1

(e) it-traffiku (eż. volum tat-traffiku, kategorizzazzjoni tat-traffiku skont it-tip), inklużi flussi ta’ persuni bil-mixi u ta’ persuni bir-roti determinati minn attributi tal-użu tal-art mal-ġenb;

▼B

(f) Kundizzjonijiet staġunali u klimatiċi;

(g) preżenza ta’ għadd biżżejjed ta’ zoni ta’ parkeġġ sikuri;

(h) attivitajiet sismiċi.




▼M1

ANNESS II

ELEMENTI INDIKATTIVI TAL-AWDITI TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ

▼B

1. Il-kriterji fl-istadju ta’ l-abbozz preliminari tad-disinn:

(a) il-pożizzjoni ġeografika (eż. l-espożizzjoni għal żerżiq minn ġnub l-għoljiet, għargħar, valangi) u kundizzjonijiet klimatiċi u staġjonali kif ukoll attivitajiet sismiċi;

(b) it-tipi ta’ junctions u d-distanzi bejniethom;

(ċ) l-għadd u t-tipi ta’ lanes;

(d) it-tipi tat-traffiku li huma ammissibbli għat-triq il-ġdida;

(e) il-funzjonalità tat-triq fin-netwerk;

(f) kundizzjonijiet meteoroloġiċi;

(g) il-veloċità tas-sewqan;

(h) is-sezzjonijiet (eż. wisa’ tal-karreġġjata, rotot għar-roti, mogħdijiet għall-mixi);

(i) l-allinjamenti orizzontali u vertikali;

(j) il-viżibbiltà;

(k) it-tqassim tal-junctions;

(l) trasport pubbliku u infrastruttura pubblika;

(m) il-passaġġi invelli ta’ toroq/ferroviji;

▼M1

(n) dispożizzjoni għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

(i) dispożizzjoni għall-persuni bil-mixi,

(ii) dispożizzjoni għall-persuni bir-roti, inkluża l-eżistenza ta’ rotot alternattivi jew passaġġi separati mit-traffiku ta’ vetturi bil-mutur b’veloċità għolja,

(iii) dispożizzjoni għal vetturi motorizzati b’żewġ roti,

(iv) densità u lokalità ta’ punti ta’ qsim għall-persuni bil-mixi u l-persuni bir-roti,

(v) dispożizzjoni għal persuni bil-mixi u persuni bir-roti f’toroq affettwati fiż-żona,

(vi) separazzjoni ta’ persuni bil-mixi u persuni bir-roti mit-traffiku ta’ vetturi bil-mutur b’veloċità għolja jew l-eżistenza ta’ rotot alternattivi diretti fuq toroq ta’ klassi inferjuri.

▼B

2. Il-kriterji fl-istadju tad-disinn dettaljat:

(a) it-tqassim;

(b) is-sinjali u l-marki fit-toroq koerenti;

(ċ) dawl ta’ toroq imdawla u intersezzjonijiet;

(d) apparat fil-ġenb tat-triq;

(e) l-ambjent fil-ġenb tat-triq, inkluża l-veġetazzjoni;

(f) l-ostakli mwaħħlin fil-ġenb tat-triq;

(g) provvediment ta’ zoni ta’ parkeġġ sikuri;

▼M1

(h) dispożizzjoni għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

(i) dispożizzjoni għall-persuni bil-mixi,

(ii) dispożizzjoni għall-persuni bir-roti,

(iii) dispożizzjoni għal vetturi motorizzati b’żewġ roti;

▼B

(i) adattament li jkun xieraq għall-utent ta’ sistemi stradali ta’ lqugħ (riservazzjonijiet ċentrali u crash barriers biex jiġi evitat li jkun hemm perikli għal utenti vulnerabbli).

3. Il-kriterji għall-istadju ta’ qabel il-ftuħ:

(a) is-sikurezza tal-persuni li jużaw it-toroq u l-viżibbiltà f’kundizzjonijiet differenti, bħal eż. fid-dlam u taħt kundizzjonijiet ta’ temp normali;

(b) iċ-ċarezza tas-sinjali u tal-marki fit-toroq;

(ċ) il-kundizzjoni ta’ l-uċuħ tat-toroq.

4. Il-kriterji għat-tħaddim bikri: evalwazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fid-dawl ta’ l-imġiba attwali ta’ l-utenti.

Awditjar fi kwalunkwe stadju jista’ jinvolvi l-bżonn li jitqiesu mill-ġdid il-kriterji mill-istadji ta’ qabel.

▼M1




ANNESS IIa

ELEMENTI INDIKATTIVI TA’ SPEZZJONIJIET IMMIRATI TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ

1. Allinjament tat-triq u sezzjoni trasversali:

(a) viżibbiltà u distanzi viżivi;

(b) limitu tal-veloċità u tqassim tal-veloċitajiet f’żoni;

(c) allinjament awtoevidenti (jiġifieri “l-leġibbiltà” tal-allinjament mill-utenti tat-triq);

(d) aċċess għall-proprjetà u l-iżviluppi maġenb it-triq;

(e) aċċess għall-vetturi ta’ emerġenza u tas-servizzi;

(f) trattamenti fil-pontijiet u fil-kanali;

(g) tqassim tal-ġenb tat-triq (korsija ta’ emerġenza, waqfiet tal-bankini, ġnub imħaffra jew mgħollija).

2. Intersezzjonijiet tat-toroq u interskambji:

(a) adegwatezza tat-tip ta’ intersezzjoni/interskambju;

(b) ġeometrija tat-tqassim tal-intersezzjoni/interskambju;

(c) viżibbiltà u leġġibbiltà (il-perċezzjoni) tal-intersezzjonijiet;

(d) viżibbiltà fl-intersezzjoni;

(e) tqassim tal-karreġġati awżiljari fl-intersezzjonijiet;

(f) kontroll tat-traffiku fl-intersezzjoni (eż. ikkontrollati permezz ta’ stop jew permezz ta’ sinjali tat-traffiku, eċċ.);

(g) eżistenza ta’ postijiet fejn jistgħu jaqsmu t-triq il-persuni bil-mixi u l-persuni bir-roti.

3. Dispożizzjoni għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

(a) dispożizzjoni għall-persuni bil-mixi;

(b) dispożizzjoni għall-persuni bir-roti;

(c) dispożizzjoni għal vetturi motorizzati b’żewġ roti;

(d) trasport pubbliku u infrastrutturi;

(e) passaġġi fl-istess livell triq/binarji (b’attenzjoni, b’mod partikolari, għat-tip ta’ passaġġ u jekk huwiex ikkontrollat minn persunal, jekk huwiex mingħajr persunal, jekk huwiex manwali jew awtomatizzat).

4. Dwal, sinjali u marki:

(a) sinjali tat-triq koerenti, li ma jfixklux il-viżibbiltà;

(b) leġġibbiltà tas-sinjali tat-traffiku (pożizzjoni, daqs, kulur);

(c) arbli tas-sinjali;

(d) marki tat-triq koerenti u d-delinjazzjoni tagħhom;

(e) leġġibbiltà tal-marki tat-triq (pożizzjoni, dimensjonijiet u retroriflettività f’kundizzjonijiet xotti u mxarrbin);

(f) kuntrast xieraq tal-marki tat-triq;

(g) tidwil tat-toroq imdawla u tal-intersezzjonijiet;

(h) apparat tal-ġenb tat-triq xieraq.

5. Sinjali tat-traffiku:

(a) operazzjoni;

(b) viżibbiltà.

6. Oġġetti, żoni ħielsa u sistemi ta’ trażżin fit-toroq:

(a) l-ambjent fil-ġenb tat-triq, inkluża l-veġetazzjoni;

(b) perikli mal-ġenb tat-triq u distanza mit-tarf tal-karreġġata jew tal-passaġġi għar-roti;

(c) adattament tas-sistemi ta’ trażżin fit-toroq li jkunu xierqa għall-utent (riżervi ċentrali u lqugħ tal-ħbit għall-prevenzjoni tal-perikli għall-utenti vulnerabbli tat-triq);

(d) is-sistemi għat-truf tal-ilqugħ tal-ħbit;

(e) sistemi ta’ trażżin fit-toroq xierqa fit-toroq fuq pontijiet u kanali;

(f) ċnut (f’toroq b’aċċess ristrett).

7. Bankini:

(a) difetti tal-bankini;

(b) reżistenza kontra ż-żliq;

(c) materjal sfuż/żrar/ġebel;

(d) l-iffurmar ta’ għadajjar, skular tal-ilma.

8. Pontijiet u mini:

(a) preżenza u għadd ta’ pontijiet;

(b) preżenza u għadd ta’ mini;

(c) elementi viżivi li jirrappreżentaw perikli għas-sikurezza tal-infrastruttura.

9. Elementi oħra:

(a) disponibbiltà ta’ żoni ta’ parkeġġ u żoni ta’ mistrieħ sikuri;

(b) provvediment għal vetturi tqal;

(c) tgħammix mill-fanali ta’ quddiem;

(d) xogħlijiet tat-toroq;

(e) attivitajiet perikolużi mal-ġenb tat-triq;

(f) informazzjoni xierqa f’tagħmir ITS (eż. sinjali b’messaġġi varjabbli);

(g) fawna selvaġġa u annimali;

(h) twissijiet ta’ żoni tal-iskejjel (jekk applikabbli).

▼M1




ANNESS III

ELEMENTI INDIKATTIVI TA’ VALUTAZZJONIJIET TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ FIN-NETWERK KOLLU

1. Ġenerali:

(a) tip ta’ triq fir-rigward tat-tip u d-daqs tar-reġjuni/bliet li din tgħaqqad;

(b) tul tas-sezzjoni tat-triq;

(c) tip ta’ żona (rurali, urbana);

(d) użu tal-art (għall-edukazzjoni, il-kummerċ, l-industrija u l-manifattura, ir-residenza, l-irziezet u l-agrikultura, żoni mhux żviluppati);

(e) densità tal-punti ta’ aċċess għall-proprjetà;

(f) preżenza ta’ toroq ta’ aċċess (eż. għal ħwienet);

(g) preżenza ta’ xogħlijiet tat-toroq;

(h) preżenza ta’ postijiet tal-parkeġġ.

2. Volumi tat-traffiku:

(a) volumi tat-traffiku;

(b) volumi ta’ muturi osservati;

(c) volumi ta’ nies bil-mixi osservati fuq iż-żewġ naħat, b’attenzjoni għal “persuni li jimxu għat-tul tat-triq” jew “persuni li jaqsmu t-triq”;

(d) volumi ta’ roti osservati fuq iż-żewġ naħat, b’attenzjoni għal dawk “misjuqa mat-triq” jew dawk “jaqsmu t-triq”;

(e) volumi ta’ vetturi tqal osservati;

(f) flussi ta’ persuni bil-mixi stmati mill-attributi tal-użu tal-art mal-ġenb tat-triq;

(g) flussi ta’ roti stmati determinati mill-attributi tal-użu tal-art mal-ġenb tat-triq.

3. Data dwar l-aċċidenti:

(a) għadd ta’ fatalitajiet, il-post fejn ġraw u l-kawża tagħhom, skont il-grupp ta’ utenti tat-triq;

(b) għadd ta’ korrimenti serji u l-post fejn ġraw skont il-grupp ta’ utenti tat-triq.

4. Karatteristiċi operattivi:

(a) limitu tal-veloċità (ġenerali, għall-muturi; għat-trakkijiet);

(b) veloċità tat-operazzjoni (il-85 perċentil);

(c) ġestjoni tal-veloċità u/jew trażżin tat-traffiku;

(d) preżenza ta’ tagħmir ITS: twissijiet dwar punti ta’ konġestjoni, sinjali b’messaġġi varjabbli;

(e) twissijiet dwar żoni tal-iskejjel;

(f) preżenza ta’ superviżur tal-iskola għall-qsim tat-triq f’perijodi preskritti.

5. Karatteristiċi ġeometriċi:

(a) karatteristiċi tas-sezzjoni trażversali (għadd, tip u wisa’ tal-karreġġati, tqassim tal-korsiji ta’ emerġenza ċentrali medjani u l-materjal tagħhom, karreġġati għar-roti, passaġġi għall-mixi, eċċ.), inkluża l-varjabbiltà tagħhom;

(b) kurvatura orizzontali;

(c) grad u allinjament vertikali;

(d) viżibbiltà u distanzi viżivi.

6. Oġġetti, żoni ħielsa u sistemi ta’ trażżin fit-toroq:

(a) l-ambjent tal-ġenb tat-triq u żoni ħielsa;

(b) ostakli fissi fil-ġenb tat-triq (eż. l-arbli tad-dawl, siġar, eċċ.);

(c) distanza tal-ostakli mill-ġenb tat-triq;

(d) densità tal-ostakli;

(e) rumble strips;

(f) sistemi ta’ trażżin fit-toroq.

7. Pontijiet u mini:

(a) preżenza u għadd ta’ pontijiet, kif ukoll informazzjoni rilevanti dwarhom;

(b) preżenza u għadd ta’ mini, kif ukoll informazzjoni rilevanti dwarhom;

(c) elementi viżivi li jirrappreżentaw perikli għas-sikurezza tal-infrastruttura.

8. Intersezzjonijiet:

(a) it-tip ta’ intersezzjoni u l-għadd ta’ daħliet/ħarġiet (b’attenzjoni, b’mod partikolari, għat-tip ta’ kontroll u l-preżenza ta’ dawriet protetti);

(b) preżenza ta’ kanalizzazzjoni;

(c) kwalità tal-intersezzjoni;

(d) volum tat-triq tal-intersezzjoni;

(e) preżenza ta’ intersezzjonijiet fl-istess livell triq/binarji (b’attenzjoni, b’mod partikolari, għat-tip ta’ intersezzjoni u jekk hijiex ikkontrollata minn persunal, jekk hijiex mingħajr persunal, jekk hijiex manwali jew awtomatizzata).

9. Manutenzjoni:

(a) difetti fil-bankini;

(b) reżistenza tal-bankina kontra ż-żliq;

(c) kundizzjoni tal-korsija ta’ emerġenza (inkluża l-veġetazzjoni);

(d) kundizzjoni tas-sinjali, tal-marki u d-delinjazzjoni;

(e) kundizzjoni tas-sistemi ta’ trażżin fit-toroq.

10. Faċilitajiet għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

(a) postijiet fejn jaqsmu l-persuni bil-mixi u bir-roti (intersezzjonijiet fil-livell tat-triq u separazzjoni tal-livelli);

(b) postijiet fejn jaqsmu persuni bir-roti (intersezzjonijiet fil-livell tat-triq u separazzjoni tal-livelli);

(c) ċnut għall-persuni bil-mixi;

(d) eżistenza ta’ bankini jew faċilità separata;

(e) faċilitajiet għar-roti u t-tip tagħhom (passaġġi għar-roti, korsiji għar-roti, oħrajn);

(f) kwalità tal-intersezzjonijiet għall-persuni bil-mixi fir-rigward tal-viżibbiltà u s-sinjalazzjoni ta’ kull faċilità;

(g) faċilitajiet tal-intersezzjoni għall-persuni bil-mixi u bir-roti fuq id-daħla ta’ triq minuri li tingħaqad man-netwerk.

(h) eżistenza ta’ rotot alternattivi għall-persuni bil-mixi u bir-roti f’każ li ma jkunx hemm faċilitajiet separati.

11. Sistemi ta’ qabel/wara ħabta għall-korriment tat-traffiku u elementi ta’ mitigazzjoni tal-gravità:

(a) ċentri operattivi tan-netwerk u faċilitajiet ta’ kontroll oħra;

(b) mekkaniżmi biex l-utenti tat-toroq jiġu informati dwar il-kundizzjonijiet tas-sewqan għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti jew inċidenti;

(c) sistemi AID (detezzjoni awtomatika tal-inċidenti): sensuri u kameras;

(d) sistemi ta’ ġestjoni tal-inċidenti;

(e) sistemi għal komunikazzjoni ma’ servizzi ta’ emerġenza.

▼B




ANNESS IV

INFORMAZZJONI DWAR L-INĊIDENTI FIR-RAPPORTI TA’ L-INĊIDENTI

Ir-rapporti ta’ l-inċidenti għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

▼M1

1. il-pożizzjoni tal-inċident (kemm jista’ jkun preċiża), inklużi l-koordinati tal-GNSS;

▼B

2. l-istampi u/jew id-dijagrammi tal-post ta’ l-inċident;

3. id-data u l-ħin ta’ l-inċident;

4. informazzjoni dwar it-triq, bħal pereżempju, it-tip taż-żona, it-tip tat-triq, it-tip ta’ junction inklużi s-sinjali, in-numru tal-lanes, il-marki, wiċċ it-triq, il-kundizzjonijiet tad-dawl u tat-temp, il-limitu tal-veloċità, u l-ostakli fil-ġenb tat-triq;

▼M1

5. gravità tal-aċċident;

▼B

6. il-karatteristiċi tal-persuni involuti, bħal età, is-sess, in-nazzjonalità, il-livell ta’ alkoħol, l-użu jew le ta’ apparat tas-sikurezza;

7.  data dwar il-vetturi involuti (tip, età, pajjiż, l-apparat tas-sikurezza jekk ikun rilevanti, data ta’ l-aħħar kontroll tekniku perjodiku skond il-leġiżlazzjoni li tapplika);

8.  data dwar l-inċident bħal tip ta’ inċident, tip ta’ ħabta, manuvri tal-vettura u tas-sewwieq;

9. fejn possibbli, informazzjoni dwar il-ħin li għadda bejn il-ħin ta’ l-inċident u r-reġistrazzjoni ta’ l-inċident, jew il-wasla tas-servizzi ta’ emerġenza.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

( 2 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).