02008D0381 — MT — 01.01.2014 — 001.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Mejju 2008

li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

(2008/381/KE)

(ĠU L 131 21.5.2008, p. 7)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 516/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ April 2014

  L 150

168

20.5.2014




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Mejju 2008

li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

(2008/381/KE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Qiegħed b’dan jiġi stabbilit netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (“EMN”).

2.  L-objettiv ta’ l-EMN għandu jkun li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-migrazzjoni u l-asil, billi jipprovdi informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u kumparabbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, bil-għan li jappoġġa t-tfassil ta’ politika fl-Unjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

3.  L-EMN għandu jservi wkoll biex jipprovdi informazzjoni dwar dawn is-suġġetti lill-pubbliku in ġenerali.

Artikolu 2

Kompiti

1.  Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1, l-EMN għandu:

(a) 

jiġbor u jiskambja data u informazzjoni aġġornata u affidabbli minn firxa wiesgħa ta’ sorsi;

(b) 

janalizza d-data u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u jipprovdiha f’format faċilment aċċessibbli;

(ċ) 

f’kollaborazzjoni ma’ korpi rilevanti oħrajn ta’ l-UE, jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ indikaturi u kriterji li ser itejbu l-konsistenza ta’ l-informazzjoni u jgħinu fl-iżvilupp ta’ attivitajiet Komunitarji relatati ma’ l-istatistika migratorja;

(d) 

jipproduċi u jippubblika rapporti perjodiċi dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fil-Komunità u l-Istati Membri;

(e) 

joħloq u jmexxi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet li tipprovdi aċċess għad-dokumenti u pubblikazzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil;

(f) 

iżid l-għarfien dwar l-EMN, billi jipprovdi aċċess għall-informazzjoni li jiġbor u jiddissemina l-ħidma ta’ l-EMN, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx ta’ natura kunfidenzjali;

(g) 

jikoordina l-informazzjoni u jikkoopera ma’ korpi Ewropej u internazzjonali oħra rilevanti.

2.  L-EMN għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu huma konsistenti u kkoordinati ma’ l-istrumenti u l-istrutturi Komunitarji rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

L-EMN għandu jkun magħmul minn:

— 
“Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali” magħżula mill-Istati Membri;
— 
Il-Kummissjoni.

Artikolu 4

Bord ta’ Tmexxija

1.  L-EMN għandu jkun immexxi minn Bord ta’ Tmexxija magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentat wieħed tal-Kummissjoni assistit minn żewġ esperti xjentifiċi.

2.  Ir-rappreżentat tal-Kummissjoni għandu jagħmilha ta’ President tal-Bord ta’ Tmexxija.

3.  Kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu vot wieħed, inkluż il-President. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħin.

4.  Rappreżentant tal-Parlament Ewropew jista’ jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija.

5.  Il-Bord ta’ Tmexxija għandu b’mod partikolari:

▼M1

(a) 

‘iħejji u japprova abbozz ta’ programm ta’ ħidma tal-attivitajiet, b’mod partikolari b’rigward tal-objettivi, il-prijoritajiet tematiċi u ammonti indikattivi tal-baġit għal kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-EMN, abbażi ta’ abbozz mill-Presidenza;

▼B

(b) 

jirrevedi l-progress li jkun sar mill-EMN, filwaqt li jirrakkomanda azzjonijiet meħtieġa fejn jingħata l-każ;

(ċ) 

jipprovdi rapport ta’ status konċiż lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-attivitajiet għaddejjin ta’ l-EMN u r-riżultati ewlenin ta’ l-istudji tiegħu, ta’ l-inqas darba fis-sena;

(d) 

jidentifika r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni strateġika l-aktar xierqa ma’ entitajiet oħrajn kompetenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u japprova, fejn meħtieġ, l-arranġamenti amministrativi għal tali kooperazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(e) 

jagħti pariri lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar kif jistgħu jtejbu l-operazzjonijiet tagħhom, u jgħinhom biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa, meta jiġu identifikati nuqqasijiet persistenti fil-ħidma ta’ Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-ħidma ta’ l-EMN.

6.  Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess u jiltaqa’, meta msejjaħ mill-President tiegħu, mill-inqas darbtejn fis-sena.

Artikolu 5

Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali

1.  Kull Stat Membru għandu jagħżel entità waħda li taġixxi bħala Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħu. Sabiex titħaffef il-ħidma ta’ l-EMN u tkun żgurata l-kisba ta’ l-objettivi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, fejn meħtieġ, tal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn ir-rappreżentant tal-Bord ta’ Tmexxija u l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tagħhom.

2.  Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jikkonsisti minn ta’ l-inqas tliet esperti. Wieħed minn dawn l-esperti, li għandu jagħmilha ta’ koordinatur nazzjonali, għandu jkun uffiċjal jew impjegat ta’ l-entità hekk magħżula. L-esperti l-oħra jistgħu jiġu minn din l-entità stess jew minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali u internazzjonali oħra ibbażati fl-Istat Membru.

3.  L-esperti ta’ kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom kollettivament ikollhom kompetenza esperta fil-qasam ta’ l-asil u l-migrazzjoni, li tkopri l-aspetti ta’ tfassil ta’ politika, liġi, riċerka u statistika.

4.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, dwar liema esperti jiffurmaw parti mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali, filwaqt li jispeċifikaw kif dawn ta’ l-aħħar iwieġbu għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.  Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom iwettqu l-kompiti ta’ l-EMN f’livell nazzjonali u b’mod partikolari:

(a) 

jipprovdu rapporti nazzjonali, inklużi r-rapporti msemmijin fl-Artikolu 9;

(b) 

jikkontribwixxu permezz ta’ informazzjoni nazzjonali għas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(ċ) 

jiżviluppaw il-kapaċità li joħorġu rikjesti ad hoc u li jwieġbu malajr tali rikjesti minn Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali oħrajn;

(d) 

jistabbilixxu netwerk ta’ migrazzjoni nazzjonali, magħmul minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet u individwi attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha. Membri tan-netwerk nazzjonali ta’ migrazzjoni jistgħu jiġu mitluba jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ l-EMN, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 8 u 9.

6.  L-esperti ta’ kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu x-xogħol tiegħu, inkluż, kif xieraq, mal-membri rispettivi tan-netwerks nazzjonali għall-migrazzjoni tiegħu msemmi fil-paragrafu 5(d), u biex isir skambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet attwali u futuri.

Artikolu 6

Koordinazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-ħidma ta’ l-EMN, f’konformità wkoll ma’ l-Artikolu 2 (2), u għandha tiżgura li din tirrifletti b’mod xieraq il-prijoritajiet politiċi tal-Komunità fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

2.  Għall-organizzazzjoni tal-ħidma ta’ l-EMN, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn fornitur tas-servizz selezzjonat abbażi ta’ proċedura ta’ akkwist. Il-fornitur tas-servizz għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3), u kull rekwiżit rilevanti ieħor definit mill-Kummissjoni.

3.  Taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, il-fornitur tas-servizz għandu, inter alia:

(a) 

jorganizza l-ħidma ta’ kuljum ta’ l-EMN;

(b) 

jistabbilixxi u jmexxi s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(ċ) 

jikkordina l-kontributi mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali;

(d) 

jħejji l-laqgħat imsemmijin fl-Artikolu 7;

(e) 

jħejji l-kumpilazzjonijiet u s-sinteżi tar-rapporti u l-istudji msemmijin fl-Artikolu 9.

▼M1

4.  Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-eżekuzzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-attivitajiet u tirrapporta regolarment dwar l-eżekuzzjoni tiegħu u dwar l-iżvilupp tal-EMN lill-Bord ta’ Tmexxija.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 7

Laqgħat

1.  Normalment, l-EMN għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet f’sena.

2.  Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jkunu rrappreżentat fil-laqgħat ta’ l-EMN mill-inqas minn espert wieħed tagħhom. Mhux iktar minn tliet esperti minn kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jattendu l-laqgħat.

3.  Il-laqgħat ta’ l-EMN għandhom jissejħu u jiġu ppresjeduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

4.  L-għan tal-laqgħat perjodiċi ta’ l-EMN għandu jkun:

(a) 

li jippermettu lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jiskambjaw tagħrif u esperjenza, b’mod partikolari rigward it-tħaddim ta’ l-EMN;

(b) 

li jirrevedu l-progress fil-ħidma ta’ l-EMN, u b’mod partikolari fit-tħejjija tar-rapporti u studji msemmija fl-Artikolu 9;

(ċ) 

jiskambjaw informazzjoni u fehmiet, b’mod partikolari dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni, il-kontenut ta’ u l-aċċess għall-informazzjoni disponibbli msemmija fl-Artikolu 8;

(d) 

li jipprovdu bażi soda għad-diskussjoni ta’ problemi prattiċi u legali li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-qasam tal-migrazzjoi u l-asil, b’mod partikolari d-diskussjoni tar-rikjesti ad hoc imsemmija fl-Artikolu 5(5)(ċ);

(e) 

li jikkonsultaw il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali rigward l-iżvilupp tal-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN imsemmi fl-Artikolu 6(4).

5.  Esperti u entitajiet li mhumiex membri ta’ l-EMN jistgħu jkunu mistiedna għal-laqgħat tiegħu jekk il-preżenza tagħhom tkun ikkunsidrata li hija mixtieqa. Jistgħu jiġu organizzati wkoll laqgħat konġunti ma’ netwerks jew organizzazzjonijiet oħrajn.

6.  L-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 5, jekk ma jkunux ippjanati fil-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN, għandhom ikunu kkomunikati lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fi żmien debitu.

Artikolu 8

Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.  Għandha tiġi stabbilita f’konformità ma’ dan l-Artikolu sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet, li tkun aċċessibbli permezz ta’ websajt apposta.

2.  Il-kontenut ta’ din is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandu jkun normalment pubbliku.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 1 ), l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali għandu jkun ristrett għall-membri ta’ l-EMN biss.

3.  Is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandha tikkonsisti ta’ l-inqas mill-elementi li ġejjin:

(a) 

l-aċċess għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali, il-ġurisprudenza u l-iżviluppi ta’ politika fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil;

(b) 

funzjonalità għal rikjesti ad hoc, kif imsemmi fl-Artikolu 5(5)(ċ);

(ċ) 

Glossarju u teżawru tal-migrazzjoni u l-asil;

(d) 

aċċess dirett għall-pubblikazzjonijiet kollha ta’ l-EMN, inklużi r-rapporti u l-istudji msemmijin fl-Artikolu 9, kif ukoll ċirkolari regolari;

(e) 

direttorju ta’ riċerkaturi u istituzzjonijiet ta’ riċerka fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

4.  Għal raġunijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni imsemmi fil-paragrafu 3, l-EMN jista’, fejn meħtieġ, iżid il-kollegamenti għal siti oħra fejn tkun tinsab l-informazzjoni oriġinali.

5.  Il-websajt apposta għandu jiffaċilita l-aċċess għal inizjattivi kumparabbli ta’ informazzjoni pubblika fi kwistjonijiet relatati u għal siti li fihom informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi.

Artikolu 9

Rapporti u studji

1.  Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu ta’ kull sena joħroġ rapport li jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fl-Istat Membru, li għandu jinkludi żviluppi dwar linji politiċi u data dwar statistika.

2.  Il-programm annwali ta’ attivitajiet għandu jinkludi t-tħejjija minn kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ studji oħrajn, skond speċifikazzjonijiet komuni, li jkopru kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-migrazzjoni u l-asil meħtieġa għall-appoġġ tat-tfassil ta’ politika.

Artikolu 10

Kooperazzjoni ma’ entitajiet oħrajn

1.  L-EMN għandu jikkoopera ma’ l-entitajiet fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi, inklużi aġenziji ta’ l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, kompetenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

2.  L-arranġamenti amministrattivi għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li jistgħu ikunu jinkludu fejn meħtieġ il-konklużjoni mill-Kummissjoni ta’ ftehim f’isem il-Komunità, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 13

Reviżjoni

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport, ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u indipendenti, dwar l-iżvilupp ta’ l-EMN. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti għal emendi.

Artikolu 14

Pubblikazzjoni u Data ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea.



( 1 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.