02007R1393 — MT — 01.07.2013 — 001.003


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

REGOLAMENT (KE) Nru 1393/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2007

dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000

▼B

(ĠU L 324 10.12.2007, p. 79)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

  L 158

1

10.6.2013


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 068, 13.3.2015, p.  91 (1393/2007)




▼B

▼C1

REGOLAMENT (KE) Nru 1393/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2007

dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk. Dan m'għandux jinkludi, b'mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal-awtorità tal-Istat (“acta iure imperii”).

2.  Dan ir-Regolament m'għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

3.  F'dan ir-Regolament, il-kliem “Stat Membru” għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Aġenziji mittenti u riċeventi

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa “aġenżiji mittenti”, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor.

2.  Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa “aġenżiji riċeventi”, kompetenti biex jirċievu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor.

3.  L-Istat Membru jista' jaħtar aġenzija waħda mittenti u aġenzija waħda riċeventi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet. Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b'unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn aġenzija waħda ta' din ix-xorta. Il-ħatra għandha tkun għal perijodu ta' ħames snin u tista' tiġġedded f'intervalli ta' ħames snin.

4.  Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-ismijiet u l-indirizzi tal-aġenziji riċeventi msemmija fil-paragrafi 2 u 3;

(b) 

iż-żoni ġeografiċi fejn għandhom ġurisdizzjoni;

(ċ) 

il-mezzi disponibbli għalihom biex jirċievu d-dokumenti; u

(d) 

il-lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil sussegwenti li jsir f'din l-informazzjoni.

Artikolu 3

Korp ċentrali

Kull Stat Membru għandu jaħtar korp ċentrali li jkun responsabbli għal:

(a) 

il-forniment ta' informazzjoni lill-aġenziji mittenti;

(b) 

it-tiftix ta' soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tista' tinqala' waqt it-trasmissjoni tad-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati;

(ċ) 

it-trasmissjoni, f'każijiet eċċezzjonali, fuq talba tal-aġenzija mittenti, ta' rikjesta għal notifika lill-aġenzija riċeventi kompetenti.

Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b'unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn korp ċentrali wieħed.



KAPITOLU II

DOKUMENTI ĠUDIZZJARJI



Taqsima 1

Trasmissjoni u notifika ta' dokumenti ġudizzjarji

Artikolu 4

Trasmissjoni tad-dokumenti

1.  Id-dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista' jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skont l-Artikolu 2.

2.  It-trasmissjoni ta' dokumenti, talbiet, konfermi, rċevuti, ċertifikati u kull dokument ieħor li jgħaddi bejn l-aġenziji mittenti u l-aġenziji riċeventi tista' ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun fidil u konformi ma' dak tad-dokument mibgħut u sakemm l-informazzjoni kollha ta' ġo fih tkun tista' tinqara faċilment.

3.  Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta' formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha titwettaq in-notifika, jew b'lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonjiet tal-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista' jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.

4.  Id-dokumenti u l-karti kollha mibgħuta għandhom ikunu eżentati mil-leġislazzjoni jew kwalunkwe formalità ekwivalenti.

5.  Meta l-aġenzija mittenti tkun tixtieq li tintbagħtilha lura kopja tad-dokument flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha tibgħat żewġ kopji tad-dokument.

Artikolu 5

Traduzzjoni ta' dokumenti

1.  L-aġenzija mittenti għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista' jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b'waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.  L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument, bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.

Artikolu 6

Il-wasla tad-dokumenti għand l-aġenzija riċeventi

1.  Hekk kif tirċievi dokument, l-aġenzija riċeventi għandha, mill-aktar fis possibbli, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta jaslilha d-dokument, tibgħat irċevuta lill-aġenzija mittenti permezz tal-mezzi ta' trasmissjoni l-iżjed mgħaġġla u bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

2.  Meta t-talba għan-notifika ma tkunx tista' tiġi sodisfatta fuq il-bażi tal-informazzjoni jew id-dokumenti mibgħuta, l-aġenzija riċeventi għandha tikkuntattja lill-aġenzija mittenti permezz tal-mezzi l-iżjed mgħaġġla sabiex tikseb l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

3.  Jekk it-talba għan-notifika tkun għal kollox 'il barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew jekk in-nuqqas ta' konformità mal-kondizzjonijiet formali mitluba jagħmel in-notifika impossibbli, it-talba u d-dokumenti mibgħuta għandhom jintbagħtu lura malli jkunu waslu lill-aġenzija mittenti, flimkien ma' avviż ta' restituzzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

4.  Aġenzija riċeventi li jaslilha dokument għal notifika iżda li ma jkollhiex ġurisdizzjoni territorjali biex tinnotifikah għandha tgħaddih flimkien mat-talba lill-aġenzija riċeventi li jkollha ġurisdizzjoni territorjali fl-istess Stat Membru jekk it-talba tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u għandha tinforma lill-aġenzija mittenti dwar dan, billi tuża l-formola standard li tinsab fl-Anness I. Dik l-aġenzija riċeventi għandha tinforma lill-aġenzija mittenti meta tirċievi d-dokument, fil-mod previst fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Notifika ta' dokumenti

1.  L-aġenzija riċeventi għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat jew permezz ta' metodu partikolari mitluba mill-aġenzija mittenti, ħlief jekkdak il-metodu ma jkunx kompatibbli mal-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.  L-aġenzija riċeventi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq in-notifika tad-dokument malajr kemm jista' jkun, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn mindu jkun wasal għandha. Jekk ma jkunx possibbli li n-notifika titwettaq fi żmien xahar mill-wasla tad-dokument, l-aġenzija riċeventi għandha:

(a) 

immedjatament tinforma lill-aġenzija mittenti permezz taċ-ċertifikat fil-formola standard li tinsab fl-Anness I, li għandha titfassal taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2); u

(b) 

tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-aġenzija mittenti, meta jkun jidher li mhux se jkun possibbli li titwettaq in-notifika f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

Artikolu 8

Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument

1.  L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista' jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b'waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f'waħda minnhom:

(a) 

lingwa li jifhimha d-destinatarju;

jew

(b) 

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

2.  Meta l-aġenzija riċeventi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija mittenti permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.  Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, in-notifika tad-dokument tista' tkun rimedjata permezz ta' notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f'lingwa prevista fil-paragrafu 1. F'dak il-każ, id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta' Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f'perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).

4.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta' trasmissjoni u n-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.  Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), l-aġenti diplomatiċi jew konsulari, meta n-notifika issir skont l-Artikolu 13, jew l-awtorità jew il-persuna, meta n-notifika issir skont l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw lid-destinatarju li jista' jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.

Artikolu 9

Id-data tan-notifika

1.  Bla ħsara għall-Artikolu 8, id-data tan-notifika ta' dokument skont l-Artikolu 7 għandha tkun id-data li fiha l-att jiġi nnotifikat skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat.

2.  Madankollu, fejn, skont il-liġi ta' Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f'perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun dik iffissata mil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta' trasmissjoni u n-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

Artikolu 10

Ċertifikat tan-notifika u kopja tad-dokument innotifikat

1.  Meta l-formalitajiet dwar in-notifika tad-dokument ikunu tlestew, għandu jinħareġ ċertifikat ta' tlestija ta' dawk il-formalitajiet fil-formola standard li tinsab fl-Anness I u jiġi indirizzat lill-aġenzija mittenti, flimkien ma', fejn japplika l-Artikolu 4(5), kopja tad-dokument innotifikat.

2.  Iċ-ċertifikat għandu jsir bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-oriġini jew b'lingwa oħra li l-Istat Membru tal-oriġini jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista' jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.

Artikolu 11

Spejjeż tan-notifika

1.  In-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji ġejjin minn Stat Membru m'għandha tagħti lok għal ebda pagament jew rimborż ta' taxxi jew spejjeż għas-servizzi mogħtija mill-Istat Membru indirizzat.

2.  Madankollu, l-applikant għandu jħallas jew irodd lura l-ispejjeż għal:

(a) 

l-użu ta' uffiċjal ġudizzjarju jew ta' persuna kompetenti skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat;

(b) 

l-użu ta' metodu partikolari ta' notifika.

L-ispejjeż għall-użu ta' uffiċjal ġudizzjarju jew ta' persuna kompetenti skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma' ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem, li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn ir-rati fissi lill-Kummissjoni.



Taqsima 2

Mezzi oħra ta' trasmissjoni u notifika ta' dokumenti ġudizzjarji

Artikolu 12

Trasmissjoni b'mezzi konsulari jew diplomatiċi

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, li juża mezzi konsulari jew diplomatiċi biex jibgħat id-dokumenti ġudizzjarji, bil-għan li jinnotifikahom, lil dawk l-aġenziji ta' Stat Membru ieħor li jkunu maħtura skont l-Artikoli 2 jew 3.

Artikolu 13

Notifika minn aġenti diplomatiċi jew konsulari

1.  Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq in-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji lil persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, mingħajr l-applikazzjoni ta' ebda forza, direttament permezz tal-aġenti diplomatiċi jew konsulari tiegħu.

2.  Kull Stat Membru jista' jikkomunika, skont l-Artikolu 23(1), li hu jopponi tali notifika fit-territorju tiegħu, sakemm id-dokumenti ma jkunux innotifikati lil ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu oriġinaw id-dokumenti.

Artikolu 14

Notifika bis-servizzi postali

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq in-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta' ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla tal-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.

Artikolu 15

Notifika diretta

Kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju tista' twettaq notifika ta' dokumenti ġudizzjarji direttament permezz tal-uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat Membru indirizzat, fejn tali notifika diretta tkun permessa taħt il-liġi ta' dak l-Istat Membru.



KAPITOLU III

DOKUMENTI EXTRA-ĠUDIZZJARJI

Artikolu 16

Trasmissjoni

Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal notifika fi Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Regoli ta' implimentazzjoni

Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi non-essenzjali ta' dan ir-Regolament dwar l-aġġornar jew it-twettiq ta' emendi tekniċi tal-formoli standard, li jidhru fl-Annessi I u II, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 18

Il-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 19

Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri

1.  Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta' notifika, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

(a) 

id-dokument kien innotifikat permezz ta' metodu preskritt mil-liġi interna tal-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta' dokumenti f'azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

(b) 

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b'mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f'kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.

2.  Kull Stat Membru jista' jgħarraf, skont l-Artikolu 23(1), li l-imħallef, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista' jaqta' s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta' notifika jew wasla, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) 

id-dokument ikun trasmess permezz ta' wieħed mill-metodi previsti f'dan ir-Regolament;

(b) 

ikun għadda perijodu ta' żmien ta' mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument;

(ċ) 

ma jkun wasal l-ebda tip ta' ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz tal-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi tal-Istat Membru indirizzat.

3.  Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-imħallef jista' jordna, f'każ ta' emerġenza, kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.

4.  Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta' notifika skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti tal-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) 

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

(b) 

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu tal-azzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-effetti tal-għeluq taż-żmien għall-appell tista' titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista' jikkomunika, skont l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f'dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m'għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.

5.  Il-paragrafu 4 m'għandux japplika għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta' persuni.

Artikolu 20

Relazzjoni ma' ftehimiet jew arranġamenti li minnhom l-Istati Membri jagħmlu parti

1.  Dan ir-Regolament għandu, fir-rigward ta' materji li japplika għalihom, jipprevali fuq dispożizzjonijiet oħra misjuba fil-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali konklużi mill-Istati Membri, u b'mod partikolari l-Artikolu IV tal-Protokoll tal-Konvenzjoni ta' Brussel tal-1968 u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965.

2.  Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri individwali milli jkollhom jew jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti biex jgħaġġlu aktar jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) 

kopja tal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 konklużi bejn l-Istati Membri kif ukoll abbozzi ta' dawk il-ftehimiet jew arranġamenti li bi ħsiebhom jadottaw;

u

(b) 

kull denunzja ta', jew emendi għal, dawn il-ftehimiet jew arranġamenti.

Artikolu 21

Għajnuna legali

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili tas-17 ta' Lulju 1905, l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili tal-1 ta' Marzu 1954 jew l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1980 bejn l-Istati Membri li huma parti għal dawk il-Konvenzjonijiet.

Artikolu 22

Protezzjoni tal-informazzjoni trasmessa

1.  L-informazzjoni, inkluża b'mod speċjali d-data personali, trasmessa taħt dan ir-Regolament għandha tintuża mill-aġenzija riċeventi biss għall-għan li għalih tkun intbagħtet.

2.  L-aġenziji riċeventi għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jaffettwaw il-liġijiet nazzjonali li jippermettu li s-suġġetti tad-data jkunu mgħarrfa dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni trasmessa taħt dan ir-Regolament.

4.  Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 23

Komunikazzjoni u pubblikazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 10, 11, 13, 15 u 19. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni jekk, skont il-liġi tagħhom, dokument għandux ikun notifikat f'perijodu ta' żmien partikolari kif imsemmi fl-Artikoli 8(3) u 9(2).

2.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1 tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tal-indirizzi u dettalji oħra ta' kuntatt tal-aġenziji u tal-korpi ċentrali u ż-żoni ġeografiċi li fuqhom dawn għandhom ġurisdizzjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna fuq bażi regolari manwal li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u li għandu jkun disponibbli elettronikament, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali.

Artikolu 24

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2011, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-effikaċja ta' aġenziji maħturin skont l-Artikolu 2 u għall-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 3 (ċ) u l-Artikolu 9. Ir-rapport għandu jiġi akkompanjat, jekk hemm ħtieġa, bi proposti għal adattamenti ta' dan ir-Regolament skont l-evoluzzjoni tas-sistemi ta' notifika.

Artikolu 25

Tħassir

1.  Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar mid-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.  Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni tal-Anness III.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta' Novembru 2008 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 23 li għandu japplika mit-13 ta' Awwissu 2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.




ANNESS I

image

image

►(1) M1  

►(2) M1  

image

image

image

image

image

image

image




ANNESS II

image

image

image

image

image

▼M1

image

▼C1

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image




ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI



Regolament (KE) Nru 1348/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 1(1) it-tieni sentenza

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(2) it-tieni sentenza

Artikolu 7(2) it-tieni frażi (il-kliem tal-bidu) u Artikolu 7(2)(a)

Artikolu 7(2)(b)

Artikolu 7(2) it-tielet sentenza

Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu

Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3) sa (5)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(3)

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(2) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14(1)

Artikolu 14

Artikolu 14(2)

Artikolu 15(1)

Artikolu 15

Artikolu 15(2)

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17, frażi tal-bidu

Artikolu 17

Artikolu 17(a) sa (ċ)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 18 (3)

Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 23(1) it-tieni sentenza

Artikolu 23(2)

Artikolu 23(2)

Artiklu 23(3)

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 25

Artikolu 26

Anness

Anness I

Anness II

Anness III