02007R0862 — MT — 12.07.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 862/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 199 31.7.2007, p. 23)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2020/851 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Ġunju 2020

  L 198

1

22.6.2020




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 862/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja dwar:

(a) 

l-immigrazzjoni lejn u l-emigrazzjoni minn territorji ta’ l-Istat Membru, inklużi l-flussi mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat Membru ieħor u l-flussi bejn Stat Membru u t-territorju ta’ pajjiż terz;

(b) 

iċ-ċittadinanza u l-pajjiż ta’ twelid ta’ persuni abitwalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

▼M1

(c) 

il-proċeduri u l-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji fl-Istati Membri relatati mal-immigrazzjoni, mal-għoti ta’ permess ta’ residenza, maċ-ċittadinanza, mal-ażil u ma’ forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali, mad-dħul u s-soġġorn illegali, u mar-ritorni.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(a) 

“residenza abitwali” tfisser il-post li fih persuna normalment tqatta’ l-perjodu tal-mistrieħ tagħha matul il-ġurnata, irrispettivament minn assenzi temporanji għal finijiet ta’ rikreazzjoni, vakanza, żjarat lill-ħbieb u l-qraba, negozju, kura medika jew pellegrinaġġ reliġjuż; jew, jekk tali data ma tkunx disponibbli, il-post ta’ residenza legali jew reġistrata;

(b) 

“immigrazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna tistabbilixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru għal perjodu li hu, jew li hu mistenni li jkun, ta’ l-anqas tnax-il xahar, filwaqt li qabel kienet abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(ċ) 

“emigrazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna, li qabel kienet abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru, tħalli r-residenza tagħha f’dak l-Istat Membru għal perjodu li hu, jew li hu mistenni li jkun, ta’ l-anqas tnax-il xahar;

(d) 

“ċittadinanza” tfisser ir-rabta legali partikulari bejn individwu u l-Istat tiegħu, miksub permezz tat-twelid jew ta’ naturalizzazzjoni, kemm jekk permezz ta’ dikjarazzjoni, għażla, żwieġ kif ukoll jekk b’mezz ieħor skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(e) 

“pajjiż ta’ twelid” tfisser il-pajjiż ta’ residenza (fil-konfini preżenti tiegħu, jekk l-informazzjoni tkun disponibbli) ta’ l-omm fil-ħin tat-twelid, jew, jekk mhux disponibbli, il-pajjiż (fil-konfini preżenti tiegħu, jekk l-informazzjoni tkun disponibbli), li fih seħħ it-twelid;

(f) 

“immigrant” tfisser persuna li twettaq azzjoni ta’ immigrazzjoni;

(g) 

“emigrant” tfisser persuna li twettaq azzjoni ta’ emigrazzjoni;

(h) 

“resident għat-tul” tfisser resident għat-tul kif definit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 1 );

(i) 

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kull persuna li mhix ċittadin ta’ l-Unjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat, inklużi l-persuni mingħajr Stat;

▼M1

(j) 

“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 2 );

(k) 

“status ta” refuġjat’ tfisser status ta’ refuġjat kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(l) 

“status ta’ protezzjoni sussidjarja” tfisser status ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(m) 

“membri tal-familja” tfisser membri tal-familja kif definiti fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 3 );

▼B

(n) 

“protezzjoni temporanja” tfisser protezzjoni temporanja kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 dwar standards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn ( 4 );

▼M1

(o) 

“minorenni mhux akkumpanjat” tfisser minuri mhux akkumpanjat kif definit fil-punt (l) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(p) 

“fruntieri esterni” tfisser fruntieri esterni kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 5 );

(q) 

“ċittadini ta” pajjiż terz miċħuda d-dħul’ tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi miċħuda d-dħul fil-fruntiera esterna minħabba li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 u ma jiffurmawx parti minn kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) ta’ dak ir-Regolament;

▼B

(r) 

“ċittadini ta’ pajjiż terz misjuba preżenti b’mod illegali” tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi uffiċjalment misjuba li jkunu fuq it-territorju ta’ Stat Membru u li ma jissodisfawx, jew ma baqgħux jissodisfaw, il-kondizzjonijiet sabiex jibqgħu jew il-kondizzjonijiet ta’ residenza f’dak l-Istat Membru;

(s) 

“sistemazzjoni mill-ġdid” tfisser it-trasferiment ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew ta’ persuni mingħajr Stat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-bżonn tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u għal soluzzjoni fit-tul, lejn Stat Membru, fejn huma jkunu permessi jirrisjedu bi status legali assigurat.

2.  L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-użu u l-effetti probabbli ta’ stimi jew ta’ metodi oħrajn ta’ adattament ta’ l-istatistika bbażata fuq definizzjonijiet nazzjonali sabiex tkun konformi mad-definizzjonijiet armonizzati stipulati fil-paragrafu 1.

▼M1 —————

▼B

4.  Jekk Stat Membru ma jkunx marbut b’wieħed mit-testi legali jew aktar indikati fid-definizzjonijiet fil-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi statistika komparabbli ma’ dik rikjesta taħt dan ir-Regolament fejn tista’ tiġi pprovduta taħt proċeduri leġiżlattivi u/jew amministrattivi eżistenti.

Artikolu 3

Statistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali, popolazzjoni abitwalment residenti u l-akkwist taċ-ċittadinanza

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numru ta’:

(a) 

immigranti deħlin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassma kif ġej:

(i) 

gruppi skond iċ-ċittadinanza, skond l-età u s-sess;

(ii) 

gruppi skond il-pajjiż ta’ twelid, skond l-età u s-sess;

(iii) 

gruppi skond il-pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti skond l-età u s-sess;

(b) 

emigranti ħerġin mit-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassma kif ġej:

(i) 

gruppi ta’ ċittadinanzi;

(ii) 

skond l-età;

(iii) 

skond is-sess;

(iv) 

skond gruppi ta’ pajjiżi tar-residenza abitwali sussegwenti;

(ċ) 

persuni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat Membru fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, imqassma kif ġej:

(i) 

gruppi skond iċ-ċittadinanza skond l-età u s-sess;

(ii) 

gruppi skond il-pajjiż ta’ twelid skond l-età u s-sess;

(d) 

persuni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru u li kisbu, matul il-perjodu ta’ referenza, iċ-ċittadinanza ta’ l-Istat Membru u li qabel kellhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz jew li qabel kienu mingħajr Stat, imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza preċedenti tal-persuni kkonċernati u skond jekk il-persuna kinitx preċedentement mingħajr Stat.

2.  L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tnax-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 4

Statistika dwar il-protezzjoni internazzjonali

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numri ta’:

(a) 

persuni li ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li ġew inklużi f’applikazzjoni ta’ din ix-xorta bħala membri tal-familja matul il-perjodu ta’ referenza;

(b) 

persuni li jkunu s-suġġett ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati mill-awtorità nazzjonali responsabbli fl-aħħar tal-perjodu ta’ referenza;

(ċ) 

applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu ġew irtirati matul il-perjodu ta’ referenza.

Din l-istatistika għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Hija għandha tkun relatata mal-perjodi ta’ referenza ta’ xahar kalendarju u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn mit-tmiem tax-xahar ta’ referenza. L-ewwel xahar ta’ referenza għandu jkun Jannar 2008.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numri ta’:

(a) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jiċħdu applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, bħal deċiżjonijiet li jqisu applikazzjonijiet bħala inammissibbli jew bħala bla bażi u deċiżjonijiet meħudin fi proċeduri ta’ prijorità aċċelerati, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(b) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ refuġjat, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(ċ) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ protezzjoni sussidjarja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(d) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw protezzjoni temporanja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(e) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet oħrajn ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji taħt il-liġi nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni internazzjonali, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza.

Din l-istatistika għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Hija għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ tliet xhur kalendarji u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn mit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkun Jannar sa Marzu 2008.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numri ta’:

(a) 

applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu kkunsidrati mill-awtorità nazzjonali responsabbli bħala minorenni mhux akkumpanjati matul il-perjodu ta’ referenza;

(b) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali li jiċħdu applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, bħal deċiżjonijiet li jqisu applikazzjonijiet bħala inammissibbli jew bħala bla bażi u deċiżjonijiet meħudin fi proċeduri ta’ prijorità u aċċelerati, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(ċ) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ refuġjat, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(d) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ protezzjoni sussidjarja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(e) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali li jagħtu jew jirtiraw protezzjoni sussidjarja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(f) 

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali oħrajn, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji fuq appell jew reviżjoni, li jagħtu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji taħt il-liġi nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni internazzjonali matul il-perjodu ta’ referenza;

(g) 

persuni li ngħataw awtorizzazzjoni sabiex jirrisjedu fl-Istat Membru fi ħdan il-qafas ta’ skema nazzjonali jew Komunitarja ta’ sistemazzjoni mill-ġdid matul il-perjodu ta’ referenza, fejn tali skema tkun implimentata fl-Istat Membru.

Din l-istatistika għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Hija għandha tkun relatata mal-perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-istatistika li ġejja dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 ( 6 ):

(a) 

in-numru ta’ talbiet għar-riammissjoni jew għall-kustodja ta’ persuna li tfittex l-ażil;

(b) 

id-dispożizzjonijiet li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet msemmija fil-punt (a);

(ċ) 

id-deċiżjonijiet meħudin bħala risposta għat-talbiet msemmija fil-punt (a);

(d) 

in-numru ta’ trasferimenti bħala riżultat tad-deċiżjonijiet msemmija fil-punt (ċ);

(e) 

in-numru ta’ talbiet għall-informazzjoni.

Din l-istatistika għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 5

Statistika dwar il-prevenzjoni ta’ dħul jew residenza illegali

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika dwar in-numri ta’:

(a) 

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul fit-territorju ta’ l-Istat Membru fil-fruntiera esterna;

(b) 

ċittadini ta’ pajjiżi terzi misjuba preżenti illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru skond il-liġijiet nazzjonali relatati ma’ l-immigrazzjoni.

▼M1

L-istatistika taħt il-punt (a) għandha tkun imqassma skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/399.

L-istatistika taħt il-punt (b) għandha tkun imqassma skont l-età u s-sess, skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati, skont ir-raġunijiet għall-arrest tagħhom u skont il-post tal-arrest.

▼B

2.  L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 6

Statistika dwar il-permessi ta’ residenza u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika dwar:

(a) 

in-numru ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil persuni li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, imqassam kif ġej:

(i) 

permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza li bih il-persuna tkun qed tingħata l-permess sabiex tirrisjedi għall-ewwel darba, imqassma skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess;

(ii) 

permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza u mogħtija meta persuna tkun qed tibdel l-istat ta’ l-immigrazzjoni jew ir-raġuni għala trid tibqa’, imqassma skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess;

(iii) 

permessi validi fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza (in-numru tal-permessi maħruġa, mhux irtirati u mhux skaduti), imqassma skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni tal-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess;

(b) 

in-numru ta’ residenti fit-tul, fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, imqassam skond iċ-ċittadinanza.

2.  Fejn il-liġijiet nazzjonali u l-prattika amministrattiva ta’ l-Istat Membru jippermettu l-għotja ta’ kategoriji speċifiċi ta’ viża fit-tul jew ta’ stat ta’ immigrazzjoni minflok permessi ta’ residenza, l-għadd ta’ tali viżi u għotjiet ta’ l-istat għandhom ikunu inklużi fl-istatistika meħtieġa skond il-paragrafu 1.

3.  L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 7

Statistika dwar ir-ritorni

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika relatata ma’:

(a) 

in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz misjuba preżenti illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru u li jkunu suġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jattestaw jew jiddikjaraw li r-residenza tagħhom hija illegali u li jimponu obbligu sabiex iħallu t-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassam skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati;

(b) 

in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fil-fatt ħallew it-territorju ta’ l-Istat Membru, wara deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, kif imsemmi fil-punt (a), imqassam skond iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati;

2.  L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

3.  L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tinkludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu trasferiti minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor permezz tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 343/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1560/2003.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 9

Sorsi ta’ data u standards ta’ kwalità

1.  L-istatistika għandha tkun ibbażata fuq is-sorsi ta’ data li ġejjin skond id-disponibilità fl-Istat Membru u konformement mal-liġijiet u l-prattika nazzjonali:

(a) 

ir-records ta’ l-azzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji;

(b) 

ir-reġistri relatati ma’ l-azzjonijiet amministrattivi;

(ċ) 

ir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ persuni jew ta’ subgrupp partikulari ta’ dik il-popolazzjoni;

(d) 

ċensimenti;

(e) 

surveys kampjunarji;

(f) 

sorsi adatti oħrajn.

Bħala parti mill-proċess ta’ l-istatistika, jistgħu jintużaw metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika u dokumentati sew.

▼M1

1a.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tad-data u tal-metadata trasmessi taħt dan ir-Regolament.

1b.  Il-kriterji ta’ kwalità elenkati fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) għandhom japplikaw għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni (Eurostat), fil-forma ta’ rapporti dwar il-kwalità, dwar is-sorsi ta’ data użati, ir-raġunijiet għall-għażla ta’ dawk is-sorsi, l-effetti tas-sorsi ta’ data magħżula fuq il-kwalità tal-istatistika, il-miżuri tekniċi u organizzattivi użati biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali u l-metodi ta’ stima użati, u għandhom iżommu lill-Kummissjoni (Eurostat) informata bi kwalunkwe tibdil fihom.

3.  Fuq it-talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdulha l-kjarifika addizzjonali meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tal-informazzjoni statistika.

4.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) mingħajr dewmien dwar kwalunkwe reviżjoni jew korrezzjoni fl-istatistika provduta taħt dan ir-Regolament, dwar kwalunkwe bidla fil-metodi u s-sorsi ta’ data użati, u dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti jew bidla fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li tista’ tinfluwenza l-kwalità tad-data trasmessa.

5.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni:

(a) 

li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għal, u l-kontenut ta’, ir-rapporti dwar il-kwalità msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b) 

fir-rigward tal-miżuri relatati mad-definizzjoni tal-formati adatti għat-trasmissjoni ta’ data taħt dan ir-Regolament.

L-atti msemmija fil-punt (a) ma għandhomx jimponu piżijiet jew spejjeż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

▼M1

Artikolu 9a

Studji pilota

1.  F’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi studji pilota, li għandhom jitwettqu fuq bażi volontarja mill-Istati Membri, sabiex tiġi ttestjata l-fattibbiltà ta’ ġabriet jew tqassimiet ġodda ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-disponibbiltà ta’ sorsi adatti ta’ data u ta’ tekniki adatti ta’ produzzjoni, il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika u l-ispejjeż u l-piżijiet involuti. L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni (Eurostat), jiżguraw li l-istudji jkunu rappreżentattivi fil-livell tal-Unjoni.

2.  Qabel ma jinbeda kull studju pilota speċifiku, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa jekk l-istatistika l-ġdida tistax tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fis-sorsi amministrattivi rilevanti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu armonizzati l-kunċetti użati, fejn possibbli, u sabiex jiġu mminimizzati l-piżijiet addizzjonali fuq l-istituti nazzjonali tal-istatistika u fuq awtoritajiet nazzjonali oħra u biex jittejjeb l-użu tad-data eżistenti f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tqis ukoll il-piż li jirriżulta minn studji pilota oħra li jkunu għaddejjin sabiex tillimita n-numru ta’ studji pilota konkurrenti matul l-istess perijodu ta’ żmien.

3.  L-istudji pilota msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu relatati mas-suġġetti li ġejjin:

(a) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4 komplessivament, tqassim skont ix-xahar li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

(b) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(1):

(i) 

in-numru ta’ persuni li ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li ġew inklużi f’applikazzjoni tali bħala membri tal-familja u li:

— 
kienu eżentati minn proċedura mgħaġġla jew proċedura fuq il-fruntiera jew li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali ġew ipproċessati taħt tali proċedura fuq il-fruntiera;
— 
ma kinux reġistrati fil-Eurodac;
— 
ippreżentaw evidenza dokumentarja li tista’ tgħin fl-istabbiliment tal-identità tagħhom;
— 
inżammu f’detenzjoni, imqassmin skont it-tul taż-żmien f’detenzjoni u skont ir-raġunijiet għad-detenzjoni, jew kienu soġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li ordnaw id-detenzjoni tagħhom jew alternattiva għad-detenzjoni, imqassmin skont it-tip ta’ alternattiva u skont ix-xahar li fih inħarġu tali deċiżjoni jew att;
— 
ibbenefikaw minn assistenza legali mingħajr ħlas;
— 
ibbenefikaw minn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kif speċifikat taħt il-punt (g) tal-Artikolu 4(1), imqassmin skont l-età, skont is-sess, skont iċ-ċittadinanza u skont minorenni mhux akkumpanjati, u l-possibbiltà li din l-istatistika tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ xahar;
— 
kienu minorenni mhux akkumpanjati li għalihom inħatar rappreżentant, jew kienu minorenni mhux akkumpanjati li ngħataw aċċess għas-sistema tal-edukazzjoni jew kienu minorenni mhux akkumpanjati li tqiegħdu skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2011/95/UE;
— 
saritilhom valutazzjoni tal-età, inklużi r-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet;
(ii) 

in-numru medju ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għal kull rappreżentant;

(c) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(2) u (3):

(i) 

għall-persuni koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 4(2) jew il-punt (b) tal-Artikolu 4(3), tqassim skont id-deċiżjonijiet li ċaħdu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali:

— 
bħala inammissibbli, skont ir-raġuni għall-inammissibbiltà;
— 
bħala bla bażi;
— 
bħala manifestament bla bażi skont il-proċedura regolari, skont ir-raġuni għaċ-ċaħda;
— 
bħala manifestament bla bażi skont proċedura mgħaġġla, skont ir-raġuni għaċ-ċaħda u skont ir-raġuni għall-għaġla;
— 
minħabba li l-applikant ikun eliġibbli għall-protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha;
(ii) 

għall-persuni koperti mill-punti (b) u (c) tal-Artikolu 4(2) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4(3), tqassim skont deċiżjonijiet dwar il-waqfien jew l-esklużjoni, imqassmin ulterjorment skont ir-raġuni għall-waqfien jew l-esklużjoni;

(iii) 

in-numru ta’ persuni li fir-rigward tagħhom ittieħdu deċiżjonijiet wara intervista personali;

(iv) 

in-numru ta’ persuni li fir-rigward tagħhom ittieħdu deċiżjonijiet tal-ewwel istanza jew deċiżjonijiet finali li naqqsu jew irtiraw il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali;

(d) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(3), it-tul tal-appelli;

(e) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(4), tqassim skont l-età u skont iċ-ċittadinanza;

(f) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 6, in-numru ta’:

(i) 

applikazzjonijiet u applikazzjonijiet miċħuda għal permessi ta’ residenza għall-ewwel darba minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu ta’ referenza, imqassmin skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għat-talba għall-permess, skont l-età u skont is-sess;

(ii) 

applikazzjonijiet miċħuda għal permess ta’ residenza meta ċittadin ta’ pajjiż terz ibiddel l-istatus ta’ immigrazzjoni jew ir-raġuni għas-soġġorn;

(iii) 

permessi ta’ residenza maħruġa għal raġunijiet ta’ familja, imqassmin skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess u skont l-istatus tal-isponsor taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(g) 

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 7, tqassim skont:

(i) 

ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet jew l-atti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu;

(ii) 

in-numru ta’ persuni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu li kienu soġġetti għal projbizzjoni fuq id-dħul;

(iii) 

in-numru ta’ persuni fi proċeduri ta’ ritorn soġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li ordnaw id-detenzjoni tagħhom, imqassmin ulterjorment skont it-tul taż-żamma f’detenzjoni, jew soġġetti għal alternattiva għal detenzjoni, imqassmin skont it-tip ta’ alternattiva, u skont ix-xahar li fih tali deċiżjoni jew att inħarġu;

(iv) 

in-numru ta’ persuni ritornati, imqassmin ulterjorment skont il-pajjiż tad-destinazzjoni u skont it-tip ta’ deċiżjoni jew att kif ġej:

— 
f’konformità ma’ ftehim formali ta’ riammissjoni tal-Unjoni;
— 
f’konformità ma’ ftehim informali ta’ riammissjoni tal-Unjoni;
— 
f’konformità ma’ ftehim ta’ riammissjoni nazzjonali.

4.  Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa r-riżultati tal-istudji pilota f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u għandha tagħmel ir-riżultati disponibbli għall-pubbliku. L-evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-valur miżjud tal-ġabriet ġodda ta’ data taħt l-istudji pilota fil-livell tal-Unjoni u analiżi tal-kosteffettività, inkluża valutazzjoni tal-piż fuq dawk li jwieġbu u tal-ispejjeż tal-produzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

5.  B’kont meħud tal-evalwazzjoni pożittiva tar-riżultati tal-istudji pilota, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

6.  Sabiex ikun iffaċilitat it-twettiq tal-istudji pilota msemmija f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi l-finanzjament adatt f’konformità mal-Artikolu 9b lill-Istati Membri li jwettqu dawk l-istudji pilota.

7.  Sat-13 ta’ Lulju 2022 u kull sentejn sussegwenti, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrapporta dwar il-progress ġenerali li jkun sar fir-rigward tas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 3. Ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 9b

Finanzjament

1.  Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u lil awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għal:

(a) 

l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda għall-istatistika taħt dan ir-Regolament, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi studji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 9a;

(b) 

l-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta’ ġabriet u tqassimiet ġodda ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-aġġornament tas-sorsi ta’ data u tas-sistemi tal-IT, għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin.

2.  Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu pprovduti f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ).

▼M1

Artikolu 10

Atti ta’ implimentazzjoni għall-ispeċifikazzjoni ta’ tqassimiet

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-fini tal-ispeċifikazzjoni ta’ tqassimiet f’konformità mal-Artikoli 4 sa 7. Meta tkun qed tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika l-ħtieġa għat-tqassimiet ikkonċernati għall-finijiet tal-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil u għandha tiżgura li tali atti ta’ implimentazzjoni ma jimponux spejjeż jew piżijiet addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2) sa mhux aktar tard minn 18-il xahar qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ referenza, fejn id-data tirreferi għal sena kalendarja, u mhux aktar tard minn 6 xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ referenza, fejn id-data tirreferi għal perijodu inqas minn sena.

Artikolu 11

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M1

Artikolu 11a

Derogi

1.  Fejn l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew tal-atti ta’ implimentazzjoni adottati taħtu, tkun tirrikjedi li jsiru adattamenti estensivi lis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tagħti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deroga għat-tul ta’ żmien mitlub mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm dak il-perijodu ma jeċċedix tliet snin. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komparabbiltà tad-data tal-Istati Membri u l-kalkolu f’waqtu tat-tqassimiet Ewropej rappreżentattivi u affidabbli meħtieġa u għandha tqis il-piż fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.

2.  Fejn deroga skont il-paragrafu 1 tkun għadha ġustifikata b’evidenza suffiċjenti fi tmiem il-perijodu li għalih tkun ingħatat, il-Kummissjoni tista’ tagħti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deroga għal perijodu ulterjuri ta’ żmien mitlub mill-Istat Membru kkonċernat sakemm il-perijodu ma jkunx aktar minn sentejn.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, Stat Membru għandu jippreżenta talba ġustifikata kif dovut lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Ottubru 2020 jew fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni kkonċernat, jew fi żmien sitt xhur qabel tmiem il-perijodu li għalih tkun ingħatat id-deroga attwali, skont il-każ.

4.  Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

▼B

Artikolu 12

Rapport

Sa l-20 ta’ Awwissu 2012 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kompilata skond dan ir-Regolament u l-kwalità tagħha.

Artikolu 13

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 311/76 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

( 2 ) ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.

( 3 ) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31.

( 4 ) ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

( 5 ) ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

( 6 ) ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3.

( 7 ) Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

( 8 ) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

( 9 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).