02007R0861 — MT — 14.07.2017 — 003.004


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) NRU 861/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

(ĠU L 199 31.7.2007, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

  L 158

1

10.6.2013

►M2

REGOLAMENT (UE) 2015/2421 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta' Diċembru 2015

  L 341

1

24.12.2015

 M3

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1259 tad-19 ta' Ġunju 2017

  L 182

1

13.7.2017


Ikkoreġut bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 141, 5.6.2015, p.  118 (861/2007)

►C2

Rettifika, ĠU L 069, 13.3.2018, p.  63 (2017/1259)




▼B

REGOLAMENT (KE) NRU 861/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar



KAPITOLU I

SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura Ewropea għal talbiet żgħar (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar”), bil-ħsieb li tissimplifika u taċċelera l-litigazzjoni dwar talbiet żgħar f’każijiet transkonfinali, u li tnaqqas l-ispejjeż. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandu jkun disponibbli għal-litiganti bħala alternattiva għall-proċeduri eżistenti taħt il-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

Dan ir-Regolament jelimina wkoll il-proċedimenti intermedji meħtieġa għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fi Stati Membri oħra, ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

▼M2

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika, f'każijiet transkonfinali kif definiti fl-Artikolu 3, f'materji ċivili u kummerċjali, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal, fejn il-valur ta' talba ma jaqbiżx l-EUR 5 000 fil-mument meta l-qorti jew it-tribunal li għandhom il-ġurisdizzjoni jirċievu l-formola tat-talba, esklużi l-interessi, l-ispejjeż u l-infiq kollha. M'għandux jestendi, b'mod partikolari, għal kwistjonijiet ta' introjtu, dwana jew għal materji amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (acta jure imperii).

2.  Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal materji li jirrigwardaw:

(a) l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta' persuni fiżiċi;

(b) drittijiet fuq proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni matrimonjali jew minn relazzjoni li titqies mil-liġi applikabbli għal tali relazzjoni li għandha effetti komparabbli għal żwieġ;

(c) obbligi ta' manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta' filjazzjoni, ta' żwieġ jew ta' affinità;

(d) testmenti u suċċessjoni, inklużi obbligi tal-manteniment li jirriżultaw minħabba mewt;

(e) falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta' kumpanniji insolventi jew ta' persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

(f) sigurtà soċjali;

(g) l-arbitraġġ;

(h) il-liġi dwar l-impjiegi;

(i) il-kiri ta' proprjetà immobbli, ħlief azzjonijiet dwar talbiet monetarji; jew

(j) il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u ta' drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni.

▼B

Artikolu 3

Każijiet transkonfinali

1.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru divers mill-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal fejn tkun saret it-talba.

▼M2

2.  Id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

3.  Il-mument rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-każ huwiex transkonfinali hija d-data li fiha tiġi riċevuta l-formola tat-talba mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti.

▼B



KAPITOLU II

IL-PROĊEDURA EWROPEA GĦAL TALBIET ŻGĦAR

Artikolu 4

Bidu tal-Proċedura

1.  L-attur għandu jagħti bidu għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar billi jimla l-formola tat-talba standard A, kif tinsab fl-Anness I, u jippreżentaha fil-qorti jew fit-tribunal kompetenti direttament, bil-posta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, bħall-fax jew bħall-posta elettronika, aċċettabbli għall-Istat Membru fejn tinbeda l-proċedura. Il-formola tat-talba għandha tinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġaw it-talba u tkun akkumpanjata, skond il-każ, minn kwalunkwe dokumenti rilevanti ta’ sostenn.

2.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar liema mezzi ta’ komunikazzjoni ikunu aċċettabbli għalihom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel tali informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

3.  Fejn talba ma taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-qorti jew it-tribunal għandhom jgħarrfu lill-attur b’dan. Sakemm l-attur ma jirtirax it-talba, il-qorti jew it-tribunal għandhom jipproċedu bit-talba skond il-liġi proċedurali rilevanti applikabbli fl-Istat Membru fejn titmexxa l-proċedura.

4.  Fejn il-qorti jew it-tribunal jikkunsidraw li l-informazzjoni pprovduta mill-attur ma tkunx suffiċjentement ċara jew adegwata jew jekk il-formola tat-talba ma tkunx ġiet mimlija sew, u sakemm it-talba ma tkunx tidher manifestament mingħajr bażi jew l-applikazzjoni ma tkunx tidher inammissibbli, huma għandhom jagħtu lill-attur l-opportunità li jimla jew jirrettifika l-formola tat-talba jew li jipprovdi informazzjoni jew dokumenti supplimentari jew li jirtira t-talba, f’tali perijodu li huma jispeċifikaw. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jużaw il-formola standard B, kif tinsab fl-Anness II, għal dan il-għan.

Fejn it-talba tkun tidher manifestament mingħajr bażi jew l-applikazzjoni tkun tidher inammissibbli jew l-attur jonqos milli jimla jew jirrettifika l-formola tat-talba fiż-żmien speċifikat, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda. ►M2  Il-qorti jew tribunal għandu jinforma lir-rikorrent b'tali ċaħda tat-talba u jekk appell huwiex disponibbli kontra din iċ-ċaħda. ◄

▼M2

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Formola A standard tat-talba tkun disponibbli fil-qrati u t-tribunali kollha li quddiemhom il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tista' tinbeda u li tkun aċċessibbli permezz ta' siti web nazzjonali rilevanti.

▼B

Artikolu 5

Tmexxija tal-Proċedura

▼M2

1.  Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun proċedura bil-miktub.

1a.  Il-qorti jew it-tribunal għandu jagħmel seduta orali biss jekk fil-fehma tiegħu ma tkunx tista' tingħata sentenza fuq il-bażi ta' prova bil-miktub jew jekk parti titlob din is-seduta. Il-qorti jew it-tribunal jista' jiċħad tali talba jekk iqis li, fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-każ, seduta orali mhix meħtieġa għat-tmexxija ġusta tal-kawża. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda għandhom jingħataw bil-miktub. Iċ-ċaħda ma tistax tiġi kkontestata separatament minn kontestazzjoni tas-sentenza nnifisha.

▼B

2.  Wara li jirċievu l-formola tat-talba korrettament mimlija, il-qorti jew it-tribunal għandhom jimlew il-Parti I tal-formola ta’ risposta standard C, kif tinsab fl-Anness III.

Għandhom jiġu nnotifikati lill-konvenut, skond l-Artikolu 13, kopja tal-formola tat-talba, u fejn applikabbli, tad-dokumenti ta’ sostenn, flimkien mal-formola ta’ risposta hekk mimlija. Dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien 14-il jum mir-riċezzjoni tal-formola tat-talba debitament mimlija.

3.  Il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika tal-formola tat-talba u tal-formola ta’ risposta, billi jimla l-Parti II tal-formola standard ta’ risposta C, akkumpanjata, fejn ikun il-każ, minn kwalunkwe dokument ta’ sostenn rilevanti u jibgħatha lura lill-qorti jew lit-tribunal, jew bi kwalunkwe mod adegwat ieħor li ma jinvolvix l-użu tal-formola ta’ risposta.

4.  Fi żmien 14-il jum mir-riċezzjoni tar-risposta mill-konvenut, il-qorti jew it-tribunal għandha tintbagħat lill-attur kopja tagħha, flimkien ma’ kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn.

5.  Jekk, fir-risposta tiegħu, il-konvenut jiddikjara li l-valur ta’ talba mhux monetarja jeċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-qorti jew it-tribunal għandhom jiddeċiedu fi żmien 30 jum minn meta jibagħtu r-risposta lill-attur jekk it-talba taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata separatament.

6.  Kwalunkwe kontrotalba, li għandha tiġi ppreżentata bl-użu tal-formola standard A, u kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn għandhom jiġu nnotifikati lill-attur skond l-Artikolu 13. Dawk id-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien erbatax-il jum mir-riċezzjoni.

L-attur għandu jkollu 30 jum mid-data tan-notifika sabiex jirrispondi għal kwalunkwe kontrotalba.

7.  Jekk il-kontrotalba teċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1), it-talba u l-kontrotalba m’għandhomx jipproċedu fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar iżda għandhom jiġu ttrattati skond il-liġi proċedurali rilevanti li tkun applikabbli fl-Istat Membru fejn titmexxa l-proċedura.

L-Artikoli 2 u 4 kif ukoll il-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-kontrotalbiet.

Artikolu 6

Lingwi

1.  Il-formola tat-talba, ir-risposta, kwalunkwe kontrotalba, kwalunkwe risposta għal kontrotalba u kwalunkwe deskrizzjoni ta’ dokumenti rilevanti ta’ sostenn għandhom jiġu preżentati bil-lingwa jew waħda mil-lingwi tal-proċedimenti tal-qorti jew tat-tribunal.

2.  Jekk xi dokument ieħor li l-qorti jew it-tribunal ikunu rċevew ma jkunx b’lingwa li biha jitmexxew il-proċedimenti, il-qorti jew it-tribunal jistgħu jesiġu traduzzjoni ta’ dak id-dokument fil-każ biss fejn ikun jidher li t-traduzzjoni tkun meħtieġa sabiex tingħata s-sentenza.

3.  Fejn parti tirrifjuta li taċċetta dokument minħabba li dan ma jkun fl-ebda waħda mil-lingwi li ġejjin:

(a) il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru destinatarju jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha tingħata n-notifika jew fejn id-dokument għandu jintbagħat; jew

(b) lingwa li d-destinatarju jifhem,

il-qorti jew it-tribunal għandhom jinformaw lill-parti l-oħra b’dan, bil-ħsieb li dik il-parti tipprovdi traduzzjoni tad-dokument.

Artikolu 7

Konklużjoni tal-Proċedura

1.  Fi żmien 30 jum wara r-riċezzjoni tar-risposta mill-konvenut jew mill-attur fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(3) jew (6), il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħtu sentenza, jew:

(a) jesiġu dettalji ulterjuri dwar it-talba mill-partijiet f’perijodu speċifikat ta’ żmien, li ma jeċċedix 30 jum;

(b) jieħdu l-provi skond l-Artikolu 9; jew

(ċ) jordnaw l-attendenza tal-partijiet għal seduta orali li għandha tinżamm fi żmien 30 jum miċ-ċitazzjoni.

2.  Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħtu s-sentenza fi żmien 30 jum minn kwalunkwe seduta orali jew wara li jkunu rċevew l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tingħata s-sentenza. Is-sentenza għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet skond l-Artikolu 13.

3.  Jekk il-qorti jew it-tribunal ma jkunux irċevew risposta mill-parti rilevanti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5 (3) jew (6), għandhom jagħtu s-sentenza fir-rigward tat-talba jew tal-kontrotalba.

▼M2

Artikolu 8

Seduta orali

1.  Meta seduta orali titqies meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 5(1a), din għandha ssir permezz tal-użu ta' kwalunkwe teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod adatta, bħal vidjokonferenza jew telekonferenza, tkun disponibbli għall-qorti jew it-tribunal, sakemm l-użu ta' tali teknoloġija, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma jkunx adatt għat-tmexxija ġusta tal-proċedimenti.

Meta l-persuna li għandha tinstema' tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew it-tribunal aditi, l-attendenza ta' dik il-persuna f'seduta orali għandha ssir permezz ta' vidjokonferenza, telekonferenza jew teknoloġija ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatta oħra bl-użu tal-proċeduri previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 ( 2 ).

2.  Parti msejħa biex tkun fiżikament preżenti f'seduta orali tista' titlob li tuża teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod, dment li teknoloġija bħal din tkun disponibbli fil-qorti jew tribunal, minħabba li l-arranġamenti biex tkun fiżikament preżenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż possibbli li ġġarrab minn dik il-parti, ikunu sproporzjonati għat-talba.

3.  Parti msejħa biex tattendi seduta orali permezz ta' teknoloġija ta' komunikazzjoni mill-bogħod tista' titlob li tkun fiżikament preżenti waqt dik is-seduta. Il-Formola standard tat-talba A u l-Formola standard ta' risposta C stabbiliti f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jipprovdu informazzjoni lill-partijiet li l-irkupru ta' kull spiża mġarrba mill-parti minħabba li tkun fiżikament preżenti fis-seduta orali, fuq talba ta' dik il-parti, huwa soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16.

4.  Id-deċiżjoni tal-qorti jew it-tribunal dwar talba prevista fil-paragrafi 2 u 3 ma tistax tkun ikkontestata separatament minn kontestazzjoni tas-sentenza nnifisha.

Artikolu 9

Ġbir ta' provi

1.  Il-qorti jew it-tribunal għandu jiddetermina l-mezzi għall-ġbir tal-provi, u l-firxa tal-provi meħtieġa għas-sentenza tiegħu, skont ir-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà tal-provi. Huwa għandu jagħżel il-metodu tal-ġbir tal-provi li jkun l-aktar sempliċi u l-inqas oneruż.

2.  Il-qorti jew it-tribunal jista' jaċċetta l-ġbir tal-provi permezz ta' stqarrijiet ta' xhieda, ta' esperti jew tal-partijiet bil-miktub.

3.  Fejn il-ġbir tal-provi jfisser illi l-persuna tinstemgħa, dak is-smigħ għandu jsir skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8.

4.  Il-qorti jew it-tribunal jista' jisma' x-xiehda ta' esperti jew xiehda orali biss jekk ma jkunx possibbli li tingħata sentenza fuq il-bażi ta' provi oħra.

▼B

Artikolu 10

Rappreżentanza tal-partijiet

Ir-rappreżentanza minn avukat jew minn professjonist legali ieħor ma’ għandhiex tkun obbligatorja.

▼M2

Artikolu 11

Assistenza lill-partijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għall-partijiet li jirċievu kemm assistenza prattika biex jimlew il-formoli kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar il-kamp ta'applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar liema qrati jew tribunali fl-Istat Membru kkonċernat huma kompetenti biex jagħtu sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Dik l-assistenza għandha tingħata mingħajr ħlas. Xejn f'dan il-paragrafu ma jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu għajnuna legali jew assistenza legali fil-forma ta' valutazzjoni legali ta' każ speċifiku.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex joffru l-assistenza skont il-paragrafu 1 hija disponibbli fil-qrati u t-tribunali kollha li quddiemhom il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tista' tinbeda, u hija aċċessibbli permezz ta' siti web nazzjonali rilevanti.

▼B

Artikolu 12

L-ambitu ta’ l-awtorità tal-qorti jew tat-tribunal

1.  Il-qorti jew it-tribunal m’għandhomx jesiġu li l-partijiet jagħmlu xi valutazzjoni ġuridika tat-talba.

2.  Jekk ikun meħtieġ, il-qorti jew it-tribunal għandhom jinformaw lill-partijiet dwar kwistjonijiet proċedurali.

3.  Kull meta jkun xieraq, il-qorti jew it-tribunal għandhom ifittxu soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet.

▼M2

Artikolu 13

Notifika ta' dokumenti u komunikazzjonijiet bil-miktub oħra

1.  Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2) u (6) u sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 7 għandhom jiġu notifikati:

(a) permezz tas-servizz tal-posta, jew

(b) b'mezzi elettroniċi:

(i) fejn dawn il-mezzi huma teknikament disponibbli u ammissibbli skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih tkun qed titwettaq il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u, jekk il-parti li għandha tiġi notifikata hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor, skont ir-regoli proċedurali f'dak l-Istat Membru; u

(ii) meta l-parti li għandha tiġi notifikata tkun aċċettat b'mod espliċitu minn qabel li d-dokumenti jistgħu jiġu notifikati lilha permezz ta' mezzi elettroniċi jew, skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru li l-parti tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fih, hija taħt obbligu legali li taċċetta dak il-metodu speċifiku ta' notifika.

In-notifika għandha tkun iċċertifikata b'konferma tar-riċevuta inkluża d-data tar-riċevuta.

2.  Il-komunikazzjonijiet kollha bil-miktub mhux imsemmija fil-paragrafu 1 bejn il-qorti jew it-tribunal u l-partijiet jew persuni oħra involuti fil-proċedimenti għandhom isiru b'mezzi elettroniċi ċċertifikati permezz ta' konferma tar-riċevuta, fejn dawn il-mezzi jkunu teknikament disponibbli u ammissibbli skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih titwettaq il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar dment li l-parti jew il-persuna tkun aċċettat minn qabel dawn il-mezzi ta' komunikazzjoni jew, f'konformità mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih dik il-parti jew persuna tkun domiċiljata jew abitwalment residenti, tkun taħt obbligu legali li taċċetta tali mezzi ta' komunikazzjoni.

3.  Minbarra kwalunkwe mezz ieħor disponibbli skont ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri biex tiġi espressal-aċċettazzjoni minn qabel, kif meħtieġ skont il-paragrafi 1 u 2, għall-użu ta' mezzi elettroniċi, għandu jkun possibbli li tali aċċettazzjoni tiġi espressa permezz tal-Formola standard tat-talba A u l-Formola standard ta' risposta C.

4.  Jekk ma tkunx possibbli n-notifika skont il-paragrafu 1, in-notifika tista' ssir bi kwalunkwe metodu previst fl-Artikolu 13 jew 14 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.

Jekk il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 2 mhix possibbli, jew, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma tkunx xierqa, jista' jintuża kwalunkwe metodu ieħor ta' komunikazzjoni ammissibbli skont il-liġi tal-Istat Membru li fih qed titwettaq il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

▼B

Artikolu 14

Limiti ta’ żmien

1.  Fejn l-qorti jew it-tribunal jiffissaw skadenza, il-parti konċernata għandha tiġi informata bil-konsegwenzi jekk ma tiġix rispettata dik l-iskadenza.

2.  Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 5(3) u (6) u fl-Artikolu 7(1), f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-partijiet.

3.  Jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għall-qorti jew għat-tribunal li jirrispettaw il-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 5(2) sa (6), kif ukoll fl-Artikolu 7, huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa minn dawk id-dispożizzjonijiet mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 15

L-eżekutorjetà tas-sentenza

1.  Is-sentenza għandha tkun eżegwibbli minkejja kwalunkwe appell possibbli. Ma’ għandux ikun meħtieġ l-għoti ta’ garanzija.

2.  L-Artikolu 23 għandu japplika wkoll fil-każ li s-sentenza jkollha tiġi eżegwita fl-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza.

▼M2

Artikolu 15a

Tariffi tal-qorti u metodi ta' ħlas

1.  It-tariffi tal-qorti imposti fi Stat Membru għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar m'għandhomx ikunu sproporzjonati u m'għandhomx ikunu ogħla mit-tariffi tal-qorti mitluba għal proċeduri simplifikati tal-qorti nazzjonali f'dak l-Istat Membru.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet jistgħu jħallsu t-tariffi tal-qorti permezz ta' metodi ta' ħlas mill-bogħod li jippermettu lill-partijiet li jagħmlu l-ħlas ukoll minn Stat Membru li mhuwiex l-Istati Membru fejn tinsab il-qorti jew it-tribunal, billi mill-inqas joffru wieħed minn dawn il-metodi ta' ħlas:

(a) trasferiment bankarju;

(b) karta ta' kreditu jew ta' debitu; jew

(c) debitu dirett mill-kont bankarju tar-rikorrent.

▼B

Artikolu 16

Spejjeż

Il-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż tal-kawża. Madankollu, il-qorti jew it-tribunal m’għandhomx jaġġudikaw l-ispejjeż lill-parti li favur tagħha tinqata’ l-kawża safejn dawn ma jkunux saru mingħajr ħtieġa jew ma jkunux proporzjonati għat-talba.

Artikolu 17

Appell

1.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni jekk appell ikunx disponibbli skond il-liġi proċedurali tagħhom kontra sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u f’liema limitu ta’ żmien għandu jsir tali appell. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli pubblikament.

▼M2

2.  L-Artikoli 15a u 16 għandhom japplikaw għal kwalunkwe appell.

Artikolu 18

Reviżjoni tas-sentenza f'każijiet eċċezzjonali

1.  Il-konvenut li naqas li jidher quddiem il-qorti jew it-tribunal huwa intitolat li jitlob reviżjoni tas-sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti jew tribunal kompetenti tal-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza, fejn:

(a) il-konvenut ma kienx innotifikat bil-formola tat-talba jew, fil-każ ta' seduta orali, ma kienx imsejjaħ għal dik is-seduta, fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li seta' jħejji d-difiża tiegħu; jew

(b) il-konvenut ma setax jikkontesta t-talba minħabba force majeure jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda ħtija min-naħa tiegħu;

sakemm il-konvenut ma kienx naqas milli jappella s-sentenza meta seta' jagħmel dan.

2.  It-terminu għall-applikazzjoni għal reviżjoni huwa ta' 30 ġurnata. It-terminu għall-applikazzjoni għal reviżjoni jibda jgħodd mill-jum meta l-konvenut sar jaf effettivament bil-kontenut tas-sentenza u seta' jirreaġixxi, u mhux aktar tard mid-data tal-ewwel miżura ta' eżekuzzjoni li jkollha l-effett li l-proprjetà tiegħu issir parzjalment jew kollha kemm hi indisponibbli. L-ebda estensjoni taż-żmien ma tista' tingħata.

3.  Jekk il-qorti tiċħad l-applikazzjoni għal reviżjoni imsemmija fil-paragrafu 1 minħabba li l-ebda waħda mir-raġunijiet għal reviżjoni mniżżla f'dak il-paragrafu ma tkunx tapplika, is-sentenza tibqa' fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li reviżjoni hija ġġustifikata abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun nulla u bla effett. Madankollu, ir-rikorrent m'għandu jitlef l-ebda benefiċċju li jirriżulta minn kwalunkwe interruzzjoni tal-perijodi ta' preskrizzjoni jew ta' dekadenza meta tali interruzzjoni tkun tapplika skont il-liġi nazzjonali.

▼B

Artikolu 19

Liġi proċedurali applikabbli

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun regolata mil-liġi proċedurali ta’ l-Istat Membru li fih titmexxa l-proċedura.



KAPITOLU III

RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI FI STAT MEMBRU IEĦOR

Artikolu 20

Rikonoxximent u eżekuzzjoni

1.  Sentenza mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà u mingħajr l-ebda possibbiltà li jiġi oppost ir-rikonoxximent tagħha.

▼M2

2.  Fuq talba ta' waħda mill-partijiet, il-qorti jew it-tribunal għandhom joħorġu ċertifikat dwar sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bl-użu tal-Formola standard D, kif tinsab fl-Anness IV, mingħajr ma jintalab ħlas addizzjonali. Fuq talba, il-qorti jew it-tribunal għandu jipprovdi lil dik il-parti biċ-ċertifikat bi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni billi jsir użu mill-formola standard dinamika multilingwi disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jobbliga lill-qorti jew lit-tribunal biex jipprovdi traduzzjoni u/jew translitterazzjoni tat-test imdaħħal fil-kaxxi għal test liberu ta' dak iċ-ċertifikat.

▼B

Artikolu 21

Proċedura ta’ eżekuzzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni għandhom ikunu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.

Sentenza li tingħata fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tiġi eżegwita taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.

2.  Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni għandha tipproduċi:

(a) kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u

▼M2

(b) iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 20(2) u, fejn meħtieġ, it-traduzzjoni tiegħu bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f'dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-proċedimenti tal-qorti jew tat-tribunal tal-post fejn tintalab l-eżekuzzjoni skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru, jew b'lingwa oħra li dak l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jkun indika li jista' jaċċetta.

▼B

3.  Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor m’għandhiex tkun meħtieġa li jkollha:

(a) rappreżentant awtorizzat; jew

(b) indirizz postali

fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni, minbarra aġenti bil-kompetenza fil-proċedura ta’ l-eżekuzzjoni.

4.  L-ebda garanzija, pleġġ jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni tagħhom, m’għandhom ikunu meħtieġa minn xi parti li, fi Stat Membru wieħed, tapplika għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma jkollhiex id-domiċilju tagħha jew ir-residenza fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.

▼M2

Artikolu 21a

Lingwa taċ-ċertifikat

1.  Kull Stat Membru jista' jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, diversi minn tiegħu stess, li hu jkun jista' jaċċetta għaċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 20(2).

2.  Kwalunkwe traduzzjoni tal-informazzjoni dwar is-sustanza tas-sentenza provduta f'ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) għandha ssir minn persuna kwalifikata li twettaq traduzzjonijiet f'wieħed mill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 22

Ċaħda ta’ l-eżekuzzjoni

1.  L-eżekuzzjoni, ma’ l-applikazzjoni mill-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, għandha tiġi miċħuda mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jekk is-sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti mogħtija fi kwalunkwe Stat Membru ieħor jew f’pajjiz terz, sakemm:

(a) is-sentenza preċedenti tkun involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet;

(b) is-sentenza preċedenti ngħatat fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jew tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni; u

(ċ) l-irrikonċiljabbiltà ma tqajmitx u ma setgħetx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċedimenti tal-qorti jew tribunal fl-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

2.  Sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma’ għandha taħt l-ebda ċirkostanza tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.

Artikolu 23

Sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni

Fejn parti kkontestat sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew tali kontestazzjoni għadha possibbli, jew fejn parti għamlet applikazzjoni għal reviżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 18, il-qorti, it-tribunal jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jistgħu, fuq applikazzjoni mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni:

(a) jillimitaw l-proċedimenti ta’ l-eżekuzzjoni għal miżuri protettivi;

(b) jagħmlu l-eżekuzzjoni kondizzjonali fuq l-għoti ta’ tali garanzija kif huma jiddeterminaw; jew

(ċ) taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, jissospendu l-proċedimenti ta’ l-eżekuzzjoni.

▼M2

Artikolu 23a

Soluzzjonijiet bil-qorti

Soluzzjoni bil-qorti approvata minn jew konkluża quddiem qorti jew tribunal matul Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u li hija infurzabbli fl-Istat Membru li fih il-proċedura tkun twettqet għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għal soluzzjonijiet bil-qorti.

▼B



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali u lill-ambjenti professjonali b’informazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, inklużi l-ispejjeż, b’mod partikolari permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali stabbilit skond id-Deċiżjoni 2001/470/KE.

▼M2

Artikolu 25

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri

1.  Sat-13 ta' Jannar 2017 l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a) il-qrati jew it-tribunali kompetenti sabiex jagħtu sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar;

(b) il-mezzi ta' komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u disponibbli għall-qrati jew tribunali skont l-Artikolu 4(1);

(c) l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jipprovdu għajnuna prattika skont l-Artikolu 11;

(d) il-mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi li huma teknikament disponibbli u ammissibbli taħt ir-regoli proċedurali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 13(1), (2) u (3), u l-mezzi, jekk hemm, sabiex jesprimu aċċettazzjoni minn qabel tal-użu ta' mezzi elettroniċi kif meħtieġ mill-Artikolu 13(1) u (2) disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom;

(e) il-persuni jew tipi ta' professjonijiet, jekk hemm, taħt obbligu legali li jaċċettaw notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet bil-miktub oħrajn b'mezzi elettroniċi f'konformità mal-Artikolu 13(1) u (2);

(f) it-tariffi tal-qorti tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew kif jiġu kkalkulati, kif ukoll il-metodi ta' ħlas aċċettati għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti skont l-Artikolu 15a;

(g) kwalunkwe appell disponibbli skont il-liġi proċedurali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 17, il-perijodu ta' żmien li fih għandu jitressaq tali appell, u l-qorti jew tribunal li quddiemu jista' jitressaq tali appell;

(h) il-proċeduri għall-applikazzjoni għal reviżjoni kif previst fl-Artikolu 18 u l-qrati jew tribunal kompetenti għal tali reviżjoni;

(i) il-lingwi li huma jaċċettaw skont l-Artikolu 21a(1); u

(j) l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għal dik l-informazzjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tara li l-informazzjoni kkomunikata f'konformità mal-paragrafu 1 tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' mezzi xierqa, pereżempju bħall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

Artikolu 26

Emendar tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I sa IV.

Artikolu 27

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 26 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-13 ta' Jannar 2016.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 26 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija m'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 26 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 28

Rieżami

1.  Sal-15 ta' Lulju 2022 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluża evalwazzjoni dwar jekk:

(a) żieda ulterjuri tal-limitu imsemmi fl-Artikolu 2(1) hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'każijiet transkonfinali; u

(b) estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, b'mod partikolari, għal talbiet għal remunerazzjoni, hijiex xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għall-impjegati f'tilwim dwar impjieg transkonfinali mal-impjegatur tagħhom, wara li jiġi kkunsidrat l-impatt sħiħ ta' tali estensjoni.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.

Għal dak l-għan u sal-15 ta' Lulju 2021 l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni rigward l-għadd ta' applikazzjonijiet taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar kif ukoll in-numru ta' talbiet għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

2.  Sal-15 ta' Lulju 2019 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar it-tixrid tal-informazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fl-Istati Membri, u tista' tipproduċi rakkomandazzjonijiet dwar kif din il-proċedura tista' ssir aktar magħrufa.

▼B

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 25, li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

▼C2




ANNESS I

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image




ANNESS II

image

image




ANNESS III

image

image

image




ANNESS IV

image

image



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).